Language of document :

Rikors ippreżentat fid-29 ta’ Diċembru 2023 – Alessio et vs BĊE

(Kawża T-1192/23)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Roberto Alessio (Torino, l-Italja) u 77 rikorrent ieħor (rappreżentanti: F. Ferraro u A. Califano, avukati)

Konvenut: Il-Bank Ċentrali Ewropew

Talbiet

Ir-rikorrenti jitlobu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tistabbilixxi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-BĊE u tikkundannah jikkumpensa d-danni patrimonjali u mhux patrimonjali li jirriżultaw mid-deċiżjoni li tissuġġetta lil Banca Carige għal amministrazzjoni straordinarja (Deċiżjoni tal-BĊE, ECB-SSM-2019-ITCAR-11 tal-1 ta’ Jannar 2019), mid-deċiżjonijiet ta’ proroga (deċiżjoni li permezz tagħha ġie estiż sat-30 ta’ Settembru 2019 il-perijodu tal-issuġġettar għall-amministrazzjoni straordinarja ECB-SSM-2019-ITCAR-13, tal-BĊE, tad-29 ta’ Marzu 2019; deċiżjoni tal-BĊE li estendiet sal-31 ta’ Diċembru 2019 il-perijodu tal-issuġġettar għall-amministrazzjoni straordinarja, tad-29 ta’ Settembru 2019; deċiżjoni tal-BĊE li estendiet sal-31 ta’ Jannar 2020 il-perijodu tal-issuġġettar għall-amministrazzjoni straordinarja, tad-19 ta’ Diċembru 2019), mir-rifjut ta’ aċċess għad-deċiżjonijiet tal-1 ta’ Jannar 2019 u tad-29 ta’ Marzu 2019 (LS/LDG/19/182 tal-BĊE, tad-29 ta’ Mejju 2019) u mill-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ sorveljanza fuq Banca Carige fil-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2019 sas-6 ta’ Diċembru 2023.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw 11-il motiv.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li l-BĊE wettaq ksur serju u manifest tal-prinċipju nemo auditur propriam turpitudinem allegans, kif ukoll tad-dmir ta’ diliġenza u tal-obbligu ta’ amministrazzjoni tajba, billi kkontribwixxa sabiex tiddgħajjef is-sitwazzjoni patrimonjali ta’ Banca Carige fil-perijodu ta’ qabel l-issuġġettar ta’ din tal-aħħar għar-reġim tal-amministrazzjoni straordinarja.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li l-BĊE wettaq ksur serju u manifest tal-Artikoli 27 sa 29 tad-Direttiva 2014/59/UE, tal-Artikolu 69 octiesdecies u tal-Artikolu 70 tat-Testo Unico Bancario italiano (T.U.B.), kif ukoll tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, bl-issuġġettar ta’ Banca Carige għar-reġim ta’ amministrazzjoni straordinarja b’mod illegali, kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fis-sentenza tal-11 ta’ Ottubru 2022, mogħtija fil-Kawża T-502/19, Corneli vs BĊE. Il-BĊE wettaq ukoll ksur serju u manifest tal-Artikolu 72 T.U.B., billi pprekluda l-eżerċizzju ta’ azzjoni għad-danni mill-azzjonisti rikorrenti tiegħu permezz tal-ħatra bħala amministraturi straordinarji ta’ persuni li jagħmlu parti mill-bord tad-diretturi tal-Banca Carige immedjatament qabel l-issuġġettar għar-reġim ta’ amministrazzjoni straordinarja.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li l-BĊE kiser b’mod suffiċjentement serju l-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti, billi l-ewwel ta x’jifhem b’mod ċar u espress li ma kienx hemm urġenza assoluta għal intervent fir-riorganizzazzjoni ta’ Banca Carige, u sussegwentement billi din tal-aħħar ġiet issuġġettata, ftit żmien wara, għar-reġim ta’ amministrazzjoni straordinarja. Fl-istess waqt, il-BĊE kiser il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali mal-amministrati f’li jintlaħqu l-għanijiet tal-Unjoni.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-fatt li l-BĊE wettaq ksur serju u manifest tal-Artikolu 63 TFUE u tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, sa fejn l-issuġġettar illegali ta’ Banca Carige għall-amministrazzjoni straordinarja u ż-żieda fil-kapital li segwiet, mingħajr għażla għall-azzjonisti rikorrenti, ċaħħdu b’mod arbitrarju lil dawn tal-aħħar mill-possibbiltà li jinvestu iktar f’Banca Carige u li jipparteċipaw fir-ristrutturazzjoni tagħha, għall-kuntrarju ta’ dak li ġara fil-kuntest tal-operazzjonijiet ta’ riorganizzazzjoni ta’ istituzzjonijiet oħra ta’ kreditu li kienu saru qabel.

Il-ħames motiv ibbażat fuq il-fatt li l-BĊE wettaq ksur serju u manifest tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 TUE, tal-Artikolu 15(1) TFUE u tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2004/258/KE 1 fil-qasam ta’ aċċess għal dokumenti tal-istituzzjonijiet, billi ċaħad b’mod illegali t-talbiet għal aċċess għad-deċiżjoni tiegħu tal-1 ta’ Jannar 2019, li jissuġġetta lil Banca Carige għall-amministrazzjoni straordinarja, kif turi s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni tad-29 ta’ Ġunju 2022, mogħtija fil-Kawża T-501/19, Corneli vs Il-BĊE.

Is-sitt motiv ibbażat fuq il-fatt li l-BĊE wettaq ksur serju u manifest tal-premessa 40 u tal-Artikolu 29(5) u (8) tad-Direttiva 2014/59/UE 1 , u tal-Artikoli 56 u 61 T.U.B., billi ma intervenix meta l-amministraturi straordinarji ħadu d-deċiżjoni illeġittima li jeskludu l-azzjonisti rikorrenti miż-żieda tal-kapital propost fil-kuntest tar-reġim ta’ amministrazzjoni straordinarja, billi ma eżerċitax l-istħarriġ tiegħu dwar l-irregolaritajiet tad-delegati fil-kuntest tal-vot relattiv għaż-żieda tal-kapital, billi ma eżerċitax l-istħarriġ tiegħu fuq in-natura effettiva tal-holding ta’ CCB fiż-żieda ta’ kapital.

Is-seba’ motiv ibbażat fuq il-fatt li l-BĊE implimenta d-deċiżjoni illeġittima li l-Banca Carige tiġi ssuġġettata għall-amministrazzjoni straordinarja, inkwantu ppermetta lill amministraturi l-ġodda maħtura minnu stess jadottaw atti fl-assenza ta’ kwalunkwe bażi legali, u ma ħax il-miżuri meħtieġa involuti fl-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ annullament.

It-tmien motiv ibbażat fuq il-fatt li l-BĊE wettaq ksur serju u manifest tad-dritt għal proprjetà tar-rikorrenti (Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea).

Id-disa’ motiv ibbażat fuq li l-BĊE wettaq ksur serju u manifest tad-dritt għal amministrazzjoni tajba (Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea).

L-għaxar motiv ibbażat fuq il-fatt li l-BĊE wettaq ksur serju u manifest tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti tal-istituzzjonijiet (Artikolu 15 TFUE u Artikolu 42 tal-Karta) u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali).

Il-ħdax-il motiv ibbażat fuq il-fatt li, jekk tiġi preżunta, quod non, l-illegalità tal-aġir tal-BĊE, ir-rikorrenti jitlobu li tiġi rrikonoxxuta r-responsabbiltà minħabba att leċitu tal-Awtorità Superviżorja tal-Unjoni.

____________

1 -Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-4 ta’ Marzu 2004 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Bank Ċentrali Ewropew (BCE/2004/3) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 5, p. 51).

1 Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 173, p. 190).