Language of document : ECLI:EU:T:2020:181

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża)

13 ta’ Mejju 2020 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Settur tal-ajru – Għajnuna mogħtija mill-Italja favur l-ajruporti ta’ Sardegna – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna parzjalment kompatibbli u parzjalment inkompatibbli mas-suq intern – Imputabbiltà lill-Istat – Benefiċjarji – Vantaġġ favur il-kumpanniji tal-ajru kontraenti – Prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq – Effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri – Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni – Obbligu ta’ motivazzjoni – Skema ta’ għajnuna – Għajnuna de minimis – Irkupru”

Fil-Kawża T‑716/17,

Germanwings GmbH, stabbilita f’Köln (il-Ġermanja), irrappreżentata minn A. Martin-Ehlers, avukat,

rikorrenti,

vs

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn T. Maxian Rusche u S. Noë, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1861 tad‑29 ta’ Lulju 2016 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA 33983 (2013/C) (ex 2012/NN) (ex 2011/N) – l-Italja – Kumpens lill-ajruporti ta’ Sardinja għall-obbligi ta’ servizz pubbliku (SIEĠ) (ĠU 2017, L 268, p. 1),

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża),

komposta minn S. Papasavvas, President, J. Svenningsen (Relatur), V. Valančius, Z. Csehi u P. Nihoul, Imħallfin,

Reġistratur: P. Cullen, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat-3 ta’ Ottubru 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

 Fuq il-miżuri kontenzjużi

1        Il-gżira ta’ Sardegna (l-Italja) għandha ħames ajruporti, fosthom dawk ta’ Alghero, ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia.

2        L-ajruport ta’ Alghero huwa operat minn So.Ge.A.Al SpA (iktar ’il quddiem “SOGEAAL”) li l-kapital tagħha ġie kompletament sottoskritt minn organi pubbliċi lokali u li l-maġġoranza tiegħu hija miżmuma mir-Regione autonoma della Sardegna (ir-Reġjun Awtonomu ta’ Sardegna, l-Italja, iktar ’il quddiem ir-“Reġjun Awtonomu”), inkluż indirettament permezz ta’ Società Finanziaria Industriale Regione Sardegna (SFIRS). Min-naħa tiegħu, l-ajruport ta’ Cagliari-Elmas huwa operat minn So.G.Aer SpA (iktar ’il quddiem “SOGAER”), kumpannija li l-maġġoranza tal-ishma tagħha hija miżmuma mill-Kamra tal-Kummerċ ta’ Cagliari (iktar ’il quddiem iċ-“CCIA ta’ Cagliari”), filwaqt li l-ajruport ta’ Olbia huwa operat minn GEASAR SpA (iktar ’il quddiem “GEASAR”), kumpannija rreġistrata f’Olbia li l-maġġoranza tal-ishma tagħha hija miżmuma minn impriża privata, Meridiana SpA.

 Fuq id-dispożizzjonijiet adottati mir-Reġjun Awtonomu

–       Fuq l-Artikolu 3 tal-Liġi Nru 10/2010

3        Fit-13 ta’ April 2010, ir-Reġjun Awtonomu adotta l-legge regionale n. 10 – Misure per lo sviluppo del trasporto aereo (il-Liġi Reġjonali Nru 10 – Miżuri għall-Iżvilupp tat-Trasport bl-Ajru) (Bollettino ufficiale della Regione autonoma della Sardegna Nru 12, tas-16 ta’ April 2010) (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 10/2010”).

4        L-Artikolu 3 tal-Liġi Nru 10/2010, intitolat “Inċentivi għall-aġġustamenti staġjonali tar-rotot tal-arju tal-gżira” (Incentivi alla destagionalizzazione dei collegamenti aerei isolani), jaqra kif ġej:

“1. Għandu jkun awtorizzat infiq ta’ [EUR] 19 700 000 għas-sena 2010 u ta’ [EUR] 24 500 000 għal kull waħda mis-snin 2011 sa 2013 għall-finanzjament tal-ajruporti tal-gżira għall-finijiet tat-tisħiħ u tal-iżvilupp tat-trasport bl-ajru bħala servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali, inkluż permezz tal-aġġustamenti staġjonali tar-rotot tal-ajru, skont il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2005/C 312/01 dwar linji gwida Komunitarji dwar il-finanzjament tal-ajruporti u l-għajnuna mill-Istat tal-bidu lill-kumpanniji tal-ajru li jitilqu minn ajruporti reġjonali.

2. Il-kriterji, in-natura u t-tul tal-offerta ta’ trasport kif ukoll id-direttivi għat-tfassil tal-pjanijiet ta’ attivitajiet min-naħa tal-kumpanniji ta’ amministrazzjoni ta’ ajruporti, li jieħdu inkunsiderazzjoni l-miżuri dwar il-kontinwità territorjali previsti fl-Artikolu 2, għandhom ikunu ddefiniti permezz ta’ riżoluzzjoni tal-Eżekuttiv Reġjonali, li għandha tiġi adottata fuq proposta tal-Kunsillier Reġjonali għat-trasport, bi qbil mal-Kunsilliera għall-ippjanar, għall-baġit, għall-kreditu u għall-iżvilupp reġjonali, għat-turiżmu, għall-artiġjanat u għall-kummerċ, għall-agrikultura u għar-riforma tal-agrikoltura u tat-trobbija tal-bhejjem, għall-patrimonju kulturali, għall-informazzjoni, għad-divertiment u għall-isport.

3. Ir-riżoluzzjoni prevista fil-paragrafu 2 u l-pjanijiet ta’ attivitajiet, inklużi dawk diġà ddefiniti mill-kumpanniji ta’ amministrazzjoni ta’ ajruporti fid-data ta’ dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, flimkien mal-atti u mal-kuntratti korrispondenti, għandhom ikunu ffinanzjati jekk ikunu stabbiliti skont il-kriterji, in-natura, it-tul tal-offerta ta’ trasport u d-direttivi previsti fil-paragrafu 2 u għandhom jiġu sottomessi minn qabel lill-kummissjoni kompetenti għal opinjoni vinkolanti.”

–       Fuq l-atti ta’ implimentazzjoni tal-Liġi Nru 10/2010

5        Konformement mal-Artikolu 3(2) tal-Liġi Nru 10/2010, l-Eżekuttiv tar-Reġjun Awtonomu adotta diversi atti ta’ implimentazzjoni tal-miżuri previsti f’dan l-Artikolu 3 (iktar ’il quddiem l-“atti ta’ implimentazzjoni”), b’mod partikolari d-deliberazione della Giunta regionale n. 29/36 (id-Deċiżjoni tal-Kunsill Reġjonali Nru 29/36), tad-29 ta’ Lulju 2010 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Reġjonali Nru 29/36”), id-deliberazione della Giunta regionale n. 43/37 (id-Deċiżjoni tal-Kunsill Reġjonali Nru 43/37), tas-6 ta’ Diċembru 2010 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Reġjonali Nru 43/37”), u d-deliberazione della Giunta regionale n. 52/117 (id-Deċiżjoni tal-Kunsill Reġjonali Nru 52/117), tat-23 ta’ Diċembru 2011 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Reġjonali Nru 52/117”), (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien mal-Artikolu 3 tal-Liġi Nru 10/2010, il-“miżuri kontenzjużi”).

6        Dawn l-atti ta’ implimentazzjoni jiddefinixxu essenzjalment tliet gruppi ta’ “attivitajiet” li għalihom l-operaturi tal-ajruporti setgħu jirċievu kumpens mingħand ir-Reġjun Awtonomu għas-snin 2010 sa 2013, jiġifieri:

–        iż-żieda fit-traffiku tal-ajru mill-kumpanniji tal-ajru (iktar ’il quddiem l-“attività 1”);

–        il-promozzjoni tal-gżira ta’ Sardegna bħala destinazzjoni turistika mill-kumpanniji tal-ajru (iktar ’il quddiem l-“attività 2”);

–        attivitajiet oħra ta’ promozzjoni fdati mill-operaturi tal-ajruporti, f’isem ir-Reġjun Awtonomu, lil fornituri ta’ servizzi terzi li ma humiex kumpanniji tal-ajru (iktar ’il quddiem l-“attività 3”).

7        Id-Deċiżjoni Reġjonali Nru 29/36, minn naħa, kienet tispeċifika li, fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 3 tal-Liġi Nru 10/2010, l-għan li titnaqqas in-natura staġjonali tar-rotot tal-ajru kien jikkonsisti fiż-żieda fil-frekwenza tat-titjiriet fix-xhur ta’ bejn l-istaġuni u fl-istaġun tax-xitwa kif ukoll fil-ftuħ ta’ rotot tal-ajru ġodda. Min-naħa l-oħra, din id-deċiżjoni kienet tindika li l-għan aħħari, li l-miżuri previsti fl-Artikolu 3 tal-Liġi Nru 10/2010 għall-promozzjoni ta’ politika reġjonali ta’ trasport bl-ajru kienu jfittxu li jilħqu, kien it-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, kif ukoll l-iżvilupp tal-ekonomiji lokali, tat-turiżmu u tal-kultura tal-gżira ta’ Sardegna.

8        F’dan ir-rigward, id-Deċiżjoni Reġjonali Nru 29/36 kienet tiddefinixxi l-kriterji, in-natura u t-tul tas-servizzi ta’ trasport li għalihom seta’ jingħata kumpens matul il-perijodu 2010‑2013 kif ukoll linji gwida għat-tfassil u għall-evalwazzjoni tal-“pjanijiet ta’ attivitajiet” ifformulati mill-operaturi tal-ajruporti.

9        B’mod konkret, sabiex jirċievi finanzjament previst mil-Liġi Nru 10/2010, operatur tal-ajruport kellu jissottometti pjan ta’ attivitajiet iddettaljat għall-approvazzjoni lir-Reġjun Awtonomu. Dan il-pjan kellu jidentifika liema attivitajiet, minn fost l-attivitajiet 1 sa 3 msemmija fil-punt 6 iktar ’il fuq, l-operatur tal-ajruport kellu l-intenzjoni li jimplimenta sabiex jilħaq l-għanijiet tal-Liġi Nru 10/2010. Dan il-pjan kellu eventwalment jitwettaq permezz ta’ ftehimiet speċifiċi bejn l-operatur tal-ajruport u kumpanniji tal-ajru.

10      Meta operatur tal-ajruport kien jixtieq jirċievi finanzjament għall-attività 1, il-pjan ta’ attivitajiet li kien jippreżenta lir-Reġjun Awtonomu kellu jidentifika “rotot ta’ interess strateġiku” (nazzjonali u internazzjonali) u jiddefinixxi miri annwali fir-rigward ta’ frekwenza tat-titjiriet, ta’ rotot ġodda u ta’ numru ta’ passiġġieri.

11      Skont l-awtoritajiet Taljani, l-operat ta’ dawn ir-rotot ta’ interess strateġiku kien jikkostitwixxi s-servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali li l-kumpanniji tal-ajru kienu jipprovdu inkambju għal kumpens.

12      Pjan ta’ attivitajiet li jimplimenta l-attività 2 kellu jiddefinixxi attivitajiet speċifiċi ta’ marketing u ta’ reklamar li kienu jfittxu li jżidu n-numru ta’ passiġġieri u li jippromwovu ż-żona moqdija mill-ajruport.

13      Id-Deċiżjoni Reġjonali Nru 29/36 kienet tipprovdi li l-pjanijiet ta’ attivitajiet kellhom jiġu sostnuti minn previżjonijiet dwar il-prospetti ta’ profittabbiltà tal-attivitajiet identifikati minnhom.

14      Mid-Deċiżjoni Reġjonali Nru 29/36 jirriżulta li l-pjanijiet ta’ attivitajiet kellhom josservaw ċerti prinċipji:

–        ir-rotot ta’ interess strateġiku ddeterminati mill-pjanijiet ma setgħux jikkoinċidu mar-rotot diġà operati fil-kuntest ta’ sistema ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku;

–        il-finanzjament mogħti għal kull rotta ssussidjata kellu jonqos maż-żmien;

–        il-ftehim finanzjarju konkluż mal-kumpanniji tal-ajru kellu jinkludi pjan ta’ promozzjoni tat-territorju.

15      Fil-każ li r-Reġjun Awtonomu kellu jikkonstata inkoerenzi bejn, minn naħa, il-pjanijiet ta’ attivitajiet ippreżentati mill-operaturi tal-ajruporti u, min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 10/2010 u l-atti ta’ implimentazzjoni tagħha, dan seta’ jeżiġi li dawn il-pjanijiet ta’ attivitajiet jiġu emendati.

16      Wara li jkun approva d-diversi pjanijiet ta’ attivitajiet li jkunu ġew sottomessi lilu mill-operaturi tal-ajruporti, ir-Reġjun Awtonomu kien iqassam ir-riżorsi finanzjarji disponibbli għal kull waħda mis-snin 2010 sa 2013 bejn l-operaturi tal-ajruporti.

17      Meta t-total tal-kontribuzzjonijiet mitluba mill-operaturi tal-ajruporti kien ikun ogħla mill-ammont previst mil-Liġi Nru 10/2010, id-Deċiżjoni Reġjonali Nru 29/36 kienet tipprevedi kriterji ta’ attribuzzjoni preferenzjali.

18      L-ammonti definittivi tal-kontribuzzjonijiet annwali kienu ddeterminati a posteriori, fid-dawl tal-ammonti, eventwalment iktar baxxi minn dawk previsti fil-pjanijiet ta’ attivitajiet, li effettivament ikunu tħallsu mill-operaturi tal-ajruporti fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-imsemmija pjanijiet. Għall-finijiet li jiġu kkonfermati dawn l-ammonti, dawn l-operaturi kellhom jippreżentaw rapporti li jispeċifikaw b’mod partikolari l-ispejjeż effettivament inkorsi għall-azzjonijiet meħuda u li kellu jkollhom magħhom dokumenti ta’ sostenn.

19      Barra minn hekk, l-atti ta’ implimentazzjoni kienu jipprovdu li l-operaturi tal-ajruporti kellhom jissorveljaw il-prestazzjoni tal-kumpanniji tal-ajru. B’mod partikolari, dawn kienu jimponu li l-ftehimiet speċifiċi konklużi bejn l-operaturi tal-ajruporti u l-kumpanniji tal-ajru jipprevedu l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet fuq il-kumpanniji tal-ajru fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-miri ddefiniti minn qabel, b’mod partikolari fir-rigward ta’ frekwenza tat-titjiriet u ta’ numru ta’ passiġġieri.

20      Fl-aħħar nett, il-kontribuzzjonijiet tar-Reġjun Awtonomu kienu jitħallsu permezz ta’ fond reġjonali ad hoc ikkostitwit u amministrat minn SFIRS, li kien iżomm 4 % mill-ammonti totali definittivi tal-imsemmija kontribuzzjonijiet. Barra minn hekk, peress li porzjon waħda biss, li kienet tikkorrispondi għal 20 % tal-fondi dovuti fir-rigward ta’ sena ta’ referenza, kienet titħallas a priori, l-operaturi tal-ajruporti setgħu jitolbu ħlasijiet finanzjarji bil-quddiem mingħand SFIRS, li kienu jingħataw inkambju għal ħlas ta’ kummissjonijiet u interessi.

 Fuq il-kuntratt kontenzjuż

21      Ir-rikorrenti, Germanwings GmbH, hija kumpannija tal-ajru ta’ trasport ta’ passiġġieri “low-cost”, attiva mill-2002, li topera b’mod partikolari netwerk ta’ rotot ta’ distanza qasira, medja u twila, prinċipalment lejn u minn ajruporti tal-Unjoni Ewropea, inkluż dak ta’ Cagliari-Elmas.

22      SOGAER, l-operatur tal-ajruport ta’ Cagliari-Elmas, ippubblikat, fis-sit internet tagħha, avviż li jistieden lill-kumpanniji tal-ajru jippreżentawlha pjanijiet tal-operat għal rotot minn u lejn dan l-ajruport kif ukoll għall-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ marketing intiżi li tiġi promossa l-gżira ta’ Sardegna.

23      SOGAER ippreżentat lir-Reġjun Awtonomu pjanijiet ta’ attivitajiet għas-sena 2010 u għall-perijodu ta’ tliet snin 2011‑2013, flimkien mal-applikazzjonijiet għal finanzjament korrispondenti. Dawn il-pjanijiet ġew approvati u l-ammonti attribwiti lil SOGAER għall-2010 u għall-perijodu mill-2011 sal-2013 ġew iffissati permezz tad-Deċiżjonijiet Reġjonali Nru 43/37 u Nru 52/117, rispettivament.

24      F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti u SOGAER ikkonkludew kuntratt fl-2012 (iktar ’il quddiem il-“kuntratt kontenzjuż”). Permezz ta’ dan il-kuntratt, ir-rikorrenti impenjat ruħha, inkambju għal remunerazzjoni ta’ ammont ta’ EUR 30 000, li tippromwovi r-reġjun ta’ Sardegna, Cagliari kif ukoll ir-rotot diretti tagħha bejn Cagliari-Elmas u Köln-Bonn (il-Ġermanja) kif ukoll bejn Cagliari-Elmas u Stuttgart (il-Ġermanja). Għal dan il-għan, ir-rikorrenti fdat l-organizzazzjoni ta’ kampanja ta’ promozzjoni lil fornitur ta’ servizzi terz, għal spiża totali ta’ EUR 40 000.18, u d-differenza mill-ammont ta’ EUR 30 000 li kien joriġina minn SOGAER ġiet koperta mir-rikorrenti. Din il-kampanja ta’ promozzjoni seħħet bejn l-10 ta’ Diċembru 2012 u d-9 ta’ Jannar 2013.

25      Fl-20 ta’ Diċembru 2012, ir-rikorrenti ħarġet fattura għal ammont ta’ EUR 30 000. SOGAER onorat din il-fattura billi ħallset l-imsemmi ammont permezz ta’ trasferiment elettroniku tad-19 ta’ April 2013 (iktar ’il quddiem il-“ħlas kontenzjuż”).

 Fuq id-deċiżjoni kkontestata

26      Fit-30 ta’ Novembru 2011, ir-Repubblika Taljana, konformement mal-Artikolu 108(3) TFUE, innotifikat lill-Kummissjoni l-Liġi Nru 10/2010, liema miżura ġiet eżaminata skont il-Kapitolu III tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat‑22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-MT, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).

27      Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Jannar 2013, il-Kummissjoni informat lir-Repubblika Taljana bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE fir-rigward tal-iskema nnotifikata (iktar ’il quddiem l-“iskema ta’ għajnuna kontenzjuża”). Permezz tal-pubblikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fit-30 ta’ Mejju 2013 (ĠU 2013, C 152, p. 30), il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-allegata skema ta’ għajnuna.

28      L-awtoritajiet Taljani kif ukoll partijiet interessati, inklużi l-operaturi tal-ajruporti ta’ Alghero, ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia, ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Ir-rikorrenti ma ppreżentatx osservazzjonijiet bil-miktub. Il-Kummissjoni bagħtet l-osservazzjonijiet tal-partijiet interessati lill-awtoritajiet Taljani, li setgħu jippreżentaw il-kummenti tagħhom fuq dawn l-osservazzjonijiet.

29      Permezz ta’ ittri tal-24 ta’ Frar 2014, il-Kummissjoni informat lill-partijiet interessati bl-adozzjoni, fl-20 ta’ Frar 2014, ta’ komunikazzjoni intitolata “Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ajruporti u l-linji tal-ajru” (ĠU 2014, C 99, p. 3), u bil-fatt li dawn il-linji gwida kienu ser japplikaw f’dan il-każ mid-data tal-pubblikazzjoni tagħhom fil-Ġurnal Uffiċjali. Fil-15 ta’ April 2014, komunikazzjoni li tistieden lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-applikazzjoni għal dan il-każ tal-imsemmija linji gwida, u dan f’terminu ta’ xahar mid-data tal-pubblikazzjoni tal-imsemmija linji gwida, ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali (ĠU 2014, C 113, p. 30).

30      Fid-29 ta’ Lulju 2016, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni (UE) 2017/1861 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA 33983 (2013/C) (ex 2012/NN) (ex 2011/N) – l-Italja – Kumpens lill-ajruporti ta’ Sardinja għall-obbligi ta’ servizz pubbliku (SIEĠ) (ĠU 2017, L 268, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li d-dispożittiv tagħha jaqra kif ġej:

Artikolu 1

1. L-iskema li l-Italja stabbilixxiet bil-liġi [Nru 10/2010] ma tinvolvix għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) [TFUE] favur SOGEAAL […], SOGAER […] u GEASAR […]

2. L-iskema li stabbiliet l-Italja permezz tal-Liġi 10/2010 tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat favur Ryanair/AMS, easyJet, Air Berlin, Meridiana, Alitalia, Air Italy, Volotea, Wizzair, Norwegian, JET2.COM, Niki, Tourparade, [ir-rikorrenti], Air Baltic u Vueling, għaliex din hija marbuta mal-operazzjonijiet ta’ dawn il-linji tal-ajru fl-ajruport Cagliari-Elmas u l-ajruport ta’ Olbia.

3. L-għajnuna tal-Istat imsemmija fil-Paragrafu 2 iddaħħlet fis-seħħ mill-Italja bil-ksur tal-Artikolu 108(3) [TFUE].

4. L-għajnuna mill-Istat imsemmija fl-Paragrafu 2 hija inkompatibbli mas-suq intern.

Artikolu 2

1. L-Italja għandha tirkupra mingħand il-benefiċjarji l-għajnuna mill-Istat imsemmija fl-Artikolu 1(2).

[…]

3. Is-somom li jridu jiġu rkuprati għandu jkollhom l-imgħax mid-data li fiha jkunu tpoġġew għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarji sal-irkupru effettiv tagħhom.

[…]

5. L-Italja għandha tikkanċella l-ħlas kollu ta’ għajnuna pendenti kif imsemmi fl-Artikolu 1(2) b’effett mid-data ta’ adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

1. L-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1(2) għandu jkun immedjat u effettiv.

2. L-Italja għandha tiżgura li din id-Deċiżjoni tkun implimentata fi żmien erba’ xhur mid-data tan-notifika tagħha ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

1. Fi żmien xahrejn min-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, l-Italja għandha tagħti l-informazzjoni li ġejja:

–        il-lista tal-benefiċjarji li rċevew l-għajnuna abbażi tal-iskema msemmija fl-Artikolu 1(2) u l-ammont totali tal-għajnuna li kull wieħed minnhom irċieva abbażi ta’ tal-iskema;

–        L-ammont totali (l-imgħax prinċipali u fuq l-irkupru) li jrid jiġi rkuprat mingħand kull benefiċjarju;

–        Deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri diġà ttieħdu u li huma ppjanati biex tikkonforma ma’ din id-Deċiżjoni;

–        Dokumenti li juru li l-benefiċjarji ġew ordnati jroddu lura l-għajnuna.

2. L-Italja għandha żżomm lill-Kummissjoni infurmata bil-progress tal-miżuri nazzjonali li ttieħdu għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni sakemm l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 2 tkun irkuprata għal kollox. Hija għandha immedjatament tibgħat, fuq sempliċi talba tal-Kummissjoni, informazzjoni dwar il-miżuri li jkunu ttieħdu diġà u li huma previsti għall-konformità ma’ din id-Deċiżjoni. Hija għandha tipprovdi wkoll informazzjoni dettaljata dwar l-ammonti ta’ għajnuna u l-imgħaxijiet fuq l-irkupru li diġà ġew irkuprati mingħand il-benefiċjarji.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.”

31      F’dak li jirrigwarda l-portata tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat, fil-premessi 344 sa 346 ta’ din id-deċiżjoni, li din tal-aħħar ma kellhiex tkopri l-miżuri ta’ għajnuna li diġà kienu s-suġġett ta’ investigazzjoni, separata, li tirrigwarda l-ajruport ta’ Alghero. Fil-fatt, f’dak li jirrigwarda dan l-ajruport, kuntratti konklużi bejn SOGEAAL u l-kumpannija Ryanair Ltd, diġà fl-2003 u estiżi minn dak iż-żmien ’il quddiem, kienu s-suġġett ta’ lment imressaq minn kumpannija tal-ajru Taljana. Dan wassal għall-ftuħ, mill-Kummissjoni, fit-12 ta’ Settembru 2007, tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE f’dak li kien jirrigwarda għajnuna mill-Istat allegatament mogħtija lil u mill-Ajruport ta’ Alghero favur Ryanair u trasportaturi bl-ajru oħrajn (ĠU 2008, C 12, p. 7). Fis-27 ta’ Ġunju 2012, din il-proċedura ġiet estiża, sabiex jiġu inklużi miżuri supplimentari meħuda mill-Italja li ma kinux is-suġġett tal-ilment inizjali (ĠU 2013, C 40, p. 15), li fosthom kien hemm “[i]l-miżuri kollha mogħtija lil Ryanair u s-sussidjarja tiegħu AMS, kif ukoll lill-kumpaniji tal-ajru li għamlu użu mill-ajruport [ta’ Alghero] sa mis-sena 2000 […] [li b’]mod partikolari […] jinkludu għotjiet ta’ kontribuzzjonijiet finanzjarji mogħtija direttament minn SOGEAAL jew trażmessi minnha permezz ta’ bosta ftehimiet dwar servizzi tal-ajruport u ftehimiet dwar servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni li saru ma’ Ryanair u ma’ trasportaturi oħra tal-ajru sa mis-sena ‑2000”.

32      L-imsemmija proċedura wasslet għall-adozzjoni mill-Kummissjoni tad-Deċiżjoni (UE) 2015/1584 tal‑1 ta’ Ottubru 2014 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.23098 (C 37/07) (ex NN 36/07) implimentata mill-Italja favur is-Società di Gestione dell’Aeroporto di Alghero So.Ge.A.AL S.p.A. u diversi trasportaturi tal-ajru li joperaw fl-ajruport ta’ Alghero (ĠU 2015, L 250, p. 38), li fiha l-Kummissjoni b’mod partikolari qieset, b’applikazzjoni tal-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq, li kuntratti konklużi minn SOGEAAL, ikkontrollata mill-imsemmi reġjun, ma’ ċerti kumpanniji tal-ajru u li jirrigwardaw il-promozzjoni jew it-tnedija ta’ rotot tal-ajru ġodda minn u lejn l-ajruport ta’ Alghero kif ukoll attivitajiet ta’ marketing u ta’ reklamar ma kinux jikkostitwixxu għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. F’dak li jirrigwarda l-kumpanniji tal-ajru l-oħra, fosthom ir-rikorrenti, li kkonkludew kuntratti analogi ma’ SOGEAAL, il-Kummissjoni qieset li dawn il-kuntratti kienu jikkostitwixxu għajnuna, fis-sens tal-istess dispożizzjoni, li kienet inkompatibbli mas-suq intern.

33      Fir-rigward tal-perijodu mill-2010 sal-2013, ir-rikorrenti madankollu ma kkonkludiet ebda kuntratt ma’ SOGEAAL li jaqa’ taħt l-iskema ta’ għajnuna stabbilita mil-Liġi Nru 10/2010.

34      F’dan ir-rigward, għalkemm mhux il-ħlasijiet kollha mwettqa minn SOGEAAL għas-servizzi li jaqgħu taħt l-attivitajiet 1 u 2 previsti mil-Liġi Nru 10/2010 kienu twettqu skont il-kuntratti eżaminati fil-kuntest tal-investigazzjoni separata li tirrigwarda esklużivament l-ajruport ta’ Alghero, il-Kummissjoni qieset li l-maġġoranza kbira tagħhom kienet ġiet evalwata fil-kuntest ta’ dak il-każ l-ieħor. Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrilevat li “mhux dejjem [kienet] xi ħaġa ovvja li fil-każijiet kollha ssir distinzjoni ċara minħabba li r-relazzjoni finanzjarja bejn SOGEAAL u linja tal-ajru partikolari fil-perjodu rilevanti [setgħet] tkun immexxija minn kuntratti varji li xi ftit minnhom biss [kienu] ġew ikkunsidrati [fil-każ li wassal għad-Deċiżjoni 2015/1584]”. Għaldaqstant, hija qieset li kellhom jiġu esklużi mill-portata tad-deċiżjoni kkontestata l-ftehimiet kollha konklużi bejn il-kumpanniji tal-ajru u SOGEAAL fil-kuntest tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni f’dan il-każ, jiġifieri, fi kliem ieħor, il-parti tal-miżuri kontenzjużi li tirrigwarda l-ajruport ta’ Alghero.

35      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni qieset, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-proċedura miftuħa f’dan il-każ ma kinitx tirrigwarda l-għajnuna potenzjali mogħtija mill-operaturi tal-ajruporti lil fornituri ta’ servizzi differenti mill-kumpanniji tal-ajru u li jaqgħu taħt l-attività 3. Għaldaqstant, hija qieset, fil-premessa 346 tad-deċiżjoni kkontestata, li ma setgħetx tieħu pożizzjoni fuq dan il-punt.

 Fuq l-iżviluppi sussegwenti għad-deċiżjoni kkontestata

36      Ir-rikorrenti saret taf bid-deċiżjoni kkontestata permezz ta’ ittra tar-Reġjun Awtonomu tal-4 ta’ Awwissu 2016, li hija rċeviet fil-15 ta’ Awwissu 2016. F’din l-ittra, ir-Reġjun Awtonomu informa lir-rikorrenti bl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u stedinha tindika, abbażi ta’ verżjoni mqassra tad-deċiżjoni kkontestata annessa mal-imsemmija ittra, liema data kellha titħalla barra mill-verżjoni ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali, liema pubblikazzjoni seħħet fit-18 ta’ Ottubru 2017.

37      Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Awwissu 2016, ir-rikorrenti wieġbet lir-Reġjun Awtonomu billi indikat li ma kinitx f’pożizzjoni li tifhem id-deċiżjoni kkontestata kompletament, minħabba l-estratti neqsin. F’din l-ittra, hija madankollu identifikat l-elementi li hija qieset li kienu kunfidenzjali.

38      Fis-7 ta’ Ġunju 2017, ir-Reġjun Awtonomu adotta deċiżjoni ta’ rkupru, innotifikata lir-rikorrenti fl-10 ta’ Awwissu 2017, li kellha magħha kopja tad-deċiżjoni kkontestata f’verżjoni mhux kunfidenzjali fir-rigward tar-rikorrenti. L-imsemmija deċiżjoni ordnat lir-rikorrenti tħallas lura lir-Reġjun Awtonomu ammont ta’ EUR 28 881, flimkien ma’ interessi ekwivalenti għal EUR 1 678.48, jiġifieri total ta’ EUR 30 559.48.

39      Wara din id-deċiżjoni ta’ rkupru, ir-rikorrenti, permezz ta’ posta elettronika tal-14 ta’ Awwissu 2017, ikkontestat quddiem il-Kummissjoni l-obbligu li tħallas lura l-ammont mitlub fl-imsemmija deċiżjoni, sa fejn dan kien jikkostitwixxi għajnuna de minimis fis-sens tar-Regolament tal-Kummissjoni tal‑15 ta’ Diċembru 2006 dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli [107 u 108 TFUE] dwar l-għajnuna de minimis (ĠU 2007, L 314M, p. 654, iktar ’il quddiem ir-“Regolament de minimis 2006”). Barra minn hekk, ir-rikorrenti talbet lill-Kummissjoni tipprovdi konferma bil-miktub li fuqha hija tkun tista’ tibbaża ruħha fil-kuntest ta’ rikors nazzjonali li hija kellha l-intenzjoni tippreżenta kontra l-imsemmija deċiżjoni.

40      Permezz ta’ posta elettronika tat-18 ta’ Awwissu 2017, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li hija ma setgħetx tipprovdi l-konferma mitluba, filwaqt li speċifikat b’mod partikolari, minn naħa, li d-deċiżjoni kkontestata la kienet tipprevedi deroga mill-obbligu ta’ rkupru għall-għajnuna de minimis taħt is-sistema tar-Regolament de minimis 2006 u lanqas taħt is-sistema tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1407/2013 tat‑18 ta’ Diċembru 2013 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 [TFUE] għall-għajnuna de minimis (ĠU 2013, L 352, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament de minimis 2013”), u, min-naħa l-oħra, li l-“kundizzjoni ta’ trasparenza”, prevista f’kull wieħed minn dawn ir-regolamenti, ma kinitx issodisfatta.

41      Permezz ta’ posta elettronika tat-23 ta’ Awwissu 2017, ir-rikorrenti kkontestat l-analiżi tal-Kummissjoni. Sussegwentement, ir-rikorrenti kkuntattjat permezz tat-telefon is-Servizz Ġuridiku tal-Kummissjoni, li informaha, f’posta elettronika tat-13 ta’ Ottubru 2017, li l-pożizzjoni tad-dipartimenti tal-Kummissjoni ma kinitx inbidlet.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

42      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Ottubru 2017, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

43      Fil-5 ta’ April 2018 u wara skambju doppju ta’ noti, ingħalqet il-fażi bil-miktub tal-proċedura.

44      Fis-16 ta’ Mejju 2018, il-Qorti Ġenerali, wara li semgħet lill-partijiet, iddeċidiet li tissospendi l-proċedura sakemm tingħalaq il-fażi bil-miktub tal-proċedura fil-kawżi konnessi Ryanair u Airport Marketing Services vs Il‑Kummissjoni (T‑833/17) u easyJet Airline vs Il‑Kummissjoni (T‑8/18), liema għeluq seħħ f’dawn il-kawżi fil-21 ta’ Settembru u fit-23 ta’ Lulju 2018, rispettivament.

45      Fid-19 ta’ Ġunju 2019, il-Qorti Ġenerali, waqt il-laqgħa plenarja tagħha, iddeċidiet, fuq proposta tal-Ewwel Awla u tal-Viċi President, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, li tibgħat il-kawża quddiem l-Ewwel Awla kkostitwita minn kulleġġ ġudikanti estiż għal ħames Imħallfin.

46      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali sussegwentement iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura. Fid-dawl ta’ dan, ir-rikorrenti u l-Kummissjoni ġew mistiedna jipproduċu dokumenti u jwieġbu bil-miktub għal mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali abbażi ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura. Huma kkonformaw ruħhom ma’ dawn il-miżuri fit-terminu mogħti, fit-3 ta’ Settembru 2019. Fis-6 ta’ Settembru 2019, il-Kummissjoni sussegwentement ippreżentat tweġiba addizzjonali għall-imsemmija miżuri ta’ organizzazzjoni, li ddaħħlet fil-proċess.

47      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu waqt is-seduta tat-3 ta’ Ottubru 2019. F’din l-okkażjoni, il-Kummissjoni speċifikat li, kuntrarjament għat-termini tal-kontroreplika, li kienet tindika li hija kienet qiegħda titlob li r-rikors jiġi miċħud bħala inammissibbli jew, sussidjarjament, bħala infondat, hija fir-realtà kienet qiegħda titlob li r-rikors jiġi miċħud bħala infondat.

48      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata u, b’mod partikolari, l-Artikolu 1(2) tagħha, sa fejn dan jirreferi għar-rikorrenti, kif ukoll l-Artikolu 2(1) tagħha, sa fejn l-irkupru ordnat jirrigwarda lir-rikorrenti;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

49      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

50      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tqajjem tliet motivi ta’ annullament tad-deċiżjoni kkontestata, ibbażati essenzjalment:

–        l-ewwel nett, fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn il-Kummissjoni ma pprovatx l-eżistenza ta’ għajnuna, minħabba li naqset milli teżamina jekk SOGAER kinitx aġixxiet bħala operatur privat f’ekonomija tas-suq;

–        it-tieni nett, fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn il-Kummissjoni ma pprovatx li l-għajnuna li minnha bbenefikat ir-rikorrenti kienet twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u kienet taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri;

–        it-tielet nett, fuq żball ta’ liġi għar-raġuni li l-Kummissjoni ma eżaminatx jekk il-ħlas kontenzjuż kienx jikkostitwixxi għajnuna de minimis.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn il-Kummissjoni ma pprovatx l-eżistenza ta’ għajnuna, minħabba li naqset milli teżamina jekk SOGAER kinitx aġixxiet bħala operatur privat f’ekonomija tas-suq

51      Insostenn tal-ewwel motiv, li jinqasam f’żewġ partijiet, ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni ma pprovatx l-eżistenza ta’ għajnuna favur tagħha. Fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li, peress li għandha ssir distinzjoni bejn żewġ “livelli” differenti, jiġifieri dak tar-Reġjun Awtonomu u dak tal-operaturi tal-ajruporti, il-livell rilevanti sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, kuntrarjament għall-approċċ segwit fid-deċiżjoni kkontestata, huwa dak tal-operaturi tal-ajruporti, fosthom SOGAER fl-ewwel lok.

52      Fil-kuntest tat-tieni parti, ir-rikorrenti ssostni li eżami tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat fuq il-livell ta’ SOGAER kien jippermetti lill-Kummissjoni tikkonkludi li l-ħlas kontenzjuż kien jaqa’ taħt applikazzjoni tal-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq (iktar ’il quddiem il-“prinċipju tal-operatur privat”).

53      Il-Kummissjoni titlob li l-ewwel motiv jiġi miċħud bħala ineffettiv u, fi kwalunkwe każ, infondat. Barra minn hekk, hija tqajjem diversi eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà li dwarhom, sa fejn dawn jirrigwardaw kull waħda miż-żewġ partijiet tal-ewwel motiv, għandha tingħata deċiżjoni fil-kuntest tal-eżami ta’ dawn il-partijiet, waħda wara l-oħra.

 Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv, dwar il-livell rilevanti sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat

54      Ir-rikorrenti ssostni li, sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat f’dan il-każ, il-livell rilevanti ta’ analiżi kien il-livell ta’ SOGAER, peress li kellu, essenzjalment, jiġi eżaminat l-aġir ta’ din tal-aħħar indipendentement mill-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża stabbilita mir-Reġjun Awtonomu.

55      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tenfasizza li l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża ma tinkludix, fiha nnifisha, sussidju favur tagħha. Fil-fatt, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessi 76, 78 u 86(d) tad-deċiżjoni kkontestata, ir-Reġjun Awtonomu qiegħed il-fondi tiegħu għad-dispożizzjoni tal-operaturi tal-ajruporti u mhux tal-kumpanniji tal-ajru, li magħhom, barra minn hekk, hija ma kellha ebda relazzjoni kuntrattwali. L-iktar l-iktar, dan ir-reġjun kien is-sors ta’ finanzjament tal-ħlasijiet imwettqa lill-kumpanniji tal-ajru.

56      Fit-tieni lok, l-operaturi tal-ajruporti ddeċidew, b’mod awtonomu, li jikkonkludu kuntratti ma’ kumpanniji tal-ajru u, jekk ikun il-każ, li jitolbu fondi mingħand ir-Reġjun Awtonomu bil-għan li jittrasferixxuhom lill-kumpanniji tal-ajru, peress li dawn l-operaturi ma kellhom ebda obbligu li jitolbu l-imsemmija fondi. Fil-fatt, l-imsemmi reġjun la kien jikkontrolla lil SOGAER u lanqas liċ-CCIA ta’ Cagliari, li hija entità pubblika indipendenti mir-Reġjun Awtonomu u, għaldaqstant, ma hijiex f’pożizzjoni li tagħmel pressjoni fuq SOGAER sabiex tobbligaha titlob fondi. Barra minn hekk, l-eventwali deċiżjoni tal-operaturi tal-ajruporti li jitolbu fondi ddependiet minn kunsiderazzjonijet ekonomiċi speċifiċi għalihom, iktar u iktar peress li, sabiex jaċċedu għall-fondi, dawn l-operaturi kellhom iħallsu “remunerazzjoni” lir-Reġjun, jiġifieri ammont miżmum ta’ 4% kif ukoll, jekk ikun il-każ, kummissjonijiet u interessi, imsemmija fil-punt 20 iktar ’il fuq. Għaldaqstant, huma talbu fondi mingħand l-imsemmi reġjun biss meta l-qligħ mistenni li jirriżulta minn kuntratt ma’ kumpannija tal-ajru partikolari kien jeċċedi l-ispejjeż li jikkorrispondu għal din ir-remunerazzjoni kif ukoll l-ispejjeż rilevanti l-oħra kollha.

57      Fir-realtà, skont ir-rikorrenti, irrispettivament mill-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, għandu jiġi eżaminat l-aġir ta’ SOGAER fid-dawl tar-regoli li jirregolaw l-għajnuna mill-Istat, peress li SOGAER, billi 94.35 % tal-kapital tagħha huwa miżmum miċ-CCIA ta’ Cagliari, tikkostitwixxi impriża pubblika, kif ġie kkonstatat fil-premessa 55 tad-deċiżjoni kkontestata, fis-sens tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/111/KE tas‑16 ta’ Novembru 2006 dwar it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri u l-impriżi pubbliċi kif ukoll dwar it-trasparenza finanzjarja fi ħdan ċerti impriżi (ĠU 2008, L 348M, p. 906, rettifika fil-ĠU 2009, L 84M, p. 555). SOGAER tinsab f’sitwazzjoni analoga għal dik tal-operaturi tal-ajruporti ta’ Pau-Béarn u ta’ Nîmes-Uzès-Le Vigan, ukoll ikkontrollati minn kmamar tal-kummerċ lokali, li kienu jikkostitwixxu korpi tal-Istat Franċiż, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fis-sentenzi tagħha tat-13 ta’ Diċembru 2018, Ryanair u Airport Marketing Services vs Il‑Kummissjoni (T‑53/16, EU:T:2018:943), u tat-13 ta’ Diċembru 2018, Ryanair u Airport Marketing Services vs Il‑Kummissjoni (T‑165/15, EU:T:2018:953).

58      Il-Kummissjoni tqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà indirizzata, essenzjalment, kontra l-ewwel parti kollha tal-ewwel motiv. Sussidjarjament, il-Kummissjoni titlob li din l-ewwel parti tiġi miċħuda bħala infondata.

–       Fuq l-ammissibbiltà tal-ewwel parti tal-ewwel motiv

59      Il-Kummissjoni tqis li, fil-kuntest tar-replika, ir-rikorrenti rrikonoxxiet li l-prinċipju tal-operatur privat ma kienx applikabbli għar-Reġjun Awtonomu u żviluppat argument ibbażat fuq il-fatt li SOGAER, u mhux ir-Reġjun Awtonomu, hija l-uniku korp li ta l-għajnuna inkwistjoni. Dan l-argument, li jifforma, essenzjalment, l-ewwel parti tal-ewwel motiv, huwa ġdid u, għaldaqstant, inammissibbli.

60      Ir-rikorrenti, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, tikkontesta li l-ewwel parti hija inammissibbli.

61      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-argumenti li s-sustanza tagħhom jkollha rabta mill-qrib ma’ motiv ta’ annullament imressaq fir-rikors ma jistgħux jitqiesu li huma motivi ġodda, fis-sens tar-Regoli tal-Proċedura, minkejja li jkunu ġew ifformulati għall-ewwel darba fir-replika. Tali argumenti jikkostitwixxu estensjoni ta’ motiv imqajjem preċedentement u t-tressiq tagħhom fl-istadju tar-replika huwa ammess mill-qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Jannar 1999, BAI vs Il‑Kummissjoni, EU:T:1999:12, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, l-ammissibbiltà ta’ tali argumenti mressqa fir-replika bħala estensjoni ta’ motivi li jinsabu fir-rikors ma tistax tiġi invokata, mingħajr ma l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura jiċċaħħad minn kull portata, sabiex tagħmel tajjeb għal nuqqas, imwettaq meta ġie ppreżentat ir-rikors, li jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, id-digriet tad-19 ta’ Mejju 2008, TF1 vs Il‑Kummissjoni, T‑144/04, EU:T:2008:155, punt 30).

62      F’dan il-każ, minkejja li huwa minnu li r-rikorrenti, fir-rikors, ma speċifikatx espressament li hija kienet tqis li SOGAER kienet il-korp “li ta” l-għajnuna inkwistjoni, hija madankollu kkontestat l-approċċ adottat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Diġà fir-rikors, ir-rikorrenti sostniet li l-kuntratt kontenzjuż, iktar milli l-miżuri meħuda mir-Reġjun Awtonomu, messu ġie eżaminat fid-dawl tal-prinċipju tal-operatur privat, meta affermat li “l-iskema prevista mil-[Liġi Nru 10/2010] ma [kinitx] rilevanti, għaliex ma [kienet tinkludi], fiha nnifisha, ebda sussidju favur ir-rikorrenti”; li “ir-[Reġjun Awtonomu] ma [kien] ħallas ebda sussidju favur ir-rikorrenti”; li “is-sussidju [kien] tħallas lill-kumpanniji tal-ajru mill-operaturi tal-ajruporti, tant li [kienet] din ir-relazzjoni kuntrattwali li messha ġiet eżaminata mill-aspett tal-eżistenza ta’ għajnuna”, u li “l-element determinanti [kien] […] ikkostitwit mill-konklużjoni tal-ftehim ta’ marketing bejn l-operatur tal-ajruport, minn naħa, u r-rikorrenti, min-naħa l-oħra”.

63      Barra minn hekk, ir-rikorrenti, diġà fir-rikors, ibbażat ruħha fuq il-fatt li SOGAER kienet tikkostitwixxi impriża pubblika, liema fatt, skontha, kien jiġġustifika li jiġi eżaminat jekk dan l-operatur tal-ajruport kienx aġixxa bħala operatur privat.

64      Minn dan jirriżulta li l-argument tar-rikorrenti, li skontu SOGAER hija l-korp li ta l-għajnuna rilevanti, ma huwiex ġdid u li l-argumenti mressqa, fir-replika, fil-kuntest tal-ewwel parti jikkostitwixxu estensjoni tal-ewwel motiv kif imqajjem fir-rikors. Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-ewwel motiv hija ammissibbli.

–       Fuq il-fondatezza tal-ewwel parti tal-ewwel motiv

65      Skont l-Artikolu 107(1) TFUE, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, sa fejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tiġi ddikjarata inkompatibbli mas-suq intern. Għaldaqstant, il-klassifikazzjoni bħala “għajnuna mill-Istat” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE tippreżupponi li jiġu ssodisfatti erba’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-eżistenza ta’ intervent tal-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li dan l-intervent ikun kapaċi jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, li dan l-intervent jagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarju tiegħu u li dan l-intervent iwassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2017, ENEA, C‑329/15, EU:C:2017:671, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66      F’dak li jirrigwarda l-ewwel waħda mill-kundizzjonijiet relatati mal-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat, għandu jitfakkar li intervent tal-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat ma għandux neċessarjament ikun miżura adottata mill-awtorità ċentrali tal-Istat ikkonċernat. Huwa jista’ daqstant ieħor jirriżulta minn awtorità infrastatali. Fil-fatt, miżura meħuda minn awtorità lokali u mhux mill-awtorità ċentrali tista’ tikkostitwixxi għajnuna meta jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 107(1) TFUE (sentenzi tal-14 ta’ Ottubru 1987, Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, 248/84, EU:C:1987:437, punt 17, u tas-6 ta’ Settembru 2006, Il-Portugall vs Il‑Kummissjoni, C‑88/03, EU:C:2006:511, punt 55). Fi kliem ieħor, il-miżuri meħuda minn entitajiet infrastatali, deċentralizzati, federali, reġjonali jew oħrajn, tal-Istati Membri, ikun xi jkun l-istatus ġuridiku u d-denominazzjoni tagħhom, jaqgħu, bħall-miżuri meħuda mill-awtorità federali jew ċentrali, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, jekk il-kundizzjonijiet ta’ din id-dispożizzjoni jkunu ssodisfatti (sentenzi tas-6 ta’ Marzu 2002, Diputación Foral de Álava et vs Il Kummissjoni, T‑92/00 u T‑103/00, EU:T:2002:61, punt 57, u tat-12 ta’ Mejju 2011, Région Nord-Pas-de-Calais u Communauté d’agglomération du Douaisis vs Il‑Kummissjoni, T‑267/08 u T‑279/08, EU:T:2011:209, punt 108).

67      F’dak li jirrigwarda wkoll din l-ewwel kundizzjoni, għandu jitfakkar li, sabiex vantaġġi jkunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, dawn għandhom, minn naħa, jingħataw direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat u, min-naħa l-oħra, ikunu imputabbli lill-Istat (ara s-sentenzi tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑482/99, EU:C:2002:294, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-13 ta’ Settembru 2017, ENEA, C‑329/15, EU:C:2017:671, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata), filwaqt li dawn iż-żewġ kundizzjonijiet sekondarji huma kumulattivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Marzu 2019, Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑405/16 P, EU:C:2019:268, punti 48 u 63 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-5 ta’ April 2006, Deutsche Bahn vs Il‑Kummissjoni, T‑351/02, EU:T:2006:104, punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68      F’dan il-każ, il-Kummissjoni, fil-premessi 355 sa 361 tad-deċiżjoni kkontestata li jinsabu taħt it-Titolu “7.2.1.2. Riżorsi tal-Istat u l-imputabbiltà lill-Istat”, eżaminat flimkien iż-żewġ kundizzjonijiet sekondarji relatati mal-użu ta’ riżorsi tal-Istat u mal-imputabbiltà lill-Istat. Qabelxejn, fil-premessa 356 ta’ din id-deċiżjoni, hija kkonstatat li, f’dak li jirrigwarda l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, din kienet iffinanzjata minn riżorsi li kienu joriġinaw mir-Reġjun Awtonomu u, peress li kienet toriġina minn liġi reġjonali, kienet imputabbli lil dan ir-reġjun u, fl-aħħar mill-aħħar, lill-Istat Taljan.

69      Sussegwentement, fil-premessi 357 sa 360 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat il-flussi finanzjarji tal-operaturi tal-ajruporti lejn il-kumpanniji tal-ajru. F’dan il-kuntest, hija ddeskriviet il-mekkaniżmu stabbilit mir-Reġjun Awtonomu, li skontu din l-entità statali kienet tipprovdi finanzjamenti lill-operaturi tal-ajruporti li kienu jitolbuha dawn il-finanzjamenti bil-kundizzjoni li dawn tal-aħħar jissottomettulha għall-approvazzjoni pjanijiet ta’ attivitajiet li fihom l-imsemmija operaturi kellhom jispeċifikaw fid-dettall il-mod kif kellhom l-intenzjoni jużaw l-imsemmija fondi, b’mod partikolari sabiex jirremuneraw lill-kumpanniji tal-ajru kontraenti, kif jirriżulta mill-preżentazzjoni iddettaljata tal-funzjonament tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża magħmula taħt it-Titolu “2.7. Mekkaniżmu u struttura tal-finanzjament stabbilit mir-reġjun ta’ Sardinja” tad-deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq din id-deskrizzjoni sabiex tasal għall-konklużjoni, li tinsab fil-premessa 360 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-operaturi tal-ajruporti kellhom jitqiesu li kienu intermedjarji bejn ir-Reġjun Awtonomu u l-kumpanniji tal-ajru, b’mod li l-ħlasijiet irċevuti minn dawn il-kumpanniji kienu ffinanzjati minn fondi li kienu joriġinaw mill-imsemmi reġjun u kienu imputabbli lil dan tal-aħħar.

70      Abbażi ta’ dan ir-raġunament li jistabbilixxi rabta bejn ir-Reġjun Awtonomu u l-kumpanniji tal-ajru, il-Kummissjoni, fil-premessa 361 tad-deċiżjoni kkontestata, ikkonkludiet li l-ħlasijiet imwettqa mill-operaturi tal-ajruporti lil dawn il-kumpanniji kienu ffinanzjati permezz ta’ riżorsi tal-Istat Taljan u kienu imputabbli lilu.

71      Permezz tal-argument tagħha fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti tqiegħed fid-dubju, essenzjalment, dan ir-raġunament. Hija ma tikkontestax, kif qieset il-Kummissjoni fil-premessa 356 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-fondi mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-operaturi tal-ajruporti, fuq perijodu ta’ diversi snin, sabiex dawn tal-aħħar jieħdu azzjonijiet bil-għan li jippromwovu r-reġjun ta’ Sardegna bħala destinazzjoni turistika, kienu jikkostitwixxu riżorsi tar-Reġjun Awtonomu, u għalhekk tal-Istat Taljan, u li d-deċiżjoni li tali fondi jingħataw lill-imsemmija operaturi kienet imputabbli lill-imsemmi reġjun, u għalhekk lill-imsemmi Stat. Għall-kuntrarju, hija tikkontesta l-konklużjoni tal-Kummissjoni, li tirriżulta mill-premessi 358 sa 360 tad-deċiżjoni kkontestata, li dawn l-operaturi, fosthom SOGAER, setgħu jitqiesu li kienu intermedjarji bejn ir-Reġjun u l-kumpanniji tal-ajru.

72      Skont ir-rikorrenti, għalkemm huwa minnu li l-ħlas kontenzjuż twettaq permezz ta’ “riżorsi ta’ l-Istat” u li kien imputabbli lill-Istat Taljan, dan ma jirriżultax minn involviment ta’ SOGAER fl-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża stabbilita mir-Reġjun Awtonomu, iżda pjuttost mill-fatt li SOGAER hija impriża pubblika kkontrollata minn korp tal-Istat Taljan, jiġifieri ċ-CCIA ta’ Cagliari. Fi kliem ieħor, il-Kummissjoni żbaljat meta kkonkludiet li l-ħlas kontenzjuż kien jinvolvi intervent tal-Istat Taljan permezz tal-imsemmi reġjun, iktar milli permezz ta’ SOGAER. F’dawn iċ-ċirkustanzi, SOGAER ikkostitwixxiet il-“livell” rilevanti għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat.

73      F’dan ir-rigward, għandu jitqies li, għalkemm ir-rikorrenti ma ssemmix espressament iż-żewġ kundizzjonijiet sekondarji kumulattivi li jifformaw l-ewwel waħda mill-kundizzjonijiet relatati mal-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat, hija tikkontesta, impliċitament, iżda neċessarjament, kemm, minn naħa, l-oriġini statali reġjonali tal-flus użati mill-operaturi tal-ajruporti sabiex jirremuneraw lill-kumpanniji tal-ajru fil-kuntest tal-kuntratti li dawn tal-aħħar kienu kkonkludew magħhom kif ukoll, min-naħa l-oħra, l-imputabbiltà lir-Reġjun Awtonomu tal-ħlasijiet magħmula minn dawn l-operaturi fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-kuntratti, konklużi ma’ kumpanniji tal-ajru bħar-rikorrenti.

74      F’dak li jirrigwarda l-użu ta’ “riżorsi” reġjonali, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li l-fondi tar-Reġjun Awtonomu ma humiex rilevanti peress li dawn tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-operaturi tal-ajruporti u mhux tal-kumpanniji tal-ajru, li rċevew ħlasijiet biss mingħand l-imsemmija operaturi.

75      Fil-fatt, għandu jitfakkar li diġà ġie deċiż li, meta teżamina miżura, il-Kummissjoni jista’ jkollha teżamina jekk vantaġġ jistax jitqies li jkun ingħata indirettament lil operaturi li ma jkunux il-persuna riċeventi immedjata tat-trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2002, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il‑Kummissjoni, C‑382/99, EU:C:2002:363, punti 61 u 62). F’dan ir-rigward, il-qorti tal-Unjoni aċċettat ukoll li vantaġġ mogħti direttament lil ċerti persuni fiżiċi jew ġuridiċi seta’ jikkostitwixxi vantaġġ indirett u, għalhekk, għajnuna mill-Istat għal persuni ġuridiċi oħra li kienu impriżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2000, Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑156/98, EU:C:2000:467, punti 22 sa 35; tat-13 ta’ Ġunju 2002, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il‑Kummissjoni, C‑382/99, EU:C:2002:363, punti 38 u 60 sa 66; tal-4 ta’ Marzu 2009, Associazione italiana del risparmio gestito u Fineco Asset Management vs Il‑Kummissjoni, T‑445/05, EU:T:2009:50, punt 127 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-15 ta’ Ġunju 2010, Mediaset vs Il‑Kummissjoni, T‑177/07, EU:T:2010:233).

76      F’dan il-każ, il-fondi mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-operaturi tal-ajruporti għandhom jitqiesu li ngħataw indirettament lill-kumpanniji tal-ajru, peress li l-mekkaniżmu stabbilit mir-Reġjun Awtonomu kien jippermetti li jiġi żgurat li dawn il-fondi kienu jikkorrispondu għar-remunerazzjonijiet imħallsa mill-imsemmija operaturi lil dawn il-kumpanniji. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm ir-rikorrenti tqiegħed fid-dubju r-rwol ta’ intermedjarji li kellhom l-operaturi tal-ajruporti, hija ma kkontestatx l-eżistenza jew il-funzjonament tal-imsemmi mekkaniżmu.

77      Issa, dan il-mekkaniżmu kien jipprevedi tip ta’ sistema ta’ clearance. B’mod iktar partikolari, id-Deċiżjoni Reġjonali Nru 29/36 kienet tipprovdi li l-operaturi tal-ajruporti magħżula kellhom jirċievu ħlas bil-quddiem ta’ 20 % fuq il-fondi mitluba għas-sena ta’ referenza, segwit minn ħlas tat-tieni porzjon ta’ 60 %, fuq medda ta’ żmien u suġġett għall-preżentazzjoni ta’ rapporti kull tliet xhur, u, fl-aħħar nett, l-aħħar porzjon ta’ 20 % mal-preżentazzjoni tad-dokumenti li jippermettu lir-Reġjun Awtonomu jivverifika li l-attività kienet twettqet korrettament, li l-miri kienu ntlaħqu u li l-ispejjeż sostnuti kienu reali. Konsegwentement, dan il-mekkaniżmu ta’ kontroll kien intiż li jimpedixxi lil kull operatur tal-ajruport milli jikseb ir-rimbors ta’ ammonti li ma kinux dawk sostnuti minnu sabiex jirremunera lill-kumpanniji kontraenti, bħar-rikorrenti, u li huma s-suġġett tal-obbligu ta’ rkupru previst fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata. L-eżistenza ta’ dan il-mekkaniżmu tikkonferma wkoll li s-servizzi tal-imsemmija kumpanniji tal-ajru kienu ffinanzjati mill-imsemmi reġjun, peress li l-ammonti mħallsa bil-quddiem mill-operaturi tal-ajruporti bħala remunerazzjoni tal-kumpanniji tal-ajru kontraenti kienu jikkorrispondu għall-fondi li huma kienu jirċievu, fi tmiem il-proċess, mir-Reġjun Awtonomu.

78      Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-premessi 242 sa 246 u 313, 314 u 317 tad-deċiżjoni kkontestata, li jesponu l-osservazzjonijiet li kienu ppreżentaw fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni, l-operaturi tal-ajruporti ta’ Olbia u ta’ Cagliari-Elmas stess spjegaw li, effettivament, huma kienu ħallsu bil-quddiem l-ammonti li jikkorrispondu għall-ħlas lill-kumpanniji tal-ajru kontraenti li kienu jipprovdu s-servizzi mixtieqa mir-Reġjun Awtonomu sabiex jiġi promoss it-turiżmu ta’ Sardegna u li, sussegwentement, kienu ppreżentaw lill-imsemmi Reġjun Awtonomu r-rapporti ta’ kontabbiltà tagħhom li kienu jindikaw l-ispejjeż realment inkorsi sabiex jinkiseb ir-rimbors għal dan mingħand ir-Reġjun Awtonomu. F’dan il-kuntest, SOGAER, li magħha r-rikorrenti kkonkludiet il-kuntratt kontenzjuż, saħansitra affermat, kif jirriżulta mill-premessa 314 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-Reġjun Awtonomu kien eżiġa mingħandha li tipprova li l-kumpanniji tal-ajru fornituri kienu rċevew it-totalità tal-kontribuzzjonijiet reġjonali u li għalhekk hija kienet biss intermedjarju li ttrasferixxiet lilhom l-ammonti rċevuti mingħand ir-Reġjun Awtonomu. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-premessa 340 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-Repubblika Taljana sostniet li, essenzjalment, l-operatur tal-ajruport ta’ Olbia kien ittrasferixxa lill-kumpanniji tal-ajru t-totalità tal-ammont tal-kontribuzzjonijiet li dan l-operatur kien irċieva mingħand ir-Reġjun Awtonomu.

79      Barra minn hekk, ir-rikorrenti stess indikat li l-ħlasijiet imwettqa mill-operaturi tal-ajruporti favur il-kumpanniji tal-ajru kienu “ffinanzjati” mir-Reġjun Awtonomu fil-forma ta’ trasferiment lill-operaturi tal-ajruporti.

80      Għalhekk jidher ċar li l-fondi użati mill-operaturi tal-ajruporti sabiex jirremuneraw lill-kumpanniji tal-ajru fil-kuntest tal-kuntratti li huma kienu kkonkludew ma’ dawn tal-aħħar kienu jikkostitwixxu riżorsi statali li joriġinaw mir-Reġjun Awtonomu.

81      F’dak li jirrigwarda l-“imputabbiltà” lir-Reġjun Awtonomu tal-kuntratti konklużi mill-operaturi tal-ajruporti mal-kumpanniji tal-ajru, ir-rikorrenti tenfasizza b’mod partikolari l-fatt li l-Liġi Nru 10/2010 ma tinkludix, fiha nnifisha, għajnuna favur kumpanniji tal-ajru u li r-Reġjun Awtonomu ma kkonkludiex kuntratti ma’ dawn il-kumpanniji.

82      Issa, għandu jiġi osservat li l-assenza ta’ rabta legali diretta bejn il-kumpanniji tal-ajru u r-Reġjun Awtonomu ma hijiex ta’ natura li tipprekludi l-imputabbiltà lil dan tal-aħħar tal-kuntratti konklużi mill-operaturi tal-ajruporti. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-kunċett ta’ intervent permezz ta’ riżorsi tal-Istat huwa intiż li jinkludi, mhux biss il-vantaġġi mogħtija direttament mill-Istat, iżda wkoll dawk mogħtija permezz ta’ korp pubbliku jew privat, maħtur jew stabbilit minn dan l-Istat bil-għan li jamministra l-għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Marzu 1977, Steinike u Weinlig, 78/76, EU:C:1977:52, punt 21; tas-17 ta’ Marzu 1993, Sloman Neptun, C‑72/91 u C‑73/91, EU:C:1993:97, punt 19, u tat-30 ta’ Mejju 2013, Doux Élevage u Coopérative agricole UKL-ARREE, C‑677/11, EU:C:2013:348, punt 26). Il-Qorti tal-Ġustizzja ġġustifikat l-inklużjoni ta’ vantaġġi mogħtija permezz ta’ korpi distinti mill-Istat fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE bin-neċessità li jinżamm l-effett utli tar-regoli dwar l-“għajnuna mill-Istati” iddefiniti fl-Artikoli 107 sa 109 TFUE, u b’hekk evitat li s-sempliċi fatt li jinħolqu istituzzjonijiet awtonomi inkarigati bit-tqassim ta’ għajnuna jista’ jippermetti lill-Istati Membri jevitaw ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat (sentenza tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑482/99, EU:C:2002:294, punt 23).

83      Għalkemm din il-ġurisprudenza tirrigwarda l-vantaġġi mogħtija permezz ta’ organi, investiti bi prerogattivi ta’ awtorità pubblika jew kompiti ta’ interess ġenerali u stabbiliti jew maħtura sabiex jamministraw l-għajnuna, minn dan ma jistax madankollu jiġi dedott li, barra mill-vantaġġi mqassma direttament mill-Istat, huma biss dawn il-każijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 107(1) TFUE. Għall-kuntrarju, kif diġà tfakkar qabel, anki vantaġġ mogħti direttament lil ċerti persuni fiżiċi jew ġuridiċi jista’ jikkostitwixxi vantaġġ indirett u, għalhekk, għajnuna mill-Istat għal persuni ġuridiċi oħra li huma impriżi (ara s-sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2000, Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑156/98, EU:C:2000:467, punti 22 sa 35; tat-13 ta’ Ġunju 2002, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il‑Kummissjoni, C‑382/99, EU:C:2002:363, punti 38 u 60 sa 66; tal-4 ta’ Marzu 2009, Associazione italiana del risparmio gestito u Fineco Asset Management vs Il‑Kummissjoni, T‑445/05, EU:T:2009:50, punt 127, u tal-15 ta’ Ġunju 2010, Mediaset vs Il‑Kummissjoni, T‑177/07, EU:T:2010:233), u dan mingħajr ma kien meħtieġ, f’dawn il-kawżi li fihom l-intermedjarju kien persuna fiżika jew ġuridika, li l-vantaġġi inkwistjoni għaddew minn struttura speċifikament maħtura jew stabbilita minn dan l-Istat bil-għan li tamministra l-għajnuna.

84      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-imputabbiltà ta’ miżura lill-Istat tista’ tiġi dedotta minn serje ta’ indizji li jirriżultaw miċ-ċirkustanzi tal-każ u mill-kuntest li fih ittieħdet din il-miżura u b’mod partikolari mill-indizji li jindikaw, fil-każ konkret, involviment tal-awtoritajiet pubbliċi fl-adozzjoni tal-imsemmija miżura, fid-dawl ukoll tal-portata tagħha, tal-kontenut tagħha jew tal-kundizzjonijiet li din tinvolvi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑482/99, EU:C:2002:294, punti 52 sa 56, u tas-17 ta’ Settembru 2014, Commerz Nederland, C‑242/13, EU:C:2014:2224, punti 31 sa 33).

85      F’dan il-każ, għalkemm huwa minnu li l-Liġi Nru 10/2010 tidentifika lill-operaturi tal-ajruporti u mhux lill-kumpanniji tal-ajru bħala li huma formalment il-benefiċjarji tal-ħlasijiet previsti minn din il-liġi, jidher madankollu li l-aġir tal-imsemmija operaturi ġie ddeterminat mir-Reġjun Awtonomu peress li, b’applikazzjoni tal-mekkaniżmu stabbilit minn din il-liġi u mill-atti ta’ implimentazzjoni tagħha, il-fondi mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħhom kellhom jintużaw u effettivament intużaw skont l-istruzzjonijiet ta’ dan ir-reġjun.

86      Fil-fatt, l-Artikolu 3(2) tal-Liġi Nru 10/2010 kien jipprovdi espressament li l-kriterji, in-natura u t-tul tal-offerta ta’ trasport kif ukoll id-direttivi għat-tfassil tal-pjanijiet ta’ attivitajiet mill-operaturi tal-ajruporti kellhom jiġu adottati permezz ta’ riżoluzzjonijiet tal-Eżekuttiv Reġjonali, filwaqt li l-Artikolu 3(3) ta’ din il-liġi kien jipprovdi, espressament ukoll, li l-pjanijiet ta’ attivitajiet stabbiliti mill-operaturi tal-ajruporti kellhom ikollhom magħhom l-atti u l-kuntratti korrispondenti u li kienu ser ikunu ffinanzjati biss jekk ikunu stabbiliti skont il-kriterji, in-natura, it-tul tal-offerta ta’ trasport u d-direttivi adottati mill-Eżekuttiv Reġjonali u biss jekk ikunu ġew sottomessi minn qabel lill-kummissjoni kompetenti għal opinjoni vinkolanti.

87      Barra minn hekk, mill-mekkaniżmu stabbilit mil-Liġi Nru 10/2010 jirriżulta li d-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar għandhom neċessarjament jinqraw flimkien mat-testi li din il-liġi kienet tipprevedi li jiġu adottati mill-Eżekuttiv Reġjonali u li kienu jikkundizzjonaw il-ħlasijiet imwettqa mir-Reġjun Awtonomu lill-operaturi tal-ajruporti inkwistjoni f’dan il-każ. Issa, dawn it-testi, b’mod partikolari d-Deċiżjoni Reġjonali Nru 29/36, kienu jipprovdu espressament li l-operaturi tal-ajruporti kellhom jissottomettu l-pjanijiet ta’ attivitajiet tagħhom lir-Reġjun Awtonomu għall-approvazzjoni u li, sabiex ikunu jistgħu jkunu eliġibbli għall-finanzjament previst mill-imsemmi Reġjun Awtonomu, l-imsemmija pjanijiet kellhom jitfasslu skont il-kriterji, in-natura u t-tul tal-offerta ta’ trasport kif ukoll skont id-direttivi adottati mill-Eżekuttiv Reġjonali.

88      Barra minn hekk, il-mekkaniżmu stabbilit mir-Reġjun Awtonomu kien jipprovdi, minbarra l-fatt li l-pjanijiet ta’ attivitajiet kienu sottomessi upstream tal-proċess għall-approvazzjoni mir-Reġjun Awtonomu, li l-operaturi tal-ajruporti, kif diġà ġie espost fil-punt 77 iktar ’il fuq, kellhom jipproduċu rapporti kull tliet xhur għall-finijiet tal-ħlas ta’ 60 % tal-għajnuna u setgħu biss jiksbu l-aħħar porzjon tal-ħlas, ta’ 20 %, biss wara li jkunu pprovaw li kienu osservaw l-istruzzjonijiet tar-Reġjun Awtonomu. Għaldaqstant, il-verifiki, li kienu jiġu qabel ir-rimbors tal-ammonti mħallsa bil-quddiem mill-operaturi tal-ajruporti, kienu ta’ natura li jippermettu lill-imsemmi reġjun jikkontrolla l-inizjattivi ta’ dawn l-operaturi, għaliex kienu biss dawk stabbiliti skont id-direttivi tiegħu u ġġustifikati bil-produzzjoni tad-dokumenti kuntrattwali u ta’ kontabbiltà rilevanti li setgħu jagħtu lok għall-finanzjament previst mill-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża.

89      Il-kontroll tar-Reġjun Awtonomu fuq il-kontenut u l-portata tal-inizjattivi tal-operaturi tal-ajruporti huwa kkorroborat minn dawn tal-aħħar stess. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessa 237 tad-deċiżjoni kkontestata, GEASAR indikat li kienet innegozjat il-proposti għal attivitajiet ta’ marketing, mal-kumpanniji tal-ajru li wieġbu għas-sejħa għal manifestazzjoni ta’ interess li dan l-operatur tal-ajruport kien ippubblika fis-sit internet tiegħu, filwaqt li ħadet inkunsiderazzjoni l-pjan ta’ marketing għat-turiżmu mfassal mir-Reġjun Awtonomu fost l-istrumenti ta’ ppjanar tagħha. Min-naħa tagħha, SOGAER sostniet, kif jirriżulta mill-premessa 313 tad-deċiżjoni kkontestata, li, fil-kuntest tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, l-imsemmi reġjun kien jipprovdi kumpens li kien sempliċement mgħoddi mill-operatur tal-ajruport, u dan “bħala parti minn pjan deċiż, iffinanzjat u mmonitorjat mir-Reġjun [Awtonomu]”.

90      F’dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari l-konklużjoni ta’ kuntratti mal-kumpanniji tal-ajru, huwa minnu li l-Liġi Nru 10/2010 ma kinitx issemmi l-azzjonijiet speċifiċi li kellhom jiġu proposti mill-operaturi tal-ajruporti fil-pjanijiet ta’ attivitajiet, u lanqas ma kienet tidentifika liema kumpanniji tal-ajru kellhom jiġu involuti. Madankollu, ir-riferiment, fl-Artikolu 3(3) tal-Liġi Nru 10/2010, għall-kuntratti li għandhom jiġu prodotti mill-operaturi tal-ajruporti u r-riferiment, fid-Deċiżjoni Reġjonali Nru 29/36, għall-każijiet li fihom il-pjanijiet ta’ attivitajiet jiġu implimentati minn kumpanniji tal-ajru jikkonfermaw li r-Reġjun Awtonomu kien jinċentiva lil dawn l-operaturi sabiex jużaw kumpanniji tal-ajru, peress li dawn huma l-uniċi entitajiet li jistgħu jimpenjaw ruħhom ma’ dawn il-kumpanniji dwar il-ftuħ jew iż-żamma ta’ rotot tal-ajru, il-frekwenzi tagħhom u miri fir-rigward ta’ passiġġieri, u li l-imsemmi reġjun kien jiddeċiedi liema rotot tal-ajru jitqiesu li huma eliġibbli. Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-attivitajiet ta’ marketing, ir-Reġjun Awtonomu għamel distinzjoni bejn dawk li jiġu offruti minn kumpanniji tal-ajru, ħaġa li tikkonferma l-użu neċessarju ta’ tali kumpanniji mill-operaturi tal-ajruporti, u dawk li jiġu offruti minn fornituri differenti minn kumpanniji tal-ajru, liema kumpanniji ma humiex inkwistjoni f’dan il-każ u l-eżistenza tagħhom, fi kwalunkwe każ, ma hijiex ta’ natura li tinfluwenza l-kwistjoni jekk il-fondi rċevuti mir-rikorrenti kinux joriġinaw mill-baġit tal-imsemmi reġjun u kinux imputabbli lilu.

91      Għaldaqstant, mid-diversi elementi li jikkostitwixxu l-mekkaniżmu stabbilit mir-Reġjun Awtonomu, ikklassifikati mill-Kummissjoni bħala kontrolli “ex ante” u “ex post”, jirriżulta li dan ir-reġjun kien jikkontrolla strettament, upstream, il-pjanijiet ta’ attivitajiet ippreżentati mill-operaturi tal-ajruporti, b’mod partikolari r-rotot tal-ajru kkonċernati u s-servizzi ta’ marketing previsti, kif ukoll, downstream, l-ammonti inkorsi mill-operaturi tal-ajruporti għar-remunerazzjoni tal-imsemmija servizzi offruti mill-kumpanniji tal-ajru fil-kuntest tal-promozzjoni tal-gżira ta’ Sardegna bħala destinazzjoni turistika. B’dan il-mod, ir-Reġjun Awtonomu assuma kontroll suffiċjenti fuq l-aġir kuntrattwali tal-operaturi tal-ajruporti li ddeċidew li jitolbu fondi fil-kuntest tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, sal-punt li għandu jitqies li l-imsemmi aġir kien imputabbli lilu.

92      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-atti tal-proċess quddiem il-Qorti Ġenerali, prodotti mill-Kummissjoni b’mod partikolari sabiex tingħata prova tal-funzjonament tal-mekkaniżmu stabbilit mir-Reġjun Awtonomu, jikkorroboraw il-kunsiderazzjonijiet preċedenti kemm dwar l-imputabbiltà lir-Reġjun Awtonomu tal-kuntratti bejn l-operaturi tal-ajruporti u l-kumpanniji kif ukoll dwar l-oriġini statali reġjonali tar-riżorsi użati sabiex jitħallsu dawn il-kumpanniji. Qabelxejn, f’dak li jirrigwarda l-kuntratt kontenzjuż bejn SOGAER u r-rikorrenti, il-preambolu ta’ dan il-kuntratt jispeċifika espressament li “[i]r-Reġjun [Awtonomu] [kien] iddeċieda li jżid l-investimenti ta’ marketing tiegħu fl-industriji tat-trasport u tat-turiżmu”; li, sabiex jagħmel dan, huwa “[kien] jipprovdi ammont kull sena lil SOGAER li din l-impriża [kellha] tonfoq sabiex tilħaq dan il-għan”; li, “[f]id-dawl tal-intenzjoni tar-Reġjun [Awtonomu], SOGAER [kienet] ippubblikat avviż fis-sit internet tagħha sabiex tinvesti f’attivitajiet ta’ marketing maħsuba sabiex jippromwovu l-attrazzjonijiet turistiċi tan-nofsinhar ta’ Sardegna”; li, “[k]onformement mad-direttivi ppubblikati mir-Reġjun [Awtonomu,] SOGAER [kienet] fasslet programm ta’ attivitajiet li jiddeskrivi l-istrateġija u l-azzjonijiet li [kellhom jiġu] implimentati sabiex jintlaħaq l-għan ta’ żvilupp tat-traffiku” u li “[d]an il-pjan ta’ attivitajiet [kien] ġie approvat mill-Kumitat tal-Kunsill Reġjonali skont l-Artikolu 3(3) tal-Liġi [10/2010]”. Barra minn hekk, dan il-kuntratt kien jinkludi klawżola li kienet tispeċifika espressament li dan tal-aħħar kien suġġett għad-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 10/2010.

93      Sussegwentement, f’dak li jirrigwarda l-pjan ta’ attivitajiet stabbilit, upstream, minn SOGAER għas-snin 2011 sa 2013, li ġie approvat mir-Reġjun Awtonomu fil-kuntest tad-Deċiżjoni Reġjonali Nru 39/42, dan il-pjan jidentifika effettivament azzjonijiet ta’ marketing li għandhom jiġu implimentati mir-rikorrenti. Il-Kummissjoni pproduċiet ukoll kopja tal-fattura, relatata mal-ħlas kontenzjuż, maħruġa mir-rikorrenti fl-20 ta’ Diċembru 2012 u li SOGAER ikkomunikat, downstream, lir-Reġjun Awtonomu fil-kuntest tal-verifiki li jiġu qabel ir-rimbors tal-ammonti mħallsa bil-quddiem minn dan l-operatur tal-ajruport.

94      Fl-aħħar nett, fid-deċiżjonijiet tar-Reġjun Awtonomu Nru 322 u Nru 300, tat-13 ta’ Ġunju 2013 u tas-16 ta’ Ġunju 2014, rispettivament, li jiffissaw l-ammont annwali definittiv tal-kontribuzzjonijiet mogħtija lil SOGAER għas-snin 2012 u 2013, filwaqt li għandu jitqies li l-ammont mogħti lil SOGAER għas-sena 2012 serva b’mod partikolari sabiex jiġi rrimborsat il-ħlas kontenzjuż, ir-Reġjun Awtonomu indika espliċitament li “l-intervent previst fil-Liġi [Nru 10/2010] [twettaq] permezz tal-operaturi tal-ajruporti, li [kellhom] ir-rwol ta’ intermedjarji u ta’ prekursuri operattivi tat-trasferiment ta’ riżorsi lill-kumpanniji tal-ajru, skont ir-rotta ddeterminata mir-Reġjun stess, kif stabbilita mil-Liġi [Nru 10/2010] iċċitata iktar ’il fuq u l-miżuri ta’ implimentazzjoni” (che l’intervento di cui alla LR. n. 10/2010 si realizza attraverso le societa di gestione aeroportuale, che fungono da tramiti operativi e da soggetti anticipatori del trasferimento di risorse a favore dei vettori, secondo il percorso dalla Regione stessa disegnato con la sopraccitata legge regionale n. 10/2010 e con e delibere di attuazione della stessa) u li “il-kumpanniji tal-ajru għandhom jitqiesu li huma d-destinatarji reali u uniċi tal-flussi ta’ riżorsi finanzjarji skont il-Liġi [Nru 10/2010]” (che i vettori debbano considerarsi i reali ed unici destinatari dei flussi delle risorse di cui alla predetta legge regionale).

95      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, kemm mill-mekkaniżmu stabbilit mir-Reġjun Awtonomu permezz tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża kif ukoll mill-implimentazzjoni tagħha fil-prattika jirriżulta li l-kuntratti konklużi mill-operaturi tal-ajruporti mal-kumpanniji tal-ajru u l-ħlasijiet imwettqa lil dawn tal-aħħar b’eżekuzzjoni tal-imsemmija kuntratti kienu jinvolvu fondi statali reġjonali u kienu imputabbli lir-Reġjun Awtonomu.

96      Din il-konklużjoni ma titqigħedx fid-dubju mill-argumenti tar-rikorrenti, esposti fil-punt 56 iktar ’il fuq, fir-rigward tal-fatt li l-operaturi tal-ajruporti, fosthom SOGAER, kienu liberi li jitolbu fondi mingħand ir-Reġjun Awtonomu jew le u li din l-għażla kienet iggwidata minn kunsiderazzjonijiet ekonomiċi speċifiċi għalihom.

97      F’dan ir-rigward, minn naħa, għalkemm l-inizjattiva li jiġu ppreżentati pjanijiet ta’ attivitajiet lir-Reġjun Awtonomu bil-għan li jintalbu l-fondi tagħha kienet taqa’ formalment fuq l-operaturi tal-ajruporti, ladarba dawn ħadu d-deċiżjoni tagħhom li jipparteċipaw fl-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom fir-rigward tal-azzjonijiet konkreti li kellhom jittieħdu, kif issostni essenzjalment il-Kummissjoni, kien imnaqqas b’mod sinjifikattiv mill-kriterji u mid-direttivi ddefiniti minn dan ir-reġjun. Issa, mill-kontenut tal-kuntratt kontenzjuż, espost fil-punt 92 iktar ’il fuq, jirriżulta manifestament li l-ħlas kontenzjuż twettaq fil-kuntest tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża.

98      Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda l-kunsiderazzjonijiet ekonomiċi speċifiċi għall-operaturi tal-ajruporti, għandu jitfakkar li l-prezzijiet iffatturati mill-kumpanniji tal-ajru għas-servizzi tagħhom, b’mod partikolari ta’ marketing, ġew sostnuti finanzjarjament mir-Reġjun Awtonomu u mhux minn dawn l-operaturi. Għalhekk is-sehem mir-riskju sostnut minn dawn l-operaturi kien marġinali, peress li kien jirrigwarda biss l-ammont miżmum ta’ 4 % u l-kummissjonijiet u l-interessi li kellhom jitħallsu lil SFIRS.

99      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-iskop li interventi statali jfittxu li jilħqu ma huwiex biżżejjed sabiex dawn ma jiġux ikklassifikati bħala “għajnuna” fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE. Fil-fatt, dan l-artikolu ma jagħmilx distinzjoni skont il-kawżi jew l-għanijiet tal-interventi statali, iżda jiddefinixxihom skont l-effetti tagħhom (ara s-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il‑Kummissjoni, C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punti 84 u 85 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tas-26 ta’ Novembru 2015, Spanja vs Il‑Kummissjoni, T‑461/13, EU:T:2015:891, punt 39).

100    Issa, peress li, kif diġà tfakkar qabel, meta teżamina miżura, il-Kummissjoni jista’ jkollha teżamina jekk vantaġġ jistax jitqies li jkun ingħata indirettament lil operaturi li ma jkunux il-persuna riċeventi immedjata tat-trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2002, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il‑Kummissjoni, C‑382/99, EU:C:2002:363, punti 61 u 62), għandu jitqies li, sa fejn jista’ jiġi stabbilit, bħal f’dan il-każ, li vantaġġ li joriġina minn riżorsi tal-Istat ġie ttrasferit mill-persuna riċeventi immedjata lil benefiċjarju finali, huwa irrilevanti li dan it-trasferiment ikun twettaq mill-persuna riċeventi skont loġika kummerċjali jew, għall-kuntrarju, li dan it-trasferiment ikun laħaq għan ta’ interess ġenerali.

101    Dan huwa kkorroborat mill-ġurisprudenza li tistabbilixxi li vantaġġ mogħti direttament lil ċerti persuni fiżiċi jew ġuridiċi jista’ jikkostitwixxi vantaġġ indirett u, għalhekk, għajnuna mill-Istat għal persuni ġuridiċi oħra li huma impriżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2000, Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑156/98, EU:C:2000:467, punti 22 sa 35; tat-13 ta’ Ġunju 2002, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il‑Kummissjoni, C‑382/99, EU:C:2002:363, punti 38 u 60 sa 66; tal-4 ta’ Marzu 2009, Associazione italiana del risparmio gestito u Fineco Asset Management vs Il‑Kummissjoni, T‑445/05, EU:T:2009:50, punt 127, u tal-15 ta’ Ġunju 2010, Mediaset vs Il‑Kummissjoni, T‑177/07, EU:T:2010:233). Fil-fatt, fil-kawżi li wasslu għal dawn is-sentenzi, it-trasferiment tal-vantaġġ minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, li kienu persuni riċeventi immedjati ta’ riżorsi tal-Istat, kien jagħmel parti minn relazzjoni kummerċjali, ħaġa li tikkonferma li l-eżistenza ta’ raġuni kummerċjali li fuqha jkun ibbażat it-trasferiment hija irrilevanti għall-evalwazzjoni, fid-dawl tal-Artikolu 107(1) TFUE, tal-passaġġ segwit mir-riżorsi ta’ oriġini statali sakemm jaslu għand il-benefiċjarju finali.

102    Fir-rigward tal-argument, imressaq mir-rikorrenti, dwar il-klassifikazzjoni ta’ SOGAER bħala “impriża pubblika”, fis-sens tad-Direttiva 2006/111, għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument huwa ineffettiv u, fi kwalunkwe każ, infondat. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma bbażatx ruħha fuq tali klassifikazzjoni ta’ SOGAER sabiex timputa l-ħlas kontenzjuż lill-Istat Taljan. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-mekkaniżmu stabbilit mir-Reġjun Awontomu sabiex tasal għall-konklużjoni li l-ħlasijiet li rċevew il-kumpanniji tal-ajru kienu joriġinaw minn riżorsi ta’ dan ir-reġjun u kienu imputabbli lilu kif ukoll, għaldaqstant, lill-Istat Taljan. F’dan il-kuntest, l-operaturi tal-ajruporti kkonċernati, fosthom SOGAER, kellhom biss rwol ta’ intermedjarji b’mod li, kif tirrileva l-Kummissjoni, l-eventwali klassifikazzjoni tagħhom bħala impriża pubblika, kienet irrilevanti.

103    F’dawn iċ-ċirkustanti, huwa wkoll irrilevanti li, fis-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 2018, Ryanair u Airport Marketing Services vs Il‑Kummissjoni (T‑53/16, EU:T:2018:943), u tat-13 ta’ Diċembru 2018, Ryanair u Airport Marketing Services vs Il‑Kummissjoni (T‑165/15, EU:T:2018:953), li għalihom tirreferi r-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet ġustament qieset li ż-żewġ kmamar tal-kummerċ ikkonċernati, li kienu jikkontrollaw l-ajruporti ta’ Pau-Béarn u ta’ Nîmes-Uzès-Le Vigan, rispettivament, kienu jikkostitwixxu awtoritajiet pubbliċi li d-deċiżjonijiet tagħhom kienu imputabbli lill-Istat Franċiż. Fil-fatt, anki jekk jitqies li ċ-CCIA ta’ Cagliari tikkostitwixxi awtorità pubblika u li s-sitwazzjoni tal-ajruport ta’ Cagliari-Elmas hija paragunabbli ma’ dik taż-żewġ ajruporti inkwistjoni f’dawn il-kawżi l-oħra, b’mod li l-aġir ta’ dan l-ajruport huwa imputabbli liċ-CCIA ta’ Cagliari, u għalhekk lill-Istat Taljan, jibqa’ l-fatt li, f’din il-kawża, l-aġir inkwistjoni b’mod iktar partikolari, jiġifieri l-konklużjoni tal-kuntratt kontenzjuż u l-ħlas kontenzjuż, huwa, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, imputabbli lir-Reġjun Awtonomu, billi l-ajruport ta’ Cagliari-Elmas kellu biss rwol ta’ intermedjarju.

104    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li, b’differenza miċ-ċirkustanzi speċifiċi għall-kawżi li wasslu għas-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 2018, Ryanair u Airport Marketing Services vs Il‑Kummissjoni (T‑53/16, EU:T:2018:943), u tat-13 ta’ Diċembru 2018, Ryanair u Airport Marketing Services vs Il‑Kummissjoni (T‑165/15, EU:T:2018:953), fil-każ inkwistjoni, minn naħa, ma huwiex stabbilit li ċ-CCIA ta’ Cagliari kienet tikkostitwixxi awtorità pubblika, billi r-rikorrenti sempliċement ikkonstatat, kif jidher fil-premessa 55 tad-deċiżjoni kkontestata, li, skont id-dritt Taljan, iċ-CCIA ta’ Cagliari hija “entità pubblika awtonoma”. Min-naħa l-oħra, l-ajruport ta’ Cagliari-Elmas huwa operat minn SOGAER, u mhux miċ-CCIA ta’ Cagliari, u r-rikorrenti ma fittxitx li tipprova li l-aġir ta’ dan l-operatur tal-ajruport, li l-maġġoranza tal-ishma tiegħu tabilħaqq hija miżmuma miċ-CCIA ta’ Cagliari, kien imputabbli lil din tal-aħħar fid-dawl tal-kundizzjonijiet stabbiliti fis-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il‑Kummissjoni (C‑482/99, EU:C:2002:294).

105    Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda l-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-Kummissjoni tfittex, fil-kuntest ta’ din il-kawża, li tissupplimenta l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata billi tafferma li l-uniku għan tal-kuntratti konklużi bejn l-operaturi tal-ajruporti u l-kumpanniji tal-ajru kien li jitqassmu l-fondi mqiegħda għad-dispożizzjoni mir-Reġjun Awtonomu, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li, permezz ta’ din l-affermazzjoni, il-Kummissjoni tirreferi manifestament għar-rwol ta’ intermedjarji li kellhom dawn l-operaturi, li huwa espost b’mod partikolari fil-premessi 357 sa 360 u mfakkar fil-premessi 388 sa 402 tad-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, l-allegazzjoni tar-rikorrenti għandha tiġi miċħuda.

106    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, il-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ liġi meta, fil-kunsiderazzjonijiet 357 sa 360 tad-deċiżjoni kkontestata, qieset li l-operaturi tal-ajruporti setgħu jitqiesu li kienu intermedjarji bejn ir-Reġjun Awtonomu u l-kumpanniji tal-ajru, u kkonkludiet li l-ħlasijiet, fosthom il-ħlas kontenzjuż, imwettqa mill-operaturi tal-ajruporti lill-imsemmija kumpanniji tal-ajru, kienu jikkorrispondu għal riżorsi tar-Reġjun Awtonomu u li dawn kienu imputabbli lilu. Għaldaqstant, peress li l-Kummissjoni ma wettqitx żball fuq il-“livell” rilevanti għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv, dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-operatur privat fuq il-livell ta’ SOGAER

107    Ir-rikorrenti ssostni li, peress li l-operaturi tal-ajruporti jikkostitwixxu l-“livell” rilevanti għall-analiżi, hija importanti biss il-kwistjoni jekk SOGAER, li taġixxi b’mod awtonomu, ipproċedietx skont il-prinċipju tal-operatur privat meta wettqet il-ħlas kontenzjuż.

108    Għaldaqstant, il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-intenzjonijiet tar-Reġjun Awtonomu, jiġifieri li dan tal-aħħar kien qiegħed ifittex li jilħaq għanijiet ta’ politika pubblika iktar milli għanijiet ta’ profittabbiltà, huma irrilevanti. Bl-istess mod, l-assenza ta’ pjan tal-operat, ta’ analiżi ex ante tal-profittabbiltà jew ta’ kwalunkwe dokument intern ieħor, li jippermettu li jiġu stabbiliti eventwali għanijiet ta’ profittabbiltà li r-Reġjun kien qiegħed ifittex li jilħaq, hija irrilevanti.

109    Skont ir-rikorrenti, sabiex jiġi eżaminat jekk SOGAER ipproċedietx skont il-prinċipju tal-operatur privat meta kkonkludiet il-kuntratt kontenzjuż, il-Kummissjoni, konformement mal-prassi deċiżjonali tagħha u mal-approċċ adottat mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2008, Ryanair vs Il‑Kummissjoni (T‑196/04, EU:T:2008:585), messha paċiet l-ispejjeż u d-dħul marbuta mal-imsemmi kuntratt. Kieku tali tpaċija kellha tirriżulta f’bilanċ negattiv, dan kien jimplika l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat.

110    Issa, ma teżisti ebda raġuni għalfejn il-Kummissjoni ma wettqitx, f’dan il-każ, l-eżerċizzju ta’ tpaċija tal-ispejjeż u tad-dħul marbuta mal-kuntratt kontenzjuż. Dwar dan il-punt, ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni ma pprovdiet ebda ġustifikazzjoni fir-rigward tal-konklużjoni tagħha, ifformulata fil-premessi 386 u 387 tad-deċiżjoni kkontestata, li ma kienx ikun possibbli għaliha li tevalwa r-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-operaturi tal-ajruporti u l-kumpanniji tal-ajru, anki li kieku kienu ġew organizzati sejħiet għal offerti sabiex jintgħażlu dawn il-kumpanniji tal-ajru. Hija tilmenta wkoll li l-Kummissjoni ma ħaditx l-inizjattiva li titlob lill-operaturi tal-ajruporti jipproduċu l-analiżijiet ex ante tal-profittabbiltà tal-kuntratti konklużi mal-kumpanniji tal-ajru.

111    F’dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari d-dħul li kellu jittieħed inkunsiderazzjoni, fl-implimentazzjoni tal-eżerċizzju ta’ tpaċija tal-ispejjeż u tad-dħul marbuta mal-kuntratt kontenzjuż, dan huwa d-dħul li jirriżulta, għall-ajruport ta’ Cagliari-Elmas, mir-rotot tal-ajru operati mir-rikorrenti minn dan l-ajruport, jiġifieri, kif kienet turi sempliċi riċerka fuq l-internet, ir-rotot bejn Cagliari-Elmas u Köln-Bonn kif ukoll bejn Cagliari-Elmas u Stuttgart. Barra minn hekk, fil-premessa 376 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni stess tistabbilixxi rabta bejn il-kuntratti ta’ marketing konklużi mill-operaturi tal-ajruporti mal-kumpanniji tal-ajru u r-rotot tal-ajru operati minn dawn tal-aħħar mill-ajruporti kkonċernati.

112    F’dak li jirrigwarda l-ispejjeż li kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni f’dan l-eżerċizzju ta’ tpaċija, ir-rikorrenti tqis li l-ħlas kontenzjuż ma huwiex rilevanti. Fir-realtà, fir-rigward tal-ispejjeż rilevanti, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż ta’ finanzjament ta’ SOGAER sabiex jinkisbu l-fondi li ppermettew li jitwettaq tali ħlas (iktar ’il quddiem l-“ispejjeż ta’ finanzjament”). Kif diġà ssemma fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, fil-punt 56 iktar ’il fuq, sabiex jaċċedu għall-fondi tar-Reġjun Awtonomu, l-operaturi tal-ajruporti kellhom iħallsuh “remunerazzjoni” fil-forma ta’ ammont miżmum ta’ 4 % kif ukoll, jekk ikun il-każ, ta’ kummissjonijiet u ta’ interessi. Issa, l-ammont ta’ dawn l-ispejjeż ta’ finanzjament kienu sostanzjalment iktar baxxi mill-ammont ta’ EUR 30 000 li jikkorrispondi għall-ħlas kontenzjuż.

113    Għall-kuntrarju, ma huwiex xieraq li jittieħed inkunsiderazzjoni l-ħlas kontenzjuż, fid-dawl tal-fatt li dan kien iffinanzjat mir-Reġjun Awtonomu u li dan tal-aħħar ma kienx jifforma unità ma’ SOGAER. F’dan ir-rigward, is-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2008, Ryanair vs Il‑Kummissjoni (T‑196/04, EU:T:2008:585), ma tistax tiġi invokata b’mod utli peress li, kuntrarjament għall-każ inkwistjoni li fih ir-Reġjun Awtonomu ma kienx iżomm lil SOGAER, ir-Reġjun ta’ Wallonie kien iżomm l-ishma kollha tal-operatur tal-ajruport ta’ Charleroi (il-Belġju).

114    Il-Kummissjoni tqis, prinċipalment, li t-tieni parti tal-ewwel motiv hija ineffettiva sa fejn tqiegħed fid-dubju biss il-konstatazzjonijiet, li jinsabu fil-premessi 385 sa 387 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar l-applikazzjoni konkreta tal-prinċipju tal-operatur privat, mingħajr ma tikkontesta l-konstatazzjoni, li tinsab fil-premessi 380 sa 383 tal-imsemmija deċiżjoni, dwar l-“inapplikabbiltà” tal-imsemmi prinċipju għar-raġuni li r-Reġjun Awtonomu kien qiegħed ifittex li jilħaq għanijiet ta’ politika ekonomika ġenerali, iktar milli għanijiet ta’ profittabbiltà tal-ajruporti kkonċernati. Sussidjarjament, il-Kummissjoni tqis li t-tieni parti hija infondata.

115    Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari l-argument li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż ta’ finanzjament bħala spejjeż rilevanti fl-eżerċizzju ta’ tpaċija msemmi mir-rikorrenti, dan huwa inammissibbli.

–       Fuq l-ammissibbiltà tal-argument dwar l-ispejjeż ta’ finanzjament

116    Skont il-Kummissjoni, permezz tal-argument tagħha dwar l-ispejjeż ta’ finanzjament, ir-rikorrenti ssostni, fl-istadju tar-replika, li dawn l-ispejjeż, iktar milli l-ħlas kontenzjuż, jikkostitwixxu l-għajnuna rilevanti. Billi tagħmel dan, ir-rikorrenti tippreżenta motiv ġdid u, għaldaqstant, inammissibbli.

117    Bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali fuq dan il-punt, ir-rikorrenti spjegat li dan l-argument kien jifforma parti mill-estensjoni tal-argument prinċipali tagħha li l-Kummissjoni messha eżaminat l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat fuq il-livell ta’ SOGAER iktar milli fuq dak tar-Reġjun Awtonomu. Sussidjarjament, hija żiedet li l-bilanċ, li jirriżulta minn tpaċija tal-ispejjeż u tad-dħul marbut mal-kuntratt kontenzjuż, ikun pożittiv meta jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm l-ammont ta’ EUR 30 000 tal-ħlas kontenzjuż kif ukoll l-ammont tal-ispejjeż ta’ finanzjament, li huwa sostanzjament iktar baxx minn EUR 30 000, u b’hekk l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat hija eskluża fiż-żewġ ipoteżijiet.

118    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm, diġà fir-rikors, ir-rikorrenti sostniet li kellu jiġi vverifikat jekk SOGAER kinitx aġixxiet bħala operatur privat u kellu jitwettaq eżerċizzju ta’ tpaċija tal-ispejjeż u tad-dħul marbuta mal-kuntratt kontenzjuż, li għandu jinftiehem fis-sens li jirrigwarda analiżi tal-profitabbiltà inkrementali tal-kuntratt kontenzjuż, f’dan l-istadju tal-imsemmi rikors, ir-rikorrenti kienet għamlet riferiment biss għall-ħlas kontenzjuż u bl-ebda mod ma kienet għamlet riferiment għall-ispejjeż ta’ finanzjament. Huwa fl-istadju tar-replika li r-rikorrenti, għall-ewwel darba, semmiet l-ispejjeż ta’ finanzjament, u b’hekk wettqet żvilupp fir-rigward tal-ispejjeż rilevanti li kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-analiżi tal-profittabbiltà inkrementali.

119    Barra minn hekk, ir-rikorrenti wettqet bidla simili fl-argument tagħha fil-kuntest tat-tielet motiv, dwar l-eżistenza ta’ għajnuna de minimis. Filwaqt li, fir-rikors, hija sostniet li l-ammont tal-ħlas kontenzjuż kien ferm iktar baxx mil-livell rilevanti ta’ EUR 200 000, sussegwentement, fir-replika, hija rreferiet għall-ammont tal-ispejjeż ta’ finanzjament, sostanzjament iktar baxx minn EUR 30 000.

120    Issa, billi pproċediet b’dan il-mod, ir-rikorrenti biddlet aspett essenzjali tal-argument tagħha, peress li, bl-iskuża ta’ argument li jispeċifika l-analiżi tal-profittabbiltà inkrementali msemmija fir-rikors, hija tikkontesta l-għan innifsu tal-għajnuna identifikata fid-deċiżjoni kkontestata u, fl-aħħar mill-aħħar, l-ammont li, jekk ikun il-każ, għandu jiġi rrimborsat skont l-obbligu ta’ rkupru stabbilit fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata.

121    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-argument dwar l-ispejjeż ta’ funzjonament ma jikkostitwixxix estensjoni, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 61 iktar ’il fuq, tat-tieni parti tal-ewwel motiv kif ġiet ippreżentata fir-rikors. Għaldaqstant, l-imsemmi argument għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

–       Fuq il-fondatezza tat-tieni parti tal-ewwel motiv

122    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni messha eżaminat jekk, meta kkonkludiet il-kuntratt kontenzjuż u meta wettqet il-ħlas kontenzjuż, SOGAER ipproċedietx skont il-prinċipju tal-operatur privat.

123    F’dan ir-rigward, għandu qabelxejn jitfakkar li, għall-motivi esposti fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti twettaq żball meta ssostni li SOGAER tikkostitwixxi l-livell rilevanti sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat.

124    Sa fejn hija bbażata fuq premessa żbaljata, it-tieni parti tal-ewwel motiv tista’ biss tiġi miċħuda bħala infondata. Fil-fatt, peress li l-operaturi tal-ajruporti kellhom biss rwol ta’ intermedjarji, il-prinċipju tal-operatur privat ma kienx intiż li japplika fuq il-livell tagħhom, kif qieset, essenzjalment, il-Kummissjoni fil-premessa 387 tad-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li tafferma r-rikorrenti, il-Kummissjoni mmotivat sewwa l-konklużjoni tagħha, li skontha ma kienx possibbli għaliha li tevalwa r-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-operaturi tal-ajruporti u l-kumpanniji tal-ajru, billi speċifikat, fl-imsemmija premessa, li l-imsemmija operaturi ma kinux aġixxew bħala operaturi f’ekonomija tas-suq peress li dawn sempliċement implimentaw l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża maħsuba mir-Reġjun Awtonomu.

125    Għall-kompletezza, għandu jiġi rrilevat li l-operaturi tal-ajruporti kkonċernati, jiġifieri dawk ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia, ma kinux miżmuma mir-Reġjun Awtonomu, ħaġa li barra minn hekk ma hijiex ikkontestata mir-rikorrenti. Għaldaqstant, l-imsemmi reġjun ma setax jistenna, bħala azzjonarju, dħul ekonomiku ftit jew wisq fit-tul mill-fondi li huwa qiegħed għad-dispożizzjoni tal-imsemmija operaturi u, għal din ir-raġuni wkoll, il-prinċipju tal-operatur privat ma kienx intiż li japplika.

126    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, peress li t-tranżazzjonijiet imwettqa bejn il-kumpanniji tal-ajru u l-operaturi tal-ajruporti ma kinux intiżi li jiġu eżaminati fid-dawl tal-prinċipju tal-operatur privat, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata teżamina l-applikazzjoni konkreta ta’ dan il-prinċipju fil-każ tar-rikorrenti.

127    Għaldaqstant, l-ewwel nett, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata twettaq analiżi tal-profittabbiltà inkrementali tal-kuntratt kontenzjuż. Konsegwentement, l-allegata prova, prodotta mir-rikorrenti bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali, tal-profittabbiltà tal-ħlas kontenzjuż hija irrilevanti. Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li din il-prova ma tistax titqies li hija analiżi valida tal-profittabbiltà inkrementali. Huwa suffiċjenti li jiġi osservat, b’mod partikolari, li r-rikorrenti tidentifika, bħala dħul rilevanti, it-tariffi tal-ajruporti kollha mħallsa mir-rikorrenti lil SOGAER għal perijodu mill-2011 sal-2015. Billi tagħmel dan, hija tinkludi tariffi tal-ajruporti, għal kważi sentejn, li jippreċedu t-tnedija tal-kampanja ta’ promozzjoni kkonċernata mill-kuntratt kontenzjuż u ma tevalwax l-ammont tal-imsemmija tariffi li jirriżulta minn żieda fil-frekwentazzjoni tal-ajruport ta’ Cagliari-Elmas wara l-imsemmija kampanja. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tidentifika, bħala spejjeż rilevanti, il-ħlas kontenzjuż biss, u tinjora spejjeż oħra ta’ SOGAER marbuta, b’mod partikolari, ma’ tali żieda fil-frekwentazzjoni tal-imsemmi ajruport.

128    Fir-rigward tal-kumplament, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti twettaq qari żbaljat tal-premessa 376 tad-deċiżjoni kkontestata, li ma tirrigwardax il-modalitajiet tal-analiżi tal-profittabbiltà inkrementali. Din il-premessa tirrigwarda l-kwistjoni, distinta, dwar jekk l-ispejjeż tas-servizzi ta’ marketing previsti mill-kuntratti konklużi bejn l-operaturi tal-ajruporti u l-kumpanniji tal-ajru jikkostitwixxux spejjeż li normalment għandhom ikunu sostnuti minn dawn il-kumpanniji.

129    It-tieni nett, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu li titlob ex officio lill-operaturi tal-ajruporti jipproduċu l-eventwali analiżijiet ex ante tal-profittabbiltà tal-ħlasijiet magħmula lill-kumpanniji tal-ajru, peress li dawn l-analiżijiet kienu jaqgħu ukoll taħt l-applikazzjoni konkreta tal-prinċipju tal-operatur privat fuq il-livell ta’ SOGAER. Barra minn hekk, kif tirrileva ġustament il-Kummissjoni, ċerti partijiet interessati, fosthom SOGAER, ippreżentaw osservazzjonijiet, li jirrigwardaw b’mod partikolari l-applikazzjoni potenzjali tal-prinċipju tal-operatur privat, li kellhom magħhom dokumenti li dawn il-partijiet qiesu li kienu rilevanti, filwaqt li r-rikorrenti ma pparteċipatx fil-proċedura amministrattiva.

130    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ma ħaditx inkunsiderazzjoni eventwali punti ta’ fatt jew ta’ liġi li setgħu jiġu ppreżentati lilha matul il-proċedura amministrattiva, iżda li ma ġewx ippreżentati, peress li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata teżamina ex officio u li tbassar liema huma l-elementi li setgħu jiġu ppreżentati lilha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2019, Achemos Grupė u Achema vs Il‑Kummissjoni, T‑417/16, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2019:597, punt 60).

131    It-tielet nett, huwa wkoll irrilevanti l-argument imressaq mir-rikorrenti, waqt is-seduta, li l-fatt li hija investiet EUR 10 000, minbarra l-ammont ta’ EUR 30 000 mħallas minn SOGAER, fil-kampanja ta’ promozzjoni li hija s-suġġett tal-kuntratt kontenzjuż, kif imsemmi fil-punt 24 iktar ’il fuq, itendi li jipprova li SOGAER aġixxiet bħala operatur privat.

132    Fir-rigward tal-kumplament, sa fejn ir-rikorrenti tfittex li tislet argument mill-ġurisprudenza li skontha l-parteċipazzjoni, simultanja u f’kundizzjonijiet paragunabbli, ta’ organi pubbliċi u ta’ operaturi privati, fi tranżazzjoni partikolari, tippermetti li minnha jiġi dedott li din it-tranżazzjoni titwettaq f’kundizzjonijiet li jistgħu jissodisfaw il-prinċipju tal-operatur privat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2000, Alitalia vs Il‑Kummissjoni, T‑296/97, EU:T:2000:289, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata), dan l-argument għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, fil-każ inkwistjoni, SOGAER ma tistax titqies li pparteċipat, f’kundizzjonijiet paragunabbli, fl-istess tranżazzjoni bħar-rikorrenti, peress li SOGAER ma hijiex kumpannija tal-ajru. Għaldaqstant, SOGAER ma setgħetx tistenna profitti analogi għal dawk li r-rikorrenti kienet qiegħda tistenna li twettaq mill-parteċipazzjoni finanzjarja tagħha f’din il-kampanja, jiġifieri b’mod partikolari dawk li jirriżultaw minn żieda fil-bejgħ ta’ biljetti jew ta’ servizzi abbord l-ajruplani tagħha għar-rotot tal-ajru kkonċernati.

133    Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda l-allegazzjoni tar-rikorrenti li kellu jiġi applikat il-prinċipju tal-operatur privat fuq il-livell tal-operaturi tal-ajruporti peress li d-deċiżjoni kkontestata stess, b’mod partikolari fil-premessi 382 u 385, tindika li dan ma kienx japplika fuq il-livell tar-Reġjun Awtonomu, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti twettaq qari żbaljat ta’ dawn il-premessi. Fil-fatt, minn dawn il-premessi jirriżulta biss li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat fuq il-livell ta’ dan ir-reġjun, il-prinċipju tal-operatur privat ma kienx applikabbli, peress li dan ir-reġjun kien qiegħed ifittex li jilħaq għanijiet ta’ politika pubblika iktar milli d-dħul li operatur privat seta’ jistenna minn tranżazzjonijiet ma’ kumpanniji tal-ajru.

134    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondata u, konsegwentement, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn il-Kummissjoni ma pprovatx li l-għajnuna li minnha bbenefikat ir-rikorrenti kienet twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u kienet taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri

135    Insostenn tat-tieni motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni ma pprovatx li l-għajnuna li minnha bbenefikat ir-rikorrenti kienet twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u kienet taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, ir-rikorrenti ssostni, fil-kuntest tal-ewwel parti, li l-Kummissjoni messha stabbilixxiet kif il-ħlas kontenzjuż, u mhux l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, wassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u affettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Fil-kuntest tat-tieni parti, ippreżentata sussidjarjament, ir-rikorrenti ssostni li, anki jekk jitqies li l-Kummissjoni tista’ tillimita ruħha li teżamina l-imsemmija skema, id-deċiżjoni kkontestata hija mmotivata insuffiċjentement fir-rigward tal-fatt li din l-iskema setgħet twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni u setgħet taffettwa l-kummerċ.

136    Il-Kummissjoni titlob li t-tieni motiv jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat. B’mod partikolari, sa fejn ir-rikorrenti ssostni li l-ħlas kontenzjuż jikkostitwixxi għajnuna individwali, mogħtija ad hoc iktar milli skont skema ta’ għajnuna, l-ewwel parti hija inammissibbli.

 Fuq l-ewwel parti, dwar l-eżami tal-ħlas kontenzjuż minflok tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża

137    Ir-rikorrenti ssostni li, fid-dawl tal-fatt li, fost is-sittax-il kumpannija tal-ajru kkonċernati, hija kienet irċeviet l-inqas ħlas għoli, li jammonta għal EUR 30 000, ma jistax jiġi aċċettat li l-Kummissjoni qiegħdet lil dawn il-kumpanniji kollha fuq l-istess livell u ma eżaminatx il-ħlas kontenzjuż b’mod iżolat. Barra minn hekk, hija tqis li l-Kummissjoni ma setgħetx tillimita ruħha li teżamina l-impatt tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, peress li din it-tilwima ma tirrigwardax skema ta’ għajnuna.

138    Il-Kummissjoni ssostni, billi tibbaża ruħha b’mod partikolari fuq il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2011, Comitato “Venezia vuole vivere” et vs Il‑Kummissjoni (C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, EU:C:2011:368, punt 63), li, fil-każ ta’ skema ta’ għajnuna, bħal f’dan il-każ, hija tista’ tillimita ruħha li tistudja l-karatteristiċi tal-iskema inkwistjoni sabiex tevalwa, fil-motivi tad-deċiżjoni, jekk, minħabba l-ammonti jew il-perċentwali għolja tal-għajnuna, il-karatteristiċi tal-investimenti sostnuti jew modalitajiet oħra previsti minn din l-iskema, din tal-aħħar tagħtix vantaġġ sinjifikattiv lill-benefiċjarji meta mqabbla mal-kompetituri tagħhom u hijiex ta’ natura li tibbenefika essenzjalment lil impriżi li jipparteċipaw fil-kummerċ bejn Stati Membri. Għaldaqstant, il-Kummissjoni, f’deċiżjoni li tirrigwarda tali skema, ma hijiex obbligata twettaq analiżi tal-għajnuna mogħtija f’kull każ individwali abbażi tal-imsemmija skema.

139    Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, sa fejn ir-rikorrenti ssostni li l-ħlas kontenzjuż jikkostitwixxi għajnuna individwali ad hoc iktar milli għajnuna individwali mogħtija skont skema ta’ għajnuna u, billi tagħmel dan, tikkontesta l-klassifikazzjoni tal-miżuri kontenzjużi bħala “skema ta’ għajnuna”, ir-rikorrenti ma pprovdiet ebda spjegazzjoni u lanqas, a fortiori, ma pproduċiet provi li jsostnu l-pożizzjoni tagħha, b’mod li tali argument huwa inammissibbli. Sussidjarjament, dan l-argument huwa infondat peress li l-operaturi tal-ajruporti ma għandhom ebda setgħa diskrezzjonali u sempliċement jittrasferixxu għajnuna individwali skont l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża.

140    F’dan ir-rigward, għandu qabelxejn jiġi osservat li r-rikorrenti, fil-kuntest tal-ewwel motiv, sostniet li l-Kummissjoni messha evalwat l-eżistenza ta’ għajnuna fuq il-livell ta’ SOGAER iktar milli fuq il-livell tar-Reġjun Awtonomu. Issa, dan l-argument ġie miċħud bħala infondat.

141    Għaldaqstant, sa fejn l-argument tar-rikorrenti, imressaq fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tieni motiv, huwa bbażat fuq dak żviluppat fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, fis-sens li l-ħlas kontenzjuż għandu jiġi eżaminat b’mod iżolat peress li SOGAER tikkostitwixxi l-livell rilevanti għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, dan l-argument huwa bbażat fuq premessa żbaljata u għalhekk għandu jiġi miċħud bħala infondat. Ir-riferiment, min-naħa tar-rikorrenti, għall-premessa 48 tad-deċiżjoni kkontestata, li sempliċement tikkonstata li l-operaturi tal-ajruporti kellhom jikkonkludu ftehimiet ta’ marketing sabiex jimplimentaw l-attività 2, ma jistax jinvalida din il-konklużjoni.

142    Madankollu, sa fejn ir-rikorrenti tfittex, kif issostni l-Kummissjoni, li tikkontesta l-klassifikazzjoni tal-miżuri kontenzjużi bħala skema ta’ għajnuna, għandu wkoll jiġi eżaminat jekk dan l-aspett tal-argument tar-rikorrenti huwiex ammissibbli u, jekk ikun il-każ, fondat.

143    Mistoqsija mill-Qorti Ġenerali dwar l-ammissibbiltà ta’ tali argument, ir-rikorrenti tqis li spjegat il-pożizzjoni tagħha f’dan ir-rigward billi sostniet, fil-kuntest tal-ewwel motiv, li l-Kummissjoni, sabiex tevalwa l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, messha eżaminat il-kuntratt kontenzjuż iktar milli l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża li ma hijiex rilevanti. Barra minn hekk, din il-pożizzjoni hija koerenti mal-premessa 48 tad-deċiżjoni kkontestata li tirrigwarda espressament il-kuntratti ta’ marketing konklużi bejn l-operaturi tal-ajruporti u l-kumpanniji tal-ajru. Għaldaqstant, ir-rikorrenti tqis li, permezz tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tagħha, il-Kummissjoni tfittex li taqleb l-oneru tal-prova, peress li hija l-Kummissjoni li, fid-dawl tal-fatt li SOGAER kienet impriża pubblika, kienet obbligata tivverifika jekk dan l-operatur tal-ajruport kienx aġixxa bħala operatur privat f’ekonomija tas-suq.

144    Barra minn hekk, filwaqt li tibbaża ruħha fuq il-punt 87 tas-sentenza tal-14 ta’ Frar 2019, Il‑Belġju u Magnetrol International vs Il‑Kummissjoni (T‑131/16 u T‑263/16, taħt appell, EU:T:2019:91), ir-rikorrenti żżid li l-klassifikazzjoni bħala skema ta’ għajnuna tiddependi b’mod partikolari mill-kundizzjoni li l-awtoritajiet rilevanti ma jkollhomx marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tad-determinazzjoni tal-elementi essenzjali tal-għajnuna inkwistjoni u fir-rigward tal-opportunità tal-għoti tagħha, ħaġa li ma tapplikax f’dan il-każ peress li d-deċiżjoni kkontestata bl-ebda mod ma ssemmi assenza ta’ marġni ta’ diskrezzjoni f’dak li jirrigwarda l-operaturi tal-ajruporti fl-implimentazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża.

145    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li huwa applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess statut, u skont l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, kull rikors għandu jindika s-suġġett tal-kawża, il-motivi u l-argumenti invokati kif ukoll espożizzjoni fil-qosor ta’ dawn il-motivi. Din il-preżentazzjoni għandha tkun suffiċjentement ċara u preċiża sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali twettaq l-istħarriġ tagħha. Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex tkun iggarantita ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa neċessarju, sabiex rikors ikun ammissibbli, li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat jirriżultaw, tal-inqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors innifsu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ April 2012, Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni, T‑49/09, mhux ippubblikata, EU:T:2012:186, punt 90, u tas-16 ta’ Ottubru 2013, TF1 vs Il‑Kummissjoni, T‑275/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:535, punt 95).

146    F’dan il-każ, mill-argumenti esposti fil-punt 137 iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrenti essenzjalment illimitat ruħha li tafferma li ma jistax jiġi aċċettat li l-Kummissjoni tqiegħed il-kumpanniji tal-ajru kollha fuq l-istess livell u li din it-tilwima ma tirrigwardax skema ta’ għajnuna. Ir-rikorrenti semmiet ukoll l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża fil-kuntest tat-tielet motiv, iżda biss sabiex tafferma li “it-tilwima ma tirrigwardax l-iskema ta’ appoġġ għall-kumpanniji tal-ajru, iżda tirrigwarda l-obbligu ta’ ħlas lura konkret” impost mid-deċiżjoni kkontestata. Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tispjegax kif il-Kummissjoni żbaljat meta qieset, fil-premessa 349 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-miżuri kontenzjużi kienu jikkostitwixxu skema ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589, iktar u iktar peress li la ssemmi din il-premessa u lanqas din id-dispożizzjoni.

147    Huwa minnu li ma jistax jiġi eskluż li wħud mill-argumenti mressqa insostenn tal-ewwel parti tal-ewwel motiv jistgħu jkunu rilevanti fil-kuntest ta’ argument li jfittex li jikkontesta l-klassifikazzjoni tal-miżuri kontenzjużi bħala skema ta’ għajnuna. Madankollu, dan ma jistax ikun suffiċjenti sabiex jiġi ammess li r-rikorrenti qiegħdet din il-klassifikazzjoni fid-dubju. Fil-fatt, tali klassifikazzjoni bħala skema ta’ għajnuna hija ta’ natura differenti mill-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat. Għaldaqstant, din l-evalwazzjoni tal-aħħar tikkonsisti fl-eżami jekk, f’każ individwali, l-erba’ kriterji kumulattivi previsti fl-Artikolu 107(1) TFUE humiex issodisfatti. Għall-kuntrarju, il-klassifikazzjoni bħala skema ta’ għajnuna hija intiża li tippermetti lill-Kummissjoni, fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva waħda biss, twettaq dan l-eżami b’mod konġunt fir-rigward ta’ diversi każijiet ta’ għajnuna individwali, għal finijiet ta’ effiċjenza proċedurali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 1994, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑47/91, EU:C:1994:358, punt 21).

148    Issa, fin-nuqqas li ssostni l-argument tagħha li jfittex li jikkontesta l-klassifikazzjoni tal-miżuri kontenzjużi bħala skema ta’ għajnuna, ir-rikorrenti twassal lill-Kummissjoni u lill-Qorti Ġenerali sabiex jipproċedu permezz ta’ konġetturi fir-rigward tar-raġunamenti u tal-kunsiderazzjonijiet preċiżi, kemm fattwali kif ukoll legali, li setgħu kienu ta’ natura li jissostanzjaw il-kontestazzjoni tagħha. B’mod partikolari, hija tali sitwazzjoni, li twassal għal inċertezza legali u li hija inkompatibbli ma’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, li l-Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura għandu l-għan li jevita (ara, f’dan is-sens, id-digriet tad-19 ta’ Mejju 2008, TF1 vs Il‑Kummissjoni, T‑144/04, EU:T:2008:155, punt 57).

149    Minn dan jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, ir-rekwiżit li hija ssostni l-argument tagħha ma jimplikax inverżjoni tal-oneru tal-prova. Peress li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-Liġi Nru 10/2010 u l-atti ta’ implimentazzjoni tagħha kienu jikkostitwixxu skema ta’ għajnuna, ir-rikorrenti kienet obbligata, fil-każ li xtaqet tikkontesta din il-klassifikazzjoni, tressaq argument f’dan is-sens.

150    L-analiżi preċedenti ma titqigħedx fid-dubju mill-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-punt 87 tas-sentenza tal-14 ta’ Frar 2019, Il‑Belġju u Magnetrol International vs Il‑Kummissjoni (T‑131/16 u T‑263/16, taħt appell, EU:T:2019:91), peress li r-rikorrenti ma tistax, fl-okkażjoni ta’ tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, tagħmel tajjeb għall-assenza ta’ preżentazzjoni suffiċjentement ċara u preċiża, fit-test tar-rikors innifsu, ta’ motiv li jikkontesta l-klassifikazzjoni tal-miżuri kontenzjużi bħala skema ta’ għajnuna, mingħajr ma l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura jiċċaħħad minn kull portata (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, id-digriet tad-19 ta’ Mejju 2008, TF1 vs Il‑Kummissjoni, T‑144/04, EU:T:2008:155, punt 30).

151    Fi kwalunkwe każ, dan l-argument huwa żbaljat. Fil-fatt, l-operaturi tal-ajruporti ma kinux jikkostitwixxu l-“awtoritajiet nazzjonali” previsti mir-rekwiżit, li jirriżulta mill-punt 87 tas-sentenza tal-14 ta’ Frar 2019, Il-Belġju u Magnetrol International vs Il‑Kummissjoni (T‑131/16 u T‑263/16, taħt appell, EU:T:2019:91), li skontu awtoritajiet nazzjonali li japplikaw skema ta’ għajnuna ma jistax ikollhom marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tad-determinazzjoni tal-elementi essenzjali tal-għajnuna inkwistjoni u fir-rigward tal-opportunità tal-għoti tagħha, peress li, skont il-Liġi Nru 10/2010 u t-testi ta’ implimentazzjoni tagħha, kien l-Eżekuttiv Reġjonali tar-Reġjun Awtonomu li kellu tali rwol. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li tafferma r-rikorrenti, mid-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari mill-premessi 360, 387 u 402, jirriżulta li l-Kummissjoni qieset li l-imsemmija operaturi ma kellhomx marġni ta’ diskrezzjoni, peress li kellhom rwol ta’ intermedjarji fl-implimentazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża.

152    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondata.

 Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, dwar l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-impatt tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri

153    Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li, anki jekk jitqies li l-Kummissjoni tista’ tillimita ruħha li teżamina l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, id-deċiżjoni kkontestata hija mmotivata insuffiċjentement fir-rigward tal-fatt li din l-iskema setgħet twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni u setgħet taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. B’mod partikolari, fil-premessi 390 sa 392 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni essenzjalment illimitat ruħha li tipprovdi raġunament ċirkolari kkostitwit minn allegazzjonijiet dwar il-liberalizzazzjoni tas-settur tat-trasport bl-ajru, mingħajr ma spjegat kif ir-rikorrenti bbenefikat minn vantaġġ sinjifikattiv, kif madankollu teżiġi l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 1987, Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (248/84, EU:C:1987:437, punt 18).

154    Il-Kummissjoni tqis li l-premessi 390 sa 392 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-konstatazzjonijiet tagħhom ma humiex ikkontestati mir-rikorrenti, huma sostnuti suffiċjentement fid-dawl tal-ġurisprudenza rilevanti, inkluża s-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 1987, Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (248/84, EU:C:1987:437).

155    F’dan ir-rigward, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ miżura nazzjonali bħala għajnuna mill-Istat, ma huwiex neċessarju li jiġi stabbilit effett reali tal-għajnuna inkwistjoni fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u distorsjoni effettiva tal-kompetizzjoni, iżda għandu jiġi eżaminat biss jekk din l-għajnuna tistax taffettwa dan il-kummerċ u twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 2005, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑66/02, EU:C:2005:768, punt 111, u tad-9 ta’ Ġunju 2011, Comitato “Venezia vuole vivere” et vs Il‑Kummissjoni, C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, EU:C:2011:368, punt 134).

156    B’mod partikolari, meta għajnuna mogħtija minn Stat Membru ssaħħaħ il-pożizzjoni ta’ impriża meta mqabbla mal-pożizzjoni ta’ impriżi kompetituri oħra fil-kummerċ fi ħdan l-Unjoni, dan tal-aħħar għandu jitqies li huwa affettwat mill-għajnuna (ara s-sentenza tad-9 ta’ Ottubru 2014, Ministerio de Defensa u Navantia, C‑522/13, EU:C:2014:2262, punti 51 u 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

157    Barra minn hekk, fil-każ ta’ skema ta’ għajnuna, bħal f’dan il-każ, il-Kummissjoni tista’ tillimita ruħha li tistudja l-karatteristiċi tal-iskema inkwistjoni sabiex tevalwa, fil-motivi tad-deċiżjoni, jekk, minħabba l-ammonti jew il-perċentwali għolja tal-għajnuna, il-karatteristiċi tal-investimenti sostnuti jew modalitajiet oħra previsti minn din l-iskema, din tal-aħħar tagħtix vantaġġ sinjifikattiv lill-benefiċjarji meta mqabbla mal-kompetituri tagħhom u hijiex ta’ natura li tibbenefika essenzjalment lil impriżi li jipparteċipaw fil-kummerċ bejn Stati Membri. Għaldaqstant, il-Kummissjoni, f’deċiżjoni li tirrigwarda tali skema, ma hijiex obbligata twettaq analiżi tal-għajnuna mogħtija f’kull każ individwali abbażi tal-imsemmija skema. Huwa biss fl-istadju tal-irkupru tal-għajnuna li huwa neċessarju li tiġi vverifikata s-sitwazzjoni individwali ta’ kull impriża kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Ottubru 1987, Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, 248/84, EU:C:1987:437, punt 18, u tad-9 ta’ Ġunju 2011, Comitato “Venezia vuole vivere” et vs Il‑Kummissjoni, C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, EU:C:2011:368, punt 63).

158    F’dan il-każ, fil-premessi 390 sa 392 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni spjegat li l-kumpanniji tal-ajru, li jibbenefikaw mill-ħlasijiet imwettqa mill-operaturi tal-ajruporti skont l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, kienu attivi f’settur ikkaratterizzat minn kompetizzjoni intensa bejn operaturi li ġejjin minn Stati Membri differenti u għalhekk kienu jipparteċipaw f’kummerċ fi ħdan l-Unjoni. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat, kif jirriżulta barra minn hekk mid-deċiżjoni kkontestata u, b’mod partikolari, mit-Tabella 15 li tinsab fil-premessa 427, li l-ammonti tal-ħlasijiet imwettqa favur il-kumpanniji tal-ajru setgħu jkunu għolja.

159    Fid-dawl tal-prinċipji mfakkra fil-punti 155 sa 157 iktar ’il fuq, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-premessi 390 sa 392 tad-deċiżjoni kkontestata kienu suffiċjenti fid-dawl tal-obbligu ta’ motivazzjoni li jaqa’ fuq il-Kummissjoni u din tal-aħħar ma kinitx obbligata tispjega iktar kif ir-rikorrenti, speċifikament, kienet tislet vantaġġ sinjifikattiv mill-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Marzu 2002, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑310/99, EU:C:2002:143, punti 88 u 89, u tad-9 ta’ Ġunju 2011, Comitato “Venezia vuole vivere” et vs Il‑Kummissjoni, C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, EU:C:2011:368, punti 114 u 121).

160    Għalhekk, it-tieni parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata u, għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żball għar-raġuni li l-Kummissjoni ma eżaminatx jekk il-ħlas kontenzjuż kienx jikkostitwixxi għajnuna de minimis

161    Fil-kuntest tat-tielet motiv li jinqasam f’żewġ partijiet, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni wettqet żball, minn naħa, meta naqset milli teżamina ex officio jekk il-ħlas kontenzjuż kienx jikkostitwixxi għajnuna de minimis u, min-naħa l-oħra, meta qieset li r-Regolament de minimis 2006 ma kienx japplika għall-imsemmi ħlas.

162    Il-Kummissjoni titlob li t-tielet motiv jiġi miċħud bħala ineffettiv u, fi kwalunkwe każ, infondat.

 Fuq l-ewwel parti tat-tielet motiv, dwar l-eżami ex officio tan-natura de minimis tal-ħlas kontenzjuż

163    Ir-rikorrenti ssostni li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni wettqet żball meta naqset milli tivverifika jekk il-ħlas kontenzjuż kienx ta’ natura de minimis peress li tali verifika hija marbuta mill-qrib mal-eżami tal-kriterju ta’ effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri u, konsegwentement, jikkostitwixxi kwistjoni ġuridika li l-Kummissjoni għandha dejjem teżamina fuq inizjattiva tagħha.

164    Din il-konklużjoni ma titqigħedx fid-dubju mill-ġurisprudenza, li tirriżulta mis-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2011, Comitato “Venezia vuole vivere” et vs Il‑Kummissjoni (C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, EU:C:2011:368), imsemmija mill-Kummissjoni sabiex issostni li, fil-kuntest ta’ skema ta’ għajnuna, huma l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom iwettqu l-eżami tal-eventwali natura de minimis ta’ miżuri. Fil-fatt, f’dik il-kawża l-oħra, l-ewwel nett, kuntrarjament għall-każ inkwistjoni, il-Kummissjoni eżaminat espressament il-kwistjoni tal-għajnuna de minimis fil-premessa 110 tad-Deċiżjoni 2000/394/KE tagħha tal‑25 ta’ Novembru 1999 dwar il‑miżuri ta’ għajnuna favur impriżi stabbiliti fit-territorju ta’ Venezia u ta’ Chioggia, previsti mil-Liġijiet Nru 30/1997 u Nru 206/1995 li jistabbilixxu tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali (ĠU 2000, L 150, p. 50), liema deċiżjoni ġiet ikkontestata fil-kuntest tal-imsemmija sentenza. It-tieni nett, kuntrarjament għad-deċiżjoni kkontestata li tirrigwarda biss għajnuna inkompatibbli mas-suq intern, id-Deċiżjoni 2000/394 tinkludi dispożittiv “imħallat” li jordna l-irkupru ta’ ċerta għajnuna inkompatibbli filwaqt li jikkonkludi li għajnuna oħra hija kompatibbli mas-suq intern, b’mod li l-implimentazzjoni ta’ din id-deċiżjoni kienet neċessarjament tirrikjedi eżami awtonomu mill-awtoritajiet nazzjonali. Fl-aħħar nett, fil-każ inkwistjoni, l-Artikolu 1(2) tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jidentifika r-rikorrenti b’isimha bħala benefiċjarja ta’ għajnuna u l-Artikolu 2(1) tal-imsemmi dispożittiv jeżiġi l-irkupru tagħha, b’mod li jipprekludu eżami awtonomu min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali, filwaqt li d-dispożittiv tad-Deċiżjoni 2000/394 ma jidentifikax b’isimhom il-benefiċjarji tal-għajnuna li dan id-dispożittiv jordna l-irkupru tagħha.

165    Il-Kummissjoni tiżbalja wkoll meta ssostni li ma kellhiex l-obbligu li teżamina ex officio l-eżistenza ta’ għajnuna de minimis peress li ma kinitx intalbet tagħmel dan mir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva. F’dan ir-rigward, is-sentenza tat-22 ta’ Jannar 2013, Salzgitter vs Il‑Kummissjoni (T‑308/00 RENV, EU:T:2013:30, punt 121), imsemmija mill-Kummissjoni, hija irrilevanti, peress li s-silta minn din is-sentenza li tibbaża ruħha fuqha l-Kummissjoni tirrigwarda l-kriterju tas-selettività ta’ miżura u mhux, bħal f’dan il-każ, il-kriterju tal-effett fuq il-kummerċ. Barra minn hekk, matul il-proċedura amministrattiva preċedenti għad-deċiżjoni li ġiet ikkontestata fil-kuntest tal-imsemmija sentenza, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli ssostni li l-koeżistenza tal-iskema fiskali li kienet is-suġġett tal-eżami mill-Kummissjoni u ta’ skema fiskali distinta kienet ta’ natura li telimina s-selettività ta’ parti mill-vantaġġi kontenzjużi miksuba mir-rikorrenti fil-kawża inkwistjoni. Issa, din l-ommissjoni tirrigwarda fatti rilevanti u għalhekk tikkostitwixxi kwistjoni fattwali, filwaqt li, fil-każ inkwistjoni, l-allegata ommissjoni tar-rikorrenti tirrigwarda n-natura de minimis tal-ħlas kontenzjuż u, għaldaqstant, kwistjoni ġuridika li l-Kummissjoni kellha teżamina ex officio.

166    Il-Kummissjoni titlob li l-ewwel parti tat-tielet motiv tiġi miċħuda bħala infondata.

167    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-eżami ta’ skema ta’ għajnuna, il-Kummissjoni tista’ tillimita ruħha li tistudja l-karatteristiċi tal-iskema inkwistjoni u ma hijiex obbligata twettaq analiżi tal-għajnuna mogħtija f’kull każ individwali abbażi ta’ tali skema. Huwa biss fl-istadju tal-irkupru tal-għajnuna li huwa neċessarju li tiġi vverifikata, fuq il-livell nazzjonali, is-sitwazzjoni individwali ta’ kull impriża kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2011, Comitato “Venezia vuole vivere” et vs Il‑Kummissjoni, C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, EU:C:2011:368, punt 63).

168    Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata teżamina jekk il-ħlas kontenzjuż kienx ta’ natura de minimis, peress li huma l-awtoritajiet Taljani li għandhom iwettqu dan l-eżami fl-istadju tal-irkupru tal-għajnuna.

169    Din il-konstatazzjoni ma titqigħedx fid-dubju mit-tliet argumenti mressqa mir-rikorrenti sabiex tillimita l-portata tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 167 iktar ’il fuq, billi tfittex li tagħmel distinzjoni bejn id-deċiżjoni kkontestata u d-Deċiżjoni 2000/394, li ġiet ikkontestata fil-kuntest tar-rikorsi li wasslu għal din il-ġurisprudenza.

170    Fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda l-fatt li, kuntrarjament għall-każ inkwistjoni, id-Deċiżjoni 2000/394 kienet tirrigwarda espressament, fil-premessa 110, ir-regoli de minimis, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni, fl-imsemmija premessa 110, ma kinitx wettqet eżami konkret tan-natura de minimis tal-miżuri inkwistjoni fl-imsemmija deċiżjoni, iżda llimitat ruħha, kif tirrileva ġustament il-Kummissjoni, li tagħmel riferiment ta’ natura ġenerali għar-regoli de minimis. Għaldaqstant, l-assenza ta’ premessa analoga fid-deċiżjoni kkontestata ma tistax tiġġustifika li ssir distinzjoni bejn din il-kawża u ċ-ċirkustanzi rilevanti fil-kawża li wasslet għas-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2011, Comitato “Venezia vuole vivere” et vs Il‑Kummissjoni (C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, EU:C:2011:368). Din il-konklużjoni hija iktar u iktar neċessarja peress li, kif tirrileva l-Kummissjoni, skont l-Artikolu 288 TFUE, ir-regolamenti de minimis huma direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

171    Barra minn hekk, raġunament tal-Qorti Ġenerali simili għall-argument imressaq mir-rikorrenti diġà ġie miċħud mill-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, fis-sentenza tat-28 ta’ Novembru 2008, Hotel Cipriani et vs Il‑Kummissjoni (T‑254/00, T‑270/00 u T‑277/00, EU:T:2008:537, punti 100 sa 111 u 251 sa 252), il-Qorti Ġenerali kienet iddeċidiet li, fl-implimentazzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni f’dik il-kawża, għalkemm ma kienx il-kompitu tal-awtoritajiet nazzjonali li jivverifikaw f’kull każ individwali jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE kinux issodisfatti, f’dak il-każ inkwistjoni, dawn l-awtoritajiet ma kellhomx jirkupraw l-għajnuna individwali de minimis, peress li d-Deċiżjoni 2000/394 kellha tiġi interpretata, fid-dawl tal-premessa 110 tagħha, fis-sens li teskludi l-klassifikazzjoni bħala għajnuna għall-miżuri li kienu josservaw ir-regola de minimis. Madankollu, fis-sentenza tagħha tad-9 ta’ Ġunju 2011, Comitato “Venezia vuole vivere” et vs Il‑Kummissjoni (C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, EU:C:2011:368), li ddeċidiet fuq appell mis-sentenza tat-28 ta’ Novembru 2008, Hotel Cipriani et vs Il‑Kummissjoni (T‑254/00, T‑270/00 u T‑277/00, EU:T:2008:537), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sa fejn il-Qorti Ġenerali, sabiex waslet għal din il-konklużjoni, ibbażat ruħha fuq interpretazzjoni żbaljata tal-portata tal-imsemmija deċiżjoni, li skontha l-awtoritajiet nazzjonali ma kinux marbuta li jivverifikaw f’kull każ individwali jekk il-vantaġġ mogħti setax, għall-benefiċjarju tiegħu, iwassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni u jaffettwa l-kummerċ fi ħdan l-Unjoni, il-Qorti Ġenerali kienet injorat il-ġurisprudenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja li skontha, meta l-Kummissjoni tiddeċiedi b’mod ġenerali u astratt fuq skema ta’ għajnuna, li hija tiddikjara inkompatibbli mas-suq intern u tordna l-irkupru tal-ammonti rċevuti abbażi ta’ din l-iskema, huwa l-Istat Membru li għandu jivverifika s‑sitwazzjoni individwali ta’ kull impriża kkonċernata minn operazzjoni ta’ rkupru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2011, Comitato “Venezia vuole vivere” et vs Il‑Kummissjoni, C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, EU:C:2011:368, punti 61 sa 64 u 114 sa 117).

172    Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-argument dwar in-natura “imħallta” tad-dispożittiv tad-Deċiżjoni 2000/394, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 171 iktar ’il fuq, meta l-Qorti tal-Ġustizzja semmiet in-neċessità ta’ eżami individwalizzat min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali, hija ma bbażatx ruħha fuq din iċ-ċirkustanza, iżda fakkret il-ġurisprudenza dwar l-obbligi tal-awtoritajiet nazzjonali fl-implimentazzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrigwarda skema ta’ għajnuna.

173    Fit-tielet lok, huwa tabilħaqq minnu li d-dispożittiv tad-Deċiżjoni 2000/394 ma jidentifikax b’isimhom il-benefiċjarji tal-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern, kuntrarjament għall-Artikolu 1(2) tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata li, min-naħa tiegħu, jidentifika r-rikorrenti b’isimha. Madankollu, din iċ-ċirkustanza hija irrilevanti, għaliex huma neċessarjament l-awtoritajiet Taljani li għandhom iwettqu l-verifika tas-sitwazzjoni individwali tar-rikorrenti peress li l-Kummissjoni llimitat ruħha għal analiżi tal-karatteristiċi tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża. Fi kwalunkwe każ, minn qari tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, lil hinn mill-Artikolu 1(2) tiegħu, jirriżulta li l-Kummissjoni tistenna li l-awtoritajiet Taljani jwettqu eżami individwalizzat tas-sitwazzjoni tal-benefiċjarji peress li, fl-Artikolu 4 tal-imsemmi dispożittiv, hija titlob lir-Repubblika Taljana tikkomunikalha, b’mod partikolari, il-lista eżatta tal-benefiċjarji, l-ammont totali li għandu jiġi rkuprat mingħand kull benefiċjarju kif ukoll deskrizzjoni ddettaljata tal-miżuri li diġà ttieħdu u li huma ppjanati sabiex tikkonforma ruħha mad-deċiżjoni kkontestata.

174    Fuq dan il-punt, jirriżulta li l-awtoritajiet Taljani nnotifikaw deċiżjoni ta’ rkupru lir-rikorrenti. Mistoqsija dwar dan waqt is-seduta, ir-rikorrenti wieġbet li ma kinitx ippreżentat rikors nazzjonali kontra l-imsemmija deċiżjoni, kuntrarjament għal dak li madankollu kienet ħabbret il-Kummissjoni fil-kuntest tal-iskambji tagħhom wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Issa, fid-dawl tal-ġurisprudenza esposta iktar ’il fuq, dwar ir-rwoli rispettivi tal-Kummissjoni u tal-awtoritajiet nazzjonali, ir-rikorrenti ma tistax tuża dan ir-rikors sabiex tagħmel tajjeb għan-nuqqas ta’ diliġenza tagħha milli tippreżenta tali rikors nazzjonali.

175    Fir-rigward tal-kumplament, l-argument tar-rikorrenti li jfittex li jikkontesta r-rilevanza tal-kawża li wasslet għas-sentenza tat-22 ta’ Jannar 2013, Salzgitter vs Il‑Kummissjoni (T‑308/00 RENV, EU:T:2013:30), għandu jiġi miċħud. Peress li huma l-awtoritajiet nazzjonali u mhux il-Kummissjoni li għandhom iwettqu l-eżami tas-sitwazzjoni individwali tal-benefiċjarji ta’ skema ta’ għajnuna, il-kwistjoni jekk il-Kummissjoni kellhiex teżamina n-natura de minimis tal-uniku ħlas kontenzjuż, mingħajr ma ntalbet tagħmel dan mir-rikorrenti, huwa ineffettiv.

176    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti tat-tielet motiv, dwar l-applikazzjoni tar-regolamenti de minimis

177    Ir-rikorrenti tinvoka n-natura de minimis tal-ħlas kontenzjuż, billi ssostni li l-imsemmi ħlas jissodisfa l-kundizzjonijiet tar-Regolament de minimis 2006.

178    B’mod partikolari, f’dak li jirrigwarda, qabelxejn, il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament de minimis 2006, ir-rikorrenti tqis li dan ir-regolament japplika f’dan il-każ ratione materiae u ratione temporis, iktar milli r-Regolament de minimis 2013 kif tat x’tifhem il-Kummissjoni fil-posta elettronika tagħha tat-18 ta’ Awwissu 2017.

179    Sussegwentement, f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex għajnuna titqies li hija de minimis, ir-rikorrenti tqis li l-limitu massimu ta’ EUR 200 000 fuq perijodu ta’ tliet snin fiskali, iffissat fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament de minimis 2006, ma nqabiżx f’dan il-każ, fid-dawl tal-ammont ta’ EUR 30 000 tal-ħlas kontenzjuż. Din il-konstatazzjoni iktar u iktar tapplika f’dak li jirrigwarda l-ammont tal-ispejjeż ta’ finanzjament, li jikkostitwixxi l-ammont rilevanti kif sostniet ir-rikorrenti fil-kuntest tat-tieni motiv. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tiżbalja meta tafferma li ma huwiex probabbli li l-limitu massimu ta’ EUR 200 000 ma nqabiżx, minħabba n-numru kbir ta’ każijiet ta’ għajnuna li minnhom ibbenefika l-grupp Lufthansa, li lilu tappartjeni r-rikorrenti. B’mod partikolari, l-għajnuna mogħtija lill-entitajiet l-oħra tal-grupp Lufthansa ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni, peress li l-“kunċett funzjonali ta’ impriża”, li fuqu tibbaża ruħha l-Kummissjoni, ma huwiex applikabbli, peress li ma jinsabx fir-Regolament de minimis 2006.

180    F’dak li jirrigwarda l-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 2(4) tar-Regolament de minimis 2006, li teżiġi li tkun tista’ tiġi kkalkolata preċiżament u minn qabel l-“għotja grossa ekwivalenti” ta’ għajnuna, liema kundizzjoni tissemma mill-Kummissjoni fil-posta elettronika tagħha tat-18 ta’ Awwissu 2017, ir-rikorrenti tikkontesta li din hija applikabbli għall-ħlas kontenzjuż.

181    Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti tikkontesta li hija għandha tipprova li l-kundizzjonijiet tar-Regolament de minimis 2006 huma ssodisfatti f’dan il-każ. L-imsemmi regolament jipprovdi li l-oneru tal-prova jaqa’ fuq il-benefiċjarji ta’ għajnuna fil-konfront tal-awtoritajiet nazzjonali, iżda ma jipprevedix tali oneru fil-konfront tal-Kummissjoni.

182    Il-Kummissjoni titlob li t-tieni parti tiġi miċħuda bħala ineffettiva peress li, anki jekk jitqies li l-ħlas kontenzjuż jista’ jkun ta’ natura de minimis, huma l-awtoritajiet Taljani li għandhom iwettqu tali konstatazzjoni. Fi kwalunkwe każ, din it-tieni parti hija infondata, għaliex ir-rikorrenti ma pprovatx li l-kundizzjonijiet kollha tar-Regolament de minimis 2006 ġew osservati f’dan il-każ.

183    F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li l-argumenti mressqa insostenn tat-tieni parti tat-tielet motiv huma ineffettivi. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-eżami tal-ewwel parti tat-tielet motiv, ma kinitx il-Kummissjoni li kellha teżamina l-eventwali natura de minimis tal-ħlas kontenzjuż. F’dawn iċ-ċirkustanzi, dawn l-argumenti, li barra minn hekk huma essenzjalment indirizzati kontra l-pożizzjoni fformulata mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ skambji ta’ posta elettronika wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ma jistgħux ikunu ta’ natura li jqiegħdu fid-dubju l-legalità ta’ din id-deċiżjoni.

184    Fir-rigward tal-kumplament, ir-rikorrenti sostniet, waqt is-seduta, li l-ħlas kontenzjuż, li twettaq fid-19 ta’ April 2013, ma ġiex iffinanzjat permezz ta’ fondi li joriġinaw mir-Reġjun Awtonomu, għaliex, kif jirriżulta mill-premessa 89(b) tad-deċiżjoni kkontestata, il-kontribuzzjonijiet reġjonali annwali allokati lil SOGAER u lil GEASAR għas-sena 2013 kienu tabilħaqq ġew approvati mill-imsemmi reġjun, iżda dawn fl-aħħar mill-aħħar qatt ma tħallsu lilhom.

185    F’dan ir-rigward, mit-Tabella 15, li tinsab fil-premessa 427 tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll minn tabelli li jiġbru fil-qosor l-azzjonijiet meħuda minn SOGAER fuq il-perijodu bejn l-2010 u l-2013, imsemmija fil-premessa 113 tad-deċiżjoni kkontestata u prodotti mill-Kummissjoni bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, jirriżulta li l-kuntratt kontenzjuż għandu jitqies li jaqa’ taħt is-sena 2012. Għaldaqstant, il-ħlas kontenzjuż, li twettaq fir-rebbiegħa tal-2013, kien kopert mill-kontribuzzjoni reġjonali għas-sena 2012, li tħallset lil SOGAER. Fi kwalunkwe każ, sa fejn ir-rikorrenti tixtieq tikkontesta din il-konstatazzjoni, din il-kwistjoni taqa’ taħt l-eżami, mill-awtoritajiet Taljani, tas-sitwazzjoni individwali tagħha.

186    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud u, għaldaqstant, ir-rikors kollu kemm hu għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

187    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Germanwings GmbH hija kkundannata għall-ispejjeż.

Papasavvas

Svenningsen

Valančius

Csehi

 

      Nihoul

Mogħtija f’qorti fil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Mejju 2020.

Firem


Werrej




*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.