Language of document : ECLI:EU:F:2013:12

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

6 ta’ Frar 2013

Kawża F‑67/12

Luigi Marcuccio

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Rikors għad-danni — Illegalità — Korrispondenza dwar l-eżekuzzjoni ta’ sentenza lir-rappreżentant tal-appellant fl-appell mill-imsemmija sentenza — Rikors manifestament infondat fid-dritt — Artikolu 94(a) tar-Regoli tal-Proċedura”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu LMarcuccio, jitlob, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni li permezz tagħha il-Kummissjoni Ewropea ċaħdet it-talba għal kumpens ta’ danni li seta’ jirriżulta minn ittra li tikkonċerna il-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Novembru 2008, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni (F‑41/06, iktar ’il quddiem is-“sentenza tal-4 ta’ Novembru 2008”), lill-avukat li kien irrappreżentah fl-appell minn din is-sentenza u, min-naħa l-oħra, il-kundanna tal-Kummissjoni li tikkumpensa d-danni allegatament subiti minn dan il-fatt.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament infondat fid-dritt. Ir-rikorrent għandu jbati, barra l-ispejjeż tiegħu stess, l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni. L. Marcuccio huwa kkundannat iħallas lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku s-somma ta’ EUR 2 000.

Sommarju

1.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Kundizzjonijiet — Illegalità — Dannu — Rabta kawżali — Kundizzjonijiet kumulattivi — Assenza ta’ waħda mill-kundizzjonijiet — Ċaħda tar-rikors kollu kemm hu

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

2.      Proċedura ġudizzjarja — Spejjeż legali — Spejjeż imposti fuq it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku minħabba r-rikors abbużiv ta’ uffiċjal — Kundanna tal-uffiċjal għar-rimbors tal-ispejjeż imsemmija

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 94)

1.      Ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, hija suġġetta għall-eżistenza ta’ tliet kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri l-illegalità ta’ att amministrattiv jew ta’ aġir li huma akkużati bih l-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn dan l-allegat aġir u d-dannu invokat. Il-fatt li wieħed minn dawn it-tliet kundizzjonijiet ikun nieqes huwa biżżejjed sabiex jiġi miċħud ir-rikors għall-kumpens.

(ara l-punt 21)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 16 ta’ Marzu 2011, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, F‑21/10, punti 22 u 23, u l-ġurisprudenza ċċitata

2.      Skont l-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, jekk dan tal-aħħar ikun għamel spejjeż li setgħu jiġu evitati, b’mod partikolari, jekk ir-rikors huwa ta’ natura manifestament abbużiva, huwa jista’ jikkundanna lill-parti li kkawżathom tħallashom kollha jew tħallas parti minnhom mingħajr mal-ammont ta’ dan ir-rimbors jaqbeż is-somma ta’ EUR 2 000.

Għandha ssir applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni meta r-rikors ta’ uffiċjal jkollu suġġett simili għal rikorsi ppreżentati mill-istess uffiċjali u li jkunu ġew iddikjarati manifestament infondati fid-dritt. Fil-fatt, dan ir-rikors b’mod ċar, għandu natura fiergħa u vessatorja, peress li r-rikorrent ikun għażel proċedura kontenzjuża mingħajr ebda ġustifikazzjoni.

(ara l-punti 34 sa 37)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 14 ta’ April 2011, Marcuccio vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, C‑460/10 P

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 17 ta’ Mejju 2006, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni T‑241/03, punt 65

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea 6 ta’ Lulju 2010, Marcuccio vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, T‑401/09; 15 ta’ Novembru 2012, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, T‑286/11 P

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 6 ta’ Diċembru 2007, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, F‑40/06, punt 50; Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq; 29 ta’ Frar 2012, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, F‑3/11, punt 54