Language of document :

Appell ippreżentat fil-21 ta’ Ġunju 2023 minn René Repasi mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fit-30 ta’ Awwissu 2023 fil-Kawża T-628/22, René Repasi vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-552/23 P)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellant: René Repasi (rappreżentanti: H.-G. Kamann, D. Fouquet, avukati, kif ukoll F. Kainer u M. Nettesheim, Professuri Universitarji)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-21 ta’ Ġunju 2023, Repasi vs Il-Kummissjoni (Kawża T-628/22, EU:T:2023:353);

tannulla r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/1214 tad-9 ta’ Marzu 2022 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2021/2139 fir-rigward tal-attivitajiet ekonomiċi f’ċerti setturi tal-enerġija u r-Regolament Delegat (UE) 2021/2178 fir-rigward ta’ divulgazzjonijiet pubbliċi speċifiċi għal dawn l-attivitajiet ekonomiċi 1 ;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell, l-appellant jinvoka żewġ aggravji: id-digriet appellat jikser, minn naħa, l-Artikolu 263(4) TFUE u, min-naħa l-oħra, id-dritt fundamentali tal-appellant għal rimedju effettiv skont l-Artikolu 47(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Fid-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali tiċħad l-interess dirett tal-appellant skont l-Artikolu 263(4) TFUE u, konsegwentement, l-interess ġuridiku tiegħu, essenzjalment abbażi tal-fatt li d-drittijiet invokati mill-appellant bħala membru tal-Parlament Ewropew setgħu jinkisru biss indirettament mill-indħil allegat fil-kompetenza leġiżlattiva tal-Parlament u li l-appellant seta’ jeżerċita d-drittijiet ta’ parteċipazzjoni demokratika tiegħu fil-Parlament biss fil-kuntest tal-proċedura interna tal-Parlament.

Fl-ewwel lok, l-appellant isostni li dan jikkostitwixxi applikazzjoni legalment żbaljata tal-kriterju tal-interess dirett fis-sens tal-Artikolu 263(4) TFUE, bi kwalifika żbaljata tal-pożizzjoni legali tal-membri tal-Parlament Ewropew.

Skont l-Artikolu 2, l-Artikolu 10(1), l-Artikolu 13(1) u l-Artikolu 14(1) TUE, li japplikaw b’mod konkret permezz tad-drittijiet ta’ parteċipazzjoni Parlamentari tiegħu, b’mod partikolari skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-Att dwar l-elezzjonijiet, l-Artikolu 2 u s-segwenti tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew kif ukoll l-Artikolu 177 u tal-Artikolu 218(1) tar-Regolament tal-Parlament Ewropew, l-appellant għandu d-dritt individwali li jipparteċipa fi proċedura leġiżlattiva regolari derivanti mill-istatus tiegħu bħala membru tal-Parlament Ewropew. Tali dritt huwa dritt tal-appellant stess, li jista’ jinvokah mhux biss fuq livell intraistituzzjonali fil-proċedura tal-Parlament, iżda anki fuq livell interistituzzjonali fil-konfront tal-Kummissjoni. Id-dritt tal-appellant huwa direttament ikkonċernat mill-adozzjoni tar-Regolament Delegat kontenzjuż abbażi tal-Artikolu 290 TFUE, kif ukoll mill-bidu tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja effettivament rilevanti fis-sens tal-Artikolu 289 TFUE permezz ta’ proposta korrispondenti tal-Kummissjoni.

Barra minn hekk, hemm ukoll ksur tal-Artikolu 263(4) TFUE fl-interpretazzjoni, li hija wkoll legalment żbaljata, tal-kriterju tal-immedjatezza min-naħa tal-Qorti Ġenerali. Għandu wkoll jiġi preżunt li l-appellant ikollu interess dirett jekk – kif qieset il-Qorti Ġenerali – id-dritt li jipparteċipa fi proċedura leġiżlattiva regolari għandu jitqies bħala marbut jew derivanti mill-kompetenza leġiżlattiva tal-Parlament u b’hekk jista’ jinkiser biss indirettament mir-Regolament Delegat kontenzjuż. Il-kriterju tal-immedjatezza jirreferi biss għall-att ikkontestat, iżda mhux għad-dritt tal-appellant. L-ipoteżi ta’ interess dirett biss f’każ ta’ ksur ta’ dritt dirett, jiġifieri mhux dritt idderivat, ma hijiex kompatibbli mal-forma, mas-sistema u mal-għan tal-Artikolu 263(4) TFUE.

Fit-tieni lok, l-appellant iqis li d-deċiżjoni appellata tikser id-dritt tiegħu għal rimedju effettiv skont l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u ċċaħdu mill-possibbiltà li jikkontesta quddiem qorti l-ksur tad-drittijiet ta’ parteċipazzjoni tiegħu bħala membru tal-Parlament. Il-proċeduri parlamentari interni li tirreferi għalihom il-Qorti Ġenerali ma jikkostitwixxux rimedju ġudizzjarju xieraq skont l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Azzjoni tal-Parlament, li għandha leġittimazzjoni speċjalizzata fis-sens tal-Artikolu 263(2) TFUE, ma tikkostitwixxix rimedju effettiv għall-appellant, b’mod partikolari jekk il-maġġoranza tal-Parlament tirrifjuta li tressaq azzjoni.

____________

1     ĠU 2022, L 188, p. 1.