Language of document :

Appell ippreżentat fid-29 ta’ Awwissu 2023 mir-Região Autónoma da Madeira mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fil-21 ta’ Ġunju 2023 fil-Kawża T-131/21, Região Autónoma da Madeira vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-547/23 P)

Lingwa tal-kawża: il-Portugiż

Partijiet

Appellant: Região Autónoma da Madeira (rappreżentanti: M. Gorjão-Henriques u A. Saavedra, advogados)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Ġunju 2023 fil-Kawża T-131/21, Região Autónoma da Madeira vs Il-Kummissjoni;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż kollha tal-kawża inklużi dawk tar-Região Autónoma da Madeira.

Aggravji u argumenti prinċipali

1. Żball ta’ liġi li jikkonsisti fl-interpretazzjoni żbaljata tar-rekwiżit dwar l-oriġini tal-profitti li għalihom japplika t-tnaqqis tat-taxxa fuq id-dħul korporattiv

Ir-rekwiżit li l-profitti jirriżultaw minn attivitajiet li jitwettqu effettivament u materjalment f’Madeira ma għandux jiġi interpretat fis-sens li jiġu esklużi mill-għajnuna għall-funzjonament (jiġifieri t-tnaqqis tat-taxxa fuq id-dħul korporattiv) l-attivitajiet eżerċitati barra minn Madeira li, allegatament dovut għal dan il-fatt, ma humiex affettwati minn spejjeż addizzjonali relatati man-natura ultraperiferika, anki jekk dawn jiġu eżerċitati minn kumpanniji b’liċenzja li joperaw f’Madeira iżda b’attività internazzjonali.

2. Żbalji ta’ liġi dovuti għal interpretazzjoni żbaljata tar-rekwiżit tal-oriġini tal-profitti u/jew għal nuqqas ta’ motivazzjoni u/jew għal żnaturament tal-provi – il-komunikazzjoni tal-proġett ta’ għajnuna pubblika, l-Estatuto dos Benefícios Fiscais (l-Istatut dwar l-Inċentivi tat-Taxxa) u n-negozjati li ppreċedew ir-Reġim III

Il-kunċett ta’ attività li titwettaq materjalment u effettivament f’Madeira jikkoinċidi mal-liċenzjar tal-impriżi fiż-Zona Franca da Madeira (iktar ’il quddiem iż-“ZFM”), u għalhekk is-sentenza appellata twettaq żball ta’ liġi billi interpretat id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li approvaw ir-Reġim III taż-ZFM mingħajr ma eżaminat il-komunikazzjoni mwettqa mir-Repubblika Portugiża tal-proġett ta’ għajnuna u/jew l-Istatut dwar l-Inċentivi tat-Taxxa li implimenta r-Reġim III fid-dritt nazzjonali u/jew in-negozjati bejn il-Kummissjoni u r-Repubblika Portugiża li ppreċedew l-approvazzjoni tar-Reġim III.

3. Żbalji ta’ liġi li jikkonsistu f’nuqqas ta’ motivazzjoni/motivazzjoni insuffiċjenti u/jew żnaturament tal-provi u/jew sostituzzjoni tal-motivazzjoni tad-Deċiżjoni [2022/1414] – rekwiżit dwar il-ħolqien/iż-żamma tal-postijiet tax-xogħol

Il-Qorti Ġenerali żbaljat billi kkunsidrat li l-Kummissjoni ma imponietx fuq l-awtoritajiet Portugiżi l-użu tal-metodi “Ekwivalenti ta’ Ingaġġ Full-Time” (iktar ’il quddiem, “FTE”) u “Unitajiet tax-Xogħol Annwali” (iktar ’il quddiem, “ALU”). Id-Deċiżjoni 2022/1414 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) u d-deċiżjoni preliminari ta’ ftuħ tal-proċedura jidħlu f’kunflitt dirett ma’ din l-interpretazzjoni.

4. Żball ta’ liġi li jikkonsisti fl-interpretazzjoni żbaljata tar-rekwiżit dwar il-ħolqien/iż-żamma tal-postijiet tax-xogħol u/jew ta’ motivazzjoni insuffiċjenti

Għal kull skop ta’ verifika tar-rekwiżit tar-Reġim III taż-ZFM dwar il-postijiet tax-xogħol, il-Qorti Ġenerali twettaq żball ta’ liġi billi tapplika l-metodoloġija ta’ definizzjoni ta’ postijiet tax-xogħol f’“FTE” u “ALU”, peress li l-kunċett ta’ post tax-xogħol applikabbli għar-reġim taż-ZFM huwa dak li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar ix-xogħol.

5. Żball ta’ liġi sa fejn is-sentenza appellata hija vvizjata b’motivazzjoni kontradittorja u/jew assenti/insuffiċjenti u/jew b’nuqqas ta’ għoti ta’ deċiżjoni

Il-Qorti Ġenerali tindika li l-Kummissjoni ma imponietx lill-awtoritajiet Portugiżi l-użu tal-metodi ALU/FTE, iżda min-naħa l-oħra, f’termini kontradittorji u/jew b’motivazzjoni assenti/insuffiċjenti, taqbel mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-impożizzjoni ta’ tali metodi ALU/FTE. Barra minn hekk, peress li l-Qorti Ġenerali ma tatx deċiżjoni dwar il-motivi ta’ annullament imressqa b’rabta mal-interpretazzjoni tal-kriterju dwar il-postijiet tax-xogħol, hija tonqos milli tagħti deċiżjoni.

6. Żball ta’ liġi sa fejn il-postijiet tax-xogħol maħluqa għandhom ikunu marbuta ma’ attivitajiet li jitwettqu effettivament u materjalment f’Madeira

Il-Qorti Ġenerali twettaq żball ta’ liġi sa fejn tirrikjedi li post tax-xogħol assenjat lil attivitajiet li jitwettqu effettivament u materjalment barra minn Madeira għandu dejjem ma jitteħidx inkunsiderazzjoni.

7. Żball ta’ liġi sa fejn l-awtoritajiet nazzjonali kkomunikaw lill-Kummissjoni metodu li jista’ jivverifika r-realtà u l-permanenza tal-postijiet tax-xogħol skont it-tifsira tar-Reġim III

Is-sentenza appellata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi inkwantu tikkunsidra li l-awtoritajiet nazzjonali ma adottawx metodu li jista’ jippermetti li tiġi vverifikata n-natura veritiera u permanenti tal-postijiet tax-xogħol, peress li tasal għal din il-konklużjoni permezz tal-applikazzjoni tal-kunċetti ta’ ALU/FTE.

8. Żbalji ta’ liġi minħabba li jeżistu ostakoli għall-moviment liberu ta’ ħaddiema u għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi

L-interpretazzjoni mill-Qorti Ġenerali tar-rekwiżiti tar-Reġim III taż-ZFM tmur kontra l-prinċipji ta’ moviment liberu tal-ħaddiema u ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi, b’mod speċifiku billi tirrikjedi li t-twettiq ta’ attività professjonali li titwettaq materjalment u effettivament jeħtieġ li ssir ġewwa Madeira.

9. Żball ta’ liġi minħabba nuqqas ta’ għoti ta’ deċiżjoni u/jew nuqqas ta’ motivazzjoni/motivazzjoni insuffiċjenti – nuqqas ta’ evalwazzjoni tal-motivi dwar il-ksur tal-libertajiet fundamentali

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi minħabba nuqqas ta’ għoti ta’ deċiżjoni u/jew nuqqas ta’ motivazzjoni/motivazzjoni insuffiċjenti inkwantu ddeċidiet li l-motivi, invokati mir-Região Autónoma da Madeira fir-rikors tiegħu, dwar il-ksur tal-libertajiet fundamentali, kienu inammissibbli.

10. Is-sentenza appellata tikser il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni

Is-sentenza appellata tikser il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ta’ ċertezza legali, ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ amministrazzjoni tajba, b’mod speċifiku minħabba li l-Kummissjoni qajmet aspettattivi fondati fir-rigward tar-Região Autónoma da Madeira u fir-rigward tal-impriżi b’liċenzja, minħabba li naqset milli tiċċara l-qafas ġuridiku applikabbli u minħabba nuqqas ta’ azzjoni mill-Kummissjoni matul perijodu twil mingħajr ġustifikazzjoni biex tiddeċiedi fl-ambitu tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali tar-Reġim III taż-ZFM.

____________