Language of document : ECLI:EU:T:2005:363

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (it-Tielet Awla Estiża)

tad-19 ta' Ottubru 2005 (*)

"Għajnuna mill-Istat – Użu ħażin ta' għajnuna – Riskju li tiġi evitata l-ordni ta' rkupru – Rkupru ta' għajnuna minn kumpanniji li xtraw l-attiv ta' l-operat mingħand il-benefiċjarju inizjali"

Fil-kawża T-318/00

Freistaat Thüringen (il-Ġermanja), irrappreżentata minn M. Schütte, Avukat, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

sostnuta mir-

Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn W.-D. Plessing u T. Jürgensen, bħala aġenti, assistiti minn R. Bierwagen, avukat,

intervenjenti

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn K.D Borchardt u V. Kreuschitz, bħala aġenti, assistiti minn C. Koenig, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta

sostnuta minn

ODS Optical Disc Service GmbH, stabbilita fl-Amburgu (il-Ġermanja), irrappreżentata minn I. Brinker u U. Soltész, avukati, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjenti

li għanda bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni 2000/797/KE tal-Kummissjoni tal-21 ta' Ġunju 2000, dwar l-għajnuna mill-Istat tal-Ġermanja favur CDA Compact Disc Albrechts GmbH (Thuringe) (ĠU L 318, p. 62),

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (it-Tielet Awla Estiża),

komposta minn J. Azizi, President, R. García-Valdecasas, J. D. Cooke, M. Jaeger u F. Dehousse, Imħallfin,

Reġistratur: D. Christensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta' Mejju 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1       L-Artikolu 87 KE jistipola :

"1. Bla ħsara ta' kull deroga kontemplata f’dan it-Trattat, kull għajnuna, ta' kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkomaptibbli mas-suq komuni [...]"

2       L-Artikolu 88 jipprovdi :

"1. Il-Kummissjoni għandha teżamina kostantement ma' l-Istati Membri s-sistemi kollha ta’ għajnuna li jeżiżtu f’dawk l-Istati. Hija għandha tipproponi lil dawn ta' l-aħħar kull miżura xierqa meħtieġa għall-iżvilupp progressiv u għall-funzjonament tas-suq komuni.

2. Jekk, wara li ssejjaħ lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom, il-Kummissjoni ssib li miżura ta’ għajnuna mogħtija minn Stat, jew permezz tar-riżorsi ta’ Stat, m’hijiex kompatibbli mas-suq komuni skond l-Artikolu 87, jew li dik l-għajnuna tkun użata ħażin, hija għandha tieħu deċiżjoni li tirrikjedi lill-Istat interessat li jabolixxi dik l-għajnuna jew li jimmodifikaha fit-terminu preskritti mill-Kummissjoni.[...]"

3       Skond l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [88] KE (ĠU L 83, p.1) :

"1. Fejn il-Kummissjoni tikkunsidra li l-informazzjoni provvduta mill-Istat Membru kkonċernat [...] m’hijiex kompluta, għandha titlob l-informazzjoni addizzjonali kollha meħtieġa. Fejn Stat Membru jirrispondi għal din it-talba, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istat Membru dwar ir-riċevuta tar-risposta.

2. Fejn l-Istat Membru kkonċernat ma jipprovdix l-informazzjoni mitluba fil-perjodu preskritt mill-Kummissjoni jew jipprovdi informazzjoni li m’hijiex kompluta, il-Kummissjoni għandha tibgħat fakkar, filwaqt li jippermetti perjodu addizzjonali xieraq li fih għandha tkun provvduta l-informazzjoni.

[...]"

4       Barra minn dan, l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 659/1999 jipprovdi :

"1. Id-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali għandha tiġbor fil-qosor l-kwistjonijiet rilevanti tal-fatti u liġi, għandha tinkludi stima preliminari tal-Kummissjoni dwar il-karattru tal-miżura proposta u għandha tqiegħed id-dubji dwar il-kompatibilità tagħha mas-suq komuni. Id-deċiżjoni għandha ssejjaħ lill-Istat Membru kkonċernat u lil partijiet interessati oħra sabiex jissottomettu l-kummenti f’perjodu preskritt li normalment m’għandux ikun aktar minn xahar. F’każijiet ġustifikati, il-Kummissjoni għandha testendi l-perjodu preskritt.

[...]"

5       Skond l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 659/1999 :

"1. Fejn il-Kummissjoni għandha fil-pussess tagħha informazzjoni minn kwalunkwe sors li jirrigwarda allegata għajnuna kontra l-liġi, għandha teżamina dik l-informazzjoni mingħajr dewmien.

2. Jekk meħtieġ, għandha titlob l-informazzjoni mill-Istat Membru kkonċernat. [...] Artikolu 5(1) u (2) għandhom japplikaw [...] mutatis mutandis.

3. Fejn, minkejja kif imfakkar skond Artikolu 5(2), l-Istat Membru kkonċernat ma jipprovdix l-informazzjoni meħtieġa fil-perjodu preskritt mill-Kummissjoni, jew fejn tipprovdi informazzjoni mhux kompluta, il-Kummissjoni għandha permezz ta’ deċiżjoni teħtieġ li l-informazzjoni tkun provvduta (minn hawn ‘l quddiem imsejjħa ‘inġunzjoni ta’ informazzjoni’). Id-deċiżjoni għandha tispeċifika liema informazzjoni hi meħtieġa u tippreskrivi perjodu xieraq li fih għandha tingħata."

6       L-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 659/1999 jipprovdi :

"L-eżami ta’ għajnuna llegali possibli għandu jirriżulta f’deċiżjoni skond Artikolu 4(2), (3) jew (4). Fil-każ ta’ deċiżjonijiet sabiex tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-proċeduri għandhom jingħalqu permezz ta’ deċiżjoni skond Artikolu 7. Jekk Stat Membru jonqos milli jikkonforma ma’ inġunzjoni ta’ informazzjoni, dik id-deċiżjoni għandha tittieħed abbażi ta’ l-informazzjoni disponibbli."

7       L-Artikolu 14 ta' l-istess Regolament jistipola :

"1. Fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f’każijiet ta’ għajnuna llegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċarju (minn hawn ‘l quddiem imsejjħa ‘deċiżjoni ta’ rkupru’). Il-Kummissjoni m’għandhiex teħtieġ ir-rkupru ta’ l-għajnuna jekk dan ikun kuntrarju għal prinċipju ġenerali tal-liġi tal-Komunità.

2. L-għajnuna li ser tkun rikuperata skond deċiżjoni ta’ rkupru għandha tinkludi l-imgħax f’rata xierqa ffissata mill-Kummissjoni. L-imgħax għandu jkun pagabbli mid-data li fiha l-għajnuna llegali kienet fid-disposizzjoni tal-benefiċarju sad-data li fiha kienet irkuprata.

3. Mingħajr preġudizzju għall-ebda ordni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej skond Artikolu 185 tat-Trattat, ir-rkupru għandu jsir mingħajr dewmien u f’konformità mal-proċeduri tal-liġi nazzjonali ta’ l-Istat Membru kkonċernat, sakemm jippermettu għall-esekuzzjoni mmedjata u effettiva tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Għal dan l-effett u fl-eventwalità ta’ proċedura quddiem il-qrati nazzjonali, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa li huma disponibbli fis-sistemi legali rispettivi tagħhom, li jinkludu miżuri provisjonali, mingħajr preġudizzju għall-liġi tal-Komunità."

8       Barra minn hekk, l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 659/1999, intitolat "Użu ħażin ta’ għajnuna", jipprovdi :

"Mingħajr preġudizzju għal Artikolu 23, il-Kummissjoni tista f’każijiet ta’ użu ħażin ta’ għajnuna tiftaħ il-proċedura għal investigazzjoni formali skond Artikolu 4(4). Artikoli 6,7,9 u 10, Artikolu 11(1), Artikoli 12, 13, 14 u 15 għandhom jgħoddu mutatis mutandis."

9       Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni adottat, fl-1994, Linji Gwida Komunitarji Dwar Għajnuna mill-Istat Biex Jiġu Salvati u Ristrutturati Ditti f'Diffikultà (ĠU C 368, p. 12) emendati fl-1997 (ĠU C 283, p.2) (iktar 'il quddiem il-"linji gwida dwar l-għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni")

 Fatti fl-oriġini tal-kawża

10     Permezz tad-Deċiżjoni 2000/796/KE tal-21 ta' Ġunju 2000 dwar l-għajnuna mill-Istat tal-Ġermanja favur CDA Compact Disc Albrechts GmbH (Thuringe) (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), il-Kummissjoni ddeċidiet fuq il-legalita ta' għajnuna finanzjarja li ngħatat minn diversi entitajiet pubbliċi Ġermaniżi matul is-snin 1991 sa 1995 favur fabbrika li tipproduċi diski kompatti (iktar 'il quddiem "is-CDs") u aċċessorji tas-CDs, stabbilita f'Albrechts, fil-Land ta' Thuringe (iktar 'il quddiem il-"fabbrika tas-CDs f'Albrechts").

A –   Il-kuntest generali

11     Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddistingwiet bejn tlett fażijiet, jiġifieri, l-ewwel nett, il-fażi meta ġiet stabbilita l-impriża, it-tieni nett, il-fażi ta' ristrutturazzjoni ta' l-impriża u, fl-aħħar nett, ix-xiri mill-ġdid ta' l-attiv ta' l-impriża mill-kumpannija MediaTec Datenträger GmbH (iktar 'il quddiem "MTDA").

1.     Il-fażi meta ġiet stabbilita l-impriża (mill-1990 sa l-1992)

12     Jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata li l-fabbrika tas-CDs f'Albrecht twaqqfet bis-saħħa ta' kuntratt ta' joint venture konkluż fl-20 ta' Frar 1990 bejn, min-naħa l- "VBE" (ta' proprjeta nazzjonali) kombinat Robotron, stabbilita f'Dresda fil-Land ta' Saxe (iktar 'il quddiem "Robotron"), u, min-naħa l-oħra, il-kumpannija R. E. Pilz GmbH & Co. Beteiligungs KG (iktar 'il quddiem "PBK"), kumpannija li tifforma parti mill-grupp Pilz stabbilit f'Kranzberg fil-Land tal-Bavarja (iktar 'il quddiem il-"grupp Pilz"). Robotron kellha żewġ terzi tal-kapital ta' l-impriża komuni, li dak iż-żmien kienet imsemmija "Pilz & Robotron GmbH & Co. Beteiligungs KG" (iktar 'il quddiem l-"impriża komuni"), u PBK kellha terz tal-kapital. L-impriża komuni kellha bħala għan il-fabrikazzjoni ta' CDs, ta' kaxxi tas-CDs u ta' aċċessorji. Is-sur Reiner Pilz, il-managing director tal-grupp Pilz, kien jieħu ħsieb ukoll l-amministrazzjoni tagħhom.

13     Sabiex tilħaq l-għan ta' l-impriża tagħha, l-impriża komuni kkonkludiet, fid-29 ta' Awissu 1990, kuntratt ġenerali ta' turnkey mal-kumpannija Pilz GmbH & Co. Construction KG, kumpannija tal-grupp Pilz (iktar 'il quddiem "Pilz Construction"), għall-bini ta' fabbrika li tipproduċi s-CDs għall-prezz li jinkludi kollox ta' 235,525 miljun mark Ġermaniż (DEM). Ma' dawn l-ispejjeż kellhom jiġu miżjuda ukoll l-ispejjeż tat-tgħamir tat-terren, stmat għal 7.5 miljuni ta' DEM.

14     Barra minn dan, b'kuntratt addizzjonali tas-26 ta' Mejju 1992, iż-żewġ soċji ta' l-impriża komuni kkonkludew kuntratt li kien jipprevedi ż-żieda fil-kapaċità produttiva ta' CDs u ta' kaxxi tas-CDs. Is-somma totali tas-servizzi u tal-fornituri meħtieġa għal dan il-għan telgħet għal 39 miljun DEM.

15     Sabiex jiffinanzjaw dawn l-investimenti, l-impriża komuni, Robotron u PBK isselfu l-ammonti meħtieġa minn konsorzju ta' banek. Dawn il-krediti bankarji kienu kemm parzjalment, kif ukoll totalment koperti minn garanziji tal-Treuhandanstalt, aġenzija pubblika inkarikata mill-finanzjament għall-privatizazzjoni ta' impriżi fl-ex Repubblika Demokratika Ġermaniża (iktar 'il quddiem it-"THA"), u tal-Land tal-Bavière. Minn barra dan, il-Land ta' Thuringe u l-Land tal-Bavière, din ta' l-aħħar permezz tal-Bayerische Landesanstalt für Aufbaufinanzierung, aġenzija tal-Land tal-Bavière għall-finanzjament ta' l-infrastrutturi (iktar 'il quddiem il-"LfA"), taw sussidji u konċessjonijiet għall-investiment lill-impriża komuni.

16     Min barra dan, matul il-fażi meta ġiet stabbilita l-fabbrika tas-CDs f'Albrechts, il-proprjeta ta' l-ishma fil-kapital ta' l-impriża komuni ġew trasferiti diversi drabi. L-ewwel, minħabba l-istralċ ta' Robotron minn THA fl-1992, l-ishma ta' l-impriża komuni li din il-kumpannija kellha reġgħu inbigħu lil PBK. Wara, PBK ittrasferiet kważi l-ishma kollha li hija kellha fl-impriża komuni lill-kumpannija Pilz GmbH & Co. Compact Disc KG, kumpannija oħra li tifforma parti mill-grupp Pilz (iktar 'il quddiem "Pilz Compact Disc"), b'tali mod li l-impriża komuni saret sussidjarja ta' din ta' l-aħħar. Fl-aħħar, fl-24 ta' Novembru 1992, wara dan it-trasferiment u wara t-trasferiment ta' l-uffiċju prinċipali tagħha f'Albrechts, l-impriża komuni bidlet l-isem tagħha f'Pilz Albrechts GmbH (iktar 'il quddiem "PA""). Immedjatament wara dan it-trasferiment hija ġiet integrata fis-sistema ta' ġestjoni ċentralizzata tal-fondi tal-grupp Pilz.

2.     Il-fażi ta' ristrutturazzjoni (mill-1993 sa' l-1998)

17     Il-fabbrika li tipproduċi s-CDs bdiet topera fl-1993. Minn meta bdiet topera, hija ltaqgħat ma' diffikultajiet serji u għamlet ħafna dejn.

18     Sabiex tiġi rrettifikata din is-sitwazzjoni, fis-7 ta' Marzu 1994 ġie adottat ftehim għar-ristrutturazzjoni bejn il-grupp Pilz (li jinkludi PA), il-banek u l-entitajet pubbliċi [it-THA, il-LfA, it-Thüringer Industriebeteiligungsgesellschaft (iktar 'il quddiem it-"TIB") u t-Thüringer Aufbaubank (iktar 'il quddiem it-"TAB")] li kienu pparteċipaw fil-finanzjament tal-bini tal-fabbrika tas-CDs f'Albrechts. Fil-kuntest ta' dan il-ftehim, il-biċċa l-kbira tal-krediti bankarji li kienu intiżi għall-bini tal-fabbrika għall-produzzjoni tas-CDs ġew, kompletament jew in parti, imħallsa lura. Minn barra dan, fuq il-bażi tal-ftehim għar-ristrutturazzjoni, il-kapital ta' PA ġie akkwistat mit-TIB – sa 98% ta' l-ishma – u mit-TAB – sa 2% ta' l-ishma -, b'effett retroattiv mill-1 ta' Jannar 1994, u PA, b'riżultat ta' dan, ma baqgħatx tifforma parti mill-grupp Pilz. Minn Ottubru 1994, din il-kumpannija bidlet ukoll isimha għal CDA Compact Disk Albrechts GmbH (iktar 'il quddiem "CD Albrechts"). Min-naħa l-oħra, it-TAB u l-LfA, fl-1994 u fl-1995 taw diversi krediti lil-CD Albrechts.

19     Kien ukoll matul is-sena 1994 li l-awtoritajiet Ġermaniżi ndunaw li parti kbira mill-għajnuna finanzjarja li kienet ingħatat sabiex ikun finanzjat il-bini tal-fabbrika tas-CDs f'Albrechts kienet ġiet miżapproprjata, b'mod partikolari fil-kuntest tas-sistema ta' ġestjoni ċentraliżżata tal-fondi li kienet teżisti fi ħdan il-grupp Pilz, għall-benefiċċju tal-kumpanniji oħra ta' dan il-grupp. Barra minn dan, fil-25 ta' Lulju 1995, inbdiet proċedura ta' stralċ fuq il-beni tal-kumpanniji kollha tal-grupp Pilz. Fl-aħħar nett, is-sur Reiner Pilz ġie kkundannat għall-piena ta' priġunerija għal falliment frawdolenti u għal reati oħra.

3.     Ix-xiri mill-ġdid ta' l-attiv minn MTDA

20     B'effett mill-1 ta' Jannar 1998, MTDA, kumpannija kompletament sussidjarja tat-TIB li kienet topera prinċipalment fil-qasam tal-produzzjoni ta' meżżi li jaħżnu d-data ta' prestazzjoni għolja, b'mod partikolari s-CDs li jistgħu jiġu rreġistrati (CD-ROM) u d-DVD, xtrat lura xi uħud mill-attiv li kien ta' CD Albrechts, jiġifieri attiv fiss, attiv kurrenti, attiv li jista' jiġi likwidat malajr kif ukoll l-għarfien tekniku u d-distribuzzjoni.

21     Simultanjament ma' dan ix-xiri lura, l-isem ta' CD Albrechts ġie mibdul f' LCA Logistik Centre Albrechts GmbH (iktar 'il quddiem "LCA") u dak ta' MTDA f'CDA Datenträger Albrechts GmbH (iktar 'il quddiem "CDA"). Madankollu LCA baqgħet il-proprjetarja ta' l-art meċessarja sabiex il-kumpannija tkun tista' topera, il-bini li fih tinstab l-infrastruttura teknika kif ukoll dik loġistika. Barra minn dan, LCA u CDA kkonkludew kuntratt fuq l-iskambju ta' servizzi li jipprovdi, min-naħa, kuntratt ta' kera-ġestjoni [kirja ta' negozju fejn min ikun fil-kera imexxi n-negozju għar-riskju tiegħu] b'kera ta' 800 000 DEM fis-sena u, min-naħa l-oħra, kuntratt ta' provista ta' servizzi stmat għal madwar 3 miljun DEM fis-sena, li jiddependi fuq il-volum ta' bejgħ.

22     Fl-aħħar nett, fit-22 ta' Settembru 2000, LCA talbet li tiġi stralċjata fil-kuntest ta' proċedura ta' stralċ.

B –  Svolġiment tal-proċedura amministrattiva

23     Wara li saret taf mill-gazzetti li l-awtoritajiet Ġermaniżi kienu taw għajnuna għall-bini tal-fabbrika tas-CDs f'Albrechts, il-Kummissjoni, f'Ottubru 1994, talbet lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sabiex tipprovdiha b'informazzjoni fuq din l-għajnuna. Wara dan, kien hemm skambju intens ta' ittri u seħħew diversi laqgħat bejn l-awtoritajiet Ġermaniżi u l-Kummissjoni.

24     Permezz ta' ittra tas-17 ta' Lulju 1998 (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni ta' ftuħ tal-proċedura"), il-Kummissjoni infurmat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ, safejn din l-għajnuna hija kkonċernata, il-proċedura ta' investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88(2), KE. Ma' din l-ittra kienet annessa lista ta' mistoqsijiet għall-awtoritajiet Ġermaniżi. Id-deċiżjoni ta' ftuħ tal-proċedura ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej tal-15 ta' Diċembru 1998 [Komunikazzjoni tal-Kummissjoni indirizzata, fl-applikazzjoni ta' l-Artikolu 88 (2) KE, lill-Istati Membri l-oħra u lil kull min sata jkun interessat fir-rigward ta' l-għajnuna mogħtija mill-Gvern Ġermaniż għall-ħolqien ta' CD Albrechts Gmbh, f'Thuringe (li qabel kien il-grupp Pilz, Bavarja), ĠU C 390, p. 7]

25     L-awtoritajiet Ġermaniżi rreaġew għad-deċiżjoni ta' ftuħ tal-proċedura billi bagħtu diversi ittri li kien fihom informazzjoni supplementari. Diversi laqgħat oħra reġa seħħew bejn dawn l-awtoritajiet u r-rapreżentanti tal-Kummissjoni.

26     Madankollu, billi kienet tqis li l-informazzjoni mibgħuta mill-awtoritajiet Ġermaniżi ma kinitx tipprovdi risposta sodisfaċenti għall-mistoqsijiet tagħha, il-Kummissjoni, b'ittra tat-22 ta' Lulju 1999, eżiġiet li dawn jitwieġbu sa mhux aktar tard mill-31 ta' Awissu 1999. Wara li talbu, permezz ta' ittra tat-22 ta' Lulju 1999, L-awtoritajiet Ġermaniżi talbu l-estensjoni ta' dan it-terminu ta' żmien u wara li fit-23 ta' Settembru kellhom laqgħa ġdida mar-rapreżentanti tal-Kummissjoni 1999 fi Brussell, huma ppreżentaw informazzjoni supplementari.

27     Barra minn hekk, wara li skada t-terminu ta' żmien previst fid-deċiżjoni ta' ftuħ tal-proċedura, il-kumpannija CDA kif ukoll il-kumpannija Point Group Ltd., kompetituri ta' CDA, ippreżentaw ruħhom bħala partijiet interessati u ssottomettew osservazzjonijiet lill-Kummissjoni.

28     Fl-aħħar nett, fil-21 ta' Ġunju 2000, il-Kummissjoni għalqet il-proċedura billi adottat id-deċiżjoni kkontestata.

C –  Konstatazzjoni tal-fatti u kunsiderazzjonijiet ġuridiċi

29     Il-Kummissjoni kkunsidrat separatament l-għajnuna finanzjarja mogħtija mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja rispettivament waqt il-fażi meta ġiet stabbilita l-impriża, waqt il-fażi ta' ristrutturazzjoni u, fl-aħħar nett, fil-kuntest tax-xiri lura ta' ċertu attiv ta' CD Albrechts minn MTDA.

1.     Għajnuna finanzjarja mogħtija mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja matul il-fażi meta ġiet stabbilita l-impriża.

30     Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni identifikat ħames għajnuniet finanzjarji li ngħataw matul il fażi meta ġiet stabbilita l-impriża. F'tabella sinottika li tidher fit-23 premessa tad-deċiżjoni kkontestata, hija ddeskriviethom kif ġej:

Natura ta' l-għajnuna finanzjarja

Ammont ta' DEM f'miljuni

Benefiċjarju

Mogħtija minn

Data

Bażi ġuridika

1

Garanzija ta' kopertura ta' 100% (għall-ewwel 80 %) li tkopri 52.7 miljun DEM

54.7

PBK

LfA

1991

Liġi dwar it-twaqqif ta' Garanziji u Depożiti kawtelatorji pubbliċi ta' l-Istat Ħieles tal-Bavarja

2

Sussidji u konċessjonijiet fiskali għall-investiment

19.42

Impriża komuni

LfA

1991/1992

Skema konġunta għat-"Titjib ta' l-istruttura ekonomika reġjonali", Liġi fuq il-konċessjonijiet fiskali għall-investiment

3

Kanċellazzjoni tad-dejn

3.0

PBK

LfA

1994

Xejn

4

Depożitu kawtelatorju 100%

190.0

Robotron, impriża komuni

THA

1992

Sistema tat-THA

5

Sussidji u konċessjonijiet fiskali għall-investiment

63.45

Impriża komuni sa mill-24.11.1992, PA

Thuringe

1991 sa 1993

Skema konġunta għat-"Titjib ta' l-istruttura ekonomika reġjonali", liġi fuq il-konċessjonijiet fiskali għall-investiment

Total

330.57

31     Minn din it-tabella jirriżulta, l-ewwel nett li, fl-1992, it-THA tagħat, garanzijja ta' 100 % għall-ammont ta' 190 miljun DEM, li kienet tkopri l-parti l-kbira tal-krediti bankarji mogħtija lil Robotron u lill-impriża komuni. Skond il-Kummissjoni, din il-garanzijja għanda titqies bħala għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni safejn din ma nagħtatx konformement mall-kundizzjonijiet imsemmija fis-sistema ta' l-għajnuniet approvati mill-Kummissjoni rispettivament permezz ta' l-ittra SG(91) D/17825, tas-26 ta' Settembru 1991 (iktar 'il quddiem "l-ewwel sistema tat-THA"), u permezz ta' ittra SG(92) D/17613, tat-8 ta' Diċembru 1992 (iktar 'il quddiem "it-tieni sistema tat-THA"). Hija tikkunsidra madankollu li, mill-190 miljun DEM inizjalment garantiti, 120 miljun DEM li effettivament tħallsu mit-THA bħala garanzija, biss għandhom jitħallsu lura.

32     It-tieni nett, il-Kummissjoni kkonstatat li, sal-31 ta' Diċembru 1993, il-Land ta' Thuringe kien ta' lill-impriża komuni, umbgħad lil PA, skond l-"Investitionszulagengesetz" (liġi fuq l-konċessjonijiet fiskali għall-investiment) u l-għoxrin u l-wieħed u għoxrin "Rahmenpläne der Gemeinschaftsaufgabe ‘Verbesserung der regionalen Wirtschaftstruktur' " (programmi-qafas adottati, għas-snin 1992 u 1993, b'applikazzjoni tal-liġi tas-6 ta' Ottubru 1969 dwar l-iskema konġunta għat-"titjib ta' l-istrutturi ekonomiċi reġjonali", iktar 'il quddiem "is-sistema SK"), sussidji u konċessjonijiet għall-investiment li jammontaw għal total ta' 63.45 miljun DEM. Issa, skond il-Kummissjoni, din l-għajnuna intiża għar-reġjun kienet ingħatat inġustament skond l-iskema konġunta u skond il-liġi fuq il-konċessjonijiet fiskali għall-investiment u, għaldaqstant, peress li kienet inkompatibbli mas-suq komuni, kellha titħallas lura. Meta titqies id-deċiżjoni tal-Land ta' Thuringe li ordnat ir-restituzzjoni ta' somma ta' 32.5 miljun DEM, il-Kummissjoni tikkunsidra li għad trid tiġi rkuprata s-somma ta' 30.95 miljun DEM.

33     It-tielet nett, il-Kummissjoni kkonstatat li, fl-1991 u fl-1992, il-Land tal-Bavarja, permezz tal-LfA, kien ta lill-impriża komuni sussidji u konċessjonijiet għall-investiment li jammontaw għal total ta' 19.42 miljun DEM. Issa, safejn dawn is-sussidji u konċessjonijiet kienu ġew miżapproprjati għall-benefiċċju tal-kumpanniji tal-grupp Pilz, il-Kummissjoni tikkunsidra li dawn ġew mogħtija inġustament skond is-sistema SK u tal-liġi fuq il-konċessjonijiet fiskali għall-investiment. Skond il-Kummissjoni, din hija, għalhekk, għajnuna inkompatibbli mat-Trattat KE.

34     Ir-raba nett, il-Kummissjoni kkonstatat li l-Land tal-Bavarja kien waqqaf, b'applikazzjoni tal-"Richtlinien für die Übernahme von Staatsbürgschaften im Bereich der gewerblichen Wirtschaft" (Direttivi li jirregolaw it-twaqqif ta' garanziji pubbliċi għas-settur ta' l-industrija, ippubblikati permezz ta' l-avviz tal-Ministeru tal-Finanzi tal-Bavarja L 6811-1/7- 43358, tas-7 ta' Awissu 1973, iktar 'il quddiem il-"leġiżlazzjoni dwar l-għoti ta' garanziji mil-Land tal-Bavarja"), garanzija minn 80 sa 100 % fuq il-krediti bankarji għal ammont totali ta' 54.7 miljun DEM finalment miksub minn PBK. Skond il-Kummissjoni, l-awtoritajiet Ġermaniżi, minkejja t-talba għal informazzjoni li tidher fid-deċiżjoni ta' ftuħ tal-proċedura, ma pprovdewx elementi ddetaljati biżżejjed li jippermettu li jiġu mneħħija d-dubji li hija kellha f'dak li jirrigwarda l-legalita ta' l-operazzjonijiet li jirrigwardaw l-garanzija mogħtija mil-Land tal Bavarja (l-LfA). Minn barra dan, meta jitqies il-fatt li l-għajnuna in kwistjoni ma servitx għall-finanzjament ta' l-investiment, iżda ġiet miżapproprjata, hija tqis li din il-garanzija għanda titqies bħala għajnuna inkompatibbli [mat-trattat KE].

35     Il-ħames nett, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-kanċellazzjoni min-naħa tal-LfA tad-dejn ta' 3 miljun DEM li kien inħoloq fir-rigward ta' PBK minħabba l-ħlas ta' din is-somma lill-banek skond il-garanzija msemmija fil-punt 34 kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Skond il-Kummissjoni, din l-għajnuna hija inkompatibbli mas-suq komuni safejn din ingħatat mingħajr ebda bażi ġuridika.

36     Fid-dawl ta' dawn il-konstatazzjonijiet, il-Kummissjoni kkonkludiet li, matul il-fażi meta ġiet stabbilita l-fabbrika tas-CDs f'Albrechts, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet tagħat, bi ksur ta' l-Artikolu 88(3), KE, għajnuna mill-Istat li tammonta għal total ta' 260.57 miljun DEM. Din l-għajnuna hija magħmula minn għajnuna finanzjarja tal-Land ta' Thuringe li tammonta għall-63.45 miljun DEM, tal-LfA li tammonta għal 77.12 miljun DEM (54.5 miljun taħt forma ta' garanzija, 19.42 miljun DEM taħt forma ta' konċessjonijiet għall-investiment u 3 miljun DEM taħt forma ta' kanċellazzjoni tad-dejn), u tat-THA li tammonta għal 120 miljun DEM.

37     Skond il-Kummissjoni, din l-għajnuna hija inkompatibbli prinċipalment minħabba l-fatt li din tagħat benefiċċju lill-kumpanniji li kienu jiffurmaw parti mill-grupp Pilz u li, minħabba dan il-fatt, ġiet użata b'mod ħażin skond it-tifsira ta' l-Artikolu 88 (2), KE.

2.      Għajnuna finanzjarja mogħtija matul il-fażi ta' ristrutturazzjoni

38     Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni identifikat u kklassifikat bħala għajnuna tnax-il għajnuna finanzjarja li ngħataw matul il fażi ta' ristrutturazzjoni ta' l-impriża. F'tabella sinottika li tidher fid-39 premessa tad-deċiżjoni kkontestata, din l-għajnuna hija ppreżentati kif ġej:

Natura ta' l-għajnuna                                     

Ammont ta' DEM f'miljuni

Benefiċjarju

Mogħtija minn

Data

Bażi ġuridika

1

Kreditu

25.0

PA

TAB

Ottubru 1993

Xejn

2

Kreditu

20.0

PA

TAB

Marzu 1994

Xejn

3

Prezz tax-xiri

3.0

PBK

TIB

Marzu 1994

Xejn

4

Sussidju

12.0

PA

TIB

Marzu 1994

Xejn

5

Kapital Awtorizzat

33.0

PA

TIB (98 %) TAB (2 %)

Marzu 1994

Xejn

6

Kreditu

2.0

PA

LfA

Marzu 1994

Xejn

7

Self ta' soċju

3.5

PA

TIB

April 1994

Xejn

8

Kreditu

15.0

Groupe Pilz

LfA

Ġunju 1994

Xejn

9

Kreditu

15.0

CD Albrechts

TAB

Ottubru 1994

Xejn

10

Kreditu

7.0

CD Albrechts

LfA

Diċembru 1994

Xejn

11

Kreditu

9.5

CD Albrechts

TAB

Jannar 1995

Xejn

12

Interessi

21.3

Wara l- 1993

Total

166.3

39     Primarjament, il-Kummissjoni kkonstatat li, f'Ottubru 1993, it-TAB kienet tagħat lil PA kreditu ta' 25 miljun DEM sabiex ikun kopert n-nuqqas ta' fondi ta' din il-kumpannija, iżda li dawn il-fondi kienu, permezz tas-sistema ta' ġestjoni ċentralizzata tal-fondi tal-grupp Pilz, ingħataw direttament lill-kumpanniji l-oħra ta' dan il-grupp.

40     It-tieni nett, il-Kummissjoni kkonstatat li, f'Marzu 1994, it-TAB kienet tagħat lil PA kreditu ta' 20 miljun DEM sabiex tħallas lura l-krediti bankarji garantiti mit-THA, iżda dawn il-fondi ukoll kienu ingħataw direttament lill-kumpanniji li kienu jiffurmaw parti mill-grupp Pilz permezz tas-sistema ta' ġestjoni ċentralizzata tal-fondi.

41     It-tielet nett, il-Kummissjoni kkonstatat li, f'Marzu 1994, it-TIB kienet ħallset 3 miljun DEM lil PBK għax-xiri ta' l-ishma ta' PA li din il-kumpannija kellha.

42     Ir-raba' nett, il-Kummissjoni kkonstatat li, f'Marzu 1994, it-TIB kienet tagħat sussidju taħt forma ta' kontribuzzjoni lill-kapital ta' PA, li kien jammonta għal total ta' 12-il miljun DEM.

43     Il-ħames nett, il-Kummissjoni kkonstatat li, f'Marzu 1994, it-TIB u t-TAB rispettivament kienu xtraw 98 u 2 % tal-kapital awtorizzat ta' PA, li kien jammonta għal 33 miljun DEM.

44     Is-sitt nett, il-Kummissjoni kkonstatat li, f'Marzu ta' l-1994, il-Land tal-Bavarja kien awtorizza, permezz tal-LfA, kreditu ta' 2 miljun DEM lil PA.

45     Is-seba nett, il-Kummissjoni kkonstatat li, f'April 1994, it-TIB kienet awtorizzat self ta' soċju ta' 3.5 miljun DEM lil PA.

46     It-tmien nett, il-Kummissjoni kkonstatat li, f'Ġunju 1994, il-LfA kienet tagħat kreditu ta' l-operat ta' 15-il miljun DEM lill-grupp Pilz intiż bħala kreditu temporanju sakemm jinstab xerrej għall-fabbrika tas-CDs f'Albrechts.

47     Id-disa' nett, il-Kummissjoni kkonstatat li, f'Ottubru 1994, it-TAB kienet tagħat kreditu ta' 15-il miljun DEM lil-CD Albrechts. Hija osservat li, għalkemm kienu ġew imħallsa lil-CD Albrechts, dawn il-fondi kienu intużaw għall-provvista ta' servizzi lill-impriżi tal-grupp Pilz, servizzi li dawn qatt ma ħallsu, b'tali mod li dawn ta' l-aħħar biss kienu bbenefikaw.

48     L-għaxar nett, il-Kummissjoni kkonstatat li, f'Diċembru 1994, il-Land tal Bavarja kien awtorizza, permezz tal-LfA, kreditu ġdid ta' 7 miljun DEM lil-CD Albrechts.

49     Il-ħdax nett, il-Kummissjoni kkonstatat li, f'Jannar 1995, it-TAB kienet tagħat kreditu ta' 9.5 miljun DEM lil-CD Albrechts.

50     It-tnax nett, il-Kummissjoni kkonstatat li, skond l-informazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet Ġermaniżi, matul il-perijodu bejn l-aħħar ta' l-1993 sa' l-1998 PA u CD Albrechts kienu bbenefikaw minn benefiċċji taħt il-forma ta' interessi li jammontaw għal 21.3 miljun DEM.

51     Skond il-Kummissjoni, it-tnax-il għajnuna finanzjara deskritta iktar 'il fuq, li tammonta għal total ta' 166.3 miljun DEM, għandha tiġi meqjusa bħala għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli mas-suq komuni. Fil-fatt safejn din l-għajnuna kienet ta' benefiċċju għat-TIB u t-TAB wara li dawn il-kumpanniji kienu saru ekonomikament responsabbli għall-fabbrika tas-CDs f'Albrechts, din setgħet biss tiġi approvata mill-Kummissjoni fuq il-bażi ta' l-Artikolu 87(3),KE u konformement mal-linji gwida dwar l-għajnuna għas-salvataġġ u r-ristrutturazzjoni. Issa, skond il-Kummissjoni, huwa ċar li l-imsemmija għajnuna ma tissodisfax dawn il-linji gwida, peress li l-informazzjoni li hija għandha ma tippermettix li jiġi stabbilit li din ġiet mogħtija fil-kuntest ta' pjan ta' ristrutturazzjoni viabbli li jinkludi miżuri interni konkreti li jippermettu lill-Kummissjoni tikkonstata li f'terminu ta' żmien raġionevoli il-profitabbilità u l-viabbiltà fuq żmien twil ta' l-impriża jerġgħu jiġu stabbiliti mill-ġdid. Barra minn dan, ma ppreżenta ruħu ebda xerrej privat li kien dispost li jixtri l-attwali kumpanniji LCA u CDA, b'tali mod li, fin-nuqqas ta' investiment privat, m'huwiex possibbli li jiġi determinat jekk l-għajnuna hijiex proporzjonata ma' l-ispejjeż tar-ristrutturazzjoni.

3.     Fuq l-irkupru ta' l-għajnuna

52     B'applikazzjoni ta' l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/1999, il-Kummissjoni ddeċidiet li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha titlob il-ħlas lura ta' l-għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq komuni li ġiet mħallsa kemm matul il-fażi ta' stabbiliment kif ukoll matul il-fażi ta' ristruttutazzjoni tal-fabbrika tas-CDs f'Albrechts.

53     Barra minn dan, il-Kummissjoni enfasizzat li, sabiex jiġi assigurat li d-deċiżjoni tagħha tiġi osservata u sabiex tiġi żgurata l-eliminazzjoni ta' kull distorsjoni tal-kompetizzjoni, hija kellha, jekk ikun hemm bżonn, teżiġi li l-proċedura ta' rkupru ta' l-għajnuna ma tkunx limitata għad-destinatarju inizjali ta' l-għajnuna, iżda tkun estiża għall-impriża li kompliet l-attivitajiet tiegħu permezz tal-mezzi ta' produzjoni li ġew trasferiti. Hija indikat li, sabiex jiġi kkunsidrat jekk impriża effettivament tkomplix l-attività tad-destinatarju inizjali ta' l-għajnuna, hija ħadet in kunsiderazzjoni numru ta' elementi, fosthom is-suġġett tat-trasferiment, il-prezz tax-xiri, l-identità tas-soċji u l-proprjetarji ta' l-impriza preċedenti u dik tax-xerrej, id-data ta' meta seħħ it-trasferiment u l-karattru kummerċjali ta' dan. Issa, hija qieset li, fil-każ in kwistjoni, mingħajr ebda dubbju LCA u CDA ibbenefikaw mill-għajnuna li ġiet mogħtija preċedentement lil PBK, lill-impriża komuni u lil PA, peress li dawn kienu qegħdin jużaw l-attiv u l-infrastruttura ta' dawk l-impriżi sabiex ikomplu l-attività. Għaldaqstant, hija ddeċidiet li din l-għajnuna għandha tingħata lura minn LCA, minn CDA u mill-impriżi l-oħra kollha li l-attiv ta' l-impriża komuni, ta' PA u ta' PBK kienu jew għad iridu jkunu trasferiti lilhom peress li dawn għandhom jiġu kkunsidrati bħala "beneficjarji" ta' din l-għajnuna.

4.     Il-parti dispożittiva tad-deċiżjoni kkontestata

54     Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni li ġejja :

"Artikolu 1

1. L-għajnuna mill-Istat li tammonta għal 260.57 miljun DEM mogħtija mi[r-Repubblika Federatli ta]l-Ġermanja [lil PBK, lill-impriża komuni u lil PA] intiżi għall-bini, l-operat u l-konsolidazzjoni tal-fabbrika tas-CDs f'Albrechts (Thuringe), intużat f'setturi oħra tal-grupp Pilz.

L-għajnuna tikkonsisti f'63.45 miljun DEM mogħtija mil-[Land] ta' Thuringe, fl-ammont ta', f'77.12 miljun DEM mogħti mil-[LfA] u f'120 miljun DEM mogħti mit-THA.

L-użu abbużiv huwa kostitwit mill-applikazzjoni ta' l-għajnuna b'mod abbużiv fis-sens ta' l-Artikolu 88(2), [...] KE. Konsegwentement, l-għajnuna hija inkompatibbli mat-Trattat KE.

2. Konformement ma' l-Artikolu 87(1), [...] KE, l-għajnuna li tammonta għal 166.3 miljun DEM intiża għar-ristrutturazzjoni ta' [CD Albrechts] m'hijiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-trattat KE.

Artikolu 2

1. I[r-Repubblika Federali ta]l-Ġermanja għandha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex teħtieġ mingħand il-benefiċjarju l-ħlas lura ta' l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 u li ġiet mogħtija lilu illegalment.

2. L-irkupru għandu jseħħ skond il-proċeduri [tal-liġi] nazzjonali. Is-sommom li għandhom jiġu rkuprati għandhom ikollhom magħhom l-interessi li jibdew jiddekorru mid-data ta' l-għotja ta' l-għajnuna lill-benefiċjarju sa meta din tiġi effettivament mogħtija lura. Dawn l-interessi huma kkalkolati fuq il-bażi tar-rata ta' referenza applikabbli għall-kalkolu ta' l-ekwivalenti tas-sussidju ta' l-għajnuna b'għan reġjonali.

3. Għal finijiet ta' dan l-Artikolu, it-terminu "benefiċjarju" jinkludi lil [CDA] u lil [LCA], kif ukoll l-impriżi l-oħra kollha li l-attiv u/jew l-infrastruttura [ta' PBK, ta' l-impriża komuni jew ta' PA] ġew jew għad iridu jkunu trasferiti lilhom b'tali mod li l-konsegwenzi ta' din id-deċiżjoni jkunu evitati [...]"

 Il-proċedura u it-talbiet tal-partijiet

55     Permezz ta' rikors ippreżentat fir-registru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fl-10 ta' Ottubru 2000, il-Land ta' Thuringe ressaq rikors intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Dan ir-rikors ġie rreġistrat bin-numru T-318/00.

56     Permezz ta' Digriet tat-28 ta' Mejju 2001 tal-President tat-Tilet Awla Estiża tal-Qorti tal-Prim'Istanza, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tħalliet tintervjeni sabiex issostni t-talbiet tal-Land ta' Thuringe u ODS Optical Disc Service GmbH (iktar 'il quddiem "ODS"), impriża kompetitriċi ta' CDA, tħalliet tintervjeni sabiex issostni t-talbiet tal-Kummissjoni.

57     ODS u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ppreżentaw is-sottomissjonijiet ta' intervent tagħhom rispettivament fid-29 ta' Awissu u fit-3 ta' Settembru 2001. Fl-24 ta' Ottubru 2001, il-Land ta' Thuringe u l-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq is-sottomissjonijiet ta' l-intervent ta' ODS u tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

58     Permezz ta' digriet tat-30 ta' Settembru 2002, il-Qorti tal-Prim'Istanza (it-Tilet Awla Estiża) iddeċidiet li tisospendi l-proċeduri sakemm tingħata s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi C-328/99, l-Italja vs il-Kummissjoni, u C-399/00, SIM 2 Multimedia vs il-Kummissjoni. Fid-dawl tas-sentenza mogħtija fit-8 ta' Mejju 2003 f'dawn il-kawżi magħquda, il-Qorti tal-Prim'Istanza talbet lill-partijiet sabiex jagħtu l-osservazzjonijiet tagħhom fuq il-konsegwenzi għar-rikors preżenti. Dawn l-osservazzjonijiet ġew ippreżentati fit-23 u fl-24 ta' Ġunju 2003.

59     Fuq rapport ta' l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim'Istanza staqsiet lill-partijiet jagħtu l-opinjoni tagħhom fuq l-adegwatezza li dan ir-rikors jiġi eventwalment magħqud mar-rikors ippreżentat minn CDA u rreġistrat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza bin-numru T-324/00, peress li kienu jitrattaw ma' l-istess suġġett. Wara li l-osservazzjonijiet tal-partijiet kienu riċevuti, il-kawżi ġew magħquda, permezz ta' digriet tat-8 ta' Marzu 2004, għall-finijiet tas-seduta u tas-sentenza.

60     Fuq rapport ta' l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest ta' miżuri ta' organizazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, stiednet lill-partijiet jippreżentaw ċerti dokumenti u għamlitilhom mistoqsijiet bil-miktub.

61     L-argumenti tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula lilhom mill-Qorti tal-Prim'Istanza instemgħu fis-seduta tal-5 ta' Mejju 2004.

62     Permezz ta' digriet tat-23 ta' Lulju 2004, il-kawżi T-318/00 u T-324/00 ma baqgħux magħquda għall-finijiet tas-sentenza.

63     Il-Land ta' Thuringe jitlob lilll-Qorti tal-Prim'Istanza :

–       tannulla d-deċiżjoni kkontestata ;

–       alternattivament, tannulla l-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata, safejn dan jiddikjara bħala inkompatibbli mas-suq komuni għajnuna mħallsa lill-impriża komuni u lil PA, u tannulla l-Artikolu 1(2) u l-Artikolu 2(3) tad-deċiżjoni kkontestata ;

–       tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

64     Ir-Repubblika Federali Ġermaniża, parti intervenjenti, titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza :

–       tannulla d-deċiżjoni kkontestata.

65     Il-Kummissjoni, sostnuta minn ODS, titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza :

–       tiċħad ir-rikors ;

–       tikkundanna lil-Land ta' Thuringe ibati l-ispejjeż.

 Fid-dritt

I –  Osservazzjonijiet preliminari

66     Sabiex isostni r-rikors tiegħu, il-Land ta' Thuringe ressaq diversi raġunijiet ibbażati rispettivament fuq il-ksur tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, il-konstatazzjoni żbaljata ta' ċerti fatti, il-ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni, il-ksur ta' l-Artikoli 87 KE u 88 KE kif ukoll tad-dispożizzjonijiet ta' applikazzjoni tagħhom, il-ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalita u, fl-aħħar nett, il-ksur tal-prinċipju ta' ċertezza legali u ta' "prinċipju ta' ċertezza".

67     Il-Qorti tal-Prim'Istanza tiddeċiedi li teżamina, qabel kollox, ir-raġunijiet mressqa sabiex isostnu t-talbiet intiżi għall-annulament ta' l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata. Wara dan, l-eżami tal-Qorti tal-Prim'Istanza jkompli fuq ir-raġunijiet dwar l-ordni ta' rkupru li tinsab fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata.

II –  Fuq il-legalità ta' l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata

68     Il-Land ta' Thuringe isostni, essenzjalment, li l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata huwa illegali minħabba li l-evalwazzjoni, mill-Kummissjoni, tad-diversi għajnuniet finanzjarji li kienu ingħataw fil-kuntest tal-proġett ta' fabbrika tas-CDs f'Albrechts hija msejjsa fuq żbalji ta' fatt, tmur kontra l-Artikolu 87(1), KE u l-Artikolu 88(2), KE u li ma tissodisfax l-obbligu ta' motivazzjoni.

69     Konsegwentement, hemm bzonn li, għal kull waħda mill-għajnuniett finanzjarji li ġew identifikati fit-tabelli li jidhru fil-punti 30 u 38 iktar 'il fuq, ikunu eżaminati suċċessivament ir-raġunijiet mressqa mil-Land ta' Thuringe.

70     Madankollu, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis neċessarju li teżamina, qabel kollox, l-argument tal-Land ta' Thuringe li l-Kummissjoni ma kinitx korretta meta bbażat ruħha fuq l-informazjoni li hija kellha fil-mument meta adottat id-deċiżjoni kkontestata.

A –  Fuq il-possibbiltà li d-deċiżjoni kkontestata tkun ibbażata fuq l-informazzjoni li hija kellha

1.     L-argumenti tal-partijiet

71     Il-Land ta' Thuringe josserva li, fil-każ in eżami, il-Kummissjoni ma kelliex dritt tibbaża d-deċiżjoni kkontestata fuq l-informazzjoni li hija kellha fil-mument meta adottat id-deċiżjoni kkontestata. Huwa josserva, qabel kollox li, kif jirriżulta mit-tieni sentenza ta' l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 659/1999 u minn ġurisprudenza kostanti, li l-Kummissjoni tista' tibbaża deċiżjoni fuq l-informazzjoni disponibbli biss meta l-Istat Membru ma jkunx irrisponda jew ikun irrisponda b'mod inkomplet għal ordni li jagħti informazzjoni li kienet indirizzata lilu għal tali għan mill-Kummissjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-14 ta' Frar 1990, Franza vs il-Kummissjoni, magħrufa bħala "Boussac", C-301/87, Ġabra p. I-307, punti 19 u 22, u tat-13 ta' April 1994, il-Ġermanja u Pleuger Worthington vs il-Kummissjoni, C-324/90 u C-342/90, Ġabra p. I-1173, punt 26). Huwa josserva wkoll li, anki jekk l-awtoritajiet nazzjonali għandhom l-obbligu li jagħtu lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha rilevanti sabiex tkun assigurata l-missjoni tagħha li tikkontrolla l-għajnuna mill-Istat, din ta' l-aħħar għandha l-obbligu li tipproċedi, b'kull mezz possibbli, għall-kjarifika tal-fatti. Skond il-Land dan jimplika li l-Kummissjoni għanda tinforma, b'mod ċar u preċiż, lill-awtoritajiet nazzjonali bl-informazzjoni kollha li hija għanda bżonn fil-kuntest tal-missjoni tagħha u li hija għanda tipproċedi għall-adozzjoni ta' deċiżjoni biss fil-każijiet estremi fejn, minkejja t-talbiet tagħha, hija ma jirnexxiliex tikseb il-kjarifika mitluba. Issa, skond il-Land ta' Thuringe, fil-każ in kwistjoni, l-awtoritajiet Ġermaniżi rrispondew għad-diversi talbiet għall-informazzjoni tal-Kummissjoni u, partikolarment, għall-mistoqsijiet li jidhru fl-anness tad-deċiżjoni ta' ftuħ tal-proċedura. Huwa josserva fil-fatt li, ħlief għal xi eċċezzjoni, il-mistoqsijiet li jidhru fl-ittra ta' intimazzjoni tat-22 ta' Lulju 1999 ma jikkorrispondux ma' dawk li jidhru fl-anness tad-deċiżjoni ta' ftuħ tal-proċedura, li juri, fl-opinjoni tiegħu, li sadattant il-proċedura kienet avvanzat. Huwa jsostni li jekk il-Kummissjoni kienet tqis li r-risposti għall-mistoqsijiet li jidhru fl-anness tad-deċiżjoni ta' ftuħ tal-proċedura ma kinux biżżejjed, hija kien imissa qalet dan fl-ittra tagħha tat-22 ta' Lulju 1999. Għaldaqstant, il-Land ta' Thuringe jikkunsidra li, safejn il-Kummissjoni ma talbitx tali kjarifiki lill-awtoritajiet Ġermaniżi, hija ma kellhiex dritt tibbaża d-deċiżjoni kkontestata fuq l-informazzjoni li hija kellha.

72     Il-Kummissjoni, sostnuta minn ODS, tikkontesta l-allegazzjoni tal-Land ta' Thuringe.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

73     Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Kummissjoni tista' tadotta deċiżjoni fuq il bażi ta' l-informazzjoni disponibbli meta tkun ikkonfrontata minn Stat Membru li ma jissodisfax id-dmir ta' kollaborazzjoni tiegħu u li jastjeni milli jatiha l-informazzjoni li hija tkun talbitu sabiex teżamina l-kompatibbilità ta' għajnuna mas-suq komuni (sentenza Boussac, punt 71 iktar 'il fuq, punt 22, u l-Ġermanja u Pleuger Worthington vs il-Kummissjoni, punt 71 iktar 'il fuq, punt 26). Madankollu, qabel ma tieħu tali deċiżjoni, il-Kummissjoni trid tirrispetta ċerti ħtiġijiet proċedurali. B'mod partikolari, hija għanda tordna lill-Istat Membru jagħtiha, fit-terminu ta' żmien li hija tistabbilixxi, id-dokumenti, l-informazzjoni u d-dati kollha meħtieġa sabiex teżamina l-kompatibbilita ta' l-għajnuna mas-suq komuni. Huwa biss jekk l-Istat Membru jonqos, minkejja l-ordni tal-Kummissjoni, li jipprovdi l-informazzjoni mitluba li din għanda l-jedd li ttemm il-proċedura u li tieħu d-deċiżjoni dwar jekk l-għajnuna hijiex kompatibbli jew inkompatibbli mas-suq komuni fuq il bażi ta' l-elementi li hija jkollha (sentenza Boussac, punt 71 iktar 'il fuq, punti 19 u 22). Dawn il-ħtiġijiet ġew riprodotti u kkonkretizzati fl-Artikolu 5(2) sa l-Artikolu 10(3) u fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 659/1999.

74     Huwa fid-dawl ta' dawn il-prinċipji li għandu jkun mistħarreġ jekk, fil-każ in ezami, il-Kummissjoni setgħax kellha d-dritt tadotta d-deċiżjoni kkontestata b'kunsiderazzjoni biss għall-informazzjoni li kellha f'Ġunju ta' l-2000.

75     Qabel kollox, hemm lok li jiġi mfakkar l-iżvolġiment tal-proċedura amministrattiva f'din il-kawża.

76     Din il-proċedura bdiet, f'Ottubru ta' l-1994, b'ittra li ntbgħatet lill-awtoritajiet Ġermaniżi. F'din l-ittra l-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Ġermaniżi sabiex jipprovdu l-informazzjoni fuq l-għajnuna mill-Istat mogħtija għall-bini ta' fabbrika tas-CDs f'Albrechts. B'risposta, l-awtoritajiet Ġermaniżi, permezz ta' ittra tad-9 ta' Novembru 1994, innotifikaw għajnuna mogħtija mil-Land ta' Thuringe u mil-Land tal-Bavarja lill-impriża komuni u lill-grupp Pilz. Bl-ittra tal-15 ta' Novembru 1994, il-Kummissjoni talbet informazzjoni iktar preċiża fuq din l-għajnuna. L-awtoritajiet Ġermaniżi rrispondew għal din it-talba permezz ta' l-ittra tat-3 ta' Marzu 1995, fejn ikkompletaw in-notifika infurmaw b'għajnuna ġdida mogħtija mit-THA kif ukoll mill-Land ta' Thuringe u mill-Land tal-Bavarja. Safejn din l-għajnuna kienet diġa ngħatat, il-Kummissjoni rreġistrata bin-numru NN 54/95. B'ittri tal-1 ta' Awissu, tas-16 ta' Ottubru 1995 u tal-25 ta' Novembru 1996, il-Kummissjoni għamlet mistoqsijiet supplementari li l-awtoritajiet Ġermaniżi rrispondew permezz ta' ittri tat-22 ta' Awissu 1995, tat-25 ta' Awissu 1995, tat-18 ta' Jannar 1996 u tas-17 ta' April 1997. Fit-3 ta' Frar u fit-22 u t-23 ta' Settembru 1997, seħħu rispettivament laqgħat fi Brussell u f'Erfurt bejn ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni u dawk ta' l-awtoritajiet Ġermaniżi. B'ittra ta' l-20 ta' Jannar 1998, dawn ta' l-aħħar ippreżentaw l-osservazzjonijiet sommarji tagħhom fuq ir-riżultat tal-laqgħa mar-rapreżentanti tal-Kummissjoni.

77     Wara eżami preliminari ta' l-informazzjoni mogħtij mill-awtoritajiet Ġermaniżi, safejn il-Kummissjoni kienet ta' l-opinjoni li l-miżuri kkontestati kienu jqajjmu dubbji serji fir-rigward tal-kompatibbilità tagħhom mas-suq komuni, fis-17 ta' Lulju 1998, adottat id-deċiżjoni ta' ftuħ tal-proċedura.

78     Permezz ta' din id-deċiżjoni, hija barra minn hekk, ordnat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja "tagħtiha, fit-terminu ta' xahar min-notifika ta' l-[imsemmija deċiżjoni], id-dokumenti, l-informazzjoni u d-data kollha meħtieġa sabiex issir evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta' l-għajnuna ma' l-Artikolu [87 KE]". Mad-deċiżjoni ta' ftuħ tal-proċedura kien hemm ukoll anness li kien fih seba' mistoqsijiet.

79     Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja rreaġiet għad-deċiżjoni ta' ftuħ tal-proċedura, permezz ta' ittra tas-26 ta' Awissu 1998. Fil-15 ta' Ottubru 1998, laqgħa oħra seħħet bejn rappreżentanti tal-Kummissjoni u ta' l-awtoritajiet Ġermaniżi. B'ittra tal-11 ta' Novembru 1998, dawn ta' l-aħħar ippreżentaw informazzjoni supplementari.

80     Billi kienet ta' l-opinjoni li l-informazzjoni mogħtija kienet għadha mhux biżżejjed, il-Kummissjoni għal darba oħra, permezz ta' ittra ta' l-4 ta' Marzu 1999, ordnat lill-awtoritajiet Ġermaniżi jagħtuha l-informazzjoni meħtieġa u, b'mod partikolari, jirrispondu għall-mistoqsijiet annessi mad-deċiżjoni ta' ftuħ tal-proċedura.

81     B'risposta għal din l-aħħar ordni, l-awtoritajiet Ġermaniżi bl-ittri tat-30 ta' Marzu, ta' l-1 ta' April u tas-16 ta' April 1999, ipprovdew informazzjoni supplementari.

82     Madankollu l-Kummissjoni kkunsidrat li din l-informazzjoni xorta waħda kienet għada ma tipprovdix risposta xierqa għall-mistoqsijiet li kienu jidhru fl-anness tad-deċiżjoni ta' ftuħ tal-proċedura (partikolarment, il-mistoqsijiet Nri 3 sa 7 ta' l-anness). Hija, għaldaqstant, b'ittra tat-22 ta' Lulju 1999, eżiġiet li dawn il-mistoqsijiet jitwieġbu sa mhux iktar tard mill-31 ta' Awissu 1999. Barra minn dan, hija talbet lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tipprovdilha informazzjoni u dokumenti supplementari.

83     L-awtoritajiet Ġermaniżi, wara li, b'ittra tat-28 ta' Lulju 1999, talbu l-estensjoni tat-terminu stabbilit mill-Kummissjoni u wara li kellhom laqgħa ġdida mar-rappreżentanti tagħha fit-23 ta' Settembru 1999, fi Brussell, fit-28 ta' Settembru u fid-19 ta' Ottubru 1999 ippreżentaw informazzjoni supplementari.

84     Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata fil-21 ta' Ġunju 2000.

85     F'dak li jirrigwarda l-argument tal-Land ta' Thuringe li l-awtoritajiet Ġermaniżi kienu pprovdew l-informazzjoni kollha mitluba b'tali mod li l-Kummissjoni ma kelliex dritt tibbaża ruħha fuq l-informazzjoni disponibbli, għandu jiġi kkonstatat, qabel kollox, li mill-iżvolġiment tal-proċedura amministrattiva jirriżulta b'mod ċar li l-Kummissjoni rrispettat il-ħtiġijiet proċedurali stabbiliti mill-ġurisprudenza u previsti fir-Regolament Nru 659/1999. Fil-fatt, fi tliet okkażjonijiet, hija ordnat formalment lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sabiex tipprovdilha l-informazzjoni meħtieġa sabiex tkun tista' tevalwa l-kompatibbilità ta' l-għajnuna kkontestata mas-suq komuni.

86     Barra minn dan, bil-kontra ta' dak li jsostni l-Land ta' Thuringe, mill-ittra tal-Kummissjoni tat-22 ta' Lulju 1999 ma jirriżultax li l-awtoritajiet Ġermaniżi kienu rrispondew għall-mistoqsijiet kollha barra waħda. F'din l-ittra, il-Kummissjoni, bil-kontra, urġentement talbet lill-awtoritajiet Ġermaniżi sabiex jirrispondu għall-mistoqsijiet Nri 3 sa 7 li jidhru fl-anness tad-deċiżjoni ta' ftuħ tal-proċedura.

87     Wara dan, il-Land ta' Thuringe ma weriex li l-awtoritajiet Ġermaniżi kienu rrispondew b'mod eżawrjenti għall-mistoqsijiet kollha magħmula mill-Kummissjoni fl-anness tad-deċiżjoni ta' ftuħ tal-proċedura. B'mod partikolar, ma stabbiliex li dawn l-awtoritajiet ipproduċew il-lista preċiża ta' l-għajnuna li kienet mogħtija mill-1991, minkejja li din kienet mitluba għal diversi drabi mill-Kummissjoni. Bl-istess mod, huwa ma pprovdiex il-prova li turi li dawn l-awtoritajiet wieġbu għall-mistoqsija dwar l-eżistenza ta' pjanijiet ta' ristrutturazzjoni eventwali. Barra minn hekk mill-proċess jirriżulta li dawn l-awtoritajiet irrispondew b'mod vag għall-mistoqsija dwar id-deskrizzjoni tat-tranżazzjonijiet li ġew konklużi fil-kuntest ta' l-akwist ta' l-impriża komuni mit-TAB u t-TIB, kif ukoll għall-mistoqsija dwar id-deskrizzjoni taċ-ċirkustanzi u l-kundizzjonijiet tal-kanċellazzjoni tad-dejn mill-banek privati fl-1994.

88     F'dan ir-rigward, għandu ukoll jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999, "Id-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali għandha tiġbor fil-qosor l-kwistjonijiet rilevanti tal-fatti u liġi, għandha tinkludi stima preliminari tal-Kummissjoni dwar il-karattru tal-miżura proposta u għandha tqiegħed id-dubji dwar il-kompatibilità tagħha mas-suq komuni". B'din id-deċiżjoni u l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea, l-Istat Membru u l-partijiet ikkonċernati l-oħra huma infurmati bil-fatti li fuqhom il-Kummissjoni beħsieba tibbaża d-deċiżjoni tagħha. Minn dan jirriżulta li, jekk dawn il-partijiet jikkunsidraw li ċerti fatti li jinstabu fid-deċiżjoni ta' ftuħ ta' proċedura ta' investigazzjoni formali huma żbaljati, huma għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b'dan matul il-proċedura amministrattiva bir-riskju li ma jkunux jistgħu aktar jikkontestaw dawn il-fatti fil-kuntest tal-proċedura kontenzjuża (ara, f'dan is-sens, f'dak li jirrigwarda l-Istat Membru, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-14 ta' Settembru 1994, Spanja vs il-Kummissjoni, C-278/92 sa C-280/92, Ġabra p. I-4103, punt 31). Min-naħa l-oħra, konformement ma prinċipji tal-ġurisprudenza u regolamentari msemmija fil-punt 73 iktar 'il fuq, fin-nuqqas ta' informazzjoni kuntrarja min-naħa tal-partijiet ikkonċernati, il-Kummissjoni tista' tibbaża ruħha fuq il-fatti, anki jekk żbaljati, li hija jkollha fil-mument ta' l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali, safejn l-elementi ta' fatt konċernati kienu s-suġġett ta' ordni tal-Kummissjoni fil-konfront ta' l-Istat Membru sabiex jipprovdilha l-informazzjoni meħtieġa. Jekk, min-naħa l-oħra, hija tastjeni ruħha milli tordna lill-Istat Membru li jagħtiha informazzjoni fuq il-fatti li hija biħsieba tikkunsidra, hija ma tistax, suċċessivament, tiġġustifika żbalji eventwali ta' fatt billi ssostni li hija kienet fondata, fil-mument ta' l-adozzjoni tad-deċiżjoni li ttemm il-proċedura ta' investigazzjoni formali, li tikkunsidra biss l-elementi ta' informazzjoni li hija kellha dak iż-żmien.

89     Bil-kontra għal dak li jissuġġerixxi l-Land ta' Thuringe, il-Kummissjoni m' hijix, għaldaqstant, ħielsa minn kull stħarriġ ġudizzjarju f'dak li jirrigwarda l-konstatazzjoni tal-fatti. Fil-fatt, jekk l-Istat Membru jissodisfa kompletament l-obbligu tiegħu li jibgħat l-informazzjoni kollha mitluba mill-Kummissjoni, ikun faċli għalih li juri, bl-għajnuna ta' l-informazzjoni li huwa jkun bagħat fil-kuntest tal-proċedura, li l-eventwali żbalji ta' fatt li jidhru fid-deċiżjoni kkontestata mhumiex imputabbli lilhu. Barra minn dan, meta l-Kummissjoni tibbaża deċiżjoni fuq l-informazzjoni disponibbli li tkun tirrigwarda ċerti elementi ta' fatt mingħajr ma, f'dan ir-rigward preċiż, tkun irrispettat il-ħtiġijiet proċedurali rikonoxxuti mill-ġurisprudenza u riprodotti fir-Regolament Nru 659/1999, il-Qorti tal-Prim'Istanza tista' teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha f'dak li jirrigwarda l-kwistjoni li jsir magħruf jekk il-kunsiderazzjoni ta' dawn l-elementi fattwali kinitx suxxettibbli li tagħti lok għall-kunsiderazzjonijiet żbaljati li jivvizzjaw il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

90     Issa, fil-kundizzjonijiet imsemmija fil-punti 85 sa 88 iktar 'il fuq u fir-rigward partikolarment tat-tliet ordnijiet li l-Kummissjoni indirizzat lil-Land ta' Thuringe matul il-proċedura amministrattiva, din ma stabbilitx li l-Kummissjoni kkunsidrat, fid-deċiżjoni kkontestata, elementi ta' fatt mingħajr ma rrispettat il-ħtiġijiet proċedurali rikjesti f'dan ir-rigward. Konsegwentement, il-Kummissjoni kellha d-dritt tibbaża ruħha, fl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, fuq l-informazzjoni li hija kellha.

91     Fid-dawl ta' dak li ntqal iktar 'il fuq hemm lok li dan l-ilment jinċaħad.

B –  Fuq il-garanzija mogħtija mil-Land tal-Bavarja (l-LfA) lil PBK

1.     L-argumenti tal-partijiet

92     Il-Land ta' Thuringe sostna, fl-ewwel lok, li l-Kummissjoni kkommettiet żball ta' fatt f'dak li jirrigwarda din l-għajnuna. Dan jenfasizza, fil-fatt, li bil-kontra ta' dak li kkonstatat il-Kummissjoni fil-premessa 30 tad-deċiżjoni kkontestata, il-garanzija tal-Land tal-Bavarja, li inizjalment kienet tkopri 80% tal-krediti bankarji mogħtija lill-PBK, ma ġitx mibdula f'garanzija li tkopri 100% tal-krediti li jammontaw għall- 54.7 miljun DEM. Huwa josserva, b'mod partikolari, li l-ammont ta' 54.7 miljun DEM li tirreferi għalih il-Kummissjoni jikkorrispondi għall-valur fil-kont tal-krediti (interessi mhux inklużi) li kienu garantiti sa 80% mil-Land tal-Bavarja fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehim għar-ristrutturazzjoni f'Marzu ta' l-1994. Skond dan, bil-kontra ta' dak li kkonstatat il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, il-Land tal Bavarja ma aċċettax li jiggarantixxi 100% ta' dan l-ammont. Bil-kontra ta' dan, fil-kuntest tal-ftehim għar-ristrutturazzjoni, l-ammont totali ta' krediti ggarantiti mil-Land tal-Bavarja ġew imnaqqsa, min-naħa, wara li l-banek irrinunċjaw għal-ħlas lura tal-krediti ggarantiti sa' 12–il miljun DEM u, min-naħa l-oħra, wara diversi interventi tal-Land tal-Bavarja. Huwa jenfasizza li huwa biss l-ammont residwu, jiġifieri 41.4 miljum DEM, li, fil-kuntest tal-ftehim għar-ristrutturazzjoni, il-Land tal-Bavarja (l-LfA) aċċetta li jiggarantixxi sa 100% u li, fl-1995, l-LfA kellha tonora mall-banek il-garanzija kollha li hija kienet tagħat għall-ħlas tas-somma korrispondenti. Huwa josserva, barra minn dan, li l-kreditu tal-Land tal-Bavarja fuq l-impriża komuni għall-ammont ta' 41.4 miljun DEM li jirriżulta minn dan il-ħlas kif ukoll minn krediti oħra tal-Land tal-Bavarja fuq din il-kumpannija għall-ammont ta' 9 miljun DEM kienu finalment inxtraw mit-TAB, fis-7 ta' Novembru 1995, għall-ammont ta' 15–il miljun DEM. Skond dan, dan il-kreditu tat-TAB fuq l-impriza komuni tħallas kollu lura minn CDA wara li din xtrat l-attiv ta' LCA.

93     Il-Land ta' Thuringe jenfasizza li l-awtoritajiet Ġermaniżi għaddew din l-imformazzjoni lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva. Huwa fil-fatt josserva li jirriżulta b'mod ċar mill-ittri tat-18 ta' Jannar 1996 u tat-30 ta' Marzu 1999 li l-garanzija tal-Land tal-Bavarja li kienet inizjalment tkopri 80% tal-krediti bankarji mogħtija lill-PBK ma ġietx mibdula f'garanzija li tkopri 100% tal-krediti għall-ammont totali ta' 54.7 miljun DEM. Fil-fatt, skond dan, l-għoti ta' din il-preżunta garanzija sa 100% kien fil-verita intervent fl-ambitu tal-garanzija inizjali u kien ikopri biss, barra minn dan, ammont residwu ta' 41.4 miljun DEM. Skond dan, il-Kummissjoni astjeniet ruħha, inġustament, milli tagħmel konstatazzjoni dwar dan meta dan l-element kien determinanti, peress li kien jippermetti li jiġi stabbilit li l-għoti tal-garanzija sa 100% mil-Land tal-Bavarja fil-kuntest tal-ftehim għar-ristrutturazzjoni ma kinex jikkostitwixxi għajnuna ġdida, iżda intervent fl-ambitu ta' għajnuna li diġa teżisti, mogħtija fil-kuntest ta' sistema ta' għajnuna awtorizzata.

94     Il-Land ta' Thuringe jenfasizza, min-naħa l-oħra, li minn din l-informazzjoni jirrizulta li, bil-kontra ta' dak li kkonstatat il-Kummissjoni fil-premessa 30 tad-deċiżjoni kkontestata, l-LfA ma ħallsitx l-ammont ta' 54.7 miljun DEM, miżjud b'7 miljun DEM, fil-kuntest ta' l-intervent tagħha fl-ambitu tal-garanzija. Fil-fatt, skond il-Land ta' Thuringe, l-LfA l-aktar li setgħet ħallset kien l-ammont ta' 48.4 miljun DEM, peress li, f'Marzu ta' l-1994, hija ħallset 3 miljun DEM lill-banek u sellfet lil PA żewġ ammonti ta' 2 miljun DEM il-wieħed – wieħed sabiex jiġu mħallsa lura l-krediti ggarantiti u l-ieħor sabiex jiggarantixxi l-ħlas ta' l-interessi futuri fuq dawn il-krediti –, u li, fl-1995, hija ħallset 41.4 miljun DEM lill-banek. Huwa jqis li d-differenza bejn dan l-ammont ta' 48.4 miljun DEM u l-ammont ta' 54.7 miljun DEM imnizzel fil-premessa 30 tad-deċiżjoni kkontestata tispjega ruħha partikolarment bil-fatt li l-Kummissjoni kkunsidrat ċerti ammonti għal darbtejn, jiġifieri l-ewwel darba bħala ammont garantit mil-Land tal-Bavarja u t-tieni darba bħala ammont imħallas mil-LfA fl-ambitu ta' din il-garanzija.

95     Il-Land ta' Thuringe jsostni, fit-tieni lok, li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 87(1) ,KE, safejn din b'mod żbaljat ikkunsidrat fil-premessi 89 sa 93 tad-deċiżjoni kkontestata li, minħabba l-bdil tagħha f'garanzija sa 100%, il-garanzija kkontestata ma baqgħatx tissodisfa aktar il-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni dwar l-għoti ta' garanziji mil-Land tal-Bavarja.

96     Fl-aħħar lok, il-Land ta' Thuringe jikkunsidra li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta' motivazzjoni, safejn din ma pprovdietx motivazzjoni sabiex tappoġġja l-konstatazzjoni tagħha li l-garanzija tal-Land tal-Bavarja ma kinitx konformi mal-leġiżlazzjoni applikabbli.

97     Il-Kummissjoni, sostnuta minn ODS, tikkunsidra li l-argumenti kollha tal-Land ta' Thuringe, f'dak li jirrigwarda l-garanzija tal-Land tal-Bavarja, għandhom jinċaħdu bħala mhux fondati.

98     Min-naħa, hija tikkontesta li għamlet xi żball fil-konstatazzjoni tal-fatti f'dak li jirrigwarda din il-garanzija. Hija tosserva, qabel kollox, li, minkejja l-inġunzjoni indirizzata lill-awtoritajiet Ġermaniżi, dawn astenew irwieħhom milli jiċċaraw il-fatti f'dak li jirrigwarda din l-għajnuna. Hija tosserva, fil-fatt, li, fl-ittra tat-30 ta' Marzu 1999, l-awtoritajiet Ġermaniżi kkuntentaw irwieħhom billi qiesu "loġika" iż-żieda tal-garanzija minn 80 sa 100%, iżda ma pprovdew ebda spjegazzjoni f'dan ir-rigward. Hija tikkunsidra għalhekk li kellha d-dritt, skond is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta' Ġunju 1992, l-Italja vs il-Kummissjoni, msejjħa "Italgrani" (C-47/91, Ġabra P. I-4145), li tieħu d-deċiżjoni tagħha fid-dawl ta' l-informazzjoni li hija kellha. Iżda, skond il-Kummissjoni, minn din l-informazzjoni kien jirriżulta li l-għoti effettiv tal-garanzija ma kienx jikkorrispondi, minħabba t-trasformazzjoni tagħha, mal-kundizzjonijiet inizjali previsti mil-leġiżlazzjoni li tirrigwarda l-għoti ta' garanziji mil-Land tal-Bavarja. Hija fil-fatt tosserva li, peress li din is-sitema ta' għajnuna, li kienet ġiet approvata preċedentement mill-Kummissjoni, kienet tipprovdi li l-garanzija ma setgħetx tkopri aktar mill-massimu ta' 80% tal-krediti, il-garanzija tal-Land tal-Bavarja kellha titnaqqas b'konsegwenza tar-rinunċja mill-banek għal-ħlas lura tal-krediti sa 12–il miljun DEM. Barra minn dan, hija ssostni li la l-awtoritajiet Ġermaniżi u lanqas il-Land ta' Thuringe ma kienu fil-pożizzjoni li jispjegaw iż-żieda ta' l-ammont garantit minn 52.72 għall-54.72 miljun DEM. Fl-aħħar, il-Kummissjoni tosserva li, anki jekk jitqies li l-Land ta' Thuringe għandu raġun fejn isostni li r-riskju garantit irrealizza ruħhu meta l-Land tal-Bavarja impenjat ruħha li tiggarantixxi l-ammont li kien fadal sa 100%, dan ma jfissirx li l-Land tal-Bavarja ma kelliex tkopri l-ammont il-ġdid meħtieġ sa 80% biss.

99     Min-naħa l-oħra, hija ssostni li l-Land ta' Thuringe m'għandux raġun meta jsostni li hija kisret l-Artikolu 87(1), KE u l-obbligu ta' motivazzjoni f'dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni ġuridika tal-garanzija tal-Land tal-Bavarja.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

100   Il-Land ta' Thuringe jikkontesta l-legalita ta' l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata safejn dan tikklassifika bħala għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni għajnuna finanzjarja mogħtija mil-LfA taħt forma ta' garanzija fuq self sa l-ammont ta' 54.7 miljun DEM, raġunijiet ibbażati fuq żball ta' fatt, fuq il-ksur ta' l-Artikolu 87(1), KE u fuq il-ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni.

101   F'dan ir-rigward, hemm bżonn li jiġi eżaminat, qabel kollox, jekk il-Kummissjoni wettqitx żball ta' fatt meta fil-premessa 30 tad-deċiżjoni kkontestata kkonstatat li, "minħabba l-għoti ta' għajnuna intiża għar-reġjun daqsekk importanti, il-valur fit-total ta' kreditu ta' l-agglomerazzjoni bankarja, jiġifieri 65.85 miljun DEM, ġie finalment stabbilit għal 54.7 miljun DEM biss" u li "l-LfA għamlet garanzija għall-eżekuzzjoni li tiggarantixxi għalhekk 100% ta' dan l-ammont minflok it-80% inizjalment previsti".

102   Hekk kif ġie enfasizzat fil-punt 88 iktar 'il fuq, dan jista' jkun il każ biss jekk il-Land ta' Thuringe jkun jista' juri li, fil-kuntest tal-proċedura aministrattiva, il-Kummissjoni kisbet l-informazzjoni meħtieġa sabiex tippermettilha tikkoreġi l-eventwali ineżattezzi ta' fatti miġbura fid-deċiżjoni ta' ftuħ tal-proċedura.

103   F'dan ir-rigward, hemm lok li jiġi mfakkar li, fil-punt 2.2.1, it-tielet paragrafu, tad-deċiżjoni ta' ftuħ tal-proċedura, il-Kummissjoni indikat li "il-Land tal-Bavarja waqqaf għal dan il-kreditu garanzija għall-eżekuzzjoni fuq il bażi ta' sistema ta' għajnuna awtorizzata" u li "din il-garanzija tkopri 80% ta' l-ammont tiegħu, jiġifieri 52.72 miljun DEM". Fil-ħames paragrafu ta' l-istess punt, id-deċiżjoni ta' ftuħ tal-proċedura tipprovdi dan li ġej:

"Peress li [PBK] gawdiet, fil-verita, minn sussidji u minn konċessjonijiet għall-investiment li kienu għola minn dawk previsti, il-kreditu ta' 65.85 miljun DEM mogħti mill-konsorzju bankarju laħaq biss 54.7 miljun DEM. Għalhekk, fl-1994, il-Land tal-Bavarja biddel il-garanzija tiegħu, li inizjalment kienet tkopri 80% ta' l-ammont ta' krediti (52.7 miljun [DEM]), għal garanzija sa 100% (54.7 miljun [DEM]) [...]"

104   Fl-aħħar nett, fil-kuntest ta' l-evalwazzjoni provizorji tagħha fuq l-għajnuna, id-deċiżjoni ta' ftuħ tal-proċedura tindika li "il-Kummissjoni għandha wkoll dubji serji dwar jekk il-miżuri meħuda fil-kuntest ta' din il-garanzija, jiġifieri l-bdil tagħha f'garanzija għall-eżekuzzjoni ta' 100% u ż-żieda ta' l-ammont garantit ta' 52.72 miljun [DEM] għal 54.7 miljun [DEM], jaqgħux taħt [sistema ta' għajnuna approvata]" (punt 3.1.1, l-ewwel paragrafu, tad-deċiżjoni ta' ftuħ tal-proċedura).

105   Minn dawn l-iżviluppi jirriżulta b'mod ċar li, fl-istadju ta' ftuħ tal-proċedura, il-Kummissjoni ddeduċiet mill-informazzjoni li kellha għad-dispożizzjoni tagħha li, min-naħa, fl-1994, il-garanzija tal-Land tal-Bavarja li kienet tkopri inizjalment 80% tal-krediti ġiet mibdula f'garanzija ta' 100% u, min-naħa l-oħra, li l-ammont garantit ġie miżjud minn 52.72 għall-54.7 miljun DEM.

106   Iżda, għandu jiġi enfasizzat li, fl-ittra tat-30 ta' Marzu 1999, l-awtoritajiet Ġermaniżi ħadu pożizzjoni dwar din il-preżentazzjoni tal-fatti dwar il-garanzija tal-Land tal-Bavarja. Dawn kienu, fil-fatt, enfasizzaw li, fil-kuntest tal-ftehim għar-ristrutturazzjoni, il-banek kienu aċċettaw li jirrinunċjaw għal ammont ta' 12 –il miljun DEM fuq il-krediti koperti minn din il-garanzija u li, minħabba din ir-rinunzja, ir-riskju tagħhom fuq dawn il-krediti kien kompletament kopert, b'tali mod li "l-ammont residwu tal-krediti, b'konsegwenza ta' dan, kien baqa' kopert għal 100% mill-garanzija tal-Land tal-Bavarja". Barra minn dan, huma, , fakkru wkoll l-evoluzzjoni tal-krediti koperti minn din il-garanzija. Minn din id-deskrizzjoni jirriżulta li, qabel ir-rinunċja tal-banek fil-kuntest tal-ftehim għar-ristrutturazzjoni, l-ammont totali tal-krediti koperti mill-garanzija tal-Land tal-Bavarja kien ta' 58.4 miljun DEM. Wara r-rinunċja tal-banek għal ammont ta' 12–il miljun DEM, ta' l-intervent tal-Land tal-Bavarja fuq il-bażi tal-garanzija tagħha għal ammont ta' 3 miljun DEM u ta' l-għoti ta' self ta' 2 miljun DEM, mogħti mil-LfA lil PA għal ħlas lura tas-self, l-ammont tal-garanzija ġie mnaqqas għal 41.4 miljun DEM.

107   Fid-dawl ta' din l-informazzjoni, li m'hijiex ikkontestata b'mod dettaljat mill-Kummissjoni u li m'hijiex kontradixxuta minn ebda wieħed mid-dokumenti tal-proċess, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni żbaljat meta kkonstatat, essenzjalment, fil-premessa 30 tad-deċiżjoni kkontestata li l-ammont garantit kien żdied minn 52.72 għal 54.7 miljun DEM.

108   F'dak li jirrigwarda l-konsegwenzi ta' dan l-iżball ta' fatt, għandu jiġi enfasizzat li huwa fuq il-bażi tal-konstatazjoni msemmija fil-premessa 30 tad-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni qieset li l-ammont ta' l-għajnuna li għandu jiġi rkuprat taħt il-garanzija tal-Land tal-Bavarja kien dak ta' 54.7 miljun DEM. Minn dan jirriżulta li, minħabba l-iżball ta' fatt imsemmi iktar 'il fuq, il-Kummissjoni stabbiliet b'mod żbaljat l-ammont ta' għajnuna li għandu jiġi rkuprat.

109   F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra wkoll li hija m'għandiex l-elementi kollha li jippermettulha teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha fuq il-merti tad-deċiżjoni kkontestata u li għalhekk huwa meħtieġ li tqajjem ex-ufficio l-motiv ibbażat fuq n-nuqqas ta' motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fuq dan il-punt (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-20 ta' Frar 1997, il-Kummissjoni vs Daffix, C-166/95 p, Ġabra p. I-983, punt 24; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-2 ta' Lulju 1992, Dansk Pelsdyravlerforening vs il-Kummissjoni, T-61/89, Ġabra p. II-1931, punt 129, u tat-8 ta' Lulju 2004, Mannesmannröhren-Werke vs Commission, T-44/00, għada ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 210). Fil-fatt, il-motivazzjoni msemmija fil-premessi 30, 32 u 89 tad-deċiżjoni kkontestata timpedixxi lill-Qorti tal-Prim'Istanza milli teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha, safejn din ma tispjegax b'mod preċiż u koerenti l-mod li biħ il-Kummissjoni stabbiliet ir-rabta bejn, l-ewwel nett, l-ammont tal-krediti bankarji, imnaqqas minn 65.58 għal 54.7 miljun DEM, u t-tieni nett, l-ammont tal-garanzija mogħtija mil-LfA żdied minn 80% tal-krediti għal 100% tal-krediti, u, it-tielet nett, l-ammont tal-garanzija mogħtija żdied minn 52.72 għal 54.7 miljun DEM, sabiex tiġġustifika l-kalkoli tagħha tal-valur rispettiv ta' l-għajnuna in kwistjoni u sabiex tasal għall-konklużjoni żbaljata tagħha msemmija fil-punt 108 iktar 'il fuq. Barra minn dan, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma rrispondietx la għall-argumenti tar-Repubblika Federali Ġermaniża, imressqa fl-ittri ta' l-awtoritajiet Ġermaniżi tat-18 ta' Jannar 1996 u tat-30 ta' Marzu 1999, li l-krediti tal-Land tal-Bavarja kienu finalment inxtraw mit-TAB għal ammont ta' 15–il miljun DEM, u lanqas ma tagħat motivazzjoni għall-evalwazzjoni tagħha dwar l-impatt eventwali ta' din it-transazzjoni fuq il-valur u l-ħlas lura ta' l-għajnuna in kwistjoni. F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, f'dawn il-modi differenti, il-Kummissjoni ukoll kisret l-obbligu ta' motivazzjoni previst fl-Artikolu 253 KE.

110   Wara dan għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni kisritx ukoll l-Artikolu 87 (1) u (2), KE fil-kuntest ta' l-evalwazzjoni ġuridika tagħha ta' din l-għajnuna finanzjarja. F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Land ta' Thuringe jsostni li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta kkonstatat li l-kundizzjonijiet imsemmija fil-leġiżlazzjoni dwar l-għoti ta' garanziji mil-Land tal-Bavarja ma kinux ġew rispettati għaliex, min-naħa, kien hemm il-bdil tal-garanzija inizjali f'garanzija ta' 100% u, min-naħa l-oħra, il-krediti koperti minn din il-garanzija ġew miżapproprjati għall-profitt tal-grupp Pilz. Skond il-Land ta' Thuringe, id-deduzzjoni minn dan, tal-Kummissjoni li l-garanzija tal-Land tal-Bavarja kienet sa mill-bidu inkompatibbli mas-suq komuni mhijiex għaldaqstant fondata.

111   Għandu jiġi mfakkar, qabel kollox, li, fil-premessi 89 sa 93 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni spjegat ir-raġunijiet li wassluha sabiex teżiġi l-irkupru ta' l-ammont ta' l-għajnuna koperta mill-garanzija tal-Land tal-Bavarja. B'hekk, wara li enfasizzat, fil-premessa 89, li l-informazzjoni mhux kompluta ta' l-awtoritajiet Ġermaniżi ma kinitx ippermettiet li jitneħħew id-dubji dwar il-bdil tal-garanzija inizjali, il-Kummissjoni kkonstatat li, bil-kontra tal-ħtiġijiet tal-leġiżlazzjoni dwar l-għoti ta' garanziji mil-Land tal-Bavarja, "l-għajnuna in kwistjoni b'mod evidenti ma servietx għall-finanzjament ta' l-investiment li kien is-suġġett tat-talba għall-għajnuna, u l-investitur ma pparteċipax permezz tal-fondi tiegħu, fi proporzjon xierqa, għall-ispiża tal-finanzjament ta' l-investiment". Barra minn dan, hija osservat li d-dikjarazzjonijiet ta' l-awtoritajiet Ġermaniżi, li l-krediti ggarantiti kienu l-aktar ta' benefiċċju għall-kumpanniji tal-grupp Pilz biss, jippermettu li jiġi stabbilit użu ħażin ta' l-għajnuna. Hija għalhekk ikkonkludiet li "l-għajnuna ma kinitx ta' benefiċċju għall-proġett ta' investiment għall-bini ta' fabbrika tas-CDs, imma serviet ta' sostenn għall-grupp Pilz kollu u għalhekk ġiet applikata b'mod inġust skond l-Artikolu 88(2) tat-Trattat KE" u li, "b'konsegwenza ta' dan, l-għajnuna m'hijix konformi mad-dispożizjonijiet tat-Trattat KE u għanda tiġi annullata u rkuprata mill-awtoritajiet Ġermaniżi".

112   L-ewwel nett, minn dawn il-motivi jirriżulta b'mod ċar li huwa minħabba l-użu ħażin ta' l-għajnuna mogħtija fil-kuntest tal-garanzija tal-Land tal-Bavarja li l-Kummissjoni kkunsidrat li din l-għajnuna għanda tkun irkuprata. Hekk kif ġustament enfasizzat il-Kummissjoni, il-kwistjoni tal-bdil tal-garanzija inizjali f'garanzija ta' 100% ġiet invokata biss b'mod inċidentali u fl-ebda każ ma tikkostitwixxi l-bażi ta' l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni f'dan il-kuntest.

113   It-tieni nett, għandu jiġi enfasizzat li l-kunċett ta' użu ħażin jirriżulta direttament mill-Artikolu 88(2), l-ewwel paragrafu, KE li jgħid li "Jekk, wara li ssejjaħ lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom, il-Kummissjoni ssib li miżura ta’ għajnuna mogħtija minn Stat, jew permezz tar-riżorsi ta’ Stat [...] tkun applikata b’mod inġust, hija għandha tieħu deċiżjoni li tirrikjedi lill-Istat interessat li jabolixxi dik l-għajnuna jew li jimmodifikaha fit-terminu preskritti mill-Kummissjoni.". Barra minn dan, l-Artikolu 1(g) tar-Regolament Nru 659/1999, jiddefinixxi l-kunċett ta' "użu ħażin ta’ għajnuna" bħala "għajnuna wżata mill-benefiċarju f’kontravenzjoni ta’ deċiżjoni meħudha skond Artikolu 4(3) jew Artikolu 7(3) jew (4) ta’ dan ir-Regolament".

114   Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li, sabiex jintwera li għajnuna mogħtija konformement ma' sistema ta' għajnuna awtorizzata ġiet użata ħażin, il-Kummissjoni għanda tistabbilixxi li din l-għajnuna ġiet użata bi ksur ta' din is-sistema hekk kif approvata mill-Kummissjoni, jiġifieri bi ksur tar-regoli nazzjonali li jirregolaw din is-sistema jew ta' kundizzjonijiet supplementari li ġew aċċettati mill-Istat Membru fil-kuntest ta' l-approvazzjoni tas-sistema mill-Kummissjoni.

115   Issa, għandu jiġi kkonstatat li, fil-każ in eżami, il-Kummissjoni stabbiliet b'mod ċar li l-garanzija tal-Land tal-Bavarja ġiet użata bi ksur tal-leġiżlazzjoni li tikkonċerna l-għoti ta' garanziji mil-Land tal-Bavarja. Hija, qabel kollox, fakkret, fil-premessa 90 tad-Deċiżjoni kkontestata, li, bis-saħħa ta' din is-sistema, il-Land tal-Bavarja jagħti garanziji sabiex jiġu koperti l-krediti intiżi għall-finanzjament ta' investimenti (bini, tkabbir, etc.) u li, sabiex tkun tista' tibbenefika minn din il-garanzija, l-impriża eliġibbli għandha tikkontribwixxi, fi proporzjon xieraq, għall-finanzjament tal-proġett mill-fondi tagħha u, tassigura l-finanzjament totali tal-proġett, tassigura li l-interessi jitħallsu u l-ħlas lura tal-krediti isir f'terminu ta' żmien raġionevoli. Wara dan, hija kkonstatat li, min-naħa, "il-parti l-kbira ta' l-għajnuna in kwistjoni ma servietx b'mod evidenti għall-finanzjament ta' l-investiment li kien is-suġġett tat-talba għal għajnuna finanzjarja, u l-investitur ma pparteċipax bil-fondi tiegħu, fi proporzjon xieraq, għall-ispejjez tal-finanzjament ta' l-investiment" u, min-naħa l-oħra, "dawn il-krediti assigurati mill-garanzija pubblika [...] kienu essenzjalment ta' benefiċċju biss għall-kumpanniji tal-grupp Pilz".

116   Fid-dawl ta' dak li ntqal iktar 'il fuq, il-fatt li l-garanzija inizjalment ingħatat b'mod konformi mas-sistema ta' għajnuna huwa irrilevanti. Fil-fatt, hekk kif ġustament enfasizzat il-Kummissjoni, m'hijix l-għotja inizjali ta' l-għajnuna, iżda l-użu ulterjuri tagħha bi ksur tad-dispożizzjonijiet ta' sistema ta' għajnuna awtorizzata li jikkostitwixxi użu ħażin ta' għajnuna. Barra minn dan, mill-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 88(2) KE jirriżulta b'mod ċar li l-konstatazzjoni ta' l-użu ħażin tikkostitwixxi kriterju distint u indipendenti minn dak tal-kompatibbilità mas-suq komuni u li, waħdu, jiġġustifika deċiżjoni tal-Kummissjoni li tordna t-tneħħija jew l-emenda ta' l-għajnuna. Bil-kontra ta' dak li jallega l-Land ta' Thuringe, huwa għalhekk ġustament li l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, ma inkludietx motivi intiżi sabiex juru l-inkompatibbiltà tal-garanzija tal-Land tal-Bavarja mas-suq komuni. Għaldaqstant, minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni issodisfat l-obbligu ta' motivazzjoni tagħha skond l-Artikolu 253 KE f'dan ir-rigward.

117   Għaldaqstant, l-argumenti tal-Land ta' Thuringe dwar l-allegat ksur ta' l-Artikolu 87 KE għandhom jiġu miċħuda bħala mhux fondati.

118   Fid-dawl ta' dak kollu li ntqal iktar 'il fuq, l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi annullat safejn il-Kummissjoni kkunsidrat, f'din id-deċiżjoni, li l-għajnuna mill-Istat mogħtija fil-kuntest tal-bini tal-fabbrika tas-CDs f'Albrechts tinkludi ammont ta' 54.7 miljun DEM mogħti bħala garanzija mil-Land tal-Bavarja.

C –  Fuq il-kanċellazzjoni ta' dejn ta' 3 miljun DEM mogħti mil-Land tal-Bavarja (l-LfA) lill-PBK

1.     L-argumenti tal-partijiet

119   Il-Land ta' Thuringe jsostni li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta fil-premessa 96 tad-deċiżjoni kkontestata kkonstatat li PBK ibbenefikat minn għajnuna minħabba l-kanċellazzjoni mil-LfA tad-dejn ta' 3 miljun DEM li din kellha fir-rigward ta' din l-impriża. Huwa josserva, fil-fatt, li, permezz ta' din il-konstatazzjoni, il-Kummissjoni ma kkunsidratx il-fatt li hija kienet diġa ħadet in kunsiderazzjoni l-evalwazzjoni tal-garanzija mogħtija mil-Land tal-Bavarja – jiġifieri l-ammont ta' 54.72 miljun DEM. Issa, kif l-awtoritajiet Ġermaniżi kienu infurmaw lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura permezz ta' ittri tat-3 ta' Marzu 1995 u tat-30 ta' Marzu 1999, il-bidu ta' dan il-kreditu fir-rigward ta' PBK jirriżulta preċiżament mill-ħlas ta' somma korrispondenti lill-banek sabiex jitnaqqas l-ammont ta' krediti koperti mill-garanzija inizjali.

120   Huwa sostna, wara dan, li l-Kummissjoni għamlet żball ta' evalwazzjoni meta fid-deċiżjoni kkontestata kkunsidrat li l-kanċellazzjoni tad-dejn ta' 3 miljun DEM mil-LfA kienet tikkostitwixxi għajnuna ġdida. Huwa josserva fil-fatt, kif enfasizza fil-punt ta' qabel dan, li din l-għajnuna serviet sabiex jitħallsu lura krediti bankarji li kienu intiżi għall-bini tal-fabbrika tas-CDs f'Albrechts u li kienu koperti mill-garanzija tal-Land tal-Bavarja. F'kull każ, huwa jqis li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta' motivazzjoni safejn din ma indikatx ir-raġunijiet li għalihom hija kkunsidrat li l-kanċellazzjoni mil-LfA tad-dejn ta' 3 miljun DEM favur PBK kien jikkostitwixxi għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni.

121   Il-Kummissjoni, sostnuta minn ODS, tikkontesta l-argumenti kollha tal-Land ta' Thuringe f'dak li jirrigwarda l-kanċellazzjoni tad-dejn ta' 3 miljun DEM. Hija tosserva, qabel kollox, li hija ma kkommettiet ebda żball ta' fatt jew ta' dritt f'dak li jirrigwarda din l-għajnuna, peress li dan m'huwiex l-intervent mgħamul taħt il-garanzija li ġie definit bħala għajnuna supplementari, iżda l-kanċellazzjoni ulterjuri tad-dejn li nħoloq minn dan l-intervent. Minn barra dan hija tenfasizza li, għalkemm din il-kanċellazzjoni kienet diġa ġiet ikklassifikata bħala għajnuna fil-ftuħ tal-proċedura ta' investigazzjoni formali, b'mod partikolri fit-tabella fil-paġna 9 tad-deċiżjoni ta' ftuħ tal-proċedura, sussegwentement l-awtoritajiet Ġermaniżi ma ressqu ebda oġġezzjoni. Barra minn dan, il-Kummissjoni tqis li hija rrispettat l-obbligu ta' motivazzjoni tagħha f'dak li jirrigwarda din l-għajnuna. Hija tosserva fil-fatt li, fil-premessa 96 tad-deċiżjoni kkontstata, hija kkonstatat, billi bbażat ruħha fuq l-informazzjoni mhux kompluta mogħtija mill-awtoritajiet Ġermaniżi, li kienet għajnuna li kienet inagħtat mingħajr bażi ġuridika u li, għalhekk, kienet inkompatibbli mas-suq komuni.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

122   Il-Land ta' Thuringe jallega, f'dak li jirrigwarda il-kanċellazzjoni mil-LfA tad-dejn tagħha ta' 3 miljun DEM favur PBK, żball ta' fatt, żball manifest ta' evalwazzjoni u l-ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni.

123   Preliminarjament, hemm lok li jiġi mfakkar li, fil-premessa 96 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li "ir-rinunċja għall-ħlas lura ta' kreditu ta' 3 miljun DEM [...] għandha, ukoll, titqies bħala għajnuna inkompatibbli li għanda titħallas lura, għaliex din ingħatat mingħajr ebda bażi ġuridika".

124   Skond il-Land ta' Thuringe, din il-konstatazzjoni hija bbażata fuq żball ta' fatt u fuq evalwazzjoni ġuridika żbaljata safejn, b'kunsiderazzjoni kemm ta' l-ammont totali tal-garanzija tal-Land tal-Bavarja (54.7 miljun DEM) kif ukoll l-ammont tal-kreditu li dan ta' l-aħħar iddeċida li ma jirkuprax mingħand PBK (3 miljun DEM), il-Kummissjoni kkunsidrat għal darbtejn l-istess għajnuna. F'kull każ, il-Kummissjoni kisret l-obbligu ta' motivazzjoni billi ma esponitx ir-raġunijiet li għalihom ikkunsidrat il-kanċellazzjoni tad-dejn bħala għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni.

125   F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li kemm l-eżistenza kif ukoll l-importanza ta' għajnuna għandhom jiġu evalwati għas-sitwazzjoni fil-mument meta din inatgħat. Għaldaqstant, il-fatt li garanzija pubblika tkun imqiegħda f'riskju f'każ ta' nuqqas ta' l-impriża benefiċjarja ma jbiddilx in-natura ta' din il-garanzija fir-rigward ta' l-Artikolu 87 KE u ma jagħtix lok għal għajnuna ġdida.

126   Huwa veru li, f'ċerti każi, il-fatt li garanti pubbliku jirrinunċja unilateralment għad-drittijiet li huwa jkollu fir-rigward tal-benefiċjarju meta ssir talba fuq il-garanzija jista' jikkostitwixxi għajnuna. Dan huwa b'mod partikolari l-każ meta l-garanti pubbliku ma jġibx ruħu bħala operatur ekonomiku razzjonali billi jieħu l-passi kollha meħtieġa sabiex jikseb il-ħlas lura ta' l-ammont li kellu jħallas sabiex jonora l-garanzija. Barra minn dan, jekk jirriżulta li l-kanċellazzjoni tad-dejn inizjalment kopert b'garanzija ta' self, la darba eżegwita l-garanzija, hija definittiva, u b'hekk tagħti lok għal tnaqqis dirett tad-dejn tal-benefiċjarju, din il kanċellazzjoni hija, fil-prinċipju, suxxettibbli li tikkostitwixxi għajnuna differenti peress li din tagħti benefiċċju ekonomiku supplementari meta mqabbla mal-garanzija ta' self kif ukoll meta mqabbla ma' l-eżekuzzjoni tagħha.

127   Issa, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni matul is-seduta biss osservat li ma kienx l-intervent fl-ambitu tal-garanzija li hija kklassifikat bħala għajnuna supplementari, iżda il-kanċellazzjoni ulterjuri tad-dejn li nħolqot minn dan l-intervent. Madanakollu, għandu jiġi kkonstatat li l-premessi 31 u 96 tad-deċiżjoni kkontestata ma jippermettux la lil-litiganti u lanqas lill-Qorti tal-Prim'Istanza jifhmu, kif jitlob id-dritt, ir-raġunament imressaq f'dan ir-riġward u, għaldaqstant, l-istħarriġ ġudizzjarju mill-Qorti tal-Prim'Istanza tar-raġunijiet li għalihom il-Kummisjoni qieset, fl-adozzjoni ta' din id-deċiżjoni, li kanċellazzjoni tad-dejn kienet tikkostitwixxi għajnuna ġdida, differenti minn dik ikkunsidrata taħt il-garanzija tal-Land tal-Bavarja jew ta' l-eżekuzzjoni tagħha. Għaldaqstant, skond ġurisprudenza kostanti, l-ispjegazzjonijiet ippreżentati mill-Kummissjoni matul il-proċedura kontenzjuża quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza ma jistgħux, fil-prinċipju, jirrimedjaw għan-nuqqas ta' motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-24 ta' Ottubru 1996, Ġermanja et. vs il-Kummissjoni, C-329/93, C-62/95 u C-63/95, Ġabra p. I-5151, punti 47 u 48; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-25 ta' Ġunju 1998, British Airways et. u British Midland Airways vs il-Kummissjoni, T-371/94 u T-394/94, Ġabra p. II-2405, punti 116 sa 119, u tat-18 ta' Jannar 2005, Confédération nationale du Crédit mutuel vs il-Kummissjoni, T-93/02, li għada ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 123 sa 126).

128   Għalhekk, mingħajr ma jkun hemm bżonn li tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni effettivament ikkunsidratx darbtejn l-istess għajnuna, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li, f'kull każ, il-Kummissjoni ma setgħetx biss tikkonstata, fil-premessa 96 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kanċellazzjoi tal-ħlas lura tad-dejn kienet tikostitwixxi għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni, għaliex kienet "mogħtija mingħajr bażi ġuridika".

129   Għaldaqstant, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-ilmenti l-oħra invokati mil-Land ta' Thuringe f'dan ir-rigward, dan kellu raġun isostni li l-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha ta' motivazzjoni skond l-Artikolu 253 KE f'dak li jirrigwarda l-klassifikazzjoni tal-kanċellazzjoni tad-dejn ta' 3 miljun DEM mogħtija mil-LfA lil PBK bħala għajnuna.

130   Fid-dawl ta' dak li ntqal iktar 'il fuq, l-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi annullat safejn il-Kummissjoni kkunsidrat li l-għajnuna mill-Istat mogħtija għall-bini, għall-isfruttament u għall-konsolidazzjoni tal-fabbrika tas-CDs f'Albrechts kienet tinkludi l-ammont ta' 3 miljun DEM, minħabba l-kanċellazzjoni tad-dejn li minnu bbenefikat PBK.

D –  Fuq is-sussidji u l-konċessjonijiet fiskali għall-investiment li jammontaw għal 63.45 miljun DEM u għal 19.42 miljun DEM mogħtija rispettivament mil-Land ta' Thuringe u l-Land tal-Bavarja (l-LfA) lill-impriża komuni u lil PA

1.     L-argumenti tal-partijiet

131   Il-land ta' Thuringe jsostni li l-Kummissjoni kkomettiet diversi żbalji ta' fatt, żbalji ta' evalwazzjoni u kisret l-obbligu ta' motivazzjoni f'dak li jirrigwarda s-sussidji u l-konċessjonijiet għall-investiment mogħtija mil-Land ta' Thuringe u mil-Land tal-Bavarja (l-LfA).

132   Qabel kollox, huwa jsostni li, safejn il-Kummissjoni kkonstatat fil-premessa 88 tad-deċiżjoni kkuntestata li kienet ittieħdet deċiżjoni kontra CD Albrechts li kienet teżiġi l-ħlas lura ta' ammont ta' 32.45 miljun DEM mogħti fil-forma ta' sussidji għall-investiment, hija kienet żbaljata meta, fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, hija eżiġiet il-ħlas lura ta' l-ammont totali ta' dawn is-sussidji, jiġifieri 63.45 miljun DEM.

133   Wara, huwa jsostni li, bil-kontra ta' dak li kkonstatat il-Kummissjoni fil-premessi 87 u 88 tad-deċiżjoni kkontestata, is-sussidji u l-konċessjonijiet għall-investiment li kienu ngħataw fil-kuntest tal-bini tal-fabbrika tas-CDs f'Albrechts jikkostitwixxu għajnuna eżistenti, konformement ma' sistemi ta' għajnuna preċedentement approvati mill-Kummissjoni, u mhux għajnuna ġdida, li hija inkompatibbli mas-suq komuni minħabba l-fatt li din kienet ingħatat bi ksur ta' allegata projbizzjoni ta' assistenza għal oġġetti kapitali fi ħdan impriżi affiljati. Fil-fatt huwa jirreleva li, ġeneralment, la l-liġi fuq l-konċessjonijiet fiskali għall-investiment, la is-sistema SK u lanqas id-dritt komunitarju ma jinkludu projbizzjoni ta' tali portata. Wara, huwa josserva li, anki jekk jitqies li is-sistema SK tipprovdi għall-projbizzjoni ta' assistenza għal oġġetti kapitali fi ħdan l-impriżi affiljati, din ġiet rispettata fil-każ in eżami peress li, qabel ma ngħataw is-sussidji, hija, kull darba, eżiġiet il-konferma min-naħa ta' l-impriża komuni li s-sussidji ma kinux ser iservu bħala assistenza għal oġġetti kapitali fi ħdan l-impriżi affiljati. Skond dan, dawn iċ-ċirkustanzi jirriżultaw b'mod ċar mill-att ta' akkuża tal-prokuratur pubbliku tal-Landgericht Mühlhausen tad-9 ta' April 1998, li ġie mgħarraf lill-Kummissjoni fl-Anness ta' l-ittra tat-28 ta' Settembru 1999. Barra minn dan, fl-opinjoni tiegħu, wieħed ma jistax jikkunsidra li, fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt għall-bini tal-fabbrika tas-CDs f'Albrechts, ir-rapporti bejn l-impriża komuni u Pilz Construction kienu relazzjonijiet bejn "impriżi affiljati" peress li, f'dak il-mument, il-grupp Pilz kien biss azzjonarju minoritarju ta' l-impriża komuni. Huwa jikkunsidra, għalhekk, li l-għotja tas-sussidji kienet konformi mal-kundizzjonijiet previsti mis-sistema SK, għalhekk kienet taqa' taħt sistema ta' għajnuna awtorizzata, għaldaqstant, kienet kompatibbli mas-suq komuni. Fil-fatt, skond dan, hija biss l-approprjazzjoni indebita ta' parti mis-sussidji favur il-grupp Pilz biss irrendiet din il-parti tass-sussidji għall-investiment mhux konformi mal-kundizzjonijiet previsti mis-sistema SK u, għalhekk, inkompatibbli mas-suq komuni. F'dan ir-rigward, huwa jikkontesta ukoll l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li, matul il-proċedura ta' investigazzjoni formali, l-awtoritajiet Ġermaniżi ma ressqux il-prova li parti mis-sussidji ntużat ħażin. Huwa josserva, fil-fatt, li din l-informazzjoni tinstab fl-att ta' l-akkuża tal-prosekutur pubbliku tal-Landgericht Mühlhausen tad-9 ta' April 1998 (p. 10 sa 12).

134   Barra minn dan, f'dak li jirrigwarda l-għoti ta' konċessjonijiet għall-investiment, il-Land ta' Thurinġe jsostni li l-Kummissjoni naqset milli tistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta' l-għoti tagħhom u, għalhekk, ikkonkludiet b'mod żbaljat li l-allegata projbizzjoni ta' assistenza fi ħdan l-impriżi affiljati kellha timpedixxi l-għoti ta' tali konċessjonijiet. Huwa josserva, fil-fatt, li l-liġi fuq il-konċessjonijiet fiskali għall-investiment ma tipprovdix għal tali projbizzjoni u li din tistabbilixxi, għall-kuntrarju, id-dritt ta' l-investitur għal dawn il-konċessjonijiet, irrispettivament mill-fornitur ta' l-oġġetti kapitali. Barra minn dan, skond il-Land ta' Thuringe, il-Kummissjoni naqset li tikkunsidra l-fatt li parti mill-konċessjonijiet għall-investiment, jiġifieri ammont ta' 6.137 miljun DEM, kienu s-suġġett ta' talba għar-restituzzjoni u li, għall-ammont li jifdal, il-kundizzjonijiet previsti mil-liġi kienu mingħajr ebda dubju sodisfatti.

135   Fl-aħħar nett, il-Land ta' Thuringe jikkontesta l-affermazzjoni ta' ODS li tgħid li s-sussidji u l-konċessjonijiet għall-investiment ma kellhomx jingħataw safejn il- proġett għall-investiment inbeda fid-29 ta' Awissu 1989, jiġifieri qabel ir-riunifikazzjoni tal-Ġermanja. Skond dan, minbarra l-fatt li din il-konstatazzjoni hija żbaljata, għandu jiġi osservat li l-ordni ta' pjanifikazzjoni tal-25 ta' Jannar 1991 li tistabbilixxi d-dettalji għall-għoti ta' għajnuna skond is-sistema SK ippermetta li jiġu promossi wkoll il-proġetti li kienu nbdew qabel l-1 ta' Lulju 1990 u, għalhekk, qabel it-3 ta' Ottubru 1990 (Bundestag, pubblikazzjoni 12/895, anness 4). Barra minn dan, huwa enfasizza li, f'dak li jirrigwarda l-konċessjonijiet għall-investiment, il-leġiżlazzjoni applikabbli kienet diġa fis-seħħ fit-territorju tar-Repubblika Demokratika tal-Ġermanja qabel ir-riunifikazzjoni u kienet, inizjalment, inżammet wara r-riunifikazzjoni bis-saħħa tat-Trattat li ġie konkluż fil-31 ta' Awissu 1990 bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Demokratika tal-Ġermanja dwar l-istabbiliment ta' l-Unita Ġermaniża (BGB1. 1990 II, p. 889).

136   Il-Kummissjoni tikkontesta li għamlet żball ta' evalwazzjoni tal-fatti u żball ta' evalwazzjoni f'dak li jirrigwarda s-sussidji u l-konċessjonijiet għall-investiment.

137   Hija tenfasizza, qabel kollox, li l-allegazzjoni tal-Land ta' Thuringe li hija ma kkunsidratx il-kundizzjoni prevista espliċitament minn dan ta' l-aħħar għall-għoti ta' sussidji għall-investiment skond is-sistema SK ma tiftehimx minħabba li kien preċiżament fil-kunsiderazzjoni ta' din il-kundizzjoni li hija bbażat l-evalwazzjoni ġuridika tagħha fuq din l-għajnuna. Hija tqis barra minn hekk li ż-żieda ta' tali kundizzjoni kienet loġika minħabba li, anki jekk ma teżiti l-ebda projbizzjoni ġenerali f'dak li jirrigwarda l-assistenza lill-intrapriżi affiljati, l-għoti ta' fondi pubbliċi għandu jiġi projbit meta, fil-kuntest ta' sistema ta' ġestjoni ċentraliżżata tal-fondi, dawn il-fondi kienu awtomatikament miżapproprjati mis-suġett tagħhom u jaslu minħabba f'hekk f'impriżi oħra tal-grupp li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet għall-għoti ta' l-imsemmija sussidji (f'dan il-każ il-kumpanniji tal-grupp Pilz). Hija tosserva fil-fatt li, jekk sussidji awtorizzati bis-saħħa ta' l-Artikolu 87(3), KE jitħallsu lil impriża li tieħu sehem f'sistema ta' ġestjoni ċentralizzata tal-fondi, dawn is-sussidji għandhom eċċezzjonalment jiġu kkunsidrati bħala illegali ab initio u, għalhekk, irkuprati. Fil-fatt, skond il-Kummissjoni, tali sistema timpedixxi, mill-bidu, li s-sussidji jintużaw skond l-għan tagħhom. Skond il-Kummissjoni, barra minn hekk, it-talba għall-ħlas lura tas-sussidji għall-investiment li saret mil-Land ta' Thuringe tikkostitwixxi ammissjoni ta' l-użu ħażin ta' din l-għajnuna mill-impriża komuni. Hija tqis, minn barra dan, li jekk il-Land ta' Thuringe jrid isostni li l-kumplament tas-sussidji ntużaw korrettament, huwa għandu jġib il-prova ta' dan. Hija tosserva madanakollu li, matul il-proċedura amministrattiva, la l-awtoritajiet federali Ġermaniżi, la l-Land ta' Thuringe u lanqas ebda parti oħra ma kienu f'pożizzjoni li jippruvaw li għall-inqas parti mis-sussidji servew għall-bini, it-tkabbir, it-trasformazzjoni jew għar-ristrutturazzjoni ta' l-impriża.

138   Wara, hija tosserva li, safejn l-awtoritajiet Ġermaniżi ma bagħtulhiex id-deċiżjoni tal-Land ta' Thuringe li teħtieġ il-ħlas lura ta' l-għajnuna, hija ma kellha ebda għażla oħra ħlief li tibbaża d-deċiżjoni tagħha biss fuq l-informazzjoni li hija kellha fil-mument ta' l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri l-att ta' akkuża tal-prosekutur pubbliku tal-Landgericht Mühlhausen tad-9 ta' April 1998. Issa, skond il-Kummissjoni, minn dan id-dokument jirriżulta li, meta kkalkolaw l-ammont ta' l-għajnuna li fir-rigward tagħha kellhom jitolbu r-restituzzjoni, l-awtoritajiet ta' Thuringe, b'mod żbaljat, assumew li s-somma li ntużat b'mod abbużiv ma kinitx daqsekk għolja għaliex huma kienu għadhom ma jafux, fil-mument meta ġiet iddeterminata s-somma li għandha titħallas lura, li l- proġett kollu kien kiser il-projbizzjoni li jiġu sussidjati impriżi affiljati u li għalhekk, ebda sussidju ma kien imissu jingħata. Hija tikkunsidra, konsegwentement, li kellha d-dritt meta, fid-deċiżjoni kkontestata, ikkunsidrat li s-sussidji kollha mogħtija kellhom jiġu kklassifikati bħala illegali u, għalhekk, kellhom jiġu mħallsa lura. Skond il-Kummissjoni, din il-konklużjoni hija iktar u iktar tajba peress li meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, hija ma kellhiex informazzjoni li minnha kien jirriżulta li l-ammont ta' 32.45 miljun DEM mitlub mil-Land ta' Thuringe kien ġie effettivament imħallas lura.

139   Barra minn hekk, b'risposta għall-argument tal-Land ta' Thuringe li hija ma kkunsidratx il-possibbiltà li l-fabbrika tas-CDs f'Albrechts hija ssusidjata taħt is-sistema ta' għajnuna reġjonali, hija tfakkar li, matul l-evalwazzjoni tas-sussidji u l-konċessjonijiet għall-investiment, hija bbażat ruħha fuq il-linji gwida tagħha dwar l-għajnuna mill-Istat għal finijiet reġjunali (ĠU 1998, C74, p. 9), kif emendati mill-komunikazzjoni li temenda l-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għal finijiet reġjonali (ĠU 2000, C 258, p. 5), iktar 'il quddiem "linji gwida dwar l-għajnuna reġjonali"), b'tali mod li m'hemmx lok li din il-kwistjoni tiġi diskussa.

140   Fl-aħħar nett, hija tikkunsidra li, safejn, min-naħa, huwa kostanti li l-konċessjonijiet għall-investiment ġew miżapproprjati fil-kuntest tas-sistema ta' ġestjoni ċentraliżżata tal-fondi u fejn, min-naħa l-oħra, il-prova ta' l-użu korrett ta' parti mill-konċessjonijiet ma nġabitx, għandu jintalab il-ħlas lura tal-konċessjonijiet kollha, għaliex dawn għandhom jiġu kkunsidrati, minn meta ngħataw, bħala inkompatibbli. Hija tosserva li, għalkemm kien diġa intalab il-ħlas lura ta' l-ammont ta' 6.4 miljun DEM, miżjud b' 2.2 miljun DEM, hija m'għandha ebda informazzjoni dwar il-ħlas effettiv ta' din is-somma, b'tali mod li hija eżiġiet il-ħlas tas-somma totali, jiġifieri 19.42 miljun DEM. Hija tqis ukoll li l-argument tal-Land ta' Thuringe li hija ma tagħtx deċiżjoni fuq il-konċessjonijiet għall-investiment, m'huwiex veru. Hija tirrimarka, fil-fatt, li hija tagħat deċiżjoni fuq din il-kwistjoni, peress illi, b'referenza għall-premessi preċedenti, hija stabbiliet, fil-premessa 94 tad-deċiżjoni kkontestata, l-inkompatibbilità ta' dawn l-konċessjonijiet billi bbażat ruħha fuq id-dikjarazzjonijiet ta' l-awtoritajiet Ġermaniżi, li kienu jagħtu l-impressjoni li l-fondi ma kinux ta' benefiċċju għall-proġett ta' investiment, imma kienu servew sabiex il-grupp Pilz kollu kemm hu jibqa' jopera u, għalhekk, ġew użati b'mod ħażin.

141   ODS taqbel mas-sottomissjonijiet tal-Kummissjoni f'dak li jirrigwarda s-sussidji u l-konċessjonijiet għall-investiment. Hija tenfasizza, barra minn dan, li teżisti raġuni oħra favur l-opinjoni tal-Kummissjoni li s-sussidji u l-konċessjonijiet għall-investiment mogħtija lill-impriża komuni umbgħad lil PA ma kinux konformi mas-sistema ta' għajnuna prevista mil-liġi dwar il-konċessjonijiet fiskali għall-investiment u mas-sistema SK, li kienu ġew approvati mill-Kummissjoni. Hija tosserva, fil-fatt, li, skond l-affermazzjonijiet tal-Land ta' Thuringe stess, din l-għajnuna kienet ġiet mogħtija qabel ir-riunifikazzjoni, jiġifieri meta is-sistema ta' għajnuna kienet għadha ma daħletx fis-seħħ f'dak li jirrigwarda l-Land ta' Thuringe (punti 1.2, 3.2, u 2.9.2 ta' is-sistema SK u linji gwida dwar l-għajnuna reġjonali, punt 4.2).

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

142   Fil-kuntest ta' dan l-ilment, hemm lok li jiġu eżaminati b'mod separat l-argumenti tal-Land ta' Thuringe dwar is-sussidji u l-konċessjonijiet għall-investiment li nagħtaw mil-Land ta' Thuringe u dawk dwar is-sussidji u l-konċessjonijiet għall-investiment mogħtija mil-Land tal-Bavarja (l-LfA). Fil-fatt, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni pprovdiet raġunijiet differenti għal dawn iż-żewġ għajnuniet.

a)     Fuq is-sussidji u l-konċessjonijiet mogħtija mil-Land ta' Thuringe

143   Skond l-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata, is-sussidji u l-konċessjonijiet mogħtija mil-Land ta' Thuringe huma inkompatibbli mat-Trattat KE safejn dawn ikunu ġew applikati b'mod inġust skond l-Artikolu 88(2), KE.

144   Il-kunċett ta' użu ħażin joħroġ direttament mill-Artikolu 88(2), KE, li jipprovdi "[j]ekk, wara li ssejjaħ lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom, il-Kummissjoni ssib li miżura ta’ għajnuna mogħtija minn Stat, jew permezz tar-riżorsi ta’ Stat [...] tkun applikata b’mod inġust, hija għandha tieħu deċiżjoni li tirrikjedi lill-Istat interessat li jabolixxi dik l-għajnuna jew li jimmodifikaha fit-terminu preskritti mill-Kummissjoni". Skond l-Artikolu 1(g) tar-Regolament Nru 659/1999, għajnuna tintuża ħażin meta din tkun "[u]żata mill-benefiċarju f’kontravenzjoni ta’ deċiżjoni meħudha skond Artikolu 4(3) jew Artikolu 7(3) jew (4) ta’ dan ir-Regolament".

145   Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li, sabiex ikun stabbilit li għajnuna mogħtija fil-kuntest ta' sistema ta' għajnuna awtorizzata ntużat ħażin, il-Kummissjoni għanda tistabbilixxi li din l-għajnuna ntużat bi ksur tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola din is-sistema jew tal-kundizzjonijiet supplementari li ġew aċċettati mill-Istat Membru meta is-sistema ġiet approvata mill-Kummissjoni.

146   Fil-każ in eżami, fil-premessa 87 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tagħat ir-raġunijiet għall-evalwazzjoni tagħha fuq l-użu ħażin tas-sussidji u konċessjonijiet mogħtija mil-Land ta' Thuringe kif ġej:

"wara l-inkjesti ta' l-awtoritajiet ġudizjarji Ġermaniżi, seħħ bdil ta' prodotti u ta' servizzi fi ħdan il-grupp bejn l-impriżi konċernati tal-grupp Pilz, għal valur totali ta' 109 miljun DEM. Il-proġett ta' investiment kollu għalhekk ma kellux jibbenefika minn sostenn, peress li kien hemm ksur tal-projbizzjoni ta' assistenza għal oġġetti kapitali fi ħdan impriżi affiljati. Konsegwentement, dan is-sussidju għall-investiment ta' 63.45 miljun DEM li ġie mogħti inġustament taħt [is-sistema SK u] il-Liġi fuq l-Konċessjonijiet Fiskali għall-Investiment għall-1991 u 1992, m'huwiex konformi mal-programm u għalhekk m'għandux jiġi kkunsidrata bħala kopert [mis-sistemi awtorizzati]."

Il-Kummissjoni, għaldaqstant, ikkonkludiet li din l-għajnuna, li ġiet perċepita permezz tas-sistema ta' ġestjoni ċentralizzata tal-fondi tal-grupp Pilz, għanda titqies bħala inkompatibbli mas-suq komuni u għanda titħallas lura. Barra minn dan, hija osservat li, permezz tad-deċiżjoni tas-27 ta' Lulju 1995, il-Land ta' Thuringe talab biss il-ħlas lura ta' 32.5 miljun DEM, b'tali mod li kien fadal ammont ta' 30.95 miljun DEM li kellhom jiġu rkuprati.

147   Minn dawn ir-raġunijiet jirriżulta li huwa minħabba l-bdil ta' prodotti u ta' servizzi fi ħdan il-grupp Pilz u miżapproprjazzjoni tal-fondi permezz tas-sistema ta' ġestjoni ċentralizata tal-fondi li l-Kummissjoni kkunsidrat, fid-deċiżjoni kkontestata, li kien hemm ksur tal-projbizzjoni ta' assistenza għal oġġetti kapitali fi ħdan impriżi affiljati u, għaldaqstant, użu ħażin skond l-Artikolu 88(2), KE.

148   Issa, għandu jiġi osservat li, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Land ta' Thuringe sostna, mingħajr ma ġie kkontestat mill-Kummissjoni f'dan ir-rigward preċiż, li din il-projbizzjoni ma tidher la fis-sistema SK u lanqas fil-Liġi fuq l-Konċessjonijiet Fiskali għall-Investiment li ġew approvati mill-Kummissjoni bħala sistemi ta' għajnuna, iżda li kienet biss kundizzjoni supplementari li l-Land ta' Thuringe impona għall-ħlas ta' kull parti tas-sussidji u l-konċessjonijiet tal-każ in eżami, sabiex jevita li dawn jintużaw għall-benefiċċju ta' impriżi oħra tal-grupp Pilz. L-att ta' akkuża tal-prokuratur pubbliku tal-Landgericht Mühlhausen, li ntbgħat lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, jista' wkoll joffri indizju f'dan is-sens.

149   Peress li l-projbizzjoni ta' assistneza ma tidhirx la fis-sistemi ta' għajnuna kkonċernati u lanqas fid-deċiżjonijiet li approvaw dawn is-sistemi, il-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha biss fuq il-ksur ta' din il-projbizzjoni fil-każ in eżami sabiex tasal għall-eżistenza ta' użu ħażin. Fil-fatt, kif ġie enfasizzatt fil-punt 145 iktar 'il fuq, sabiex jintwera li għajnuna mogħtija konformement ma' sistema ta' għajnuna awtorizzata ntużat ħażin, il-Kummissjoni għanda tistabbilixxi li din l-għajnuna ntużat bi ksur tar-regoli nazzjonali li jirregolaw dik is-sistema jew tal-kundizzjonijiet supplementari li ġew aċċettati mill-Istat Membru meta ġiet approvata is-sistema. Madankollu, il-ksur ta' sempliċi kundizzjoni supplementari imposta unilateralment minn min jagħti l-għajnuna, mingħajr ma din il-kundizzjoni tkun espliċitament prevista minn tali regoli nazzjonali, hekk kif approvati mill-Kummissjoni, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala element li waħdu jikkaratterizza użu ħażin ta' l-għajnuna skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 88(2), KE.

150   Huwa vera li, b'mod ġenerali, jista' jkun utli li, f'każ bħal dak in eżami fejn il-benefiċjarju ta' l-għajnuna jifforma parti minn grupp ta' kumpanniji li fi ħdanhom tkun twaqqfet sistema ta' ġestjoni ċentralizzata tal-fondi, l-għoti ta' sussidji u għajnuna oħra tkunu sottoposta għall-projbizzjoni stretta ta' użu ta' l-għajnuna għall-impriżi l-oħra tal-grupp li l-benefiċjarju jifforma parti minnu. Jirriżulta, ukoll, mill-att ta' l-akkuża tal-prosekutur pubbliku tal-Landgericht Mühlhausen li kien preċiżament għal din ir-raguni li l-Land ta' Thuringe impona l-għoti tas-sussidji għal din il-prijbizzjoni. Madankollu, il-fatt biss kien ikun tajjeb li kieku ċerta klawżola tkun inkluża f'sistema ta' għajnuna ma jaħbix il-fatt li, fil-każ in eżami, tali dispożizzjoni ma kinitx prevista la fis-sistema in kwistjoni u lanqas fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni, b'tali mod li n-nuqqas li din tiġi rispettata ma jistax jikkostitwixxi użu ħażin skond l-Artikolu 88(2), l-ewwel paragrafu KE bil-periklu li tiġi preġudikata l-prevedibbiltà tal-kontroll imwettaq mill-Kummissjoni fuq il-bażi ta' din id-dispożizzjoni.

151   Għaldaqstant, il-Land ta' Thuringe kien korrett meta sostna li l-Kummissjoni kkomettiet żball manifest ta' evalwazzjoni meta kkunsidrat li, minħabba l-ksur tal-projbizzjoni biss li seħħet meta ngħataw, is-sussidji u l-konċessjonijiet għall-investiment mogħtija mil-Land ta' Thuringe kienu s-suġġett ta' użu ħażin skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 88(2), KE.

152   Fid-dawl ta' dak li ntqal iktar 'il fuq, mingħajr m'hemm bżonn li jiġu eżaminati l-ilmenti l-oħra mressqa mil-Land ta' Thuringe f'dan ir-rigward, l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi annulat safejn il-Kummissjoni kkunsidrat li l-għajnuna mill-Istat iddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni kienet tinkludi ammont ta' 63.45 miljun DEM bħala sussidji u l-konċessjonijiet għall-investiment mogħtija mil-Land ta' Thuringe.

b)     Fuq is-sussidji u l-konċessjonijiet għall-investiment mogħtija mil-Land tal-Bavarja (l-LfA)

153   Mill-premessi 93 sa 95 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, f'dak li jirrigwarda s-sussidji u l-konċessjonijiet għall-investiment mogħtija mil-Land tal-Bavarja (l-LfA), il-Kummissjoni għamlet il-konstatazzjonijiet li ġejjin:

"[L-]għajnuna ma kinitx ta' benefiċċju għall-proġett ta' investiment għall-bini ta' fabbrika tas-CDs, imma serviet ta' għajnuna għall-grupp Pilz kollu u għalhekk intużat ħażin skond l-Artikolu 88(2), [...] KE [...]

Dan japplika wkoll għas-somma totali ta' 19.42 miljun DEM li ġiet mogħtija fuq il-bażi tal-Liġi fuq l-konċessjonijiet għall-Investiment jew tad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-għajnuniet SK.

L-awtoritajiet Ġermaniżi informaw lill-Kummissjoni li huma kienu adottaw il-miżuri previsti taħt il-liġi Ġermaniż għall-ħlas lura ta' l-għajnuna fil-kuntest tal-proċedura ta' stralċ tal-grupp Pilz."

154   F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Land ta' Thuringe korrettament isostni li din il-motivazzjoni, vaga u mhux wisq dettaljata, twassal għal ksur ta' l-Artikolu 253 KE, għaliex ma tagħti ebda indikazzjoni dwar ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni qieset li s-sussidji u l-konċessjonijiet għall-investiment mogħtija mil-Land tal-Bavarja ntużaw bi ksur tas-sistema SK u tal-Liġi dwar il-Konċessjonijiet għall-Investiment.

155   Fil-fatt, m'huwiex biżżejjed li jkun ikkonstatat li, hekk kif jirriżulta mill-premessa 95 tad-deċiżjoni kkontestata, l-awtoritajiet Ġermaniżi informaw lill-Kummissjoni li huma kienu adottaw il-miżuri previsti fil-Liġi Ġermaniża sabiex jitolbu l-ħlas lura ta' din l-għajnuna. Indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk tali talba setgħetx tiġi validament interpretata mill-Kummissjoni bħala rikonoxximent, minn dawn l-awtoritajiet, tan-natura irregolari ta' l-użu ta' l-għajnuna in kwistjoni, dan m'huwiex biżżejjed biex jeħles lill-Kummissjoni mill-obbligu tagħha ta' motivazzjoni taħt l-Artikolu 253 KE fir-rigward ta' l-inkompatibbilità ta' l-għajnuna in kwistjoni mas-suq komuni.

156   Minn ġurisprudenza kostanti jirriżulta li l-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 253 KE għanda turi, b'mod ċar u mhux ekwivoku, ir-raġunament ta' l-awtorita komunitarja, b'tali mod li tippermetti lill-partijiet kkonċernati jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet għall-miżura adottata sabiex ikunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom u sabiex il-qorti komunitarja tkun tista' teżerċità l-istħarriġ tagħha (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-14 ta' Frar 1990, Delacre et. vs il-Kummissjoni, C-350/88, Ġabra p. I-395, punt 15, u l-ġurisprudenza ċċitata fiha). Barra minn dan, f'dak li jirrigwarda l-kunċett ta' partijiet ikkonċernati skond il-ġurisprudenża ċċitata iktar 'il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ħtieġa ta' motivazzjoni għanda tiġi evalwata b'mod partikolari fid-dawl ta' l-interss li d-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att ikkontestat, fis-sens ta' l-Artikolu 230 KE, jista' jkollhom li jingħataw spjegazzjonijiet (sentenza tal-Qorti tat-13 ta' Marzu 1985, l-Olanda u Leeuwarder Papierwarenfabriek vs il-Kummissjoni, 296/82 u 318/82, Ġabra p. 809, punt 19; sentenza Confédération nationale du Crédit mutuel vs il-Kummissjoni, punt 127 iktar 'il fuq, punt 68). Jirriżulta għalhekk li l-ħtieġa ta' motivazzjoni ta' deċiżjoni meħuda fil-kuntest ta' għajnuna mill-Istat ma tistax tiġi ddeterminata biss skond l-interess ta' l-Istat Membru li lejħ din id-deċiżjoni tkun indirizzata li jiġi infurmat, peress li dan l-interess jista' jitnaqqas minħabba raġunijiet partikolari li jirrigwardaw ċerti elementi ta' dritt jew ta' fatt li jistgħu jiġu kontestati minnu matul il-proċedura amministrattiva (ara, f'dan is-sens, is-sentenza British Airways et. u British Midland Airways vs il-Kummissjoni, punt 127 iktar 'il fuq, punt 92). Konsegwentement, meta d-deċiżjoni kkontestata tikkonċerna lir-rikorrenti direttament u individwalment skond ir-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 230,KE, kif ikun il-każ in eżami għal Land ta' Thuringe, dan jista' jitlob li l-motivazzjoni ta' l-imsemmija deċiżjoni, sabiex tissodisfa l-ħtiġijiet ta' l-Artikolu 253 KE, tkun tindika l-kunsiderazzjonijiet kollha ta' fatt u ta' dritt li fuqhom hija bbażata.

157   Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni kisret l-obbligu li hija għanda skond l-Artikolu 253 KE safejn hija ma indikatx ir-raġunijiet li għalihom hija qiset li s-sussidji u l-konċessjonijiet għall-investiment mogħtija mil-Land tal-Bavarja ntużaw bi ksur tas-sistema SK u tal-Liġi fuq l-Konċessjonijiet għall-Investiment.

158   Fid-dawl ta' dak li ntqal iktar 'il fuq, mingħajr m'hemm bżonn li jiġu eżaminati l-ilmenti l-oħra tal-Land ta' Thuringe f'dan il-kuntest, l-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi annullat f'dak li jirrigwarda s-sussidji u l-konċessjonijiet għall-investiment mogħtija mil-Land tal-Bavarja.

E –  Fuq il-garanzija mogħtija mit-THA lil Robotron u lill-impriża komuni

1.     L-argumenti tal-partijiet

159   Il-Land ta' Thuringe jsostni li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta fil-premessi 97 sa 99 tad-deċiżjoni kkontestata kkunsidrat li l-għoti tal-garanzija tat-THA u l-intervent sussegwenti taħt din il-garanzija ma kinux jikkostitwixxu għajnuna eżistenti konformi ma' sistema ta' għajnuna approvata preċedentement mill-Kummissjoni, imma għajnuna ġdida li kienet inkompatibbli mas-suq komuni. Huwa josserva, l-ewwel nett, li, safejn it-THA stabbiliet il-garanzija favur l-impriża komuni sabiex tiffaċilita l-privatizzazzjoni ta' din l-impriża, il-garanzija verament kienet ingħatat konformement ma' l-ewwel u t-tieni sistema tat-THA (approvati permezz ta' ittri tal-Kummissjoni tas-26 ta' Settembru 1991 u ta-8 ta' Diċembru 1992), u b'hekk tikkostitwixxi għajnuna eżistenti u mhux għajnuna ġdida. Huwa josserva fil-fatt li t-test ta' l-ewwel sistema tat-THA kienu jipprovdi b'mod ċar li t-THA kellha d-dritt tistabbilixxi garanziji li jkopru obbligi ta' impriżi li hija kellha sehem minnhom, sottontiż li, bit-terminu "impriżi", kellu jiġi mifhum ukoll ishma f'kumpanniji sussidjarji jew f'impriżi komuni. Issa, skond il-Land ta' Thuringe dan kien preċiżament il-każ fil-każ in eżami peress li l-kostituzzjoni ta' garanzija favur Robotron u l-impriża komuni ppermettiet t-trasferiment ta' l-isħma miżmuma maġġorment minn Robotron – kumpannija pubblika – lil PBK – kumpannija privata – filwaqt li eliminat talbiet eventwali ta' indennizazzjoni fir-rigward ta' l-ewwel. Huwa josserva, barra minn dan, li d-dikjarazzjonijiet tal-President tal-Bord tad-Diretturi ta' Robotron, li għalihom tirreferi l-Kummissjoni fil-premessa 98 tad-deċiżjoni kkontestata sabiex tistabbilixxi li l-għan tat-THA kien, mill-bidu, l-istralċ u mhux il-privatizazzjoni ta' Robotron, mhumiex rilevanti safejn dawn ma sarux fil-mument ta' l-għoti tal-garanzija, iżda iktar tard, meta kien previst l-istralċ ta' Robotron. Issa, skond il-Land ta' Thuringe, il-kuntratti li jistabbilixxu l-impriża komuni kollha kienu ġew konklużi u l-garanzija ngħatat ħafna qabel ir-riunifikazzjoni tal-Ġermanja, jiġifieri meta, min-naħa, Robotron kienet għada realment tittama li tieħu sehem f'ekonomija tas-suq – permezz ta' l-impriża komuni, u ssir waħda mill-impriżi ewlenin fil-produzzjoni tas-CDs fl-ex-Repubblika Demokratika Ġermaniża u fejn, min-naħa l-oħra, l-istralċ ma kinx għadu previst.

160   Il-Land ta' Thuringe jikkontesta, fit-tieni lok, l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li s-sistema tat-THA, f'dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta' għoti tad-diversi miżuri ta' għajnuna previsti minn dawn is-sistemi, għandhom ikunu interpretati b'mod restrittiv. Huwa jikkunsidra fil-fatt li, barra mill-fatt li, kif huwa wera, l-għoti tal-garanzija lil Robotron u lill-impriża komuni kien jissodisfa mingħajr ebda dubju l-kundizzjonijiet ta' għoti tas-sistema ta' l-istess THA interpretati b'mod l-aktar restrittiv, din l-opinjoni tal-Kummissjoni tinterpreta ħażin il-fatt li, fiż-żmien meta ġew approvati l-imsemmija sistemi mill-Kummissjoni, il-partijiet kollha, inkluż il-Kummissjoni – kienu qablu fuq il-fatt li x-xogħol mingħajr preċedent tat-THA kien jitlob applikazzjoni ġeneruża tas-sistema komunitarja ta' kontroll ta' l-għajnuna (ara Miert, K., Markt, Macht, Wettbewerb. Meine Erfahrungen als Kommissar in Brüssel, Deutsche Verlaganstalt Stuttgart/München, 2000, p. 243 et. seq.). Skond dan, il-Kummissjoni ma tistax unilateralment terġa lura minn dan il-ftehim.

161   Fit-tielet lok, il-Land ta' Thuringe josserva li l-garanzija ġiet stabbilita qabel ir-riunifikazzjoni tal-Ġermanja, b'tali mod li għanda tiġi kkunsidrata kemm bħala li ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, kemm bħala li tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat li kienet diġa teżisti qabel ir-riunifikazzjoni, li estendiet l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat għat-territorju ta' l-ex-Repubblika Demokratika Ġermaniża.

162   Fir-raba' lok, f'dak li jirrigwarda l-intervent fl-ambitu tal-garanzija, il-Land ta' Thuringe jikkunsidra li l-ħlas mit-THA ta' somma ta' 120 miljun DEM fil-kuntest tal-ftehim għar-ristrutturazzjoni ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, safejn, bl-aġir tagħha, it-THA aġixxietx kif kien jaġixxi, f'sitwazzjoni simili, investitur privat f'ekonomija tas-suq. Il-Land ta' Thuringe josserva, fil-fatt, li dan il-ħlas ippermettielu li jeħles, b'mod definittiv, mill-obbligu tiegħu ta' garanzija, li kienet tkopri ammont ta' aktar minn 160 miljun DEM u, għaldaqstant, li jiffranka 40 miljun DEM.

163   Fil-ħames lok, il-Land ta' Thuringe jikkunsidra li l-miżapproprjazzjoni, favur il-grupp Pilz, tal-krediti li kienu koperti mill-garanzija tat-THA ma qiegħedx f'dubju il-kompatibbilita' inizjali ta' din il-garanzija mas-suq komuni. Fil-fatt, skond il-Land ta' Thuring, huwa biss safejn dawn il fondi ma ntużawx mill-grupp Pilz għall-finijiet tal-bini tal-fabbrika tas-CDs f'Albrechta li dawn intużaw ħażin u li saru, minħabba f'dan, inkompatibbli mas-suq komuni. Huwa jenfasizza, minn barra dan, li din il-parti tal-fondi ma kinitx ta' benefiċċju għall-impriża komuni imma għall-grupp Pilz u għandha, minħabba f'hekk, tiġi rkuprata kolla kemm hi mingħand dan ta' l-aħħar.

164   Fis-sitt lok, il-Land ta' Thuringe josserva li, bil-kontra ta' dak li tafferma ODS, il-Kummissjoni, fil-Komunikat Stampa tagħha tat-18 ta' Settembru 1991, ma ddikjaratx li impriżi komuni huma esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tas-sistema tat-THA u li hija kellha l-intenzjoni tinterpreta, b'mod restrittiv, ir-regoli li japplikaw għas-sistema tat-THA. Barra minn dan, il-Land ta' Thuringe iqis li l-artikolu ta' M. Schütte li għalih tirreferi ODS ma jurix li għanda tiġi adottata interpretazzjoni restrittiva ta' din is-sistema, peress li l-awtur iddikjara biss li t-THA setgħet toqgħod bħala garanti għall-impriżi li tagħhom kienet proprjetarja – kif kien il-każ ta' l-impriża komuni. Skond il-Land ta' Thuringe, dan ifisser li t-THA xorta waħda setgħet tkun garanti ta' attivitajiet li fihom ikollha l-ishma.

165   Fl-aħħar nett, il-Land ta' Thuringe jsostni li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta' motivazzjoni safejn din ma ndikatx ir-raġunijiet li għalihom l-intervent tat-THA taħt il-garanzija kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Skond dan, tali motivazzjoni kienet aktar u aktar meħtieġa peress illi t-THA kienet qed taġixxi dak iż-żmien skond il-kundizzjonijiet tas-suq. Bl-istess mod, huwa jqis li d-deċiżjoni tikser l-obbligu ta' motivazzjoni safejn hija ma tindikax għaliex il-Kummissjoni hija ta' l-opinjoni li l-garanzija ma kinitx konformi mas-sistema tat-THA u għal liema raġuni s-sistema komunitarja ta' kontroll ta' l-għajnuna mill-Istat kienet tapplika għalih, meta huwa assuma dan l-obbligu qabel ma din is-sistema bdiet tapplika għat-territorju ta' l-ex-Repubblika Demokratika Ġermaniża.

166   Il-Kummissjoni, sostnuta mill-ODS, tikkontesta li għamlet żball ta' evalwazzjoni u li kisret l-obbligu ta' motivazzjoni, meta qieset, fil-premessi 97 sa 99 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-garanzija tat-THA hija inkompatibbli mas-suq komuni.

167   Hija ssostni, fl-ewwel lok, li l-Land ta' Thuringe huwa żbaljat meta jikkunaidra li l-garanzija favur l-impriża komuni kienet konformi mas-sistema tat-THA. Hija tosserva fil-fatt li s-sistemi tat-THA jikkostitwixxu derogi għall-prinċipju li s-sussidji statali intiżi sabiex jippermettu l-privatizazzjoni ta' impriża jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat li, fil-prinċipju, hija inkompatibbli mas-suq komuni.

168   Issa, skond il-Kummissjoni, il-Land ta' Thuringe ma jikkonformax ruħhu ma din l-interpretazzjoni restrittiva tal-kunċett ta' "privatizazzjoni" meta jafferma li anki l-miżuri favur impriża komuni intiżi sabiex jiprivatizzaw impriża pubblika li tkun qed tipparteċipa huma koperti mis-sistema tat-THA. Hija tosserva fil-fatt li s-sistemi tat-THA ma jipprovdu ebda deroga għal privatizazzjoni fil-kuntest ta' impriża komuni. Skond il-Kummissjoni, dan jispjega ruħu bil-fatt li s-sitwazzjoni ta' impriża komuni hija essenzjalment differenti minn dik ta' impriża pubblika li ma tistax taċċedi għas-swieq ta' kapital privat mingħajr garanzija pubblika, peress li s-solvenza ta' impriża komuni ma tidependix biss fuq l-impriża pubblika li għanda ishma fiha, iżda wkoll fuq l-azzjonisti privati tagħha. Konsegwentement, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-kundizzjoni deċiżiva għall-applikazzjoni tas-sistema ta' għajnuna tat-THA mhijix sodisfatta fil-każ ta' privatizazzjoni permezz ta' impriża komuni, peress li l-għoti ta' sussidju lil tali impriża jiffavorixxi wkoll lill-azzjonisti privati li jkollhom ishma fiha, fil waqt li ma jkunux fis-sitwazzjoni partikolari ta' l-impriżi li huma tat-THA. Skond il-Kummissjoni, din il-konklużjoni timponi ruħha iktar u iktar fil-każijiet fejn, bħal f'dak in eżami, l-eżistenza ta' sistema ta' ġestjoni ċentralizzata tal-fondi fi ħdan l-impriża komuni tkabbar ir-riskju li s-sussidji statali jkunu miżapproprjati favur azzjonisti privati.

169   Fit-tieni lok, il-Kummisjoni tikkunsidra li l-kunsiderazzjonijiet tal-Land ta' Thuring dwar il-ħtieġa ekonomika li tinħoloq l-impriża komuni mhumiex rilevanti. Hija tosserva fil-fatt li, anki jekk jitqies li l-fużjoni taż-żewġ impriżi setgħet tiġi kkunsidrata bħala bbażata fuq raġunament ekonomiku, din il-konstatazzjoni m'għandiex rilevanza għall-kwistjoni dwar jekk il-miżuri favur l-impriża komuni kinux koperti mis-sistema tat-THA. Skond din, dan jogħodd ukoll għall-affermazzjoni tal-Land ta' Thuringe li Robotron kienet diġa daħlet fl-obbligu li toħloq l-impriża komuni qabel ir-riunifikazzjoni. Hija tikkunsidra, fil-fatt, li s-sitwazzjoni ta' l-impriża li bbenefikat mill-għajnuna in kwistjoni biss hija deċiżiva.

170   Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tikkuntesta l-allegazzjoni tal-Land ta' Thuringe li l-garanzija tat-THA ġiet mogħtija qabel ir-riunifikazzjoni tal-Ġermanja, kemm jekk din ma tistax tiġi kklassifikata bħala għajnuna, kif ukoll jekk din għanda tiġi klassifikata bħala għajnuna eżistenti. Hija tosserva fil-fatt li l-imsemmija garanzija ngħatat fl-1992, jiġifieri wara r-riunifikazzjoni.

171   Fir-raba' lok, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Land ta' Thuringe huwa żbaljat meta jsostni li l-ħlas ta' 120 miljun DEM lill-banek ma jikkostitwixxix għajnuna peress li din allegatament titratta ma' imġieba konformi mal-kriterju ta' l-investitur privat li qed jaġixxi f'ekonomija tas-suq. Hija tosserva fil-fatt li, peress li l-għoti tal-garanzija jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, mhuwiex wisq rilevanti li min jagħti l-għajnuna sussegwentement iġib ruħhu b'mod konformi mas-suq (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-29 ta' Ġunju 2000, DSG vs il-Kummissjoni, T-234/95, Ġabra p. II-2603, punt 162). Hija tosserva, barra minn dan, li, fil-premessa 99 tad-deċiżjoni kkontestata, hija kkunsidrat b'mod espliċitu l-fatt li t-THA ħallset biss 120 miljun DEM, peress li hija ordnat biss l-irkupru ta' dan l-ammont.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

172   Il-Land ta' Thuringe jallega, f'dak li jirrigwarda l-garanzija tat-THA, żball manifest ta' evalwazzjoni u l-ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni.

173   F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, fil-premessi 97 sa 99 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni esponiet ir-raġunijiet li għalihom hija tqis li l-garanzija tat-THA, li tammonta għal 190 miljun DEM, għanda titqies bħala għajnuna inkompatibbli mat-Trattat KE.

174   Qabel kollox hija tfakkar li, fid-deċiżjoni ta' ftuħ tal-proċedura, hija wriet dubji dwar jekk il-garanzija tat-THA, li kienet tigarantixxi l-ammont ta' 190 miljun DEM, li minnu 120 miljun DEM kellhom jiġu onorati, setgħetx eventwalment ma tkunx koperta mill-ewwel u t-tieni sistemi tat-THA. Hija tindika, fil-premessa 98 tad-deċiżjoni kkontestata, dan li ġej:

"Dawn id-dubji ssaħħu fil-kors tal-proċedura, l-aktar bil-pożizzjoni li s-Sur Hanzler, il-President tal-Bord tad-Diretturi ta' Robotron [...] ħa dak iż-żmien għat-THA, fir-rigward ta' l-awtoritajiet ġudizzjarji Ġermaniżi. Fil-fatt, is-Sur Henzler kien iddikjara li kellu bħala objettiv, sa mill-bidu, l-istralċ ta' [...] Robotron billi jaqsamha f'impriżi żagħar li wara kellhom jiġu privatizzati. Investiment ta' dan it-tip ta' kobor ma kienx ġie adattat għal din il-missjoni. Sabiex tħallas il-fondi tagħha stess, [Robotron] kellha tissellef 20 miljun DEM, li kien imur kontra l-prinċipju ta' ġestjoni tajba. Fil-kwalità tiegħu ta' soċju prinċipali, huwa qies li Robotron ma kelliex il-kompetenza meħtieġa fil-qasam tas-CDs, li jispjeġa għaliex Robotron iffirmat il-kuntratti biss bir-riserva li Pilz jixtri lura, meta titlesta l-fabbrika, l-ishma ta' Robotron għall-valur nominali tagħhom, flimkien ma' l-ineressi bankarji dovuti."

175   Qabel kollox, hemm lok li l-argument tal-Land ta' Thuringe li l-Kummissjoni għamlet żball manifest ta' evalwazzjoni meta kkunsidrat li l-garanzija kkontestata ma nagħtatx b'mod konformi ma l-ewwel u t-tieni sistemi tat-THA, għandu jiġi miċħud bħala mhux fondat.

176   Fil-fatt, kif jirriżulta mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' April 2004, il-Ġermanja vs il-Kummissjoni (C-277/00, li għada ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 22 sa 24), il-qafas li jirregola l-attivitajiet tat-THA, kif ġie deċiż mill-Kummissjoni, jikkostitwixxi serje ta' derogi għall-prinċipju ġenerali ta' inkompatibbiltà ta' l-għajnuna mill-Istat mas-suq komuni, stipulat fl-Artikolu 87(1) KE. Bl-adozzjoni ta' dawn id-derogi, il-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tħaffef ix-xogħol tat-THA, li hija struttura unika fil-qasam tagħha, li kien jikkonsisti fir-ristrutturazzjoni ta' l-impriżi ta' l-ex Repubblika Demokratika Ġermaniża u li jassigura li dawn jagħddu minn ekonomija pjanifikata għal ekonomija tas-suq. Minn dan isegwi li, bħala kundizzjoni għall-applikazzjoni ta' sistema li tidderoga mill-prinċipju ġenerali ta' inkompatibbiltà ta' għajnuna mill-Istat mas-suq komuni, stipulat fl-Artikolu 87(1),KE, il-kunċett ta' "privatizazzjoni" fil-kuntest tas-sistema ta' għajnuna tat-THA għandu jiġi interpretat b'mod restrittiv. Fil-kuntest ta' tali interpretazzjoni, l-eżistenza ta' privatizazzjoni, skond dawn is-sistemi, tista', fil-prinċipju, tkun permessa biss jekk investitur privat jixtri parti mill-kapital ta' impriża pubblika li tkun diġa teżisti u li tkun tista' tgħaddilu l-kontroll ta' din l-impriża. F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-ittra tal-Kummissjoni tas-26 ta' Settembru 1991 li approvat l-ewwel sistema tat-THA tindika b'mod ċar bħala kundizzjoni preliminari għall-approvazzjoni ta' l-għajnuna mogħtija fil-kuntest ta' privatizazzjoni li din l-għajnuna hija intiża sabiex tippermetti lill-impriża konċernata li tkompli l-attivita li kellha qabel.

177   Issa, għandu jiġi enfasizzatt li, fil-każ in eżami, il-garanzija tat-THA ngħatat għall-finijiet li tinħoloq impriża ġdida fil-Land ta' Thuringe li jkollha bħala suġġett attività kummerċjali ġdida, jiġifieri dik li tipproduċi s-CDs, u dan fil-forma ta' impriża komuni bejn impriża ta' l-ex Repubblika Demokratika Ġermaniża u impriża tar-Repubblika Federali Ġermaniża. Huwa ċar li tali operazzjoni ma tistax tiġi kklassifikata bħala privatizazzjoni fis-sens tas-sistemi msemmija iktar 'il fuq tat-THA. Fil-fatt, kontrarjament għall-privatizazzjoni prevista minn dawn is-sistemi, li hija intiża sabiex tbiddel impriża minn ekonomija pjanifikata għall-ekonomija tas-suq, l-istabbiliment ta' impriża ġdida ppermettiet li jiġi żviluppat ex novo proġett ta' impriża b'mezzi ġodda u b'attività kummerċjali ġdida.

178   Wara dan, hemm lok li tiġi miċħuda l-affermazzjoni tal-Land ta' Thuringe li l-garanzija ngħatat qabel id-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat fil-Länder il-ġdid, jiġifieri qabel it-3 ta' Ottubru 1990. Fil-fatt, minbarra l-fatt li din l-allegazzjoni mhijiex dokumentata, jirriżulta mill-ittra ta' l-awtoritajiet Ġermaniżi tat-3 ta' Marzu 1995 li din il-garanzija ngħatat fl-1992.

179   Minn dak li ntqal iktar 'il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni kienet korretta meta kkunsidrat li l-garanzija tat-THA ma nagħtatx b'mod konformi ma' l-ewwel u t-tieni sistema tat-THA u, għaldaqstant, ma tistax tkun ikkunsidrata bħala għajnuna eżistenti. Konsegwentement, il-motiv ibbażat fuq l-iżball manifest ta' evalwazzjoni għandu jiġi miċħud bħala mhux fondat.

180   Minn dak li ntqal iktar 'il fuq jirriżulta wkoll li, bil-kontra ta' l-argument tal-Land ta' Thuringe, il-Kummissjoni mmotivat biżżejjed is-sentenza kkontestata f'dan ir-rigward. Fil-fatt, kif jirriżulta mid-dokumenti tal-proċess, għandu jiġi kkonstatat li, matul il-proċedura amministrattiva u b'mod partikolari wara l-evalwazzjoni proviżorja tal-Kummissjoni fil-punt 3.1.1 tad-deċiżjoni ta' ftuħ tal-proċedura, la r-Repubblika Federali Ġermaniża u lanqas l-Land ta' Thuringe ma ressqu, barra mill-argument li l-garanzija mogħtija kienet koperta mill-ewwel u mit-tieni sistema tat-THA hekk kif approvati mill-Kummissjoni, elementi li jistgħu jistabbilixxu li, min-naħa, din mhijiex għajnuna u li, min-naħa l-oħra, f'kull każ, din l-għajnuna kienet kompatibbli mas-suq komuni u li ma ġietx applikata b'mod ħażin. Huwa biss matul il-proċedura li l-Land ta' Thuringe invoka elementi oħra intiżi sabiex juru li l-għoti ta' l-għajnuna in kwistjoni kienet konformi ma' l-imġieba ta' investitur privat f'ekonomija tas-suq. Issa, fin-nuqqas, matul il-proċedura amministrattiva, ta' tali preċiżjonijiet, fejn hija ir-Repubblika Federali Ġermaniża li għanda tressaq il-provi, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li l-Kummissjoni setgħet leġittimament tillimita l-motivazzjoni tagħha, fid-deċiżjoni kkontestata, għall-fatt li l-għajnuna ma kinitx konformi mal-kundizzjonijiet stipulati fl-ittri tagħha li jpprovaw is-sistemi tat-THA (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tat-3 ta' Ottubru 1991, l-Italja vs il-Kummissjoni, C-261/89, Ġabra p. I-4437, punt 20 et. seq.).

181   Konsegwentement, il-motiv ibbażat fuq il-ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni ma jistax iktar jiġi milqugħ.

182   Fid-dawl ta' dak li ntqal iktar 'il fuq, il-motivi mressqa mil-Land ta' Thuringe f'dak li jikkonċerna din l-għajnuna għandhom jiġu miċħuda bħala mhux fondati.

F –  Fuq il-kreditu ta' 25 miljun DEM mogħti mit-TAB lil PA

1.     L-argumenti tal-partijiet

183   Il-Land ta' Thuringe jikkunsidra li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta fil-premessa 33 tad-deċiżjoni kkontestata kkonstatat li t-TAB tagħat PA kreditu ta' 25 miljun DEM sabiex tkopri n-nuqqas ta' fondi ta' din ta' l-aħħar. Huwa josserva fil-fatt li, hekk kif jirriżulta mill-ittri ta' l-awtoritajiet Ġermaniżi tat-3 ta' Marzu 1995 u tat-18 ta' Jannar 1996, dan il-kreditu serva biss sabiex titħallas lura, fil-kuntest tal-ftehim għar-ristrutturazzjoni, parti mill-krediti bankarji li kienu koperti mill-garanzija tat-THA. Wara, huwa jikkontesta li dan il-kreditu jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u, iktar u iktar, li kienet għajnuna ġdida inkompatibbli mas-suq komuni. Huwa josserva fil-fatt li, la darba dan il-kreditu ġie mħallas sabiex tiġi mħallsa lura parti mill-krediti li kienu koperti mill-garanzija tat-THA u li, skond il-Kummissjoni, l-għoti ta' din il-garanzija kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni hija żbaljata meta tikkunsidra li s-sommom imħallsa fil-kuntest ta' l-intervent fl-ambitu ta' din il-garanzija jikkostitwixxu wkoll għajnuna mill-Istat peress li b'hekk terġa tikkunsidra għal darbtejn l-istess ammonti bħala għajnuna mill-Istat. Barra minn dan huwa jqis li, safejn, hekk kif huwa diġa wera, l-għoti tal-garanzija għandu jiġi kkunsidrat bħala għajnuna eżistenti kompatibbli mat-Trattat, l-istess għandu jingħad għal din l-għajnuna finanzjarja, li tħallset skond l-obbligi li jirriżultaw mill-garanzija. Huwa jirrikonoxxi madankollu li din il-konklużjoni tapplika b'mod evidenti biss jekk il-krediti koperti mill-garanzija tat-THA kienu verament ġew użati għall-bini tal-fabbrika tas-CDs f'Albrechts. Barra minn dan, il-Land ta' Thuringe josserva li l-kreditu ta' 25 Miljun DEM ma jistax jiġi kklassifikat bħala għajnuna għar-ristrutturazzjoni, peress li, meta ngħatat l-għajnuna in kwistjoni, PA ma kinitx f'diffikultà. Fl-aħħar nett, huwa jsostni li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta' motivazzjoni safejn hija ma indikatx ir-raġunijiet li għalihom hija tqis li l-kreditu ta' 25 miljun DEM jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat favur PA u CD Albrechts, meta dan il-kreditu serva biss biex jitħallsu lura krediti bankarji intiżi għall-bini tal-fabbrika tas-CDs f'Albrechts u mħallsa b'mod esklussiv lil Pilz Construction.

184   Il-Kummissjoni, sostnuta minn ODS, tqis li l-argument tal-Land ta' Thuringe f'dak li jirrigwarda din l-għajnuna għandu jiġi miċħud bħala mhux fondata. Hija tosserva, qabel xejn, li, għalkemm huwa veru li l-ittra ta' l-awtoritajiet Ġermaniżi tat-3 ta' Marzu 1995 tikklassifika l-kreditu in kwistjoni bħala self intiż għall-ħlas lura ta' djun, madankollu s-somma korrispondenti tpoġġiet taħt it-titolu "mezzi ta' impriża" (Betriebsmittel) f'tabella li tidher fl-ittra tas-17 ta' April 1997. Il-Kummissjoni tfakkar, wara dan, li, skond ġurisprudenza kostanti, l-għan ta' għajnuna finanzjarja mill-Istat huwa irrilevanti sabiex din tiġi klassifikata bħala għajnuna peress illi jogħodd biss l-effett benefiku tal-miżura. Hija tosserva wkoll li l-fatt li dispensaturi oħra pubbliċi (it-TIB u l-LfA) intervenew b'sostenn għat-THA sabiex jiġu onorati l-obbligi li jirriżultaw mill-garanzija ma jistax ikollu impatt fuq il-kwistjoni tal-klassifikazzjoni tal-garanzija tat-THA bħala għajnuna mill-Istat u fuq il-kompatibbiltà tagħha mas suq komuni. Fil-fatt, skond il-Kummissjoni, l-unika konsegwenza ta' dawn l-interventi hija li t-THA kellha toħroġ ammont ta' 120 miljun DEM flok ta' 156 miljun DEM.

185   Fl-aħħar nett, hija tikkontesta li kisret l-obbligu ta' motivazzjoni f'dak li jirrigwarda din l-għajnuna finanzjarja. Il-Kummissjoni tosserva, fil-fatt, li, safejn din l-għajnuna kienet diġa ġiet ikklassifikata bħala għajnuna illegali għar-ristrutturazzjoni fid-deċiżjoni ta' ftuħ tal-proċedura u li l-Kummissjoni ma kinitx irċeviet informazzjoni li tmur kontra dan, hija ma kellha ebda raġuni sabiex tasal għal evalwazzjoni differenti fid-deċiżjoni kkontestata. B'mod partikolari, hija tosserva li, peress li jirriżulta mill-informazzjoni ta' l-awtoritajiet Ġermaniżi li PA kienet impriża f'diffikultà (ara l-ittri tat-18 ta' Jannar 1996 u tas-17 ta' April 1997), hija kkunsidrat din l-għajnuna fid-dawl tal-linji gwida dwar l-għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni u tikkonstata li, fin-nuqqas ta' pjan intiż sabiex terġa tinkiseb il-viabbilità u l-profittabilità ta' l-impriża f'terminu raġionevoli, din kienet għajnuna illegali għar-ristrutturazzjoni.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

186   Il-Land ta' Thuringe jallega, f'dak li jirrigwarda din l-għajnuna, żball ta' fatt, żball manifest ta' evalwazzjoni u l-ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni.

187   Għandu jiġi mfakkar li, fil-premessa 33 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li, "[s]a minn Ottubru 1993, sabiex tkopri n-nuqqasijiet tal-fondi, it-TAB silfet lil PA 25 miljun DEM bl-interessi, u f'Marzu 1994 tagħat lil PA self ieħor ta' 20 miljun DEM intiżi għall-ħlas lura tas-self li kien assigurat mit-THA". Wara dan, fil-premessi 140 sa 111, hija esponiet ir-raġunijiet li għalihom kienet tqis li din l-għajnuna kellha titqies bħala għajnuna għar-ristrutturazzjoni mogħtija bi ksur tal-linji gwida dwar l-għajnuna għas-salvataġġ u r-ristrutturazzjoni u, għaldaqstant, bħala għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni.

188   Skond il-Land ta' Thuringe, din l-evalwazzjoni hija bbażata fuq żball ta' fatt safejn il-kreditu ta' 25 miljun DEM mogħti mit-TAB ma ntużax sabiex jiġi kopert in-nuqqas ta' fondi, iżda ntuża biss għall-ħlas lura, fil-kuntest tal-ftehim għar-ristrutturazzjoni, ta' parti mill-krediti bankarji li kienu koperti mill-garanzija tat-THA.

189   F'dan ir-rigward, hemm lok li jiġi mfakkar li, fil-paragrafu 1 tal-punt 2.2.2(1) tad-deċiżjoni ta' ftuħ tal-proċedura, il-Kummissjoni indikat li, "[s]a mid-29 ta' Settembru 1993, it-TAB silfet lill-impriża komuni 20 miljun [DEM] b'interessi [ta'] 7%, li għandhom jitħallsu lura l-aktar tard sal-21 ta' Marzu 1996, sabiex jiġi kopert in-nuqqas ta' fondi, kif ukoll self ta' 25 miljun [DEM], bis-7%, li għandhom jitħallsu lura sa mhux iktar tard mill-31 ta' Marzu 1996, intiżi għall-ħlas lura tas-self garantit mit-THA". Din il-konstatazzjoni ta' fatt, li ma taqbilx ma' dik li tidħer fil-premessa 33 tad-deċiżjoni kkontestata, hija kkonfermata mid-dokumenti tal-każ. Fil-fatt, jirriżulta mill-ittri ta' l-awtoritajiet Ġermaniżi tat-3 ta' Marzu 1995 u tat-18 ta' Jannar 1996 li l-kreditu ta' 25 miljun DEM ingħata f'Marzu ta' l-1994 sabiex titħallas lura parti mill-krediti tat-THA. Barra minn dan, ma jirriżultax mill-osservazzjonijiet tal-partijiet konċernati li ġew ippreżentati wara l-ftuħ tal-proċedura formali li dawn kienu talbu għall-korrezzjoni tal-preżentazzjoni tal-fatti fuq dan il-punt li kienet tidher fid-deċiżjoni ta' ftuħ tal-proċedura.

190   F'dawn il-kundizzjonijiet, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, fid-dawl ta' l-informazzjoni li kellha meta adottat id-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kellha tkun taf li l-kreditu ta' 25 miljun DEM ma ntużax sabiex jiġi kopert in-nuqqas ta' fondi f'Ottubru ta' l-1994, imma ngħata f'Marzu ta' l-1993 sabiex titħallas lura parti mill-krediti ggarantiti mit-THA. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għamlet żball ta' fatt f'dak li jirrigwarda din l-għajnuna.

191   Madankollu, minn ġurisprudenza kostanti jirriżulta li, anki jekk premessa ta' att ikkontestat ikun fiha żball ta' fatt, dan l-iżball jista' madankollu ma jwassalx għall-annullament ta' dan l-att jekk il-premessi l-oħra tad-deċiżjoni kkontestata jindikaw il-motivi b'tali mod li jistabbilixxu l-fondatezza tad-deċiżjoni (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-21 ta' Jannar 1999, Neue Maxhütte Stahlwerke u Lech-Stahlwerke vs il-Kummissjoni, T-129/95, T-2/96 u Tt97/96, Ġabra p. II-17, punt 160, u tat-28 ta' Ottubru 2004, Shanghai Teraoka Electronic vs il-Kunsill, T-35/01, li għada ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 167 et. seq.). Iżda, fil-każ in eżami, il-bdil ta' l-ammont ta' kreditu li ngħata f'Settembru ta' l-1993 u f'Marzu 1994 mit-TAB ma kellu ebda effett fuq l-evalwazzjoni ta' din l-għajnuna mill-Kummissjoni. Fil-fatt, il-motivi mressqa mill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra l-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni huma identiċi, jiġifieri li, skond l-informazjoni tal-Kummissjoni, din l-għajnuna ngħatat bi ksur tal-linji gwida dwar l-għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni. Konsegwentement, l-iżball ta' fatt imsemmi iktar 'il fuq f'dak li jirrigwarda l-kreditu ta' 20 miljun DEM u l-kreditu ta' 25 miljun DEM ma jiġġustifikax l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata fuq dan il-punt.

192   Fit-tieni lok, il-Land ta' Thuringe jikkontesta li l-kreditu ta' 25 miljun DEM jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u, iktar u iktar, li hija għajnuna ġdida inkompatibbli mas-suq komuni. Huwa josserva fil-fatt li, peress li dan il-kreditu tħallas sabiex titħallas lura parti mill-krediti li kienu koperti mill-garanzija tat-THA u li, skond il-Kummissjoni, l-għoti ta' din il-garanzija jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni hija żbaljata meta tikkunsidra li s-sommom imħallsa fil-kuntest ta' l-intervent taħt din il-garanzija jikkostitwixxu wkoll għajnuna mill-Istat, peress li b'hekk terġa tikkunsidra għal darbtejn l-istess ammonti bħala għajnuna mill-Istat.

193   Dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat.

194   Min-naħa, għandu jiġi osservat li, hekk kif jirriżulta mill-premessa 99 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar l-ammont totali tal-garanzija mogħtija mit-THA, jiġifieri 190 miljun DEM, hija biss "is-somma ta' 120 miljun DEM li għalihom il-garanzija ntużat li għanda tiġi mħallsa lura, peress li hija l-unika waħda li tħallset". F'dawn il-kundizzjonijiet, il-klassifikazzjoni tal-kreditu ta' 25 miljun DEM bħala għajnuna mill-Istat ma jammontax għal użu darbtejn ta' l-għajnuna kkunsidrata taħt l-imsemmija garanzija.

195   Min-naħa l-oħra, hemm lok li jiġi enfasizzat li, kif jirriżulta mill-punti 175 sa 179 iktar 'il fuq, il-garanzija tat-THA ma ngħatatx konformement ma' l-ewwel u t-tieni sistema tat-THA, b'tali mod li din ma tistax tiġi kkunsidrata bħala għajnuna eżistenti. Barra minn dan, anki jekk jiġi meqjus li l-garanzija tat-THA tista' tkun ikkunsidrata bħala tali, din il-klassifikazzjoni ma tippermettix li jiġi konkluż li kreditu mogħti lil PA minn impriża pubblika oħra sabiex titħallas lura parti mill-krediti koperti mill-imsemmija garanzija għandu jiġi kkunsidrat bħala għajnuna eżistenti.

196   Barra minn dan, hemm lok li jiġi miċħud l-argument tal-Land ta' Thuringe li l-kreditu ta' 25 miljun DEM ma jistax ikun ikklassifikat bħala għajnuna għar-ristrutturazzjoni, peress li, meta ngħatat l-għajnuna in kwistjoni, PA ma kinitx f'diffikultà.

197   Qabel kollox, ebda waħda mill-partijiet ma tikkontesta li, qabel ma ġie konkluż il-ftehim għar-ristrutturazzjoni f'Marzu ta' l-1994, is-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja ta' PA kienet fi stat diżastruz. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-ittra ta' l-awtoritajiet Ġermaniżi tat-3 ta' Marzu 1995, it-tnaqqis tal-bejgħ ta' l-impriża u l-isfruttament dgħajjef tal-kapaċitajiet produttiva tagħha kienu taw lok għal telf konsiderevoli u wasslu għal deterjorazzjoni drammatika tal-fondi. Din is-sitwazzjoni hija kkonfermata wkoll mill-għoti mit-TAB, f'Ottubru 1993, ta' għajnuna intiża sabiex tkopri n-nuqqas ta' fondi.

198   Wara, hemm lok li jiġi osservat li, kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Land ta' Thuringe, kien proprju sabiex tkun irmidjata din is-sitwazzjoni li kemm il-partijiet privati kif ukoll dawk pubbliċi ffirmaw il-ftehim għar-ristrutturazzjoni fis-7 ta' Marzu 1994. Dan il-ftehimi fil-fatt kellu bħala għan li jikseb tnaqqis importanti fid-dejn ta' PA sabiex jiżgura l-din tkompli topera. L-iktar miżura importanti li ttieħdet f'dan il-kuntest hija l-intervent tat-THA taħt il-garanzija tagħha għal ammont ta' 120 miljun DEM. Dan l-ammont u krediti oħra mogħtija lil PA mit-TIB u mit-TAB ippermettew li titħallas lura parti kbira mill-krediti bankarji mogħtija lill-impriża komuni. It-TAB, it-TIB u l-LfA adottaw ukoll diversi miżuri sabiex, min-naħa, jitħallsu lura l-kumplament tal-krediti bankarji mogħtija lil PBK u sabiex, min-naħa l-oħra, isaħħu l-fondi ta' PA.

199   Għaldaqstant, fuq il-bażi ta' dawn l-elementi kollha flimkien, il-Kummissjoni setgħet leġittimament tasal, fid-deċiżjoni kkontestata, għall-konklużjoni li meta ingħata l-kreditu ta' 25 miljun DEM, PA kellha nuqqas ta' fondi. Dan min-naħa l-oħra mhuwiex ikkontestat mill-affermazzjoni tal-Land ta' Thuringe li wara dawn id-diversi interventi fil-kuntest tal-ftehim għar-ristrutturazzjoni, is-sitwazzjoni finanzjarja ta' l-impriza kienet qed tidher iktar pożittiva. Fil-fatt, fid-dawl taċ-ċirkustanzi li taw lok għar-ristrutturazzjoni ta' PA, il-Kummissjoni setgħet raġionevolment tqis li dan l-element, waħdu, ma kienx biżżejjed sabiex tikkonkludi li PA ma kinitx għada f'diffikultà. Din il-konklużjoni imponiet ruħha aktar u aktar meta wara ħareġ fil-beraħ li l-valur ta' l-attiv li kien jidher fil-bilanċ tal-kumpannija kien ġie sopravalutat ħafna. Barra minn dan, kif jirriżulta mill-premessi 36 u 37 tad-deċiżjoni kkontestata, f'inqas minn sitt xhur wara li ġie konkluż il-ftehim għar-ristrutturazzjoni, PA mill-ġdid iltaqet ma' problemi ta' fondi li obbligaw lit-TAB u lil-LfA jatuha krediti ġodda. Minbarra dan, kif l-istess Land ta' Thuring jenfasizza fil-punti 356 u 360 tar-rikors, PA kienet ukoll f'riskju minħabba l-falliment iminenti tal-grupp Pilz u minħabba l-fatt li l-kreditu li din il-kumpannija kellha fir-rigward tal-kumpanniji ta' dan il-grupp kellu jiġi meqjus bħala mhux rkuprabbli.

200   B'mod supplimentari, il-Qorti tal-Prim'Istanza tosserva li, meta ġie konkluż il-ftehim għar-ristrutturazzjoni, l-intervenjenti pubbliċi kien għadhom ma jafux bid-diversi manipulazzjonijiet fil-kontabilità u bil-miżapproprjazzjoni ta' l-għajnuna mill-grupp Pilz. Madankollu, dan in-nuqqas ta' għarfien ma jippermettix li jkun konkluż li, meta ngħataw id-diversi għajnuniet, dawn l-entitajiet setgħu jikkunsidraw li, wara dawn l-interventi, PA ma kinitx għada f'diffikultà. Fil-fatt għandu jiġi enfasizzat li, fid-dawl tas-sitwazzjoni diżastruża li fiha kienet tinstab PA meta ġie konkluż il-ftehim għar-ristrutturazzjoni, kull investitur raġionevolment diliġenti li jaġixxi f'ekonomija tas-suq kien, l-ewwel jagħmel studju dettaljat tas-sitwazzjoni ekonomika ta' l-impriża u jeżiġi li jkun stabbilit pjan ta' ristrutturazzjoni viabbli qabel ma jatiha krediti daqsekk importanti u a fortiori qabel ma jixtri. Issa, għandu jiġi kkonstatat li, minkejja diversi talbiet tal-Kummissjoni, l-awtoritajiet Ġermaniżi ma pprovdew l-ebda informazzjoni dwar l-elaborazzjoni ta' kull tip ta' pjan ta' ristrutturazzjoni. F'dawn il-kundizzjonijiet il-Land ta' Thuringe ma jistax jistrieħ fuq in-nuqqas ta' għarfien ta' dawn l-entitajiet pubbliċi sabiex isostni l-allegazzjonijiet tiegħu li skond l-informazzjoni li huma kellhom f'Marzu ta' l-1994, dawn l-entitajiet setgħu jikkunsidraw li PA ma kinitx impriża f'diffikultà.

201   F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni kienet korretta meta kkunsidrat li, fil-mument ta' l-għoti ta' l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni, PA kellha tiġi kkunsidrata bħala impriża f'diffikulta u li, għaldaqstant, hija kellha tikkunsidra l-kreditu ta' 25 miljun DEM fid-dawl tal-linji gwida tagħha dwar l-għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni.

202   Fl-aħħar nett, il-Land ta' Thuringe kien żbaljat meta invoka ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni. Huwa veru li d-deċiżjoni kkontestata kien fiha biss ftit indikazzjonijiet dwar ir-raġunijiet li għalihom PA kellha tiġi kklassifikata bħala impriża f'diffikultà. Madankollu, fid-deċiżjoni ta' ftuħ tal-proċedura, il-Kummissjoni kienet indikat b'mod ċar li "l-għajnuna kkontestata [ma kelliex] apparentement bħala għan li tippromwovi l-iżvilupp reġjonali, iżda pjutost li ssaħħaħ u tirristruttura impriżi f'diffikultà", b'tali mod li, sabiex tkun ikkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq komuni, kellha tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti mil-linji gwida dwar l-għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni. Issa, bilfors għandu jiġi kkonstatat li l-partijiet ikkonċernati ma rreaġixxewx għal din il-klassifikazzjoni. Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni ma kinitx obbliġata li tipprovdi informazzjoni iktar dettaljata fuq dan il-punt fid-deċiżjoni kkontestata. Din il-konklużjoni hija sostnuta iktar peress li, skond ġurisprudenza kostanti, mhuwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha rilevanti ta' fatt u ta' dritt, safejn il-kwisjoni li jsir magħruf jekk il-motivazzjoni ta' att kinitx tissodisfa l-eżiġenzi ta' l-Artikolu 253 KE għanda tiġi evalwata b'mod partikolari fid-dawl tal-kuntest kif ukoll tar-reġoli ġudizzjarji kollha li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta' April 1998, il-Kummissjoni vs Sytravel u Brink's France, C-367/95 P, Ġabra p. I-179, punt 63). Għall-istess raġunijiet u bil-kontra ta' l-argument tal-Land ta' Thuringe, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tesponi, fid-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunijiet preċiżi li għalihom hija qieset li, fost l-oħrajn, il-kreditu ta' 25 miljun DEM kien jikkostitwixxi għajnuna li kienet ta' benefiċċju għal CD Albrechts.

203   Fid-dawl ta' dak kollu li ntqal iktar 'il-fuq, il-motivi mressqa mil-Land ta' Thuringe f'dak li jirrigwarda din l-għajnuna għandhom jiġu miċħuda bħala mhux fondati.

G –  Fuq il-kreditu ta' 20 miljun DEM mogħti mit-TAB lil PA

1.     L-argumenti tal-partijiet

204   Il-Land ta' Thuring qabel xejn isostni li, bil-kontra ta' dak li l-Kummissjoni kkonstatat fil-premessa 33 tad-deċiżjoni kkontestata, il-kreditu ta' 20 miljun DEM kien ingħata mit-TAb lil PA f'Ottubru ta' l-1993 u mhux f'Marzu ta' l-1994. Barra minn dan, huwa jenfasizza li dan il-kreditu intuża sabiex isaħħaħ l-fondi ta' din ta' l-aħħar u mhux sabiex titħallas lura parti mill-krediti bankarji koperti mill-garanzija tat-THA. Wara, huwa josserva li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 87(1), KE, safejn din tikkonstata li dan il-kreditu jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat favur PA li għanda titħallas lura minn din ta' l-aħħar. Huwa jqis fil-fatt li, bil-kontra ta' dak li kkonstatat il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, dan il-kreditu m'għandux jiġi analizzat fid-dawl tal-linji gwida dwar l-għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni peress li PA ma kinitx tinstab f'tali sitwazzjoni. Barra minn dan, huwa jsostni li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta' motivazzjoni safejn hija ma pprovdietx raġunijiet li jsostnu l-konstatazzjoni li CD Albrechts ħadet benefiċċju minn din l-għajnuna finanzjarja u li dan jikkostitwixxi benefiċċju mill-użu ta' fondi pubbliċi li għandu jkun eżaminat fir-rigward tal-linji gwida dwar l-għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni.

205   Il-Kummissjoni, sostnuta minn ODS, tqis li l-argumenti mressqa mil-Land ta' Thuringe f'dak li jirrigwarda din l-għajnuna għandhom jiġu miċħuda bħala mhux fondati.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

206   Għandu jiġi osservat li l-argumenti li l-Land ta' Tħuringe ressaq fir-rigward tal-kreditu ta' 20 miljun DEM li kien ingħata mit-TIB huma fil-biċċa l-kbira tagħhom simili għal dawk li ġew invokati f'dak li jikkonċerna l-kreditu ta' 25 miljun DEM.

207   Għalhekk hemm lok li l-motivi kollha msemmija fil-punti 186 sa 205 iktar 'il fuq jiġu trasposti għall-din l-għajnuna, hemm lok għaldaqstant li jiġu miċħuda bħala mhux fondati l-motivi mressqa għal dan il-għan mil-Land ta' Thuringe.

H –  Fuq il-prezz tax-xiri ta' 3 miljun DEM imħallas mit-TIB lil PBK

1.     L-argumenti tal-partijiet

208   Il-Land ta' Thuringe josserva li, fil-kuntest ta' l-evalwazzjoni tagħha, il-Kummissjoni ma kkunsidratx il-fatt li din l-għajnuna tħallset wara s-saldu ta' parti kbira mid-djun ta' l-impriża ta' PA, li sarraf f'attiv li jammonta għal 250 miljun DEM u dejn ta' 100 miljun DEM. Skond il-Land ta' Thuringe, il-Kummissjoni kella tiddeduċi minn din iċ-ċirkustanza, li kienet espliċitament inġibditilha l-attenzjoni fuqha mill-awtoritajiet Ġermaniżi fl-ittra tat-30 ta' Marzu 1999, li l-għoti ta' din l-għajnuna kien konformi mal-prinċipju ta' l-investitur privat f'ekonomija tas-suq u li, għalhekk, ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna. Barra minn dan, huwa jikkunsidra li, safejn dan il-prezz tax-xiri ġie mħallas lil kumpannija tal-grupp Pilz u b'hekk ma kien ta' ebda benefiċċju għal PA, l-impriżi ta' dan il-grupp biss għandhom jintalabu l-ħlas lura. Fl-aħħar nett huwa jqis li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta' motivazzjoni safejn din ma spjegatx ir-raġunijiet li għalihom hija kienet tikkunsidra li l-prezz tax-xiri ta' 3 miljun DEM imħallas mit-TIB u t-TAB kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat favur PA u CD Albrechts.

209   Il-Kummissjoni, sostnuta minn ODS, tikkontesta l-allegazzjoni tal-Land ta' Thuringe li hija kienet żbaljata meta ppreżumiet l-eżistenza ta' għajnuna mill-Istat. Hija tosserva fil-fatt li, għalkemm il-mistoqsijiet li hija indirizzat lill-awtoritajiet Ġermaniżi, permezz ta' ittra tal-25 ta' Novembru 1996, kienu direttament intiżi sabiex b'mod dirett tassigura ruħha li t-teħid lura seħħ konformement mall-kundizzjonijiet tas-suq, dawn l-awtoritajiet la ppreżentaw osservazzjonijiet f'dan ir-rigward u lanqas ma bagħtu kopja tal-ftehim għar-ristrutturazzjoni, iżda llimitaw ruħhom li jaffermaw li l-prezz tax-xiri kien ġie negozjat. F'dan il-kuntest, hija tqis li kien impossibli għaliha tivverifika l-eżattezza ta' l-istimi pożittivi dwar il-profittabilità futura ta' l-impriża. Barra minn dan, hija ssostni li kien il-fatt li PA kellha, f'dak il-mument, tiġi kkunsidrata bħala impriża f'diffikultà li ddetermina l-evalwazzjoni tagħha li investitur privat ma kienx jixtri lura PA u li l-prezz tax-xiri kellu jiġi kkunsidrat bħala għajnuna mill-Istat. Hija tosserva, fil-fatt, li mill-informazzjoni li hija kellha ma rriżultax li l-għajnuna kienet ingħatat fil-kuntest ta' pjan ta' ristrutturazzjoni li jippermetti li tkun assigurata, f'terminu ta' żmien raġionevoli, il-profittabilità u l-viabbilità għal żmien twil ta' l-impriża. Bil-kontra ta' dan, din l-informazzjoni kienet tindika li l-krediti tal-banek kienu ġew fil-biċċa l-kbira sodisfatti b'mod partikolari wara l-ħlas ta' ammont ta' 120 miljun DEM mit-THA u li l-miżuri li servew għas-sostenn jew għas-salvataġġ ta' PA kienu ġew finanzjati kważi esklussivament minn fondi pubbliċi. Hija tosserva barra minn dan li, fid-deċiżjoni ta' ftuħ tal-proċedura, hija kienet ikklasifikat il-prezz tax-xiri fost l-għajnuna illegali għar-ristrutturazzjoni fuq il-bażi tal-linji gwida dwar l-għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni. Fl-aħħar nett, hija tenfasizza li din il-klassifikazzjoni kienet ġiet ikkonfermata mill-awtoritajiet Ġermaniżi li kienu affermaw li l-għajnuna għall-fondi kienet assolutament indispensabbli (ittra tat-18 ta' Jannar 1996) u li PA ma kinitx issalva mingħajr l-għoti tal-miżuri ta' ristrutturazzjoni in kwistjoni (ittra ta' l-14 ta' Lulju 1997.

210   Bl-istess mod, il-Kummissjoni, sostnuta mill-ODS, tikkontesta l-allegazzjoni li hija kisret l-obbligu ta' motivazzjoni f'dan ir-rigward. Hija tosserva, fil-fatt, li, safejn din l-għajnuna finanzjarja kienet diġa ġiet ikklassifikata fid-deċiżjoni ta' ftuħ tal-proċedura bħala għajnuna illegali għar-ristrutturazzjoni favur impriża f'diffikultà u li l-Kummissjoni ma rċevitx informazzjoni kontrarja min-naħa ta' l-awtoritajiet Ġermaniżi (ittri tat-18 ta' Jannar 1996 u tas-17 ta' April 1997), hija ma kellha l-ebda raġuni sabiex tasal għal evalwazzjoni differenti fid-deċiżjoni kkontestata.

211   ODS tosserva wkoll li l-Land ta' Thuringe donnu jitfixkel il-ħtiġijiet marbuta ma' l-obbligu ta' motivazzjoni mal-kwistjoni li jsir maruf jekk il-Kummissjoni stħarrġitx b'mod korrett fuq il-fatti. Hija tenfasizza, fil-fatt, li ineżatteżża eventwali tal-fatti li l-Kummissjoni assumiet ma taqax taħt l-obbligu ta' motivazzjoni peress li l-Kummissjoni kienet korretta meta preżumiet l-eżattezza tagħhom peress li dawn kienu jirriżultaw mill-informazzjoni provduta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Hija tosserva li, safejn huwa evidenti li, skond din l-informazzjoni, il-miżuri in kwistjoni kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni ma kellhiex tezamina fid-dettall u b'mod speċifiku kull element materjali ta' l-Artikolu 87(1), KE, imma setgħet tillimita ruħha għal motivazzjoni sommarja.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

212   Il-Land ta' Thuringe jallega, f'dak li jirrigwarda din l-għajnuna, żball ta' fatt, żball manifest ta' evalwazzjoni kif ukoll il-ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni.

213   F'dak li jirrigwarda l-ilment ibbażat fuq żball ta' fatt u żball manifest ta' evalwazzjoni, il-Land ta' Thuringe jsostni, essenzjalment, li, fid-dawl ta' l-informazzjoni li kellha meta adottat id-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kellha tikkonstata li l-prezz tax-xiri ta' 3 miljun DEM imħallas mit-TIB għax-xiri lura ta' l-ishma ta' PA kien konformi mas-suq.

214   F'dan ir-rigward, hemm lok li jiġi mfakkar li, fid-deċiżjoni ta' ftuħ tal-proċedura, il-Kummissjoni indikat li "[i]t-TIB u t-TAB ħallsu t-total ta' 15-il miljun [DEM] fil-kuntest tat-teħid lura ta' [PA], f'Marzu ta' l-1994" u li, "minn dan l-ammont, 3 miljun mark kien jikkorrispondi għall-prezz imħallas mit-TIB sabiex tixtri l-ishma tagħha mill-[PBK]. Wara, fil-kuntest ta' l-evalwazzjoni proviżorja tagħha ta' l-għajnuna finanzjarja, hija enfasizzat li l-prezz tax-xiri ta' 3 miljun DEM jikkostitwixxi ċertament, bħall-għajnuniet l-oħra, għajnuna mill-Istat skond l-Artikolu 87(1), KE. Barra minn dan, hija b'mod espliċitu talbet lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tiddeskrivilha fid-detall il-mod li biħ ġie kkalkolat dan il-prezz tax-xiri.

215   Permezz ta' ittra tat-30 ta' Marzu 1999, l-awtoritajiet Ġermaniżi ħadu pożizzjoni fuq dan il-punt. Huma enfasizzaw, min-naħa, li l-prezz tax-xiri ma ġiex mgħarraf fil-forma ta' kalkolu, iżda kien pjutost ir-riżultat ta' negozjati u, min-naħa l-oħra, li din l-għajnuna ma ġietx perċepita minn PA, iżda mill-grupp Pilz. Barra minn dan, huma enfasizzaw li, fid-dawl ta' l-istat pożittiv tal-karta tal-bilanċ u ta' l-importanza tat-tnaqqis tad-dejn li seħħ wara l-ftehim għar-ristrutturazzjoni, it-TIB u t-TAB setgħu, dak iż-żmien, jikkunsidraw li impenn ta' din l-importanza kien ġustifikabbli safejn il-valur ta' l-attiv ta' l-impriża kien jeċċedi bil-kbir il-valur tad-djun tagħha. Skond dawn l-awtoritajiet, din il-konklużjoni kienet iktar u iktar ovvja peress li dawn l-entitajiet dak iż-żmien kien għadhom ma jafux bil-manipulazzjonijiet fil-kontabbiltà li s-Sur Pilz kien wettaq.

216   Il-Kummissjoni kienet korretta meta kkunsidrat li din l-informazzjoni ma kinitx biżżejjed biex tibdel il-konklużjoni tagħha li l-prezz tax-xiri kellu jiġi kklassifikat bħala għajnuna mill-Istat.

217   Fil-fatt, min-naħa, l-awtoritajiet Ġermaniżi ma pprovdewx informazzjoni li tippermetti li jiġi verifikat il-mod li bih ġie kkalkolat il prezz ta' 3 miljun DEM. Il-fatt biss li dan il-prezz ġie negozzjat bejn il-partijiet m'għandu ebda rilevanza f'dan il-kuntest. Min-naħa l-oħra, għar-raġunijiet imsemmija fil-punt 199 iktar 'il fuq l-awtoritajiet Ġermaniżi kienu żbaljati meta invokaw il-valur ta' l-attiv ta' l-impriża komuni wara l-konklużjoni tal-ftehim għar-ristrutturazzjoni u n-nuqqas ta' għarfien tat-TIB u tat-TAB dwar il-manipulazzjonijiet li tagħhom dan l-attiv kien is-suġġett sabiex jiġġustifika l-prezz tax-xiri. Din il-konklużjoni timponi ruħha iktar u iktar meta, fid-dawl ta' l-informazzjoni li hija kellha meta adottat id-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kellha d-dritt tikkonkludi li, waqt ix-xiri, f'Marzu ta' l-1994, investitur raġonevolment diliġenti li jopera f'ekonomija tas-suq kellu jikkonstata li PA kienet tinstab f'diffikultà (ara l-punti 196 sa 202 iktar 'il fuq).

218   Min-naħa l-oħra, il-Land ta' Thuringe kien korrett meta sostna li l-Kummissjoni naqset milli tikkunsidra l-fatt li din l-għajnuna tħallset direttament lil PBK. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma ressqet l-ebda element li minnu jirriżulta li din l-għajnuna kienet intiża għar-ristrutturazzjoni ta' PA jew ta' CD Albrechts. Għaldaqstant kienet żbaljata meta fl-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kklassifikat din l-għajnuna bħala li kienet "intiża għar-ristrutturazzjoni ta' [CD Albrechts]". Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ma pprovdiet ebda motivazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata sabiex turi l-eżistenza ta' benefiċċju fit-tmexxija ta' PA li jirriżulta minn din il l-għajnuna finanzjarja li tiġġustifika li din l-għajnuna tiġi rkuprata minn għanda.

219   Minħabba dan l-iżball ta' fatt fir-rigward ta' l-identita tal-benefiċjarju ta' l-għajnuna u n-nuqqas ta' motivazzjoni f'dan ir-rigward bi ksur ta' l-Artikolu 235 KE, hemm lok li jiġi annullat l-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni kkontestata fejn il-Kummissjoni tiddikjara li l-prezz tax-xiri ta' 3 miljun DEM jikkostitwixxi għajnuna "intiża għar-ristrutturazzjoni ta' [CD Albrechts]".

I –  Fuq l-allokazzjoni ta' 12-il miljun DEM mit-TIB fil-kapital ta' PA

1.     L-argumenti tal-partijiet

220   Il-Land ta' Thuringe isostni, qabel xejn, li l-Kummissjoni kkommettiet diversi żbalji ta' fatt f'dak li jirrigwarda din l-għajnuna. Huwa josserva, fil-fatt, li l-Kummissjoni naqset milli tikkonstata li, kif jirriżulta mill-ittri ta' l-awtoritajiet Ġermaniżi tat-18 ta' jannar 1996 u tat-30 ta' Marzu 1999, mill-allokazzjoni fil-kapital ta' 12-il miljun DEM intużat, sa 7.6 miljun DEM, sabiex titħallas lura parti mill-krediti bankarji koperti mill-garanzija tat-THA li tħallsu direttament lil Pilz Construction. Dwar il-kumplament ta' l-allokazzjoni, jiġifieri 4.4 miljun DEM, il-Land ta' Thuringe josserva li din is-somma ġiet miżapproprjata favur il-grupp Pilz fil-forma ta' spejjeż mhux rimborsabbli u ta' ħlasijiet li ma ġewx onorati fil-kuntest tal-kuntratt ta' ġestjoni u ta' kunsinna li PA ikkonkludiet ma' dan il-grupp.

221   Wara huwa jsostni, li, minħabba dawn l-iżbalji ta' fatt, il-Kummissjoni għamlet żball ta' evalwazzjoni u kisret l-obbligu ta' motivazzjoni f'dak li jirrigwarda din l-għajnuna. Huwa enfasizza, fil-fatt, li, safejn sa 7.6 miljun DEM minn dan is-sussidju intuża għall-ħlas lura ta' parti mill-krediti bankarji koperti mill-garanzija tat-THA, dan ma kienx għajnuna mill-Istat u, iktar u iktar, għajnuna ġdida li kienet inkompatibbli mas-suq komuni. Huwa josserva fil-fatt li, peress li din il-parti tas-sussidju ingħatat sabiex titħallas lura parti mill-krediti bankarji li kienu koperti mill-garanzija tat-THA u li, skond il-Kummissjoni, l-għoti ta' din il-garanzija kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni kienet żbaljata meta kkunsidrat li s-sommom mogħtija fil-kuntest ta' l-intervent taħt din il-garanzija kienu jikkostitwixxu wkoll għajnuna mill-Istat għaliex dan ikun ifisser l-istess ammonti jiġu mgħaduda darbtejn bħala għajnuna mill-Istat. Huwa, barra minn dan, iqis li, safejn, kif diġa wera, l-għoti tal garanzija għandu jiġi kkunsidrat bħala għajnuna eżistenti kompatibbli mat-Trattat, l-istess għandu neċessarjament japplika wkoll għal din l-għajnuna finanzjarja, li tħallset skond l-obbligi li joħorġu mill-garanzija. Il-Land ta' Thuringe jikkunsidra madankollu li dan huwa l-każ biss safejn il-krediti koperti mill-garanzija tat-THA verament intużaw għall-bini tal-fabbrika tas-CDs f'Albrechts.

222   F'dak li jikkonċerna l-4.4 miljun DEM li jifdal, il-Land ta' Thuringe ukoll iqis li l-Kummissjoni għamlet żball ta' evalwazzjoni u kisret l-obbligu ta' motivazzjoni, safejn ġie kkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata li din is-somma tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat favur PA. Huwa josserva, fil-fatt li, bil-kontra ta' dak li kkonstatat il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, din l-għajnuna finanzjarja ma tistax tkun analizzata fid-dawl tal-linji gwida dwar l-għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni, peress li PA ma kinitx tinstab f'tali sitwazzjoni. Barra minn dan, huwa jsostni li PA qatt ma bbenefikat minn din l-għajnuna, għalix din serviet sabiex tkun finanzjata l-produzzjoni ta' oġġetti li ġew kunsinnati lill-grupp Pilz fil-kuntest tal-kuntratt ta' ġestjoni u ta' kunsinna ta' prodotti, iżda li qatt ma tħallsu. Huwa għalhekk iqis li, jekk wieħed jikkunsidra din l-għajnuna bħala li tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, huma lill-impriżi tal grupp Pilz biss li għandhom jiġu mitluba l-ħlas lura.

223   Il-Kummissjoni, sostnuta mill-ODS, tqis li l-argumenti kollha li jirrigwardaw l-allokazzjoni fil-kapital ta' 12-il miljun DEM għandhom jiġu miċħuda bħala mhux fondati.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

224   Il-Land ta' Thuringe jallega, f'dak li jirrigwarda dan l-ilment, diversi żbalji ta' fatt, żball manifest ta' evalwazzjoni u l-ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni.

225   Qabel kollox, hemm lok li jiġu miċħuda l-argumenti mressqa mil-Land ta' Thuringe sabiex juru li l-Kummissjoni għamlet żball ta' fatt f'dak li jirrigwarda l-allokazzjoni fil-kapital ta' 12-il miljun DEM mogħtija mit-TIB lil PA, billi naqset milli tikkonstata, min-naħa li, 7.6 miljun DEM minn din l-għajnuna intużaw sabiex jitħallsu lura l-krediti ggarantiti mit-THA u, min-naħa l-oħra li, 4.4 miljun DEM ġie miżapproprjat favur il-grupp Pilz.

226   Fil-fatt għandu jiġi mfakkar li, fid-deċiżjoni ta' ftuħ tal-proċedura, il-Kummissjoni indikat li, mill-ammont ta' 15-il miljun DEM mħallas fil-kuntest tat-teħid lura ta' l-impriża komuni mit-TIB u mit-TAB, 3 miljun DEM kienu jikkorrispondu għall-prezz tax-xiri ta' l-ishma, "filwaqt li t-12-il miljun [DEM] li jifdal kien jikkostitwixxi allokazzjoni fil-kapital lill-impriża komuni" u li "[m]it-12-il miljun [DEM], 7.6 miljun DEM intuża sabiex jitħallas lura s-self garantit mit-THA u l-bilanċ ta' 4.4 miljun intuża bħala fondi kurrenti".

227   Fl-ittra tat-30 ta' Marzu 1999, l-awtoritajiet Ġermaniżi kkonfermaw din il-preżentazzjoni tal-fatti. Barra minn dan, ma jirriżultax mid-dokumenti tal-proċess li din ġiet ikkontestata minn xi partijiet oħra kkonċernati.

228   F'dawn il-kundizzjonijiet, il-Kummissjoni kienet korretta meta, fid-dawl ta' l-informazzjoni li hija kellha meta adottat id-deċiżjoni kkontestata, ikkonstatat fil-premessa 34 tad-deċiżjoni kkontestata li, waqt ix-xiri lura ta' l-impriża komuni mit-TIB u mit-TAB, dawn ta' l-aħħar ħallsu l-ammont totali ta' 15-il miljun DEM, b'3 miljun DEM mħallas mit-TIB lil PBK għax-xiri ta' l-ishma u b'12-il miljun DEM imħallas mit-TIB bħala allokazzjoni fil-kapital ta' PA.

229   Wara, il-Land ta' Thuring huwa żbaljat meta sostna li l-Kummissjoni naqset milli tikkunsidra l-fatt li, 7.6 miljun DEM minn din l-għajnuna intuża għall-ħlas lura tal-krediti koperti mit-THA. Mingħajr ma hemm bżonn li tittieħed deċiżjoni fuq il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni effettivament insitx tikkunsidra dan, huwa biżżejed li jiġi kkonstatat li din l-ommissjoni, anki fl-ipoteżi li seħħet, ma jkollha l-ebda effett fuq il-validità ta' l-evalwazzjoni tagħha fuq dan il-punt. Fil-fatt, kif ġie enfasizzat fil-punt 194 iktar 'il fuq, huwa eskluż li l-għajnuna finanzjarja mogħtija għall-ħlas lura tal-krediti ggarantiti mit-THA ġiet ikkunsidrata darbtejn, peress li l-ammonti biss li ġew effettivament mħallsa mit-THA fit-twettieq tal-garanzija tagħha ġew ikklassifikati bħala għajnuna mill-Istat fid-deċiżjoni kkontestata.

230   Fl-aħħar nett, safejn il-Land ta' Thuringe isostni li l-Kummissjoni naqset li tikkunsidra l-fatt li, 4.4 miljun DEM minn din l-għajnuna ġie miżapproprjat favur il-grupp Pilz, hemm lok li dan l-ilment jiġi evalwat fil-kuntest ta' l-argument tal-Land ta' Thuringe dwar il-legalità ta' l-ordni ta' rkupru li tidher fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata (ara punti 307 sa 348 iktar 'il quddiem).

231   Fit-tieni lok, peress li ġie stabbilit li l-Kummissjoni m'għamlet ebda żball ta' fatt f'dak li jirrigwarda din l-għajnuna, għandhom jiġu eżaminati d-diversi argumenti mressqa mil-Land ta' Thuringe sabiex juri l-eżistenza ta' żbalji ċari ta' evalwazzjoni u l-ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni f'dak li jirrigwarda din l-għajnuna.

232   F'dan ir-rigward, il-Land ta' Thuringe huwa żbaljat meta jsostni li, safejn 7.6 miljun DEM, intuża għall-ħlas lura tal-krediti ggarantiti mit-THA, il-Kummissjoni għamlet żball ta' evalwazzjoni u kisret l-obbligu ta' motivazzjoni meta kklassifikat din l-għajnuna bħala għajnuna ġdida. Fil-fatt, is-sempliċi fatt li din l-għajnuna, li ntużat sabiex jitħallsu lura l-krediti ggarantiti mit-THA, tħallset mit-TIB jwassal għall-konklużjoni li dan ma kienx intervent taħt din il-garanzija. Minn dan jirriżulta li din kienet tassew għajnuna ġdida.

233   Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni kienet korretta meta kklassifikat din l-għajnuna bħala għajnuna għar-ristrutturazzjoni ta' impriża f'diffikultà. Fil-fatt, kif ġie enfasizzatt fil-punti 190 sa 201 iktar 'il fuq, PA setgħet tkun ikklassifikata bħala impriża f'diffikultà minn meta ngħatat din l-għajnuna. Issa, wieħed jista' effettivament jissupponi li kumpannija privata li ssib ruħha fil-pożizzjoni tat-TIB ma tagħtix allokazzjoni fil-kapital lil impriża f'diffikultà bħal PA mingħajr ma, minn ta' l-inqas, tagħmel analiżi dettaljata tas-sitwazzjoni ekonomika ta' l-impriża u mingħajr ma tħejji pjan ta' ristrutturazzjoni. Barra minn dan, din l-għajnuna kienet ġiet ikklassifikata bħala għajnuna mill-Istat fid-deċiżjoni ta' ftuħ tal-proċedura, u l-awtoritajiet Ġermaniżi ma opponewx għal din il-klassifikazzjoni matul il-proċedura amministrattiva. Fl-aħħar nett, kif ġie enfasizzatt fil-punt 202 iktar 'il fuq, il-Kummissjoni pprovdiet biżżejjed motivazjonijiet, b'mod konformi mal-ħtiġijiet ta' l-Artikolu 253 KE, sabiex turi l-inkompatibbilità ta' din l-għajnuna mas-suq komuni.

234   Fid-dawl ta' dak li ntqal iktar il-fuq, hemm lok li l-argumenti mressqa mil-Land ta' Thuringe f'dak li jikkonċerna din l-għajnuna jiġu miċħuda bħala mhux fondati.

J –  Fuq ix-xiri tal-kapital awtorizzat ta' PA mit-TIB u mit-TAB

1.     L-argumenti tal-Partijiet

235   Il-Land ta' Thuringe isostni li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta kkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata li l-ammont ta' 33 miljun DEM imsemmi fil-premessa 35 tad-deċiżjoni kkontestata kien jikkostitwixxi kontribuzzjoni finanzjarja. Huwa josserva fil-fatt li dan l-ammont jikkorrispondi fil-verita għall-kapital nominali ta' PA. Barra minn dan, huwa jikkunsidra li hija wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni u li kisret l-obbligu ta' motivazzjoni.

236   Matul is-seduta tal-5 ta' Mejju 2004, il-Kummissjoni għarfet li kienet żbaljata meta kkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata li x-xiri mit-TIB u mit-TAB tal-kapital awtorizzat ta' PA, li jammonta għal 33 miljun DEM, jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Għaldaqstant, hija aċċettat li d-deċiżjoni kkontestata tkun annullata fuq dan il-punt.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

237   Fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni matul is-seduta tal-5 ta' Mejju 2004, fejn ġie kkunsidrat il-proċess verbali tas-seduta, hemm lok li jiġi kkonstatat, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġu eżaminati l-ilmenti l-oħra mressqa f'dan ir-rigward, li l-Kummissjoni għamlet żball ta' fatt meta kklassifikat bħala għajnuna mill-Istat ix-xiri mit-TIB u mit-TAB tal-kapital awtorizzat ta' PA, kien jammonta għal 33 miljun DEM.

238   Fid-dawl ta' dak li ntqal iktar 'il fuq, hemm lok li jiġi annulat l-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni kkontestata, safejn il-Kummissjoni kkunsidrat li l-għajnuna inkompatibbli mill-Istat intiża għar-ristrutturazzjoni tal-kumpannija CD Albrechts tinkludi l-ammont ta' 33 miljun DEM għax-xiri tal-kapital awtorizzat ta' PA.

K –  Fuq il-kreditu ta' 2 miljun DEM mogħtija mil-LfA lil PA

1.     L-Argumenti tal-partijiet

239   Il-Land ta' Thuringe isostni li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma kinitx iġġustifikata meta la kkunsidrat u lanqas immotivat biżżejjed għall-fatt li kreditu li jammonta għal 2 miljun DEM mogħti mil-LfA lil PA ma ġiex imħallas lil din il-kumpannija iżda serva biss għall-ħlas lura tal-krediti bankarji mogħtija lil PBK, li kienu koperti mill-garanzija tal-Land tal-Bavarja. Issa, huwa jikkunsidra li, peress illi l-Kummissjoni kienet diġa kkunsidrat l-ammont totali tal-garanzija (54.7 miljun DEM) bħala għajnuna mill-Istat, il-fatt li dan il-kreditu jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi wkoll għajnuna mill-Istat jwassal sabiex jiġi kkunsidrat għal darbtejn l-istess ammont bħala għajnuna. Bl-istess mod, huwa jqis li l-Kummissjoni għamlet żball ta' evalwazzjoni meta fid-deċiżjoni kkontestata kkunsidrat, mingħajr ma tagħat l-iċken motivazzjoni, li l-kreditu ta' 2 miljun DEM mogħti mil-LfA kien jikkostitwixxi għajnuna ġdida. Fl-aħħar nett, huwa jsostni li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta' motivazzjoni safejn hija ma indikatx ir-raġunijiet li għalihom hija kienet tikkunsidra li l-kreditu ta' 2 miljun DEM mogħtija mil-LfA lil PA kien jikkostitwixxi għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni.

240   Il-Kummissjoni, sostnuta minn ODS, tqis li l-argumenti mmresqa mil-Land ta' Thuringe f'dak li jirrigwarda din l-għajnuna għandhom jiġu miċħuda bħala mhux fondati.

2.     Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

241   Il-Land ta' Thuringe jallega, f'dak li jirrigwarda din l-għajnuna finanzjarja, żball ta' fatt, żball manifest ta' evalwazzjoni u l-ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni.

242   F'dan ir-rigward, hemm lok li jkun eżaminat, fl-ewwel lok, jekk, hekk kif isostni l-Land ta' Thuringe, il-Kummissjoni għamlitx żball ta' fatt meta ma kkunsidratx li l-kreditu ta' 2 miljun DEM mogħti mil-LfA lil PA kien serva sabiex titħallas lura parti mil-krediti koperti mill-garanzija tal-Land tal-Bavarja.

243   F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, fit-tielet paragrafu tal-punt 2.2.2 tad-deċiżjoni ta' ftuħ tal-proċedura, il-Kummissjoni għamlet il-konstatazzjonijiet li ġejjin:

"Fit-8 ta' Marzu 1994, il-[Land tal-]Bavarja kkonkludiet, permezz tal-LfA [...], żewġ kuntratti ta' self favur l-impriża komuni, wieħed ta' 2 miljun [DEM] u l-ieħor ta' 7 miljun [DEM]; il-ħlas tagħhom kien stabbilit, fiż-żewġ każijiet, għal 7% u l-ħlas lura tagħhom kellu jseħħ sal-31 ta' Marzu 1996 u t-30 ta' Marzu 1996 rispettivament. L-ewwel self intuża sabiex jitħallas lura [..] il-kreditu garantit mil-[Land tal-]Bavarja."

244   Minn din is-silta jirriżulta b'mod ċar li l-Kummissjoni kienet infurmata bil-fatt li s-self ta' 2 miljun DEM mogħti mil-LfA serva sabiex jitħallsu lura l-krediti ggarantiti.

245   Wara, għandu jiġi osservat li, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, la l-awtoritajiet Ġermaniżi u lanqas il-partijiet l-oħra kkonċernati m'għamlu osservazzjonijiet sabiex jikkoreġu din l-informazzjoni. Bil-kontra ta' dan, fl-ittra tat-30 ta' Marzu 1999, l-awtoritajiet Ġermaniżi kkonfermaw l-eżattezza ta' dak li ġie kkonstatat f'dan ir-rigward fid-deċiżjoni ta' ftuħ tal-proċedura.

246   F'dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, fuq il-bażi ta' l-informazzjoni li kellha l-Kummissjoni meta adottat id-deċiżjoni kkontestata, hija kellha tkun taf li l-kreditu ta' 2 miljun DEM kien serva għall-ħlas lura ta' parti mill-krediti ggarantiti mil-Land tal-Bavarja.

247   Madankollu, bid-differenza ta' dak li ġie kkonstatat f'dak li jirrigwarda l-kanċellazzjoni tad-dejn ta' 3 miljun DEM (ara l-punti 123 sa 130 iktar 'il fuq), dan l-iżball ma kellux konsegwenzi fuq il-legalità tad-deċiżjoni, peress li, fil-każ in eżami, huwa, f'kull każ, eskluż li l-istess benefiċċju ġie kkunsidrat darbtejn. Fil-fatt, il-fatt biss li din l-għajnuna serviet għall-ħlas lura tal-krediti ggarantiti mil-Land tal-Bavarja ma jippermettix li jkun konkluż li dan huwa intervent taħt din il-garanzija. B'mod partikolari, dan il-kreditu tħallas lil-PA sabiex jippermettilha tħallas lura parti mill-krediti koperti mill-garanzija. Għaldaqstant, għalkemm l-għoti ta' kreditu jidher li jippermetti l-ħlas lura tal-krediti ggarantiti, il-fatt jibqa li dan mhuwiex intervent taħt garanzija eżistenti, iżda verament għajnuna ġdida.

248   Fit-tieni lok, il-Land ta' Thuringe huwa żbaljat meta jsostni li l-Kummissjoni għamlet żball ta' fatt u kisret l-obbligu ta' motivazzjoni meta kkunsidrat li dan il-kreditu ġie mogħti lil impriża f'diffikultà u meta kklassifikatu bħala għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni. Għandu, fil-fatt jiġi mfakkar li, meta ngħata dan il-kreditu, PA setgħet tiġi kklassifikata bħala impriża f'diffikultà (ara, f'dan ir-rigward, il-punti 196 sa 202 iktar 'il fuq). Issa, wieħed jista' effettivament jissopponi li kumpannija privata li ssib ruħha fis-sitwazzjoni tal-LfA ma kinitx tagħti kreditu ieħor lil impriża f'diffikultà kif kienet PA, għall-inqas mhux qabel ma tivverifika s-sitwazzjoni ekonomika ta' l-impriża u mhux mingħajr pjan ta' ristrutturazzjoni. Barra minn dan, għalkemm dan il-kreditu ġie kklassifikat bħala għajnuna mill-Istat fid-deċiżjoni ta' ftuħ tal-proċedura, l-awtoritajiet Ġermaniżi suċċessivament ma kkontestawx din il-klassifikazzjoni. Fl-aħħar nett, kif ġie enfasizzat fil-punt 202 iktar 'il fuq, il-Kummissjoni tagħat biżżejjed motivazzjonijiet dwar il-klassifikazzjoni ta' PA bħala impriża f'diffikultà u, għaldaqstant, dwar l-inkompatibbiltà ta' din l-għajnuna mas-suq komuni.

249   Fid-dawl ta' dak li ntqal iktar 'il fuq, hemm lok li r-raġunijiet mressqa mil-Land ta' Thuringe f'dak li jikkonċerna din l-għajnuna jiġu miċħuda bħala mhux fondati.

L –  Fuq is-self ta' soċju ta' 3.5 miljun DEM mogħti mit-TIB lil PA

1.     L-argumenti tal-partijiet

250   Il-Land ta' Thuringe jsostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 87(1) KE u l-obbligu ta' motivazzjoni safejn din tikklassifika s-self ta' soċju ta' 3.5 miljun DEM bħala għajnuna mill-Istat favur PA li hija inkompatibbli mas-suq komuni. Huwa josserva, fil-fatt li, bil-kontra ta' dak li kkonstatat il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, dan is-self m'għandux jiġi analizzat fid-dawl tal-linji gwida dwar l-għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni, peress li PA ma kinitx tinstab f'tali sitwazzjoni. Minn barra dan huwa josserva li, kif jirriżulta mill-ittra ta' l-awtoritajiet Ġermaniżi tat-30 ta' Marzu 1999, is-self ta' soċju ta' 3.5 miljun DEM mogħti mit-TIB lil PA ġie miżapproprjat għall-benefiċċju tal-grupp Pilz permezz tas-sistema ta' ġestjoni ċentralizzata tal-fondi.

251   Il-Kummissjoni, sostnuta minn ODS, tqis li l-argumenti mressqa mil-Land ta' Thuringe f'dak li jirrigwarda din l-għajnuna għandhom jiġu miċħuda bħala mhux fondati.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

252   Il-Land ta' Thuringe jallega, f'dak li jirrigwarda din l-għajnuna, żball ta' fatt, żball manifest ta' evalwazzjoni u l-ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni.

253   Għandu jiġi osservat, qabel xejn, li l-Land ta' Thuringe ma tikkontestax il-konstatazzjoni msemmija fil-premessa 35 tad-deċiżjoni kkontestata li t-TIB tagħat, f'April ta' l-1994, self ta' soċju ta' 3.5 miljun DEM lil PA.

254   Wara, hemm lok li jiġi osservat li l-Land ta' Thuringe kien żbaljat meta sostna li l-Kummissjoni għamlet żball ta' dritt u kisret l-obbligu ta' motivazzjoni meta applikat il-linji gwida dwar l-għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni u meta kklassifikat dan il-kreditu bħala għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni. Fil-fatt, kif ġie enfasizzat fil-punti 196 sa 202 iktar 'il fuq, PA setgħet tiġi kklassifikata bħala impriża f'diffikultà meta nagħta dan il-kreditu. Issa, wieħed jista' effettivament jissupponi li kumpannija privata li ssib ruħha fis-sitwazzjoni tat-TIB ma kinitx tagħti kreditu lil impriża f'diffikultà bħal ma kienet PA mingħajr ma, għall-inqas mhux qabel ma tivverifika s-sitwazzjoni ekonomika ta' l-impriża u mhux mingħajr pjan ta' ristrutturazzjoni Barra minn dan, filwaqt li din l-għajnuna ġiet ikklassifikata bħala għajnuna mill-Istat fid-deċiżjoni ta' ftuħ tal-proċedura, l-awtoritajiet Ġermaniżi suċċessivament ma kkontestawx din il-klassifikazzjoni. Fl-aħħar nett, kif ġie osservat fil-punt 202 iktar 'il fuq, il-Kummissjoni pprovdiet biżżejjed raġunijiet dwar il-klassifikazzjoni ta' PA bħala impriża f'diffikultà u, għaldaqstant, dwar l-inkompatibbiltà ta' din l-għajnuna mas-suq komuni.

255   Fl-aħħar nett, safejn il-Land ta' Thuringe jsostni li l-Kummissjoni naqset milli tikkunsidra l-fatt li din l-għajnuna ġiet miżapproprjata favur il-grupp Pilz, hemm lok li dan l-ilment jiġi evalwat fil-kuntest ta' l-argument tal-Land ta' Thuringe dwar il-legalità ta' l-ordni ta' rkupru li tidher fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata stata (ara punti 307 sa 348 iktar 'il quddiem).

256   Fid-dawl ta' dak li ntqal iktar 'il fuq, hemm lok li r-raġunijiet imressqa mil-Land ta' Thuringe f'dak li jikkonċerna din l-għajnuna jiġu miċħuda bħala mhux fondati.

M –  Fuq il-kreditu ta' 15-il miljun DEM mogħti mil-LfA lill-grupp Pilz

1.     L-Argumenti tal-partijiet

257   Il-Land ta' Thuringe jikkunsidra li l-Kummissjoni għamlet żball manifest ta' evalwazzjoni f'dak li jikkonċerna l-kreditu ta' 15-il miljun DEM mogħti mil-LfA, safejn dan ingħata direttament lill-grupp Pilz, b'tali mod li ma hemmx lok li jiġi mitlub il-ħlas lura tiegħu mill-impriża komuni u mill-werrieta tagħha. Wara, huwa jsostni li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta' motivazzjoni safejn hija ma indikatx ir-raġunijiet li għalihom dan il-kreditu jikkostitwixxi għajnuna favur PA jew CD Albrechts.

258   Il-Kummissjoni, sostnuta minn ODS, tqis li l-argumenti mressqa mil-Land ta' Thuringe dwar din l-għajnuna għandhom jiġu miċħuda bħala mhux fondati. Hija tenfasizza li mhuwiex rilevanti li l-kreditu ta' 15-il miljun DEM kien intiż għall-grupp Pilz, peress li, għalkemm dan kien kreditu ta' l-operat li kellu jservi bħala kreditu temporanju sakemm jinstab xerrej għall-impriża komuni, dan xorta waħda ffavorixxa l-impriża komuni u lil PA.

2.     Il-kunsiderazzjonijet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

259   Il-Land ta' Thuringe jallega, f'dak li jirrigwarda din l-għajnuna, żball manifest ta' evalwazzjoni u l-ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni.

260   Il-Land ta' Thuring huwa korrett meta jsostni li l-Kummissjoni naqset milli tikkunsidra l-fatt li din l-għajnuna tħallset direttament lill-grupp Pilz. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma ressqet ebda element li minnu jirriżulta li din l-għajnuna kienet intiża għar-ristrutturazzjoni ta' PA jew ta' CD Albrechts.

261   Din il-konklużjoni mhijiex effettwata mill-fatt li, hekk kif il-Kummissjoni kkonstatat fil-premessa 37 tad-deċiżjoni kkontestata, il-kreditu ta' 15-il miljun DEM kellu jintuża sabiex jgħin lill-grupp Pilz sakemm jinstab xerrej għal PA. Fil-fatt, minn barra li l-Kummissjoni ma ressqet ebda prova li ssostni din l-affermazzjoni, ma ġiex stabbilit li PA kienet effettivament ibbenefikat minn din l-għajnuna. Konsegwentement, il-Kummissjoni għamlet żball manifest ta' evalwazzjoni meta kkunsidrat li dan il-kreditu kien ta' benefiċju għal PA.

262   Fid-dawl ta' dak li ntqal iktar 'il fuq, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġi eżaminat l-ilment dwar il-ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni l-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi annullat, safejn il-Kummissjoni tiddikjara li l-kreditu ta' 15-il miljun DEM kien għajnuna "intiża għar-ristrutturazzjoni ta' [CD Albrechts]".

N –  Fuq il-kreditu ta' 15-il miljun DEM mogħti mit-TAB lil CD Albrechts

1.     L-argumenti tal-partijiet

263   Il-Land ta' Thuringe jirrileva li, hekk kif jirriżulta mill-ittra ta' l-awtoritajiet Ġermaniżi tat-30 ta' Marzu 1999, il-kreditu ta' 15 il-miljun DEM mogħti mit-TAB lil CD Albrechts ġie miżapproprjat favur il-grupp Pilz. Huwa josserva wkoll li dan il-kreditu diġa ġie mħallas lura. Wara dan, huwa jsostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 87(1), KE, safejn din ikkunsidrat, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-kreditu ta' 15-il miljun DEM kien għajnuna mill-Istat favur PA. Huwa josserva, fil-fatt, li kontra dak li kkonstatat il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, dan il-kreditu m'għandux jiġi analizzat fid-dawl tal-linji gwida dwar l-għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni peress li PA, li saret CD Albrechts, ma kinitx tinsab f'tali sitwazzjoni meta sar il-ħlas. Barra minn hekk, huwa jesponi li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta' motivazzjoni safejn hija ma indikatx ir-raġunijiet li għalihom dan il-kreditu kien jikkostitwixxi għajnuna favur PA jew CD Albrechts.

264   Il-Kummissjoni, sostnuta minn ODS, tqis li l-argumenti mressqa mil-Land ta' Thuringe f'dak li jirrigwarda din l-għajnuna għandhom jiġu miċħuda bħala mhux fondati.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

265   Il-Land ta' Thuringe jinvoka, f'dak li jirrigwarda din l-għajnuna, żball ta' fatt, żball manifest ta' evalwazzjoni kif ukoll il-ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni.

266   F'dan ir-rigward, hemm lok li jiġi osservat, qabel kollox, li l-Land ta' Thuringe ma ressaq l-ebda prova sabiex isostni l-allegazzjoni tiegħu li parti minn dan il-kreditu jew il-kreditu kollu diġa ġie mħallas lura. Barra minn dan, huwa lanqas ma juri li, matul il-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni kienet ġiet infurmata b'tali ħlas lura.

267   Wara dan, il-Land ta' Thuringe kienet żbaljata meta sostniet li l-Kummissjoni għamlet żball ta' dritt u kisret l-obbligu ta' motivazzjoni meta kklassifikat dan il-kreditu bħala għajnuna mill-Istat għar-ristrutturazzjoni inkompatibbli mas-suq komuni. Fil-fatt, għar-raġunijiet esposti fil-punti 196 sa 202 iktar 'il fuq, CD Albrechts, li qabel kienet PA, setgħet tiġi kklassifikata bħala impriża f'diffikultà meta nagħta dan il-kreditu. Iżda, wieħed jista' effettivament jissupponi li kumpannija privata li ssib ruħha fil pożizzjoni tat-TAB ma kinitx tagħti kreditu lil impriża f'diffikultà bħal CD Albrechts mingħajr ma, minn ta' l-inqas, teffettwa analiżi dettaljata tas-sitwazzjoni ekonomika ta' l-impriża u telabora pjan ta' ristrutturazzjoni. Barra minn hekk, filwaqt li din l-għajnuna kienet ġiet ikklassifikata bħala għajnuna mill-Istat fid-deċiżjoni ta' ftuħ tal-proċedura, l-awtoritajiet Ġermaniżi suċċessivament ma opponewx din il-klassifikazzjoni. Konsegwentement, hekk kif ġie enfasizzatt fil-punt 202 iktar 'il fuq, il-Kummissjoni pprovdiet biżżejjed motivazzjonijiet dwar il-klassifikazzjoni ta' CD Albrechts bħala impriża f'diffikultà u, għaldaqstant, dwar l-inkompatibbiltà ta' din l-għajnuna mas-suq komuni.

268   Fl-aħħar nett, dwar dak li sostna l-Land ta' Thuringe li l-Kummissjoni naqset li tikkunsidra l-fatt li din l-għajnuna ġiet miżapproprjata favur il-grupp Pilz, hemm lok li l-kunsiderazzjonijiet dwar dan l-ilment jiġu rrinvijati għall-kuntest ta' l-argument tal-Land ta' Thuringe dwar il-legalità ta' l-ordni ta' rkupru li tidher fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punti 318 sa 344 iktar 'il quddiem).

269   Fid-dawl ta' dak li ntqal iktar 'il fuq, taħt riżerva ta' eżami ulterjuri ta' dan l-ilment, hemm lok li jiġu miċħuda bħala mhux fondati l-motivi mressqa mil-Land ta' Thuringe dwar din l-għajnuna.

O –  Fuq il-kreditu ta' 7 miljun DEM mogħti mil-LfA lil CD Albrechts

1.     L-Argumenti tal-partijiet

270   Il-Land ta' Thuringe jsostni, qabel xejn, li l-Kummissjoni wettqet diversi żbalji ta' fatt f'dak li jirrigwarda l-kreditu ta' 7 miljun DEM. Huwa jgħid li, kontra dak li l-Kummissjoni kkunsidrat fil-premessi 36 u 37 tad-deċiżjoni kkontestata, il-kreditu ta' 7 miljun DEM mogħti mil-LfA lil PA ma serviex biex isostni din il-kumpannija. Huwa fil-fatt josserva li, wara l-konklużjoni tal-ftehim għar-ristrutturazzjoni, dan il-kreditu ntuża, sa 2 miljun DEM, sabiex jitħallsu lura l-interessi li akkumulaw fuq il-krediti bankarji mogħtija lil PBK li kienu koperti mill-garanzija tal-Land tal-Bavarja. Huwa jqis għalhekk li, safejn l-ammont totali tal-garanzija (54.7 miljun DEM) diġa ġie mgħadud bħala għajnuna mill-Istat mill-Kummissjoni, il-fatt li din il-parti tal-kreditu tiġi kkunsidrata bħala li tikkostitwixxi wkoll għajnuna mill-Istat ifisser li dan l-ammont qed jiġi kkunsidrat darbtejn fil-kalkolu ta' l-għajnuna.

271   Il-Land ta' Thuringe jikkunsidra, wara dan, li l-Kummissjoni għamlet diversi żbalji ta' dritt u kisret l-obbligu ta' motivazzjoni f'dak li jirrigwarda din l-għajnuna. Huwa jikkontesta b'mod partikolari li dan il-kreditu jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u, iktar u iktar, li din kienet għajnuna ġdida inkompatibbli mas-suq komuni. Huwa josserva fil-fatt li, fil-waqt li, għall-ammont ta' 5 miljun DEM, dan il-kreditu serva sabiex titħallas lura parti mill-krediti li kienu koperti mill-garanzija tat-THA u li, skond il-Kummissjoni, l-għoti ta' din il-garanzija kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, din ta' l-aħħar hija żbaljata meta tikkunsidra li s-somom li tħallsu fl-eżekuzzjoni ta' din il-garanzija jikkostitwixxu wkoll għajnuna mill-Istat, peress li dan jerġa jikkunsidra għal darbtejn l-istess ammonti bħala għajnuna mill-Istat. Huwa jqis, minn barra dan, li, safejn, hekk kif diġa wera, l-għoti tal-garanzija għandu jiġi kkunsidrat bħala għajnuna eżistenti kompatibbli mat-trattat, dan ma jgħoddx ukoll neċessarjament għal din l-għajnuna finanzjarja, li tħallset fl-eżekuzzjoni ta' l-obbligi li joħorġu mill-garanzija. Fl-aħħar nett, il-Land ta' Thuringe jgħid li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta' motivazzjoni safejn hija ma indikatx ir-raġunijiet li għalihom hija kienet tqis li l-kreditu ta' 7 miljun DEM jikostitwixxi għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni favur CD Albrechts, fil-waqt li, sa 5 miljun DEM, dan il-kreditu serva biss għall-ħlas lura tal-krediti bankarji allokati għall-bini tal-fabbrika tas-CDs f'Albrechts li tħallsu biss lill-Pilz construction u li, sa 2 miljun DEM, ippermetta li jitħallsu lura l-interessi fuq il-krediti koperti minn din il-garanzija.

272   Il-Kummissjoni, sostnuta minn ODS, tqis li l-argumenti mressqa mil-Land ta' Thuringe f'dak li jirrigwarda din l-għajnuna għandhom jiġu miċħuda bħala mhux fondati.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

273   Il-Land ta' Thuringe jinvoka, f'dak li jirrigwarda din l-għajnuna, diversi zbalji ta' fatt, żball manifest ta' evalwazzjoni u l-ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni.

274   F'dan ir-rigward, għandu jiġi eżaminat, qabel xejn, jekk, kif isostni l-Land ta' Thuringe, il-Kummissjoni għamlitx żball ta' fatt meta ma kkunsidratx li l-kreditu ta' 7 miljun DEM mogħti mil-LfA lil PA serva, min-naħa, sa 2 miljun DEM, sabiex jiggarantixxi l-interessi futuri fuq il-krediti koperti mill-garanzija tal-Land tal-Bavarja u, min-naħa l-oħra, sa 5 miljun DEM, sabiex titħallas lura parti mill-krediti koperti mill-garanzija tat-THA.

275   F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, fid-deċiżjoni ta' ftuħ tal-proċedura, il-Kummissjoni effettwat il-konstatazzjonijiet li ġejjin:

"Fit-8 ta' Marzu 1994, il-[Land tal-]Bavarja ikkonkluda, permezz tal-LfA [...], żewġ kuntratti ta' self favur l-impriża komuni, wieħed ta' 2 miljun [DEM] u l-ieħor ta' 7 miljun [DEM]; ir-remunerazzjoni tagħhom kienet stabbilita, fiż-żewġ każijiet, għal 7% u l-ħlas lura tagħhom kellu jseħħ sa mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu 1996 u t-30 ta' Marzu 1996 rispettivament. L-ewwel self intuża sabiex jitħallas lura [..] il-kreditu ggarantit mil-[Land tal-]Bavarja. F'dak li jirrigwarda t-tieni self, 5 miljun [DEM] intużaw sabiex jitnaqqas l-ammont tas-self iggarantit mit-THA u ż-2 miljuni [DEM] li jifdal kellhom jintużaw bħala fondi kurrenti."

276   Minn dan il-passaġġ jirriżulta b'bmod ċar li l-Kummissjoni kienet infurmata, qabel il-ftuħ tal-proċedura formali, bil-fatt li, sa 5 miljun DEM, is-self ta' 7 miljun DEM mogħti mil-LfA serva sabiex jitħallsu lura l-krediti ggarantiti mit-THA. Min-naħa l-oħra, f'dan l-istadju tal-proċedura, ma jidhirx li kienet ġiet infurmata bil-fatt li ż-2 miljun DEM li jifdal minn dan it-tieni self ta' 7 miljun DEM mogħti mil-LfA servew sabiex jiggarantixxu l-ħlas ta' interessi futuri fuq il-krediti ggarantiti mil-Land tal-Bavarja.

277   Iżda, hemm lok li jiġi osservat li, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, l-awtoritajiet Ġermaniżi għamlu osservazzjonijiet li jirrigwardaw l-użu ta' dan is-self. Fil-fatt, fl-ittra tat-30 ta' Marzu 1999, huma qabel kollox enfasizzaw li, sa 5 miljun DEM, dan is-self ma servix għall-ħlas lura tal-krediti ggarantiti mil-Land tal-Bavarja iżda tal-krediti ggarantiti mit-THA. Wara dan, dawn l-awtoritajiet indikaw li ż-2 miljun DEM li jifdal gew trasferiti lill-banek privati sabiex jiggarantixxu l-ħlas ta' interessi li jgħalqu fil-futur.

278   F'dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, fid-dawl ta' l-informazzjoni li kellha meta adottat id-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kellha tkun taf li l-kreditu ta' 7 miljun DEM li ngħata mil-LfA serva, min-naħa, sa 5 miljun DEM, sabiex titħallas lura parti mill-krediti ggarantiti mit-THA u, min-naħa l-oħra, sa 2 miljun DEM, sabiex jiggarantixxu l-ħlas ta' interessi futuri fuq il-krediti koperti mil-Land tal-Bavarja.

279   Għandu, madankollu, jiġi osservat li n-nuqqas ta' konstatazzjonijiet f'dan is-sens fid-deċiżjoni kkontestata ma kellux impatt fuq il-legalita ta' din f'dak li jirrigwarda din l-għajnuna.

280   Fil-fatt, anki jekk jiġġi meqjus li l-Kummissjoni kkunsidrat il-fatt li, sa 5 miljun DEM, il-kreditu ta' 7 miljun DEM intuża għall-ħlas lura tal-krediti ggarantiti mit-THA, din iċ-ċirkustanza ma biddlitx l-evalwazzjoni tagħha ta' din l-għajnuna peress li, għar-raġunijiet riprodotti fil-punt 194 iktar 'il fuq, l-għajnuna finanzjarja mogħtija għall-ħlas lura tal-krediti ggarantiti mit-THA hija distinta mis-sommom imħallsa mit-THA fl-ambitu ta' din l-istess garanzija.

281   Barra minn dan, il-Land ta' Thuringe huwa żbaljat meta jsostni li sa' 5 miljun DEM, dan il-kreditu serva għall-ħlas lura ta' parti mill-krediti ggarantiti mit-THA, il-Kummissjoni għamlet żball ta' evalwazzjoni u kisret l-obbligu ta' motivazzjoni meta klassifikat din l-għajnuna bħala għajnuna ġdida. Fil-fatt, il-fatt biss li din l-għajnuna serviet sabiex jitħallsu lura l-krediti ggarantiti mit-THA ma jippermettix li jkun konkluż li kien intervent fl-ambitu ta' din il-garanzija. B'mod partikolari, dan il-kreditu tħallas lill-impriża komuni sabiex jippermettilha li tħallas lura parti mil-krediti koperti mill-garanzija. Minn dan jirriżulta li, għalkemm l-għoti ta' kreditu għandu t-tendenza li jippermetti l-ħlas lura tal-krediti ggarantiti, dan ma jfissirx li kienet għajnuna ġdida u mhux intervent fl-ambitu tal-garanzija eżistenti.

282   Fl-aħħar nett, safejn, sa 2 miljun DEM, din l-għajnuna intużat sabiex tiggarantixxi l-ħlas ta' interessi futuri fuq il-krediti ggarantiti mil-Land tal-Bavarja, il-Land ta' Thuringe ma jurix b'liema mod dan l-element ta' fatt seta jbiddel l-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni f'dak li jirrigwarda din l-għajnuna, jiġifieri li kienet għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni, peress li ngħatat bi ksur tal-linji gwida dwar l-għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni.

283   Fid-dawl ta' dak li ntqal iktar 'il fuq, għandhom jiġu miċħuda bħala mhux fondati l-argumenti kollha mressqa mil-Land ta' Thuringe f'dak li jirrigwarda din l-għajnuna.

P –  Fuq il-kreditu ta' 9.5 miljun DEM mogħti mit-TAB lil CD Albrechts

1.     L-argumenti tal-partijiet

284   Il-Land ta' Thuringe josserva li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma kkunsidratx il-fatt li dan il-kreditu kien ġie kompletament imħallas lura. Huwa jenfasizza ukoll li dan il-kreditu huwa l-uniku li verament kien ta' benefiċċju għal CD Albrechts safejn, f'Diċembru 1994, ir-rabtiet mall-grupp Pilz inqatgħu b'mod definittiv. Barra minn dan, huwa jsostni li l-Kummissjoni kellha tikkunsidra dan is-self fid-dawl tal-kriterju ta' investitur f'ekonomija tas-suq, jiġifieri billi tikkunsidra d-diffikultajiet finanzjarji li CD Albrechts kellha taffaċċja minħabba l-azzjonijiet illegali tal-grupp Pilz.

285   Il-Kummissjoni tosserva li hija ma rċevietx informazzjoni dwar eventwali ħlas lura, b'tali mod li kellha d-dritt taħseb li dan il-kreditu kien għadu ma tħallasx lura.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

286   F'dak li jirrigwarda l-argument tal-Land ta' Thuringe dwar din l-għajnuna, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Land ta' Thuringe ma ġab l-ebda element ta' prova biex isostni l-allegazzjoni tiegħu li din l-għajnuna kienet ġiet imħallsa lura kompletament. Konsegwentement, anki jekk jiġi meqjus li seta jġib il-prova ta' dan il-ħlas lura, xorta jibqa l-fatt li dan naqas li jressaq il-prova ta' dan il-ħlas lura fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, b'tali mod li ma jistax jikkontesta lill-Kummissjoni l-fatt li din ma ħadetx in kunsiderazzjoni dan fil-kuntest tad-deċiżjoni kkuntestata. Fl-aħħar nett, l-argument tal-Land ta' Thuringe bbażat fuq l-għoti ta' l-għajnuna jikkorrispondi ma komportament razzjonali ta' investitur privat ma jistax jirnexxi għaliex, meta wieħed iqis il-kunsiderazzjonijiet fil-punt 217 iktar 'il fuq, fil-każ in eżami, il-kwistjoni li jsir magħruf jekk it-TAB aġixxietx bħala investitur privat m'għanda l-ebda effett fuq l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta' l-għajnuna mas-suq komuni u, għaldaqstant, m'huwiex rilevanti.

287   Fid-dawl ta' dak li ntqal iktar 'il fuq, hemm lok li jiġu miċħuda bħala mhux fondati l-motivi mressqa mil-Land ta' Thuringe f'dak li jirrigwarda din l-għajnuna.

Q –  Fuq l-interessi li jammontaw għal total ta' 21.3 miljun DEM

1.     L-argumenti tal-partijiet

288   Il-Land ta' Thuringe jsostni, qabel xejn, li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta' motivazzjoni f'dak li jirrigwarda l-interessi. Huwa fil-fatt josserva li, fl-ebda parti fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni m'għamlet konstatazzjonijiet jew ipprovdiet ġustifikazzjonijiet f'dak li jirrigwarda l-kalkolu ta' l-ammont ta' 21.3 miljun DEM li jirrapreżenta l-interessi li ma nġabrux fuq id-diversi għajnuniet. Skond huwa, dan huwa aktar ta' l-iskantament peress li l-ammonti mħallsa fil-kuntest tal-ftehim għar-ristrutturazzjoni fid-dawl tal-ħelsien tal-garanziji kien diġa fihom parti sostanzjali mill-interessi. Il-Land ta' Thuringe iqis, konsegwentement, li, safejn id-deċiżjoni kkontestata tipprovdi li l-għajnuna li għandha titħallas lura għandha tiġi miżjuda bir-rata ta' interessi ta' referenza, il-Kummissjoni kellha tispjega b'mod ċar liema kienu dawn l-interessi u l-għaliex dawn kienu ta' benefiċċju għall-impriża komuni u għall-werrieta tagħha. Skond huwa, il-Kummissjoni ma tistax, f'dan ir-rigward, tillimita ruħha għal semplici referenza għall-informazzjoni mogħtija mill-Istat Membru.

289   Wara dan, il-Land ta' Thuringe jikkontesta l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li din kienet obbligata, fid-dawl ta' l-indikazzjonijiet ta' l-awtoritajiet Ġermaniżi, li titlob l-irkupru tal-benefiċċji f'dak li jirrigwarda l-interessi sa 21.3 miljun DEM. Huwa josserva fil-fatt, min-naħa, li l-Kummissjoni ma ġabet l-ebda prova li l-awtoritajiet Ġermaniżi kienu affermaw tali ħaġa u, min-naħa l-oħra, li għandu jiġi meqjus li, anki kieku l-awtoritajiet Ġermaniżi għamlu tali dikjarazzjoni – ħaġa li l-Land ta' Thuringe jikkontesta –, dan ma jiġġustifikax in-nuqqas ta' konstatazzjonijiet materjali f'dak li jirrigwarda l-kalkolu ta' l-ammont ta' l-interessi.

290   Konsegwentement, il-Land ta' Thuringe jsostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 87(1),KE, safejn, fid-deċiżjoni kkontestata, hija stabbiliet is-somma ta' ħlas f'daqqa ta' 21.3 miljun DEM l-allegati benefiċċji f'termini ta' interessi li minnhom l-impriża komuni u l-werrieta tagħha kienu ħadu benefiċċju.

291   Il-Kummissjoni, sostnuta minn ODS, tikkontesta l-argumenti kollha tal-Land ta' Thuringe f'dak li jirrigwarda l-benefiċċji kkostitwiti mill-interessi ta' 21.3 miljun DEM.

292   Hija tosserva, qabel xejn, li hija kienet imġielgħa tieħu deċiżjoni fid-dawl ta' l-informazzjoni li ġiet mogħtija lilha mill-awtoritajiet Ġermaniżi, jiġifieri li d-diversi ħlasijiet issarrfu f'benefiċċji bħala interessi tal-valur ta' mill-inqas 21.3 miljun DEM għall-perjodu li jmur mit-tmiem ta' l-1993 sa l-1998. Hija tikkunsidra, barra minn hekk, li l-kumment tal-Land ta' Thuringe li jirrigwarda l-interessi li għandhom jitħallsu minħabba l-ordni ta' rkupru huwa żbaljat, peress li l-ammont ta' 21.3 miljun DEM jirrapreżenta biss il-benefiċċji fir-rigward ta' interessi li ġew mogħtija lill-impriża u li jirrappreżenta, għalhekk, għajnuna. Skond hi, għanda ssir distinzjoni bejn l-interessi li għandhom jitħallsu lura sa mid-data tal-ħlas ta' l-għajnuna li, skond l-Artikolu 2(2), tad-deċiżjoni kkontestata, huma kkalkolati fuq il-bażi tar-rati ta' referenza kif japplika għall-kalkolu ta' l-ekwivalent-sussidju ta' l-għajnuna intiża għar-reġjun.

293   Barra minn dan, hija tikkontesta l-allegazzjoni tal-Land ta' Thuringe li tgħid li hija stabbiliet għal somma ta' ħlas f'daqqa ta' 21.3 miljun DEM l-allegati benefiċċji f'termini ta' interessi, mingħajr ma kkunsidrat il-fatt li l-ħlasijiet kienu ta' benefiċċju għal diversi impriżi u lanqas tal-fatt li dan il-benefiċċju kien diġa, f'parti minnhu, ikkunsidrat fil-kalkolu ta' ċerti ammonti. Hija tfakkar fil-fatt li għall-kalkolu ta' l-ammont ta' l-għajnuna finanzjarja mogħtija ġewwa grupp ta' impriżi huwa determinanti biss id-destinatarju oġġettiv u mhux id-destinatarju finali ta' l-għajnuna, jiġifieri, fil-każ in eżami, l-impriża komuni u l-werrieta tagħha. Barra minn dan, il-Kummissjoni tenfasizza li l-ammont totali ta' benefiċċji taħt forma ta' interessi li jidher fid-deċiżjoni kkontestata ma jserraħx fuq kalkoli żbaljati iżda, hekk kif jirriżulta mill-premessa 40 tad-deċiżjoni kkontestata, fuq l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Ġermaniżi.

294   Fl-aħħar nett, hija tikkuntesta li kienet kisret l-obbligu ta' motivazzjoni f'dak li jirrigwarda l-benefiċċji mogħtija taħt forma ta' interessi. Hija, fil-fatt, tosserva li, fin-nuqqas ta' informazzjoni ċara min-naħa ta' l-awtoritajiet Ġermaniżi, hija kienet obbligata li toqgħod fuq l-ammont ta' 21.3 miljun DEM li, kif jirriżulta mill-premessa 40 tad-deċiżjoni kkontestata, kien issemma mill-awtoritajiet Ġermaniżi bħala li jikkostitwixxi t-total ta' benefiċċji f'termini ta' interessi li minnhom kienu ħadu gawdew l-impriża komuni u l-werrieta tagħha. Barra minn dan, hija tosserva li dan il-benefiċċju ġie evalwat fid-dawl tal-linji gwida dwar l-għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni u li, f'dak l-ambitu, ġie kkunsidrat bħala għajnuna illegali għar-ristrutturazzjoni. Fl-aħħar nett, dwar l-allegazzjoni tal-Land ta' Thuringe li hija ma indikatx safejn dan ġie kkunsidrat, fil-konstatazzjoni ta' l-ammont totali tal-benefiċċji f'termini ta' interessi, il-fatt li żewġ krediti servew għall-ħlas lura ta' interessi li akkumulaw fuq il-krediti, hija ssostni li, meta wieħed jikkunsidra l-informazzjoni li kellha, hija ma seta' jkollha l-ebda għażla oħra ħlief li tikkonkludi li kien self li kellu jiġi kkunsidrat bħala għajnuna illegali għar-ristrutturazzjoni ta' impriża f'diffikultà.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

295   Hemm lok li jiġi kkonstatat li, fir-risposta għall-mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Prim'Istanza, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja enfasizzat li d-dipartimenti tagħha ma bagħtux lill-Kummissjoni indikazzjonijiet li minnhom jirriżulta li l-benefiċċji f'termini ta' interessi mogħtija fil-kuntest ta' proġett tal-fabbrika tas-CDs f'Albrechts kienu jammontaw almenu għall-21.3 miljun DEM għall-perjodu li jmur mill-1993 sa l-1998. Hija, barra minn dan, ossevat li din iċ-ċifra tikkontradixxii l-ammont ta' interessi li huwa indikat fl-ittra tal-Gvern Ġermaniż tas-17 ta' April 1997, jiġifieri 14.9 miljun DEM.

296   Dwar il-Kummissjoni, hija kkonfermat, fir-risposta tagħha għall-mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Prim'Istanza, li hija ma kinitx kapaċi tipprova li hija rċeviet mingħand l-awtoritajiet Ġermaniżi l-indikazzjoni li tgħid li l-għajnuna in kwistjoni kienet tammonta għall-21.3 miljun DEM.

297   F'dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni għamlet żball ta' fatt meta kkunsidrat, fil-premessa 40 tad-deċiżjoni kkontestata li, "fuq l-indikazzjonijiet ta' l-awtoritajiet Ġermaniżi, dawn l-għotjiet issarrfu f'benefiċċji f'terminu ta' interessi, li jirrappreżentaw almenu 21.3 miljun DEM mit-tmiem ta' l-1993 sa l-1998".

298   Fid-dawl ta' dak li ntqal iktar 'il fuq, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġu eżaminati l-ilmenti l-oħra mressqa f'dan ir-rigward, hemm lok li jiġi annullat l-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni kkontestata, fejn jinkludi l-ammont ta' 21.3 miljun DEM mall-benefiċċji f'termini ta' interessi mogħtija fil-kuntest tar-ristrutturazzjoni tal-fabbrika tas-CDs f'Albrechts.

III –  Fuq il-motivi dwar il-legalità ta' l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata

A –  Osservazzjonijiet preliminari

299   Il-Land ta' Thuringe, sostnut mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, isostni li, safejn, fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ordnat l-irkupru ta' l-għajnuna mingħand LCA, CDA u mingħand "l-impriżi kollha li lilhom l-attiv u/jew l-infrastruttura ta' [PBK], [ta' l-impriża komuni] jew [ta' PA] ġew jew għad iridu jiġu trasferiti", din id-dispożizzjoni hija illegali minħabba l-fatt li l-ordni ta' rkupru li tidher fiha hija bbażata fuq diversi żbalji fil-konstatazzjonijiet tal-fatti, tmur kontra l-Artikolu 87(1), KE, u l-Artikolu 88(2), KE, tikser l-obbligu ta' motivazzjoni u l-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża u, fl-aħħar nett, tikser il-prinċipju taċ-ċertezza ġuridika u tal-proporzjonalità.

300   Il-Qorti tal-Prim'Istanza ser teżamina, qabel xejn, l-argument tal-Land ta' Thuringe li jgħid li l-ordni ta' rkupru prevista fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 87(1), KE, u l-Artikolu 88(2), KE.

B –  Fuq il-ksur ta' l-Artikolu 87(1), KE, u ta' l-Artikolu 88(2), KE.

1.     L-argumenti tal-partijiet

301   Bħala sostenn għall-motiv tiegħu bbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 87(1), KE, u ta' l-Artikolu 88(2), KE, il-Land ta' Thuringe jsostni, sostanzjalment, li l-Kummissjoni ma tistax teżiġi mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li din tirkupra għajnuna mingħand impriżi li ma ħadux benefiċċju mill-għajnuna in kwistjoni. Huwa josserva li, l-ewwel nett, l-għajnuna ġiet miżapproprjata, fil-parti l-kbira tagħha, favur l-impriżi tal-grupp Pilz, li, it-tieni nett, kif ikkonstatat il-Kummissjoni fil-premessa 103 tad-deċiżjoni kkontestata, MTDA, li wara saret CDA, ma ħaditx benefiċċju mill-għajnuna fil-kuntest tax-xiri ta' l-attiv ta' CD Albrechts, li wara saret LCA, peress li hija ħallset prezz konformi mas-suq, u li, it-tielet nett, parti mill-għajnuna ġiet imħallsa direttament lill-grupp Pilz.

302   Barra minn dan, huwa jsostni li l-Kummissjoni ma tistax teżiġi l-irkupru ta' għajnuna mingħand terzi billi tillimita ruħha li tallega sitwazzjoni ta' riskju li tiġi evitata l-irkupru. Huwa josserva, qabel kollox, li l-Kummissjoni ma tistax timponi ordni ta' rkupru fuq terz mingħajr ma turi li dan ta' l-aħħar kien ħa benefiċċju mill-għajnuna. Barra minn dan, huwa jqis li l-kriterji oġġettivi li hija tuża sabiex issostni l-eżistenza ta' sitwazzjoni ta' riskju li jiġi evitat l-irkupru – is-suġġett tat-trasferiment, il-preżż tax-xiri, l-identità tas-soċji jew tad-detenturi tal-kapital ta' l-impriża l-qadima u tax-xerrej, id-data ta' meta seħħ it-trasferiment u n-natura ta' dan –, li jissemew fil-premessa 118 tad-deċiżjoni kkontestata, mhumiex sodisfaċenti fil-każ in eżami.

303   Il-Kummissjoni, sostnuta minn ODS, tikkontesta l-argumenti kollha tal-Land ta' Thuringe intiżi li juru li hija kisret l-Artikolu 87(1), KE u l-Artikolu 88(2), KE, meta eżiġiet mingħand ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li hija titlob il-ħlas lura ta' l-għajnuna lil-LCA, lis-CDA u lill-impriżi kollha li lilhom l-attiv jew l-infrastruttura ta' l-impriża komuni ġie jew għad irid jiġi trasferit sabiex jevitaw l-osservanza tad-deċiżjoni kkontestata.

304   Hija tagħmel osservazzjonijiet, qabel kollox, f'termini ġenerali fuq l-opinjoni tagħha dwar id-determinazzjoni tas-suġġetti li għandhom iħallsu lura l-għajnuna fil-każ ta' ċessjoni ta' l-ishma tal-kumpannija benefiċjarja jew ta' l-attiv ta' din ta' l-aħħar. F'dan ir-rigward hija tibda billi tosserva li l-kwistjoni ma tippreżentax problemi partikolari fil-każ ta' ċessjoni ta' l-ishma, peress li l-kumpannija benefiċjarja tkompli teżisti u hija biss il-proprjetà tagħha li tinbidel. Skond hi, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, f'din l-ipoteżi, l-obbligu ta' ħlas lura jibqa' fuq it-tmexxija tal-kumpannija li tkun irċeviet l-għajnuna jew tal-werrieta tagħha, indipendentement mit-tibdiliet li jkunu seħħu fl-istruttura tal-proprjetà u ta' l-eventwali kunsiderazzjoni ta' l-obbligu ta' rkupru fid-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-bejgħ. Hija, fil-fatt, tosserva li, fit-tkomplija ta' l-eżerċizzju ta' l-attività ssussidjata, din il-kumpannija tkompli tgawdi mill-għajnuna, u b'hekk ittawwal id-distorsjoni tal-kompetizzjoni. Wara dan, hija tqis li lanqas m'għandu jkun hemm diffikultajiet fil-każ fejn l-attiv tal-kumpannija benefiċjarja jkun ittrasferit lill-impriżi ta' l-istess grupp. Hija tosserva fil-fatt li, f'tali każ, flimkien mall-kumpannija benefiċjarja, huma jkunu obbligati li jroddu lura l-għajnuna dawk l-impriżi tal-grupp li, bit-trasferiment ta' dan l-attiv, setgħu jgawdu mill-effetti favorevoli li jirriżultaw mill-għajnuna, u minn dan jieħdu benefiċċju ekonomiku. Min-naħa l-oħra, f'dak li jirrigwarda l-bejgħ lill-impriżi terzi ta' attiv tal-kumpannija benefiċjarja, il-Kummissjoni tagħmel distinzjoni skond jekk dawn il-beni nbigħux separatament jew "kollha f'daqqa". Skond hi, meta l-beni jinbigħu separatament, bil-prezz tas-suq, ix-xerrejja mhumiex marbutin iħallsu lura l-għajnuna, peress li, wara l-bejgħ separat ta' l-attiv, l-attività ssussidjata ma tibqax teżisti, l-għajnuna mogħtija qabel il-bejgħ ma tibqax, minħabba f'hekk, iktar ta' żvantaġġ għall-kompetituri tal-kumpannija benefiċjarja. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tikkunsidra li s-sitwazzjoni tippreżenta ruħha b'mod differenti meta l-attiv jinbiegħ "kollu f'daqqa" b'tali mod li jippermetti lix-xerrej li jkompli l-attività tal-kumpannija benefiċjarja. Fil-fatt, skond il-Kummissjoni, f'din l-ipoteżi, it-tkomplija ta' l-attività ssussidjata tista' ttawwal id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, b'tali mod li tkun meħtieġa viġilanza partikolari sabiex jiġi evitat li l-bejgħ tal-beni tal-kumpannija benefiċjarja jkun jista' jagħti lok għar-riskju sostanzjali li jiġi evitat l-obbligu ta' ħlas lura permezz tat-tpoġġija "għall-kenn" tal-beni mibjugħa. Hija ssostni li tali riskju jista' jiġi eskluż biss meta, barra minn meta jseħħ bil-prezz tas-suq, il-bejgħ "kollu f'daqqa" tal-kumpannija benefiċjarja jseħħ fil-kuntest ta' proċedura mingħajr kundizzjonijiet u miftuħa għall-kompetituri kollha ta' din il-kumpannija.

305   Fid-dawl ta' dawn il-prinċipji, il-Kummissjoni tqis li hija kellha d-dritt teżiġi l-irkupru ta' l-għajnuna mingħand LCA u CDA, għaliex:

–       CDA kompliet l-attivitajiet ekonomiċi tal-benefiċjarju inizjali ta' l-għajnuna billi użat il-mezzi ta' produzzjoni "mniġġsa" li hija ħadet ġewwa l-grupp ta' impriżi affiljati taħt il-kontroll tat-TIB;

–       CDA u LCA baqgħu jgawdu mill-għajnuna illegali li nagħtat lill-impriża komuni – kif ukoll lill-werrieta tagħha –, safejn id-distorsjoni tal-kompetzzjoni ikkawżata mill-għoti ta' din l-għajnuna kompliet tipproduċi l-effetti tagħha għal CDA u LCA;

–       Il-prezz tax-xiri bl-ammont totali ta' 35.3 miljun DEM, mogħti fil-forma ta' xiri tal-passiv (premessa 102 tad-deċiżjoni kkontestata), f'kull każ baqgħa f'wieħed u l-istess grupp ta' impriżi minħabba l-kontroll li t-TIB teżerċita fl-istess ħin fuq CDA u fuq LCA;

–       fil-każ ta' grupp ta' impriżi integrati ekonomikament, il-prezz tax-xiri jiġi kkunsidrat li jkun kontra l-obbligu impost fuqu li jevita r-riskju li jiġu evitati d-deċiżjonijiet tagħha u ta' l-obbligu li għandhom l-Istati Membri li jishru sabiex jigu rrispettati d-dispożizzjonijiet tad-deċiżjonijiet tagħha.

306   Fl-aħħar lok, il-Kummissjoni tosserva li l-Land ta' Thuringe kien żbaljat meta sostna li hija ma setgħetx teżiġi mingħand CDA u LCA l-irkupru ta' l-għajnuna li tħallset direttament jew li ġiet miżapproprjata favur il-grupp Pilz. Hija tosserva, fil-fatt, li din l-għajnuna daħlet fil-kamp ta' l-attivitajiet ta' l-impriża komuni u tal-werrieta tagħha, anki jekk, wara dan, din ġiet immedjatament imqassma sabiex tkun ta' benefiċċju għall-kumpanniji l-oħra tal-grupp Pilz. Skond il-Kummissjoni, mhuwiex importanti wisq li din l-għajnuna ma kinitx realment ta' benefiċċju għall-impriża komuni. Hija, fil-fatt, tosserva li, fis-sentenza ta' l-20 ta' Marzu 1997, Alcan Deutschland (C-24/95, Ġabra p. I-1591), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-oġġezzjoni bbażata fuq l-għajbien ta' l-arrikkiment ma jikkostitwixxix raġuni valida sabiex wieħed jopponi ruħu għall-irkupru ta' l-għajnuna. Hija tqis li r-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja jista' jiġi traspost għal każ bħal dak in eżami, fejn il-mekkaniżmi tat-trasferiment ta' attiv fi ħdan grupp ta' imprizi għandu bejn wieħed u ieħor bħala għan l-għajbien ta' l-arrikkiment għall-benefiċjarju inizjali ta' l-għajnuna. Skond hi, f'tali każ, huwa eskluż li tiġi kkunsidrata l-oġġezzjoni ta' l-għajbien ta' l-arrikkiment u jiġi attribwit, kontra ta' dan, il-benefiċċju illegali lill-impriżi tal-grupp li kienu oriġinarjament irċevew l-għajnuna li tagħha huma kienu destinatarji. Bl-istess mod, hija tqis li t-TIB u l-impriżi affiljati lanqas ma jistgħu jqajmu din l-oġġezzjoni, peress li l-miżapproprjazzjoni ta' l-għajnuna mill-grupp Pilz huwa ukoll imputabbli lill-impriża komuni u lill-werrieta tagħha.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

307   Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li, skond id-dritt komunitarju, meta l-Kummissjoni tikkonstata li għajnuna tkun inkompatibbli mas-suq komuni, hija tista' tordna lill-Istat Membru li jirkupra din l-għajnuna mingħand il-benefiċjarji (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-12 ta' Lulju 1973, il-Kummissjoni vs il-Ġermanja, 70/72, Ġabra p.813, punti 13 u 20, u s-sentenza l-Ġermanja vs il-Kummissjoni, punt 176 iktar 'il fuq, punt 73).

308   Is-soppressjoni ta' għajnuna illegali permezz ta' rkupru hija l-konsegwenza loġika tal-konstatazzjoni ta' l-illegalita' tagħha u hija intiża sabiex terġa tistabbilixxi s-sitważżjoni anteċedenti (sentenza l-Ġermanja vs il-Kummissjoni, punt 176 iktar 'il fuq, punt 74).

309   Dan l-obbjettiv jintlaħaq malli l-għajnuna in kwistjoni, miżjuda jekk ikun hemm bżonn bl-interessi għad-dewmien fil-ħlas, tkun imħallsa lura mill-benefiċjarju jew, fi-kliem ieħor, mill-impriżi li effettivament gawdew minnha (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Marzu 1991, l-Italja vs il-Kummissjoni, C-303/88, Ġabra p. I-1433, punti 57 u 60). B'din ir-restituzzjoni, il-benefiċjarju jitlef fil-fatt il-benefiċċju li kien gawda fis-suq fir-rigward tal-kompetituri tiegħu u s-sitwazzjoni anterjuri għall-ħlas ta' l-għajnuna tiġi ristabbilita (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-4 ta' April 1995, il-Kummissjoni vs l-Italja, C-350/93, Ġabra p. I-699, punt 22).

310   Minn dan isegwi li l-obbjettiv prinċipali intiż mill-ħlas lura ta' għajnuna mill-Istat mgħotija illegalment huwa li jelimina d-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżat mill-benefiċċu miksub bl-għajnuna illegali (sentenza l-Ġermanja vs il-Kummissjoni, punt 176 iktar 'il fuq, punt 76).

311   Huwa fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet generali li għanda tiġi eżaminata l-legalità ta' l-ordni ta' rkupru li tidher fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata.

312   F'dan ir-rigward, għanda tiġi eżaminata separatament il-legalità ta' din l-ordni fejn jeżiġi l-irkupru ta' l-għajnuna mingħand LCA, min-naħa, u mingħand CDA, min-naħa l-oħra. Fil-fatt, huwa kostanti li, bil-kontra ta' LCA, li għanda tiġi kkunsidrata bħala l-werrieta diretta ta' l-impriża komuni u ta' PA, dan mhuwiex il-każ ta' CDA. Fid-deċiżjoni kkontestata, l-estensjoni ta' l-ordni ta' rkupru għal din ta' l-aħħar hija, fil-fatt, ibbażata fuq l-eżistenza ta' sitwazzjoni ta' riskju li tiġi evitata l-ordni ta' rkupru.

313   F'dak li jirrigwarda l-irkupru ta' l-għajnuna mingħand LCA, il-Land ta' Thuringe jsostni li din l-ordni hija illegali, safejn din tinkludi għajnuna li ġiet imħallsa direttament lill-grupp Pilz, min-naħa, u ta' għajnuna li, għalkemm imħallsa lill-impriża komuni u lil PA, giet miżapproprjata favur dan il-grupp, min-naħa l-oħra.

314   F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mit-tabella li tidher fil-premessi 32 u 39 tad-deċiżjoni kkontestata, l-għajnuna deskritta fl-Artikolu 1 ta' din id-deċiżjoni tinkludi effettivament numru kunsiderevoli ta' għajnuniet li tħallsu direttament lill-grupp Pilz u lil PBK, impriżi ta' dan il-grupp. Dan hu l-każ b'mod partikolari ta' l-għajnuniet mogħtija lil-PBK fl-ambitu tal-garanzija tal-Land tal-Bavarja (LfA) li jammontaw għall-54.7 miljun DEM, l-għajnuniet mogħtija lil-PBK fl-ambitu tal-kanċellazzjoni tad-dejn li jammontaw għal 3 miljun DEM, l-għajnuniet mogħtija lil PBK fl-ambitu tal-prezz tax-xiri ta' l-ishma ta' PA li jammontaw għal 3 miljun DEM u l-għajnuniet mogħtija lill-grupp Pilz fl-ambitu tal-kreditu ta' 15-il miljun DEM.

315   Dwar l-ewwel żewġ għajnuniet, huwa kostanti li, għalkemm tħallsu direttament lil PBK, dawn l-għajnuniet kienu ddestinati għall-finanzjament tal-bini tal-fabbrika tas-CDs f'Albrechts, b'tali mod li, bl-eċċezzjoni tal-miżapproprjazzjoni ta' dawn il-miżuri favur l-impriżi l-oħra tal-grupp Pilz u tal-ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni dwar il-kanċellazzjoni tad-dejn ta' 3 miljun DEM, il-Kummissjoni kellha, bħala prinċipju, id-dritt li tordna l-irkupru mingħand LCA (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta' Lulju 2003, il-Belġju vs il-Kummissjoni, C-457/00, Ġabra p. I-6931, punti 55 sa 62).

316   Dwar il-prezz tax-xiri ta' 3 miljun DEM u għall-kreditu ta' 15 il-miljun DEM, għandu jiġi kkonstatat li, kif diġa ġie deċiż fil-punti 218 u 260 iktar 'il fuq, din l-għajnuna tħallset direttament lill-grupp Pilz u ma kinitx iddestinata għar-ristrutturazzjoni ta' l-impriża komuni u ta' PA. Huwa għalhekk eskluż li dawn ta' l-aħħar jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li kellhom it-tgawdija effettiva ta' din l-għajnuna. Kif diġa ġie deċiż fil-punt 261 iktar 'il fuq, din il-konklużjoni mhijiex effettwata bil-fatt li, hekk kif ikkonstatat il-Kummissjoni fil-premessa 37 tad-deċiżjoni kkontestata, il-kreditu ta' 15-il miljun DEM kellu jservi għas-sostenn tal-grupp Pilz fl-istennija ta' xerrej għal PA. Fil-fatt, barra mill-fatt li l-Kummissjoni ma pprovdiet l-ebda element ta' prova li ssostni din l-affermazzjoni, ma ġiex stabbilit li PA effettivament gawdiet minn din l-għajnuna.

317   Konsegwentement, safejn hija tordna, mil-LCD, l-irkupru ta' l-għajnuna deskritta fl-Artikolu 1, li fih hemm inkluża l-għajnuna mogħtija lil PBK fl-ambitu tal-prezz tax-xiri ta' 3 miljun DEM, l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata mhuwiex konformi mal-prinċipji li jirregolaw l-irkupru ta' l-għajnuna illegali mill-Istat.

318   Għandu, wara dan, jiġi eżaminat l-argument tal-Land ta' Thuringe li jgħid li l-ordni ta' rkupru hija illegali safejn tikkonċerna għajnuna li, għalkemm iddestinata għal impriża komuni u għal PA, ġiet miżapproprjata favur impriżi tal-grupp Pilz.

319   F'dan ir-rigward, hemm lok li jiġi osservat li d-deċiżjoni kkontestata fiha numru kbir ta' konstatazzjonijiet dwar il-miżapproprjażżjoni, favur il-grupp Pilz, ta' l-għajnuna deskritta fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata. Ukoll, jirriżulta b'mod partikolari mill-premessi 27, 33, 38 u 63 sa 75 tad-deċiżjoni kkontestata li parti kbira mill-għajnuna mogħtija għall-bini, il-konsolidazzjoni u r-ristrutturazzjoni tal-fabbrika tas-CDs f'Albrechts ġiet miżapproprjata favur l-impriżi ta' dan il-grupp. Jirriżulta ukoll minn dawn il-konstatazzjonijiet li l-miżapproprjażżjoni ta' l-għajnuna seħħet permezz tal-fatturazzjoni żejda tas-servizzi mogħtija fil-kuntest tal-bini tal-fabbrika, permezz tas-sistema ta' ġestjoni ċentralizzata tal-fondi li kienet teżisti fi ħdan il-grupp Pilz kif ukoll bin-nuqqas ta' ħlas ta' prodotti li ġew kunsinnati u ta' servizzi li kienu ngħataw mill-impriża komuni u minn PA favur il-grupp Pilz.

320   Bl-istess mod, għandu jiġi kkonstatat li l-att ta' akkuża tal-prokuratur pubbliku tal-Landgericht Mühlhausen, li ġie ppreżentat mill-awtoritajiet Ġermaniżi fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, fiħ numru ta' elementi li jippermettu li tiġi determinata, almenu b'mod approssimattiv, il-medda tal-miżapproprjazzjoni ta' għajnuna favur il-grupp Pilz. Kontra dak li ssostni l-Kummissjoni, il-fatt biss li dan l-att jirrigwarda mġieba illegali li twettqet fil-kuntest ta' l-għoti ta' sussidji u konċessjonijiet għall-investiment tal-Land ta' Thuringe, ma jippermettix, bħala tali, li jiġi konkluż li l-elementi li jinstabu fiħ mhumiex rilevanti għall-evalwazzjonijiet li l-Kummissjoni hija marbuta li tagħmel. Fil-fatt, dan l-att fiħ, b'mod partikolari fid-deskrizzjoni tad-diversi mekkaniżmi użati fil-kuntest tal-frodi u ta' l-evalwazzjoni tal-valur ta' l-investimenti li ġew realizzati, indikazzjonijiet preċiżi u utli għall-evalwazzjoni tal-medda tal-miżapproprjazzjoni.

321   F'dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, almenu meta adottat id-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kellha numru ta' indizji validi u konkordanti li minnhom kien jirriżulta li l-impriża komuni u PA ma kellhomx it-tgawdija effettiva tal-parti l-kbira ta' l-għajnuna ddestinata għall-bini, il-konsolidament u r-ristrutturazzjoni tal-fabbrika tas-CDs f'Albrechts. Barra minn dan, dawn l-indizji kienu jippermettu li tiġi ddeterminata, almenu b'mod approssimattiv, il-medda tal-miżapproprjazzjoni.

322   Huwa minnu li, kif tafferma l-Kummissjoni, ma jirriżultax mid-dokumenti tal-proċess li l-awtoritajiet Ġermaniżi kienu pprovdew indikazzjonijiet preċiżi dwar il-parti ta' l-għajnuna li ġiet miżapproprjata favur il-grupp Pilz.

323   Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm kellha l-mezzi neċessarji sabiex tagħmel dan (ara, f'dan is-sens, is-sentenza l-Ġermanja u Pleuger Worthington vs il-Kummissjoni, punt 71 iktar 'il fuq, punt 29), minn l-ebda dokument tal-proċess ma jirriżulta li hija talbet lill-awtoritajiet Ġermaniżi sabiex jipprovdulha indikazzjonijiet preċiżi fuq dan il-punt. Iżda, kif jirriżulta mid-deċiżjoni ta' ftuħ tal-proċedura, hija kienet taf, almenu wara l-1997, bil-miżapproprjazzjoni tal-parti l-kbira ta' l-għajnuna. Għaldaqstant, hija ma tistax tallega li, fid-dawl ta' l-informzzjoni li kellha meta adottat id-deċiżjoni kkontestata, hija kellha d-dritt li teżiġi l-irkupru mingħand LCA ta' l-għajnuna deskritta fl-Artikolu 1, f'dak li jirrigwarda dik li hija kienet taf jew li ma setgħetx ma tkunx taf li din ma kinitx ta' benefiċċju għall-impriża komuni u għal PA.

324   Bl-istess mod, hemm lok li jiġi miċhud l-argument tal-Kummissjoni li l-firxa ta' l-ordni ta' rkupru li tidher fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata hija ġustifikata minħabba l-appartenenza ta' l-impriża komuni u tas-suċċessuri tagħha fi grupp ta' impriżi affiljati li fi ħdanu kien jeżistu mekkaniżmi interni ta' trasferiment ta' attiv. Fil-fatt, barra mill-fatt li l-impriża komuni għamlet parti mill-grupp Pilz biss fil-perjodu li jmur minn ottubru 1992 sat-tmiem ta' Diċembru 1993, jirriżulta b'mod ċar mill-konstatazzjonijiet riprodotti fid-deċiżjoni kkontestata li, fil-każ in eżami, il-mekkaniżmi ta' trasferiment li kienu jeżistu fi ħdan dan il-grupp intużaw biss għad-detriment ta' din l-impriża u mhux għal ġid tagħha. Għalhekk ma jistax jigi allegat li, minħabba l-appartenenza tagħha f'dan il-grupp, l-impriża komuni kella t-tgawdija effettiva ta' l-għajnuna li tagħha hija ma kinitx il-benefiċjarja.

325   Għaldaqstant, safejn hija tordna, mingħand LCA, l-irkupru ta' l-għajnuna deskritta fl-Artikolu 1, u tinkludi magħha dak li ġie stabbilit li din l-impriża ma ħaditx benefiċċju effettiv minnha, l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata mhuwiex konfromi mall-prinċipji li jirregolaw l-irkupru ta' l-għajnuna illegali mill-Istat.

326   Wara dan, safejn l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata jordna l-irkupru ta' l-għajnuna deskritta fl-Artikolu 1 ta' l-imsemmija deċiżjoni mingħand CDA, jirriżulta minn din id-deċiżjoni li l-Kummissjoni, essenzjalment, ibbażat il-kunsiderazzjonijiet tagħha fuq l-eżistenza ta' rieda li jiġu evitati l-konsegwenzi ta' din id-deċiżjoni, li, skond il-Kummissjoni, jirriżulta oġġettivament mill-fatt li CDA gawdiet minn għajnuna li kienet ingħatat preċedentement lil PBK, lill-impriża komuni, lil PA u li CD Albrechts, safejn hija tuża l-attiv ta' dawn l-impriżi u tkompli, minn barra dan, l-attivitajiet tagħhom.

327   Dan l-argument ma jistax ikun milqugħ.

328   Huwa minnu li, kif wara kollox jirriżulta mill-iskambju ta' korrispondenza bejn l-awtoritajiet Ġermaniżi u l-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, it-trasferiment ta' parti mill-attiv ta' LCA lil CDA kellu bħala għan li jsalva din il-parti ta' l-operat ta' LCA sabiex jassiguralha l-possibbiltà ta' żvilupp mħarsa mill-inċertezzi ġuridiċi u ekonomiċi li kienu jheddu l-għejxien ta' LCA. Bl-istess mod, diversi elementi li tressqu mill-Kummissjoni u ODS fil-kuntest ta' din il-kawża jippermettu li jiġi konkluż li, wara t-trasferiment ta' l-attiv, CDA effettivament kompliet l-attivitajiet ta' l-impriża komuni, ta' PA u ta' CD Albrechts.

329   Madankollu, dan l-element ma jippermettix, bħala tali, li tiġi ppruvata l-eżistenza ta' rieda ta' raġġiri ta' l-effetti ta' l-ordni ta' rkupru fil-każ in eżami.

330   Din il-konklużjoni timponi ruħha iktar u iktar meta, kif ġie kkonstatat fil-premessa 103 tad-deċiżjoni kkontestata, CDA ħallset prezz tax-xiri konformi mas-suq għat-teħid lura ta' l-attiv ta' LCA, b'tali mod li din l-operazzjoni ma timplikax li CDA ħadet it-tgawdija effettiva tal-benefiċċju ta' kompetizzjoni marbut mal-benefiċju ta' l-għajnuna mogħtija lil LCA (ara, f'dan is-sens, is-sentenza l-Ġermanja vs il-Kummissjoni, punt 176 iktar 'il fuq, punt 92).

331   F'dan il-każ ipotetiku, wieħed ma jistax jikkunsidra li, kif issostni l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, wara x-xiri lura ta' l-attiv minn CDA, LCA baqgħet bħall "qoxra vojta li fir-rispett tagħha ma kienx possibbli li jintalab il-ħlas lura ta' l-għajnuna illegali".

332   Fil-fatt, fir-rigward tal-fatt li, f'dan il-każ, LCA kienet tinstab fi proċess ta' stralċ wara l-ftuħ ta' proċedura ta' falliment f'Ottubru 2000, hemm lok li jiġi mfakkar li mill-ġurisprudenza dwar impriżi li ħadu benefiċċju minn għajnuna u li fallew jirriżulta li r-ristabbiliment tas-sitwazzjoni anterjuri u l-eliminazzjoni tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta mill-għajnuna mħallsa illegalment jistgħu, bħala prinċipju, jintlaħqu permezz ta' dħul fil-passiv ta' l-impriża li tkun tpoġġiet għall-istralċ ta' obbligu dwar il-ħlas lura ta' l-għajnuna kkonċernata. Fil-fatt, skond din il-ġurisprudenza, tali dħul ikun biżżejjed sabiex jassigura l-eżekuzzjoni ta' deċiżjoni li tordna l-irkupru ta' għajnuna mill-Istat li tkun inkompatibbli mas suq komuni (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Jannar 1986, il-Kummissjoni vs il-Belġju, 52/84, Ġabra p. 89, punt 14, u tal-21 ta' Marzu 1990 il-Belġju vs il-Kummissjoni, C-142/87, Ġabra p. I-959, punti 60 u 62).

333   Wara dan, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja affermat, mingħajr ma ġiet ikkuntestata mill-Kummissjoni, li, min-naħa, kienet biss parti mill-attiv li nbiegħet lil CDA, jiġifieri attiv fiss, attiv kurrenti, attiv li jista' jiġi likwidat malajr, l-għarfien tekniku u d-distribuzzjoni u li, min-naħa l-oħra, dan il-metodu ta' kif wieħed jipproċedi ppermetta li tinkiseb somma iktar għolja minn dik li kienet tinkiseb kieku l-attiv in kwistjoni nbiegħ separatament.

334   Din il-konklużjoni mhijiex effettwata mill-fatt li l-prezz tax-xiri tħallas fil-forma ta' xiri tal-passiv. Għandu, fil-fatt, jiġi osservat li din il-forma ta' ħlas ma kelliex effetti negattivi fuq is-sitwazzjoni tal-kredituri, peress li t-tnaqqis ta' l-attiv tal-kumpannija ġie kkumpensat bi tnaqqis ekwivalenti tal-passiv tagħha.

335   Ir-referenza mill-Kummissjoni fil-premessa 118 tad-deċiżjoni kkontestata ma tippermettix li tiġi mdgħajfa din l-analiżi. Għandu, fil-fatt, jiġi kkonstatat li, f'din il-premessa, il-Kummissjoni tesponi, b'mod ġeneriku u illustrattiv, il-kriterji li hija tapplika sabiex tiddetermina jekk operazzjoni speċifika taħbix sitwazzjoni ta' riskju li tiġi evitata l-ordni ta' rkupru. Min-naħa l-oħra, din is-silta ma fiha l-ebda applikazzjoni ta' dawn il-kriterji għal dan il-każ.

336   Għaldaqstant, hemm lok li jiġi konkluż li, fid-dawl biss tal-konstatazzjonijiet tal-fatti riprodotti fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma tistax tikkonkludi l-eżistenza ta' rieda li jiġu evitati l-effetti ta' l-ordni ta' rkupru fil-każ in eżami.

337   Fir-rigward ta' l-elementi l-oħra ta' fatt li ġew ippreżentati mill-Kummissjoni fil-kuntest ta' l-osservazzjonijiet bill-miktub tagħha u waqt is-seduta, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dawn ma jidhru mkien fid-deċiżjoni kkontestata u li, għalhekk, ma jistgħux jiġu invokati sabiex jiġġustifikaw l-estensjoni ta' l-ordni ta' rkupru għal CDA.

338   Għandu jintqal ukoll li l-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li dawn id-diversi elementi xorta waħda ma jippermettux li tintwera l-eżistenza ta' sitwazzjoni ta' riskju li tiġi evitata l-ordni ta' rkupru fil-każ in eżami.

339   Minn barra dan, il-Kummissjoni kienet żbaljata meta sostniet li, fil-każ in eżami, ix-xiri ta' l-attiv seħħ fi ħdan il-grupp TIB, jiġifieri grupp ta' impriżi affiljati. Għandu, fil-fatt, jiġi osservat li, barra mill-fatt li l-eżistenza ta' allegat grupp TIB mhijiex ikkonstatata fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma ġġib l-ebda element ta' prova sabiex turi li LCA u CDA kienu jagħmlu parti minn tali grupp ta' impriżi u iktar minn hekk li dawn l-impriżi kienu marbuta permezz ta' mekkaniżmi interni ta' trasferiment ta' l-attiv. Jirriżulta, kontrarjament, minn preċiżazzjonijiet ipprovduti f'dan ir-rigward mil-Land ta' Thuringe u minn CDA li t-TIB ġabet ruħha, konformement ma l-istatut tagħha, bħala kumpannija ta' parteċipazzjoni.

340   Wara dan, hemm lok li tiġi miċħuda l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li x-xiri ta' l-attiv minn CDA ma jikkorrispondix mal-loġika ekonomika. Għandu, fil-fatt, jiġi kkonstatat li, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, l-awtoritajiet Ġermaniżi enfasizzaw għal diversi drabi li x-xiri ta' parti mill-attiv ta' LCA minn CDA kien jissodisfa din il-loġika. Iżda, għalkemm "in-natura kummerċjali tat-trasferiment [ta' l-attiv]" jikkostitwixxi wieħed mill-aspetti li hija tikkunsidra sabiex tiddetermina l-eżistenza ta' riskju li tiġi evitata l-ordni ta' rkupru, il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata m'għamlet l-ebda kunsiderazzjoni ta' natura li ddgħajjef il-pożizzjoni ta' l-awtoritajiet Ġermaniżi.

341   Bl-istess mod, għandu jiġi enfasizzatt li l-fatt biss li LCA u CDA kienu mmexxija mill-istess persuna meta nxtara l-attiv f'Jannar 1998 u li, wara din l-operazzjoni, CDA ppreżentat ruħha, fis-suq, bħala s-suċċessur ta' l-impriża komuni u ta' PA, ma jippermettix li jiġi konkluż li x-xiri ta' l-attiv ta' LCA kellu bħala għan li jirraġġira l-ordni ta' rkupru li tidher fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata. Dawn l-elementi, fil-fatt, mhumiex biżżejjed sabiex juru li CDA ġabet ruħha bl-intenzjoni li tostakola t-twettieq tad-deċiżjoni kkontestata.

342   Fl-aħħar nett, hemm lok li tiġi miċħuda l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li x-xiri "kollu f'daqqa" ta' l-attiv ta' LCA ma sarx wara proċedura miftuħa u trasparenti u li ċerti kompetituri ta' LCA kienu b'hekk ġew imħollija barra mix-xiri ta' l-attiv li permezz tigħhu l-imsemmija kumpannija kienet teżerċita l-attivitajiet issussidjati. Fil-fatt, kemm id-deċiżjoni kkontestata kemm ċerti dokumenti tal-proċess u d-dikjarazzjonijiet li saru mil-Land ta' Thuringe u minn CDA, matul is-seduta tal-5 ta' Mejju 2004, kontrarjament, juru li x-xiri ta' l-attiv ta' LCA minn CDA ma sarx immedjatament, iżda qabel kien hemm tentattivi li fallew sabiex LCA kollha kemm hi tinbiegħ lil terzi, fosthom il-kumpannija prinċipali tal-parti intervenjenti, ODS (ara, f'dan is-sens, is-sentenza l-Ġermanja vs il-Kummissjoni, punt 176 iktar 'il fuq, punt 95).

343   Fir-rigward ta' dak li ntqal iktar il-fuq, hemm lok li jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma stabbilietx l-eżistenza ta' operazzjoni intiża biex jiġu evitati l-konsegwenzi tad-deċiżjoni kkontestata, biżżejjed sabiex toħloq obbligu fuq CDA li tħallas lura l-għajnuna illegali mogħtija lill-impriża komuni u lill-werrieta tagħha.

344   Konsegwentement, safejn hija tordna l-irkupru mingħand CDA u mingħand LCA ta' l-għajnuna mogħtija lil PBK, lill-impriza komuni, lil PA u lil CD Albrechts, id-deċiżjoni kkontestata mhijiex konformi mal-prinċipji li jirregolaw l-irkupru ta' l-għajnuna mill-Istat illegali.

345   Konklużjoni simili timponi ruħha fejn l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata jordna l-irkupru ta' l-għajnuna deskritta fl-Artikolu 1 mingħand "l-impriżi kollha li lilhom l-attiv u/jew l-infrastruttura ta' [PBK], [ta' l-impriża komuni] u [ta' PA] ġew jew għad iridu jiġu trasferiti b'tali mod li l-konsegwenzi ta' [l-imsemmija] deċiżjoni jiġu evitati". Ikun biżżejjed, fil-fatt, li jiġi kkonstatat li l-estensjoni ta' l-ordni ta' rkupru lil dawn l-impriżi jistrieħ fuq l-istess motivi bħal dawk ta' l-estensjoni ta' din l-ordni lil CDA.

346   Fid-dawl ta' dak kollu li ntqal iktar 'il fuq, għandu jiġi milqugħ dan l-argument.

347   Peress li, f'kull kaz, il-qorti tal-Prim'Istanza la tista' tisostitwixxi l-Kummissjoni u lanqas l-Istat Membru kkonċernat dwar id-determinazzjoni eżatta ta' l-għajnuna li għanda tiġi rkuprata minn dan ta' l-aħħar, l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata għandu, konsegwentement, jiġi annullat f'dak li jirrigwarda l-ordni ta' rkupru kollha fejn jirrigwarda l-impriżi deskritti fil-paragrafu 3 tagħha. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi annullat l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata fejn jordna l-irkupru ta' l-għajnuna deskritta fl-Artikolu 1 ta' l-imsemmija deċiżjoni mingħand il-kumpanniji CDA u LCA kif ukoll l-impriżi l-oħra kollha li lilhom l-attiv jew l-infrastruttura tal-kumpanniji PBK, ta' l-impriża komuni u ta' PA ġew jew għad iridu jiġu trasferiti b'tali mod li l-konsegwenzi ta' l-imsemmija deċiżjoni jiġu evitati.

348   F'dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra mressqa mil-Land ta' Thuringe.

 Dwar l-ispejjeż

349   Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, Il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż skond kif ġie mitlub mil-Land ta' Thuringe.

350   Skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 87(4) l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Konsegwentement, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għanda tbati l-ispejjeż tagħha.

351   Skond it-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 87(4) il-Qorti tal-Prim'Istanza tista' tordna li parti intervenjenti, barra minn dawk imsemmija fl-ewwel u t-tieni paragrafi ta' l-Artikolu 87(4), għandha tbati l-ispejjeż tagħha. Fil-każ in eżami, ODS għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (it-Tielet Awla Estiża)

taqta u tiddeċiedi :

1)      Id-deċiżjoni 2000/796/KE tal-Kummissjoni, tal-21 ta' Ġunju 2000, dwar l-għajnuna mill-Istat tal-Ġermanja favur CDA Compact Disc Albrechts GmbH (Thuringe) hija annullata safejn:

–       fl-Artikolu 1(1) tinkludi, fl-ambitu ta' l-għajnuna mogħtija lill-kumpanniji R.E. Pilz GmbH & Co Beteiligungs KG, Pilz & Robotron GmbH & Co. Beteiligungs KG u Pilz Albrechts GmbH intiża għall-bini, l-isfruttament u l-konsolidament tal-fabbrika tas-CDs f'Albrechts (Thuringe), ammont 54.7 miljun DEM fl-ambitu tal-garanzija tal-Land tal-Bavarja, ammont ta' 3 miljun DEM fl-ambitu tal-kanċellazzjoni tad-dejn, kif ukoll ammont ta' 63.45 miljun DEM u ammont ta' 19.42 miljun DEM fl-ambitu tas-sussidji u konċessjonijiet għall-investiment mogħtija mil-Land ta' Thuringe u mil-Land tal-Bavarja;

–       fl-Artikolu 1(2) hija tinkludi fl-ambitu ta' l-għajnuna mogħtija għall-finijiet tar-ristrutturazzjoni tal-kumpannija CDA Compact Disc Albrechts GmbH, ammont ta' 33 miljun DEM fl-ambitu tax-xiri tal-kapital awtorizzat ta' PA/CD Albrechts u ammont ta' 21.3 miljun DEM fl-ambitu ta' benefiċċji mogħtija taħt forma ta' interessi;

–       fl-Artikolu 1(2) hija tiddikjara li l-prezz tax-xiri ta' 3 miljun DEM u l-kreditu ta' 15-il miljun DEM mogħtija mil-LfA sarrfu f'għajnuna "intiża għar-ristrutturazzjoni tal-kumpannija CDA Compact Disk Albrechts GmbH";

–       fl-Artikolu 2, hija tordna l-irkupru ta' l-għajnuna deskritta fl-Artikolu 1 mingħand il-kumpanniji CDA Datenträger Albrechts GmbH u LCA Logistik Center Albrechts GmbH, kif ukoll l-impriżi l-oħra kollha li lilhom l-attiv u/jew l-infrastruttura tal-kumpanniji R. E. Pilz GmbH & Co. Beteiligungs KG, Pilz & Robotron GmbH & Co. Beteiligungs KG jew Pilz Albrechts GmbH ġew jew għad jiġu trasferiti b'tali mod li l-konsegwenzi ta' l-imsemmija deċiżjoni jiġu evitati.

2)      Ir-rikors huwa miċhud fil-kumplament tiegħu.

3)      Il-Kummissjoni għanda tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll l-ispejjeż tal-Land ta' Thuringe. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u ODS Optical Disc Service GmbH għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Azizi

García-Valdecasas

Cooke

Jaeger

 

       Dehousse

Mogħtija f'Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu

E. Coulon

 

      J. Azizi

Reġistratur

 

      President


Werrej


Il-kuntest ġuridiku

Fatti fl-oriġini tal-kawża

A –  Il-kuntest generali

1.  Il-fażi meta ġiet stabbilita l-impriża (mill-1990 sa l-1992)

2.  Il-fażi ta' ristrutturazzjoni (mill-1993 sa' l-1998)

3.  Ix-xiri mill-ġdid ta' l-attiv minn MTDA

B –  Svolġiment tal-proċedura amministrattiva

C –  Konstatazzjoni tal-fatti u kunsiderazzjonijiet ġuridiċi

1.  Għajnuna finanzjarja mogħtija mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja matul il-fażi meta ġiet stabbilita l-impriża.

2.  Għajnuna finanzjarja mogħtija matul il-fażi ta' ristrutturazzjoni

3.  Fuq l-irkupru ta' l-għajnuna

4.  Il-parti dispożittiva tad-deċiżjoni kkontestata

Il-proċedura u it-talbiet tal-partijiet

Fid-dritt

I –  Osservazzjonijiet preliminari

II –  Fuq il-legalità ta' l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata

A –  Fuq il-possibbiltà li d-deċiżjoni kkontestata tkun ibbażata fuq l-informazzjoni li hija kellha

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

B –  Fuq il-garanzija mogħtija mil-Land tal-Bavarja (l-LfA) lil PBK

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

C –  Fuq il-kanċellazzjoni ta' dejn ta' 3 miljun DEM mogħti mil-Land tal-Bavarja (l-LfA) lill-PBK

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

D –  Fuq is-sussidji u l-konċessjonijiet fiskali għall-investiment li jammontaw għal 63.45 miljun DEM u għal 19.42 miljun DEM mogħtija rispettivament mil-Land ta' Thuringe u l-Land tal-Bavarja (l-LfA) lill-impriża komuni u lil PA

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

a)  Fuq is-sussidji u l-konċessjonijiet mogħtija mil-Land ta' Thuringe

b)  Fuq is-sussidji u l-konċessjonijiet għall-investiment mogħtija mil-Land tal-Bavarja (l-LfA)

E –  Fuq il-garanzija mogħtija mit-THA lil Robotron u lill-impriża komuni

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

F –  Fuq il-kreditu ta' 25 miljun DEM mogħti mit-TAB lil PA

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

G –  Fuq il-kreditu ta' 20 miljun DEM mogħti mit-TAB lil PA

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

H –  Fuq il-prezz tax-xiri ta' 3 miljun DEM imħallas mit-TIB lil PBK

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

I –  Fuq l-allokazzjoni ta' 12-il miljun DEM mit-TIB fil-kapital ta' PA

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

J –  Fuq ix-xiri tal-kapital awtorizzat ta' PA mit-TIB u mit-TAB

1.  L-argumenti tal-Partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

K –  Fuq il-kreditu ta' 2 miljun DEM mogħtija mil-LfA lil PA

1.  L-Argumenti tal-partijiet

2.  Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

L –  Fuq is-self ta' soċju ta' 3.5 miljun DEM mogħti mit-TIB lil PA

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

M –  Fuq il-kreditu ta' 15-il miljun DEM mogħti mil-LfA lill-grupp Pilz

1.  L-Argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

N –  Fuq il-kreditu ta' 15-il miljun DEM mogħti mit-TAB lil CD Albrechts

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

O –  Fuq il-kreditu ta' 7 miljun DEM mogħti mil-LfA lil CD Albrechts

1.  L-Argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

P –  Fuq il-kreditu ta' 9.5 miljun DEM mogħti mit-TAB lil CD Albrechts

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Q –  Fuq l-interessi li jammontaw għal total ta' 21.3 miljun DEM

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

III –  Fuq il-motivi dwar il-legalità ta' l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata

A –  Osservazzjonijiet preliminari

B –  Fuq il-ksur ta' l-Artikolu 87(1), KE, u ta' l-Artikolu 88(2), KE.

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Dwar l-ispejjeż



* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.