Language of document :

Appell ippreżentat fit-30 ta’ Novembru 2023 minn Belgacom International Carrier Services mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla Estiża) fl-20 ta’ Settembru 2023 fil-Kawżi magħquda T-266/16, T-324/16, T-351/16, T-363/16, T-371/16 u T-388/16, Capsugel Belgium et vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-739/23 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: Belgacom International Carrier Services (rappreżentanti: C. Borgers, B. Buytaert u H. Vanhulle, advocaten, B. Meyring, Rechtsanwalt)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata u tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1699 tal-11 ta’ Jannar 2016 dwar l-iskema ta’ għajnuna li tirrigwarda l-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv SA.37667 (2015/C) (ex 2015/NN) implimentata mill-Belġju 1 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”); jew

fuq bażi kawtelatorja, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li ma tistax tiddeċiedi fuq l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, tannulla s-sentenza appellata u tibgħat lura l-kawża lill-Qorti Ġenerali; u, fi kwalunkwe każ,

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti tinvoka erba’ aggravji.

L-ewwel aggravju bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ssostitwiet l-interpretazzjoni tad-dritt Belġjan mill-awtoritajiet u mill-qrati Belġjani kompetenti bl-interpretazzjoni diverġenti tagħha tad-dritt Belġjan.

It-tieni aggravju bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti u/jew il-provi. Meta evalwat jekk l-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi kinitx karatteristika inerenti tar-regoli Belġjani tat-taxxa fuq id-dħul tal-kumpanniji, il-Qorti Ġenerali arbitrarjament ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha. B’mod partikolari, hija injorat il-prattika rilevanti tal-awtoritajiet u tal-qrati nazzjonali mingħajr ma pprovdiet kwalunkwe raġuni jew ġustifikazzjoni oġġettiva.

It-tielet aggravju bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata kienet uriet l-eżistenza ta’ vantaġġ.

Ir-raba’ aggravju bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u żnaturat il-provi meta evalwat is-selettività tal-iskema tal-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi.

____________

1     ĠU 2016, L 260, p. 61.