Language of document :

Appell ippreżentat fil-15 ta’ Diċembru 2020 minn Les Mousquetaires u ITM Entreprises SAS mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla Estiża) fil-5 ta’ Ottubru 2020 fil-Kawża T-255/17, Les Mousquetaires u ITM Entreprises vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-682/20 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: Les Mousquetaires. S.A.S., ITM Entreprises S.A.S (rappreżentanti: N. Jalabert-Doury, J.-M. Blutel, K. Mebarek, avukati)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Tannulla l-punt 2 tas-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-255/17;

Tilqa’ t-talbiet imressqa mir-rikorrenti fl-ewwel istanza u tannulla d-Deċiżjoni C(2017) 1057 tal-Kummissjoni Ewropea tad-9 ta’ Frar 2017, kif ukoll id-Deċiżjoni C(2017) 1361 tal-21 ta’ Frar 2017, li tordna lil Intermarché u lil Les Mousquetaires kif ukoll lill-kumpaniji kollha direttament jew indirettament ikkontrollati minnhom sabiex jissottomettu ruħhom għal spezzjoni skont l-Artikolu 20(1) u (4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003;

Tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż kollha tal-proċeduri, inklużi dawk quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi u nuqqas ta’ motivazzjoni fl-analiżi tal-effettività tar-rimedji relatati mal-iżvolġiment tal-ispezzjonijiet.

It-tieni aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-Artikoli 6 u 8 tal-KEDB, tal-Artikolu 296 tat-Trattat u tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003 peress li l-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni u ta’ limitazzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ spezzjoni.

It-tielet aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi u ksur tar-Regolament Nru 1/2003 peress li l-Qorti Ġenerali kkaratterizzat fażi proċedurali “qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ miżuri li jimplikaw il-kritika li twettaq ksur” mhux suġġetta għar-Regolament.

Ir-raba’ aggravju motiv huwa relatat mal-ksur tal-Artikoli 6 u 8 tal-KEDB u tal-Artikolu 19 tar-Regolament 1/2003 sa fejn il-Qorti Ġenerali kklassifikat bħala indizji suffiċjentement serji elementi affettwati minn irregolaritajiet formali u sostanzjali.

Il-ħames aggravju huwa bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni li jirriżulta minn assenza ta’ kontroll tal-valur probatorju tal-imsemmija indizji u żball dwar il-klassifikazzjoni bħala indizju.

____________