Language of document : ECLI:EU:C:2022:153

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

3 ta’ Marzu 2022 (*)

“Appell – Servizz pubbliku – Uffiċjali – Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea – L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 60 – Assenza mhux awtorizzata – Portata – Tnaqqis mit-tul tal-leave annwali – Tnaqqis mir-remunerazzjoni – Uffiċjal li naqas milli jwettaq l-obbligi li huwa għandu abbażi tal-Artikoli 21 u 55 tar-Regolamenti tal-Persunal”

Fil-Kawża C‑162/20 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit‑8 ta’ April 2020,

WV, irrappreżentata minn É. Boigelot, avocat,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), irrappreżentat minn S. Marquardt u R. Spáč, bħala aġenti, assistiti minn M. Troncoso Ferrer, abogado, u F.‑M. Hislaire, avocat,

konvenut fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn I. Ziemele (Relatriċi), Presidenta tas-Sitt Awla, li qiegħda taġixxi bħala President tas-Seba’ Awla, T. von Danwitz u A. Kumin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali waqt is-seduta tat‑3 ta’ Ġunju 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tiegħu, WV titlob l-annullament tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad‑29 ta’ Jannar 2020, WV vs SEAE (T‑471/18, mhux ippubblikat, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”, EU:T:2020:26), li permezz tiegħu din tal-aħħar ċaħdet it-talba tagħha bbażata fuq l-Artikolu 270 TFUE u intiża għall-annullament, minn naħa, tad-deċiżjoni tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) tas‑27 ta’ Novembru 2017 li wasslet għal tnaqqis mis-salarju sa 72 ġurnata (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”) u, min-naħa l-oħra, sa fejn huwa meħtieġ, tad-deċiżjoni tas-SEAE tat‑2 ta’ Mejju 2018 li ċaħdet l-ilment tal-appellanti mressaq fit‑3 ta’ Jannar 2018 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment”).

 Ilkuntest ġuridiku

2        L-Artikolu 1e(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, fil-verżjoni tagħhom applikabbli għat-tilwima li tat lok għal dan l-appell (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), jipprevedi:

“L-uffiċjali f’impieġ atti għandhom jingħataw l-kondizzjonijiet tax-xogħol, konformi ma’ l-istandards xierqa tas-saħħa u tas-sigurtà, mill-anqas ekwivalenti għall-ħtiġijiet minimi applikabbli taħt il-miżuri adottati f’dawn l-oqsma skond it-Trattati.”

3        L-Artikolu 12a(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi li kull uffiċjal għandu joqgħod lura minn kull forma ta’ fastidju psikoloġiku u sesswali. Dan l-Artikolu 12a jiddefinixxi, fil-paragrafi 3 u 4 tiegħu, rispettivament, il-fastidju psikoloġiku u l-fastidju sesswali.

4        Skont l-Artikolu 21 tar-Regolamenti tal-Persunal:

“Uffiċjal, ikun xi jkun il-grad tiegħu, għandu jassisti u jgħaddi pariri lis-superjuri tiegħu; huwa għandu jkun reponsabbli mill-qadi tad-dmirijiet assenjati lilu.

Uffiċjal responsabbli minn kwalunkwe fergħa tas-servizz għandu jkun responsabbli mas-superjuri tiegħu dwar l-awtorità mogħtija lilu u biex iwettaq l-istruzzjonijiet mogħtija minnu. Ir-responsabbilta’ ta’ dawk ta’ taħtu bl-ebda mod ma tirrilaxxah mir-responsibbilta’ tiegħu stess.”

5        L-Artikolu 55 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi:

“1.      Uffiċjali f’impieg attiv għandhom f’kull ħin ikunu għad-disposizzjoni ta’ l-istituzzjoni tagħhom.

2.      Il-ġimgħa tax-xogħol normali għandha tkun ta’ bejn 40 u 42 siegħa, is-sigħat tal-jum tax-xogħol għandhom jiġu stabbiliti mill-awtorità tal-ħatra. Taħt l-istess limiti, l-awtorità tal-ħatra għandha, wara li tikkonsulta l-Kumitat tal-Persunal, tistabbilixxi s-siegħat li għandhom jinħadmu minn ċerti gruppi ta’ uffiċjali imqabbda biex jaħdmu fuq dmirijiet partikolari.

3.      Uffiċjal jista’, barra minn hekk, ikun meħtieġ minħabba l-esiġenzi tas-servizz jew ir-regoli ta’ sigurtà li jibqa’ fuq dmirijiet ta’ riserva fuq il-post tax-xogħol jew id-dar barra s-siegħat normali ta’ xogħol. L-awtorità tal-ħatra ta’ kull istituzzjoni għandha tistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan il-paragrafu wara li tikkonsulta mal-Kumitat tal-Persunal.

[…]”

6        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 60 tar-Regolamenti tal-Persunal jiddisponi:

“Ħlief fil-każ ta’ mard jew inċident, uffiċjal ma jistax ikun assenti mingħajr permess minn qabel tas-superjur tiegħu dirett fuqu. Mingħajr preġudizzju għal xi miżuri dixxiplinari li jistgħu japplikaw, kull assenza mhux awtorizzata li hija stabbilita sew għandha titnaqqas mill-leave ta’ kull sena ta’ l-uffiċjal konċernat. Jekk uża l-leave ta’ xogħol tiegħu, għandu jitlef ir-remunerazzjoni tiegħu għal perjodu ekwivalenti.”

7        L-Artikolu 86 tar-Regolamenti tal-Persunal huwa fformulat kif ġej:

“1.      Kull nuqqas minn uffiċjal jew minn dak li qabel kien uffiċjal biex iħares l-obbligi tiegħu taħt dawn ir-Regolamenti tal-Persunal, kemm jekk intenzjonalment jew b’negliġenza min-naħa tiegħu, tista’ tittieħed azzjoni kontrih.

2.      Fejn l-Awtorità tal-Ħatra jew OLAF isiru jafu b’evidenza ta’ nuqqas fis-sens tal-paragrafu 1, jistgħu jibdew invetigazzjonijiet amministrattivi biex jivverifikaw jekk it-tali nuqqas sarx.

3.      Regoli, proċeduri u miżuri dixxiplinarji, u r-regoli u l-proċeduri li jkopru l-investigazzjonijiet amministrattivi mniżżla fl-Anness IX.”

8        L-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, intitolat “Proċeduri dixxiplinarji”, jipprevedi, fl-Artikolu 9(1) tiegħu:

“L-Awtorità tal-Ħatra tista’ timponi wieħed mill-pieni li ġejjin:

(a)      twissija bil-miktub;

(b)      ċanfira;

(ċ)      posponiment ta’ promozzjoni għal skala ogħla għal perjodu ta’ bejn xahar u 23 xahar;

(d)      relegazzjoni fl-iskala;

(e)      tnaqqis temporanju fil-posizzjoni għal perjodu ta’ bejn 15‑il ġurnata u sena;

(f)      tnaqqis fil-posizzjoni fl-istess grupp tal-funzjoni;

(g)      klassifikazzjoni fi grupp aktar baxx tal-funzjoni, bi jew mingħajr tnaqqis fil-posizzjoni;

(h)      tneħħija minn posizzjoni u, fejn ikun il-każ, tnaqqis pro tempore ta’ pensjoni jew jinżamm, għal perjodu stabbilit, ammont mill-benefiċċju ta’ l-invalidità; l-effett ta’ din il-miżura m’għandux jestendi għad-dipendenti ta’ l-uffiċjal. […]”

 Ilfatti li wasslu għallkawża

9        Għall-finijiet ta’ dan l-appell, il-fatti li wasslu għall-kawża, kif esposti fil-punti 1 sa 48 tad-digriet appellat, jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

10      L-appellanti, WV, hija uffiċjal tal-Unjoni Ewropea. Ilha assenjata mas-SEAE mill‑1 ta’ Jannar 2011 u eżerċitat, minn dik id-data, il-funzjonijiet tagħha ma’ diversi diviżjonijiet tas-SEAE. B’mod partikolari, mill‑1 ta’ Frar 2015 sat‑30 ta’ Settembru 2016, l-appellanti eżerċitat il-funzjonijiet tagħha mad-Diviżjoni EURCA West3 tas-SEAE.

11      Mill‑1 ta’ Ottubru sal‑15 ta’ Novembru 2016, l-appellanti ġiet ittrasferita, fl-interess tas-servizz, lejn id-Diviżjoni Americas.2, imbagħad, fis‑16 ta’ Novembru 2016, lejn id-Diviżjoni PRISM tas-SEAE. L-appellanti tindika li hija indirizzat lill-amministrazzjoni diversi drabi sabiex issir taf il-motivazzjoni tal-esklużjoni tagħha mid-Diviżjoni EURCA West3.

12      Fis‑16 ta’ Jannar 2017, l-appellanti ġiet informata li l-assenzi tagħha kienu tqiesu bħala “mhux awtorizzati”. Hija ġiet informata wkoll, fir-rigward tal-preżenza tagħha, li hija kienet għadha ma dehritx fl-uffiċċju tagħha.

13      Fl‑10 ta’ Frar 2017, l-appellanti staqsiet lis-superjuri tagħha dwar l-assenzi tagħha.

14      Permezz ta’ messaġġ elettroniku tat‑3 ta’ April 2017, l-appellanti bagħtet ċertifikat mediku sabiex tiġġustifika l-assenzi tagħha tat‑30 u tal‑31 ta’ Marzu 2017 kif ukoll tat‑3 ta’ April 2017.

15      Permezz ta’ messaġġ elettroniku tal‑10 ta’ April 2017, l-appellanti informat lis-superjuri tagħha li kienu ddaħħlu indebitament xi assenzi fis-sistema informatika ta’ ġestjoni tal-persunal Sysper, u fosthom kien hemm dati fil-futur.

16      Fil‑11 ta’ April 2017, kien hemm skambju ta’ messaġġi elettroniċi bejn l-appellanti u s-superjuri tagħha dwar l-allegati assenzi mhux iġġustifikati.

17      Fil‑25 u fis‑26 ta’ April 2017, l-appellanti kellha skambju ta’ messaġġi elettroniċi mal-Kap tal-Unità tagħha, fir-rigward tal-fatt li l-Kap tad-Diviżjoni tagħha qies li l-preżenza tagħha fl-uffiċċju kienet ikkunsidrata mill-amministrazzjoni bħala assenza mhux iġġustifikata. B’mod partikolari, il-Kap tal-Unità tal-appellanti esponielha l-kundizzjonijiet li hija kellha tissodisfa sabiex titqies bħala “preżenti” għax-xogħol.

18      Fit‑12 ta’ Settembru 2017, il-Kap tal-Unità tal-appellanti indirizzalha nota li fiha kien indikat li, għall-perijodu bejn l‑1 ta’ Jannar u l‑14 ta’ Lulju 2017, hija kellha 85 ġurnata ta’ assenzi mhux iġġustifikati, li kienu ser jitnaqqsu mis-salarju tagħha, konformement mal-Artikolu 60 tar-Regolamenti tal-Persunal.

19      Permezz ta’ messaġġ elettroniku tal‑15 ta’ Settembru 2017, l-appellanti wieġbet għal din in-nota u talbet b’mod partikolari li jintbagħtulha r-rekords mill-punt ta’ dħul u ta’ ħruġ tal-bini.

20      Fil‑25 ta’ Settembru 2017, il-Kap tad-Diviżjoni HR 3 indika lill-appellanti li ma setax, għal raġunijiet ta’ protezzjoni tad-data, jagħtiha dawn ir-rekords.

21      Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, is-SEAE informa lill-appellanti li l-istima tal-assenzi mhux iġġustifikati tagħha kienet ġiet irreveduta, jiġifieri li 9 ġranet kienu ser jinbidlu f’leave annwali u li 72 ġurnata kienu ser jitnaqqsu mis-salarju tagħha.

22      Fis‑7 ta’ Diċembru 2017, l-appellanti ġiet informata bl-ammont li kien ser jitnaqqas mis-salarju tagħha mix-xahar ta’ Frar 2018.

23      Fit‑3 ta’ Jannar 2018, l-appellanti ressqet ilment skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal kontra d-deċiżjoni kontenzjuża.

24      Fis‑6 ta’ Frar 2018, l-Uffiċċju “Amministrazzjoni u Ħlas tal-Intitolamenti Individwali” (PMO) tal-Kummissjoni Ewropea naqqas is-salarju tal-appellanti abbażi ta’ din id-deċiżjoni.

25      Fis‑27 ta’ April 2018, l-appellanti kisbet ir-rekords ta’ dħul u ta’ ħruġ tal-bini għall-perijodu mill‑1 ta’ Jannar sat‑8 ta’ Frar 2017.

26      Fit‑2 ta’ Mejju 2018, l-Awtorità tal-Ħatra adottat id-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment.

 Ilproċedura quddiem ilQorti Ġenerali u ddigriet appellat

27      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑2 ta’ Awwissu 2018, l-appellanti ppreżentat rikors intiż, minn naħa, għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża u, sa fejn meħtieġ, għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, u, min-naħa l-oħra, sabiex il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li l-ammonti li għandhom jitħallsu lura lilha għandhom jiżdiedu bl-interessi moratorji.

28      Barra minn hekk, l-appellanti, skont l-Artikolu 89(3)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, talbet lil din tal-aħħar tordna lis-SEAE jipproduċi diversi dokumenti u atti.

29      Insostenn tar-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellanti qajmet aggravju uniku, li permezz tiegħu hija tinvoka ksur tal-Artikolu 1e(2), kif ukoll tal-Artikoli 12, 12a, 21, 25, 26, 55 u 60 tar-Regolamenti tal-Persunal, tal-Artikoli 1 u 2 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, tad-dmir ta’ premura, tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 26, p. 102, rettifika fil-ĠU 2013, L 298, p. 50), tal-Artikoli 41, 47 u 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, tad-drittijiet tad-difiża kif ukoll tal-Artikolu 296 TFUE.

30      Permezz tal-aggravju uniku tagħha, l-appellanti invokat ukoll abbuż ta’ dritt, użu ħażin ta’ proċedura, ksur manifest tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, kif ukoll ksur tal-prinċipju li jobbliga lill-amministrazzjoni tadotta deċiżjoni biss abbażi ta’ motivi legalment ammissibbli, tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ kontradittorju u ta’ ċertezza legali, kif ukoll tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).

31      Permezz tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tal-appellanti bħala parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat fid-dritt.

32      Fir-rigward tat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża u tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, il-Qorti Ġenerali, qabel kollox, ikkunsidrat li huma biss l-argumenti bbażati fuq ksur tal-Artikoli 21, 55 u 60 tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll tal-obbligu ta’ motivazzjoni li kienu ġew ippreżentati f’forma li tissodisfa r-rekwiżiti minimi previsti fl-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, u ċaħdet l-argumenti l-oħra bħala manifestament inammissibbli.

33      Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti bbażati fuq ksur tal-Artikoli 21, 55 u 60 tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll tal-obbligu ta’ motivazzjoni bħala manifestament infondati.

34      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ksur allegat tal-Artikoli 21, 55 u 60 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Qorti Ġenerali qieset b’mod partikolari, fil-punt 79 tad-digriet appellat, li, anki jekk jitqies li ġie stabbilit li l-appellanti kienet effettivament preżenti fil-bini tas-SEAE, kif hija ssostni, xorta jibqa’ l-fatt li, billi mmanifestat b’mod ċar l-intenzjoni tagħha li ma taħdimx fi ħdan id-Diviżjoni PRISM minħabba li riedet tikkonċentra biss fuq il-kwistjonijiet amministrattivi marbuta mat-trasferiment tagħha, l-appellanti ma osservatx il-kundizzjonijiet meħtieġa mill-Artikoli 21 u 55 tar-Regolamenti tal-Persunal. Skont il-Qorti Ġenerali, is-SEAE ma jistax jiġi kkritikat dwar il-fatt li qies li l-appellanti kienet tinsab f’sitwazzjoni ta’ assenzi mhux iġġustifikati. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, peress li l-assenzi kkunsidrati mis-SEAE ma kinux ġew awtorizzati minn qabel mis-superjuri tagħha, it-tnaqqis mis-salarju sa 72 ġurnata kien biss il-konsegwenza tan-nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti previsti mill-Artikolu 60 tar-Regolamenti tal-Persunal.

35      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, wara li fakkret, minn naħa, li huwa possibbli li jiġi kkunsidrat li deċiżjoni hija suffiċjentement motivata peress li din ittieħdet f’kuntest magħruf mill-uffiċjal ikkonċernat, li ppermettielu jifhem il-portata tagħha, u, min-naħa l-oħra, li l-għarfien, mill-persuna kkonċernata, ta’ dan il-kuntest jista’ jikkostitwixxi motivazzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 85 tad-digriet appellat, li mid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment jirriżulta li l-appellanti kellha għarfien preċiż ħafna tal-kuntest tad-deċiżjoni kontenzjuża. F’dan ir-rigward, hija ppreċiża li l-appellanti stess kienet annettiet mal-ilment tagħha diversi skambji ta’ ittri u ta’ messaġġi elettroniċi mas-SEAE li kellhom bħala suġġett it-tnaqqis mis-salarju tal-ġranet meqjusa bħala assenzi mhux iġġustifikati.

36      Fit-tielet lok, bħala konsegwenza taċ-ċaħda tat-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża kif ukoll tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, u għall-istess raġunijiet, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-punt 87 tad-digriet appellat, it-talbiet tal-appellanti sabiex jiġi deċiż li l-ammonti li għandhom jitħallsulha lura għandhom jiżdiedu bl-interessi moratorji.

37      Fl-aħħar nett, fid-dawl taċ-ċaħda ta’ dawn it-talbiet għal annullament bħala parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondati, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 88 u 89 tad-digriet appellat, iddeċidiet li t-talba mressqa minnha skont l-Artikolu 89(3)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha kellha wkoll tiġi miċħuda. Skont il-Qorti Ġenerali, mir-rikors la kien jirriżulta li d-dokumenti li l-produzzjoni tagħhom kienet intalbet setgħu jinvalidaw il-konstatazzjoni magħmula fil-punti 74 sa 80 tad-digriet appellat, li l-appellanti baqgħet ma tatx assistenza lis-superjuri tagħha billi twettaq id-doveri li hija kellha u li f’kull mument tkun disponibbli għas-SEAE, konformement mal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikoli 21 u 55 tar-Regolamenti tal-Persunal, u lanqas li dawn id-dokumenti kienu ta’ natura li jistabbilixxu li d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment kienet insuffiċjentement motivata. Fi kwalunkwe każ, l-appellanti la identifikat b’livell ta’ preċiżjoni suffiċjenti d-dokumenti li hija talbet il-produzzjoni tagħhom u lanqas ma pprovdiet lill-Qorti Ġenerali minimu ta’ provi li jiġġustifikaw l-utilità ta’ dawn id-dokumenti għall-bżonnijiet tal-istanza, konformement mal-Artikolu 88(2) ta’ dawn ir-regoli.

 Ittalbiet talpartijiet

38      Permezz tal-appell tagħha, WV titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla d-digriet appellat;

–        tikkundanna lis-SEAE għall-ispejjeż kollha, inklużi dawk sostnuti quddiem il-Qorti Ġenerali, u

–        tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi fuq ir-rikors.

39      Is-SEAE jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiddikjara l-appell inammissibbli, jew tal-inqas infondat, u

–        tikkundanna lil WV għall-ispejjeż tal-istanza.

 Fuq lappell

40      Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka aggravju uniku, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ produzzjoni libera tal-prova u l-kunċett ta’ sensiela ta’ indizji konkordanti u, għaldaqstant, il-ksur tar-regoli relatati mal-oneru tal-prova, iċ-ċaħda ta’ ġustizzja, diskriminazzjoni, żnaturament tal-fatti u żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni li wasslu għal motivazzjoni żbaljata fid-dritt tad-digriet appellat. Dan l-aggravju huwa maqsum f’sitt partijiet.

41      Is-SEAE jikkunsidra li l-imsemmi aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, minħabba li ma huwiex konformi mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u mill-Artikolu 168(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew, tal-inqas, bħala infondat.

 Fuq lammissibbiltà talappell

 L-argumenti tal-partijiet

42      Is-SEAE jqis li l-appell huwa inammissibbli minħabba li l-aggravju uniku tiegħu ma huwiex ċar. Għalhekk, l-ewwel, l-ilment dwar żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-provi mill-Qorti Ġenerali ġie żviluppat b’mod diżorganizzat, mingħajr ma jispjega kif dan l-allegat żball għandu jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża. Sussegwentement, l-ilment dwar allegat ċaħda ta’ ġustizzja jirrigwarda fir-realtà ksur tad-dritt għal rimedju effettiv. Issa, l-appell la jesponi b’mod ċar kif il-Qorti Ġenerali kisret dan id-dritt, u lanqas il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, invokat ukoll. Fl-aħħar nett, id-dikjarazzjoni tal-aggravju uniku ma ssemmix allegat ksur tal-Artikolu 60 tar-Regolamenti tal-Persunal.

43      L-appellanti ssostni li l-appell huwa ammissibbli.

 Levalwazzjoni talQorti talĠustizzja

44      Mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u mill-Artikolu 168(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkritikati tas-sentenza jew tad-digriet li jintalab l-annullament tagħhom kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba, taħt piena ta’ inammissibbiltà tal-appell jew tal-aggravju kkonċernat (ara s-sentenzi tat‑2 ta’ Marzu 2021, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja et, C‑425/19 P, EU:C:2021:154, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑20 ta’ Mejju 2021, Dickmanns vs EUIPO, C‑63/20 P, mhux ippubblikata, EU:C:2021:406, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      B’mod partikolari, aggravju li l-argument tiegħu ma huwiex suffiċjentement ċar u preċiż sabiex jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità ma jissodisfax dawn ir-rekwiżiti u għandu jiġi ddikjarat inammissibbli, b’mod partikolari għaliex l-elementi essenzjali li fuqhom huwa bbażat l-aggravju ma jirriżultawx b’mod suffiċjentement koerenti u li jinftiehem mit-test ta’ dan l-appell, li huwa fformulat b’mod oskur u ambigwu f’dan ir-rigward. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li appell li ma għandux struttura koerenti, li jillimita ruħu għal affermazzjonijiet ġenerali u li ma jinkludux indikazzjonijiet preċiżi dwar il-punti tad-deċiżjoni appellata li possibbilment ikunu vvizzjati bi żball ta’ liġi għandu jiġi miċħud bħala manifestament inammissibbli (sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Staelen vs L‑Ombudsman, C‑45/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2018:814, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      F’dan il-każ, għalkemm il-preżentazzjoni ta’ wħud mill-argumenti ta’ dan l-appell setgħet ċertament tkun iktar ċara sabiex tiffaċilita l-komprensjoni tagħhom, xorta jibqa’ l-fatt li dan l-appell jinkludi sensiela ta’ argumenti legali relatati preċiżament ma’ elementi tad-digriet appellat li huma identifikati b’mod ċar. Konsegwentement, l-argumenti tas-SEAE ma jistgħux iwasslu sabiex l-imsemmi appell jiġi ddikjarat inammissibbli kollu kemm hu, iżda għandhom jiġu evalwati fil-kuntest tal-eżami ta’ kull waħda mis-sitt partijiet tal-aggravju uniku tiegħu.

47      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li dan l-appell jiġi ddikjarat ammissibbli.

 Fuq losservazzjoni preliminari talappellanti

 Largumenti talpartijiet

48      Fil-parti tal-appell tagħha intitolata “Il-fatti u l-fatti li wasslu għall-kawża”, l-appellanti tirrileva li, fl-espożizzjoni tagħha tal-fatti u tal-fatti li wasslu għall-kawża, il-Qorti Ġenerali naqset milli tiċċita u milli tieħu inkunsiderazzjoni ċerti fatti li abbażi tagħhom kienet ibbażata l-analiżi tal-appellanti.

49      Is-SEAE jsostni li l-appellanti ma tindikax il-konsegwenzi konkreti li tali ommissjoni kien ikollha fuq ir-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali.

 Levalwazzjoni talQorti talĠustizzja

50      F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li l-appellanti sempliċement telenka l-punti ta’ fatt li l-Qorti Ġenerali allegatament naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni u tirreferi, b’mod ġenerali, għall-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ produzzjoni libera tal-prova u l-kunċett ta’ sensiela ta’ indizji konkordanti u, għaldaqstant, il-ksur tar-regoli relatati mal-oneru tal-prova, mingħajr ma tindika b’mod preċiż liema punti tad-digriet appellat huma vvizzjati bi żball ta’ liġi minħabba din l-allegata ommissjoni.

51      Konsegwentement, tali allegazzjonijiet ma jissodisfawx ir-rekwiżiti mfakkra fil-punti 44 u 45 ta’ din is-sentenza u għandhom, għaldaqstant, jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

 Fuq ilmertu

52      L-ewwel u t-tieni parti tal-aggravju uniku tal-appellanti jirrigwardaw il-motivi tad-digriet appellat li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali ċaħdet ċerti allegazzjonijiet tal-appellanti bħala manifestament inammissibbli. It-tielet sal-ħames parti ta’ dan l-aggravju jirrigwardaw il-motivi tad-digriet appellat li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala manifestament infondati fid-dritt l-argumenti tal-appellanti dwar ksur tal-Artikoli 21, 55 u 60 tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Is-sitt parti tal-imsemmi aggravju tirrigwarda ċ-ċaħda, mill-Qorti Ġenerali, tat-talba għall-adozzjoni ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura skont l-Artikolu 89(3)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

 Fuq lewwel u ttieni parti talaggravju uniku

–       Largumenti talpartijiet

53      Permezz tal-ewwel parti tal-aggravju uniku tagħha, li tirrigwarda l-punti 63 u 64 tad-digriet appellat, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li kkunsidrat b’mod żbaljat li l-ksur allegat tal-Artikolu 1e(2) u tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal ma kienx is-suġġett tal-iċken żvilupp fir-rikors. Issa, l-ewwel, l-appellanti bbażat ruħha fuq l-Artikolu 1e tar-Regolamenti tal-Persunal, peress li, fil-punt 54 tar-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, hija rrilevat, minn naħa, li hija l-Awtorità tal-Ħatra li għandha tiżgura ruħha, abbażi ta’ obbligu ta’ riżultat, li l-uffiċjal ikun jista’ jeżerċita l-professjoni tiegħu f’ambjent adegwat, b’saħħtu u mingħajr attakki, malafama u/jew fastidju mingħajr waqfien u, min-naħa l-oħra, li s-saħħa tal-appellanti kienet iddeterjorat fuq x-xogħol minħabba attitudnijiet malafamanti, krudili u ta’ fastidju, li ġew allegati u murija. It-tieni, f’dan ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellanti rrilevat ukoll li ġarrbet fastidju psikoloġiku u rreferiet, fil-punt 53 tiegħu, għall-kliem preċiż tal-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal.

54      Permezz tat-tieni parti tal-aggravju uniku tagħha, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali dwar l-eżitu tal-ilment tagħha bbażat fuq użu ħażin ta’ proċedura kif ukoll fuq ksur tad-dmir ta’ premura u tal-obbligu ta’ riżultat li jiġi żgurat li uffiċjal ikun jista’ jeżerċita l-professjoni tiegħu f’ambjent adegwat, b’saħħtu u mingħajr attakki, malafama jew fastidju.

55      Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali mmotivat b’mod konfuż u, konsegwentement, ivvizzjata fid-dritt, ir-rifjut li jiġi eżaminat dan l-ilment, peress li, wara li ddikjarat dan fil-punt 65 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali la ċaħdet dan l-ilment bħala inammissibbli u lanqas eżaminatu fil-mertu.

56      Fit-tieni lok, l-appellanti tikkontesta l-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 65 tad-digriet appellat u tafferma li, sabiex waslet għal dawn il-konstatazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-proċess kollu u ma eżaminatx il-provi b’mod komplet. B’hekk hija kisret il-prinċipju ta’ produzzjoni libera tal-prova u l-kunċett ta’ sensiela ta’ indizji konkordanti u, għaldaqstant, kisret ir-regoli dwar l-oneru tal-prova, li wassal għal ċaħda ta’ ġustizzja. B’mod partikolari, l-appellanti ssostni li l-imsemmi lment huwa ssostanzjat mill-Annessi A.4, A.8, A.10, A.16, A.21, A.24, A.25, A.26 u A.30 tar-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali.

57      Is-SEAE jsostni, fir-rigward tat-tieni parti tal-aggravju uniku, li, minħabba l-assenza totali, fir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, ta’ riferiment għall-provi, l-appellanti ma tistax tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma ħaditx inkunsiderazzjoni dokumenti li jissostanzjaw l-allegazzjonijiet tagħha, jiġifieri l-Annessi A.4, A.8, A.10 u A.16, imsemmija għall-ewwel darba fl-istadju tal-appell. Il-prinċipju dispożittiv li jirregola l-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali jeżiġi li l-appellanti tidentifika b’mod preċiż il-provi li għalihom jirrelataw il-motivi ta’ dritt, mingħajr ma l-Qorti Ġenerali jkollha tfittex ex officio fil-proċess il-provi li jikkorrispondu għall-ilmenti tal-appellanti.

 Levalwazzjoni talQorti talĠustizzja

58      Fir-rigward tal-ewwel parti tal-aggravju uniku, li permezz tagħha l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat l-argument tagħha billi kkunsidrat, b’mod żbaljat, li l-allegat ksur tal-Artikolu 1e(2) u tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal ma kienx ġie żviluppat fir-rikors, għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ appell, l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu l-għan, b’mod partikolari, li jivverifika jekk il-Qorti Ġenerali rrispondietx b’mod suffiċjenti fid-dritt għall-argumenti kollha invokati mir-rikorrent (sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs CX, C‑131/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:502, punt 33).

59      Barra minn hekk, l-aggravju bbażat fuq nuqqas ta’ tweġiba tal-Qorti Ġenerali għall-argumenti invokati fl-ewwel istanza jwassal, essenzjalment, sabiex jiġi invokat ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni li jirriżulta mill-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-Qorti Ġenerali bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess statut, u mill-Artikolu 119 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali (sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs CX, C‑131/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:502, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60      Madankollu, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi, l-obbligu tal-Qorti Ġenerali li timmotiva d-deċiżjonijiet tagħha ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jimplika li din hija obbligata twieġeb fid-dettall għal kull argument invokat mir-rikorrenti, partikolarment jekk l-argument ma jkunx suffiċjentement ċar u preċiż (sentenza tal‑15 ta’ April 2010, Gualtieri vs Il‑Kummissjoni, C‑485/08 P, EU:C:2010:188, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li kkunsidrat, fil-preżenza ta’ affermazzjonijiet u ta’ indikazzjonijiet ġenerali, bħal dawk li jinsabu fil-punti 53 u 54 tar-rikors fl-ewwel istanza, li l-ksur allegat tal-Artikoli 1e u 12a tar-Regolamenti tal-Persunal ma kienx is-suġġett tal-iċken żvilupp legali.

62      Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-aggravju uniku għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

63      Fir-rigward tat-tieni parti tal-aggravju uniku, għandu, l-ewwel, jiġi kkonstatat li l-argument tal-appellanti li l-Qorti Ġenerali ma mmotivatx ir-rifjut tagħha li teżamina dan l-ilment, peress li la ddikjaratu inammissibbli u lanqas ma eżaminatu fil-mertu, huwa bbażat fuq qari żbaljat tad-digriet appellat.

64      Mill-verżjoni li tinkludi l-ismijiet tad-digriet appellat, annessa mal-appell tal-appellanti, jirriżulta li, wara li indikat, fil-punt 64 ta’ dan id-digriet, li “l-allegazzjonijiet imsemmija fil-punt 63 [ta’ dan id-digriet] ma jissodisfawx ir-rekwiżiti minimi ta’ ċarezza u ta’ koerenza tal-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura”, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat, fil-punt 65 tal-imsemmi digriet, li dan kien “ukoll il-każ tal-ilment ibbażat fuq użu ħażin ta’ proċedura u fuq ksur tad-dmir ta’ premura u tal-obbligu ta’ riżultat li jiġi żgurat li uffiċjal ikun jista’ jeżerċita l-professjoni tiegħu f’ambjent adegwat, b’saħħtu u mingħajr attakki, malafama jew fastidju”. Il-Qorti Ġenerali kompliet, billi indikat b’mod partikolari, f’dan l-istess punt 65, li “insostenn ta’ dan l-ilment, ir-rikorrenti [kienet] sempliċement qiegħda tinvoka, b’mod ġenerali u bl-ebda mod sostanzjat, jekk ma huwiex riferiment ġenerali għall-‘fatti bħal dawk żviluppati f’dan ir-rikors’ u għal ‘provi inkonfutabbli’, ‘kuntest imdawwar kontra [tagħha] għal skopijiet ħżiena u fil-kuntest ta’ esklużjoni professjonali ovvja’”, kif ukoll diversi elementi oħra.

65      Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 66 tal-verżjoni li tinkludi l-ismijiet tad-digriet appellat, annessa mal-appell tal-appellanti, li l-allegazzjonijiet imsemmija fil-punti 62 sa 65 tiegħu kellhom jiġu miċħuda bħala manifestament inammissibbli.

66      Konsegwentement, l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali ma mmotivatx ir-rifjut tagħha li teżamina l-ilment ibbażat fuq użu ħażin ta’ proċedura kif ukoll fuq ksur tad-dmir ta’ premura u tal-obbligu ta’ riżultat li jiġi żgurat li uffiċjal ikun jista’ jeżerċita l-professjoni tiegħu f’ambjent adegwat, b’saħħtu u mingħajr attakki, malafama jew fastidju ma hijiex fondata.

67      Fir-rigward, it-tieni, tat-tieni lment tat-tieni parti tal-aggravju uniku, imsemmi fil-punt 56 ta’ din is-sentenza, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-“espożizzjoni sommarja tal-motivi”, li għandha tiġi indikata f’kull rikors, fis-sens tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-Qorti Ġenerali bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 ta’ dan l-istatut, u tal-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, tfisser li r-rikors għandu jispjega l-kontenut tal-motiv li fuqu l-azzjoni hija bbażata (sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, MasterCard et vs Il‑Kummissjoni, C‑382/12 P, EU:C:2014:2201, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll id-digriet tal‑21 ta’ Jannar 2016, Internationaler Hilfsfonds vs Il‑Kummissjoni, C‑103/15 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:51, punt 31).

68      B’hekk, sabiex azzjoni quddiem il-Qorti Ġenerali tkun ammissibbli huwa partikolarment neċessarju li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom din tkun ibbażata jirriżultaw, tal-inqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors innifsu. Għalkemm huwa minnu li t-test proprju tar-rikors jista’ jiġi ssostanzjat u kkompletat, fir-rigward ta’ punti speċifiċi, permezz ta’ riferimenti għal siltiet speċifiċi f’dokumenti li jkunu annessi miegħu, riferiment ġenerali għal dokumenti oħra, anki jekk ikunu annessi mar-rikors, ma jistax jikkumpensa għall-assenza tal-argumenti essenzjali ta’ liġi li, skont id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, għandhom ikunu inklużi fir-rikors (sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, MasterCard et vs Il‑Kummissjoni, C‑382/12 P, EU:C:2014:2201, punt 40, kif ukoll id-digriet tal‑21 ta’ Jannar 2016, Internationaler Hilfsfonds vs Il‑Kummissjoni, C‑103/15 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:51, punt 32).

69      Il-funzjoni purament probatorja u strumentali tal-annessi timplika li, sa fejn dawn jinkludu punti ta’ liġi li fuqhom huma bbażati ċerti motivi sostnuti fir-rikors, elementi bħal dawn għandhom jiġu inklużi fit-test innifsu tiegħu jew tal-inqas jiġu identifikati b’mod ċar fih (ara s-sentenza tat‑2 ta’ Ottubru 2019, Crédit mutuel Arkéa vs BĊE, C‑152/18 P u C‑153/18 P, EU:C:2019:810, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

70      Konsegwentement, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti Ġenerali li tfittex u tidentifika, fl-annessi, il-motivi u l-argumenti li hija tista’ tqis bħala li jikkostitwixxu l-bażi tar-rikors, peress li l-annessi għandhom funzjoni purament probatorja u strumentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2020, BP vs FRA, C‑669/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:713, punt 54).

71      It-tieni lment tat-tieni parti tal-aggravju uniku huwa, konsegwentement, infondat.

72      Għaldaqstant, l-ewwel u t-tieni parti ta’ dan l-aggravju għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

 Fuq ilħames parti talaggravju uniku

–       Largumenti talpartijiet

73      Permezz tal-ħames parti tal-aggravju uniku, li għandha tiġi eżaminata l-ewwel, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li applikat l-Artikolu 60 tar-Regolamenti tal-Persunal b’mod żbaljat u li injorat il-bażi legali tad-deċiżjoni kontenzjuża. Skont l-appellanti, meta kkunsidrat li din id-deċiżjoni, ibbażata fuq l-Artikolu 60 tar-Regolamenti tal-Persunal, hija valida, il-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi fl-analiżi ta’ dan l-Artikolu 60 u, barra minn hekk, żnaturat il-fatti, billi kkunsidrat li l-appellanti kienet assenti b’mod mhux awtorizzat, meta hija kienet fiżikament preżenti.

74      Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali analizzat l-allegata realtà tal-assenzi mhux iġġustifikati fid-dawl mhux tal-Artikolu 60 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jikkostitwixxi l-bażi legali tad-deċiżjoni kontenzjuża, iżda abbażi tal-Artikoli 21 u 55 tar-Regolamenti tal-Persunal.

75      Billi kkonfermat l-analiżi tal-Awtorità tal-Ħatra li tinsab fid-deċiżjoni kontenzjuża, li tassimila preżenza tal-appellanti fil-bini tal-istituzzjoni, li ma tissodisfax l-aspettattivi ta’ din tal-aħħar f’termini ta’ disponibbiltà u ta’ attendenza, ma’ assenza mhux iġġustifikata, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 60 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jirrigwarda assenzi li seħħew mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel, ħlief fil-każ ta’ mard jew ta’ inċident. Issa, sa fejn l-appellanti kienet preżenti f’dan il-bini, dan l-Artikolu 60 ma huwiex applikabbli.

76      Kieku l-Awtorità tal-Ħatra kkunsidrat li l-appellanti ma kinitx tissodisfa dawn l-aspettattivi, hija kien ikollha tibda proċeduri dixxiplinari. Issa, ksur tal-Artikoli 21 u 55 tar-Regolamenti tal-Persunal ma jistax jiġi ssanzjonat permezz ta’ tnaqqis mis-salarju jew permezz ta’ tnaqqis mil-leave, peress li tali miżuri ma humiex previsti fl-Artikolu 9 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal. Għalhekk, tnaqqis mis-salarju ma jistax jikkostitwixxi piena dixxiplinari moħbija jew sostituttiva.

77      Fit-tieni lok u fi kwalunkwe każ, is-SEAE la pprovda deskrizzjoni tal-pożizzjoni, la semma l-għanijiet li għandhom jintlaħqu u d-doveri konkreti fdati lill-appellanti, u lanqas ma pprova r-rifjut tagħha li twettaqhom. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta rreferiet, fil-punt 74 tad-digriet appellat, għat-tweġiba tal-appellanti għar-rapport ta’ evalwazzjoni tagħha għall‑2016, filwaqt li l-allegati assenzi mhux iġġustifikati tagħha, kif iddefiniti mill-Qorti Ġenerali, kienu jikkonċernaw l‑2017.

78      Is-SEAE jirrileva li l-ħames parti tal-aggravju uniku, sa fejn din tikkonċerna allegat ksur tal-Artikolu 60 tar-Regolamenti tal-Persunal, ma tinsabx fil-formulazzjoni tal-aggravju uniku. Fi kwalunkwe każ, din il-parti ma hijiex fondata. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali rrilevat ġustament li l-uffiċjal għandu jkun f’kull mument disponibbli għall-istituzzjoni, li dan l-Artikolu 60 jissanzjona kull assenza mhux awtorizzata u li għalhekk jeżiġi preżenza effettiva fil-post tax-xogħol, li hija suġġetta għall-osservanza, mill-uffiċjal, ta’ żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, imsemmija fl-Artikoli 21 u 55 tar-Regolamenti tal-Persunal, jiġifieri, li jassisti lis-superjur tiegħu fit-twettiq tad-doveri fdati lilu u, sabiex jagħmel dan, li jkun disponibbli għall-istituzzjoni fi kwalunkwe mument. Konsegwentement, kuntrarjament għal dak li ssostni l-appellanti, il-Qorti Ġenerali u l-Awtorità tal-Ħatra bbażaw ruħhom fuq l-Artikoli 21, 55 u 60 tar-Regolamenti tal-Persunal, meħuda flimkien, u mhux biss fuq dan l-aħħar artikolu.

–       Levalwazzjoni talQorti talĠustizzja

79      Fir-rigward tal-allegata inammissibbiltà tal-ħames parti tal-aggravju uniku, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li, għalkemm il-formulazzjoni ta’ dan l-aggravju tinkludi allegazzjoni dwar “żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni […] li wasslu għal motivazzjoni mhux eżatta fid-dritt” tad-digriet appellat, l-argumenti li jinsabu f’din il-ħames parti jindikaw b’mod ċar li, permezz tagħha, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi meta applikat l-Artikolu 60 tar-Regolamenti tal-Persunal.

80      Min-naħa l-oħra, l-imsemmija ħames parti tindika b’mod preċiż elementi kkritikati tad-digriet appellat kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku t-talba għall-annullament ta’ dan id-digriet, konformement mar-rekwiżiti mfakkra fil-punt 44 ta’ din is-sentenza.

81      Il-ħames parti tal-aggravju uniku hija, konsegwentement, ammissibbli.

82      Fir-rigward tal-ewwel ilment tal-ħames parti tal-aggravju uniku, li permezz tiegħu l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 60 tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu jiġi rrilevat li, fil-punti 70 sa 80 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali vverifikat jekk id-deċiżjoni kontenzjuża u d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment kinux konformi mal-Artikoli 21, 55 u 60 tar-Regolamenti tal-Persunal.

83      Wara li fakkret, fil-punti 71 u 72 tad-digriet appellat, il-kontenut ta’ dawn l-artikoli kif ukoll dak tal-punt B tal-introduzzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2013) 9051 final tas‑16 ta’ Diċembru 2013 dwar il-leave, applikabbli għas-SEAE bis-saħħa tad-Deċiżjoni SEAE DEC (2014) 009 tat‑13 ta’ Frar 2014, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 73 ta’ dan id-digriet, li l-appellanti kisret ir-rekwiżiti stabbiliti minn dawn id-dispożizzjonijiet.

84      B’hekk, fil-punti 74 u 75 tal-imsemmi digriet, il-Qorti Ġenerali l-ewwel indikat, fir-rigward tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 21 u 55 tar-Regolamenti tal-Persunal, li l-Awtorità tal-Ħatra ġustament iddeċidiet li mill-fajl, u b’mod partikolari mit-tweġiba tal-appellanti għar-rapport ta’ evalwazzjoni tagħha għall‑2016 jirriżulta li, minn meta ġiet assenjata fid-Diviżjoni PRISM u minkejja d-diversi twissijiet u sejħiet għall-ordni tas-superjuri tagħha, il-persuna kkonċernata wriet l-intenzjoni tagħha li ma taħdimx fi ħdan din id-diviżjoni.

85      Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 76 tad-digriet appellat, li r-rieda li ma tagħtix assistenza lis-superjuri tagħha u li ma twettaqx id-doveri li hija kellha kienet tidher ukoll f’messaġġ elettroniku tal-appellanti tal‑11 ta’ April 2017, li fiha l-appellanti indikat li hija kienet preżenti kuljum fis-SEAE sabiex tipprova ssolvi s-sitwazzjoni li fiha hija sabet ruħha wara l-esklużjoni illegali tagħha mid-Diviżjoni EURCA West3 u t-trasferiment inġust tagħha lid-Diviżjoni PRISM. Fil-messaġġ elettroniku tagħha, l-appellanti indikat ukoll li hija ma kinitx neċessarjament fl-uffiċċju tagħha l-ġurnata kollha.

86      Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali żiedet, fil-punt 77 tad-digriet appellat, li, anki jekk l-appellanti kienet tqis li t-trasferiment tagħha ma kienx xieraq għaliha, hija setgħet titlob assenjazzjoni oħra, iżda dan ma kienx jeżentaha, sakemm tingħata tali assenjazzjoni, milli taħdem fi ħdan id-Diviżjoni PRISM sabiex hemmhekk twettaq id-doveri marbuta mal-pożizzjoni tagħha u li f’kull mument tkun disponibbli għas-SEAE. Fil-punt 78 ta’ dan id-digriet, hija ppreċiżat li, jekk l-appellanti qieset li t-trasferiment tagħha kien ivvizzjat b’xi difett, hija setgħet tinvoka r-rimedji ġudizzjarji disponibbli għaliha, iżda d-dmirijiet fundamentali tagħha ta’ lealtà u ta’ kooperazzjoni kienu jipprojbixxuha, madankollu, milli tirrifjuta li tikkonforma ruħha mal-obbligi li jirriżultaw minn dan it-trasferiment.

87      Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 79 tad-digriet appellat, li, anki jekk jitqies li ġie stabbilit li l-appellanti kienet effettivament preżenti fil-bini tas-SEAE, kif hija ssostni, xorta jibqa’ l-fatt li, billi mmanifestat b’mod ċar l-intenzjoni tagħha li ma taħdimx fi ħdan id-Diviżjoni PRISM minħabba li riedet tikkonċentra biss fuq il-kwistjonijiet amministrattivi marbuta mat-trasferiment tagħha, l-appellanti manifestament ma osservatx il-kundizzjonijiet meħtieġa mill-Artikoli 21 u 55 tar-Regolamenti tal-Persunal. Il-Qorti Ġenerali kompliet billi żiedet li s-SEAE ma jistax jiġi kkritikat li kkunsidra li l-appellanti kienet tinsab f’sitwazzjoni ta’ assenzi mhux iġġustifikati u li, peress li l-assenzi kkunsidrati mis-SEAE ma kinux ġew awtorizzati minn qabel mis-superjuri tagħha, it-tnaqqis mis-salarju sa 72 ġurnata kien biss il-konsegwenza tan-nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti previsti mill-Artikolu 60 tar-Regolamenti tal-Persunal.

88      Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali indikat, fil-punt 80 tad-digriet appellat, li l-konklużjoni li waslet għaliha fil-punt 79 tiegħu ma tistax tiġi kkontestata bl-allegazzjoni tal-appellanti li hija kienet bagħtet diversi provi li juru l-preżenza tagħha fl-uffiċċju u fi ħdan id-Diviżjoni PRISM. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali essenzjalment qieset li dawn il-provi la ppermettew, minkejja d-data ta’ spedizzjoni tagħhom, li jintwera li r-rikorrenti kienet assistiet lis-superjuri tagħha billi wettqet id-doveri fdati lilha u lanqas li hija kienet disponibbli f’kull mument għas-SEAE konformement mal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikoli 21 u 55 tar-Regolamenti tal-Persunal.

89      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Qorti Ġenerali, essenzjalment, qieset li, peress li, billi mmanifestat b’mod ċar l-intenzjoni tagħha li ma taħdimx fi ħdan id-diviżjoni li fiha hija kienet ġiet ittrasferita, l-appellanti ma kinitx osservat il-kundizzjonijiet meħtieġa mill-Artikoli 21 u 55 tar-Regolamenti tal-Persunal, is-SEAE ma jistax jiġi kkritikat talli qies li hija kienet tinsab f’sitwazzjoni ta’ assenzi mhux iġġustifikati u li, konsegwentement, konformement mal-Artikolu 60 tar-Regolamenti tal-Persunal, is-SEAE seta’ validament jipproċedi bi tnaqqis mis-salarju sa 72 ġurnata, u dan anki jekk jitqies stabbilit li l-appellanti kienet effettivament preżenti fil-bini tas-SEAE.

90      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, filwaqt li l-Qorti Ġenerali tirreferi, fid-digriet appellat, għall-“assenzi mhux iġġustifikati” tal-appellanti, mill-punt 70 ta’ dan id-digriet jirriżulta li l-Qorti Ġenerali eżaminat jekk id-deċiżjoni kontenzjuża u d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment kinux konformi, b’mod partikolari, mal-Artikolu 60 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jsemmi l-każijiet ta’ “assenza mhux awtorizzata”.

91      Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk il-fatt, jekk jitqies li huwa stabbilit, li uffiċjal ma josservax l-obbligi li l-Artikoli 21 u 55 tar-Regolamenti tal-Persunal jimponulu, jiġifieri li jassisti u li jagħti pariri lis-superjuri tiegħu, li jkun responsabbli għat-twettiq tad-doveri fdati lilu u li jkun disponibbli għall-istituzzjoni fi kwalunkwe mument, jistax jiġi kklassifikat bħala “assenza mhux awtorizzata”, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 60 tar-Regolamenti tal-Persunal, u, għaldaqstant, jippermettix l-applikazzjoni tal-miżuri previsti f’din id-dispożizzjoni fir-rigward ta’ dan l-uffiċjal.

92      Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (Direttiva ġlieda kontra l-ħlas tard) (C‑122/18, EU:C:2020:41, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

93      Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 60 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jinsab fil-Kapitolu 2 tat-Titolu IV tagħhom, intitolat “[L]eave”, jiddisponi, fl-ewwel paragrafu tiegħu, li, “[ħ]lief fil-każ ta’ mard jew inċident, uffiċjal ma jistax ikun assenti mingħajr permess minn qabel tas-superjur tiegħu dirett fuqu”, li, “[m]ingħajr preġudizzju għal xi miżuri dixxiplinari li jistgħu japplikaw, kull assenza mhux awtorizzata li hija stabbilita sew għandha titnaqqas mill-leave ta’ kull sena ta’ l-uffiċjal konċernat” u li, “[j]ekk uża l-leave ta’ xogħol tiegħu, għandu jitlef ir-remunerazzjoni tiegħu għal perjodu ekwivalenti”.

94      Għalkemm din id-dispożizzjoni ma tiddefinixxix il-kunċett ta’ “assenza mhux awtorizzata”, minnha jirriżulta li l-assenza ta’ uffiċjal tkun mhux awtorizzata meta dan l-uffiċjal ma jkunx osserva l-projbizzjoni li jkun assenti mingħajr ma jkun ġie awtorizzat minn qabel mis-superjuri tiegħu, ħlief fil-każ ta’ mard jew ta’ inċident.

95      Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 60 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-assenza debitament ikkonstatata tal-uffiċjal ikkonċernat u n-nuqqas ta’ awtorizzazzjoni minn qabel tas-superjuri tiegħu f’dan ir-rigward huma determinanti. Fil-fatt, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li t-telf tal-benefiċċju ta’ remunerazzjoni huwa dovut għall-fatt li l-uffiċjal ikun assenti mis-servizz mingħajr ma jkun awtorizzat jagħmel dan mir-Regolamenti tal-Persunal jew mill-Awtorità tal-Ħatra (digriet tat‑30 ta’ Novembru 1972, Perinolo vs Il‑Kunsill, 75/72 R, EU:C:1972:110, punt 10).

96      Kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punt 44 tal-konklużjonijiet tiegħu, fil-lingwaġġ ta’ kuljum, il-kunċett ta’ “assenza” iservi sabiex jindika l-fatt li xi ħadd jew xi ħaġa ma jkunux fil-post fejn huma mistennija li jkunu, b’implikazzjoni ta’ assenza fiżika.

97      Ma hemm xejn fil-formulazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 60 tar-Regolamenti tal-Persunal li jindika li, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, dan il-kunċett għandu jinftiehem f’sens differenti mit-tifsira komuni tiegħu. B’mod partikolari, bl-ebda mod ma jirriżulta minn din il-formulazzjoni li l-“assenza mhux awtorizzata” ta’ uffiċjal, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, tista’ tiġi dedotta minn nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi professjonali tiegħu taħt l-Artikoli 21 u 55 tar-Regolamenti tal-Persunal, indipendentement mill-preżenza jew mill-assenza fiżika tiegħu fil-post tax-xogħol tiegħu.

98      Fil-fatt, kif l-Avukat Ġenerali rrileva, essenzjalment, fil-punt 46 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 60 tar-Regolamenti tal-Persunal ma jinkludi l-ebda riferiment fir-rigward ta’ xi nuqqas tal-uffiċjal fir-rigward tal-imsemmija obbligi professjonali.

99      Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li l-Kapitolu 2 tat-Titolu IV tar-Regolamenti tal-Persunal, intitolat “[L]eave”, li jagħmel parti minnu l-Artikolu 60 tar-Regolamenti tal-Persunal, jipprevedi dispożizzjonijiet dwar il-leave differenti li l-uffiċjal jibbenefika minnu, jiġifieri l-leave annwali u speċjali, irregolati mill-Artikoli 57 u 59a tar-Regolamenti tal-Persunal, il-leave tal-maternità, irregolat mill-Artikolu 58 tar-Regolamenti tal-Persunal, u l-leave tal-mard, irregolat mill-Artikolu 59 tar-Regolamenti tal-Persunal. Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 54 tal-konklużjonijiet tiegħu, dawn l-artikoli kollha jikkonċernaw sitwazzjonijiet li fihom l-uffiċjal ikun f’perijodu ta’ inattività professjonali u, konsegwentement, ma għandux ikun preżenti fiżikament fuq il-post tax-xogħol tiegħu.

100    Għalkemm l-Artikoli 57 sa 59a tar-Regolamenti tal-Persunal jikkonċernaw is-sitwazzjonijiet li fihom l-assenza tal-uffiċjal tkun iġġustifikata minħabba wieħed mit-tipi ta’ leave rregolat minn dawn l-artikoli, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 60 tar-Regolamenti tal-Persunal jirreferi għal dawk li fihom l-uffiċjal ikun assenti, mingħajr ma jaqa’ taħt wieħed mill-każijiet imsemmija fl-Artikoli 57 sa 59a u mingħajr ma jkun kiseb l-awtorizzazzjoni tas-superjuri tiegħu.

101    L-appartenenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 60 tar-Regolamenti tal-Persunal fil-Kapitolu 2 tat-Titolu IV tagħhom għandha t-tendenza li tikkonferma li l-applikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni tippreżumi assenza fiżika tal-uffiċjal ikkonċernat mill-post tax-xogħol tiegħu.

102    Fit-tielet lok, uffiċjal li jkun jinsab f’sitwazzjoni ta’ “assenza mhux awtorizzata li hija stabbilita sew”, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 60 tar-Regolamenti tal-Persunal, jesponi ruħu, bla ħsara għall-possibbiltà tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet previsti fil-qasam dixxiplinari, għal tnaqqis ta’ din l-assenza mhux awtorizzata mit-tul tal-leave annwali tiegħu jew, fil-każ ta’ eżawriment ta’ dan tal-aħħar, għat-telf tal-benefiċċju tar-remunerazzjoni tiegħu għall-perijodu li jikkorrispondi għall-imsemmija assenza mhux awtorizzata.

103    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt iddeċidiet li uffiċjal li jkun assenti mingħajr ma jkun awtorizzat, fejn din l-assenza tkun debitament ikkonstatata, u li d-drittijiet għal leave tiegħu jkunu eżawriti jitlef ipso iure l-benefiċċju tar-remunerazzjoni tiegħu (sentenza tas‑6 ta’ Lulju 1983, Geist vs Il‑Kummissjoni, 285/81, EU:C:1983:192, punt 21).

104    It-telf tal-benefiċċju ta’ remunerazzjoni, previst fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 60 tar-Regolamenti tal-Persunal, la jikkostitwixxi sanzjoni dixxiplinari u lanqas miżura ekwivalenti (sentenza tas‑6 ta’ Lulju 1983, Geist vs Il‑Kummissjoni, 285/81, EU:C:1983:192, punt 21).

105    Minn dan jirriżulta, minn naħa, li t-tnaqqis ta’ assenza mhux awtorizzata mit-tul tal-leave annwali jew, fil-każ ta’ eżawriment ta’ dan tal-aħħar, it-telf tal-benefiċċju tar-remunerazzjoni għall-perijodu korrispondenti għal din l-assenza, previsti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 60 tar-Regolamenti tal-Persunal, huma miżuri li, minħabba n-natura tagħhom u l-effetti tagħhom, ma għandhomx l-għan li jċanfru jew li jwiddbu uffiċjal minħabba l-kondotta ħażina li jkun adotta jew minħabba l-inkompetenza jew l-indisponibbiltà li wera waqt il-ħin tax-xogħol, iżda li jikkumpensaw assenza fiżika ta’ dan l-uffiċjal. Peress li l-assenza hija kkalkolata fi ġranet jew f’nofstanharijiet, dawn il-miżuri jimmaterjalizzaw ruħhom permezz tat-tnaqqis ta’ numru ta’ ġranet jew ta’ nofstanharijiet fuq il-bilanċ tal-leave annwali li jkun fadal jew, jekk ikun il-każ, fuq ir-remunerazzjoni tal-uffiċjal ikkonċernat.

106    Issa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 63 tal-konklużjonijiet tiegħu, kuntrarjament għal sitwazzjonijiet li fihom uffiċjal ikun assenti mill-post tax-xogħol tiegħu, ma huwiex possibbli li jiġi kkwantifikat nuqqas possibbli li jwettaq l-obbligi professjonali tiegħu.

107    Min-naħa l-oħra, il-miżuri msemmija fil-punt 105 ta’ din is-sentenza ma għandhomx l-għan li jissostitwixxu sanzjoni dixxiplinari minħabba tali nuqqas.

108    Konsegwentement, l-għan tal-miżuri previsti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 60 tar-Regolamenti tal-Persunal jikkonferma l-interpretazzjoni li tgħid li din id-dispożizzjoni tkopri sitwazzjonijiet li fihom uffiċjal ikun fiżikament assenti mill-post tax-xogħol tiegħu.

109    Għalhekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 64 tal-konklużjonijiet tiegħu, jekk jitqies li uffiċjal li huwa preżenti fuq il-post tax-xogħol tiegħu, li jwettaq id-doveri tiegħu ħażin, jew saħansitra jkun ħati ta’ insubordinazzjoni, ikun f’sitwazzjoni ta’ “assenza mhux awtorizzata”, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 60 tar-Regolamenti tal-Persunal, u, għaldaqstant, li jista’ jitwettaq tnaqqis fuq il-ġranet ta’ leave tiegħu jew fuq ir-remunerazzjoni tiegħu, dan jikkostitwixxi użu ħażin tal-proċedura dixxiplinari. Din il-klassifikazzjoni żbaljata ta’ “assenza mhux awtorizzata” ikollha bħala effett li timponi fuq dan l-uffiċjal sanzjoni pekunjarja li ma hijiex prevista mir-Regolamenti tal-Persunal, mingħajr ma jkun seta’ jibbenefika mill-garanziji ta’ proċedura dixxiplinarja regolari.

110    Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset, fid-digriet appellat, li, anki jekk jitqies li ġie stabbilit li l-appellanti kienet effettivament preżenti fil-bini tas-SEAE, hija ma kinitx osservat il-kundizzjonijiet meħtieġa mill-Artikoli 21 u 55 tar-Regolamenti tal-Persunal, minħabba li hija kienet uriet l-intenzjoni tagħha li ma taħdimx fi ħdan id-diviżjoni, li, għaldaqstant, is-SEAE ma jistax jiġi kkritikat li kkunsidra li l-appellanti kienet tinsab f’sitwazzjoni ta’ assenzi mhux iġġustifikati u li, peress li l-assenzi kkunsidrati mis-SEAE ma kinux ġew awtorizzati minn qabel mis-superjuri tal-appellanti, is-SEAE seta’, konformement mal-Artikolu 60 tar-Regolamenti tal-Persunal, jipproċedi bi tnaqqis mis-salarju sa 72 ġurnata.

111    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel ilment tal-ħames parti tal-aggravju uniku huwa fondat.

112    Konsegwentement, id-digriet appellat għandu jiġi annullat, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi eżaminat it-tieni lment tal-ħames parti tal-aggravju uniku u lanqas il-partijiet l-oħra ta’ dan l-aggravju.

 Fuq irrikors quddiem ilQorti Ġenerali

113    Konformement mat-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din tal-aħħar tista’, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tiddeċiedi l-kawża hija stess meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

114    Dan huwa l-każ f’din il-kawża.

 Fuq ittalba għallannullament taddeċiżjoni kontenzjuża u taddeċiżjoni ta’ ċaħda talilment

115    Għandu jiġi rrilevat li l-iżball ta’ liġi msemmi fil-punt 110 ta’ din is-sentenza jivvizzja wkoll id-deċiżjoni kontenzjuża u d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment.

116    Mid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment jirriżulta li s-SEAE qies li uffiċjal ikun preżenti f’dan is-servizz meta jissodisfa ż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi li jirriżultaw mill-Artikoli 21 u 55 tar-Regolamenti tal-Persunal, jiġifieri li jassisti lis-superjuri tiegħu billi jwettaq id-doveri fdati lilu u li jkun f’kull mument disponibbli għall-istituzzjoni. F’dan ir-rigward, is-SEAE, minn naħa, qies li uffiċjal li ddikjara l-intenzjoni tiegħu li ma jassistix lis-superjuri tiegħu u li ma jwettaqx id-doveri fdati lilu ma ssodisfax il-kundizzjonijiet ta’ preżenza effettiva fi ħdan is-servizz u kien jinsab f’sitwazzjoni ta’ assenza mhux iġġustifikata. Min-naħa l-oħra, huwa ċaħad il-provi li bbażat ruħha fuqhom l-appellanti minħabba li dawn ma jattestawx “preżenza effettiva”, fis-sens tal-kundizzjonijiet meħtieġa mill-Artikoli 21 u 55 tar-Regolamenti tal-Persunal.

117    Minn allegat nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi meħtieġa mill-Artikoli 21 u 55 tar-Regolamenti tal-Persunal is-SEAE ddeduċa li l-appellanti kienet tinsab f’sitwazzjoni ta’ “assenza mhux awtorizzata”, fis-sens tal-Artikolu 60 tar-Regolamenti tal-Persunal. Issa, kif tfakkar fil-punt 95 ta’ din is-sentenza, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 60, l-assenza debitament ikkonstatata tal-uffiċjal ikkonċernat u n-nuqqas ta’ awtorizzazzjoni minn qabel min-naħa tas-superjuri tiegħu f’dan ir-rigward huma, ħlief fil-każ ta’ mard jew ta’ inċident, determinanti, u din l-assenza għandha tinftiehem bħala assenza fiżika mill-post tax-xogħol tiegħu.

118    Id-deċiżjoni kontenzjuża u d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment għandhom, konsegwentement, jiġu annullati.

 Fuq ittalba għal ħlas lura

119    Permezz tar-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellanti talbet ukoll li l-ammonti li għandhom jitħallsulha lura jiżdiedu b’interessi moratorji bir-rata ta’ 5 % fis-sena jew bi kwalunkwe rata oħra, ikkalkolata fil-jum tar-rimbors effettiv u skont id-data tat-tnaqqis differenti applikat.

120    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, bis-saħħa tat-tieni sentenza tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Qorti Ġenerali għandha, fir-rigward ta’ kawżi ta’ natura pekunjarja, ġurisdizzjoni sħiħa (sentenza tal‑21 ta’ Frar 2008, Il‑Kummissjoni vs Girardot, C‑348/06 P, EU:C:2008:107, punt 58).

121    Il-ġurisdizzjoni sħiħa mogħtija lill-qorti tal-Unjoni mill-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal tagħtiha l-missjoni li tagħti soluzzjoni sħiħa lill-kawżi li jitressqu quddiemha, jiġifieri li tiddeċiedi dwar id-drittijiet u l-obbligi kollha tal-membru tal-persunal, ħlief li tirrinvija lill-istituzzjoni inkwistjoni, u taħt l-istħarriġ tagħha, l-eżekuzzjoni ta’ tali parti tas-sentenza fil-kundizzjonijiet preċiżi li hija tistabbilixxi (sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2007, Weißenfels vs Il‑Parlament, C‑135/06 P, EU:C:2007:812, punt 67).

122    Hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tiddeċiedi, jekk ikun il-każ, kontra istituzzjoni kundanna għall-ħlas ta’ somma li għaliha r-rikorrent għandu dritt bis-saħħa tar-Regolamenti tal-Persunal jew ta’ att ġuridiku ieħor (sentenzi tat‑18 ta’ Diċembru 2007, Weißenfels vs Il‑Parlament, C‑135/06 P, EU:C:2007:812, punt 68, u tal‑10 ta’ Settembru 2015, Eżami mill-ġdid Missir Mamachi di Lusignano vs Il‑Kummissjoni, C‑417/14 RX‑II, EU:C:2015:588, punt 40).

123    Il-“kwistjonijiet ta’ natura pekunjarja”, fis-sens tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, jikkostitwixxu mhux biss l-azzjonijiet għad-danni magħmula mill-membri tal-persunal kontra istituzzjoni, iżda wkoll dawk l-azzjonijiet kollha li huma intiżi għall-ħlas minn naħa ta’ istituzzjoni lil membru tal-persunal ta’ ammont li hija tqis li huwa dovut lilu bis-saħħa tar-Regolamenti tal-Persunal jew ta’ att ieħor li jirregola r-relazzjonijiet ta’ impjieg tagħhom (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2007, Weißenfels vs Il‑Parlament, C‑135/06 P, EU:C:2007:812, punt 65).

124    F’dan il-każ, it-talba tal-appellanti intiża sabiex is-SEAE jħallasha lura l-ammonti mnaqqsa mir-remunerazzjoni tagħha u sabiex dawn l-ammonti jiġu miżjuda bl-interessi moratorji għandha natura pekunjarja, fis-sens tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.

125    Fid-dawl tal-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża u tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, hemm lok li din it-talba tintlaqa’ u li s-SEAE jiġi kkundannat iħallas lura lill-appellanti l-ammonti mnaqqsa indebitament mir-remunerazzjoni tagħha, sa 71.5 ġurnata, peress li d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment laqgħet it-talba tal-appellanti għal nofstanhar. Dawn l-ammonti għandhom jiżdiedu, għal raġunijiet ta’ ekwità, bl-interessi bir-rata ta’ 5 % fis-sena mid-data tat-tnaqqis tagħhom.

 Fuq lispejjeż

126    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi l-kawża hija stess, hija għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

127    L-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-imsemmija regoli, jipprevedi li l-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li WV talab li s-SEAE jiġi kkundannat għall-ispejjeż u peress li dan tal-aħħar tilef il-kawża, is-SEAE għandu jiġi kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tiegħu, dawk sostnuti minn WV kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fil-kuntest ta’ dan l-appell.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad29 ta’ Jannar 2020, WV vs SEAE (T471/18, mhux ippubblikat, EU:T:2020:26), huwa annullat.

2)      Id-deċiżjoni tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) tas27 ta’ Novembru 2017 li wasslet għal tnaqqis mis-salarju ta’ 72 ġurnata u d-deċiżjoni tas-SEAE tat2 ta’ Mejju 2018 li ċaħdet l-ilment tal-appellanti mressaq fit3 ta’ Jannar 2018 huma annullati.

3)      Is-SEAE huwa kkundannat iħallas lura lill-appellanti l-ammonti mnaqqsa indebitament mir-remunerazzjoni tagħha, sa 71.5 ġurnata. Dawn l-ammonti għandhom jiżdiedu bl-interessi bir-rata ta’ 5 % fis-sena mid-data tat-tnaqqis tagħhom.

4)      IS-SEAE għandu jbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tiegħu, dawk sostnuti minn WV kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fil-kuntest ta’ dan l-appell.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.