Language of document : ECLI:EU:F:2015:115

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA (L-Ewwel Awla)

6 ta’ Ottubru 2015 (*)

“Servizz pubbliku — Assistenti parlamentari akkreditati — Artikolu 266 TFUE — Miżuri ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ annullament tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku — Annullament ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija — Annullament ta’ deċiżjoni li tiċħad talba għal assistenza mressqa skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal — Portata tal-obbligu ta’ assistenza fil-preżenza ta’ provi prima facie ta’ fastidju — Obbligu għall-ASTK li tmexxi investigazzjoni amministrattiva — Possibbiltà għall-uffiċjal jew għall-membru tal-persunal li jibda proċedura ġudizzjarja nazzjonali — Kumitat konsultattiv dwar il-fastidju u l-prevenzjoni tiegħu fuq il-post tax-xogħol li jittratta lmenti ta’ assistenti parlamentari akkreditati fir-rigward ta’ membri tal-Parlament — Rwol u prerogattivi — Danni materjali u morali”

Fil-Kawża F‑132/14,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA, skont l-Artikolu 106a tiegħu,

CH, ex assistenta parlamentari akkreditata tal-Parlament Ewropew, residenti fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentata minn L. Levi, C. Bernard-Glanz u A. Tymen, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn E. Taneva u M. Dean, bħala aġenti,

konvenut,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L‑Ewwel Awla),

kompost minn R. Barents, President, E. Perillo u J. Svenningsen (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: W. Hakenberg,

wara li ra l-proċedura bil-miktub,

wara li, bi ftehim mal-partijiet, iddeċieda li jagħti deċiżjoni mingħajr seduta b’applikazzjoni tal-Artikolu 59(2) tar-Regoli tal-Proċedura,

jagħti l-preżenti

Sentenza

1        B’att ippreżentat fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fis-17 ta’ Novembru 2014, CH ippreżentat dan ir-rikors fejn talbet:

–        l-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew, tat-3 ta’ Marzu 2014, sa fejn din l-istituzzjoni rrifjutat, skont il-miżuri li kienu jinvolvu l-eżekuzzjoni tas-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, CH vs Il‑Parlament (F‑129/12, EU:F:2013:203, iktar ’il quddiem is-“sentenza CH”), fis-sens tal-Artikolu 266 TFUE, li tinfetaħ investigazzjoni amministrattiva intiża sabiex tistabbilixxi l-verità tal-fatti, li jinvolvu membru tal-Parlament, kif stabbiliti fit-talba għal assistenza tagħha mressqa fit-22 ta’ Diċembru 2011;

–        l-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament, tat-2 ta’ April 2014, sa fejn, permezz ta’ din id-deċiżjoni, irrifjuta li jħallasha ammont ta’ EUR 5 686 korrispondenti għad-differenza fir-remunerazzjoni li għaliha r-rikorrenti tqis li kellha dritt skont il-miżuri ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza CH fis-sens tal-Artikolu 266 TFUE;

–        l-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament, tal-4 ta’ Awwissu 2014, li permezz tagħha l-Parlament ċaħad l-ilment imressaq mir-rikorrenti kontra ż-żewġ deċiżjonijiet fuq imsemmija tat-3 ta’ Marzu u tat-2 ta’ April 2014;

–        il-kundanna tal-Parlament sabiex iħallas lir-rikorrenti l-ammonti, rispettivament, ta’ EUR 144 000 u ta’ EUR 60 000, bħala kumpens għad-dannu materjali u morali tagħha.

 Il-kuntest ġuridiku

1.     It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

2        Skont l-Artikolu 266 TFUE, “[l]-istituzzjoni, korp jew organu li l-att tiegħu ikun ġie iddikjarat null [mill-Qorti tal-Unjoni] jew li n-nuqqas tiegħu li jaġixxi jkun ġie iddikjarat kuntrarju għat-Trattati għandu jkun marbut li jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mas-sentenza [ta’ annullament]”. Din id-dispożizzjoni tippreċiża li “[d]in l-obligazzjoni ma tippreġudikax xi obligazzjoni li tista’ tirriżulta mill-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 340[, TFUE]”, li jipprovdi li, “[f] il-każ ta’ responsabbiltà mhux kontrattwali, l-Unjoni għandha, skond il-prinċipji ġenerali komuni għal sistemi legali ta’ l-Istati Membri, tagħmel tajjeb għal kull dannu kkaġunat mill-istituzzjonijiet tagħha jew mill-impjegati tagħha fit-twettiq ta’ dmirijiethom”.

2.     Ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea

3        L-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea fil-verżjoni tagħhom applikabbli għat-tilwima (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), jipprovdi:

“Turment psikoloġiku” [fastidju psikoloġiku]; ifisser kull imġiba mhux xierqa li ssir tul perjodu, hija ripetittiva jew sitematika u tinvolvi atteġġament fisku, lingwa mlissna jew miktuba, azzjonijiet jew atti oħra li huma intenzjonali u li jistgħu jbaxxu l-personalità, dinjità, jew integrità fisika jew psikoloġika ta’ xi persuna.”

4        L-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi:

“L-Unjoni għandha tassisti kull uffiċjal, partikolarment fi proċeduri kontra kull persuna li tagħmel theddid, atti jew kliem ta’ insult jew defamatorji, jew kull attakk fuq persuna jew proprjeta' li għalihom huwa jew membru mill-familja tiegħu huwa suġġett minħabba l-posizzjoni jew id-dmirijiet tiegħu.

Huma għandhom jikkumpensaw in solidum l-uffiċjal għall-ħsara li sofra fit-tali każijiet, sakemm l-uffiċjal ma kkawżax il-ħsara intenzjonalment jew b’negliġenza gravi u ma kienx kapaċi jikseb kumpens mill-persuna li kkważata.”

3.     Il-kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Unjoni Ewropea

5        Il‑kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Kondizzjonijiet tal-impjieg”), fil-verżjoni tagħhom, applikabbli għall-kawża, japplikaw, skont l-Artikolu 1 tagħhom, “għall-impjegati mqabbda biex jaħd[mu] taħt kuntrat mill-Unjoni” u, b’mod partikolari, għall-membru tal-persunal li jokkupa l-kariga ta’ assistent parlamentari akkreditat (iktar ’il quddiem l-“APA”). F’dan ir-rigward, l-Artikolu 5a tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jippreċiża:

“Għall-finijiet ta’ dawn il-Kondizzjonijiet tal-impjieg, l-[APA] tfisser il-persuni magħżula minn Membru wieħed jew aktar u impjegati b’kuntratt dirett mal-Parlament [...] biex jipprovdu assistenza diretta, fil-bini tal-Parlament [...] f’wieħed mit-tliet postijiet tax-xogħol tiegħu, lill-Membru jew Membri fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom bħala Membri tal-Parlament [...], taħt id-direzzjoni u l-awtorità tagħhom u f’relazzjoni ta’ fiduċja reċiproka konformement mal-libertà tal-għażla prevista fl-Artikolu 21 tad-Deċiżjoni tal-Parlament [...] 2005/684/KE, Euratom tat-28 ta’ Settembru 2005 li tadotta l-Istatut għall-Membri tal-Parlament [...] [ĠU L 262, p. 1)].”

6        Il-Kondizzjonijiet tal-impjieg jinkludu Titolu VII, intitolat “Assistenti parlamentari”, stabbilit għall-APA, li jikkonsisti mill-Artikoli 125 sa 139, u fejn, fihom skont it-termini tal-Artikolu 125(1) “[i]l-Parlament [...] jadotta [il-]miżuri implimentattivi permezz ta’ deċiżjoni interna […]”

7        L-Artikolu 127 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jipprovdi:

“L-Artikoli 11 sa 26a tar-Regolamenti tal-Persunal għandhom japplikaw b’analoġija. Waqt li tingħata attenzjoni stretta, b’mod partikolari, lin-natura speċifika tal-funzjonijiet u d-dmirijiet tal-[APA] u lill-fiduċja reċiproka li trid tikkaratterizza r-relazzjoni professjonali bejnhom u l-Membru jew Membri tal-Parlament [...] li jassistu, il-miżuri implimentattivi dwar dan il-qasam adottati taħt l-Artikolu 125(1) [tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg] għandhom jieħdu kont tan-natura speċifika tar-relazzjoni professjonali bejn il-Membri u l-[APA] akkreditati tagħhom.”

8        L-ewwel sentenza tal-Artikolu 128(2) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg tipprovdi li l-“[APA] għandu jintgħażel mill-Membru jew Membri tal-Parlament [...] li huwa ser jassisti”.

9        Skont l-Artikolu 13(1) tad-deċiżjoni tal-uffiċċju tal-Parlament tal-14 ta’ April 2014, adottata skont l-Artikolu 125(1) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, identika fuq dan il-punt għall-Artikolu 13(1) tad-deċiżjoni preċedenti tal-uffiċċju tal-Parlament tad-9 ta’ Marzu 2009 kif emendata, l-APA huwa impjegat mill-Parlament fuq talba espressa tal-membru jew membri ta’ dik l-istituzzjoni li jingħata l-kompitu li jassisti.

4.     Ir-regoli interni dwar il-kumitati konsultattivi dwar il-fastidju u l-prevenzjoni tiegħu fuq il-post tax-xogħol

10      Fil-21 ta’ Frar 2006, il-Parlament adotta r-“[r]egoli interni dwar il-kumitat konsultattiv dwar il-fastidju u l-prevenzjoni tiegħu fuq il-post tax-xogħol […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] bl-għan li jimplementa l-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal (iktar ’il quddiem ir-“regoli interni dwar il-fastidju”). Jirriżulta mill-Artikolu 9 ta’ dawn ir-regoli interni li kull membru tal-persunal ta’ dik l-istituzzjoni li jiltaqa’ ma’ problema li tista’ tikkostitwixxi fastidju jew li jaħseb li teżisti problema ta’ dan it-tip fl-ambjent tax-xogħol tiegħu jista’ jressaq il-kwistjoni quddiem il-kumitat konsultattiv dwar il-fastidju u l-prevenzjoni tiegħu fuq il-post tax-xogħol (iktar ’il quddiem il-“kumitat konsultattiv ġenerali”), li huwa kompost minn sitt membri maħtura mis-Segretarju Ġenerali tal-Parlament, li tnejn minnhom għandhom jiġu nnominati mill-Kumitat tal-persunal u wieħed mis-servizz mediku tal-istituzzjoni. L-Artikolu 11 tar-regoli interni dwar il-fastidju jipprovdi li membru tal-persunal li jħoss ruħu vittma ta’ fastidju għandu jinstema’ mill-kumitat konsultattiv ġenerali fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol sussegwentement għat-talba tiegħu. Skont l-Artikoli 12 sa 14 tar-regoli interni dwar il-fastidju, il-kumitat konsultattiv ġenerali jista’, jekk iqis li huwa opportun, jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-persunal tal-qasam bl-għan li jsolvi l-problema; bl-għan li jsegwi l-każ, huwa għandu jżomm kuntatt mal-membru tal-persunal ikkonċernat u, jekk meħtieġ, mas-superjuri ġerarkiċi tiegħu; fl-aħħar nett, jekk il-problema tippersisti, l-imsemmi kumitat għandu jibgħat rapport kunfidenzjali lis-Segretarju Ġenerali tal-Parlament bi proposti dwar l-azzjoni jew l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu u, meta dan jidhirlu xieraq, jista’ jitlob mingħandu istruzzjonijiet għat-twettiq ta’ investigazzjoni ddettaljata.

11      Fl-14 ta’ April 2014, fir-rigward tas-sitwazzjoni partikolari tal-APA, kif enfasizzata bis-sentenza CH, l-uffiċċju tal-Parlament adotta regoli interni intiżi sabiex jikkostitwixxi kumitat konsultattiv dwar il-fastidju u l-prevenzjoni tiegħu fuq il-post tax-xogħol kompetenti fir-rigward ta-tilwim bejn l-APA u l-membri tal-Parlament (iktar ’il quddiem ir-“regoli interni ‘APA' dwar il-fastidju”). Il-kumitat konsultattiv dwar il-fastidju u l-prevenzjoni tiegħu fuq il-post tax-xogħol kompetenti fir-rigward tat-tilwim bejn l-APA u l-membri tal-Parlament (iktar ’il quddiem il-“kumitat konsultattiv speċjali ‘APA'”) huwa kompost minn ħames membri, maħtura mill-President tal-Parlament: tliet Kwesturi tal-istituzzjoni, il-Kwesturi tal-Parlament, ħamsa, miġbura fil-kulleġġ, li huma membri tal-Parlament eletti minn membri oħra sabiex jiġġestixxu l-kompiti amministrattivi u finanzjarji li jikkonċernaw direttament lill-parlamentari; membru maħtur mill-kumitat tal-APA msemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 126(2) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, filwaqt li l-aħħar wieħed, President tal-kumitat konsultattiv ġenerali, jirrappreżenta l-amministrazzjoni tal-Parlament. Il-kumitat konsultattiv speċjali “APA”, ippresedut minn wieħed mill-Kwesturi, għandu bħala missjoni prinċipali li “jipprevjeni u/jew iwaqqaf kull fastidju ta’ APA” u li “jissodisfa rwol ta’ medjazzjoni u ta’ informazzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

12      F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 10 tar-regoli interni “APA” dwar il-fastidju, wara li jisma’ lill-persuni kkonċernati, l-allegata vittma u min ikun allegatament ta fastidju, il-kumitat konsultattiv speċjali “APA” għandu jibgħat rapport kunfidenzjali lill-kulleġġ tal-Kwesturi. Dan ir-rapport kunfidenzjali għandu jinkludi deskrizzjoni tal-akkużi, id-dettalji tal-proċedura, il-konklużjonijiet tal-kumitat konsultattiv speċjali “APA” u proposti dwar l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu, filwaqt li jekk ikun il-każ jitlob lill-kulleġġ tal-Kwesturi sabiex jinkariga lill-kumitat konsultattiv speċjali “APA” sabiex jipproċedi għal investigazzjoni eżawrjenti. L-Artikolu 11 tar-regoli interni “APA” dwar il-fastidju jipprovdi li, “[j]ekk jiġi mitlub jipproċedi għal tali investigazzjoni, il-kumitat [konsultattiv speċjali ‘APA’] għandu jibgħat il-konklużjonijiet tiegħu u l-eventwali rakkommandazzjonijiet lill-[K]westuri”, filwaqt li l-Artikolu 12 tal-istess regoli interni jipprovdi b’mod partikolari li l-Kwesturi “għandhom jindikaw bil-miktub lill-kumitat [konsultattiv speċjali ‘APA’] il-miżuri li huma għandhom l-intenzjoni li jieħdu, inkluż, jekk huwa xieraq, li huma jirrakkomandaw lill-[P]resident [tal‑Parlament] li jimponi sanzjoni fuq il-membru kkonċernat skont l-Artikoli 9 u 153 tar-regoli tal-Parlament […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1.     Il-fatti li taw lok għas-sentenza CH

13      Fl-1 ta’ Ottubru 2004, ir-rikorrenti ġiet irreklutata mill-Parlament bħala APA sabiex tassisti lil B., membru tal-Parlament, skont kuntratt li kellu jiskadi fit-tmiem tal-leġiżlatura 2004/2009.

14      Wara l-interruzzjoni tal-mandat parlamentari ta’ B., b’effett mill-1 ta’ Diċembru 2007 sa tmiem il-leġiżlatura, ir-rikorrenti kienet ġiet irreklutata mill-Parlament bħala APA sabiex tassisti lil P., membru tal-Parlament ġdida li laħqet wara B. sa tmiem il-mandat li kien fis-seħħ.

15      B’effett mill-1 ta’ Awwissu 2009, ir-rikorrenti ġiet irreklutata mill-Parlament bħala APA sabiex tassisti lil P. tul il-leġiżlatura 2009/2014. Hija kienet ikklassifikata fil-grad 14 tal-grupp ta’ funzjonijiet II. Madankollu, b’kuntratt ġdid, iffirmat fl-1 ta’ Settembru 2010 u li temm il-kuntratt preċedenti, ir-rikorrenti kienet ġiet irreklutata sabiex teżerċita l-istess funzjonijiet, iżda din id-darba fil-grad 11 tal-grupp ta’ funzjonijiet II (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ xogħol” jew il-“kuntratt tal-APA”).

16      Mis-27 ta’ Settembru 2011, ir-rikorrenti ngħatat leave tal-mard li ġie estiż sad-19 ta’ April 2012.

17      Fit-28 ta’ Novembru 2011, ir-rikorrenti informat lill-kumitat konsultattiv ġenerali bid-diffikultajiet tagħha fuq ix-xogħol, li hija allegat li kienu riżultat tal-aġir ta’ P. fil-konfront tagħha.

18      Permezz ta’ messaġġ elettroniku tas-6 ta’ Diċembru 2011, ir-rikorrenti staqsiet lill-membri tal-kumitat konsultattiv ġenerali dwar il-passi li kellha ssegwi sabiex “tressaq ilment”. Imbagħad, permezz ta’ messaġġ elettroniku tat-12 ta’ Diċembru 2011 u sabiex turi l-fastidju li hija allegat li ġarrbet minħabba l-aġir tal-membru tal-Parlament li hija kienet tassisti, ir-rikorrenti bagħtet lil kull wieħed mill-membri tal-kumitat, kif ukoll lis-Segretarju Ġenerali tal-Parlament, il-messaġġ elettroniku li hija kienet bagħtet fl-istess jum lil P. li fih hija ddeskriviet, għall-attenzjoni ta’ din il-membru tal-Parlament, l-istat ta’ saħħa tagħha. Permezz ta’ messaġġ elettroniku tal-21 ta’ Diċembru 2011, ir-rikorrenti indirizzat ruħha lill-President tal-imsemmi kumitat sabiex titolbu jiltaqa’ magħha.

19      Fit-22 ta’ Diċembru 2011, ir-rikorrenti ressqet, quddiem is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament, talba għal assistenza skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal (iktar ’il quddiem it-“talba għal assistenza”), fejn hija allegat li kienet il‑vittma ta’ fastidju psikoloġiku min-naħa ta’ P. u talbet li jittieħdu miżuri ta’ tneħħija kif ukoll li tinfetaħ investigazzjoni amministrattiva.

20      Fis-6 ta’ Jannar 2012, P. bagħtet lid-diviżjoni “Reklutaġġ u trasferiment tal-persunal”, li tifforma parti mid-Direttorat għall-“Iżvilupp tar-Riżorsi Umani” fi ħdan id-Direttorat Ġenerali għall-Persunal tal-Parlament, talba bil-miktub għax-xoljiment tal-kuntratt ta’ APA tar-rikorrenti (iktar ’il quddiem it-“talba għal xoljiment”). Fit-18 ta’ Jannar 2012, P. ikkonfermat it-talba għal xoljiment.

21      Permezz ta’ deċiżjoni tal-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ tal-Parlament (iktar ’il quddiem l-“ASTK”) tad-19 ta’ Jannar 2012, il-kuntratt ta’ APA tar-rikorrenti ġie xolt b’effett mid-19 ta’ Marzu 2012 minħabba l-allegat ksur tar-rabta ta’ fiduċja (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ tkeċċija”). Ir-rikorrenti ġiet eżentata milli tkompli taħdem matul il-perijodu ta’ preavviż, li kien ta’ tul mid-19 ta’ Jannar sad-19 ta’ Marzu 2012. Insostenn tal-motiv ibbażat fuq il-ksur tar-rabta ta’ fiduċja, l-ASTK targumenta li P. kienet informatha li r-rikorrenti ma kellhiex kompetenzi neċessarji sabiex issegwi x-xogħol ta’ ċerti kumitati parlamentari li hija kienet membru tagħhom u li hija kienet ukoll ilmentat mill-aġir inaċċettabbli tar-rikorrenti kemm fir-rigward tagħha kif ukoll fir-rigward ta’ membri oħra tal-Parlament u tal-APA tagħhom.

22      Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Marzu 2012, it-talba għal assistenza ġiet miċħuda mid-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali tal-Persunal, li jaġixxi bħala ASTK, għall-motiv li, irrispettivament mill-kwistjoni jekk APA setax jibbenefika minn assistenza skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, it-talba għal assistenza tar-rikorrenti, dwar l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ tneħħija u għat-twettiq ta’ investigazzjoni amministrattiva, kienet saret inutili għaliex, fid-dawl tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija li ttieħdet fil-frattemp, ir-rikorrenti ma kinitx għadha teżerċita attività professjonali fi ħdan il-Parlament (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza”).

23      Fit-30 ta’ Marzu 2012, ir-rikorrenti ressqet ilment quddiem is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, kontra d-deċiżjoni ta’ tkeċċija. Fit-22 ta’ Ġunju 2012, ir-rikorrenti ressqet ukoll ilment, skont l-istess dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal, kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza.

24      Permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Lulju 2012, is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament laqa’ parzjalment l-ilment imressaq kontra d-deċiżjoni ta’ tkeċċija billi ddeċieda li jipposponi d-data ta’ skadenza tal-kuntratt ta’ APA sal-20 ta’ Ġunju 2012 minħabba l-leave tal-mard tagħha ġġustifikat b’ċertifikat mediku sad-19 ta’ April 2012. Min-naħa l-oħra, huwa kkonferma l-fondatezza tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija billi invoka l-impossibbiltà, rikonoxxuta mill-ġurisprudenza, b’mod partikolari fil-punt 149 tas-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2010, Tomas vs Il‑Parlament (F‑116/07, F‑13/08 u F‑31/08, EU:F:2010:77), ta’ stħarriġ dwar l-eżistenza jew tat-telf tar-rabta ta’ fiduċja, impossibbiltà li hija estiża parzjalment għall-istħarriġ tal-motivi mressqa sabiex jiġġustifikaw l-ineżistenza jew it-telf ta’ din ir-rabta ta’ fiduċja.

25      F’kull każ, is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament qies li r-rikorrenti ma pproduċietx il-prova ta’ żbalji manifesti li jivvizzjaw il-fatti mressqa sabiex jiġġustifikaw il-ksur tar-rabta ta’ fiduċja, minkejja li l-Parlament kellu konoxxenza ta’ diversi nuqqasijiet professjonali tar-rikorrenti, b’mod partikolari b’rabta mal-opportunità li tifformula emendi leġiżlattivi li jkunu jistgħu jiġu inseriti f’fajl, man-nuqqas ta’ korteżija tagħha fil-konfront ta’ membru tal-Parlament ta’ Stat Membru ieħor li ma huwiex dak ta’ P. jew mal-aġir insolenti tar-rikorrenti fir-rigward ta’ APA ġdida rreklutata biex tassisti lil P. u man-nuqqas manifest ta’ manjieri kontra din fil-preżenza ta’ kap ta’ impriża. Professur li kien jakkumpanja grupp ta’ studenti waqt żjara fil-bini tal-istituzzjoni kien ukoll ilmenta min-nuqqas ta’ manjieri min-naħa tar-rikorrenti.

26      Fl-aħħar nett, skont is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament, iċ-ċirkustanza li r-rikorrenti kienet ressqet talba għal assistenza ma kinitx ta’ natura li tostakola d-deċiżjoni ta’ tkeċċija li d-deterjorazzjoni manifesta tar-relazzjonijiet bejn P. u r-rikorrenti kienet tirrendi inevitabbli.

27      Barra minn hekk, permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Ottubru 2012, is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament, fil-kwalità tiegħu ta’ ASTK, ċaħad l-ilment imressaq kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza, filwaqt li enfasizza li, filwaqt li huwa “[kien] għarraf [lir-rikorrenti], insostenn tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija mill-ASTK, b[l-]aġir inaċċettabbli [tagħha] […] u bil-fatti preċiżi, verifikabbli u li seħħew fil-preżenza ta’ xhieda, [hija] [kienet] ressqet allegazzjonijiet li b’ebda mod ma [kienu] ppruvati”. Huwa kien ukoll wieġeb lir-rikorrenti li, b’mod ġenerali, il-miżuri li hija kienet talbet ma kienu “bl-ebda mod kompatibbli man-natura speċifika tar-relazzjonijiet mill-qrib u ta’ fiduċja li huma neċessarjament dawk ta’ membru mal-[APA] tiegħu” [traduzzjoni mhux uffiċjali], li, b’mod partikolari, miżura ta’ tneħħija ma kinitx tagħmel l-inqas sens għaliex kienet ser tipprekludi kull relazzjoni effettiva ta’ xogħol bejn il-membru tal-Parlament u l-APA tiegħu u li, fuq livell prattiku, il-Parlament ma setax jassenja mill-ġdid lir-rikorrenti lil xi membru ieħor tal-istituzzjoni għaliex dan biss seta’ jitlob lill-ASTK ir-reklutaġġ ta’ APA tal-għażla tiegħu. Is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament sostna wkoll, li f’dak li jikkonċerna t-talba sabiex tinfetaħ investigazzjoni amministrattiva, is-sentenza tat-8 ta’ Frar 2011, Skareby vs Il‑Kummissjoni (F‑95/09, EU:F:2011:9), invokata f’dan ir-rigward mir-rikorrenti, ma kinitx trasponibbli għal dan il-każ partikolari peress li l-membri tal-Parlament ma humiex suġġetti għar-Regolamenti tal-Persunal inkluż għalhekk l-Artikolu 12a tagħhom, u li huma ma jistgħux ikunu suġġetti għal sanzjoni dixxiplinari jew jiġu mġiegħla mill-ASTK sabiex jipparteċipaw f’investigazzjoni amministrattiva, minkejja li tali parteċipazzjoni tkun essenzjali.

28      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-31 ta’ Ottubru 2012 u rreġistrat bir-referenza F‑129/12, ir-rikorrenti, essenzjalment, talbet l-annullament tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija u tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza, kif ukoll li l-Parlament jiġi kkundannat iħallasha s-somma ta’ EUR 120 000 bħala danni.

29      Fit-12 ta’ Diċembru 2013, bis-sentenza CH, li ma ġietx appellata u li, għaldaqstant, hija definittiva, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku annulla d-deċiżjoni ta’ tkeċċija u d-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza. Barra minn hekk, “wara li kkunsidra l-kundizzjonijiet ferm dubjużi li fihom ittieħdu d-deċiżjoni ta’ tkeċċija u d-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza”, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkundanna lill-Parlament iħallas lir-rikorrenti ammont ta’ EUR 50 000 bħala kumpens għad-dannu morali mġarrab (sentenza CH, punt 65).

2.     Dwar il-miżuri ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza CH adottati mill-Parlament

30      Wara d-deċiżjoni ta’ tkeċċija, annullata bis-sentenza CH, ir-rikorrenti bbenefikat minn allowances tal-qgħad, mid-data li fiha d-deċiżjoni ta’ tkeċċija daħlet fis-seħħ sat-23 ta’ Jannar 2013, id-data li fiha hija ġiet irreklutata minn persuna li timpjega Belġjana (iktar ’il quddiem il-“persuna li timpjega privata”) li, iktar tard, minħabba raġunijiet ekonomiċi, kienet kostretta li tkeċċiha. Ir-rikorrenti kienet għalhekk irċeviet salarju mingħand il-persuna li timpjega privata mit-23 ta’ Jannar 2013 sat-12 ta’ Marzu 2014.

31      Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Jannar 2014, ir-rikorrenti talbet lill-Parlament li jieħu l-miżuri li ġejjin sabiex, skont l-Artikolu 266 TFUE, jiżgura l-eżekuzzjoni tas-sentenza CH:

–        iħallasha r-remunerazzjoni tagħha mill-20 ta’ Ġunju 2012, id-data li fiha daħlet fis-seħħ id-deċiżjoni ta’ tkeċċija illegali, sat-12 ta’ Marzu 2014. F’dan ir-rigward, hija ppreċiżat li, sabiex tiġi koperta d-differenza bejn ir-remunerazzjoni li hija kienet tirċievi kieku ma tkeċċietx u s-salarju li hija rċeviet mingħand il-persuna li timpjega privata sat-12 ta’ Marzu 2014, kellha titħallas is-somma ta’ EUR 7 402.41;

–        jirreintegraha fl-impjieg permanenti tagħha fil-Parlament;

–        jiftaħ investigazzjoni amministrattiva maħsuba sabiex tiġi stabbilita l-verità tal-fatti rraportati fit-talba għal assistenza. Fuq dan is-suġġett, hija argumentat mal-Parlament li l-istqarrijiet magħmula minn P. lill-istampa Griega u Ġermaniża kienu juru l-fastidju li hija kienet kompliet iġġarrab mingħandha;

–        jiżgura li l-elementi negattivi li jirriżultaw mit-talba għal xoljiment ma jidhrux iktar fil-fajl personali tagħha;

–        jittrasferixxi d-drittijiet għall-pensjoni li hija kienet kisbet preċedentement mill-iskema nazzjonali lejn l-iskema tal-pensjoni tal-Unjoni Ewropea.

32      Fit-12 ta’ Frar 2014, inżammet laqgħa bejn l-avukati tar-rikorrenti u r-rappreżentanti tas-servizz legali tal-Parlament sabiex jittieħed kont tal-portata tal-miżuri ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza CH li kellhom jittieħdu mill-Parlament skont l-Artikolu 266 TFUE.

33      Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Marzu 2014, il-Parlament wieġeb uffiċjalment għat-talbiet differenti ta’ miżuri ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza CH ippreżentati mir-rikorrenti fl-ittra fuq imsemmija tal-15 ta’ Jannar 2014 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2014”).

34      Fir-rigward tat-talba tar-rikorrenti sabiex tiġi reintegrata f’impjieg permanenti mal-Parlament, dik l-istituzzjoni indikat li tali miżura kienet tmur manifestament lil hinn minn dak li kien meħtieġ għall-eżekuzzjoni tas-sentenza CH, b’mod partikolari għaliex, skont il-premessa 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 160/2009, tat-23 ta’ Frar 2009, li jemenda l-[Kondizzjonijiet tal-impjieg] (ĠU L 55, p. 1), “l-ebda dispożizzjoni ta’ dan ir-Regolament ma tista’ tiġi interpretata bħala li qed tagħti lill-[APA] aċċess privileġġat jew dirett għall-postijiet ta’ uffiċjali jew kategoriji oħra ta’ uffiċjali [tal-Unjoni Ewropea]”.

35      Taħt dawn il-kundizzjonijiet, fid-dawl tan-natura personali tar-relazzjoni ta’ xogħol li torbot il-membri u l-APA tagħhom, il-Parlament għarraf lir-rikorrenti li reintegrazzjoni effettiva fil-funzjonijiet tagħha ma kinitx possibbli. Għalhekk, il-Parlament ippreċiża li “l-unika possibbiltà [kienet] tikkonsisti li [r-rikorrenti] tiġi reintegrata fil-funzjoni li hija kienet tokkupa qabel id-deċiżjoni ta’ tkeċċija [deċiża bħala illegali], iżda li hija kienet ser tiġi eżentata milli twettaq ix-xogħol korrispondenti, u dan sa tmiem il-[kuntratt ta’ xogħol] tagħha […] fl-1 ta’ Lulju 2014[ ; d]in l-eżenzjoni mix-xogħol [kienet] tidher konformi mad-dmir ta’ premura” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. F’dan ir-rigward, il-Parlament intrabat li jħallas lir-rikorrenti r-remunerazzjonijiet li kienu dovuti lilha mill-21 ta’ Ġunju 2012, id-data li fiha daħlet fis-seħħ id-deċiżjoni ta’ tkeċċija, sa tmiem il-kuntratt ta’ xogħol tagħha, jiġifieri l-1 ta’ Lulju 2014, wara li jitnaqqsu remunerazzjonijiet u l-allowances tal-qgħad li barra minn hekk kienet intitolata li tirċievi matul dak il-perijodu.

36      Barra minn hekk, il-Parlament ikkonferma li t-talba għal xoljiment, li kienet saret fil-passat, ma kinitx tidher fil-fajl personali tar-rikorrenti u li d-deċiżjoni ta’ tkeċċija, li ġiet deċiża bħala illegali mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, kienet ġiet irtirata. Fir-rigward tat-talba għal trasferiment lejn l-iskema tal-pensjoni tal-Unjoni tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba preċedentement taħt skema nazzjonali, il-Parlament osserva li r-rikorrenti, li kienet wettqet b’kollox ħames snin xogħol bħala APA, ma kinitx tissodisfa l-kundizzjoni li tipproduċi prova ta’ mill-inqas għaxar snin servizz fi ħdan l-Unjoni sabiex tkun tista’ titlob pensjoni tal-irtirar pagabbli mill-baġit tal-Unjoni.

37      Fl-aħħar nett, fir-rigward tat-talba sabiex tinfetaħ investigazzjoni amministrattiva, diġà mressqa fit-talba għal assistenza, il-Parlament indika li, “[d]war dan il-punt, […] jekk [ir-rikorrenti] kellha tiddeċiedi li tibda proċedura ta’ rikors taħt il-liġi nazzjonali kontra [P.], il-Parlament ser jerġa’ jikkunsidra s-sitwazzjoni fid-dawl tal-ġurisprudenza kif tirriżulta [mill-punt 57] tas-sentenza [CH]”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

38      Permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Marzu 2014, filwaqt li ddikjarat l-intenzjoni tagħha li tippreżenta, sussegwentement, ilment kontra d-deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2014, ir-rikorrenti fformulat osservazzjonijiet intiżi sabiex jirrettifikaw tliet punti speċifiċi tat-talba tagħha għal miżuri ta’ eżekuzzjoni tal-15 ta’ Jannar 2014, li, fil-fehma tagħha, ma kellhom iqajmu l-ebda problema min-naħa tal-Parlament.

39      L-ewwel żewġ punti kienu jikkonċernaw rivalutazzjoni tal-ammont ta’ EUR 7 402.41, inizjalment mitlub mir-rikorrenti sabiex ikopri r-remunerazzjoni dovuta għall-perijodu bejn l-20 ta’ Ġunju 2012, id-data tat-tkeċċija illegali tagħha, u t-12 ta’ Marzu 2014, id-data li fiha hija ma baqgħetx tirċievi remunerazzjoni mingħand il-persuna li timpjega privata tagħha (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ dħul doppju”). F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, hija argumentat li, fil-kalkolu tal-ammonti rċevuti mingħand il-persuna li timpjega privata tagħha, bonus ta’ tlettax‑il xahar ta’ EUR 5 686 kien iddaħħal bi żball. Fil-fatt, dan il-bonus ma kienx jifforma parti mir-remunerazzjoni tagħha. Għall-kuntrarju dan kien jikkorrispondi mal-kumpens antiċipat ta’ xahar leave li hija kellha tieħu fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ xogħol ġdid li kellha l-intenzjoni li tidħol għalih ma’ persuna li timpjega privata ġdida Belġjana, iżda li ma kienx tħallas minn din tal-aħħar. Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ppreċiżat li, “minħabba t-tluq [involontarju] tagħha mill-Parlament fix-xahar ta’ Frar 2012”, hija kienet ibbenefikat minn preavviż ta’ xahrejn. Issa, billi d-deċiżjoni ta’ tkeċċija kienet ġiet annullata, ir-rikorrenti kienet tikkunsidra li hija kellha minn issa tiġi reintegrata f’relazzjoni ta’ impjieg għal tul ta’ żmien itwal, li kien jagħtiha d-dritt għal preavviż ta’ tliet xhur. Għaldaqstant, l-ammont mitlub ta’ EUR 5 686 b’rabta mal-perijodu ta’ dħul doppju kellu wkoll, fil-fehma tar-rikorrenti, jiżdied b’ammont ta’ EUR 3 977.43 li kien jikkorrispondi mas-salarju relatat max-xahar ta’ preavviż supplimentari li kellu jitħallas lilha mill-Parlament.

40      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ppreċiżat li, peress li hija kienet kuntrattwalment marbuta mal-Parlament fil-kwalità tagħha ta’ APA sal-iskadenza tal-kuntratt tagħha fi tmiem il-leġiżlatura, jiġifieri sal-1 ta’ Lulju 2014, din l-istituzzjoni kellha l-obbligu li tirrestitwixxi l-badge tagħha bħala APA u l-aċċess tagħha għal parking tal-Parlament.

41      Permezz ta’ ittra tat-2 ta’ April 2014 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tat-2 ta’ April 2014”), bi tweġiba għat-talbiet supplimentari ta’ miżuri ta’ eżekuzzjoni, imressqa mir-rikorrenti fis-26 ta’ Marzu 2014, il-Parlament qabel xejn innota li, billi l-ġurisprudenza tiddefinixxi b’mod wiesa’ ħafna l-ammonti li għandhom jitnaqqsu mir-remunerazzjonijiet dovuti a posteriori lil persuna li jirriżulta li tkeċċiet inkorrettement, huwa kien obbligat li jnaqqas il-bonus ta’ tlettax-il-xahar li kien jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “allowance alternattiva” fis-sens tal‑punt 71 tas-sentenza tat-13 ta’ April 2011, Scheefer vs Il‑Parlament (F‑105/09, EU:F:2011:41). Fir-rigward tat-tieni punt imqajjem mir-rikorrenti fl-ittra tagħha tas-26 ta’ Marzu 2014, il-Parlament spjega li, peress illi huwa ma kienx ħa deċiżjoni ġdida ta’ tkeċċija, il-kwistjoni tad-dritt għal preavviż ma tqumx. Fil-fatt issa, il-kuntratt ta’ xogħol kien miżmum sa tmiem il-leġiżlatura, l-1 ta’ Lulju 2014, u għalhekk ma kienx hemm iktar kwistjoni ta’ tkeċċija. Fl-aħħar nett, f’dak li jikkonċerna t-tielet punt imqajjem fl-ittra tas-26 ta’ Marzu 2014, il-Parlament spjega li l-“aċċess għall-bini u għall-parkings tal-Parlament [kien] aċċessorju għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet, li minnhom [ir-rikorrenti] [kienet] ġiet eżentata sa tmiem il-kuntratt [ta’ xogħol] tagħha”. Madankollu, il-Parlament iddeċieda li jittrażmetti t-talba lid-Diviżjoni “Akkreditazzjoni” tad-Direttorat Ġenerali tas-Sigurtà tas-Segretarjat Ġenerali tal-Parlament.

42      Fis-16 ta’ April 2014, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, ir-rikorrenti ressqet ilment kontra d-deċiżjonijiet tat-3 ta’ Marzu u tat-2 ta’ April 2014. Fl-ewwel lok, speċifikament fir-rigward tal-bonus ta’ tlettax-il-xahar li hija kienet daħlet b’mod żbaljat fil-kalkolu tal-ammonti rċevuti minnha mingħand il-persuna li timpjega privata tagħha, ir-rikorrenti ppreċiżat li dan kien jikkonsisti f’“bonus doppju ta’ vaganzi li [kien] tħallas lilha unikament b’mod antiċipat għal-leave imħallas futur”. Fit-tieni lok, fir-rigward tal-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mill-annullament tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija, ir-rikorrenti argumentat li hija kellha “tkun tista’ tibbenefika mill-vantaġġi kollha marbuta mal-kuntratt [ta’ xogħol] [tagħha]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] sal-iskadenza tiegħu. Għal din ir-raġuni, il-Parlament kien obbligat mhux biss li jirrestitwixxi l-badge ta’ APA tagħha u t-tikketta għall-aċċess tagħha għall-parkings tal-Parlament, iżda wkoll li jistabbilixxi mill-ġdid id-dritt tagħha li tuża l-posta elettronika professjonali tagħha u li taċċedi għall-intranet tal-Parlament. F’dan ir-rigward, hija argumentat li l-assenza ta’ reintegrazzjoni effettiva fil-funzjonijiet tagħha ta’ APA kienet ċaħditha minn kuntatti essenzjali għall-iżvilupp tal-karriera tagħha u kienet ikkawżatilha dannu stmat għal EUR 15 000. Fit-tielet lok, fir-rigward tal-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mill-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza, is-sentenza CH ma tistax tinftiehem, fil-fehma tagħha, fis-sens li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku xtaq jikkondizzjona l-għoti ta’ assistenza skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal għall-preżentata ta’ rikors quddiem qorti nazzjonali kontra l-persuna li allegatament tikkawża fastidju. Fil-fehma tar-rikorrenti, il-Parlament kien eżegwixxa s-sentenza CH parzjalment biss, u dan kien ikkawżalha dannu morali li, f’dan l-istadju hija kienet qiegħda tevalwa ex æquo et bono fl-ammont ta’ EUR 60 000.

43      Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Ġunju 2014, fil-kuntest tal-miżuri ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza CH, is-servizz legali tal-Parlament kien informa lir-rikorrenti bl-eżistenza tar-regoli interni “APA” dwar il-fastidju u bl-implementazzjoni tal-kumitat konsultattiv speċjali “APA”. Għalhekk huwa kien spjega li, issa, l-imsemmi kumitat kien “l-organu kompetenti sabiex jittratta eventwali lment dwar fastidju mi[r-rikorrenti]” u hija kienet “avżat[a] […] sabiex tindirizza lill‑[k]umitat [konsultattiv speċjali ‘APA’] permezz tas-segretarjat tiegħu”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

44      Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Ġunju 2014, ir-rikorrenti wieġbet li, wara l-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza, il-Parlament diġà kellu quddiemu din it-talba li kellha l-oriġini tagħha fl-aġir ta’ P. Għaldaqstant, ir-rikorrenti tistaqsi dwar “ir-raġunijiet li wasslu lill-Parlament […] sabiex iddeċieda li ma kienx utili, preċiżament fil-kuntest tal-miżuri ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza [CH], li jindirizza huwa stess u direttament lill-[kumitat konsultattiv speċjali ‘APA’], peress li dan tal-aħħar kien ikkostitwit validament, ħaġa li [lilha] baq[għet] qatt ma ġiet ikkonfermata”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

45      Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Awwissu 2014, is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament, fil-kwalità tiegħu ta’ ASTK, ċaħad l-ilment tas-16 ta’ April ta’ qabel (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment”). Wara li fakkar li r-rikorrenti kienet issa rċeviet is-somma totali ta’ EUR 9 433.20, li tkopri d-differenza bejn, minn naħa, l-ammonti li hija kienet irċeviet bħala allowances tal-qgħad u bħala impjegata tal-persuna li timpjega privata bejn l-20 ta’ Ġunju 2012 u t-12 ta’ Marzu 2014 u, min-naħa l-oħra, is-salarji li hija kienet irċeviet matul l-istess perijodu bħala APA, il-Parlament kien qabel xejn innota li, fir-rigward tal-perijodu ta’ dħul doppju, is-somma ta’ EUR 5 686 li kienet għadha qiegħda tintalab mir-rikorrenti kienet tnaqqset korrettament għaliex din “[kienet] tikkorrispondi mal-kumpens finanzjarju ta’ leave mħallas li ma tteħidx mi[r-rikorrenti] qabel it-tmiem tal-kuntratt ta’ xogħol tagħha [mal-persuna li timpjega privata]”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

46      Sussegwentement, fir-rigward tal-kwistjoni ta’ restituzzjoni tal-badge ta’ APA u tat-tikketta ta’ aċċess għall-parkings, il-Parlament innota li r-rikorrenti setgħet tirtirahom mingħand id-Diviżjoni “Akkreditazzjoni” mit-23 ta’ April 2014. Barra minn hekk, il-Parlament fakkar lir-rikorrenti li huwa kien laqa’ t-talba tagħha għal indirizz elettroniku u għal aċċess għall-intranet tal-Parlament espressa fl-ilment tagħha, tas-16 ta’ April 2014, billi kien taha indirizz elettroniku u aċċess għall-intranet tal-Parlament. Għalhekk billi huwa qies li kien laqa’ t-talbiet kollha mressqa mir-rikorrenti, mingħajr ma għamel l-ebda ostakolu sabiex hija tagħmel kuntatt mal-membri tal-istituzzjoni, il-Parlament kien ċaħad it-talbiet għal kumpens imressqa mir-rikorrenti.

47      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-miżuri li kellhom jittieħdu b’rabta mal-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza, il-Parlament tenna l-pożizzjoni tiegħu, kif espressa fid-deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2014, fis-sens li, jekk ir-rikorrenti kienet tiddeċiedi li tippreżenta rikors quddiem qorti nazzjonali kontra P., il-Parlament kien lest li jikkunsidra s-sitwazzjoni mill-ġdid fid-dawl tal-punt 57 tas-sentenza CH. Madankollu, il-Parlament ma indirizzax il-kwistjoni tal-ftuħ ta’ investigazzjoni amministrattiva. Għall-kuntrarju, huwa talab l-awtorizzazzjoni mingħand ir-rikorrenti sabiex iressaq il-każ tagħha quddiem il-kumitat konsultattiv speċjali “APA”.

48      Fil-25 ta’ Novembru 2014, il-Parlament ġie nnotifikat b’dan ir-rikors permezz tar-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Il-kumitat konsultattiv speċjali “APA” żamm il-laqgħa kostituttiva tiegħu l-għada, fis-26 ta’ Novembru 2014. Mill-punt 2 tal-minuti ta’ dik il-laqgħa jirriżulta li, “jekk meħtieġ, [il-]ġurista [tal-Parlament] jista’ jiġi mitlub jipparteċipa fil-laqgħa tal-kumitat […] sabiex jiġi kkonsultat fuq kwistjonijiet ta’ natura legali”. Mill-punt 4 ta’ dawn l-istess minuti jirriżulta li “l-ġurista inform[a] lill-membri [tal-kumitat konsultattiv speċjali ‘APA’] bil-pożizzjoni tal-Parlament fiż-[…] żewġ kawżi ta’ allegat fastidju[, fosthom il-kawża li tat lok għas-sentenza CH]”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

49      Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Diċembru 2014, il-President tal-kumitat konsultattiv speċjali “APA” sejjaħ lir-rikorrenti għal laqgħa mal-membri tal-imsemmi kumitat li kienet prevista għat-28 ta’ Jannar segwenti.

50      Fil-15 ta’ Jannar 2015, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha lill-kumitat konsultattiv speċjali “APA”. Ir-rikorrenti u P. instemgħu quddiem dan il-kumitat fit-28 ta’ Jannar 2015.

 It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura

51      Ir-rikorrenti essenzjalment titlob lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku:

–        jannulla d-deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2014, sa fejn, permezz tagħha, il-Parlament irrifjuta li jiftaħ investigazzjoni amministrattiva maħsuba sabiex tistabbilixxi l-verità tal-fatti rraportati fit-talba għal assistenza;

–        jannulla d-deċiżjoni tat-2 ta’ April 2014, sa fejn, permezz tagħha, il-Parlament irrifjuta li jħallasha ammont supplimentari ta’ EUR 5 686, flimkien mal-interessi moratorji kkalkolati bir-rata ffissata mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għat-tranżazzjonijiet prinċipali ta’ finanzjament mill-ġdid, miżjuda b’żewġ punti bażi;

–        jannulla d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment;

–        jikkundanna lill-Parlament iħallas id-dannu materjali tagħha, stmat fl-ammont ta’ EUR 144 000, flimkien mal-interessi moratorji kkalkolati bir-rata ffissata mill-BĊE għat-tranżazzjonijiet prinċipali ta’ finanzjament mill-ġdid, miżjuda b’żewġ punti bażi;

–        jikkundanna lill-Parlament jikkumpensaha għad-dannu morali li hija ġarrbet bil-ħlas ta’ ammont stmat ex æquo et bono għal EUR 60 000;

–        jikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż.

52      Il-Parlament jitlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        jikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż kollha.

53      Wara t-tieni skambju ta’ noti li kien ġie awtorizzat mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, il-partijiet indikaw li huma qablu li f’dan il-każ jiġi applikat l-Artikolu 59(2) tar-Regoli tal-Proċedura. Għalhekk it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda, skont dik id-dispożizzjoni, li jagħti deċiżjoni mingħajr seduta u informa lill-partijiet dwar dan permezz ta’ ittra tar-Reġistratur tas-7 ta’ Lulju 2015.

 Id-dritt

1.     Fuq is-suġġett tar-rikors

54      Għandu jitfakkar li, skont il-prinċipju ta’ ekonomija tal-ġudizzju, il-qorti tal-Unjoni tista’ tiddeċiedi li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni speċifikament dwar it-talbiet imressqa kontra d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment meta tikkonstata li dawn huma nieqsa minn kontenut indipendenti u jitfixklu, fil-fatt, ma’ dawk it-talbiet imressqa kontra d-deċiżjoni li kontra tagħha jkun sar l-ilment. Dan jista’, b’mod partikolari, ikun il-każ meta tikkonstata li d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment hija purament konfermatorja tad-deċiżjoni li hija s-suġġett tal-ilment u li, għalhekk, l-annullament tagħha ma jipproduċi ebda effett fuq is-sitwazzjoni legali tal-persuna kkonċernata li jkun differenti minn dak li jirriżulta mill-annullament tagħha (sentenzi tal-21 ta’ Settembru 2011 Adjemian et vs Il‑Kummissjoni, T‑325/09 P, EU:T:2011:506, punt 33, u tad-19 ta’ Novembru 2014 EH vs Il‑Kummissjoni, F‑42/14, EU:F:2014:250, punt 85).

55      F’dan il-każ, fl-ilment tagħha tas-16 ta’ April 2014, ir-rikorrenti fformulat għall-ewwel darba talba għal aċċess għall-intranet tal-Parlament u għal kaxxa postali elettronika, talba li għaliha l-ASTK wieġbet fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment. Għall-kuntrarju, dwar il-punti l-oħra kollha, id-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment tikkonferma deċiżjonijiet tat-3 ta’ Marzu u tat-2 ta’ April 2014, b’mod li għalhekk, ma huwiex meħtieġ li tingħata deċiżjoni speċifikament fuq it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, anki jekk il-motivazzjoni li tidher f’din l-aħħar deċiżjoni tippreċiża ċerti motivi fost dawk inizjali tat-3 ta’ Marzu u tat-2 ta’ April 2014 u għalhekk, fid-dawl tan-natura evoluttiva tal-proċedura prekontenzjuża, għandha wkoll tittieħed inkunsiderazzjoni għall-eżami tal-legalità tad-deċiżjonijiet tat-3 ta’ Marzu u tat-2 ta’ April 2014, peress li din il-motivazzjoni għandha tikkoinċidi ma’ dawn l-aħħar atti (ara s-sentenza tad-19 ta’ Novembru 2014, EH vs Il‑Kummissjoni, F‑42/14, EU:F:2014:250, punt 86, u l-ġurisprudenza ċċitata).

2.     Fuq it-talbiet għal annullament

56      Permezz tat-talbiet għal annullament tagħha, ir-rikorrenti tikkontesta n-natura xierqa tal-miżuri ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza CH adottati mill-Parlament fid-deċiżjonijiet tat-3 ta’ Marzu u tat-2 ta’ April 2014 f’dak li jikkonċerna żewġ tipi ta’ miżuri li jeħtieġ li jiġu eżaminati suċċessivament, jiġifieri, l-ewwel nett, dawk b’rabta mal-annullament tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija u, t-tieni nett, dawk b’rabta mal-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza.

 Fuq il-miżuri ta’ eżekuzzjoni adottati mill-Parlament b’rabta mal-annullament tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija bis-sentenza CH

 L-argumenti tal-partijiet

57      L-ewwel nett, ir-rikorrenti tilmenta li fid-deċiżjonijiet tiegħu tat-3 ta’ Marzu u tat-2 ta’ April 2014, il-Parlament b’mod żbaljat ħa inkunsiderazzjoni s-somma ta’ EUR 5 686 bħala ammont li, bl-eżekuzzjoni tas-sentenza CH, kellu jitnaqqas mir-remunerazzjonijiet dovuti mill-Parlament għall-perijodu ta’ dħul doppju. Fil-fatt, dan ma huwiex bonus ta’ tlettax-il-xahar, iżda bonus doppju ta’ vaganzi mħallas mill-persuna li timpjega privata bħala antiċipu fuq leave fil-futur li, meta jittieħed effettivament, ma jiġix remunerat mill-persuna li timpjega ġdida. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tippreżenta “dikjarazzjoni ta’ vaganzi”, maħruġa fis-16 ta’ Diċembru 2013 mill-kumpannija ta’ assigurazzjoni Belġjana Partena, li minnha jirriżulta li “l-ammont tal-bonus ta’ vaganzi ser jitnaqqas mi[r]-remunerazzjonijiet [tar-rikorrenti] meta [hija] [tkun ser] tieħu l-vaganzi [tagħha] mal-persuna li timpjega ġdida [tagħha]”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

58      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tilmenta li l-Parlament ma rrestitwilhiex fl-iqsar żmien, wara d-deċiżjoni fis-sentenza CH, il-badge tagħha bħala APA, it-tikketta għall-parking tagħha u l-aċċess tagħha għall-posta professjonali u għall-intranet tal-Parlament (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“għodda tax-xogħol”). Hija tispjega li din l-għodda tax-xogħol kienet l-uniku mezz li bih hija setgħet tidħol mill-ġdid b’mod effettiv f’kuntatt mal-membri tal-Parlament u ssir taf bl-offerti ta’ impjieg bħala APA disponibbli. Peress li l-għodda tax-xogħol, li huma marbuta mill-qrib mal-eżistenza stess tal-kwalità tagħha ta’ APA, ġew irrestitwiti lilha biss tardivament, id-deċiżjonijiet li tagħhom hija titlob l-annullament huma vvizzjati b’illegalità. Bħala konsegwenza ta’ din ir-restituzzjoni tardiva, hija tilfet opportunità sinjifikattiva li tiġi offerta kuntratt ġdid bħala APA.

59      Il-Parlament jirribatti li s-somma inkwistjoni ta’ EUR 5 686 tikkostitwixxi “allowance alternattiva”, fis-sens tas-sentenza tat-13 ta’ April 2011, Scheefer vs Il‑Parlament (F‑105/09, EU:F:2011:41, punt 71), li huwa obbligat li jnaqqas mir-remunerazzjonijiet dovuti minnu għas-servizzi bħala APA tar-rikorrenti matul il-perijodu ta’ dħul doppju. F’dak li jikkonċerna l-ilment dwar ir-restituzzjoni tardiva tal-għodda tax-xogħol, il-Parlament essenzjalment jargumenta li, peress li r-rikorrenti kienet ġiet eżentata milli taħdem sat-tmiem tal-kuntratt ta’ xogħol tagħha, hija ma kellhiex bżonn din l-għodda tax-xogħol. Minkejja dan, il-Parlament jinnota li, bi premura u fi spirtu ta’ konċiljazzjoni lejn ir-rikorrenti, huwa kien laqa’ t-talbiet imressqa minnha dwar l-aċċess għall-għodda tax-xogħol.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

–       Fuq il-possibbiltà li, mill-ammont tar-remunerazzjonijiet dovuti għall-perijodu ta’ dħul doppju, jitnaqqas l-ammont rċevut mir-rikorrenti bħala bonus ta’ vaganzi

60      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-annullament ta’ att mill-qorti għandu l-effett li jelimina b’mod retroattiv dan l-att mill-ordinament ġuridiku u li, meta l-att annullat ikun diġà ġie eżegwit, it-tħassir tal-effetti tiegħu jirrikjedi li terġa’ tiġi stabbilita s-sitwazzjoni legali li r-rikorrent kien jinsab fiha qabel l-adozzjoni ta’ dan l-att (sentenza tas-26 ta’ Mejju 2011, Kalmár vs Europol, F‑83/09, EU:F:2011:66, punt 88).

61      Isegwi li, b’applikazzjoni tal-Artikolu 266 TFUE, il-Parlament kien obbligat li jieħu l-miżuri involuti fl-eżekuzzjoni tas-sentenza CH billi jqiegħed lilu nnifsu fid-data li fiha kienet ittieħdet id-deċiżjoni ta’ tkeċċija, annullata b’din is-sentenza. Mill-bidu nett, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma hijiex neċessarjament tikkontesta, fil-prinċipju, id-deċiżjoni tal-Parlament tat-3 ta’ Marzu 2014 li tpoġġiha f’kuntratt ta’ reklutaġġ bħala APA sat-tmiem tal-leġiżlatura fis-seħħ fid-data ta’ dik id-deċiżjoni, jiġifieri sal-1 ta’ Lulju 2014, filwaqt li jeżentaha mill-eżerċizzju effettiv tal-funzjonijiet bħala APA. F’kull każ, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkunsidra li din il-miżura ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza CH ma tidhirx li ma kinitx xierqa fid-dawl, minn naħa, tal-kuntest li fih għandhom jitwettqu l-attivitajiet ta’ APA, f’dan il-każ fil-kuntest ta’ relazzjoni diretta mal-membru tal-Parlament ikkonċernat li, huwa biss għandu l-poter li jagħżel il-kollaboraturi tiegħu, u, min-naħa l-oħra, tal-fatt li r-rikorrenti kienet sabet xogħol ma’ persuna li timpjega privata, b’mod li l-perijodu li fih hija kienet impjegata ma’ din il-persuna li timpjega privata u dak li fih hija ġiet ikkumpensata minħabba l-qgħad għalhekk deher bħala perijodu ta’ dħul doppju. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tikkontesta l-mod li bih il-Parlament ikkalkola l-ammont tar-remunerazzjoni li kienet dovuta lilha għall-imsemmi perijodu.

62      F’dan ir-rigward, il-Parlament seta’ jikkunsidra li l-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni legali li kienet tinsab fiha r-rikorrenti qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija annullata bis-sentenza CH kien jimplika li jħallasha, għall-perijodu bejn l-20 ta’ Ġunju 2012, id-data li fiha daħlet fis-seħħ id-deċiżjoni ta’ tkeċċija, u l-1 ta’ Lulju 2014, id-data tat-tmiem tal-kuntratt ta’ xogħol tagħha, id-differenza bejn, minn naħa, l-ammont tar-remunerazzjoni li r-rikorrenti setgħet tistenna li tirċievi kieku baqgħet fil-funzjonijiet tagħha u kienet effettivament eżerċitat attivitajiet bħala APA u, min-naħa l-oħra, ir-remunerazzjoni jew l-allowances tal-qgħad li hija barra minn hekk effettivament irċeviet (sentenza tas-26 ta’ Mejju 2011, Kalmár vs Europol, F‑83/09, EU:F:2011:66, punt 90), bla ħsara għall-organu li kien ħallas dawn l-allowances tal-qgħad li jirkupra mingħand il-Parlament l-ammont ta’ dan il-kumpens.

63      Fir-rigward tar-remunerazzjonijiet jew allowances tal-qgħad li setgħu jitnaqqsu matul il-perijodu ta’ dħul doppju, mill-ġurisprudenza jirriżulta li dawn jistgħu jinkludu “l-ammont tar-remunerazzjoni, tal-onorarji, tal-allowances tal-qgħad jew ta’ kull allowance alternattiva oħra” jew “remunerazzjoni tal-istess natura” li r-rikorrenti rċeviet matul il-perijodu ta’ dħul doppju “minflok ir-remunerazzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] li hija kienet normalment tirċievi kieku, fl-assenza ta’ intervent tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija annullata, hija żammet il-funzjonijiet tagħha fi ħdan il-Parlament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ April 2011, Scheefer vs Il‑Parlament, F‑105/09, EU:F:2011:41, punt 71).

64      Fuq dan il-punt, għandu jiġi nnotat li, skont id-dritt Belġjan u hekk kif jirriżulta mid-dokumenti prodotti mill-partijiet, il-bonus ta’ vaganzi jinkludi r-remunerazzjoni li hija normalment dovuta għat-tul tal-vaganzi kif ukoll suppliment ugwali, għal xahar li jixxiebah jew simili tas-sena preċedenti, għal parti waħda minn tnax ta’ 92 % tar-remunerazzjoni gross tax-xahar li matulu jibdew il-vaganzi. Barra minn hekk, f’każ ta’ tkeċċija taħt ir-regolamenti fir-rigward ta’ persuna impjegata rregolata mid-dritt privat, il-persuna li timpjega li tkeċċi, kif kien il-każ hawnhekk, għandha l-obbligu li tħallas bil-quddiem il-bonus ta’ vaganzi fi tmiem il-kuntratt ta’ xogħol.

65      Fid-dawl ta’ dan, fiċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni, il-bonus ta’ vaganzi li r-rikorrenti rċeviet mingħand il-persuna li timpjega privata ma għandux jitqies li huwa allowance maħsub sabiex jissostitwixxi remunerazzjoni li kienet effettivament irċeviet, matul il-perijodu ta’ dħul doppju, bħala sostituzzjoni tar-remunerazzjoni li hija kellha tirċievi mingħand il-Parlament għas-servizzi tagħha bħala APA. Fil-fatt, dan il-bonus huwa maħsub sabiex ikopri l-ġranet ta’ leave annwali li r-rikorrenti kienet ser tkun obbligata tieħu iktar tard fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ xogħol ġdid irregolat mid-dritt Belġjan, iżda li, fil-mument tal-użu tagħhom, ma jkunux ser jiġu remunerati mill-persuna li timpjega privata ġdida. Għall-kuntrarju, jirriżulta mid-dikjarazzjoni pprovduta mill-organu ta’ assigurazzjoni Belġjan Partena li, matul l-użu obbligatorju tal-ġranet ta’ leave koperti b’dan il-bonus, l-ammont allokat bħala bonus ta’ vaganzi għandu jitnaqqas mis-salarju mill-persuna li timpjega ġdida. Issa, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-ammont ta’ dan il-bonus bħala remunerazzjoni jew bħala allowance alternattiva rċevuta matul il-perijodu ta’ dħul doppju jwassal sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni dħul li, ċertament, kien diġà tħallas bil-quddiem, iżda li, fil-verità, bħala regola għandu sussegwentement jitnaqqas mis-salarju rċevut u, għalhekk, jirrappreżenta remunerazzjoni għal perijodi ta’ vaganzi li għandhom jittieħdu barra l-perijodu ta’ dħul doppju u li dan il-bonus għandu jkopri bħala remunerazzjoni.

66      Għalhekk, kif korrettament targumenta r-rikorrenti, fid-definizzjoni tal-miżuri li jinkludu l-eżekuzzjoni tas-sentenza CH b’rabta mal-annullament mill-imsemmija sentenza tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija u wara t-talba tar-rikorrenti tas-26 ta’ Marzu 2014, f’dan il-każ fid-deċiżjoni tat-2 ta’ April 2014, il-Parlament ma setax inaqqas mill-ammont tar-remunerazzjoni li r-rikorrenti kellha tirċievi mingħand il-Parlament għas-servizzi tagħha bħala APA matul il-perijodu ta’ dħul doppju l-ammont ta’ EUR 5 686 korrispondenti mal-bonus ta’ vaganzi mħallas mill-persuna privata li timpjega.

–       Fuq ir-restituzzjoni tal-għodda tax-xogħol

67      Fir-rigward tal-għodda tax-xogħol li dwarhom ir-rikorrenti tilmenta li l-Parlament poġġiehom biss tardivament għad-dispożizzjoni tagħha, u dan bi ksur tal-Artikolu 266 TFUE, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jfakkar li, kont meħud tan-natura personali tar-relazzjoni ta’ impjieg li torbot lill-membri tal-Parlament u lill-APA tagħhom, fid-deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2014, il-Parlament seta’ jqis li ma kienx xieraq li effettivament jirreintegra lir-rikorrenti fil-funzjonijiet tagħha, deċiżjoni li verament ir-rikorrenti ma kkontestatx fil-prinċipju. Bl-istess mod, il-Parlament seta’ jiddeċiedi li ma kienx fil-pożizzjoni li jassenja lir-rikorrenti għal pożizzjoni oħra tal-APA, għar-raġuni li għandhom ikunu l-membri tal-Parlament stess li, skont l-Artikoli 5a u 128(2) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, jagħżlu l-APA tagħhom u mbagħad jitolbu lill-amministrazzjoni tal-Parlament li tipproċedi għar-reklutaġġ tal-APA li huma jkunu għażlu, peress illi r-reklutaġġ tagħhom jippreżupponi l-eżistenza tar-rabta ta’ fiduċja.

68      Barra minn hekk, f’sitwazzjoni fejn, f’dan l-istadju, la rriżulta u lanqas ma ġie pprovat li r-rikorrenti effettivament kienet vittma ta’ fastidju psikoloġiku fis-sens tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal min-naħa tal-membru tal-Parlament li hija kienet tassisti, u peress illi, inkunsiderazzjoni tal-istatus partikolari tagħhom ikkaratterizzat u ġġustifikat bl-eżistenza tar-rabta ta’ fiduċja mal-membru tal-Parlament li huma inkarigati sabiex jassistu, l-APA ma humiex eliġibbli sabiex jokkupaw impjieg permanenti, l-ASTK setgħet tqis li, bħala miżura ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza CH, ma kellhiex tassenja lir-rikorrenti, temporanjament jew b’mod permanenti, impjieg f’wieħed mid-dipartimenti tagħha li jista’ jiġi okkupat minn membru tal-persunal temporanju fis-sens tal-Artikolu 2 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jew minn membru tal-persunal bil-kuntratt fis-sens tal-Artikolu 3a tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

69      Konsegwentement, it-tieni lment għandu jinftiehem fis-sens li, mingħajr ma neċessarjament tirreferi għad-dritt, skont miżuri ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza CH, għal reintegrazzjoni effettiva bħala APA ma’ membru tal-Parlament, ir-rikorrenti tilmenta li din l-istituzzjoni kisret l-Artikolu 266 TFUE billi ma poġġietx għad-dispożizzjoni tagħha l-għodda tax-xogħol immedjatament wara li ngħatat is-sentenza CH u, f’kull każ, peress li damet ma għamlet dan, dan kellu konsegwenzi fuq il-kapaċità tagħha li tagħmel il-kuntatti sabiex tkun tista’ tiġi rreklutata ma’ membru tal-Parlament ġdid elett għat-tul tal-leġiżlatura l-ġdida.

70      F’dan ir-rigward, hemm qbil bejn il-partijiet li l-uffiċjali u l-membri tal-persunal oħra tal-Parlament li jkunu attivi għandhom normalment ikollhom għad-dispożizzjoni tagħhom, għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, dritt ta’ aċċess permanenti fil-bini tal-Parlament u li għandu jingħatalhom dritt ta’ aċċess speċifiku, fil-forma ta’ badge, u, jekk ikun il-każ, tikketta ta’ aċċess għall-parkings tal-istituzzjoni li tippermettilhom li jagħmlu użu minn dan id-dritt.

71      Issa, minħabba l-eżenzjoni li r-rikorrenti kienet tibbenefika minnha, jiġifieri li kienet eżentata milli twettaq il-kompiti tagħha bħala APA għat-tul ta’ żmien li kien fadal mill-kuntratt ta’ xogħol tagħha, il-Parlament ma kellux l-obbligu li jagħti lura l-badge u t-tikketta mitluba minnha bħala miżura ta’ eżekuzzjoni li tirriżulta direttament mis-sentenza CH.

72      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, meta, permezz tal-ittra tagħha tas-26 ta’ Marzu 2014, jiġifieri iktar minn tliet xhur wara li ngħatat is-sentenza CH, ir-rikorrenti finalment esprimiet ix-xewqa li mill-ġdid ikollha badge u tikketta ta’ aċċess għall-parkings tal-Parlament, il-Parlament kien laqa’ t-talba tagħha ftit jiem wara, bid-deċiżjoni tat-2 ta’ April 2014, u żamm il-badge u t-tikketta għad-dispożizzjoni tagħha mit-23 ta’ April ’il quddiem. Għaldaqstant, l-ilmenti tar-rikorrenti f’dan ir-rigward għandhom jiġu miċħuda.

73      Fir-rigward tat-talba maħsuba sabiex jinkiseb indirizz elettroniku u aċċess għall-intranet tal-Parlament, talba li r-rikorrenti ressqet għall-ewwel darba fl-ilment tagħha tas-16 ta’ April 2014, huwa minnu li, fid-dawl tan-natura speċifika tal-każ inkwistjoni, il-Parlament ħa ċertu żmien sabiex ifassal aċċess informatiku mill-estern għal APA li, mill-fatti tal-każ, ma kinitx teżerċita l-funzjonijiet relatati ma’ APA u li effettivament ma kinitx assenjata ma’ wieħed mill-membri tal-Parlament attwali.

74      F’dan ir-rigward, minn naħa, it-talba tar-rikorrenti li jkollha aċċess għall-infrastrutturi u għall-faċilitajiet informatiċi tal-Parlament tidher li tinkwadra ruħha f’tentattiv, li ċertament jinftiehem, sabiex tkun tista’ tikkuntattja membri tal-Parlament eletti mill-ġdid qabel ma jibdew funzjonijiet effettivi u tibbaża ruħha fuq il-kwalità tagħha ta’ APA funzjonanti, u li indirizz elettroniku tal-Parlament kien jikkonferma billi jagħtiha ċerta viżibbiltà. Bl-istess mod, ir-rikorrenti xtaqet ikollha aċċess għal ċerta informazzjoni mxandra fi ħdan il-Parlament. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, jekk l-istituzzjoni tista’, meta tara li jkun xieraq, tippermetti lill-uffiċjali u lill-membri tal-persunal tagħha li jutilizzaw, barra mill-ħin iddedikat għax-xogħol, l-infrastrutturi tagħha, inklużi dawk informatiċi, għal għanijiet mhux relatati mas-servizz, din il-possibbiltà għall-istituzzjoni ma tistax tiġi elevata għal dritt statutorju tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal, speċjalment f’sitwazzjoni bħal dik tal-każ inkwistjoni fejn il-persuna kkonċernata ġiet eżentata milli twettaq il-kompiti professjonali tagħha fl-interess tas-servizz u minkejja li d-dispożizzjonijiet interni tal-Parlament jindikaw b’mod ċar li “[l]-indirizz elettroniku […] għandu jiġi rriżervat strettament għal użu marbut direttament mal-kompiti mwettqa mill-[membru tal-persunal]”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

75      Min-naħa l-oħra u f’kull każ, għandu jitfakkar li, b’mod ġenerali, meta l-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ annullament teżiġi l-adozzjoni ta’ ċertu numru ta’ miżuri amministrattivi, dik l-eżekuzzjoni ma tistax tiġi effettwata immedjatament. Għalhekk, l-istituzzjonijiet għandu jkollhom terminu raġonevoli sabiex jikkonformaw ruħhom mas-sentenza ta’ annullament (sentenzi tat-12 ta’ Jannar 1984, Turner vs Il‑Kummissjoni, 266/82, EU:C:1984:3, punt 5; tal-10 ta’ Lulju 1997, Apostolidis et vs Il‑Kummissjoni, T‑81/96, EU:T:1997:111, punt 37, u tal-20 ta’ Ġunju 2012, Menidiatis vs Il‑Kummissjoni, F‑79/11, EU:F:2012:89, punt 40). Issa, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkunsidra li t-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-rikorrenti, fit-18 ta’ Ġunju 2014, ta’ indirizz elettroniku u ta’ aċċess għall-intranet tal-Parlament sar fi żmien raġonevoli, kont meħud tal-fatt li t-talba f’dan is-sens kienet tressqet fis-16 ta’ April ta’ qabel u li xogħlijiet tekniċi kienu neċessarji sabiex isir dan sa fejn l-aċċess għall-intranet tal-Parlament u t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ kaxxa postali elettronika lil APA kien jirrikjedi awtorizzazzjoni minn qabel tal-membru tal-Parlament li lilu jassisti.

76      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, għandu jiġi kkunsidrat li, fir-rigward tal-miżuri li jinkludu l-eżekuzzjoni tas-sentenza CH b’rabta mal-annullament tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija, fit-tweġiba tiegħu għat-talbiet supplimentari tas-26 ta’ Marzu 2014, il-Parlament kiser l-Artikolu 266 TFUE, f’dak li jikkonċerna t-tnaqqis, mir-remunerazzjonijiet dovuti għall-perijodu ta’ dħul doppju, tal-ammont li r-rikorrenti rċeviet bħala bonus ta’ vaganzi mħallas skont id-dritt Belġjan.

77      Għaldaqstant, għandha tiġi annullata d-deċiżjoni tat-2 ta’ April 2014, kif ikkonfermata bid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, sa fejn il-Parlament irrifjuta li jħallas lir-rikorrenti ammont supplimentari ta’ EUR 5 686. Barra minn hekk, meħud kont ta’ dan l-annullament, diġà għandha tintlaqa’ t-talba għal kumpens tar-rikorrenti intiża għal dan l-ammont kif ukoll it-talba tagħha sabiex miegħu jiżdiedu l-interessi moratorji bir-rata ffissata mill-BĊE għat-tranżazzjonijiet prinċipali ta’ finanzjament mill-ġdid, miżjuda b’żewġ punti, b’effett mill-1 ta’ Lulju 2014, id-data tat-tmiem tal-kuntratt tagħha.

 Fuq il-miżuri ta’ eżekuzzjoni adottati mill-Parlament b’rabta mal-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza mis-sentenza CH

 L-argumenti tal-partijiet

78      Ir-rikorrenti targumenta li, f’dak li jikkonċerna d-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza tagħha annullata mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, fid-deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2014 u bħala miżura ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza CH, il-Parlament illimita ruħu sabiex jeżamina l-possibbiltà li joffrilha assistenza fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal biss fil-każ li hija tiddeċiedi li tippreżenta rikors quddiem qorti nazzjonali kontra P. Issa, fil-fehma tar-rikorrenti, dan ma jikkostitwixxix miżura ta’ eżekuzzjoni adegwata tas-sentenza CH fis-sens tal-Artikolu 266 TFUE. Fil-fatt, l-ASTK kellha teżamina mill-ġdid it-talba għal assistenza tagħha u, meħuda inkunsiderazzjoni l-provi prima facie li hija kienet ipprovdiet fiż-żmien ta’ dik it-talba, hija kellha tiftaħ investigazzjoni amministrattiva, hekk kif meħtieġ mill-ġurisprudenza, sabiex tistabbilixxi l-verità tal-fatti ta’ fastidju rraportati minnha fit-talba għal assistenza tagħha.

79      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti targumenta b’mod partikolari li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma kellux l-intenzjoni li jikkondizzjona l-obbligu għall-ASTK li tipprovdilha l-assistenza tagħha fil-preżentata ta’ rikors quddiem qorti nazzjonali, peress li l-assistenza ta’ APA fil-kuntest ta’ rikors quddiem il-qorti nazzjonali hija biss waħda mill-forom li jista’ jieħu l-obbligu ta’ assistenza msemmi fl-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal.

80      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tosserva li l-ASTK ma fdatx il-poteri li hija għandha skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal lill-kumitat konsultattiv speċjali “APA” u li ma jistax jinftiehem li l-ASTK ma ddeċidietx li tiftaħ investigazzjoni amministrattiva immedjatament wara li ngħatat is-sentenza CH jew li tindirizza hija stess lill-kumitat konsultattiv speċjali “APA” immedjatament wara li dan ġie kkostitwit jekk hija xtaqet li dan il-kumitat jieħu f’idejh l-investigazzjoni amministrattiva li normalment hija kienet obbligata tipproċedi biha. Ir-rikorrenti titlob għalhekk li jiġi ddikjarat li l-Parlament kiser l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, id-dmir ta’ premura u l-Artikolu 31 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

81      Min-naħa tiegħu, il-Parlament jitlob li jiġu miċħuda l-ilmenti mqajma. F’dan ir-rigward, huwa jinnota li, mix-xahar ta’ Frar 2014, jiġifieri qabel ma twaqqaf il-kumitat konsultattiv speċjali “APA”, huwa kien offra assistenza lir-rikorrenti fil-każ li hija tiddeċiedi li tippreżenta rikors quddiem qorti nazzjonali kontra P. Sussegwentement, huwa kien informa lill-kumitat konsultattiv speċjali “APA”, fl-ewwel laqgħa miżmuma minn dan il-kumitat ġdid, f’dan il-każ fis-26 ta’ Novembru 2014, bl-eżistenza tal-ilment dwar fastidju tar-rikorrenti. Issa, dan il-kumitat, li lilu l-ASTK kienet fdatu l-kompitu li jmexxi investigazzjoni amministrattiva fil-kuntest ta’ allegazzjonijiet ta’ fastidju maħruġa minn APA kontra membri tal-Parlament bl-għan li l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal ikollu effett meta lment li jirreferi għal membru tal-Parlament ikun tressaq minn din il-kategorija ta’ persunal, kien investiga dan l-ilment billi sema’ kemm lir-rikorrenti kif ukoll lil P. Il-Parlament isostni, f’dan ir-rigward, li l-membri tal-Parlament ma humiex suġġetti għall-ASTK u li għalhekk, f’din il-kwalità ta’ ASTK, il-Parlament ma huwiex fil-pożizzjoni li jġegħilhom jikkooperaw f’investigazzjoni amministrattiva, speċjalment għaliex l-ASTK ma għandha l-ebda poter sabiex timponi sanzjonijiet fuqhom f’każ li dan il-fastidju jseħħ.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

82      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, sabiex tikkonforma ruħha mal-obbligu impost fuqha bl-Artikolu 266 TFUE, għandha tkun l-istituzzjoni li tkun ħarġet l-att annullat mill-qorti tal-Unjoni li għandha tistabbilixxi liema huma l-miżuri meħtieġa sabiex tiġi eżegwita s-sentenza ta’ annullament billi teżerċita s-setgħa diskrezzjonali li hija tgawdi f’dan ir-rigward dejjem b’osservanza kemm tad‑dispożittiv kif ukoll tal-motivi tas-sentenza li hija obbligata teżegwixxi kif ukoll tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni applikabbli. F’dan ir-rigward, meta l-eżekuzzjoni tas-sentenza toħloq diffikultajiet partikolari, l-istituzzjoni kkonċernata tista’ tissodisfa l-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 266 TFUE billi tieħu kull deċiżjoni li hija ta’ natura li tikkumpensa b’mod ġust żvantaġġ li rriżulta għall-persuni kkonċernati. F’dan il-kuntest, l-Awtorità tal-Ħatra, jew, bħal f’dan il-każ, l-ASTK, tista’ pereżempju tistabbilixxi djalogu mar-rikorrent bl-għan li tfittex li tasal għal ftehim li joffrilu kumpens ġust għall-illegalità li tagħha huwa kien il-vittma (ara s-sentenzi tad-9 ta’ Awwissu 1994, Il‑Parlament vs Meskens, C‑412/92 P, EU:C:1994:308, punti 28 u 30; tat-8 ta’ Ottubru 1992, Meskens vs Il‑Parlament, T‑84/91, EU:T:1992:103, punt 80, u tas-17 ta’ Marzu 1994, Hoyer vs Il‑Kummissjoni, T‑43/91, EU:T:1994:29, punt 64).

83      Madankollu, anki meta l-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ annullament tippreżenta diffikultajiet partikolari u jekk djalogu mal-persuna kkonċernata ma jistax iwassal għal ftehim, is-setgħa diskrezzjonali li tgawdi l-istituzzjoni kkonċernata hija, effettivament, limitata bin-neċessità li jiġu osservati d-dispożittiv u l-motivi tas-sentenza li hija obbligata teżegwixxi kif ukoll id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni applikabbli. Għalhekk, l-istituzzjoni għandha b’mod partikolari tevita li l-miżuri adottati jkunu vvizzjati bl-istess irregolaritajiet bħal dawk identifikati fis-sentenza ta’ annullament (sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2012, Honnefelder vs Il‑Kummissjoni, F‑42/11, EU:F:2012:196, punt 46, u l-ġurisprudenza ċċitata).

84      F’dan il-każ inkwistjoni, fir-rigward tal-ilment imqajjem mir-rikorrenti, dwar ir-rifjut tal-ASTK li tiftaħ investigazzjoni amministrattiva li tirrigwarda l-fatti tal-fastidju li hija allegat li kienet vittma tiegħu, għandu jiġi kkonstatat li, fid-deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2014, l-ASTK ma informatx lir-rikorrenti bil-ftuħ ta’ investigazzjoni amministrattiva fuq il-fatti allegati ta’ fastidju psikoloġiku. Għalhekk, kont meħud tat-talba għal ftuħ ta’ investigazzjoni amministrattiva li tinsab fit-talba għal miżuri ta’ eżekuzzjoni tal-15 ta’ Jannar 2014, li tirrepeti t-talba għal ftuħ ta’ tali investigazzjoni inizjalment ippreżentata fit-talba għal assistenza kif ukoll fl-ilment tas-16 ta’ April 2014, għandu jiġi kkunsidrat li, bid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, l-ASTK kienet, impliċitament, iżda neċessarjament, irrifjutat li tiftaħ tali investigazzjoni amministrattiva, u dan billi limitat ruħha sabiex tindika li kien ġie kkostitwit kumitat konsultattiv speċjali “APA”, li ġie kkostitwit biss fis-26 ta’ Novembru 2014 u li ma semax lir-rikorrenti qabel Jannar 2015, jiġifieri kemm wara d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment kif ukoll wara d-data ta’ preżentata ta’ dan ir-rikors.

85      Għandu għalhekk jiġi eżaminat jekk l-eżekuzzjoni tas-sentenza CH, sa fejn annullat id-deċiżjoni tal-15 ta’ Marzu 2012 li ċaħdet it-talba għal assistenza, kinitx tirrikjedi, kif issostni r-rikorrenti, il-ftuħ mill-Parlament ta’ investigazzjoni amministrattiva.

86      Fir-rigward tal-legalità ta’ deċiżjoni li tiċħad, mingħajr ma tkun infetħet investigazzjoni amministrattiva, talba għal assistenza introdotta abbażi tal‑Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-qorti tal-Unjoni għandha teżamina l-fondatezza ta’ din id-deċiżjoni, fid-dawl tal-provi li ġew prodotti għall-konoxxenza tal‑amministrazzjoni, b’mod partikolari mill-persuna kkonċernata fit-talba għal assistenza tagħha, meta l-qorti tagħti d-deċiżjoni (sentenzi Faita vs KESE, EU:F:2013:130, punt 98, u tas-26 ta’ Marzu 2015, CW vs Il‑Parlament, F‑124/13, EU:F:2015:23, punt 143, li ġiet appellata quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑309/15 P).

87      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-obbligu ta’ assistenza, l-amministrazzjoni għandha, meta tiġi kkonfrontata b’inċident li huwa inkompatibbli mal-ordni u mas-serenità tas-servizz, tintervjeni bl-enerġija neċessarja kollha u twieġeb bil-ħeffa u bil-premura meħtieġa miċ-ċirkustanzi tal-każ sabiex tistabbilixxi l-fatti u tadotta, meta tikkonstata dan, il-konsegwenzi xierqa. Għal dan il-għan, huwa biżżejjed li l-uffiċjal jew il-membru tal-persunal li jitlob il-protezzjoni mill-istituzzjoni tiegħu jipproduċi provi prima facie tar-realtà tal-attakki li tagħhom huwa jsostni li kien il-vittma. Fid-dawl ta’ dawn il-provi, hija l-istituzzjoni inkwistjoni li għandha tieħu l-miżuri xierqa, b’mod partikolari billi twettaq investigazzjoni amministrattiva, sabiex tistabbilixxi l-fatti li taw lok għall-ilment, bil-kollaborazzjoni tal-awtur tiegħu (sentenzi tas-26 ta’ Jannar 1989, Koutchoumoff vs Il‑Kummissjoni, 224/87, EU:C:1989:38, punti 15 u 16; tal-21 ta’ April 1993, Tallarico vs Il‑Parlament, T‑5/92, EU:T:1993:37, punt 31; tal-5 ta’ Diċembru 2000, Campogrande vs Il‑Kummissjoni, T‑136/98, EU:T:2000:281, punt 42; tat-8 ta’ Lulju 2004, Schochaert vs Il‑Kunsill, T‑136/03, EU:T:2004:229, punt 49; tal-25 ta’ Ottubru 2007, Lo Giudice vs Il‑Kummissjoni, T‑154/05, EU:T:2007:322, punt 136, u tas-26 ta’ Marzu 2015, CW vs Il‑Parlament, F‑124/13, EU:F:2015:23, punt 37).

88      Fil-preżenza ta’ allegazzjonijiet ta’ fastidju, l-obbligu ta’ assistenza jinkludi, b’mod partikolari, id-dmir tal-amministrazzjoni li teżamina serjament, malajr u bil-kunfidenzjalità kollha, l-ilment minħabba fastidju u li tinforma lil-lanjant bis-segwitu mogħti lill-ilment tiegħu (sentenzi tas-27 ta’ Novembru 2008, Klug vs EMEA, F‑35/07, EU:F:2008:150, punt 74, u tas-26 ta’ Marzu 2015, CW vs Il‑Parlament, F‑124/13, EU:F:2015:23, punt 38).

89      Fir-rigward tal-miżuri li għandhom jittieħdu f’sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni hawnhekk, li tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-amministrazzjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa, suġġetta għall-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni, fl-għażla tal-miżuri u tal-mezzi ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal. L-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni jikkonsisti għalhekk unikament sabiex jiġi evalwat jekk l-istituzzjoni kkonċernata żammitx ruħha fil-limiti raġonevoli u ma użatx is-setgħa diskrezzjonali tagħha b’mod manifestament żbaljat (ara s-sentenzi tal-15 ta’ Settembru 1998, Haas et vs Il‑Kummissjoni, T‑3/96, EU:T:1998:202, punt 54; tal-4 ta’ Mejju 2005, Schmit vs Il‑Kummissjoni, T‑144/03, EU:T:2005:158, punt 98; tal-25 ta’ Ottubru 2007, Lo Giudice vs Il‑Kummissjoni, T‑154/05, EU:T:2007:322, punt 137, u tas-26 ta’ Marzu 2015, CW vs Il‑Parlament, T‑124/13, EU:F:2015:23, punt 39).

90      Madankollu, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-qorti tal-Unjoni dwar il-fastidju, ġurisprudenza applikabbli mutatis mutandis fil-każ inkwistjoni, a fortiori fil-każijiet fejn il-persuna inkwistjoni hija persuna li tissodisfa mandat elettiv previst mit-Trattati, li, bħala regola ġenerali, l-istituzzjoni tista’ tieħu sanzjonijiet dixxiplinari jew sanzjonijiet oħra kontra persuna msemmija f’ilment għal fastidju, kemm jekk din tkun jew ma tkunx superjur ġerarkiku tal-allegata vittma, jekk il-miżuri istruttorji ordnati jistabbilixxu b’ċertezza l-eżistenza, fir-rigward tal-persuna akkużata mill-uffiċjal jew mill-membru tal-persunal, ta’ aġir li jippreġudika l-funzjonament tajjeb tas-servizz jew id-dinjità u r-reputazzjoni tal-allegata vittma (sentenzi tad-9 ta’ Novembru 1989, Katsoufros vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, 55/88, EU:C:1989:409, punt 16; tat-28 ta’ Frar 1996, Dimitriadis vs Il‑Qorti tal-Awdituri, T‑29494, EU:T:1996:24, punt 9; u tal-4 ta’ Mejju 2005, Schmit vs Il‑Kummissjoni, T‑144/03, EU:T:2005:158, punt 108).

91      Fid-dawl tal-Artikoli 11 u 12 tar-regoli interni “APA” dwar il-fastidju, li, b’differenza mill-Artikoli 13 u 14 tar-regoli interni dwar il-fastidju, ukoll ma jagħtux lis-Segretarju Ġenerali tal-Parlament, iżda lill-Kwesturi, jew lill-President tal-Parlament, il-poteri li l-ASTK iżżomm fil-qasam ta’ sanzjoni f’dan il-qasam, mid-dispożittiv legali stabbilit fi ħdan il-Parlament għandu jinftiehem li, issa, meta talba għal assistenza li tinvolvi membru tal-Parlament titressaq skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal minn APA quddiem l-ASTK, fil-persuna tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament, dan huwa kompetenti sabiex jadotta kull miżura li tikkonċerna direttament lill-APA, iżda li, għall-kuntrarju, kull miżura li teħtieġ il-parteċipazzjoni tal-membru tal-Parlament ikkonċernat jew li timplika l-ħsieb li tissanzjona u/jew li tissanzjona lil dan tal-aħħar taqa’, skont il-każ, fil-kompetenza tal-kumitat konsultattiv speċjali “APA”, tal-Kwesturi jew tal-President tal-Parlament.

92      Fil-każ inkwistjoni, jirriżulta mill-proċess li r-rikorrenti kienet sostniet it-talba għal assistenza tagħha permezz ta’ provi prima facie. Fil-fatt, lil hinn mill-allegazzjonijiet li hija sostniet unilateralment billi spjegat li P. ma kinitx tħalli provi bil-miktub tas-sitwazzjonijiet li ħolqu nuqqas ta’ qbil bejniethom, ir-rikorrenti indikat l-ismijiet ta’ żewġ kollaboraturi ta’ P. li hija tallega li kienu preżenti għall-aġir kollu li hija ddeskriviet u li jistgħu għalhekk jikkorroboraw id-dikjarazzjonijiet tagħha waqt smigħ. Barra minn hekk, anki jekk il-pariri tal-periti mediċi ma humiex ta’ natura li jistabbilixxu, waħedhom, l-eżistenza, fid-dritt, ta’ fastidju jew ta’ nuqqas tal-istituzzjoni fir-rigward tad-dmir ta’ assistenza tagħha (ara s-sentenzi tas-6 ta’ Frar 2015, BQ vs Il‑Qorti tal-Awdituri, T‑7/14 P, EU:T:2015:79, punt 49, u tas-17 ta’ Settembru 2014, CQ vs Il-Parlament, F‑12/13, EU:F:2014:214, punt 127), ir-rikorrenti pprovdiet ċertifikati mediċi li, sabiex jiġi ddeterminat jekk obbligu ta’ assistenza jaqax fuq l-ASTK, jistgħu jitqiesu li huma provi prima facie ta’ sensazzjoni, għalkemm suġġettiva, ta’ fastidju psikoloġiku. Ma’ dan għandha tiżdied iċ-ċirkustanza li kollega tar-rikorrenti kien ukoll ikkuntattja lill-kumitat konsultattiv ġenerali, stabbilit bir-regoli interni dwar il-qasam tal-fastidju, u kien ippreżenta quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, fl-24 ta’ Marzu 2014, rikors li kien jinvolvi l-istess membru tal-Parlament dwar fatti allegati ta’ fastidju psikoloġiku.

93      Għalhekk, l-elementi ta’ informazzjoni pprovduti mat-talba għal assistenza u dawk żvelati iktar tard, fl-okkażjoni tat-talba għal miżuri ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza CH, tal-15 ta’ Jannar 2014, u tal-ilment tas-16 ta’ April 2014, jiġifieri d-dokumenti tar-rikorrenti li fihom hija talbet lill-ASTK li tiftaħ u tipproċedi għal investigazzjoni amministrattiva, kienu jikkostitwixxu indizji li setgħu joħolqu dubji serji dwar il-kwistjoni jekk, fil-każ inkwistjoni, il-kundizzjonijiet stabbiliti bl-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal kinux issodisfatti (ara s-sentenza tas-26 ta’ Marzu 2015, CN vs Il‑Parlament, F‑26/14, EU:F:2015:22, punt 56).

94      F’dawn iċ-ċirkustanzi, bl-effett tal-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza bis-sentenza CH, l-ASTK kellha mill-ġdid imressqa quddiemha t-talba għal assistenza li baqgħet pendenti. Għaldaqstant, l-ASTK kellha l-obbligu, fil-kuntest tal-miżuri ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza CH, li ssegwi debitament u mingħajr dewmien din it-talba għal assistenza, b’mod partikolari billi tiftaħ investigazzjoni amministrattiva, iktar u iktar għaliex, kif kien indikalha t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-punt 58 tas-sentenza CH, xejn ma kien iżomm lill-Parlament, filwaqt li jinvoka l-Artikolu 9(2) tar-regoli interni tiegħu, li jistieden lil P. sabiex tikkorrobora f’investigazzjoni amministrattiva, sabiex jiġi vverifikat l-allegat aġir li kien jikser l-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal li tiegħu r-rikorrenti ssostni li kienet vittma.

95      Barra minn hekk, l-għan ta’ investigazzjoni amministrattiva huwa, kif dan tfakkar preċedentement, li jiġu stabbiliti l-fatti u li minnhom jinsiltu, b’għarfien taċ-ċirkustanzi, il-konsegwenzi xierqa kemm b’rabta mal-każ li huwa s-suġġett tal-investigazzjoni kif ukoll, bħala regola ġenerali, u sabiex jiġi ssodisfatt il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, sabiex jiġi evitat li tali sitwazzjoni tirrepeti ruħha fil-futur. Minbarra dan, peress li r-riżultati ta’ investigazzjoni amministrattiva jistgħu kemm jikkonfermaw l-allegazzjonijiet ta’ fastidju psikoloġiku, konferma li tista’ tirriżulta utli għall-vittma fit-tentattiv tagħha għal kumpens għad-dannu li hija setgħet ġarrbet f’eventwali rikors kontra min allegatament ta fastidju quddiem qorti nazzjonali, kif ukoll jinvalidaw l-allegazzjonijiet tal-allegata vittma, invalidazzjoni li tippermetti għalhekk li tissewwa l-ħsara li tali akkuża, finalment infondata, setgħet tikkawża lill-persuna msemmija bħala dik li allegatament tat fastidju fil-proċedura ta’ investigazzjoni.

96      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, peress li ma fetaħx investigazzjoni amministrattiva, kif mitluba mir-rikorrenti fit-talba għal assistenza kif ukoll fit-talba tagħha għal miżuri ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza CH tal-15 ta’ Jannar 2014 u fl-ilment tagħha tas-16 ta’ April 2014, il-Parlament, fir-rigward tal-annullament bis-sentenza CH tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza, kiser l-Artikolu 266 TFUE.

97      F’dan ir-rigward, ma huwiex importanti li l-kumitat konsultattiv speċjali “APA” ġie kkostitwit biss f’April 2014 jew ukoll li r-rikorrenti ma kinitx indikat il-kunsens tagħha sabiex tersaq quddiem l-imsemmi kumitat li, kif jindika l-isem tiegħu, għandu biss funzjoni konsultattiva.

98      Fil-fatt, minn naħa, f’kull każ ir-rikorrenti kellha d-dritt tressaq talba għal assistenza skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal quddiem l-ASTK, mingħajr ma kellha l-obbligu li tirreferi l-każ minn qabel quddiem il-kumitat konsultattiv ġenerali u/jew il-kumitat konsultattiv speċjali “APA” u lanqas, fil-każ li hija tkun ressqet il-każ tagħha quddiem l-imsemmija kumitati, ma kienet obbligata tistenna eventwali tweġiba mingħand dawk il-kumitati jew xi wieħed fosthom, u dan anki jekk jista’ jkun mixtieq, f’ċerti każijiet, b’mod partikolari fid-dawl ta’ medjazzjoni possibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Marzu 2015, CW vs Il‑Parlament, F‑124/13, EU:F:2015:23, punt 140).

99      Min-naħa l-oħra, l-obbligu li tiftaħ u tmexxi investigazzjoni amministrattiva mingħajr dewmien jaqa’ fuq l-ASTK li effettivament hija l-awtorità kompetenti sabiex tittratta talba għal assistenza mressqa skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, bla ħsara madankollu għall-possibbiltà għall-ASTK li tiddelega l-kompiti ta’ investigazzjoni jew ta’ prevenzjoni neċessarji lil entità amministrattiva oħra jew lil korp intern ieħor tal-istituzzjoni, skont dispożizzjoni legali adottata regolarment minnha li tiffissa t-termini u l-kundizzjonijiet ta’ tali delega, b’osservanza tad-dispożizzjonijiet superjuri tad-dritt tal-Unjoni applikabbli. Għalhekk, l-istituzzjoni tista’, għal dan il-għan u billi tipprovdi l-mezzi loġistiċi u umani xierqa, tiddeċiedi li tafda t-tmexxija ta’ investigazzjoni amministrattiva lill-ġerarkija tal-istituzzjoni, bħalma huma direttur ġenerali, kumitat ta’ investigazzjoni ad hoc, lil kumitat konsultattiv dwar il-fastidju jew, ukoll, lil personalità jew korp estern għal dik l-istituzzjoni (sentenza tas-26 ta’ Marzu 2015, CW vs Il‑Parlament, F‑124/13, EU:F:2015:23, punt 142).

100    Għalhekk, anki jekk, wara l-preżentata ta’ dan ir-rikors, l-ASTK ddeċidiet li tinvolvi direttament lill-kumitat konsultattiv speċjali “APA”, approċċ li jidher li jirrifletti r-rieda tal-ASTK li tafda lil dan il-kumitat it-tmexxija tal-investigazzjoni amministrattiva li kienet taqa’ fuq l-ASTK skont id-dmir ta’ assistenza skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, xorta jibqa’ l-każ li, anki jekk dan l-involviment tal-kumitat konsultattiv speċjali “APA” jitqies li huwa deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ investigazzjoni amministrattiva mill-ASTK, dan seħħ wara d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment u wara d-data ta’ preżentata ta’ dan ir-rikors.

101    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandha tiġi annullata d-deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2014, kif ikkonfermata bid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, sa fejn il-Parlament kiser l-Artikolu 266 TFUE billi ma ordnax, skont id-dmir ta’ assistenza tiegħu skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal u tad-dmir ta’ premura tiegħu, il-ftuħ ta’ investigazzjoni amministrattiva fuq il-fatti allegati ta’ fastidju psikoloġiku wara l-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza bis-sentenza CH.

102    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex iktar neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-ilment imressaq mir-rikorrenti fuq il-kwistjoni jekk l-ASTK kellhiex l-obbligu li tassistiha fir-riċerka ta’ protezzjoni permezz ta’ rimedju ġuridiku nazzjonali. F’kull każ, huwa suffiċjenti li jiġi nnotat f’dan ir-rigward li l-motivi li jidhru fil-punt 57 tas-sentenza CH ma jistgħux jinftiehmu fis-sens li d-dmir ta’ assistenza msemmi fl-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal huwa limitat, skont il-miżuri ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza CH, sabiex jiġi propost lir-rikorrenti, fl-ipoteżi fejn hija tkun iddeċidiet li tippreżenta rikors quddiem qorti nazzjonali kontra min allegatament taha fastidju, li tingħata assistenza f’din il-proċedura.

3.     Fuq it-talbiet għal ħlas tal-kumpens

 Fuq id-dannu materjali li jirriżulta mit-telf tal-opportunità li tiġi rreklutata minn membru tal-Parlament għal-leġiżlatura 2014/2019

 L-argumenti tal-partijiet

103    Ir-rikorrenti targumenta li l-Parlament għandu jiġi kkundannat iħallasha s-somma ta’ EUR 144 000 bħala kumpens għad-dannu materjali li rriżulta mit-telf tal-possibbiltà li ssirilha offerta għal kuntratt ġdid bħala APA għal-leġiżlatura 2014/2019. Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, peress li hija ma kellhiex għad-dispożizzjoni tagħha fil-ħin l-għodda tax-xogħol, hija ma setgħetx tagħmel kuntatt mal-membri eletti ġodda tal-Parlament u lanqas li tkun taf b’eventwali pożizzjonijiet vakanti ta’ impjieg fi ħdan il-Parlament. Għaldaqstant, hija tilfet il-possibbiltà li tiġi rreklutata għal perijodu ta’ ħames snin. Peress li hija kienet għadha, fid-data tal-preżentata tar-replika tagħha, qiegħda tfittex impjieg, hija ssostni li l-vantaġġ mitluf jista’ jiġi evalwat, approssimattivament, għas-somma ta’ EUR 240 000 fuq il-bażi tas-salarju li hija bbenefikat minnu preċedentement bħala APA. L-opportunità li tiġi rreklutata minn membru tal-Parlament ġdid elett għal-leġiżlatura 2014/2019 kienet tkun serja li kieku hija baqgħet taħdem fil-bini tal-Parlament matul il-leġiżlatura preċedenti kollha, u dan b’mod partikolari minħabba l-esperjenza li hija kienet tikseb. Kif jixhed il-fatt li hija kienet ġiet irreklutata minn P. wara t-tluq tal-membru tal-Parlament li din kienet issostitwixxiet, ir-rikorrenti targumenta li, bħala medja, l-APA jibqgħu fil-funzjonijiet tagħhom billi jiksbu, fis-60 % tal-każijiet, impjieg ġdid ma’ membru Ewropew ġdid wara li jitħabbru r-riżultati tal-elezzjonijiet. Meta tapplika din il-perċentwali ta’ kwantifikazzjoni tal-possibbiltà li tiġi rreklutata, jiġifieri 60 %, mas-somma ta’ EUR 240 000 li tirrappreżenta s-salarju akkumulat minn APA matul leġiżlatura sħiħa, hija tasal għall-konklużjoni li l-Parlament għandu jiġi kkundannat iħallasha somma ta’ EUR 144 000 bħala dannu materjali mġarrab minnha.

104    Il-Parlament jargumenta li, fid-dawl tat-tliet kundizzjonijiet, stabbiliti mill-ġurisprudenza, li huma rekwiżiti għat-teħid tar-responsabbiltà tal-Unjoni, il-kundizzjoni marbuta mal-illegalità tal-aġir hija nieqsa fil-każ inkwistjoni għaliex il-Parlament qatt ma pprekluda lir-rikorrenti milli tidħol f’kuntatt mal-membri tal‑Parlament ġodda eletti għal-leġiżlatura 2014/2019. Barra minn hekk, ir-realtà tad-danni allegati ma hijiex ipprovata suffiċjentement fid-dawl tal-ġurisprudenza li teħtieġ li d-danni jkunu reali u ċerti u, fil-każ ta’ telf ta’ opportunità, li l-opportunità allegatament mitlufa kienet waħda reali u, barra minn hekk, li dan it-telf kien sar definittiv. Issa, ir-rikorrenti, li barra minn hekk ma wrietx li hija ħadet xi passi f’dan is-sens, għad għandha sal-lum il-possibbiltà li tiġi rreklutata minn wieħed mill-membri tal-Parlament matul il-leġiżlatura ta’ ħames snin attwali, li tispiċċa biss fl-2019. F’kull każ, peress li l-ebda regola statutorja jew legali ma tagħti kwalunkwe dritt lill-APA għal reklutaġġ sabiex jassistu membru ieħor tal-Parlament fi tmiem il-kuntratt tagħhom, minħabba li r-reklutaġġ tagħhom huwa bbażat fuq rabta ta’ fiduċja, il-futur tal-APA jibqa’ min-natura tiegħu ipotetiku u la reali u lanqas ċert.

105    Fir-rigward tal-kuntatti mal-membri tal-Parlament li jkunu għadhom kif ġew eletti, kuntrarjament għal dak li timplika r-rikorrenti, dawn essenzjalment ma jseħħux fil-bini tal-Parlament, iżda iktar fl-Istati Membri ta’ oriġini tal-membri eletti ġodda u anki qabel ma dawn jidħlu fil-funzjonijiet tagħhom.

106    Fl-aħħar nett, ir-rabta kawżali bejn l-allegata illegalità u d-dannu materjali allegat hija nieqsa, għaliex, b’ebda mod, l-allegat nuqqas tal-Parlament ma jista’ jkun ir-raġuni determinanti tal-assenza ta’ twettiq tal-possibbiltà allegata mir-rikorrenti, jiġifieri l-assenza ta’ reklutaġġ tagħha minn membru tal-Parlament għal-leġiżlatura 2014/2019, peress li l-APA jintgħażlu liberament mill-persuni eletti fil-Parlament u mhux mill-istituzzjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

107    Preliminarjament, għandu jitfakkar li t-teħid tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni hija suġġetta għal tliet kundizzjonijiet li lkoll iridu jiġu ssodisfatti, jiġifieri l-illegalità tal-aġir allegat kontra l-istituzzjoni, ir-realtà tad-danni u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat. Dawn it-tliet kundizzjonijiet huma kumulattivi, b’mod li l-assenza ta’ waħda minnhom hija suffiċjenti sabiex jiġu miċħuda t-talbiet għall-ħlas ta’ kumpens (ara s-sentenzi tal-21 ta’ Frar 2008, Il‑Kummissjoni vs Girardot, C‑348/06 P, EU:C:2008:107, punt 52; tal-5 ta’ Lulju 2011, V vs Il‑Parlament, F‑46/09, EU:F:2011:101, punt 157; u tad-19 ta’ Mejju 2015, Brune vs Il‑Kummissjoni, F‑59/14, EU:F:2015:50, punt 71).

108    Fir-rigward tal-aġir illegali invokat insostenn tat-talba għal kumpens tad-dannu materjali li jirriżultaw minn telf ta’ possibbiltà li tiġi rreklutata, għandu jiġi kkonstatat li dan l-aġir jikkonsisti essenzjalment fl-allegat rifjut illegali tal-Parlament li jqiegħed għad-dispożizzjoni tar-rikorrenti l-għodda tax-xogħol, rifjut li jirriżulta mid-deċiżjonijiet tat-3 ta’ Marzu u tat-2 ta’ April 2014. Issa, kif ġie kkonstatat preċedentement, ilment bħal dan jidher li huwa infondat.

109    F’kull każ, fir-rigward tar-realtà tad-dannu, f’dan il-każ materjali, hija ġurisprudenza stabbilita li dan għandu jkun ġie debitament stabbilit u ċert (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Frar 2008, Il‑Kummissjoni vs Girardot, C‑348/06 P, EU:C:2008:107, punt 54, u tad-19 ta’ Mejju 2015, Brune vs Il‑Kummissjoni, F‑59/14, EU:F:2015:50, punt 76). B’mod partikolari, meta d-dannu allegat jikkonsisti, bħal fil-każ inkwistjoni, minn telf ta’ possibbiltà, minn naħa, il-possibbiltà mitlufa kellha tkun reali (sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 2004, Eagle et vs Il‑Kummissjoni, T‑144/02, EU:T:2004:290, punt 165, u tas-6 ta’ Ġunju 2006, Girardot vs Il‑Kummissjoni, T‑10/02, EU:T:2006:148, punt 96) u, min-naħa l-oħra, dan it-telf għandu jkun definittiv.

110    Fir-rigward tal-livell ta’ ċertezza tar-rabta kawżali, dan jintlaħaq meta l-illegalità mwettqa minn istituzzjoni tal-Unjoni tkun, b’mod ċert, ċaħdet persuna mhux neċessarjament minn reklutaġġ, li l-persuna kkonċernata ma tista’ qatt tipprova li dan seħħ, iżda minn possibbiltà serja li tiġi rreklutata bħala uffiċjal jew bħala membru tal-persunal, bil-konsegwenza għall-persuna kkonċernata ta’ dannu materjali li jikkonsisti fit-telf ta’ dħul (sentenzi tal-5 ta’ Lulju 2011, V vs Il‑Parlament, F‑46/09, EU:F:2011:101, punt 159, u tas-17 ta’ Ottubru 2013, BF vs Il‑Qorti tal-Awdituri, F‑69/11, EU:F:2013:151, punt 73).

111    Fil-każ inkwistjoni, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkunsidra li, anki jekk, fil-prattika, jista’ jiġi nnotat li, wara kull elezzjoni tal-Parlament, ċertu proporzjon tal-APA, li r-rikorrenti tistma li huwa 60 % ta’ dawk li kienu impjegati preċedentement, jiġi effettivament irreklutat mill-membri tal-Parlament eletti ġodda, kemm jekk huma membri tal-Parlament li kellhom mandat parlamentari matul il-leġiżlatura preċedenti kemm jekk minn dawk li ma kellhomx dak il-mandat, ma jistax jiġi raġonevolment invokat mir-rikorrenti li, kieku hija baqgħet effettivament taqdi l-funzjonijiet tagħha matul il-leġiżlatura 2009/2014 kollha, hija kellha possibbiltà ta’ 60 % li tikkonvinċi membru tal-Parlament elett mill-ġdid li jutilizza s-servizzi tagħha. Fil-fatt, peress li r-reklutaġġ tiegħu u l-possibbli kontinwazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu jew it-tiġdid tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu huma, b’definizzjoni, dipendenti mill-eżistenza ta’ rabta ta’ fiduċja mal-membru tal-Parlament li lilu jassisti, APA li jaqdi funzjonijiet fis-servizz ta’ membru tal-Parlament ma jistax jiġi żgurat li ser jiġi rreklutat sabiex jassisti membru tal-Parlament ieħor u lanqas ma jkun ċert li, wara r-reklutaġġ tiegħu, l-istess membru tal-Parlament, elett mill-ġdid, ser jibqa’ jimpjegah.

112    Barra minn hekk, fir-rigward tat-tnaqqis tal-possibbiltà li tiġi rreklutata minn membru tal-Parlament ġdid elett għal-leġiżlatura 2014/2019 minħabba t-tqegħid għad-dispożizzjoni tardiv tal-għodda tax-xogħol, minn naħa, dawn kienu ġew restitwiti lir-rikorrenti meta hija ressqet it-talba, tal-inqas f’terminu li ma kienx irraġonevoli. Min-naħa l-oħra, kif argumenta korrettament il-Parlament, il-fatt waħdu li tinsab fiżikament fil-bini tal-Parlament u/jew li jkollha indirizz postali elettroniku ta’ dik l-istituzzjoni jew aċċess għall-intranet tagħha ma jistax raġonevolment jitqies li huwa element determinanti sabiex tintgħażel, minn membru tal-Parlament elett mill-ġdid, bħala kollaboratriċi ġdida. F’kull każ, jekk dawn l-aspetti jistgħu jiffaċilitaw li jsiru kuntatti, dawn ma jikkonsistux u lanqas ma jipprovdu bi kwalunkwe mod garanzija ta’ impjieg jew ta’ aċċess għal impjieg. Għaldaqstant ma jistgħux jiġu elevati, b’mod spekulattiv, għal elementi li jikkostitwixxu possibbiltà reali u ċerta ta’ reklutaġġ.

113    Minbarra dan, il-membri tal-Parlament eletti mill-ġdid, qabel ma jidħlu uffiċjalment fil-funzjonijiet tagħhom fi ħdan il-Parlament, jistgħu jkollhom kuntatti u jorganizzaw intervisti bl-għan li jirreklutaw il-kollaboraturi tagħhom ukoll fl-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom. Fl-aħħar nett, fid-dawl tal-importanza li jingħata mir-rikorrenti lil dan l-aspett għall-kisba ta’ reklutaġġ bħala APA, jista’ raġonevolment jitqies li, billi ħadmet diversi snin bħala APA, hija żammet netwerk ta’ kuntatti suffiċjenti fost il-membri tal-Parlament u l-APA sabiex tiġi informata bil-pożizzjonijiet vakanti u setgħet, għaldaqstant, faċilment tidħol f’kuntatt mal-membri tal-Parlament eletti mill-ġdid, mingħajr ma jkollha bżonn neċessarjament li jkollha l-indirizz postali elettroniku tal-Parlament jew aċċess għall-bini tiegħu. Jirriżulta barra minn hekk mill-indikazzjonijiet li hija pprovdiet fir-replika tagħha li hija żammet relazzjonijiet ma’ APA li kienu jaħdmu mad-delegazzjoni nazzjonali ta’ grupp parlamentari, kif ukoll mal-imsemmija delegazzjoni, persuni li lkoll setgħu jgħaddulha informazzjoni mill-Parlament.

114    Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li, anki kieku r-rikorrenti setgħet tibqa’ effettivament fil-funzjonijiet tagħha u li hija kellha għad-dispożizzjoni tagħha, immedjatament wara li ngħatat is-sentenza CH, għodda tax-xogħol, l-allegata possibbiltà għaliha li tiġi rreklutata minn membru tal-Parlament elett mill-ġdid għal-leġiżlatura 2014/2019 ma kinitx iktar ibbażata fuq id-disponibbiltà tal-għodda tax-xogħol jew tal-preżenza fiżika tagħha fil-bini tal-Parlament, iżda iktar fuq il-merti tal-kandidatura tagħha u tal-profil professjonali tagħha, liema profil ma tjiebx sostanzjalment bil-prestazzjoni effettiva tal-funzjonijiet tal-APA matul perijodu supplimentari ta’ ftit xhur fl-2014. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma pproduċietx provi li hija kienet ħadet xi passi partikolari ma’ membri tal-Parlament eletti mill-ġdid jew ukoll tal-fatt li xi wieħed fosthom kien irrifjuta li juża s-servizzi tagħha minħabba l-fatt li hija ma kinitx fiżikament preżenti fil-bini tal-Parlament jew li hija ma kellhiex, qabel is-16 ta’ Ġunju 2014, indirizz postali elettroniku ta’ dik l-istituzzjoni jew għaliex ma kellhiex esperjenza professjonali suffiċjenti bħala APA.

115    Barra minn hekk, kif argumenta l-Parlament, il-leġiżlatura 2014/2019 għadha għaddejja. Għalhekk, ma jidhirx li l-allegat telf ta’ possibbiltà huwa definittiv għaliex, għall-kuntrarju, jista’ jkun li fil-futur ir-rikorrenti tiġi rreklutata mill-ġdid bħala APA.

116    Minn din il-perspettiva, kemm fir-rigward tal-kundizzjoni dwar ir-realtà tat-telf ta’ possibbiltà li tiġi rreklutata kif ukoll dik dwar l-eżistenza tar-rabta kawżali, it-talbiet għall-ħlas ta’ kumpens relatati mal-allegat telf ta’ possibbiltà li tiġi rreklutata għandhom jiġu miċħuda.

117    Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li t-talbiet għall-ħlas ta’ kumpens relatati mal-kumpens għad-dannu materjali li jirriżulta mit-telf ta’ possibbiltà li tiġi rreklutata minn membru tal-Parlament għal-leġiżlatura 2014/2019 għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

 Fuq id-dannu morali li jirriżulta mill-assenza ta’ ftuħ ta’ investigazzjoni amministrattiva

 L-argumenti tal-partijiet

118    Insostenn tal-kumpens għad-dannu morali li hija tistma għal EUR 60 000, ir-rikorrenti tinvoka ċ-ċirkustanza li għadha sal-lum ma setgħetx tikseb il-ftuħ ta’ investigazzjoni amministrattiva ta’ natura li tistabbilixxi l-verità tal-fatti ta’ fastidju psikoloġiku ddikjarati fit-talba għal assistenza tagħha. L-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati fil-każ inkwistjoni ma jistax jirrimedja dannu simili li jidher separat mill-illegalità li kienet il-bażi tal-annullament ta’ dawn id-deċiżjonijiet. Hija targumenta li d-dannu morali li hija ġarrbet huwa bbażat parzjalment fuq il-fatt li, fl-assenza ta’ ftuħ ta’ investigazzjoni amministrattiva, kienet id-dinjità tagħha bħala persuna li ġarrbet fastidju, li ġiet affettwata. Kif innota t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fis-sentenza tat-8 ta’ Frar 2011, Skareby vs Il‑Kummissjoni (F‑95/09, EU:F:2011:9, punt 26), l-eventwali rikonoxximent tal-eżistenza ta’ fastidju psikoloġiku, li huwa manifestament dipendenti fuq il-ftuħ u t-tmexxija sat-tmien ta’ investigazzjoni amministrattiva, jista’, minnu nnifsu, ikun ta’ għajnuna fil-proċess terapewtiku ta’ rikostruzzjoni tal-persuna li ġarrbet fastidju. Issa, ir-rikorrenti kienet manifestament ġiet imċaħħda minn din l-eventwali għajnuna għaliex, tal-inqas sad-data ta’ preżentata tar-rikors, ma kien ġie stabbilit l-ebda rapport ta’ investigazzjoni amministrattiva. Ma’ dan għandu jiżdied il-fatt, minn naħa, li l-Parlament manifestament naqas milli jiżgura li d-deċiżjonijiet ġodda meħuda fl-eżekuzzjoni tas-sentenza CH jkunu ħielsa minn difetti li ġġustifikaw l-annullament permezz tal-imsemmija sentenza tad-deċiżjonijiet preċedenti u li, min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti kienet kostretta li għat-tieni darba tibda proċedura prekontenzjuża, imbagħad kontenzjuża, sabiex jiġu rrikonoxxuti d-drittijiet tagħha.

119    Il-Parlament jitlob li jiġu miċħuda dawn it-talbiet għall-ħlas ta’ kumpens imsemmija iktar ’il fuq billi jargumenta li huwa impenja ruħu sabiex jikkostitwixxi korp, f’dan il-każ il-kumitat konsultattiv speċjali “APA”, li jista’ jmexxi l-investigazzjoni amministrattiva fil-kuntest ta’ lment dwar fastidju li l-allegat awtur tiegħu jkun membru tal-Parlament. F’dak li jirrigwarda t-terminu li fih twettqet dik l-investigazzjoni amministrattiva, il-Parlament jindika li, minflok ma “jwettaq speċi ta’ investigazzjoni mingħajr qafas xieraq, li, f’dan il-każ, ma kinitx toffri garanziji xierqa”, huwa pprefera li “joħloq[, bl-adozzjoni, fl-14 ta’ April 2014, tar-regoli interni ‘APA’ dwar il-fastidju,] strument legali vinkolanti li jkun jista’ jipprovdi effettività lill-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal” fil-kuntest tar-relazzjonijiet kuntrattwali partikolari marbuta mal-APA. Barra minn hekk, il-Parlament iqis li r-rikorrenti “ma tistax tippretendi li ġarrbet dannu morali separat u li jista’ jiġi stmat [f’]somma flus minħabba l-fatt li [huwa] ma eżaminax it-talba għal assistenza tagħha”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

120    Jekk l-annullament ta’ att ivvizzjat minn illegalità, bħad-deċiżjonijiet tat-3 ta’ Marzu u tat-2 ta’ April 2014, ikkonfermati bid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, jista’ fih innifsu jikkostitwixxi kumpens adegwat u, fil-prinċipju, suffiċjenti għad-dannu morali kollu li seta’ ġie kkawżat b’dawk l-atti, dan ma jistax ikun il-każ meta r-rikorrent juri li ġarrab dannu morali separat mill-illegalità li hija l-bażi tal-annullament u ma jistax jiġi kkumpensat fl-intier tiegħu minn dan l-annullament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Ġunju 2006, Girardot vs Il‑Kummissjoni, T‑102/02, EU:T:2006:148, punt 131; tad-19 ta’ Novembru 2009, Michail vs Il‑Kummissjoni, T‑49/08 P, EU:T:2009:456, punt 88, u tad-19 ta’ Mejju 2015, Brune vs Il‑Kummissjoni, F‑59/14, EU:F:2015:50, punt 80).

121    Għandu jiġi kkonstatat li, fil-każ inkwistjoni, jidher ċar li r-rikorrenti ġarrbet dannu morali minħabba l-fatt li, l-ewwel nett, fid-data ta’ deċiżjoni ta’ din il-kawża, il-Parlament kienu għadu ma ttrattax utilment it-talba għal assistenza tagħha mressqa skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal; fit-tieni lok, fid-data ta’ preżentata ta’ dan ir-rikors, kienet għadha ma nbdiet l-ebda investigazzjoni amministrattiva fis-sens tal-ġurisprudenza; u, fit-tielet lok, anki jekk, wara din l-aħħar data, l-ASTK kienet finalment fdat lill-kumitat konsultattiv speċjali “APA” l-kompitu li jmexxi tali investigazzjoni minflokha, ir-rikorrenti kienet għadha ma ġietx informata, fid-data li fiha ngħatat id-deċiżjoni ta’ din il-kawża, bir-riżultati ta’ dik l-investigazzjoni u lanqas b’xi eventwali miżuri ssuġġeriti lill-Kwesturi jew ukoll lill-President tal-Parlament.

122    Issa, peress li t-talba għal assistenza tressqet regolarment quddiem l-ASTK, f’dan il-każ fit-22 ta’ Diċembru 2011, meta kemm ir-rikorrenti kif ukoll il-membru tal-Parlament ikkonċernat kienu jeżerċitaw il-funzjonijiet rispettivi tagħhom fi ħdan l-istituzzjoni, hija tibqa’ fl-obbligu li tmexxi l-investigazzjoni amministrattiva, irrispettivament mill-kwistjoni jekk l-allegat fastidju kienx waqaf jew le.

123    Fil-fatt, minn naħa, l-eventwali rikonoxximent mill-ASTK wara l-investigazzjoni amministrattiva, eventwalment immexxija bl-għajnuna ta’ kumitat konsultattiv bħalma huwa l-kumitat konsultattiv speċjali “APA”, tal-eżistenza ta’ fastidju psikoloġiku jista’, minnu nnifsu, ikollu effett benefiku fil-proċess terapewtiku ta’ rikostruzzjoni tal-APA li ġarrab fastidju (ara s-sentenza tat-8 ta’ Frar 2011, Skareby vs Il‑Kummissjoni, F‑95/09, EU:F:2011:9, punt 26) u minbarra dan jista’ wkoll jintuża mill-vittma għall-finijiet ta’ eventwali azzjoni ġudizzjarja nazzjonali li għaliha japplika l-obbligu ta’ assistenza tal-ASTK skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal u ma jispiċċax mat-tmiem tal-perijodu ta’ reklutaġġ tal-APA.

124    Min-naħa l-oħra, iktar u iktar f’sitwazzjoni bħal dik tal-każ inkwistjoni fejn, f’dan l-istadju, huma biss allegazzjonijiet ta’ fastidju li huma inkwistjoni, it-tmexxija sat-tmiem tagħha ta’ investigazzjoni amministrattiva tista’, bil-kuntrarju, tippermetti li jiġu annullati l-allegazzjonijiet magħmula mill-allegata vittma, u b’hekk tippermetti li jitneħħew in-nuqqasijiet li tali akkuża, kieku kellha tirriżulta infondata, setgħet ikkawżat lill-persuna msemmija bħala l-persuna li allegatament tat fastidju bil-proċedura ta’ investigazzjoni.

125    Barra minn hekk, kif tinnota r-rikorrenti, is-sensazzjoni ta’ inġustizzja u t-turment ikkawżati mill-fatt, għal persuna, li jkollha tibda proċedura prekontenzjuża, imbagħad kontenzjuża, sabiex ikollha d-drittijiet tagħha rrikonoxxuti tista’ tikkostitwixxi dannu morali li jista’ jitnissel mill-fatt waħdu li l-amministrazzjoni tkun wettqet illegalità, għaliex għandu jiġi enfasizzat li dan id-dannu jista’ jiġi kkumpensat meta dan ma jiġix irrimedjat mis-sodisfazzjon li jirriżulta mill-annullament ta’ att (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Frar 1990, Culin vs Il‑Kummissjoni, C‑343/87, EU:C:1990:49, punti 27 u 28). Dan japplika, b’mod partikolari, meta, fil-kuntest ta’ miżuri ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ annullament, l-amministrazzjoni tirrepeti irregolaritajiet tal-istess natura bħal dawk li jkunu ġġustifikaw l-imsemmi annullament.

126    Fil-każ inkwistjoni, fid-dawl tal-assenza tal-ftuħ fi żmien xieraq u tat-tmexxija sat-tmiem tagħha ta’ investigazzjoni amministrattiva, għalkemm mitluba fit-talba għal assistenza u ripetuta iktar tard, u tal-fatt li r-rikorrenti kellha tieħu passi ġodda quddiem l-amministrazzjoni tal-Parlament u sussegwentement tippreżenta rikors kontenzjuż ġdid sabiex tikseb ir-rikonoxximent tad-drittijiet tagħha kollha skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jiddeċiedi li ssir evalwazzjoni ġusta tad-dannu morali mġarrab mir-rikorrenti billi jiffissa ex æquo et bono l-kumpens li għandu jitħallas għad-dannu fl-ammont ta’ EUR 25 000.

127    Barra minn hekk, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkunsidra li hemm lok li tintlaqa’ t-talba tar-rikorrenti sabiex ma’ dan l-ammont jiżdiedu l-interessi bir-rata ffissata mill-BĊE għat-tranżazzjonijiet prinċipali ta’ finanzjament mill-ġdid miżjuda b’żewġ punti. Fl-assenza ta’ indikazzjoni tad-data li minnha għandhom jiddekorru dawn l-interessi moratorji, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jiddeċiedi, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Lulju 1998, Aquilino vs Il‑Kunsill, T‑130/96, EU:T:1998:159, punt 39), li dawn għandhom jibdew jiddekorru mid-data ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, jiġifieri l-4 ta’ Awwissu 2014, għaliex, sa dik id-data, l-ASTK kienet għadha tgawdi, bħala regola ġenerali, mill-possibbiltà li tiftaħ investigazzjoni amministrattiva skont miżuri ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza CH bl-għan li tissodisfa t-talba mressqa f’dan is-sens mir-rikorrenti fil-15 ta’ Jannar 2014.

128    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba sa fejn hija ma kinitx ġiet awtorizzata li tkun akkumpanjata mill-avukati tagħha waqt is-smigħ tagħha mill‑kumitat konsultattiv speċjali “APA” fil-15 ta’ Jannar 2015, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ser jillimita ruħu sabiex jikkonstata li l-fatti akkużati huma, fi kwalunkwe każ, sussegwenti għat-tressiq tal-kawża quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni inkwantu tali għad-determinazzjoni tad-dannu mġarrab.

129    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha li jippreċedu, hemm lok għat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li:

–        jannulla d-deċiżjoni tat-2 ta’ April 2014, kif ikkonfermata bid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, sa fejn il-Parlament, bi ksur tal-Artikolu 266 TFUE, irrifjuta li jħallas lir-rikorrenti ammont supplimentari ta’ EUR 5 686 bħala eżekuzzjoni tas-sentenza CH, u jikkundanna lill-Parlament li jħallas dan l-ammont lir-rikorrenti, flimkien mal-interessi moratorji bir-rata ffissata mill-BĊE għat-tranżazzjonijiet prinċipali ta’ finanzjament mill-ġdid, miżjuda b’żewġ punti b’effett mill-1 ta’ Lulju 2014, data tat-tmiem tal-kuntratt tar-rikorrenti bħala APA;

–        jannulla d-deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2014, kif ikkonfermata bid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, sa fejn, wara l-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza bis-sentenza CH, il-Parlament kiser l-Artikolu 266 TFUE peress li ma ordnax illi, skont id-dmir ta’ assistenza tiegħu skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal u skont id-dmir ta’ premura tiegħu, tinfetaħ investigazzjoni amministrattiva fuq il-fatti allegati ta’ fastidju psikoloġiku;

–        il-kumplament tat-talbiet għal annullament jiġu miċħuda;

–        jikkundanna lill-Parlament iħallas lir-rikorrenti ammont ta’ EUR 25 000 bħala kumpens għad-dannu morali mġarrab flimkien mal-interessi moratorji bir-rata ffissata mill-BĊE għat-tranżazzjonijiet prinċipali ta’ finanzjament mill-ġdid, miżjuda b’żewġ punti, b’effett mill-4 ta’ Awwissu 2014;

–        il-kumplament tat-talbiet għal kumpens jiġu miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

130    Skont l-Artikolu 101 tar-Regoli tal-Proċedura, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Tmien Kapitolu tat-Titolu II tal-imsemmija regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż tagħha u għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż sostnuti mill-parti l-oħra, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l-Artikolu 102(1) tal-istess regoli, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ jiddeċiedi, meta jkun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ekwità, li parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż tagħha, iżda li għandha tiġi kkundannata parzjalment biss għall-ispejjeż sostnuti mill-parti l-oħra, jew saħansitra li ma għandhiex tiġi kkundannata f’dan ir-rigward.

131    Jirriżulta mill-motivi ta’ din is-sentenza li, sostanzjalment, il-Parlament huwa l-parti telliefa. Barra minn hekk, fit-talbiet tagħha, ir-rikorrenti talbet espressament li l-Parlament jiġi kkundannat għall-ispejjeż. Peress li ċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ ma jiġġustifikawx l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 102(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Parlament għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż sostnuti minn CH.

Għal dawn il-motivi,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla)

jaqta’ u jiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta’ April 2014, kif ikkonfermata bid-deċiżjoni tal-4 ta’ Awwissu 2014 li ċaħdet l-ilment, hija annullata sa fejn, bi ksur tal-Artikolu 266 TFUE, il-Parlament Ewropew irrifjuta li jħallas lil CH ammont supplimentari ta’ EUR 5 686 bħala eżekuzzjoni tas-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, CH vs Il‑Parlament (F‑129/12, EU:F:2013:203).

2)      Id-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta’ Marzu 2014, kif ikkonfermata bid-deċiżjoni tal-4 ta’ Awwissu 2014 li ċaħdet l-ilment, hija annullata sa fejn, wara l-annullament bis-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, CH vs Il‑Parlament (F‑129/12, EU:F:2013:203), tad-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Marzu 2012 li ċaħdet it-talba għal assistenza ta’ CH tat-22 ta’ Diċembru 2011, il-Parlament Ewropew ma ddeċidiex li jiftaħ investigazzjoni amministrattiva fuq il‑fatti allegati ta’ fastidju psikoloġiku u b’hekk kiser l-Artikolu 266 TFUE.

3)      Il-kumplament tat-talbiet għal annullament huma miċħuda.

4)      Il-Parlament Ewropew huwa kkundannat iħallas lil CH ammont ta’ EUR 5 686, flimkien mal-interessi moratorji bir-rata ffissata mill-Bank Ċentrali Ewropew għat-tranżazzjonijiet prinċipali ta’ finanzjament mill-ġdid, miżjuda b’żewġ punti, b’effett mill-1 ta’ Lulju 2014, data tat-tmiem ta’ reklutaġġ ta’ CH.

5)      Il-Parlament Ewropew huwa kkundannat iħallas lil CH ammont ta’ EUR 25 000 bħala kumpens għad-dannu morali mġarrab, flimkien mal-interessi moratorji bir-rata ffissata mill-Bank Ċentrali Ewropew għat-tranżazzjonijiet prinċipali ta’ finanzjament mill-ġdid, miżjuda b’żewġ punti, b’effett mill-4 ta’ Awwissu 2014.

6)      Il-kumplament tat-talbiet għal kumpens huma miċħuda.

7)      Il-Parlament Ewropew għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż imġarrba minn CH.

Barents

Perillo

Svenningsen

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-6 ta’ Ottubru 2015.

Reġistratur

 

      Il-President

W. Hakenberg

 

      R. Barents


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.