Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja) fis-7 ta’ Frar 2024 – Finanzamt Hamburg-Altona vs XYRALITY GmbH

(Kawża C-101/24, Finanzamt Hamburg-Altona)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesfinanzhof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Finanzamt Hamburg-Altona

Konvenut: XYRALITY GmbH

Domandi preliminari

F’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, fejn persuna taxxabbli Ġermaniża (żviluppatur) tipprovdi servizz b’mod elettroniku lil persuni mhux taxxabbli stabbiliti fit-territorju Komunitarju (klijenti finali) permezz ta’ pjattaforma għat-tniżżil ta’ applikazzjonijiet (iktar ’il-quddiem l-“appstore”) proprjetà ta’ persuna taxxabbli Irlandiża qabel l-1 ta’ Jannar 2015, għandu japplika l-Artikolu 28 tad-Direttiva 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 1 bir-riżultat li l-persuna taxxabbli Irlandiża tiġi ttrattata bħallikieku kienet irċeviet dawn is-servizzi mingħand l-iżviluppatur u pprovdiethom lill-klijenti finali, peress li huwa biss fil-konfermi tal-ordni maħruġa lill-klijenti finali li l-appstore semma lill-iżviluppatur bħala l-fornitur u indikat il-VAT Ġermaniża?

Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv: il-post li fih ġie pprovdut is-servizz, ipprovdut b’mod fittizju mill-iżviluppatur lill-appstore bis-saħħa tal-Artikolu 28 tad-Direttiva 2006/112 għandu jitqies li huwa fl-Irlanda konformement mal-Artikolu 44 tal-imsemmija direttiva jew fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja konformement mal-Artikolu 45 ta’ din l-istess direttiva?

Jekk mir-risposti għall-ewwel żewġ domandi jirriżulta li l-iżviluppatur ma pprovda l-ebda servizz fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja: l-iżviluppatur huwa responsabbli għall-VAT Ġermaniża bis-saħħa tal-Artikolu 203 tad-Direttiva 2006/112 minħabba li bi ftehim, fil-messaġġi elettroniċi ta’ konferma ta’ ordni mibgħuta lill-klijenti finali l-appstore isemmih bħala l-fornitur u juri l-VAT Ġermaniża, anki jekk il-klijenti finali ma humiex intitolati li jnaqqsu l-VAT tal-input?

____________

1     ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60.