Language of document : ECLI:EU:T:2005:248

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (ir-Raba’ Awla)

tat-22 ta’ Ġunju 2005 (*)

« Trademark komunitarja – Applikazzjoni għal trademark komunitarja figurattiva li fiha l-element verbali 'Turkish Power' – Trademark verbali preċedenti POWER – Proċediment ta' oppożizzjoni – Probabbiltà ta' konfużjoni eventwali – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 »

Fil-kawża T-34/04

Plus Warenhandelsgesellschaft mbH, stabbilita f'Mühlheim (il-Ġermanja), rapreżentata minn B. Piepenbrink, avocat,

rikorrenti

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinni) (UASI), rappreżentat minn G. Schneider, bħala aġent,

konvenut

il-partijiet l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI li huma

Joachim Bälz u Friedmar Hiller, li joqgħodu fi Stuttgart (il-Ġermanja),

li għandha bħala suġġett rikors mressaq kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord ta' l-Appell ta' l-UASI tal-25 ta' Novembru 2003 (kawża R 620/2002-2), dwar proċedimenti ta' oppożizzjoni bejn il-kumpannija Tengelmann Warenhandelsgesellschaft u Bälz u Hiller,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (ir-Raba’ Awla),

komposta minn H Legal, President, P. Lindh u V. Vadapalas, Mħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-28 ta’ Jannar 2004,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-18 ta’ Ġunju 2004,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara l-udjenza ta' l-24 ta' Frar 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1       Fis-26 ta' Settembru 2000, is-Sur Joachim Balz u s-Sur Friedmar Hiller ippreżentaw applikazzjoni għal trademark komunitarja figurattiva ma' l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinni) (UASI) skond ir-Regolament (KE) Nru 40/94 tal-Kunsill ta' l-20 ta' Diċembru 1993 dwar it-trademark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendat.

2       It-trademark li għaliha ntalbet ir-reġistrazzjoni huwa s-sinjal riprodott hawn taħt :

Image not foundImage not found

3       Il-prodotti li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni huma prodotti differenti fil-klassijiet 3, 25, 28, 32, 33 u 34 tal-Ftehim ta' Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta' Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta' Trademarks, tal-15 ta' Ġunju 1957, kif rivedut u emendat.

4       Fl-14 ta' Mejju 2001, l-applikazzjoni għat-trademark ġiet ippubblikata fil-Bullettin tat-Trademarks Komunitarji Nru 43/01.

5       Permezz ta' ittra tas-6 ta' Awwissu 2001, il-kumpannija Tengelmann Warenhandelsgesellschaft ressqet oppożizzjoni kontra din l-applikazzjoni, bl-allegazzjoni li teżisti probabbiltà ta' konfużjoni skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 bejn is-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni u t-trademark verbali Ġermaniża preċedenti tagħha POWER, irreġistrata fl-14 ta' April 1994 għall-prodotti "tabakk, oġġetti għal min ipejjep, jiġifieri kaxxetti għat-tabakk ta' l-imnieħer, kaxxetti għas-sigarri u għas-sigaretti, axtrejs, il-prodotti kollha msemmija mhux ta' metalli prezzjużi, tal-legi tagħhom jew kisi ta' dawn, kaxxetti għall-pipi, xkupilji biex tnaddaf il-pipa, għodda għall-qtugħ ta' truf is-sigarru, pipi, lajters, apparati li joqgħodu f'but għall-irrumblar tas-sigaretti, karta tas-sigaretti, filtri tas-sigaretti ; sulfarini", li jaqgħu taħt il-klassi 34.

6       L-oppożizzjoni kienet ġiet imressqa kontra parti tal-prodotti speċifikati fl-applikazzjoni għat-trademark komunitarja, jiġifieri "tabakk, oġġetti għal min ipejjep, sulfarini", li jaqgħu taħt il-klassi 34.

7       Fis-27 ta' Mejju 2002, din l-oppożizzjoni kienet ġiet miċħuda mid-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, minħabba n-nuqqas ta' probabbiltà ta' konfużjoni bejn iż-żewġ sinjali li qegħdin jiġu eżaminati.

8       Fil-25 ta' Lulju 2002, il-parti li opponiet ikkontestat din id-deċiżjoni quddiem it-Tieni Bord ta' l-Appell ta' l-UASI, u sostniet li l-impressjoni ġenerali li tittieħed mis-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni kienet ddeterminata mill-element distintiv "power", filwaqt li l-elementi l-oħra tiegħu kienu nieqsa minn karattru distintiv. Hija stmat li, peress li l-element dominanti "power" huwa preżenti fiż-żewġ trademarks, l-oppożizzjoni kellha tiġi milqugħa.

9       Fl-1 ta' Ottubru 2003, il-kumpannija Plus Warenhandelsgesellschaft mbH tniżżlet fir-reġistru Ġermaniż ta' trademarks bħala s-sid il-ġdid tat-trademark nazzjonali preċedenti POWER.

10     Permezz ta' deċiżjoni tal-25 ta' Novembru 2003 (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), it-Tieni Bord ta' l-Appell ta' l-UASI ċaħdet l-appell minħabba n-nuqqas ta' probabbiltà ta' konfużjoni fit-territorju rilevanti, minħabba tad-differenzi viżivi, fonetiċi u kunċettwali eżistenti bejn iż-żewġ sinjali konfliġġenti. Huwa kkunsidra li, kuntrarjament għall-opinjoni tal-parti li opponiet, l-element verbali "Turkish" tas-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni u l-element figurattiv tiegħu li jikkonsisti f'ras ta' ljun ma jistgħux jiġu injorati u li, anki jekk ir-ras ta' l-iljun talludi għall-kunċett ta' forza, mhuwiex każ ta' traspożizzjoni ċara u sempliċi ta' dan il-kunċett. Barra minn hekk, huwa sostna li l-element "Turkish" għandu jitqies ukoll u dan peress li għandu importanza fuq il-livelli viżivi u fonetiċi u li s-sinjifikat sħiħ tal-kliem "Turkish power" huwa differenti minn dak tat-terminu "power".

 Il-Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

11     Huwa f'dawn iċ-ċirkustanzi li r-rikorrenti, ċessjonarja tad-dritt għat-trademark nazzjonali preċedenti, ressqet il-preżenti rikors kontra d-deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell.

12     Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza:

–       tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–       alternattivament, tagħtiha l-possibbiltà li tifformula bil-miktub, f'terminu raġonevoli, l-elementi li l-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra bħala insuffiċjenti f'dak li jirrigwarda l-fatti u l-konsegwenzi ġuridiċi tagħhom;

–       tikkundanna lill-UASI jħallas l-ispejjeż.

13     Waqt is-seduta, ir-rikorrenti rrinunċjat għal kap ta' talbiet li kienet ippreżentat minn qabel u li biha talbet lill-Qorti tal-Prim'Istanza tordna t-tħassir tat-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni.

14     L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza:

–       tiċħad ir-rikors;

–       tikkundanna lir-rikorrenti tħallas l-ispejjeż.

 Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

15     L-UASI jirrileva li r-rikorrenti, għalkemm ċessjonarja tat-trademark nazzjonali preċedenti, ma kinitx parti mill-proċedimenti quddiem il-Bord ta' l-Appell. Madankollu, l-UASI huwa tal-fehma li l-Artikolu 63(4) tar-Regolament Nru 40/94 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta' "partijiet fil-proċedimenti quddiem il-Bord ta' l-Appell" li għalihom ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza huwa miftuħ ikopri wkoll l-aventi kawża ta' sid trademark li qiegħda f'kunflitt ma' sinjal li għalih intalbet ir-reġistrazzjoni bħala trademark komunitarja.

16     Huwa kostanti, u barra minn hekk mhux ikkontestat, li t-trasferiment tat-trademark nazzjonali lir-rikorrenti mis-sid preċedenti tagħha, il-kumpannija Tengelmann Warenhandelsgesellschaft, sar matul il-proċedimenti quddiem l-UASI. Din iċ-ċirkustanza tirrikjedi s-sostituzzjoni tar-rikorrenti bil-kumpannija li qed twettaq it-trasferiment bħala parti fil-proċedimenti quddiem il-Bord ta' l-Appell.

17     F'dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti tista' tipproċedi sabiex tannulla d-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq il-mertu

 Fuq l-ewwel raġuni, ibbażata fuq il-ksur ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94

 L-argumenti tal-partijiet

18     Ir-rikorrenti ssostni li l-prodotti "tabakk, oġġetti għal min ipejjep, sulfarini", li jaqgħu taħt il-klassi 34, imsemmija fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni u l-prodotti koperti mit-trademark preċedenti huma parzjalment identiċi jew simili ħafna.

19     Il-kelma "power" hija l-element esklussiv tat-trademark preċedenti u din għandha karattru distintiv imsaħħaħ minn użu mxerred tat-trademark. It-trademark preċedenti mhijiex użata sempliċement sabiex jiġu deskritti l-prodotti, tant li l-grupp ta' konsumaturi u ta' operaturi ekonomiċi msemmija ma jiġux imġiegħla jikkunsidraw il-kelma "power" bħala indikazzjoni ta' kwalità tal-prodotti in kwistjoni għal min ipejjep, kuntrarjament għall-indikazzjoni li jistgħu jagħtu kliem bħal m'huma "full flavour" jew "light" jew "gold".

20     Min-naħa l-oħra, il-kelma "power" hija l-element karatteristiku esklussiv tas-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni, għaliex skond ir-regoli grammatikali Ġermaniżi u Ingliżi huma biss l-ismijiet, bl-esklużjoni ta' l-aġġettivi, li jintuzaw sabiex jiġu deskritti l-affarijiet. Għaldaqstant, l-aġġettiv Ingliż "Turkish" mhuwiex importanti fil-paragun bejn sinjali, għaliex jindika biss lill-klijenti interessati li l-prodotti in kwistjoni għandhom oriġini Torka u ma jistax jiġi kkunsidrat mill-pubbliku msemmi bħala mezz ta' kif tiġi identifikata l-intrapriża minn fejn joriġinaw.

21     Meta l-prodotti indikati mhumiex ikkummerċjaliżżati fi ħwienet self-service, ix-xerrej huwa kostrett li jippronunzja isem it-trademark, l-iktar mod faċli ta' kif jiġi indikat prodott. Madankollu, fil-kuntest ta' paragun bejn żewġ sinjali konfliġġenti fuq il-livell tas-smigħ, ir-rappreżentazzjoni grafika ta' sinjal li għalih saret l-applikazzjoni ma tilgħab ebda rwol.

22     Ix-xbieha ta' ras ta' ljun mqiegħda bejn il-kliem "Turkish" u "power" ma tinfluwenzax per se l-impressjoni viżiva ġenerali mogħtija mis-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni għaliex isservi biss sabiex issaħħaħ is-sinjifikat ta' l-element "power", li huwa magħruf mill-klijenti interessati bħala l-element li jikkostitwixxi t-trademark tar-rikorrenti.

23     Meta jiġu kkunsidrati, min-naħa, ix-xebh bejn iż-żewġ sinjali konfliġġenti, identiċi fl-element dominanti tagħhom u, min-naħa l-oħra, l-impressjoni ġenerali li jipproduċu fuq il-pubbliku Ġermaniż, teżisti għaldaqstant probabbiltà ta' konfużjoni, għaliex il-pubbliku jista' jasal biex jemmen li l-prodotti in kwistjoni joriġinaw mill-istess intrapriża jew minn intrapriżi marbuta ekonomikament.

24     L-UASI jsemmi, fl-ewwel lok, li, peress t-trademark hija protetta fil-Ġermanja, għandu jsir riferiment għall-perċezzjoni tas-sinjali konfliġġenti mill-pubbliku Ġermaniż, li ġustament ġie ikkunsidrat mill-Bord ta' l-Appell bħala infurmat normalment u attent u avżat b'mod raġonevoli.

25     L-UASI josserva, fit-tieni lok, li l-prodotti msemmija minn min qed jopponi, jiġifieri "tabakk, oġġetti għal min ipejjep, sulfarini", huma kollha protetti bit-trademark preċedenti u li l-prodotti li għandhom x'jaqsmu mas-sinjali konfliġġenti huma għaldaqstant identiċi.

26     L-UASI jfakkar, fit-tielet lok, li l-evalwazzjoni tax-xebh tas-sinjali konfliġġenti għandu jkun ibbażat fuq il-qbil viżiv, kunċettwali u tas-smigħ tagħhom u li għandhom jiġu eżaminati flimkien, peress li l-elementi dominanti u distintivi tagħhom huma determinanti.

27     Il-kelma "power", li hija l-element kostitwenti esklussiv tat-trademark preċedenti, ma tiddeskrivi l-ebda wieħed mill-prodotti kkonċernati. Minkejja li huwa stmat li l-karattru distintiv ta' dan l-element huwa relattivament dgħajjef, fir-rigward tal-prodotti msemmija, il-Bord ta' l-Appell ikun ippreżuma favur min qed jopponi li t-trademark għandha karattru distintif medju.

28     Is-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni huwa kompost mill-elementi "Turkish" u "power", kif ukoll l-element figurattiv li jisseparahom u li jirrappreżenta ras ta' ljun. L-apprezzament ta' l-elementi distintivi ta' dan is-sinjal għandu jkun ibbażat fuq il-fatt li kemm l-element "power" kif ukoll l-element figurattiv, ir-ras ta' ljun, u, fl-aħħar, l-aġġettiv "Turkish" huma distintivi u mhux deskrittivi u li dan is-sinjal, ikkunsidrat fl-intier tiegħu, jagħti impressjoni differenti minn dik tat-trademark POWER.

29     Fil-punt 26 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta' l-Appell jaċċetta l-possibbiltà li parti mill-pubbliku Ġermaniż jipperċepixxi l-element "Turkish" bħala indikazzjoni ta' l-oriġini ġeografika tal-prodotti. Madankollu, isemmi wkoll li, fl-intier tiegħu, "Turkish power" jittrażmetti kontenut semantiku differenti minn dak ta' l-element "power" meħud waħdu. L-element "Turkish" għalhekk ma jistax jiġi minsi fl-apprezzament tax-xebh.

30     Ir-rikorrenti għandha tort meta tgħid li huma biss is-sostantivi, bl-esklużjoni ta' l-aġġettivi, jistgħu jikkaratterizzaw trademark. L-argument li jgħid li l-aġġettivi huma, skond id-definizzjoni tagħhom, dejjem użati għal finijiet deskrittivi huwa korrett biss safejn hija kwistjoni ta' l-użu grammatikali tagħhom. Min-naħa l-oħra, aġġettiv użat fi trademark mhuwiex deskrittiv minnu nnifsu. Li jiġi aċċertat jekk aġġettiv huwiex deskrittiv skond il-liġi tat-trademarks jiddependi mis-sinjifikat tiegħu, kif ukoll mill-prodotti u servizzi koperti mit-trademark.

31     Il-Bord ta' l-Appell ikkunsidra, fil-punt 26 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-konsumatur Ġermaniż jipperċepixxi l-għaqda "Turkish power" bħala xi ħaġa sħiħa li tinkludi konnotazzjonijiet oħra barra mis-sempliċi riferiment għall-prodotti ta' trademark Power b'oriġini Torka. Minħabba r-rabta b'saħħitha bejn dawn iż-żewġ komponenti, is-sintamma "Turkish Power" tagħti effett suġġestiv indipendenti mill-kelma "power", billi tqanqal sensazzjoni marbuta mal-kultura u l-istorja Torka.

32     Trademark bl-isem "Indian Summer" li tkopri xarbiet hija, minn perspettiva kunċettwali, totalment differenti minn trademark imsemmija "Summer" għall-istess prodotti. Ir-rikorrenti ma tistax tirrikorri b'mod effettiv għall-kawża li tat lok għas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-18 ta' Frar 2004, Koubi vs UASI – Flabesa (CONFORFLEX) (T 10/03, li għada ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), b'mod iktar preċiż, f'din il-kawża, għall-kunċett globali evidenti inerenti fil-kelma "conforflex". Għalkemm il-kunċett "conforflex" ma kellu ebda sinjifikat proprju, il-konsumatur jassoċja direttament l-element "confor" mal-prodotti.

33     Fuq il-livell viżiv, huwa biss l-element "power" tas-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni li huwa identiku għat-trademark preċedenti. L-esperjenza turi li l-elementi mqiegħda fil-bidu ta' trademarks semi-figurattivi huma ta' importanza ikbar, għaliex dawn l-elementi ġeneralment jiġbdu l-attenzjoni tal-pubbliku.

34     Il-Bord ta' l-Appell isemmi li l-element figurattiv tas-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni li fih ras kbira ta' l-iljun bi kriniera elaborata li qed jgħajjat l-għajta tiegħu ma kienx biss traspożizzjoni integrali mingħajr rilevanza tal-kunċett ta' forza. L-iljun li qed jgħajjat l-għajta tiegħu jwassal ċertu aggressività, l-istil u l-karattru elaborat tar-ras jattribwixxu lit-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni karattru proprju li jmur lil hinn mill-messaġġ imwassal mill-kelma "power". F'dan ir-rigward, iż-żieda ta' ras ta' ljun li qed jgħajjat l-għajta tiegħu jagħti ukoll lis-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni sinjifikat suġġestiv partikulari, differenti minn dak ta' l-element "power" ikkunsidrat separatament.

35     Iż-żewġ sinjali konfliġġenti jintgħarfu minn xulxin fuq il-pjan kunċettwali għaliex il-kelma "power" għandha, fiha nnifisha, sinjifikat u impatt differenti mis-sintamma "Turkish Power" flimkien ma' ras ta' ljun. Ir-rabta li teżisti bis-saħħa ta' l-element "power" ma tistax waħedha tiġġustifika xebh kunċettwali.

36     Meta tqis kollox, għalhekk, jeżistu biss l-iktar ċerti fattizzi viżivi u fonetiċi li jixxiebhu bejn iż-żewġ sinjali konfliġġenti.

37     Jirriżulta mill-eżami ta' dawn l-aspetti partikolari li l-prodotti huma identiċi u li hemm rabta bejn is-sinjali permezz ta' l-element verbali tagħhom "power". Madankollu, wieħed għandu jieħu nota tal-preżenza ta' kelma li għandha karattru distintiv proprju fis-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni, il-perċezzjoni kunċettwali differenti taż-żewġ sinjali u l-preżenza ta' element figurattiv distintiv.

38     Għaldaqstant, l-UASI jsostni li m'hemmx probabbiltà ta' konfużjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

39     Skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, hemm probabbiltà ta' konfużjoni meta l-pubbliku jista' jasal biex jemmen li l-prodotti in kwistjoni jiġu mill-istess intrapriża jew, fil-kawża preżenti, minn intrapriżi marbuta ekonomikament, u din il-probabbiltà għandha tkun apprezzata b'mod sħiħ billi jittieħdu in kunsiderazzjoni l-fatturi kollha rilevanti tal-kawża.

40     Dan l-apprezzament sħiħ jimplika ċerta interdipendenza bejn il-fatturi meħuda in kunsiderazzjoni u, b'mod partikolari, ix-xebh bejn t-trademarks u dak bejn il-prodotti jew servizzi indikati, fejn grad baxx ta' xebh bejn il-prodotti jew servizzi indikati jista' jiġi kkumpensat bi grad għoli ta' xebh bejn it-trademarks u viċi versa [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-23 ta' Ottubru 2002, Institut für Lernsysteme vs UASI – Servizzi ta' l-Edukazzjoni (ELS), T-388/00, Ġabra p. II-4301, punt 46].

41     L-apprezzament sħiħ tal-probabbiltà ta' konfużjoni bbażat fuq l-impressjoni ġenerali mogħtija mis-sinjali konfliġġenti għandu jinkludi b'mod partikolari l-kunsiderazzjoni ta' l-elementi distintivi u dominanti tagħhom (ara, b'analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Novembru 1997, SABEL, C 251/95, Ġabra p. I 6191, punt 23, u tat-22 ta' Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C 342/97, Ġabra p. I 3819, punt 25).

42     Il-probabbiltà ta' konfużjoni hija għolja daqs kemm huwa importanti l-karattru distintiv tat-trademark preċedenti (ara, b'anoloġija, sentenza Lloyd Schuhfabrik Meyer, imsemmija iktar 'il fuq, punt 20).

43     B'mod ġenerali, żewġ trademarks huma simili meta, mill-perspettiva tal-pubbliku kkonċernat, jeżisti għall-inqas bejn it-tnejn xebh parzjali f'dak li jikkonċerna wieħed jew aktar aspetti rilevanti [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-23 ta' Ottubru 2002, Matratzen Concord vs UASI – Hukla Germany (MATRATZEN), T 6/01, Ġabra p. II 4335, punt 30], jiġifieri l-aspetti viżivi, tas-smigħ u kunċettwali.

44     F'din il-kawża, il-prodotti li fir-rigward tagħhom tapplika l-oppożizzjoni, jiġifieri "tabakk, oġġetti għal min ipejjep, sulfarini", huma koperti miż-żewġ sinjali konfliġġenti. Il-prodotti in kwistjoni għandhom għalhekk jiġu kkunsidrati bħala identiċi, kif wara kollox sostna l-UASI fir-risposta tiegħu.

45     It-trademark nazzjonali preċedenti POWER hija rreġistrata fil-Ġermanja, li tikkostitwixxi għaldaqstant it-territorju rilevanti għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

46     Peress li t-trademark preċedenti hija protetta fil-Ġermanja, jaqbel li jsir riferiment għall-perċezzjoni tal-pubbliku Ġermaniż sabiex tkun evalwata l-probabbiltà ta' konfużjoni. F'dan ir-rigward, id-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni u l-Bord ta' l-Appell sostnew, mingħajr kontestazzjoni mir-rikorrenti, li x-xerrejja tal-prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 34 juru ġeneralment livell għoli ta' attenzjoni fit-tranżazzjonijiet tagħhom, minħabba l-lealtà tagħhom mat-trademarks.

47     Huwa fid-dawl ta' dawn l-osservazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat jekk il-Bord ta' l-Appell għamilx żball tal-liġi meta sostna li jeżistu differenzi suffiċjenti bejn is-sinjal figurattiv li għalih saret l-applikazzjoni u t-trademark verbali preċedenti sabiex tkun eskluża, fl-ispirtu tal-pubbliku Ġermaniż ikkonċernat, probabbiltà ta' konfużjoni, b'kond meħud tal-prodotti koperti miż-żewġ sinjali konfliġġenti.

48     Huwa kostanti li l-pubbliku Ġermaniż ikkonċernat għandu l-kapaċità li jifhem kemm l-element verbali preżenti fiż-żewġ sinjali konfliġġenti, "power", kif ukoll il-kelma "Turkish" li tappartjeni lis-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni.

49     It-trademark nazzjonali preċedenti hija trademark verbali, waqt li s-sinjal li qiegħed jikkompeti magħha kien is-suġġett ta' applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bħala trademark komunitarja figurattiva komposta minn żewġ kelmiet "Turkish" u "power", separati permezz ta' ras ta' ljun bi kriniera lelliexa li qed jgħajjat l-għajta tiegħu.

50     Il-kelma "power" hija fl-istess ħin l-uniku element tat-trademark preċedenti u wieħed minn tlieta li jikkomponu s-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni.

51     Wara li ħadet in kunsiderazzjoni l-identiċità tal-prodotti in kwistjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza hija ta’ l-opinjoni li hemm lok li jiġi deċiż favur l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni fl-ispirtu tal-pubbliku Ġermaniż ikkonċernat fl-ipoteżi fejn il-komponent komuni fiż-żewġ sinjali, “power”, ikun meqjus bħala l-element dominanti tas-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni.

52     Fuq livell viżiv, mhuwiex diffiċli li ssir distinzjoni bejn iż-żewġ sinjali konfliġġenti għaliex is-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni huwa l-uniku wieħed li jidher taħt il-forma ta’ sinjal kumpless li jinkludi mas-sintamma “Turkish Power” element figurattiv bil-forma tar-ras ta’ l-iljun bi kriniera lelliexa li qed jgħajjat l-għajta tiegħu.

53     Minħabba l-pożizzjoni ċentrali tiegħu, dan l-element figurattiv jagħti lis-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni struttura ottika differenti ħafna minn dik tat-trademark nazzjonali preċedenti.

54     L-element figurattiv jiddomina ukoll, permezz tad-daqs tiegħu, ta’ l-oriġinalità tiegħu u l-karattru elaborat tar-riproduzzjoni tiegħu, l-elementi verbali tas-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni, b’mod li ż-żewġ sinjali li qed jiġu eżaminati fihom differenzi ċari ħafna mill-perspettiva viżiva.

55     Din id-differenza tidher b’mod iktar ċar biż-żieda tal-kelma “Turkish” ma’ l-element “power”, li jservi ta’ kontrappunt għall-kelma “power” minħabba li jinsab fil-bidu tas-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni u maġenb l-element grafiku fuq in-naħa opposta ta' “power” li jinsab fl-aħħar tas-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni.

56     Il-preżenza ta’ l-element “Turkish” fil-bidu tas-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni tippermetti li jkun innutat immedjatament mill-pubbliku kkonċernat, u twarrab għalhekk lejn l-aħħar l-element “power” fil-memorja viżiva tal-persuni kkonċernati.

57     Iż-żewġ sinjali konfliġġenti fihom ukoll differenzi sostanzjali tas-smigħ. Jekk l-element figurattiv ma jilgħab naturalment ebda rwol minn din il-perspettiva, madankollu ma jistax jiġi kkontestat li l-element verbali “Turkish” tas-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni jikkontribwixxi sabiex iż-żewġ sinjali fil-kawża preżenti jiġu identifikati fonetikament.

58     F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma wrietx li l-pubbliku Ġermaniż in kwistjoni ma jagħti l-ebda każ ta’ l-element verbali “Turkish” meta fit-taħdit jirreferi għas-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni. Għall-kuntrarju, ix-xebh ċar li jeżisti bejn dan l-element verbali kif jingħad bil-lingwa Ingliża u l-ekwivalenti tiegħu bil-Ġermaniż huwa ta’ tali natura li jiffaċilita iktar l-memorizzazzjoni tiegħu u l-mod kif jiġi ppronunzjat mill-persuni kkonċernati li jkun l-element kostituttiv tas-sinjal li għalih saret l-appplikazzjoni viżwalizzat fl-ewwel lok.

59     Meta l-prodotti in kwistjoni huma mixtrija minn ħwienet oħra barra l-ħwienet self-service, l-att ta' xiri jippresupponi li jiġu ppronunzjati ż-żewġ komponenti fonetiċi tas-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni, kif wara kollox sostniet ir-rikorrenti.

60     Fuq il-livell kunċettwali, il-fatt li l-aġġettiv "Turkish" jippreċedi s-sostantiv "power" huwa naturalment riżultat tar-regoli tal-grammatika Ingliża, b'mod li, kuntrarjament għal dak li jsosni l-UASI, l-ewwel kunċett li jifforma l-pubbliku kkonċernat, li jitkellem b'lingwa li għandha l-istess regola, mhuwiex neċessarjament dak ta' l-element "Turkish".

61     Min-naħa l-oħra, il-Bord ta' l-Appell ammetta ukoll li s-sinjali konfliġġenti jixxiebhu fuq il-livell tas-sinjifikat tagħhom peress li t-tnejn li huma fihom il-kunċett ta' forza, b'mod li ċerta xerrejja jistgħu jipperċepixxu l-element "Turkish" bħala indikazzjoni ta' minn fejn jiġu l-prodotti in kwistjoni.

62     Madankollu, l-element figurattiv li jirriproduċi r-ras ta' l-iljun huwa, minħabba l-karatteristiċi tar-riproduzzjoni tiegħu msemmija iktar 'il fuq, ta' natura li jinnewtralizza sostanzjalment ix-xebh kunċettwali bejn iż-żewġ sinjali konfliġġenti li jirriżulta mill-preżenza tal-komponent komuni tagħhom "power".

63     Fil-fatt, ir-ras ta' iljun li qed jgħajjat l-għajta tiegħu jżid konnotazzjoni distinta ta' aggressività lill-kunċett ta' forza li jagħti l-element verbali "power" tat-trademark nazzjonali preċedenti.

64     Barra minn hekk, kif sewwa sostna l-UASI fid-dokumenti tiegħu, "Turkish Power" għandha effett suġġestiv indipendenti mill-kelma "power", għar-raġuni li s-sintamma tassoċja l-prodotti msemmija mal-kultura u ma' l-istorja Torka fl-ispirtu tal-pubbliku Ġermaniż ikkonċernat.

65     Għaldaqstant, il-Bord ta' l-Appell sostna ġustament li l-element figurattiv tas-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni mhuwiex traspożizzjoni ċara u sempliċi tal-kunċett ta' forza.

66     Barra minn hekk, id-differenzi viżivi u fonetiċi bejn iż-żewġ sinjali konfliġġenti jikkontribwixxu sabiex jitnaqqas l-effett tax-xebh kunċettwali in kwistjoni li jirriżulta mill-preżenza ta' l-element komuni "power".

67     Għandu jiġi msemmi b'mod partikolari li l-grad ta' xebh konċettwali bejn iż-żewġ sinjali huwa ta' importanza ridotta fil-każ li l-pubbliku kkonċernat ikun jista' jara l-isem ta' trademark fuq il-prodott li jkun qed jixtri.

68     L-importanza tax-xebh kunċettwali bejn iż-żewġ sinjali hija mnaqqsa ukoll ladarba, bħal fil-kawża preżenti, il-pubbliku kkonċernat jkun jista' jippronunzja is-sintamma kollha li tifforma s-sinjal meta jkun qed jixtri l-prodotti kkonċernati minn mezzi ta' distribuzzjoni minbarra s-self-service.

69     Għaldaqstant u kif intqal iktar 'il fuq, il-pubbliku kkonċernat għandu iktar u iktar ikun ikkunsidrat f'din il-kawża bħala wieħed li juri lealtà mat-trademarks tradizzjonali tiegħu u, konsegwentement, grad għoli ta' attenzjoni fl-għażla tal-prodotti in kwistjoni.

70     F'dan is-sens, il-Bord ta' l-Appell ma għamilx żball ta' evalwazzjoni meta sostna li, fl-intier tiegħu, is-sinjifikat tas-sinjal "Turkish Power" huwa differenti mill-messaġġ li jagħti l-uniku element verbali "power" tat-trademark nazzjonali preċedenti.

71     Ma jidhirx għalhekk li l-element "power" jikkostitwixxi, kif isostni r-rikorrenti, il-komponent dominanti tas-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni u lanqas li jiddetermina l-impressjoni ġenerali attribwita lil dan ta' l-aħħar sal-punt li tinħoloq probabbiltà ta' konfużjoni fl-ispirtu tal-pubbliku Ġermaniż in kwistjoni.

72     Jirriżulta mill-konsiderazzjonijiet kollha msemmija li, għalkemm il-prodotti koperti miż-żewġ sinjali konfliġġenti huma identiċi u t-tnejn fihom l-element verbali komuni "power", il-Bord ta' l-Appell seta' legalment isostni li l-pubbliku Ġermaniż kkonċernat, avżat, li juri grad għoli ta' attenzjoni u lealtà mat-trademarks tradizzjonali tiegħu, ma kienx influwenzat b’mod li jemmen li l-prodotti in kwistjoni jiġu mill-istess intrapriża jew, jekk ikun il-każ, minn intrapriżi marbuta ekonomikament, meta wieħed jieħu in kunsiderazzjoni d-differenzi kkonstatati bejn iż-żewġ sinjali konfliġġenti fuq livell viżiv, fonetiku u kunċettwali.

73     F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kunsiderazzjonijiet tal-Bord ta’ l-Appell dwar il-probabbiltà ta’ konfużjoni ma jistawx jiġu kkontestati mill-karattru distintiv tat-trademark nazzjonali preċedenti li r-rikorrenti bi ħsiebha tikkonkludi mill-istatistiċi ta’ bejgħ tagħha.

74     Madankollu, ma jirriżultax mill-proċess tal-proċedimenti quddiem l-UASI li l-istanzi ta’ dan ta’ l-aħħar kienu fihom statistiċi ta’ bejgħ ta’ sigaretti tat-trademark POWER li r-rikorrenti semmiet fit-talba tagħha sabiex tiġi stabblita n-notorjetà tat-trademark nazzjonali tagħha. Barra minn hekk, ċerta informazzjoni tapplika għall-perijodi ta’ riferenza li jiġu qabel ma ġiet ippreżentata t-talba li fiha l-motivi ta’ l-appell imressaq quddiem il-Bord ta’ l-Appell.

75     F’dawn iċ-ċirkustanzi, dawn l-istatistiċi jistaw jeffettwaw il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata biss jekk l-UASI kellu joħodhom in kunsiderazzjoni fuq inizjattiva tiegħu stess [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Diċembru 2002, eCopy vs UASI (ECOPY), T 247/01, Ġabra p. II 5301, punt 46].

76     Mandanakollu, dan mhuwiex il-każ hawnhekk, għaliex, skond l-aħħar parti ta’ l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94, fi proċedimenti li jirrigwardaw, bħal fil-kawża preżenti, ir-raġunijiet relattivi għal ċaħda ta’ reġistrazzjoni, l-Uffiċċju huwa ristrett bil-motivi invokati u bit-talbiet ippreżentati mill-partijiet.

77     Għaldaqstant, l-ewwel raġuni għandha tiġi miċħuda, minħabba applikazzjoni ħażina ta’ l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

 Fuq it-tieni raġuni, ibbażata fuq il-fatt li r-rikorrenti ġiet imċaħda mid-drittijiet tagħha ta’ proprjetà intellettwali

78     Ir-rikorrenti tallega li l-Komunità m’għandha l-ebda kompetenza li toħodilha d-drittijiet tagħha ta’ proprjetà intellettwali, billi tagħti t-trademark preċedenti tagħha lil imitazzjonijiet u falsifikazzjonijiet taħt il-forma ta’ self tas-sinjal tagħha effettwat mis-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni.

79     Ir-rikorrenti tiġi imwaqqfa illegalment, bi ksur tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha, milli teżerċita d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali li hija kisbet b’mod regolari fl-Istat fejn hija stabbilita.

80     L-UASI jikkunsidra l-oġġezzjoni bħala nieqsa minn rilevanza, għaliex il-proċedura amministrattiva għandha l-għan li tiddetermina jekk it-trademark komunitarja, li għaliha saret l-applikazzjoni, tistax tiġi rreġistrata u ma tirrigwarda bl-ebda mod il-validità tat-trademark nazzjonali preċedenti.

81     Huwa biżżejjed, għall-Qorti tal-Prim’Istanza, li ssemmi li l-validità tat-trademark nazzjonali preċedenti tar-rikorrenti fl-ebda każ ma tiġi effettwata mir-reġistrazzjoni eventwali bħala trademark komunitarja tas-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni.

82     Fil-fatt, jirriżulta minn dak li ntqal iktar ‘il fuq li r-reġistrazzjoni in kwistjoni ma toħloqx probabbiltà ta’ konfużjoni fl-ispirtu tal-pubbliku Ġermaniż bejn it-trademark komunitarja figurattiva li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trademark nazzjonali verbali preċedenti tar-rikorrenti.

83     Għaldaqstant, ir-rikorrenti għandha tort li tinvoka l-ksur tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali marbuta mat-trademark nazzjonali preċedenti tagħha.

84     Għaldaqstant, it-tieni raġuni għandha tiġi miċħuda.

85     Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ‘il fuq li r-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

86     Il-Qorti tal-Prim’Istanza ġiet mgħarrfa suffiċjentement u għalhekk m’hemmx lok li tikkunsidra t-talbiet sussidjarji tar-rikorrenti.

 Fuq l-ispejjeż

87     Taħt l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tħallas l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

88     Peress li r-rikorrenti tilfet hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż ta' l-UASI, konformement mat-talba ta' dan ta' l-aħħar.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeciedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż.

Legal

Lindh

Vadapalas

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fit-22 ta’ Ġunju 2005

Reġistratur

 

President

H. Jung

 

H. Legal


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.