Language of document : ECLI:EU:T:2005:289

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (it-Tielet Awla)

ta' l-14 ta' Lulju 2005 (*)

« Trademark komunitarja – Proċedura ta' oppożizzjoni – Trademark nazzjonali preċedenti figurattiva li fiha l-element verbali ‘Selenium Spezial A‑C‑E’ – Applikazzjoni għal trademark komunitarja verbali SELENIUM-ACE – Raġunijiet relattivi għal rifjut – Probabbiltà ta' konfużjoni – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 »

Fil-kawża T-312/03

Wassen International Ltd, stabbilita f'Leatherhead (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn M. Edenborough, barrister, u S. Mayer, solicitor,

rikorrenti

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trademarks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn S. Laitinen u M. Capostagno, bħala aġenti,

konvenut

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI li hija

Stroschein Gesundkost GmbH, stabbilita f'Hamburg (il-Ġermanja),

li għandha bħala suġġett rikors magħmul kontra d-deċiżjoni tar-Raba' Bord ta' l-Appell ta' l-UASI tat-18 ta’ Ġunju 2003 (kawża R 121/2002-4), dwar proċedimenti ta' oppożizzjoni bejn Wassen International Ltd u Stroschein Gesundkost GmbH,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (it-Tielet Awla),

komposta minn M. Jaeger, President, V. Tiili u M. O. Czúcz, Mħallfin,

Reġistratur: B. Pastor, Assistent Reġistratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-12 ta’ Settembru 2003,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-18 ta’ Diċembru 2003,

wara s-seduta ta' l-14 ta’ Marzu 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1       Fis-16 ta' Frar 1999, Wassen International Ltd ippreżentat applikazzjoni għal trademark komunitarja ma' l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinni) (UASI) skond ir-Regolament (KE) Nru 40/94 tal-Kunsill, ta' l-20 ta' Diċembru 1993, dwar it-trademark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendat.

2       It-trademark li għaliha ntalbet ir-reġistrazzjoni hija t-trademark verbali SELENIUM-ACE.

3       Il-prodotti u s-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni tat-trademark jaqgħu taħt il-klassijiet 3 ("kożmetiċi; kremi għall-wiċċ; spapen; kremi u lozjonijiet kontra x-xjuħija"), 5 ("supplimenti ta' l-ikel; vitamini u minerali"), u 42 ("ħwienet ta' l-estetika") tal-Ftehim ta' Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta' Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta' Trademarks, tal-15 ta' Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat.

4       L-applikazzjoni ġiet ippubblikata fil-Bullettin tat-Trademarks Komunitarji Nru 81/99 tal-11 ta' Ottubru 1999.

5       Fis-16 ta' Diċembru 1999, Stroschein Gesundkost GmbH (iktar 'il quddiem il-"parti li opponiet") għamlet oppożizzjoni, skond l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94, kontra r-reġistrazzjoni tat-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni abbażi tar-reġistrazzjoni Ġermaniża Nru 39 519 649, tas-27 ta' Settembru 1995, tat-trademark figurattiva li ġejja:

Image not foundImage not found

6       Din it-trademark ġiet irreġistrata għall-prodotti li ġejjin, li jaqgħu kemm taħt il-klassi 5 kif ukoll taħt il-klassi 30:

"Preparazzjonijiet mhux mediċi u mhux farmaċewtiċi fuq il-bażi tal-lamtu, mlieħ tal-kalċju, magnesium stearate u ħmira, jew ta' taħlit ta' dawn l-elementi bħala supplimenti ta' l-ikel".

7       L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq il-prodotti kollha li għalihom it-trademark preċedenti kienet irreġistrata u kienet imressqa kontra l-prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 3 u 5, speċifikati fl-applikazzjoni għat-trademark komunitarja. Il-motiv invokat in sostenn ta' din l-oppożizzjoni kienet il-probabbiltà ta' konfużjoni msemmija fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

8       Permezz ta' deċiżjoni tat-30 ta' Novembru 2001, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni laqgħat l-oppożizzjoni u, konsegwentement, irrifjutat ir-reġistrazzjoni tat-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni. Hija kkunsidrat, sostanzjalment, li s-sinjali in kwistjoni kienu simili ħafna viżwalment u simili jew anki identiċi fonetikament. Minħabba l-identiċità tal-prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 5 u ċertu xebh bejn il-prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 3 speċifikati fl-applikazzjoni għat-trademark komunitarja, min-naħa, u l-prodotti koperti mit-trademark preċedenti, min-naħa l-oħra, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni kkonkludiet li teżisti probabbiltà ta' konfużjoni.

9       Fit-30 ta' Jannar 2002, ir-rikorrenti ressqet appell quddiem l-UASI kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni.

10     Permezz ta' deċiżjoni tat-18 ta' Ġunju 2003 (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), ir-Raba Bord ta' l-Appell ċaħad l-appell. Sostanzjalment, huwa kkunsidra li l-elementi verbali kienu l-elementi dominanti tat-trademark preċedenti u, b'mod iktar partikulari, li l-kelma "selenium" tikkostitwixxi l-element l-iktar distintiv, li l-ittri "a", "c" u "e" isseparati b'sing ma jbiddlux il-perċezzjoni ta' l-ittri u li l-kelma "spezial" kienet ipperċepita mill-konsumaturi bħala indikazzjoni deskrittiva ta' numru partikulari ta' prodotti. Huwa wasal għall-konklużjoni li d-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni sostniet korrettament li s-sinjali kienu simili, li l-prodotti kienu, skond il-każijiet, identiċi jew simili, u sostna, ġustament, li kienet teżisti probabbiltà ta' konfużjoni għall-prodotti kollha kkonċernati.

 It-talbiet tal-partijiet

11     Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza:

–       tilqa' ir-rikors;

–       tirrinvija l-ipproċessar ta' l-applikazzjoni għat-trademark komunitarja quddiem l-UASI sabiex titħalla ssir ir-reġistrazzjoni tagħha;

–       tannulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni;

–       tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–       tikkundanna lill-parti li opponiet tħallas l-ispejjeż tar-rikorrenti fil-kuntest tal-preżenti rikors, ta' l-appell quddiem il-Bord ta' l-Appell u ta' l-oppożizzjoni quddiem id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni.

12     L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza:

–       tiċħad ir-rikors;

–       tikkundanna lir-rikorrenti tħallas l-ispejjeż.

 Fuq l-ammissibbiltà ta' l-applikazzjoni sabiex il-kawża tkun irrinvijata quddiem l-UASI sabiex titħalla ssir ir-reġistrazzjoni

13     Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza li tirrinvija l-kawża quddiem l-UASI u li tordnalu jirreġistra t-trademark komunitarja in kwistjoni.

14     Skond l-Artikolu 63(6) tar-Regolament Nru 40/94, l-UASI huwa meħtieġ li jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim'Istanza m'għandhiex il-kompetenza li tindirizza ordni lill-UASI. Huwa l-obbligu, fil-fatt, ta' dan ta' l-aħħar li jasal għall-konsegwenzi tal-parti dispożittiva u tal-motivi ta' din is-sentenza [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-27 ta' Frar 2002, Streamserve vs UASI (STREAMSERVE), T 106/00, Ġabra p. II 723, punt 18]. Għaldaqstant din it-talba hija inammissibbli.

 Fuq il-mertu

15     Ir-rikorrenti tinvoka raġuni unika in sostenn tar-rikors tagħha, ibbażata fuq ksur ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

 L-argumenti tal-partijiet

16     Ir-rikorrenti ssostni li d-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni u l-Bord ta' l-Appell wettqu t-tnejn li huma żbalji fl-evalwazzjoni taż-żewġ trademarks in kwistjoni. Hija tissottolinja li għandha ssir evalwazzjoni globali tat-trademark preċedenti u tat-trademark komunitarja, billi jiġu meħuda in kunsiderazzjoni t-trademarks fl-intier tagħhom, inklużi l-elementi figurattivi eventwali tagħhom. Mhuwiex possibbli li l-analiżi tkun limitata għall-elementi speċifiċi tat-trademark, b'mod partikulari meta ma tiġi ppreżentata ebda prova li turi li l-pubbliku rilevanti joqgħod fuq ċerti elementi u li t-trademarks in kwistjoni huma komposti minn ċerti elementi li waħedhom għandhom karattru distintiv dgħajjef, b'tali mod li l-karattru distintiv tat-trademarks jista' jirriżulta biss minn l-evalwazzjoni globali tagħhom.

17     Ir-rikorrenti tikkunsidra li kien żball li ġew injorati l-effetti tal-kelma "spezial", is-snug bejn l-ittri "a", "c" u "e", kif ukoll l-element figurattiv tat-trademark preċedenti, għaliex anki jekk kull wieħed minn dawn l-elementi meħuda waħedhom għandhom biss effett limitat, l-effett kumulattiv tagħhom mhuwiex insinifikanti fil-kuntest ta' evalwazzjoni globali.

18     Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord ta' l-Appell ma kellux jikkunsidra l-kelma "selenium" bħala l-element l-iktar distintiv fit-trademark preċedenti. Kemm id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni kif ukoll il-Bord ta' l-Appell injoraw jew ma ħadux biżżejjed in kunsiderazzjoni l-fatt li x-xiri tal-prodotti in kwistjoni mhuwiex każwali, iżda għall-kuntrarju jsir biss wara eżami metikoluż ta' l-ingredjenti li jinsabu fil-prodotti differenti li jaqgħu taħt it-trademarks in kwistjoni. Il-pubbliku rilevanti ta' dawn il-prodotti jkunu interessati biss fi prodotti li fihom is-silenju, mingħajr ma jagħtu importanza għal jew li jkunu konxji tal-fatt li l-kelma "selenium" tista' tkun isem barrani jew l-isem xjentifiku tal-prodott mixtieq. Konsegwentement, il-kelma "selenium" ma tistax tiġi kkunsidrata mill-pubbliku rilevanti bħala "distintiva biżżejjed".

19     Ir-rikorrenti tosserva li, fin-nuqqas ta' spażji jew ta' sing bejn l-ittri "a", "c" u "e", huwa ovvju li l-konsumatur jippronunzjahom bħala kelma, anki jekk il-kelma hekk miktuba mhijiex parti tal-lingwa tal-konsumatur ikkonċernat. Għaldaqstant, it-trademark preċedenti hija komposta mill-grupp ta' ittri "ace", ippronunzjati separatament, filwaqt li t-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni fiha l-kelma "ace" mlissna bħala kelma.

20     Ir-rikorrenti ssostni li, konsegwentement, it-trademarks kunfliġġenti għandhom jiġu mqabbla bil-mod segwenti : SELENIUM-ACE, għal dak li jirrigwarda t-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni, u l-element verbali "Selenium Spezial A-C-E" flimkien ma' element figurattiv, għal dak li jirrigwarda t-trademark preċedenti. Għalkemm għandhom karattru distintiv dgħajjef, il-kelma "spezial" u l-element figurattiv għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni. Barra minn hekk, il-kelma "selenium" għandha ukoll karattru distintif dgħajjef għall-konsumatur li jixtieq prodott li fih is-silenju. F'dak li jirrigwarda l-kelma "ace" u l-grupp ta' ittri "ace" separati b'sing, ir-rikorrenti ssostni li l-ewwel waħda hija invenzjoni li probabbilment m'għandha l-ebda sinifikat għall-konsumatur medju Ġermaniż, u li t-tieni waħda hija komposta b'mod ċar minn sempliċi ittri ta' l-alfabet.

21     Ir-rikorrenti tikkonkludi minn dan li l-elementi verbali li jikkostitwixxu t-trademarks in kwistjoni huma differenti fuq livell fonetiku, minħabba li t-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni fiha kelma sseparata b'sing u t-trademark preċedenti fiha żewġ kelmiet flimkien ma' tliet ittri separati. Fuq livell viżiv, it-trademarks huma differenti ukoll, peress li t-trademark preċedenti fiha element figurattiv u ittri sseparati u mhux il-kelma barranija jew ivvintata "ace". Fuq il-livell kunċettwali, it-trademark proposta m'għandha l-ebda sinifikat ħlief dak li jirriżulta mill-kelma "selenium", li huwa l-element imfittex mill-pubbliku rilevanti, filwaqt li t-trademark preċedenti għandha sinifikat supplementari marbuta mal-grupp ta' ittri "ace".

22     Ir-rikorrenti tosserva li l-Uffiċċju Ġermaniż għat-Trademarks u l-Privattivi wasal għall-istess konklużjoni f'deċiżjoni tal-21 ta' Awwissu 2002. Id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni u l-Bord ta' l-Appell kellhom isegwu din id-deċiżjoni li tgħid li tista' ssir distinzjoni bejn it-trademarks, anki fil-każ li l-prodotti kkonċernati jkunu identiċi.

23     Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li kemm id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni kif ukoll il-Bord ta' l-Appell żbaljaw meta poġġew fuq ir-rikorrenti l-oneru tal-prova dwar in-nuqqas ta' probabbiltà ta' konfużjoni. Hija l-parti li opponiet li għandha tallega l-eżistenza ta' dik il-probabbiltà u ġġib il-provi. Fil-kawża preżenti, il-parti li opponiet ma ppreżentat ebda element in sostenn ta' l-allegazzjoni li teżisti effettivament konfużjoni fis-suq Ġermaniż. Konsegwentement, fin-nuqqas ta' prova kemm min-naħa u kemm minn oħra, il-kwistjoni għandha tiġi riżolta fuq il-bażi ta' paragun ipotetiku bejn it-tradmarks kunfliġġenti.

24     L-UASI jsostni li l-Bord ta' l-Appell ikkunsidra korrettament li kien hemm probabbiltà ta' konfużjoni minħabba x-xebh bejn is-sinjali in kwistjoni, evalwati globalment, kif ukoll minħabba l-identiċità u x-xebh bejn il-prodotti kkonċernati.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

25     Skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, dwar oppożizzjoni minn sid ta' trademark preċedenti, ir-reġistrazzjoni ta' trademark li għaliha saret l-applikazzjoni ma tiġix milqugħa meta, minħabba l-identiċità jew ix-xebh tagħha mat-trademark preċedenti u minħabba l-identiċità jew ix-xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti miż-żewġ trademarks, teżisti probabbiltà ta' konfużjoni fl-ispirtu tal-pubbliku fit-territorju li fih it-trademark preċedenti hija protetta. Barra minn hekk, skond l-Artikolu 8(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 40/94, trademarks preċedenti huma dawk it-trademarks irreġistrati fl-Istat Membru li d-data tal-preżentata tagħhom tiġi qabel dik ta’ l-applikazzjoni għat-trademark komunitarja.

26     Skond ġurisprudenza kostanti, tikkostitwixxi probabbiltà ta' konfużjoni l-probabbiltà li l-pubbliku jista' jemmen li l-prodotti jew is-servizzi in kwistjoni jiġu mill-istess intrapriża jew, jekk ikun il-każ, minn intrapriżi marbuta ekonomikament,

27     Skond din l-istess ġurisprudenza, il-probabbiltà ta' konfużjoni għandha tiġi evalwata globalment, skond il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tas-sinjali u tal-prodotti jew tas-servizzi in kwistjoni, u billi jittieħdu in kunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha fil-kawża, b'mod partikulari l-interdipendenza bejn ix-xebh tas-sinjali u dik tal-prodotti jew tas-servizzi msemmija [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' Lulju 2003, Laboratorios RTB vs l-UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T 162/01, Ġabra p. II 2821, punti 31 sa 33, u l-ġurisprudenza msemmija].

28     F'din il-kawża, it-trademark preċedenti li fuqha tibbaża ruħha l-oppożizzjoni hija rreġistrata fil-Ġermanja. Barra minn hekk, il-prodotti in kwistjoni huma prodotti li jiġu kkunsmati immedjatament. Għaldaqstant, il-pubbliku rilevanti li fir-rigward tiegħu għandha tiġi evalwata l-probabbiltà ta' konfużjoni huwa kkostitwit minn konsumaturi medji Ġermaniżi.

29     Barra minn hekk, anki jekk l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 40/94 ma fihx dispożizzjoni simili għal dik ta' l-Artikolu 7(2), li jgħid li huwa biżżejjed, sabiex tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni ta' trademark, li teżisti raġuni assoluta għal rifjut f'parti biss tal-Komunità, hemm lok li l-istess soluzzjoni tiġi applikata għal din il-kawża. Min dan jirriżulta li r-reġistrazzjoni għandha tkun irrifjutata ukoll, anki jekk ir-raġuni relattiva għal rifjut teżisti biss f'parti tal-Komunità [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-3 ta' Marzu 2004, Mülhens vs l-UASI – Zirh International (ZIRH), T 355/02, li għada mhijiex ippubblikata fil-Ġabra, punt 36].

30     Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet hemm lok li jiġi eżaminat il-paragun imwettaq mill-Bord ta' l-Appell f'dak li jirrigwarda, min-naħa, il-prodotti kkonċernati u, min-naħa l-oħra, is-sinjali konfiġġenti.

 F'dak li jirrigwarda l-paragun tal-prodotti

31     L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma tressaq ebda argument dwar l-evalwazzjoni tal-Bord ta’ l-Appell f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, wara domanda mill-Qorti tal-Prim’Istanza, ir-rikorrenti spjegat fis-seduta illi ma kinitx applikat għal restrizzjoni ta’ l-applikazzjoni tagħha għat-trademark. Għandu jiġi mfakkar ukoll li l-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq il-prodotti kollha li għalihom it-trademark preċedenti kienet irreġistrata u kienet kontra l-prodotti inklużi fil-klassijiet 3 u 5 imsemmija fl-applikazzjoni għat-trademark. Il-Bord ta’ l-Appell ikkunsidra li l-prodotti koperti mit-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni huma parzjalment identiċi għall-prodotti koperti mit-trademark preċedenti, u parzjalment simili. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jista’ jingħad li l-prodotti msemmija fl-applikazzjoni għat-trademark huma parzjalment identiċi għall-prodotti koperti mit-trademark preċedenti, u parzjalment simili.

 F'dak li jirrigwarda l-paragun tas-sinjali

32     Hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti, l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha, f’dak li jirrigwarda x-xebh viżiv, fonetiku u kunċettwali tas-sinjali konfliġġenti, tkun ibbażata fuq l-impressjoni sħiħa mogħtija minnhom, meta wieħed jieħu in kunsiderazzjoni, b’mod partikulari, ta’ l-elementi distintivi u dominanti tagħhom [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 Ottubru 2003, Phillips-Van Heusen vs l-UASI – Pash Textilvertrieb und Einzelhandel (BASS), T 292/01, Ġabra p. II 4335, punt 47, u l-ġurisprudenza msemmija].

33     F’dak li jirrigwarda l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti dwar in-nuqqas ta’ evalwazzjoni globali tat-trademarks in kwistjoni mill-Bord ta’ l-Appell, għandu jiġi kkunsidrat li dan ta’ l-aħħar wettaq evalwazzjoni analitika ta’ kull wieħed mill-elementi speċifiċi tas-sinjali in kwistjoni u, wara, interpreta b’mod korrett ir-riżultati miksuba permezz ta’ evalwazzjoni globali bbażata fuq sommarju ta’ l-informazzjoni kollha.

34     F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, il-Bord ta’ l-Appell ma injorax la l-effetti tal-kelma "spezial", la s-separazzjoni ta’ l-ittri "a", "c" u "e" permezz ta’ sing, u lanqas l-element figurattiv tat-trademark preċedenti.

35     Fil-fatt, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li l-Bord ta’ l-Appell ikkunsidra, b’mod korrett, li l-kelma "spezial" tikkorrispondi għal aġġettiv Ġermaniż li jfisser "speċjali" u li jista’ jiġi pperċepit mill-konsumaturi tat-territorju ta’ riferenza bħala indikazzjoni deskrittiva ta' numru partikulari ta' prodotti.

36     It-tieni nett, għandu jiġi msemmi li l-Bord ta’ l-Appell eżamina ukoll l-influwenza tal-grupp ta’ ittri "ace". Huwa kkunsidra li l-pubbliku rilevanti jifhem probabbilment dawn l-ittri bħala riferenza għal sustanzi oħra li normalment ikunu f’supplimenti ta’ l-ikel, bħal per ezempju l-vitamini. Barra minn hekk, hija sostniet li ċ-ċirkustanza li dawn l-ittri huma miktuba b’sing jew le mhijiex importanti, peress li n-nuqqas ta’ sinjal li jissepara ma setgħax, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża, ibiddel b’mod sinifikattiv il-perċezzjoni li l-konsumatur jista’ jkollu minn dawn it-tliet ittri mqiegħda fl-istess ordni.

37     Fl-aħħar nett, għal dak li jikkonċerna l-element figurattiv, il-Bord ta' l-Appell osserva, fid-deċiżjoni kkontestata, li, meta trademark hija komposta minn elementi verbali u figurattivi, dawk ta' l-ewwel għandhom, bħala prinċipju, jiġu kkunsidrati bħala iktar distintivi mit-tieni, għaliex il-konsumatur medju jagħmel riferenza għall-prodott in kwistjoni iktar faċilment billi jgħid l-isem minflok joqgħod jispjega l-element figurattiv tat-trademark. Huwa kkunsidra b'mod korrett li din il-linja ġenerali ta' raġunar tista' tiġi raġonevolment applikata fil-kawża preżenti. Skond il-Bord ta' l-Appell, huwa raġonevoli li wieħed jissoponi li l-konsumatur medju se jipperċepixxi l-element verbali bħala trademark u l-element figurattiv bħala element dekorattiv. Jista' jingħad ukoll li l-element figurattiv jinsab taħt l-elementi verbali, jiġifieri, f'pożizzjoni inqas viżibbli.

38     Għaldaqstant, l-argumenti tar-rikorrenti li l-Bord ta' l-Appell ma ħax in kunsiderazzjoni l-elementi l-oħra ħlief il-kelma "selenium" għandhom jiġu miċħuda.

39     It-tieni nett, għandu jiġi nnutat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta' l-Appell ikkunsidra b'mod korrett li l-kelma "selenium" tikkostitwixxi l-element dominanti tat-trademark preċedenti.

40     Fil-fatt, peress li t-trademark preċedenti hija komposta minn elementi verbali (il-kliem "selenium", "spezial" u l-grupp ta' ittri "ace") u minn element figurattiv, għandu jiġi mfakkar li l-Bord ta' l-Appell sostna, ġustament, li l-parti verbali hija iktar distintiva mill-parti figurattiva. Għandu jingħad ukoll li l-kelma "selenium" hija kelma Ingliża li tikkorrispondi għan-nom Germaniż "Selen", li jirreferi għal element kimiku. F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, jekk il-konsumaturi ta' riferenza mhumiex kapaċi li jifhmu li l-kelma "selenium" tirreferi għal ingredjent tal-prodott li jixtiequ jixtru, din il-kelma tkun partikularment distintiva, peress li tinftiehem bħala isem il-prodott u mhux bħala deskrizzjoni tal-kontenut tiegħu. Barra minn hekk, anki jekk, kif josserva l-Bord ta' l-Appell, huwa possibbli li l-konsumaturi jistgħu jidentifikaw dan l-element bħala ingredjent tal-prodotti kkummerċjalizzati taħt it-trademark preċedenti, jibqa' l-fatt li, skond il-pożizzjoni tiegħu fit-trademark preċedenti u meta mqabbel ma' l-elementi l-oħra tas-sinjal preċedenti, il-kelma "selenium" tilgħab rwol preponderanti meta l-pubbliku rilevanti jidentifka s-sinjal u jiftakru.

41     Fil-fatt, għandu jiġi indikat f'dan ir-rigward li l-kelma "selenium" tilgħab rwol importanti fl-evalwazzjoni viżiva u fonetika tat-trademark preċedenti, meta wieħed jieħu in kunsiderazzjoni l-pożizzjoni inizjali tagħha, jiġifieri fil-pożizzjoni l-iktar viżibbli. Hija għalhekk l-ewwel waħda li tingħaraf. Għandu jiġi mfakkar ukoll li l-kelma "spezial" tfisser "speċjali" fil-Ġermaniż. Għaldaqstant, il-Bord ta' l-Appell seta' ġustament jsostni li l-pubbliku rilevanti jipperċepixxi dan l-element bħala wieħed purament deskrittiv u ta' tifħir. Fl-aħħar nett, l-għaqda ta' l-ittri "ace" tista' tiġi pperċepita mill-konsumaturi bħala riferenza għal ċerti sustanzi li normalment ikunu fihom is-supplimenti ta' l-ikel, bħal vitamini.

42     Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti li l-Bord ta' l-Appell wettaq żball meta kkunsidra l-kelma "selenium" bħala l-element l-iktar distintiv tat-trademark preċedenti, għandu jiġi miċħud.

43     It-tielet nett, għandu jiġi osservat li l-Bord ta' l-Appell wettaq evalwazzjoni globali bbażata fuq sommarju ta' l-informazzjoni kollha li rriżulta minn dawn l-evalwazzjonijiet. Hija setgħet ġustament issostni ukoll li s-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni u s-sinjal preċedenti huma simili ħafna, għar-raġuni li l-ewwel wieħed jipproduċi kważi kompletament l-element verbali ta' dak ta l-aħħar.

44     Fil-fatt, il-Bord ta' l-Appell ġustament sostna li s-sinjali konfliġġenti, meħuda flimkien, kienu simili, billi kien hemm iktar aspetti li jixxiebħu milli differenzi. Għandu jiġi kkonstatat li s-sinjal preċedenti huwa riprodott b'mod kważi identiku fl-applikazzjoni għat-trademark komunitarja, u ż-żewġ sinjali huma differenti biss fuq il-livell ta' l-elementi tas-sinjal preċedenti li huma l-inqas distintivi, jiġifieri l-kelma "spezial", l-element figurativ u ż-żewġt isnug li jisseparaw it-tliet ittri "a", "c" u "e", imqiegħda, madankollu, f'ordni identika fis-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni. Barra minn hekk, peress li t-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni hija verbali, hija tista' tintuża mill-applikant flimkien ma' kull tipa, inkluża dik użata mit-trademark preċedenti. Għaldaqstant, jista' jingħad li s-sinjali in kwistjoni jagħtu lok għal impressjoni ġenerali ta' xebh fuq livell viżiv, fonetiku u kunċettwali.

45     Għaldaqstant, l-argument li l-Bord ta' l-Appell ma wettaqx evalwazzjoni globali tat-trademarks in kwistjoni għandu jiġi miċħud ukoll.

46     F'dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Bord ta' l-Appell injora d-deċiżjoni ta' l-Uffiċċju Ġermaniż għat-Trademarks u l-Privattivi dwar l-istess trademarks u l-istess prodotti, minkejja l-fatt li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kien il-pajjiż ikkonċernat bl-oppożizzjoni, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li, skond il-ġurisprudenza, is-sistema komunitarja tat-trademarks hija sistema awtonoma, komposta minn numru ta' regoli u bil-għan li tilħaq obbjettivi li huma speċifiċi għaliha, bl-applikazzjoni tagħha li hija indipendenti minn kull sistema nazzjonali [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-5 ta' Diċembru 2000, Messe München vs l-UASI (electronica), T 32/00, Ġabra p. II 3829, punt 47]. Konsegwentement, anki jekk il-Bord ta' l-Appell jista' jieħu in kunsiderazzjoni deċiżjonijiet ta' awtoritajiet nazzjonali, din is-setgħa diskrezzjonali ma tistax teżonera l-Bord ta' l-Appell mill-obbigu tiegħu li jwettaq l-evalwazzjoni tiegħu biss fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni komunitarja rilevanti. Għaldaqstant, l-UASI u, fil-kawża preżenti, il-qorti komunitarja, mhumiex marbuta b'deċiżjoni adottata fi Stat Membru. Jirriżulta għalhekk li l-argument tar-rikorrenti ma jistax jiġi milqugħ.

47     F'dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Bord ta' l-Appell żbalja meta poġġa fuqha l-oneru tal-prova dwar in-nuqqas ta' probabbiltà ta' konfużjoni, għandu jiġi mfakkar li, skond l-aħħar parti ta' l-Artikolu 74(1) tar-Regolament 40/94, fi proċedimenti li jirrigwardaw ir-raġunijiet relattivi għal ċaħda ta’ reġistrazzjoni, l-eżami ta' l-UASI għandu jkun ristrett għall-motivi invokati u għat-talbiet imressqa mill-partijiet. Jirriżulta minn din id-dispożizzjoni li kemm il-parti li opponiet kif ukoll ir-rikorrenti għandhom jippreżentaw lill-UASI motivi in sostenn tat-talbiet rispettivi tagħhom. F'dan ir-rigward, jirriżulta mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni li l-parti li opponiet sostniet li kien hemm probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trademarks in kwistjoni minħabba l-identiċità ta' l-elementi distintivi tagħhom u għaliex il-prodotti tal-klassijiet 5 u 3 huma rispettivament identiċi u simili għal dawk koperti mit-trademark preċedenti. Għaldaqstant, il-parti li opponiet tat motiv in sostenn ta' l-oppożizzjoni tagħha, jiġifieri l-eżistenza ta' probabbiltà ta' konfużjoni, li in sostenn tagħha hija ressqet varji argumenti li, barra minn hekk, ittieħdu in kunsiderazzjoni mill-UASI, b'tali mod li dan ta' l-aħħar ma bbażax ruhu biss fuq l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti. Konsegwentement, l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

48     Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet, jista' jingħad li l-Bord ta' l-Appell ma wettaqx żball fl-evalwazzjoni meta wasal għall-konklużjoni li teżisti probabbiltà ta' konfużjoni skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament 40/94, min-naħa minħabba li x-xebh bejn is-sinjali in kwistjoni, evalwati globalment, u, min-naħa l-oħra minħabba l-identiċità u x-xebħ bejn il-prodotti koperti mit-trademarks ikkonċernati. F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li grad baxx ta' xebh bejn it-trademarks tista' tiġi kkumpensata bi grad għoli ta' xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti, u viċi versa (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta' Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C-342/97, Ġabra p. I-3819, punt19). Fil-kawża preżenti, il-prodotti huma parzjalment identiċi u parzjalment simili. Jirriżulta minn din l-identiċità u min dan ix-xebh li d-differenzi bejn is-sinjali in kwistjoni huma mnaqqsa fil-kuntest ta' l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta' konfużjoni.

49     Għaldaqstant, għandha tiġi miċħuda r-raġuni invokata mir-rikorrenti kif ukoll ir-rikors fl-intier tiegħu mingħajr ma jkun neċessarju li l-Qorti tal-Prim'Istanza tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tat-talba tar-rikorrenti għall-annullament tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

50     Taħt l-Artikolu 87(2) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tħallas l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, konformement mat-talba ta' l-UASI.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (it-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeciedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż.

Jaeger

Tiili

Czúcz

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu

Reġistratur

 

il-President

H. Jung

 

M. Jaeger


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.