Language of document : ECLI:EU:T:2008:550

Kawża T-284/08

People’s Mojahedin Organization of Iran

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi meħuda kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu — Iffriżar tal-fondi — Rikors għal annullament — Drittijiet tad-difiża — Stħarriġ ġudizzjarju”

Sommarju tas-sentenza

1.      Dritt Komunitarju — Prinċipji — Drittijiet tad-difiża

(Regolament tal-Kunsill Nru 2580/2001, Artikolu 2(3); Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/583)

2.      Rikors għal annullament — Motivi — Abbuż ta’ poter

(Artikolu 230 KE)

3.      Unjoni Ewropea — Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu

(Artikolu 10 KE; Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931, Artikolu 1(4); Regolament tal-Kunsill Nru 2580/2001, Artikolu 2(3))

4.      Komunitajiet Ewropej — Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet — Sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji fuq il-bażi tal-Artikoli 60 KE, 301 KE u 308 KE

(Artikoli 60 KE, 301 KE u 308 KE)

5.      Unjoni Ewropea — Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu

Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931, Artikolu 1(4))

6.      Unjoni Ewropea — Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu

(Regolament tal-Kunsill Nru 2580/2001, Artikolu 2(3))

1.      Il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2008/583, li timplementa l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu, mingħajr ma kkomunika minn qabel lill-parti kkonċernata l-informazzjoni ġdida jew il-provi ġodda tal-proċess li, fil-fehma tal-Kunsill, kienu jiġġustifikaw iż-żamma tiegħu fil-lista tal-persuni, tal-gruppi u tal-entitajiet li l-fondi tagħhom għandhom jiġu ffriżati u, a fortiori huwa ma ppermettilhomx jesprimu ruħhom b’mod effettiv dwar dan is-suġġett, qabel l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni.

Il-Kunsill aġixxa b’dan il-mod minkejja li bl-ebda mod ma ġiet stabbilita l-urġenza u minkejja li ma stabbilixxiex impossibbiltà materjali jew ġuridika li jikkomunika lill-parti kkonċernata l-“elementi ġodda” li, fil-fehma tal-Kunsill, kienu jiġġustifikaw iż-żamma tiegħu fil-lista.

Għalhekk, iż-żamma tal-iffriżar tal-fondi tal-parti kkonċernata, permezz tad-Deċiżjoni 2008/583, seħħet fi tmiem proċedura li matulha d-drittijiet tad-difiża ma ġewx rrispettati. Din il-kunsiderazzjoni tista’ twassal biss għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni, sa fejn hija tikkonċerna lill-parti kkonċernata.

(ara l-punti 36, 40, 41, 47)

2.      In-nuqqas tal-Kunsill milli jikkonforma ruħu ma’ proċedura definita b’mod ċar minn sentenza preċedenti tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tinvolvi l-istess partijiet u li għandha l-għan li tiggarantixxi r-rispett tad-drittijiet tad-difiża fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ miżura Komunitarja ta’ ffriżar tal-fondi, nuqqas li seħħ b’konjizzjoni sħiħa tal-kawża u li ma jista’ jiġi bbażat fuq l-ebda ġustifikazzjoni raġjonevoli, jista’ jammonta għal indizju rilevanti fil-kuntest tal-eżami tal-ħames motiv, ibbażat fuq ultra vires jew abbuż ta’ poter.

(ara l-punt 44)

3.      Il-proċedura li tista’ twassal għal miżura ta’ ffriżar tal-fondi skont il-leġiżlazzjoni rilevanti fil-qasam ta’ miżuri speċifiċi bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu sseħħ fuq żewġ livelli, wieħed nazzjonali, l-ieħor Komunitarju.

Taħt l-Artikolu 10 KE, ir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Komunitarji huma rregolati permezz ta’ dmirijiet reċiproċi ta’ kooperazzjoni leali. F’każ ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu, u tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu, dispożizzjonijiet li jistabbilixxu forma ta’ kooperazzjoni speċifika bejn il-Kunsill u l-Istati Membri, fil-kuntest tal-ġlieda komuni kontra t-terroriżmu, dan il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali jinvolvi, fir-rigward tal-Kunsill, l-obbligu li kemm jista’ jkun isir riferiment għall-evalwazzjoni tal-awtorità kompetenti nazzjonali, għall-inqas fejn l-imsemmija awtorità hija waħda ġudizzjarja, b’mod partikolari fir-rigward tal-eżistenza tal-“provi jew tal-indizji serji u kredibbli” li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni ta’ din l-awtorità, kif previst fl-Artikolu 1(4), tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

Minn dak li ntqal jirriżulta li għalkemm huwa l-Kunsill li għandu l-oneru tal-prova li l-iffriżar tal-fondi ta’ persuna, ta’ grupp jew ta’ entità huwa jew għadu legalment ġustifikat, fid-dawl tal-leġiżlazzjoni rilevanti, il-portata ta’ din il-prova hija relattivament limitata, fuq il-livell tal-proċedura Komunitarja tal-iffriżar tal-fondi. Fil-każ ta’ deċiżjoni inizjali ta’ ffriżar tal-fondi, hija tirrigwarda essenzjalment l-eżistenza ta’ informazzjoni speċifika jew ta’ elementi fil-proċess li juru li deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali li tissodisfa d-definizzjoni tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 ittieħdet fil-konfront tal-parti interessata. Barra minn hekk, fil-każ ta’ deċiżjoni sussegwenti ta’ ffriżar tal-fondi, wara eżami mill-ġdid, l-oneru tal-prova essenzjalment jirrigwarda l-kwistjoni jekk l-iffriżar tal-fondi jibqax ġustifikat fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha rilevanti ta’ dan il-każ, u b’mod partikolari fid-dawl tal-azzjoni meħuda wara l-imsemmija deċiżjoni tal-awtorità kompetenti nazzjonali.

(ara l-punti 51-54)

4.      Il-Kunsill għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-adozzjoni ta’ sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji fuq il-bażi tal-Artikoli 60 KE, 301 KE u 308 KE, b’mod konformi ma’ pożizzjoni komuni adottata skont il-politika barranija u ta’ sigurtà komuni. Din is-setgħa diskrezzjonali tikkonċerna, b’mod partikolari, il-kunsiderazzjonijiet ta’ dak li huwa xieraq li fuqhom huma bbażati tali deċiżjonijiet.

Madankollu, minkejja li l-Qorti tal-Prim’Istanza tirrikonoxxi li l-Kunsill għandu setgħa diskrezzjonali f’dan il-qasam, dan ma jimplikax li hija għandha tibqa’ lura milli tistħarreġ l-interpretazzjoni, minn din l-istituzzjoni, tal-informazzjoni rilevanti. Fil-fatt, il-qorti Komunitarja għandha b’mod partikolari tistħarreġ mhux biss l-eżattezza materjali tal-provi invokati, l-affidabbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda wkoll jekk dawn il-provi jikkostitwixxux l-informazzjoni rilevanti kollha li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni u jekk humiex tali li jsostnu l-konklużjonijiet dedotti minnhom. Madankollu, fil-kuntest ta’ din l-istħarriġ, hija m’għandhiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha ta’ dak li huwa xieraq flok dik tal-Kunsill.

(ara l-punt 55)

5.      Il-kliem tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu, jipprovdi li tkun ittieħdet deċiżjoni minn awtorità nazzjonali kompetenti “fir-rigward tal-persuni, tal-gruppi u tal-entitajiet ikkonċernati” qabel ma tkun tista’ tiġi adottata miżura Komunitarja tal-iffriżar tal-fondi fir-rigward tagħhom.

Anki jekk jingħad li m’għandhiex tiġi segwita interpretazzjoni letterali ta’ din id-dispożizzjoni, jekk deċiżjoni nazzjonali li tippreċedi l-adozzjoni ta’ miżura Komunitarja tkun ittieħdet fir-rigward mhux ta’ organizzazzjoni iżda ta’ xi wħud mill-membri tagħha, il-Kunsill jew l-awtorità nazzjonali kompetenti kkonċernata xorta għandhom jispjegaw r-raġunijiet speċifiċi u konkreti li għalihom, f’dan il-każ, l-atti attribwibbli lil individwi li allegatament huma membri jew joffru sostenn lil xi organizzazzjoni għandhom jiġu attribwiti lill-organizzazzjoni nfisha.

(ara l-punti 64, 65)

6.      Il-Kunsill ma jistax jibbaża d-deċiżjoni tiegħu ta’ ffriżar tal-fondi, prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu, fuq informazzjoni jew fuq elementi fil-proċess ikkomunikati minn Stat Membru, jekk dan l-Istat Membru mhux lest li jawtorizza l-komunikazzjoni tagħhom lill-qorti Komunitarja li għandha s-setgħa ta’ stħarriġ tal-legalità ta’ din id-deċiżjoni.

F’dan ir-rigward, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-legalità ta’ deċiżjoni ta’ ffriżar tal-fondi jestendi ruħu għall-evalwazzjoni tal-fatti u ċirkustanzi invokati bħala ġustifikazzjoni tagħha, kif ukoll għall-verifika tal-provi u tal-informazzjoni li fuqhom hija bbażata din l-evalwazzjoni. Il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha wkoll tiżgura r-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tar-rekwiżit ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward kif ukoll, fejn xieraq, tal-fondatezza tal-kunsiderazzjonijiet prevalenti invokati eċċezzjonalment mill-Kunsill sabiex jevita l-imsemmi rispett.

Dan l-istħarriġ jirriżulta aktar indispensabbli għaliex huwa jikkostitwixxi l-unika garanzija proċedurali li tippermetti li jiġi żgurat ekwilibriju ġust bejn ir-rekwiżiti tal-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali u l-protezzjoni tad-drittijiet fondamentali. Peress li l-limitazzjonijiet imposti mill-Kunsill fuq id-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati għandhom ikunu kkumpensati permezz ta’ stħarriġ ġudizzjarju strett li huwa indipendenti u imparzjali, il-qorti Komunitarja għandha tkun fil-pożizzjoni li tistħarreġ il-legalità u l-fondatezza tal-miżuri ta’ ffriżar tal-fondi, mingħajr ma jkunu jistgħu jiġu invokati kontriha s-segretezza jew il-kunfidenzjalità tal-provi u ta’ informazzjoni użati mill-Kunsill.

B’hekk, ir-rifjut tal-Kunsill u tal-awtoritajiet nazzjonali li jikkomunikaw, anki lill-Qorti tal-Prim’Istanza biss, l-informazzjoni li tinsab f’dokument ikkomunikat mill-imsemmija awtoritajiet lill-Kunsill għandu bħala konsegwenza li ma jippermettix lill-Qorti tal-Prim’Istanza l-eżerċizzju tal-istħarriġ tagħha tal-legalità tad-deċiżjoni ta’ ffriżar tal-fondi.

(ara l-punti 73-76)