Language of document : ECLI:EU:C:2008:399

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MAZÁK

ippreżentati fl-10 ta’ Lulju 2008 1(1)

Kawża C‑158/07

Jacqueline Förster

vs

IB-Groep

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Centrale Raad van Beroep (l-Olanda))

“Moviment liberu tal-ħaddiema – Ċittadinanza tal-Unjoni – Artikoli 12 KE u 18 KE – Għajnuna għall-istudenti fil-forma ta’ finanzjament tal-istudju”





I –    Introduzzjoni

1.        B’deċiżjoni tas-16 ta’ Marzu 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Marzu 2007, il-Qorti ta’ Appell għas-Sigurtà Soċjali (Centrale Raad van Beroep, l-Olanda) irrinvijat diversi domandi għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE li jikkonċerna l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar id-dritt tal-ħaddiema biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament u d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni, flimkien mal-Artikolu 12 KE.

2.        Ir-rinviju sar matul il-kawża mressqa minn J. Förster, ċittadina Ġermaniża li stabbiliet ruħha fl-Olanda sabiex issegwi kors ta’ edukazzjoni ogħla u li għall-bidu kienet anki qed taħdem bi ħlas hemmhekk waqt li kienet qed tistudja, kontra l-Hoofddirectie van de Informatie Beheer Groep (iktar ’il quddiem, l-“IBG”), l-entità amministrattiva responsabbli għall-eżekuzzjoni tal-leġiżlazzjoni Olandiża relatata mal-finanzjament tal-istudji. Förster tikkontesta r-rifjut tal-IBG li jagħtiha għajnuna finanzjarja intiża sabiex tkopri l-ispejjeż tal-istudju u ta’ manteniment (iktar ’il quddiem, il-“finanzjament tal-istudju”) għall-perijodu li matulu hija ma baqgħetx ekonomikament attiva, minħabba li hija ma kienx fadlilha l-istatus ta’ ħaddiema Komunitarja u lanqas ma baqgħet tissodisfa r-rekwiżit, kif ġie applikat mill-IBG, ta’ residenza legali fl-Olanda għal perijodu kontinwu ta’ mill-inqas ħames snin.

3.        B’hekk dan il-każ essenzjalment iqajjem żewġ kwistjonijiet. L-ewwel waħda hija l-kwistjoni jekk student (migrant) fis-sitwazzjoni ta’ Förster jistax jinvoka d-dritt ta’ ħaddiem Komunitarju għal trattament ugwali sabiex jitlob finanzjament tal-istudju, minkejja l-fatt li fiż-żmien inkwistjoni hija kienet waqqfet l-attivitajiet professjonali preċedenti tagħha u b’hekk kienet ekonomikament inattiva.

4.        It-tieni nett, il-qorti tar-rinviju tixtieq taċċerta ruħha, essenzjalment, jekk studenta bħal Förster, inkwantu ċittadina tal-Unjoni tistax, ikun xi jkun il-każ, tinvoka l-prinċipju ta’ trattament ugwali stabbilit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 KE sabiex tikseb finanzjament tal-istudju u, b’mod partikolari, jekk u f’liema kundizzjonijiet l-eliġibbiltà għal tali għotja tista’ tkun dipendenti fuq ir-rekwiżit li l-istudent ikkonċernat ikun resident legali fl-Istat Membru ospitanti għal perijodu ta’ ħames snin qabel ma japplika għal sostenn finanzjarju.

5.        B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tirfina l-ġurisprudenza Bidar tagħha u, b’mod partikolari, il-konklużjoni tagħha li huwa leġittimu li Stat Membru jagħti għajnuna finanzjarja biss lil studenti li wrew “ċertu livell ta’ integrazzjoni fis-soċjetà ta’ dan l-Istat” (2).

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt Komunitarju

6.        L-Artikolu 7 tar-Regolament (KEE) Nru 1612/68 tal-Kunsill, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (3) jipprovdi:

“1. Ħaddiem ċittadin ta’ xi Stat Membru ma jistax, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, ikun trattat b’mod differenti minn ħaddiema ċittadini ta’ dak l-Istat Membru minħabba ċ-ċittadinanza tiegħu fir-rigward ta’ kwalunkwe kondizzjoni tal-impjieg u tax-xogħol, partikolarment fir-rigward ta’ remunerazzjoni, tkeċċija u jekk hu jisfa’ mingħajr xogħol, ingaġġ mill-ġdid jew impjieg mill-ġdid.

2. Huwa għandu jgawdi l-istess vantaġġi soċjali u ta’ taxxa bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru.”

7.        L-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/96/KEE, tad-29 ta’ Ottubru 1993, dwar id-dritt ta’ residenza għall-istudenti (4) jipprovdi:

“Sabiex jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet li jiffaċilitaw l-eżerċitar tad-dritt tar-residenza u bil-ħsieb li jigi ggarantit l-aċċess għat-taħriġ vokazzjonali b’mod mhux diskriminatorju għaċ-ċittadini ta’ Stat Membru li jkun ġie aċċettat sabiex jattendi kors ta’ taħriġ vokazzjonali fi Stat Membru ieħor, l-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu d-dritt tar-residenza għal kull student li jkun ċittadin ta’ Stat Membru u li ma jgawdix dak id-dritt taħt dispożizzjonijiet l-oħra tal-liġi Komunitarja, u għall-konjugi ta’ l-istudent u t-tfal dipendenti tagħhom, meta l-istudent jassigura lill-awtorità nazzjonali rilevanti, permezz ta’ dikjarazzjoni jew bil-mezzi alternattivi li l-istudent jagħżel li jkunu mill-anqas ekwivalenti, li jkollu biżżejjed risorsi sabiex jevita li jsir piż fuq is-sistema ta’ l-assistenza soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perijodu ta’ residenza tagħhom, dment li l-istudent ikun irreġistrat fi stabbiliment edukattiv rikonoxxut għall-fini prinċipali li jsegwi kors ta’ taħriġ vokazzjonali hemmekk u li jkun kopert minn assigurazzjoni fuq il-mard fir-rigward tar-riskji kollha fl-Istat Membru ospitantii.”

8.        L-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/96 jipprovdi:

“Din id-Direttiva ma tistabbilixxi l-ebda intitolament għall-ħlas ta’ għotjiet ta’ manteniment mill-Istati Membri lill-istudenti li jibbenefikaw mid-dritt ta’ residenza.”

9.        L-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1251/70 tad-29 ta’ Ġunju 1970 dwar id-dritt tal-ħaddiema li jibqgħu fit-territorju ta’ Stat Membru wara li kienu impjegati f’dak l-Istat (5) jipprovdi dan li ġej:

“1. Dawn li ġejjin għandhom id-dritt li jibqgħu b’mod permanenti fit-territorju ta’ Stat Membru:

a)      ħaddiem li, fiż-żmien tat-tmiem ta’ l-attività tiegħu, ikun wasal fl-età msemmija fil-liġi ta’ dak l-Istat Membru għal intitolament ta’ pensjoni ta’ l-età avvanzata u li kien impjegat f’dak l-Istat għal mill-anqas l-aħħar tnax-il xahar u li kien jirrisjedi hemm kontinwament għal aktar minn tliet snin;

[…]”

10.      Skont l-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, “[i]d-dritt għal trattament ugwali, stabbilit mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, għandu japplika ukoll għal persuni li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.”

11.      Ir-Regolament Nru 1612/68 ġie emendat, u d-Direttiva 93/96 ġiet irrevokata, permezz tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-Membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri (6), li l-Istati Membri, skont l-Artikolu 40, kellhom jittrasponu sat-30 ta’ April 2006.

12.      Skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38:

“Iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni li għex legalment għal perijodu kontinwu ta’ ħames snin fl-Istat Membru ospitanti għandu d-dritt ta’ residenza permanenti hemmhekk. […]”

13.      L-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Trattament ugwali”, jipprovdi dan li ġej:

“1. Bla ħsara għal disposizzjonijiet speċifiċi kif previsti b’mod ċar fit-Trattat u fil-liġi sekondarja, iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jgħixu skont din id-Direttiva fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitantii għandhom igawdu trattament ugwali bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru fl-iskop tat-Trattat. Il-benefiċċju ta’ dan id-dritt għandu jkun estiż għall-Membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru u li għandhom id-dritt ta’ residenza jew għandhom residenza permanenti.

2. B’deroga mill-paragrafu 1, l-Istat Membru ospitanti m’għandux ikun obbligat li jattribwixxi d-dritt ta’ għajnuna soċjali matul l-ewwel tliet xhur ta’ residenza jew, fejn xieraq, matul il-perijodu itwal previst fl-Artikolu 14(4)(b), lanqas mhu obbligat, qabel il-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti, li jawtorizza għajnuna ta’ manteniment għall-istudji, inkluż taħriġ professjonali, li jikkonsisti f’konċessjonijiet ta’ l-istudenti jew f’self għal studenti lill-persuni li mhumiex ħaddiema, persuni li jaħdmu għal rashom, persuni li jżommu t-tali status u Membri tal-familja tagħhom.”

B –    Id-dritt nazzjonali rilevanti

14.      Ir-regoli li jikkonċernaw l-għotjiet tal-finanzjament tal-istudju jinsabu fil-Liġi dwar il-finanzjament tal-istudji (Wet studiefinanciering, iktar ’il quddiem, il-“WSF 2000”). Wieħed mir-rekwiżiti jirrigwarda n-nazzjonalità tal-istudent. Dan l-aspett huwa kopert mill-Artikolu 2.2 tal-WSF 2000, li matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Settembru 2000 u l-21 ta’ Novembru 2003 kien jipprovdi dan li ġej:

“1.      Il-finanzjament tal-istudju jista’ jingħata lil:

(a)      studenti li għandhom in-nazzjonalità Olandiża,

(b)      studenti li ma għandhomx in-nazzjonalità Olandiża iżda li huma residenti fl-Olanda u jiġu ttrattati bħala ċittadini Olandiżi fir-rigward tal-finanzjament tal-istudji skont it-Trattat jew skont deċiżjoni ta’ organizzazzjoni ta’ dritt pubbliku internazzjonali, jew

(ċ)      studenti li ma għandhomx in-nazzjonalità Olandiża iżda huma residenti fl-Olanda u jagħmlu parti minn grupp ta’ persuni li, b’ordni amministrattiva, huma ttrattati bħala ċittadini Olandiżi fir-rigward tal-finanzjament tal-istudji.”

15.      Il-paragrafu 2 tal-Artikolu 2.2, li ġie miżjud b’effett mill-21 ta’ Novembru 2003, jipprovdi dan li ġej:

“2. B’deroga mill-Artikolu 2.2(1)(b), ir-rekwiżit li student ikun residenti fl-Olanda ma għandux japplika għal student li ma jistax jiġi suġġett għal dan ir-rekwiżit skont it-Trattat jew skont deċiżjoni ta’ organizzazzjoni ta’ dritt pubbliku internazzjonali. Jistgħu jiġu adottati regoli permezz jew skont ordni amministrattiva għall-eżekuzzjoni korretta ta’ dan il-paragrafu .”

16.      Fl-4 ta’ Marzu 2005, l-IBG, l-entità amministrattiva responsabbli għall-eżekuzzjoni tal-WSF 2000, adotta l-linja gwida dwar il-politika ta’ kontroll tal-ħaddiema migranti (Beleidsregel controlebeleid migrerend werknemerschap) (7). Din daħlet fis-seħħ fit-23 ta’ Marzu 2005 u tikkonċerna l-kontroll tal-perijodi ta’ finanzjament tal-istudju b’effett mis-sena kalendarja 2003. Din teħtieġ li l-IBG jibda mill-premessa li kwalunkwe student li ħadem għal medja ta’ 32 siegħa jew għal aktar fix-xahar fil-perijodu kkontrollat għandu awtomatikament l-istatus ta’ ħaddiem Komunitarju. Jekk, madankollu, student ma jissodisfax il-kriterju tat-32 siegħa, l-IBG iwettaq investigazzjoni aktar dettaljata fiċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ.

17.      Wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Bidar (8), fid-9 ta’ Mejju 2005 l-IBG adotta barra minn hekk il-linja gwida dwar l-adattament tal-applikazzjonijiet għall-finanzjament tal-istudju għall-istudenti tal-UE, taż-ŻEE u tal-Iżvizzera (Beleidsregel aanpassing aanvraag studiefinanciering voor studenten uit EU, EER of Zwitserland, iktar ’il quddiem: il-“linja gwida tad-9 ta’ Mejju 2005”) (9), li skont l-Artikolu 5 tagħha, daħlet fis-seħħ fil-mument tal-pubblikazzjoni tagħha b’effett retroattiv mill-15 ta’ Marzu 2005.

18.      L-Artikolu 2(1) u (2) tal-linja gwida tad-9 ta’ Mejju 2005 jipprovdi dan li ġej:

“1. Student li jkun ċittadin ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew ta’ Stat ieħor li jkun parti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea tat-2 ta’ Mejju 1992 jew tal-Iżvizzera jista’, fuq talba tiegħu, ikun eliġibbli għall-finanzjament tal-istudju skont il-WSF 2000 [...] jekk, qabel l-applikazzjoni tiegħu, ikun ilu residenti legalment fl-Olanda għal perijodu kontinwu ta’ mill-inqas ħames snin. Id-dispożizzjonijiet l-oħrajn tal-WSF 2000 [...] għandhom japplikaw fis-sħiħ.

2. Ir-rekwiżit ta’ residenza stabbilit fl-ewwel paragrafu jiġi preżunt li ġie sodisfatt jekk l-istudent ġie rreġistrat fuq id-database muniċipali tad-data personali (GBA) matul il-perijodu ta’ riferiment.”

19.      Mill-11 ta’ Ottubru 2006, il-qasam huwa rregolat permezz ta’ liġi u l-linja gwida tad-9 ta’ Mejju 2005 ġiet abrogata.

III – Il-fatti li wasslu għall-kawża, il-proċedura u d-domandi preliminari

20.      Skont id-digriet tar-rinviju u l-informazzjoni pprovduta waqt is-seduta, il-fatti li wasslu għal kawża huma kif ġej.

21.      J. Förster, ċittadina Ġermaniża, twieldet fit-18 ta’ Ġunju 1979 u trabbiet fi Grevenbroich, il-Ġermanja, li tinsab 49 kilometru ’l bogħod mill-fruntiera bejn l-Olanda u l-Ġermanja.

22.      Fil-5 ta’ Marzu 2000, J. Förster marret tgħix fl-Olanda fejn irreġistrat immedjatament għal taħriġ bħala għalliema tal-primarja u, fl-1 ta’ Settembru 2000, f’kors fit-teorija tal-edukazzjoni li jwassal għal lawrja ta’ baċellerat fil-Kulleġġ ta’ Amsterdam (Hogeschool van Amsterdam).

23.      Mis-16 ta’ Marzu 2000 hija wettqet ukoll, permezz tal-intermedjarju ta’ aġenzija tal-impjiegi, diversi xogħlijiet f’ċentri telefoniċi.

24.      Minn Ottubru 2002 sa Ġunju 2003 hija għamlet taħriġ prattiku full-time li kien imħallas fi skola Olandiża li tipprovdi edukazzjoni sekondarja speċjali għal studenti bi problemi fl-imġiba u/jew b’disturbi psikjatriċi.

25.      Wara dak it-taħriġ prattiku, hija ma kellha l-ebda mpjieg ieħor bi ħlas fl-2003. Minn Lulju 2004 għal darb’oħra reġgħet bdiet taħdem fl-Olanda.

26.      Skont id-digriet tar-rinviju, J. Förster minn dejjem kienet residenti legali fl-Olanda.

27.      Minn Settembru 2000, l-IBG ta lil J. Förster finanzjament tal-istudju. Dan il-finanzjament ġie estiż perijodikament, dejjem ibbażat fuq il-premessa li fil-perijodu segwenti J. Förster titqies bħala ħaddiema fis-sens tal-Artikolu 39 KE li, skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68, kellha tiġi ttrattata bħala studenta b’ċittadinanza Olandiza fir-rigward tal-finanzjament tal-istudju.

28.      Id-dritt għall-finanzjament tal-istudju ntemm fl-1 ta’ Settembru 2004, meta għaddiet l-eżami finali fil-kors dwar it-teorija tal-edukazzjoni li jwassal għal lawrja ta’ baċellerat.

29.      Għall-ewwel, Förster ingħatat ukoll finanzjament tal-istudju matul it-tieni nofs tal-2003. Madankollu, wara kontroll, l-IBG eventwalment ikkonstata, permezz tad-deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2005, li J. Förster ma kellhiex xogħol remunerat sa minn Lulju 2003 u ma setgħetx titqies iktar bħala ħaddiema Komunitarja. Għalhekk, hija ġiet ordnata tħallas lura l-finanzjament tal-istudju li hija rċeviet għat-tieni nofs tal-2003, flimkien ma’ somma għal biljett tat-trasport pubbliku li jkopri dak il-perijodu li tħallas mill-IBG.

30.      J. Förster appellat minn din id-deċiżjoni quddiem ir-Rechtbank Alkmaar (it-tribunal ta’ Alkmaar), billi sostniet li hija kienet wettqet daqstant sigħat ta’ xogħol bi ħlas fl-ewwel nofs tal-2003 li għandha titqies bħala ħaddiema Komunitarja wkoll fir-rigward tat-tieni nofs tal-2003. Sussidjarjament, hija sostniet li, bħala ċittadina tal-Unjoni Ewropea li kienet integrata fis-sħiħ fis-soċjetà Olandiża, b’mod konformi mas-sentenza Bidar, hija kienet eliġibbli għall-finanzjament tal-istudju f’dak il-perijodu (10).

31.      L-IBG ċaħad li J. Förster tista’ titqies bħala ħaddiema Komunitarja fit-tieni nofs tal-2003 u qieset li d-deċiżjoni tagħha kienet konformi mad-dritt Komunitarju, kif ġie interpretat fis-sentenza Bidar. Hija kienet tal-fehma li l-istudenti fis-sitwazzjoni tagħha li ma jisiltu l-ebda dritt minn dispożizzjoni speċifika li tipprojbixxi d-diskriminazzjoni huma eliġibbli għall-finanzjament tal-istudju biss sakemm ikunu ilhom residenti legalment fl-Olanda għal mill-inqas ħames snin, li ma kienx għadu l-każ ta’ J. Förster fl-2003.

32.      Fis-sentenza tiegħu tat-12 ta’ Settembru 2005, ir-Rechtbank Alkmaar ċaħad l-appell. Huwa qies, minn naħa, li fit-tieni nofs tal-2003 J. Förster ma kellha l-ebda mpjieg reali jew effettiv u għalhekk ma kellhiex titqies bħala ħaddiema Komunitarja u, min-naħa l-oħra, li hija ma setgħetx tinvoka s-sentenza Bidar peress li qabel l-istudji tagħha ma kienet bl-ebda mod integrata fis-soċjetà Olandiża.

33.      Il-kawża prinċipali quddiem is-Centrale Raad van Beroep tikkonċerna l-appell ta’ J. Förster minn din is-sentenza. Hija ssostni, prinċipalment, li fil-perijodu inkwistjoni, hija diġà kienet tant integrata fis-soċjetà Olandiża li skont id-dritt Komunitarju hija kienet intitolata għall-finanzjament tal-istudju għat-tieni nofs tal-2003 u, sussidjarjament, li hija kellha titqies bħala ħaddiema Komunitarja matul l-2003 kollha. Min-naħa tagħha, l-IBG, żammet mal-pożizzjoni tagħha.

34.      Filwaqt li rreferiet, b’mod partikolari, għas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi Ninni-Orasche (11) u Fahmi u Amado (12), il-qorti tar-rinviju taqbel, għalissa, mal-fehma tal-IBG li ma jistax jitqies li Förster żammet l-istatus ta’ ħaddiema Komunitarja fit-tieni nofs tal-2003, peress li l-bidu tal-istudji tagħha ma segwix minn attivitajiet li hija eżerċitat preċedentement fl-Olanda u ma kinitx kwistjoni ta’ qgħad involontarju li seta’ jġiegħlha taħseb li kellha tagħmel xi taħriġ.

35.      Madankollu, hija tinnota li J. Förster tista’ tislet dritt għall-finanzjament tal-istudju mil-leġiżlazzjoni dwar il-eks-ħaddiema jew ir-regoli li jikkonċernaw iċ-ċittadinanza tal-Unjoni, flimkien mal-probizzjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità li hija stabbilita fl-Artikolu 12 KE.

36.      Dan iqajjem diversi kwistjonijiet. L-ewwel nett, il-qorti tar-rinviju mhix ċerta rigward il-portata tar-Regolament Nru 1251/70, partikolarment jekk l-Artikolu 7 tiegħu japplikax ukoll għall-istudenti li marru l-Olanda prinċipalment biex jistudjaw u għall-ewwel ħadmu bħala persuni impjegati fuq skala limitata filwaqt li komplew jistudjaw, iżda li sadanittant waqfu jaħdmu.

37.      It-tieni nett, il-qorti tar-rinviju tosserva li waqt il-kawża prinċipali tqajmu numru ta’ domandi ta’ interpretazzjoni li għadhom bla risposta rigward iċ-ċittadinanza tal-Unjoni u l-Artikolu 12 KE, fosthom jekk fid-dawl tas-sentenza Bidar (13), id-Direttiva 93/96 tipprekludix lil studenta fis-sitwazzjoni ta’ Förster, li marret l-Olanda primarjament biex tistudja hemmhekk, milli tinvoka l-Artikolu 12 KE sabiex tikseb finanzjament tal-istudju.

38.      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi liema konklużjonijiet għandhom jiġu dedotti mis-sentenzi Bidar (14) u Trojani (15) fir-rigward tal-ħames snin ta’ residenza meħtieġa skont il-linja gwida tad-9 ta’ Mejju 2005, kif applikata mill-IBG.

39.      B’mod partikolari, hija tistaqsi, l-ewwel nett, jekk fi kwistjonijiet ta’ finanzjament tal-istudju, iċ-ċittadini tal-Unjoni jistgħux jinvokaw l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 KE qabel ma jkunu legalment residenti fl-Istat Membru ospitanti għal ċertu perijodu ta’ żmien jew qabel ma jkollhom permess ta’ residenza.

40.      It-tieni nett, hija tistaqsi jekk rekwiżit ta’ residenza previst mid-dritt nazzjonali jkunx konsistenti mal-Artikolu 12 KE jekk jiġi impost biss fuq ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn.

41.      It-tielet nett, jekk tali rekwiżit jista’, fil-prinċipju, jiġi ġġustifikat, tqum il-kwistjoni jekk ir-rekwiżit ta’ ħames snin residenza, kif huwa applikat mill-IBG, huwiex konformi ma’ dan l-artikolu. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tinnota li l-fatt li dan il-perijodu jirriżulta mid-Direttiva 2004/38 jissuġġerixxi li huwa legali. Jekk dan huwa minnu, hija tistaqsi sa liema punt jista’ jkun impost mingħajr kwalifika f’każijiet individwali jekk fatturi oħrajn jindikaw livell sostanzjali ta’ integrazzjoni fis-soċjetà Olandiża, bħall-għażla partikolari ta’ studju jew il-preżenza ta’ sieħeb Olandiż.

42.      Fl-aħħar nett, id-deċiżjoni tar-rinviju tinnota li d-deċiżjoni, ibbażata fuq il-linja gwida tad-9 ta’ Mejju 2005, li tiċħad lil J. Förster il-finanzjament tal-istudju għat-tieni nofs tal-2003 minħabba li hija ma kinitx legalment residenti fl-Olanda għal perijodu kontinwu ta’ mill-inqas ħames snin, hija bbażata fuq interpretazzjoni tas-sentenza Bidar u b’hekk fuq kriterju li ma setax ikun magħruf fiż-żmien rilevanti, interpretazzjoni li tista’ tkun f’kontradizzjoni mas-sentenza Collins (16) li tipprovdi li rekwiżit ta’ residenza għandu jkun ibbażat fuq kriterji ċari magħrufa bil-quddiem. Il-qorti tar-rinviju tenfasizza, madankollu, li mhijiex kwistjoni ta’ arbitrarjetà u li, peress li l-perijodu involut huwa fl-imgħoddi, iċ-ċertezza legali tal-parti interessata ma jidhirx li hija inkwistjoni. Barra minn hekk, hija tosserva li l-IBG ippubblika l-linja gwida tad-9 ta’ Mejju 2005 ftit żmien wara li ġiet mogħtija s-sentenza Bidar.

43.      Huwa f’dan il-kuntest li s-Centrale Raad van Beroep issospendiet il-proċeduri u rrinvijat id-domandi li ġejjin quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja:

“1.      L-Artikolu 7 tar-Regolament (KEE) Nru 1251/70 japplika wkoll għall-istudenti li jmorru l-Olanda prinċipalment biex jistudjaw u li għall-ewwel ħadmu bħala persuni impjegati fuq skala limitata filwaqt li komplew jistudjaw, iżda li sadanittant waqfu jaħdmu?

2.      Id-Direttiva 93/96 tipprekludi li l-istudent, kif imsemmi fl-ewwel domanda, jinvoka b’suċċess l-Artikolu 12 KE biex jikseb finanzjament tal-istudju?

3.(a) Ir-regola li ċ-ċittadini tal-Unjoni li ma jkunux ekonomikament attivi jistgħu jinvokaw l-Artikolu 12 KE biss jekk ikunu rrisjedew legalment fl-Istat Membru ospitanti għal ċertu perijodu jew ikollhom permess ta’ residenza tapplika wkoll għall-għajnuna mogħtija biex tkopri l-ispejjeż ta’ manteniment tagħhom?

(b)      Jekk dan huwa minnu, huwa permissibbli li matul dan il-perijodu jiġi impost rekwiżit ta’ terminu ta’ residenza biss fuq iċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn għajr dawk tal-Istat Membru ospitanti?

(ċ)      Jekk dan huwa minnu, l-applikazzjoni ta’ rekwiżit ta’ terminu ta’ residenza ta’ ħames snin huwa konformi mal-Artikolu 12 KE?

(d)      Jekk le, liema terminu ta’ residenza jista’ jkun meħtieġ?

4.      F’każijiet individwali għandu jkun meħtieġ perijodu iqsar ta’ residenza legali jekk fatturi oħrajn għajr it-terminu ta’ residenza jindikaw livell sostanzjali ta’ integrazzjoni fis-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti?

5.      Jekk, bis-saħħa ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-persuni interessati jistgħu jisiltu mill-Artikolu 12 KE, b’effett retroattiv, iktar drittijiet milli kien preċedentement maħsub, jistgħu jiġu imposti rekwiżiti ġġustifikati marbutin miegħu rigward perijodi fl-imgħoddi jekk dawn ir-rekwiżiti jkunu ġew ppubblikati ftit wara l-pubblikazzjoni ta’ din is-sentenza?”

IV – L-evalwazzjoni ġuridika

A –    Osservazzjonijiet preliminari

44.      Kif huwa evidenti mid-deskrizzjoni tal-fatti pprovduta fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-kwistjoni essenzjali f’din il-kawża hija jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, J. Förster hiex intitolata, skont id-dritt Komunitarju, għal trattament ugwali fir-rigward tal-għoti ta’ finanzjament tal-istudju għal edukazzjoni universitarja.

45.      It-talba ta’ J. Förster tirreferi għal perijodu li matulu hija ma kienet teżerċita l-ebda attività professjonali u għaldaqstant ma kinitx ekonomikament attiva. Kif ġie osservat qabel (17), dik iċ-ċirkustanza hija deċiżiva fid-dritt Komunitarju, li – b’mod partikolari rigward it-tgawdija ta’ benefiċċji soċjali – jagħmel distinzjoni ġenerali bejn persuni ekonomikament attivi (impjegati u persuni li jaħdmu għal rashom) minn naħa, u persuni ekonomikament inattivi min-naħa l-oħra. Bħala regola ġenerali, l-ewwel kategorija ta’ persuni għandha drittijiet iktar estensivi mit-tieni waħda skont id-dritt Komunitarju.

46.      B’hekk, pereżempju, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel distinzjoni bejn, minn naħa, iċ-ċittadini tal-Istati Membri bħalma huma dawk li qed ifittxu xogħol li għadhom ma daħlux f’relazzjoni ta’ impjieg u li jgawdu mill-prinċipju ta’ trattament ugwali biss rigward l-aċċess għall-impjiegi, u, min-naħa l-oħra, dawk li diġà daħlu fis-suq tax-xogħol tal-Istat Membru ospitanti u li, bis-saħħa tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68, jistgħu jippretendu l-istess vantaġġi soċjali u fiskali bħall-ħaddiema nazzjonali (18).

47.      Għaldaqstant, rigward id-drittijiet tal-istudenti migranti li jiksbu benefiċċji soċjali, is-sitwazzjoni hija li, mill-inqas skont id-Direttiva 93/96 kif ukoll, qabel ma jgħaddu l-ħames snin ta’ residenza permanenti, skont id-Direttiva 2004/38, student migrant ekonomikament inattiv “pur”, fil-prinċipju, ma għandu l-ebda dritt għall-ħlas tal-għotjiet ta’ manteniment mill-Istat Membru ospitanti. Madankollu, student li jikkwalifika wkoll bħala ħaddiem fis-sens tal-Artikolu 39 KE jista’ jagħmel użu mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68, li jagħti lill-ħaddiema ta’ kwalunkwe Stat Membru d-dritt li jirċievu fi Stat Membru ieħor l-istess trattament bħaċ-ċittadini tiegħu stess f’dak li jikkonċerna d-dritt għall-vantaġġi soċjali (19).

48.      Kien fil-fatt fuq din il-bażi, fi kliem ieħor minħabba l-istatus tagħha bħala ħaddiema Komunitarja, li għall-ewwel J. Förster ingħatat finanzjament tal-istudju fl-Olanda. Dan il-finanzjament, madankollu, kien sussegwentement irrevokat fir-rigward tat-tieni nofs tal-2003 minħabba li matul dan il-perijodu hija ma kinitx għadha f’relazzjoni ta’ impjieg, fatt li f’din il-kawża mhux qed jiġi kkontestat.

49.      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju ġustament irrikonoxxiet li, skont leġiżlazzjoni Komunitarja speċifika bħar-Regolament Nru 1251/70 u skont is-sentenzi Lair (20) u Ninni-Orasche (21), il-ħaddiema migranti jiġu ggarantiti ċerti drittijiet fir-rigward tal-vantaġġi soċjali marbutin mal-istatus tagħhom ta’ ħaddiema anki meta ma jkunux għadhom f’relazzjoni ta’ impjieg.

50.      Madankollu, “għalissa” din il-qorti taqbel mal-fehma li ma jistax jitqies li J. Förster żammet l-istatus tagħha ta’ ħaddiema Komunitarja fis-sens tal-Artikolu 39 KE u tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68. Konsegwentement, l-ewwel domanda tirreferi biss għar-Regolament Nru 1251/70. Fil-fehma tiegħi, madankollu, l-opinjoni kuntrarja li esprimiet il-Kummissjoni għandha tittieħed inkunsiderazzjoni. Fl-ewwel parti tal-evalwazzjoni tiegħi, se neżamina għaldaqstant jekk jew f’liema ċirkustanzi student f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni jista’ jeżerċita d-dritt ta’ trattament ugwali fir-rigward tal-finanzjament tal-istudju, kemm jekk skont ir-Regolament Nru 1251/70 jew jekk bħala ħaddiem fuq il-bażi tar-Regolament Nru 1612/68.

51.      F’dan il-kuntest, għandu jiġi mfakkar li l-fatt li l-qorti nazzjonali rrinvijat domanda li ssemmi dispożizzjonijiet speċifiċi tad-dritt Komunitarju ma jwaqqafx lill-Qorti tal-Ġustizzja, indipendentement mill-kontenut tad-domanda, milli tipprovdi lill-qorti nazzjonali bl-elementi kollha għall-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li jistgħu jippermettulha li tasal għal deċiżjoni fil-kawża li jkollha quddiemha (22).

52.      F’kull każ, għal studenti li ma jistgħux jinvokaw dritt speċifiku għal trattament ugwali bħal dak li jingħata lil ħaddiem Komunitarju, l-introduzzjoni taċ-ċittadinanza tal-Unjoni fetħet triq possibbli oħra sabiex jiksbu, fost l-oħrajn, id-dritt għal trattament ugwali rigward l-għotjiet ta’ manteniment.

53.      Kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja, iċ-ċittadinanza tal-Unjoni hija intiża li tkun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri u tagħti l-possibbiltà lil dawk li jsibu rwieħhom fl-istess sitwazzjoni li jirċievu l-istess trattament indipendentement miċ-ċittadinanza tagħhom (23). B’mod iktar partikolari, rigward il-benefiċċji tal-għajnuna soċjali, il-Qorti tal-Ġustizzja tat ħajja lil dan l-istatus f’każijiet bħal Martínez Sala, Trojani u Bidar billi ddeċidiet li ċittadin tal-Unjoni li ma jkunx ekonomikament attiv jista’ jinvoka l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 KE meta huwa kien legalment residenti fl-Istat Membru ospitanti għal ċertu żmien jew ikollu permess ta’ residenza (24).

54.      B’hekk jista’ jingħad li l-kunċett ta’ ċittadinanza tal-Unjoni, kif ġie żviluppat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, juri proċess ta’ emanċipazzjoni tad-drittijiet Komunitarji meta mqabblin mal-kuntest ekonomiku tagħhom. Fil-fatt dan huwa l-għan invokat mid-dikjarazzjoni li għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja li ċ-ċittadinanza tal-Unjoni hija intiża sabiex issir l-“istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri”. Id-drittijiet iggarantiti mid-dritt Komunitarju – b’mod partikolari d-dritt li wieħed ma jkunx suġġett għal diskriminazzjoni mhux ġustifikata – ma għadhomx jingħataw liċ-ċittadini biss meta jagħmlu użu mil-libertaijiet ekonomiċi u jassumu status korrispondenti (ħaddiem, fornitur ta’ servizzi, eċċ.), iżda direttament minħabba l-istatus tagħhom bħala ċittadini tal-Unjoni (25).

55.      B’hekk, minkejja li d-drittijiet għall-benefiċċji soċjali kienu oriġinarjament marbutin mal-eżerċizzju ta’ attivitajiet ekonomiċi (b’mod partikolari fil-forma ta’ impjieg bi ħlas, li jirfed il-kunċett ta’ ħaddiem), fit-teorija issa jistgħu wkoll ikunu disponobbli għal ċittadini ekonomikament inattivi fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni. Filwaqt li qabel Stat Membru kien meħtieġ jassumi responsabbiltà soċjali sħiħa u jipprovdi għajnuna soċjali għal dawk li diġà kienu daħlu fis-suq tax-xogħol (26) u li b’hekk taw xi għamla ta’ kontribut lill-ekonomija tiegħu, din is-solidarjetà finanzjarja issa għandha tiġi estiża fil-prinċipju għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni li jkunu legalment residenti fit-territorju tiegħu.

56.      Madankollu, għandu jiġi osservat li jibqgħu jeżistu ċerti limiti. Kif osservat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi Grzelczyk u Bidar, l-Istati Membri huma meħtieġa juru “ċerta solidarjetà finanzjarja” fl-organizzazzjoni u fl-applikazzjoni tas-sistemi tal-għajnuna soċjali tagħhom, bil-kontra, jista’ jingħad, ta’ solidarjetà bla limiti (27). Rigward l-għajnuna li tkopri l-ispejjeż ta’ manteniment tal-istudenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet, fis-sentenza Bidar, li huwa permess li l-Istati Membri jkunu żguri li l-għoti tal-għajnuna soċjali ma jsirx piż irraġjonevoli fuqhom u li l-għoti ta’ tali għajnuna jista’ jkun limitat għal studenti li wrew “ċertu livell ta’ integrazzjoni” (28).

57.      F’dan l-isfond u fid-dawl tas-sentenza Bidar, id-domandi 2, 3 u 4 tal-qorti tar-rinviju, li se nindirizza flimkien fit-tieni parti tal-evalwazzjoni tiegħi, huma intiżi sabiex jivverifikaw jekk, fiċ-ċirkustanzi inkwistjoni, J. Förster tistax tinvoka d-dritt li għandha bħala ċittadina tal-Unjoni għal trattament ugwali skont l-Artikolu 12 KE sabiex tikseb finanzjament tal-istudju għat-tieni nofs tal-2003. Fi kliem ieħor, dan l-artikolu jippermetti l-għoti ta’ finanzjament tal-istudju lil studenti migranti bbażat fuq kundizzjoni mingħajr eċċezzjoni, meta jiġi sodisfatt rekwiżit ta’ residenza ta’ ħames snin?

58.      Kif osservat ġustament il-Kummissjoni, l-Artikolu 12 KE, li jistabbilixxi l-prinċipju ġenerali ta’ non-diskriminzzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità, japplika b’mod indipendenti biss għal sitwazzjonijiet irregolati mid-dritt Komunitarju fejn it-Trattat ma jistabbilixxi l-ebda regola speċifika ta’ non-diskriminazzjoni. Għalhekk jeħtieġ li tingħata opinjoni dwar dan l-artikolu biss jekk il-każ fil-kawża prinċipali ma jaqax taħt l-Artikolu 39 KE u l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1612/68, li jagħti espressjoni speċifika lid-dritt tal-ħaddiema Komunitarji għal trattament ugwali (29).

59.      Fl-aħħar nett, fit-tielet parti tal-analiżi tiegħi, se nindirizza l-ħames parti li tikkonċerna l-impożizzjoni retroattiva allegata mill-awtoritajiet Olandiżi ta’ rekwiżiti addizzjonali rigward id-dritt ta’ studenti migranti għal finanzjament tal-istudju.

B –    L-applikabbiltà tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet relatati mal-moviment liberu tal-ħaddiema

1.      L-argumenti prinċipali tal-partijiet

60.      F’din il-kawża, tressqu osservazzjonijiet bil-miktub mill-Gvernijiet tal-Olanda, tal-Ġermanja, tal-Awstrija, tal-Belġju, tal-Iżvezja, tal-Finlandja u tar-Renju Unit, kif ukoll mill-Kummissjoni u minn J. Förster. Minbarra l-Gvernijiet tal-Awstrija u tal-Finlandja, dawn il-partijiet kienu rrappreżentati waqt is-seduta tat-23 ta’ April 2008, fejn, barra minn hekk, kien irrappreżentat il-Gvern Daniż.

61.      Il-Kummissjoni hija tal-fehma li, bil-kontra ta’ dak li qed tissuġġerixxi l-qorti tar-rinviju, J. Förster tista’ titqies bħala ħaddiema Komunitarja fis-sens tal-Artikolu 39 KE u tar-Regolament Nru 1612/68 kif ġew interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari fis-sentenzi Lair (30), Brown (31) u Ninni-Orasche (32), peress li ċ-ċirkustanzi tal-każ jimplikaw kontinwità sostanzjali bejn it-taħriġ prattiku u l-istudji tagħha. Rigward it-tieni nofs tal-2003, hija tista’ għaldaqstant tinvoka l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 sabiex tikseb il-finanzjament tal-istudju inkwistjoni, li jikkostitwixxi “vantaġġ soċjali” fis-sens ta’ dan ir-regolament.

62.      Il-Gvernijiet tal-Awstrija, tad-Danimarka, tal-Ġermanja, tal-Olanda u tal-Iżvezja huma, essenzjalment, tal-fehma opposta. Waqt is-seduta, il-Gvernijiet tal-Olanda u tal-Ġermanja ddikjaraw li fil-fehma tagħhom, taħriġ prattiku preċedenti ma jistax iwassal għall-istatus ta’ ħaddiem Komunitarju fir-rigward tal-perijodu wara t-tmiem tiegħu. F’dan ir-rigward, għandha ssir distinzjoni bejn dan il-każ u dak fis-sentenzi Lair (33) u Ninni-Orasche (34), li jipprovdu li għandu jkun hemm kontinwità bejn l-attività preċedenti bħala persuna impjegata u l-istudji sussegwenti. J. Förster lanqas ma saret qiegħda b’mod involontarju fis-sens ta’ din il-ġurisprudenza, peress li hija fin-natura ta’ tali taħriġ prattiku li jkun biss temporanju.

63.      Rigward ir-Regolament Nru 1251/70, J. Förster issostni li hija tista’ tinvoka l-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament sabiex titlob il-finanzjament tal-istudju għat-tieni nofs tal-2003.

64.      Bil-kontra, il-partijiet l-oħra kollha li ressqu osservazzjonijiet dwar dan il-punt essenzjalment jaqblu li, skont l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1251/70, dan ir-regolament huwa inapplikabbli rationae personae jew irrilevanti għal din il-kawża.

2.      L-evalwazzjoni

65.      Skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68, ħaddiem li jkun ċittadin ta’ Stat Membru u li jeżerċita l-libertà ta’ moviment tal-ħaddiema għandu jgawdi l-istess vantaġġi soċjali fl-Istat Membru ospitanti bħall-ħaddiema nazzjonali.

66.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà stabbiliet li għotja għall-manteniment u għat-taħriġ intiż għat-tkomplija tal-istudji universitarji li jwasslu għal kwalifika professjonali tikkostitwixxi vantaġġ soċjali fis-sens ta’ dan l-artikolu (35). Huwa fatt magħruf li l-finanzjament tal-istudju inkwistjoni jikkostitwixxi tali vantaġġ (36).

67.      Il-persuni li jikkwalifikaw bħala ħaddiema fis-sens tal-Artikolu 39 KE u tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 għalhekk jistgħu jagħmlu użu mid-dritt li għandhom li jkunu ttrattati ugwalment rigward l-għotja tal-finanzjament tal-istudju inkwistjoni.

68.      Hija ġurisprudenza stabbilita li l-kunċett ta’ “ħaddiem”, li jissemma f’dawk id-dispożizzjonijiet, għandu tifsira Komunitarja speċifika, u ma għandux jiġi interpretat f’sens ristrett. Kwalunkwe persuna li twettaq attivitajiet li jkunu effettivi u ġenwini, bl-esklużjoni ta’ attivitajiet fuq skala tant żgħira li jitqiesu purament marġinali u anċillari, trid titqies bħala “ħaddiema”. Skont dik il-ġurisprudenza, il-karatteristika essenzjali ta’ relazzjoni ta’ impjieg hija li, għal ċertu perijodu ta’ żmien, persuna twettaq servizzi għal u taħt id-direzzjoni ta’ persuna oħra u li għalihom tirċievi remunerazzjoni (37).

69.      Huwa importanti li jiġi osservat li f’din il-kawża, kemm l-awtoritajiet nazzjonali kif ukoll il-qorti tar-rinviju jibdew b’mod ċar mill-premessa li, fil-perijodu qabel it-tieni nofs tal-2003, J. Förster kienet f’relazzjoni ġenwina ta’ impjieg li kienet tippermettilha tinvoka l-istatus ta’ ħaddiema migranta, meta wettqet xogħol f’aġenzija minn Marzu 2000 u, minn Ottubru 2002 sa Ġunju 2003, taħriġ prattiku (full-time) bi ħlas. Għaldaqstant, Förster ingħatat ukoll finanzjament tal-istudju skont ir-Regolament Nru 1612/68 u fuq il-bażi tar-regoli Olandiżi li jeħtieġu li ssir medja ta’ 32 siegħa ta’ impjieg remunerat għal kull xahar. B’hekk, ma teżisti l-ebda raġuni sabiex niddubitaw li, sa Ġunju 2003, J. Förster kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa biex tkun ikklassifikata bħala ħaddiema, kif huwa meħtieġ mid-dispożizzjonijiet relatati mal-moviment liberu tal-ħaddiema, jiġifieri li l-attivitajiet professjonali tagħha jkunu effettivi u ġenwini u mhux purament marġinali u anċillari.

70.      F’dan il-kuntest, għandu jiġi mfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt li l-attivitajiet professjonali jikkonsistu f’taħriġ preparatorju jew f’attività part-time, bħala tali, ma jipprekludix lill-persuna li teżerċitahom milli jkollha l-istatus ta’ ħaddiema (38).

71.      Min-naħa l-oħra, huwa fatt magħruf li matul it-tieni nofs tal- 2003 J. Förster ma kinitx għadha impjegata.

72.      Għalkemm, bħala regola ġenerali, il-persuna kkonċernata titlef l-istatus tagħha ta’ ħaddiema hekk kif tintemm ir-relazzjoni ta’ impjieg, kif semmejt iktar ’il fuq, dak l-istatus, madankollu, jista’ jipproduċi ċerti effetti sussegwentement (39).

73.      B’hekk, l-ewwel nett, l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1251/70 dwar id-dritt tal-ħaddiema li jibqgħu fit-territorju ta’ Stat Membru wara li jkunu ġew impjegati, li tirreferi espliċitament għalih l-ewwel domanda, jestendi d-dritt għal trattament ugwali stabbilit fir-Regolament Nru 1612/68 għall-persuni “li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament”.

74.      Madankollu, naqbel mal-fehma tal-maġġoranza l-kbira tal-partijiet li ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom f’din il-kawża li r-Regolament Nru 1251/70 ma japplikax ratione personae għal persuna fis-sitwazzjoni ta’ Förster. L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament ma jistax raġonevolment jinqara b’mod iżolat mill-Artikolu 2, li jispeċifika liema ħaddiema għandhom id-dritt li jibqgħu b’mod permanenti fit-territorju ta’ Stat Membru. Dawn huma ħaddiema li r-relazzjoni tax-xogħol tagħhom intemmet minħabba l-età li għandhom, in-nuqqas ta’ kapaċità tagħhom li jaħdmu jew l-impjieg tagħhom fi Stat Membru ieħor. Peress li, manifestament, persuna fis-sitwazzjoni deskritta f’din il-kawża ma taqa’ fl-ebda waħda minn dawn il-kategoriji, l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1251/70 mhux applikabbli.

75.      Għaldaqstant, l-ewwel domanda għandha tingħata risposta fin-negattiv.

76.      It-tieni nett, madankollu, għandna neżaminaw jekk student f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistax jibbenefika mill-ġurisprudenza ta’ Lair, Brown, Raulin u Ninni-Orasche. F’dawn is-sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ċittadin ta’ Stat Membru ieħor li beda studji universitarji fl-Istat ospitanti li jwasslu għal kwalifika professjonali, wara li kien involut f’attività professjonali f’dan l-Istat, għandu jitqies li żamm l-istatus tiegħu ta’ ħaddiem sakemm ikun hemm rabta jew, fi kliem il-Qorti tal-Ġustizzja, “kontinwità” bejn l-attività professjonali preċedenti u l-istudji segwiti (40).

77.      Il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li tali kontinwità ma tistax, madankollu, tkun meħtieġa meta migrant ikun tilef xogħlu involontarjament u jkun imġiegħel mill-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol li jwettaq taħriġ professjonali mill-ġdid f’qasam ieħor ta’ attività. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset il-fatt li karrieri kontinwi f’dawn iż-żminijiet huma inqas komuni milli kienu qabel u jista’ jiġri li l-attivitajiet professjonali għalhekk jiġu interrotti b’perijodi ta’ taħriġ jew ta’ taħriġ mill-ġdid (41).

78.      Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja rrifjutat li testendi t-tgawdija tad-drittijiet li jirriżultaw mill-istatus ta’ ħaddiem għal ċirkustanzi fejn jeżisti abbuż. Dan iseħħ, pereżempju, jekk jiġi stabbilit li ċittadin ta’ Stat Membru daħal fi Stat Membru ieħor għall-għan waħdieni li jgawdi, wara perijodu qasir ħafna ta’ attività professjonali, mill-benefiċċju tas-sistema ta’ għajnuna lill-istudent f’dan l-Istat (42) jew jekk jiġi stabbilit li persuna kisbet l-istatus ta’ ħaddiem esklużivament minħabba li ġiet aċċettata biex tidħol f’università ħalli twettaq l-istudji inkwistjoni. F’ċirkustanzi bħal dawn, ir-relazzjoni ta’ impjieg, li hija l-uniku bażi għad-drittijiet li ġejjin mir-Regolament Nru 1612/68, hija sempliċement anċillari fir-rigward tal-istudji li għandhom ikunu ffinanzjati mill-għotja (43).

79.      Fl-aħħar mill-aħħar, hija l-qorti nazzjonali li għandha twettaq l-eżami fattwali meħtieġ sabiex jiġi stabbilit jekk, skont id-diversi kriterji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza li tissemma iktar ’il fuq, l-applikanta fil-kawża prinċipali tistax titqies li żammet l-istatus ta’ ħaddiema wara li temmet l-attività professjonali tagħha (44). Madankollu, l-informazzjoni pprovduta lill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-każ tippermetti li jsiru l-osservazzjonijiet li ġejjin.

80.      L-ewwel nett, bil-kontra ta’ dak li ssuġġerixxa, b’mod partikolari, il-Gvern Ġermaniż, il-fatt li persuna marret fl-Istat Membru ospitanti “prinċipalment biex [tistudja]” kif semmiet il-qorti tar-rinviju fl-ewwel domanda, u li mill-bidu kienet għaddejja bl-istudji tagħha waqt li kienet qed taħdem bħala persuna impjegata, fil-fehma tiegħi, ma jipprekludix, minnu nnifsu, lil dik il-persuna milli tinvoka l-ġurisprudenza li ssemmiet iktar ’il fuq.

81.      Dak li huwa deċiżiv f’dan ir-rigward huwa jekk din il-persuna effettivament wettqitx xogħol sostanzjali, jiġifieri attivitajiet professjonali li huma effettivi u ġenwini u mhux purament marġinali u anċillari fis-sens tal-kunċett ta’ “ħaddiema” (45). Jekk jiġi stabbilit li persuna oġġettivament tissodisfa dawk il-kundizzjonijiet, il-fatt li, fl-istess ħin, hija għandha titqies ukoll bħala studenta ma jistax iċaħħadha mill-istatus ta’ ħaddiema u mid-drittijiet li jirriżultaw minnu. Bl-istess mod, il-possibbiltà li l-motiv prinċipali jkun l-istudji minnha nfisha lanqas ma għandha taffetwa l-klassifikazzjoni tagħha bħala ħaddiema.

82.      Din il-fehma hija sostnuta mis-sentenza reċenti fil-Kawża C‑294/06 li tikkonċerna l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni tad-19 ta’ Settembru 1980 dwar l-iżvilupp tal-Assoċjazzjoni, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat jekk f’każijiet fejn ċittadini Torok – li l-attivitajiet tagħhom mill-bqija jissodisfaw it-tliet kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-artikolu – ikollhom status ta’ au pair jew ta’ student, b’hekk ikunu preklużi mill-istatus ta’ ħaddiema u milli jkunu debitament irreġistrati bħala parti mis-suq tax-xogħol ta’ Stat Membru, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja tat risposta fin-negattiv, u ddeċidiet li l-persuni kkonċernati jistgħu jinvokaw b’mod sħiħ id-drittijiet li tikkonferixxi din id-dispożizzjoni, sakemm jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet oġġettivi stabbiliti f’din id-dispożizzjoni, mingħajr ma jkun hemm għalfejn jitqiesu r-raġunijiet li għalihom il-persuna kkonċernata ngħatat għall-ewwel darba d-dritt li tidħol jew mingħajr ma jkun hemm l-ebda limitu ta’ żmien mehmuż mad-dritt tagħha għax-xogħol (46).

83.      It-tieni nett, rigward il-kundizzjoni li jew ikun hemm kontinwità bejn l-attività bħala persuna impjegata u l-istudji sussegwenti jew il-persuna kkonċernata tkun sfat involontarjament bla mpjieg, mis-sottomissjonijiet ta’ J. Förster jidher li hija waqfet taħdem fit-tieni nofs tal-2003 ħalli tkun tista’ tiffoka fuq l-ikkompletar tal-istudji tagħha. F’ċirkustanzi bħal dawn, fil-fehma tiegħi, is-sitwazzjoni tagħha ma tistax tiġi deskritta bħala waħda li tikkostitwixxi qgħad involontarju. Madankollu naqbel mal-Kummissjoni li l-kriterju ta’ kontinwità f’dan il-każ jista’ jiġi sodisfatt, kemm minn perspettiva ta’ żmien kif ukoll minn perspettiva materjali.

84.      F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat, qabel kollox, li t-taħriġ prattiku bi ħlas li kien jippreċedi t-tieni nofs tal-2003 kien jikkonsisti f’edukazzjoni sekondarja speċjali għal tfal bi problemi fl-imġiba u/jew b’disturbi psikjatriċi, attività li żgur li hija relatata, f’termini ta’ kontenut, mal-istudji li kienet qed tagħmel fit-teorija tal-edukazzjoni (47).

85.      Meta jiġi applikat il-kriterju ta’ kontinwità, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, kif diġà tat indikazzjoni l-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Lair (48), il-karrieri kontinwi huma inqas komuni fl-ambjent tax-xogħol tal-lum milli kien qabel. B’mod partikolari, iż-żgħażagħ fil-bidu tal-ħajjiet professjonali tagħhom, għal numru ta’ raġunijiet, ta’ spiss ikunu mistennija jew saħansitra mġiegħla mill-kundizzjonijiet fis-swieq tax-xogħol li juru flessibbiltà fir-rigward tal-edukazzjoni u tat-taħriġ li jkollhom kif ukoll fl-ewwel passi li jagħmlu fid-dinja tax-xogħol. Għalhekk, ir-rekwiżit tal-kontinwità ma għandux ikun interpretat f’sens ristrett wisq, sabiex jiġi evitat li parti sostanzjali mill-istudenti li jaħdmu jkunu esklużi mill-benefiċċji tad-drittijiet tagħhom bħala ħaddiema Komunitarji, minkejja li dawn diġà jkunu ekonomikament attivi u daħlu fis-suq tax-xogħol tal-Istat Membru ospitanti.

86.      It-tielet nett, f’dan il-każ. jidher li mhemm l-ebda prova ta’ abbuż. B’mod partikolari, minħabba l-fatt li J. Förster kellha relazzjonijiet sostanzjali ta’ impjieg bi ħlas għal iktar minn tliet snin qabel ma waqfet taħdem, ma jistax jiġi argumentat li hija daħlet fi Stat Membru ieħor għall-għan waħdieni li tgawdi mill-benefiċċju tas-sistema ta’ għajnuna lill-istudent f’dan l-Istat (49).

87.      Barra minn hekk, waqt is-seduta rriżulta li Förster marret l-Olanda u bdiet taħdem u tistudja hemmhekk minħabba r-relazzjoni personali tagħha ma’ student Olandiż. Dan il-fatt jista’ jservi sabiex jindika li hija ma daħlitx f’dan l-Istat għall-għan waħdieni li tibbenefika mis-sistema ta’ għajnuna lill-istudenti tiegħu (50).

88.      Barra minn hekk, jidher li m’hemm l-ebda raġuni sabiex wieħed jassumi li hija kienet impjegata sempliċement għaliex ġiet aċċettata biex tidħol f’università, li kien iwassal biex l-impjieg tagħha jitqies bħala sempliċement anċillari għall-istudji tagħha.

89.      Minn dak kollu li ntqal, jirriżulta li l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1251/70 ma japplikax għal student f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża peress li dan l-istudent ma jaqa’ fl-ebda waħda mill-kategoriji ta’ ħaddiema li jissemmew fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament.

90.      Madankollu, student f’sitwazzjoni bħal dik f’din il-kawża jista’, bħala regola ġenerali, jagħmel użu mid-dritt tiegħu bħala ħaddiema Komunitarju skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 għall-istess vantaġġi soċjali bħal ħaddiem nazzjonali sabiex jikseb finanzjament tal-istudju bħal dak inkwistjoni. Madankollu, hija l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi jekk id-diversi kundizzjonijiet imsemmijin iktar ’il fuq rigward iż-żamma tal-istatus ta’ ħaddiem wara t-tmiem tal-impjieg ġewx effettivament sodisfatti f’dan il-każ.

C –    L-applikabbiltà tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni skont l-Artikolu 12 KE u r-rekwiżit ta’ residenza fid-dawl tas-sentenza Bidar

91.      Kif jidher mir-risposta li ssuġġerejt iktar ’il fuq, student f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni, fil-fehma tiegħi, jista’ jislet dritt għal trattament ugwali fir-rigward tal-finanzjament tal-istudji mill-istatus tiegħu bħala ħaddiem Komunitarju. Madankollu, se neżamina, b’mod kompletament sussidjarju, id-domandi 2 sa 4, li huma intiżi sabiex jivverifikaw jekk student fiċ-ċirkustanzi inkwistjoni jistax jinvoka b’suċċess l-Artikolu 12 KE biex jitlob id-dritt għall-finanzjament tal-istudju.

1.      L-argumenti prinċipali tal-partijiet

92.      J. Förster issostni li d-Direttiva 93/96 ma tistax tipprekludi lill-istudenti fis-sitwazzjoni tagħha milli jinvokaw l-Artikolu 12 KE biex jitolbu finanzjament tal-istudju, peress li dispożizzjoni tat-Trattat tipprevali fuq direttiva. Fir-rigward tas-sentenza Bidar (51), hija ssostni li, minbarra r-rekwiżit ta’ residenza legali fiż-żmien meta saret applikazzjoni għall-għajnuna għall-istudju, il-kriterju deċiżiv huwa jekk il-persuna kkonċernata tkunx sostanzjalment integrata fis-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti, li ma jistax jiġi sempliċement imqabbel ma’ ċertu terminu ta’ residenza legali. F’dan ir-rigward hija tinnota li terminu ta’ residenza ta’ ħames snin huwa sostanzjalment itwal mit-tliet snin aċċettati fis-sentenza Bidar u jipprekludi lill-parti l-kbira tal-istudenti milli jkunu eliġibbli għall-finanzjament tal-istudju.

93.      Skont J. Förster, f’kull każ individwali, l-Istati Membri għandhom jevalaw jekk il-persuna kkonċernata turix livell suffiċjenti ta’ integrazzjoni fis-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti, billi jitqiesu l-fatturi personali.

94.      Il-Kummissjoni tindirizza d-domandi 2 sa 5 biss fid-dawl tal-possibbiltà li l-Qorti tal-Ġustizzja ma ssegwix il-fehma tagħha li Förster, bħala ħaddiema Komunitarja, tista’ tinvoka l-Artikolu 39 KE u l-Artikolu 7 tar-Regolament 1612/68. L-ewwel nett, hija ssostni li din il-kawża għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dritt Komunitarju applikabbli fiż-żmien inkwistjoni, jiġifieri l-Artikoli 12 KE u 18 KE, id-Direttiva 93/96 u d-Direttiva 90/364/KEE tat-28 ta’ Ġunju 1990 dwar id-dritt ta’ residenza (52). Min-naħa l-oħra, id-Direttiva 2004/38 mhix applikabbli.

95.      Għalkemm, fil-prinċipju, il-Kummissjoni taqbel ma’ J. Förster, waqt is-seduta hija spjegat li d-Direttiva 93/96 tipprekludi lil persuna li tislet id-dritt ta’ residenza tagħha biss minn din id-direttiva u mill-ebda dispożizzjoni oħra tad-dritt Komunitarju milli tinvoka b’suċċess l-Artikolu 12 KE sabiex titlob il-finanzjament tal-istudju, kif jidher ukoll mis-sentenza Bidar. Min-naħa l-oħra, ċittadin tal-Unjoni li huwa ekonomikament inattiv u li kien legalment residenti fl-Istat Membru ospitanti għal ċertu perijodu ta’ żmien, fis-sens tad-Direttiva 90/364, jew li għandu permess ta’ residenza, jista’ jinvoka b’suċċess l-Artikolu 12 KE.

96.      Ir-rekwiżit ta’ ħames snin residenza, kif huwa applikat mill-Gvern Olandiż, ma jistax, konsegwentement, jitqies bħala diskriminatorju minnu nnifsu, peress li wieħed jista’ jassumi li r-residenti tal-Istat Membru ospitanti, li bħala regola ġenerali għexu f’dak il-pajjiż ħajjithom kollha, jissodisfaw il-kriterju ta’ ċertu livell ta’ integrazzjoni.

97.      Skont il-Kummissjoni, ir-rekwiżit ta’ residenza għandu, madankollu, jiġi applikat għal J. Förster b’mod inqas assolut minn kif issuġġerew l-Istati Membri. Skont iċ-ċirkustanzi, għandhom jitqiesu kriterji oħrajn sabiex jiġi stabbilit il-livell ta’ integrazzjoni, pereżempju jekk il-persuna kkonċernata twelditx qrib il-fruntiera jew ħadmitx diġà fl-Istat Membru ospitanti. Hija tenfasizza li, skont l-Artikolu 37 tad-Direttiva 2004/38, l-Istati Membri huma liberi li jużaw kriterji iktar favorevoli mill-ħames snin ta’ residenza pprovduti fl-Artikolu 24(2) ta’ din id-direttiva, għalkemm tammetti li mhumiex obbligati jagħmlu dan.

98.      Il-Gvernijiet kollha li ressqu osservazzjonijiet f’din il-kawża essenzjalment jaqblu, għalkemm fuq il-bażi ta’ argumenti xi ftit differenti, li d-domandi rrinvijati għandhom jingħataw risposta li tgħid li student f’ċirkustanzi fattwali bħal dawk f’din il-kawża ma jistax jinvoka b’suċċess l-Artikolu 12 KE sabiex jitlob finanzjament tal-istudju.

99.      Rigward id-Direttiva 93/96, il-Gvernijiet tal-Olanda, tal-Belġju u tad-Danimarka jiddikjaraw li, skont is-sentenza Bidar, għandha ssir distinzjoni bejn persuni li jmorru fi Stat Membru ieħor bl-għan primarju li jsegwu l-istudji tagħhom hemmhekk u persuni li jmorru jgħixu fi Stat Membru ieħor għal raġunijiet oħrajn u li sussegwentement jiddeċiedu li jibdew jistudjaw hemmhekk. L-ewwel kategorija ta’ studenti taqa’ fl-ambitu tad-Direttiva 93/96, li ma tħallihomx jinvokaw l-Artikolu 12 KE biex jiksbu finanzjament tal-istudju, filwaqt li t-tieni kategorija ta’ studenti għandha d-dritt, skont dan l-artikolu, li f’dan ir-rigward tiġi ttrattata b’mod ugwali. Skont il-Gvernijiet tal-Olanda, tad-Danimarka u tal-Iżvezja, fost l-oħrajn, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/96, li jeskludi d-dritt ta’ għoti ta’ manteniment, jikkostitwixxi eżempju ta’ dispożizzjoni restrittiva jew ta’ limitazzjoni fis-sens tal-Artikolu 18(1) KE. Min-naħa l-oħra, skont il-Gvern Awstrijak, din id-direttiva ma twaqqafx, fil-prinċipju, lill-istudenti milli jinvokaw l-Artikolu 12 KE fir-rigward tad-dritt għall-ħlas ta’ għoti ta’ manteniment.

100. Essenzjalment, il-Gvernijiet jaqblu li l-Istati Membri mhumiex ipprojbiti milli jissuġġettaw tali għoti għar-rekwiżit ta’ residenza ta’ ħames snin bħal dak inkwistjoni f’din il-kawża, li huwa kriterju ċar u suffiċjenti, jew ta’ pussess ta’ permess ta’ residenza permanenti. Barra minn hekk, ilkoll jaqblu li l-Istati Membri m’għandhomx l-obbligu sabiex, f’każijiet individwali, iwettqu evalwazzjoni speċifika tal-integrazzjoni fis-soċjetà kkonċernata jew li jintużaw kriterji oħrajn għajr dak tat-tul ta’ żmien ta’ residenza, għalkemm l-Istati Membri jibqgħu liberi li jagħmlu dan, u jistgħu jagħtu għajnuna għall-istudju skont kundizzjonijiet iktar ġenerużi jekk jixtiequ jagħmlu dan.

101. F’dan ir-rigward, il-parti l-kbira tal-Gvernijiet invokaw id-Direttiva 2004/38, b’mod partikolari l-Artikolu 24(2) flimkien mal-Artikolu 16(1) kif ukoll l-Artikolu 37 tagħha, filwaqt li jirrikonoxxu li din id-direttiva mhix applikabbli ratione temporis għal din il-kawża. Diversi Stati Membri enfasizzaw ukoll il-marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni li huma għandhom rigward l-għoti ta’ għajnuna soċjali.

102. B’mod partikolari, il-Gvernijiet tal-Olanda u tar-Renju Unit josservaw ukoll li, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja indikat fis-sentenza Bidar (53), għoti iktar ġeneruż ta’ benefiċċji allokati għall-istudji jista’ jimponi piż finanzjarju irraġonevoli fuq l-Istati Membri, fid-dawl tan-numru ta’ studenti barranin. Dan jista’ jkollu konsegwenzi fuq il-livell globali tal-għajnuna mogħtija. Diversi Gvernijiet jinnotaw ukoll li evalwazzjoni individwali tal-livell ta’ integrazzjoni tkun impossibbli minn perspettiva amministrattiva jew, kif qed isostni l-Gvern Ġermaniż, tidħol f’kunflitt mal-prinċipji taċ-ċertezza legali u tal-legalità.

2.      L-evalwazzjoni

103. Id-domandi li għandhom jiġu indirizzati hawnhekk essenzjalment jistgħu jinqasmu f’żewġ kwistjonijiet prinċipali. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, l-ewwel nett, jekk student f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, fil-prinċipju, jistax jinvoka, fid-dawl tas-sentenza Bidar, l-Artikolu 12 KE rigward l-għajnuna biex ikunu koperti l-ispejjeż ta’ manteniment tal-istudenti, bħall-finanzjament tal-istudju inkwistjoni. Jekk dan huwa minnu, dik il-qorti tirreferi, it-tieni nett, għar-regola fl-Olanda li tissuġġetta l-għoti ta’ finanzjament tal-istudju biss għar-rekwiżit ta’ ħames snin residenza u tistaqsi f’liema kundizzjonijiet tali student jista’ fil-fatt ikollu d-dritt għall-finanzjament tal-istudju fuq il-bażi ta’ dan l-artikolu. Għalkemm, sa ċertu punt, dawn id-domandi jistgħu jingħataw risposta b’riferiment għas-sentenza Bidar u għall-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk, taħt ċerti aspetti din il-ġurisprudenza għandha tiġi kkwalifikata fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ.

104. Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li hija miġbura fil-qosor fis-sentenza Bidar, ċittadin tal-Unjoni legalment residenti fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti jista’ jinvoka l-Artikolu 12 KE fis-sitwazzjonijiet kollha li jaqgħu fl-ambitu ratione materiae tad-dritt Komunitarju (54).

105. Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li tali sitwazzjonijiet jinkludu dawk li jinvolvu l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat u dawk li jinvolvu l-eżerċizzju tad-dritt ta’ ċittadin li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju tal-Istati Membri, kif huwa kkonferit mill-Artikolu 18 KE (55).

106. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li m’hemm xejn fit-test tat-Trattat li jissuġġerixxi li l-istudenti li huma ċittadin tal-Unjoni, meta jmorru fi Stat Membru ieħor biex jistudjaw hemmhekk, jitilfu d-drittijiet li t-Trattat jikkonferixxi liċ-ċittadini tal-Unjoni (56).

107. Barra minn hekk, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet fis-sentenza D’Hoop, ċittadin ta’ Stat Membru li jmur fi Stat Membru ieħor u jsegwi edukazzjoni sekondarja hemmhekk jeżerċita l-libertà ta’ moviment iggarantita permezz tal-Artikolu 18 KE (57).

108. Fl-aħħar nett, rigward il-benefiċċji tal-għajnuna soċjali, il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Bidar fakkret li ċittadin tal-Unjoni li ma jkunx ekonomikament attiv jista’ jinvoka l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 KE meta kien legalment residenti fl-Istat Membru ospitanti għal ċertu żmien jew meta jkollu permess ta’ residenza (58).

109. Rigward din il-kawża, ċittadin tal-Unjoni, bħalma hija J. Förster, li jmur fi Stat Membru ieħor u jsegwi attivitajiet professjonali u studji hemmhekk bla dubju jkun qed jeżerċita, b’dan il-mod, id-dritt li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor skont l-Artikolu 18 KE. Barra minn hekk, mhux ikkontestat li J. Förster minn dejjem kienet legalment residenti fl-Olanda sa minn meta bdiet l-istudji tagħha, inkluż matul it-tieni nofs tal-2003.

110. Minn dan irriżulta li ċittadin tal-Unjoni fis-sitwazzjoni ta’ J. Förster fil-prinċipju jista’ jinvoka l-Artikolu 12 KE fis-sitwazzjonijiet kollha li jaqgħu fl-ambitu tad-dritt Komunitarju.

111. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Bidar iddeċidiet li, bil-kontra tal-ġurisprudenza preċedenti fis-sentenzi Brown u Lair (59) u minħabba l-iżvilupp tad-dritt Komunitarju minn dak iż-żmien, l-għajnuna, kemm jekk fil-forma ta’ self issussidjat jew ta’ għotjiet, ipprovduta lill-istudenti legalment residenti fl-Istat Membru ospitant sabiex ikopru l-ispejjeż ta’ manteniment tagħhom taqa’ fl-ambitu tal-applikazzjoni tat-Trattat għall-finijiet tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni stabbilita fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 KE (60).

112. Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, jista’ għaldaqstant jiġi konkluż, mill-inqas b’mod provviżorju, li student bħal dik f’dan il-każ, li rrisjeda legalment għal ċertu perijodu ta’ żmien fl-Istat Membru ospitanti, bla ħsara għal kundizzjonijiet oħra li ser neżamina iktar ’il quddiem, fil-prinċipju, tista’ tinvoka l-Artikolu 12 KE sabiex titlob finanzjament tal-istudju bħal dak inkwistjoni.

113. Madankollu, kemm id-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll l-osservazzjonijiet tal-partijiet juru inċertezza rigward l-impatt tad-Direttiva 93/96 fuq din il-konklużjoni u rigward ir-rilevanza tal-fatt li persuna tmur fi Stat Membru ieħor “prinċipalment” biex tistudja. B’mod partikolari, ġie sostnut li teżisti distinzjoni bejn din il-kawża u s-sentenza Bidar minħabba li l-applikant, f’din il-kawża, ma daħalx fir-Renju Unit bl-għan primarju li jsegwi l-istudji tiegħu hemmhekk u silet id-dritt tiegħu ta’ residenza mill-Artikolu 18 KE u mid-Direttiva 90/364, pjuttost milli mid-Direttiva 93/96.

114. Huwa minnu li, fis-sentenza Bidar, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/96 ma jipprekludix lil ċittadin ta’ Stat Membru, li skont l-Artikolu 18 KE u d-Direttiva 90/364 ikun legalment residenti fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, milli jinvoka matul dik ir-residenza l-prinċipju fundamentali ta’ trattament ugwali inkluż fl-Artikolu 12(1) KE  (61).

115. Madankollu, ma naħsibx li jirriżulta li dan il-prinċipju ma japplikax għal persuna li minflok tislet id-dritt ta’ residenza tagħha mid-Direttiva 93/96. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod konsistenti sa mis-sentenza Baumbast u R li ċ-ċittadini tal-Unjoni, f’kull każ, jistgħu jisiltu d-dritt tagħhom li jirrisjedu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor direttament mill-Artikolu 18(1) KE (62).

116. Huwa minnu li dan l-artikolu jissuġġetta d-dritt ta’ residenza għal-limiti u għall-kundizzjonijiet imposti mit-Trattat u għad-dispożizzjonijiet li ġew adottati għall-applikazzjoni tiegħu. Fost tali limiti u kundizzjonijiet jinsabu dawk stabbiliti, fir-rigward tal-persuni impjegati, mid-Direttiva tal-Kunsill 68/360/KEE (63), fir-rigward tal-istudenti, mid-Direttiva 93/96 u rigward iċ-ċittadini ta’ Stati Membri li ma jgawdux minn dritt ta’ residenza skont dispożizzjonijiet oħra tad-dritt Komunitarju, mid-Direttiva 90/364 (64).

117. Madankollu, mis-sentenza Grzelczyk u, iktar u iktar mis-sentenza Trojani, jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel distinzjoni bejn, minn naħa, id-dritt ta’ residenza u l-kundizzjonijiet li huwa suġġett għalihom u, min-naħa l-oħra, il-possibbiltà li ċittadin tal-Unjoni jinvoka l-prinċipju ta’ trattament ugwali stabbilit fl-Artikolu 12 KE, pereżempju sabiex jitlob il-benefiċċji soċjali. L-implikazzjoni hija li l-Istati Membri jistgħu jissuġġettaw id-dritt ta’ residenza għall-kundizzjonijiet u għal-limiti pprovduti fid-diversi direttivi dwar ir-residenza, iżda meta u sakemm ċittadin tal-Unjoni jkun legalment residenti fl-Istat Membru ospitanti kkonċernat, kemm jekk skont id-dritt Komunitarju jew anki biss id-dritt nazzjonali, bħal fil-każ ta’ M. Trojani (65), dan iċ-ċittadin tal-Unjoni għandu d-dritt għal trattament ugwali. Konsegwentement, l-uniku mezz sabiex Stat Membru jevita li jagħti l-benefiċċju huwa li jtemm ir-residenza taċ-ċittadin tal-Unjoni (66).

118. Għaldaqstant din il-ġurisprudenza tissuġġerixxi, milli jidher, li dritt Komunitarju sekondarju li jissuġġetta d-dritt ta’ residenza għal kundizzjonijiet u limiti għandu jitqies, skont ir-riferiment inkluż fl-Artikolu 18(1) KE, bħala għamla ta’ lex specialis meta mqabbel ma’ dan l-artikolu, iżda mhux meta mqabbel mal-Artikolu 12 KE.

119. Barra minn hekk, fis-sentenza Grzelczyk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddikjarat li, filwaqt li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/96 jagħmilha ċara li d-Direttiva ma tistabbilixxi l-ebda dritt għall-għotjiet ta’ manteniment mill-Istat Membru ospitanti għall-istudenti li jibbenfikaw mid-dritt ta’ residenza, l-ebda dispożizzjoni fid-Direttiva ma tipprekludi lill-benefiċjarji tagħha milli jirċievu benefiċċju tas-sigurtà soċjali (67).

120. Fi kliem ieħor, anki jekk id-Direttiva 93/96 ma tipprovdi l-ebda dritt għall-għajnuna għall-manteniment, tali dritt xorta jista’ japplika għall-istudenti li jaqgħu taħt din id-direttiva, bis-saħħa ta’ dispożizzjoni oħra tad-dritt Komunitarju, bħall-Artikolu 12 KE.

121. Rigward il-fatt li l-istudenta inkwistjoni fil-kawża prinċipali marret “prinċipalment biex [tistudja]”, il-qorti tar-rinviju nfisha osservat li huwa diffiċli li tiġi stabbilita l-intenzjoni li biha l-persuni jmorru fl-Istat Membru ospitanti. Barra minn hekk, tali intenzjoni mhix deċiżiva fir-rigward tal-applikabbiltà tad-Direttiva 93/96. Għalhekk, hija mhix rilevanti f’dan il-kuntest.

122. Minn dak li ngħad iktar ’il fuq jirriżulta li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/96 ma jipprekludix lil ċittadin ta’ Stat Membru li jkun legalment residenti fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor milli jinvoka, matul din ir-residenza, il-prinċipju fundamentali ta’ trattament ugwali inkluż fl-Artikolu 12(1) KE biex jitlob, fl-Istat Membru ospitanti, finanzjament tal-istudju bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, anki jekk id-dritt ta’ residenza tiegħu jkun ibbażat fuq din id-direttiva.

123. Rigward id-domandi 3(b), (ċ) u (d) u 4, għadu jrid jiġi eżaminat jekk dan l-artikolu jippermettix li Stat Membru jissuġġetta d-dritt taċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn għal dan il-finanzjament tal-istudju għall-ikkompletar ta’ ħames snin ta’ residenza.

124. Mis-sentenza Bidar jirriżulta li għalkemm l-Istati Membri, fl-organizzazzjoni u fl-applikazzjoni tas-sistemi tal-għajnuna soċjali tagħhom, għandhom juru ċerta solidarjetà finanzjarja maċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn, huwa permissibbli li Stat Membru jiżgura ruħu li l-għoti tal-għajnuna biex ikunu koperti l-ispejjeż ta’ manteniment tal-istudenti minn Stati Membri oħrajn ma jsirx piż irraġonevoli li jista’ jkollu konsegwenzi fuq il-livell globali tal-għajnuna li tista’ tingħata minn dan l-Istat (68).

125. Kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza, huwa għaldaqstant leġittimu li Stat Membru jagħti għajnuna li tkopri l-ispejjeż ta’ manteniment biss lill-istudenti li jkunu wrew ċertu livell ta’ integrazzjoni fis-soċjetà ta’ dan l-Istat (69).

126. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha ċara li Stat Membru ma jistax jeżiġi li l-istudenti jistabbilixxu rabta mas-suq tax-xogħol tiegħu (70), rekwiżit li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset f’diversi okkażjonijiet bħala leġittimu fir-rigward tal-benefiċċji soċjali (71).

127. Fis-sentenza Bidar, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kundizzjoni ta’ livell suffiċjenti ta’ integrazzjoni fis-soċjetà tista’ tkun stabbilita billi jiġi konkluż li l-istudent inkwistjoni kien residenti fl-Istat Membru ospitanti għal ċertu tul ta’ żmien. Hija aċċettat li r-rekwiżit ta’ tliet snin residenza previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni f’din il-kawża kien tul ta’ żmien xieraq (72).

128. Din il-kawża tqajjem il-kwistjoni jekk, fid-dawl ta’ din is-sentenza, rekwiżit ta’ ħames snin residenza jikorrispondix għall-għan leġittimu li jiġi żgurat li applikant għall-għajnuna jkun wera ċertu livell ta’ integrazzjoni fis-soċjetà. Kif enfasizzaw diversi Gvernijiet fis-sottomissjonijiet tagħhom, l-Istati Membri għandhom diskrezzjoni wiesgħa fir-rigward tal-kriterji li jużaw sabiex jevalwaw il-livell ta’ integrazzjoni fir-rigward benefiċċju soċjali bħall-finanzjament tal-istudju inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Madankollu, huma għandhom xorta waħda jżommu mal-limiti imposti mid-dritt Komunitarju, b’mod partikolari l-prinċipju tal-proporzjonalità (73).

129. Ovvjament, l-Istati Membri, sa ċertu punt, għandhom il-possibbiltà li japplikaw kundizzjonijiet ġenerali li ma jeżiġux evalwazzjoni individwali ulterjuri, bħar-rekwiżit ta’ tliet snin residenza meqjus fis-sentenza Bidar. Madankollu, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tissuġġerixxi wkoll li l-kundizzjoni imposta ma tistax tkun ta’ portata daqstant ġenerali li teskludi sistematikament lill-istudenti, indipendentement mil-livell effettiv ta’ integrazzjoni fis-soċjetà, mill-possibbiltà li jkomplu bl-istudji tagħhom fl-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti. Fi kliem ieħor, il-kriterju li jintuża għandu, madankollu, ikun indikattiv tal-livell ta’ integrazzjoni fis-soċjetà (74).

130. Fil-fehma tiegħi, dan mhux il-każ ta’ rekwiżit ta’ ħames snin residenza, peress li wieħed jista’ jassumi raġonevolment li numru ta’ studenti setgħu stabbilew livell sostanzjali ta’ integrazzjoni fis-soċjetà ferm qabel ma jiskadi dan il-perijodu. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, ta’ studenti li, bħal J. Förster, minbarra l-istudji tagħhom eżerċitaw wkoll attivitajiet professjonali fl-Istat Membru ospitanti. Fil-fatt, kif sostniet Förster, rekwiżit ta’ residenza ta’ ħames snin jista’ jipprevjeni lill-istudenti li jagħmlu użu mid-dritt tagħhom li jmorru fi Stat Membru ieħor u jistudjaw hemmhekk milli jibbenefikaw mid-dritt tagħhom għal trattament ugwali bħala ċittadini tal-Unjoni, fir-rigward tal-benefiċċji allokati għall-istudji, indipendentement mir-rabta effettiva li jistgħu jkunu stabbilew mas-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti. Fil-fehma tiegħi dan ma jistax jitqies bħala proporzjonat.

131. Huwa minnu li d-Direttiva 2004/38 ma timponi l-ebda obbligu fuq l-Istati Membri biex jagħtu għajnuna ta’ manteniment għall-istudji qabel il-ksib tad-dritt ta’ residenza u b’hekk mhux qabel ma jkunu skadew il-ħames snin. Madankollu, minbarra l-fatt li din id-direttiva mhix applikabbli għall-fatti ta’ dan il-kawża, hija ma tistax tkun ta’ ħsara għar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 12 KE u mill-prinċipju ġenerali ta’ proporzjonalità.

132. Perijodu ta’ ħames snin ta’ residenza kontinwa fl-Istat Membru ospitanti huwa, pjuttost, il-limitu massimu li fih ikun għadu jista’ jingħad li student li jsegwi l-istudji tiegħu fi Stat Membru ieħor ma jkunx stabbilixxa livell suffiċjenti ta’ integrazzjoni fis-soċjetà ta’ dan l-Istat sabiex jikkwalifika għal trattament ugwali, kif ipprovdut fl-Artikolu 12 KE, fir-rigward ta’ benefiċċji soċjali bħall-għotjiet ta’ manteniment lill-istudenti.

133. Meta student ikun diġà ilu residenti fl-Istat Membru ospitanti għal tliet snin, bħal f’dan il-każ, jidher sproporzjonat, anki jekk ikunu għadhom ma għaddewx il-ħames snin, li l-istudent jiġi rrifjutat il-finanzjament tal-istudju jekk l-istudent jista’ jippreżenta evidenza raġonevoli li huwa diġà sostanzjalment integrat fis-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti.

134. Fl-aħħar nett, ma naħsibx li l-argument preċedenti għandu jkun affetwat mill-fatt li rekwiżit ta’ residenza jiġi impost biss fuq iċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn. Kif innotat il-Kummissjoni, huwa leġittimu li nassumu li ċ-ċittadini ta’ Stat Membru għandhom rabta ġenwina mas-soċjetà ta’ dan l-Istat.

135. Għaldaqstant, ir-risposta għad-domandi 3(b), (ċ) u (d) u 4 għandha tkun li Stat Membru huwa prekluż mill-Artikolu 12 KE, moqri flimkien mal-prinċipju tal-proporzjonalità, milli jirrifjuta li jagħti finanzjament tal-istudju bħal dak inkwistjoni lil student ekonomikament inattiv minn Stat Membru ieħor li diġà ilu legalment residenti għal tliet snin fl-Istat Membru ospitanti biss għaliex l-istudent ma kienx residenti għal ħames snin fl-Istat Membru ospitanti qabel il-perijodu ta’ studju kkonċernat, jekk fatturi oħrajn, li għandhom jintwerew b’mezzi xierqa mill-istudent, jindikaw livell sostanzjali ta’ integrazzjoni fis-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti.

D –    Il-ħames domanda rigward iċ-ċertezza legali

1.      L-argumenti prinċipali tal-partijiet

136. Förster issostni li kemm l-ordni kkontestat ta’ ħlas lura kif ukoll l-appell tagħha kontra tiegħu seħħew qabel il-linja gwida tad-9 ta’ Mejju 2005. Il-prinċipju taċ-ċertezza legali u l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali jipprojbixxu l-adozzjoni ta’ regoli li jirrestrinġu d-drittijiet tar-rikorrenti wara li hija tkun invokat l-Artikolu 12 KE (75).

137. Fuq l-istess linja, il-Kummissjoni tipproponi li r-risposta għall-ħames domanda tkun fin-negattiv, billi ssostni li l-qorti nazzjonali, meta tinterpreta r-regoli tad-dritt nazzjonali tagħha, għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-prinċipji ġenerali tad-dritt, partikolarment dawk taċ-ċertezza legali u tan-non-retroattività.

138. Il-Gvernijiet tal-Ġermanja, tal-Awstrija u tal-Olanda, min-naħa l-oħra, isostnu li minkejja li s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tippermetti li l-persuni jisiltu retroattivament iktar drittijiet mill-Artikolu 12 KE milli kien preċedentement maħsub, ir-rekwiżiti rigward il-perijodi fl-imgħoddi jistgħu jiġu imposti wkoll meta tiġi implementata din is-sentenza. Skont il-Gvern Olandiż, dan huwa f’konformità mas-sentenza Collins (76).

2.      L-evalwazzjoni

139. Ser neżamina l-ħames domanda għal finijiet ta’ kompletezza minkejja r-risposti li ssuġġerejt għad-domandi preċedenti. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jidher li l-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-prinċipju taċ-ċertezza legali, kif ġie applikat fis-sentenza Collins, jipprekludix lill-awtoritajiet Olandiżi milli jirrifjutaw il-finanzjament tal-istudju għat-tieni nofs tal-2003 fuq il-bażi tar-rekwiżit tat-terminu ta’ residenza inkluż fil-linja gwida tad-9 ta’ Mejju 2005, li ġiet adottata wara s-sentenza Bidar, jekk din il-linja gwida tipprovdi għal iktar drittijiet – f’dan il-każ aċċess iktar ġeneruż għall-finanzjament tal-istudju – minn qabel. Il-finanzjament tal-istudju qabel kien jingħata biss lill-istudenti intitolati għalih skont l-Artikolu 39 KE jew l-Artikolu 43 KE.

140. Il-prinċipju taċ-ċertezza legali huwa prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju li jeżiġi, f’oqsma koperti mid-dritt Komunitarju, li r-regoli tal-Istati Membri jkunu ċari u preċiżi, sabiex l-individwi jkunu jistgħu jaċċertaw irwieħhom mingħajr ambigwità x’inhuma d-drittijiet u l-obbligi tagħhom. Huwa intiż sabiex jiżgura li s-sitwazzjonijiet u r-relazzjonijiet legali rregolati mid-dritt Komunitarju jibqgħu prevedibbli (77). Għaldaqstant, fis-sentenza Collins, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-applikazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ rekwiżit ta’ residenza għandu jkun ibbażat fuq kriterji ċari li jkunu magħrufa minn qabel (78).

141. Madankollu, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tindika wkoll li huwa rilevanti jekk ir-regola inkwistjoni tinvolvix konsegwenzi pożittivi jew negattivi għall-individwi. Fil-każ ta’ regoli li jimponu obbligi fuq l-individwi, l-osservanza stretta tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju taċ-ċertezza legali u tal-protezzjoni tal-individwu hija, naturalment, ta’ importanza partikolari (79).

142. Għaldaqstant, il-prinċipju taċ-ċertezza legali u l-protezzjoni tal-individwu, fil-fehma tiegħi, ma jipprekludux l-applikazzjoni retroattiva ta’ regola sakemm tali applikazzjoni tqiegħed lill-individwu kkonċernat f’pożizzjoni legali iktar favorevoli (80).

143. Għaldaqstant ir-risposta għall-ħames domanda għandha tkun li l-prinċipju taċ-ċertezza legali ma jipprekludix lil Stat Membru milli japplika regola bħal-linja gwida tad-9 ta’ Mejju 2005 fir-rigward tal-perijodi fl-imgħoddi jekk tali applikazzjoni tqiegħed lill-individwu kkonċernat f’pożizzjoni legali iktar favorevoli.

V –    Konklużjonijiet

144. Għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domandi preliminari kif ġej:

–        L-Artikolu 7 tar-Regolament (KEE) Nru 1251/70, tad-29 ta’ Ġunju 1970, dwar id-dritt tal-ħaddiema li jibqgħu fit-territorju ta’ Stat Membru wara li kienu impjegati f’dak l-Istat ma japplikax għal student li jinsab f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża, sa fejn dan l-istudent ma jaqa’ taħt l-ebda waħda mill-kategoriji ta’ ħaddiema li jissemmew fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament.

–        Student li jinsab f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża, fil-prinċipju, jista’ jinvoka, fl-Istat Membru ospitanti, id-dritt tiegħu bħala ħaddiem Komunitarju skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KEE) Nru 1612/68 tal-Kunsill, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità li jgawdi l-istess vantaġġi soċjali bħal ħaddiem nazzjonali sabiex jikseb finanzjament tal-istudju bħal dak inkwistjoni. Madankollu, fl-aħħar mill-aħħar, hija l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi jekk id-diversi kundizzjonijiet rigward iż-żamma tal-istatus ta’ ħaddiema wara tmiem l-impjieg ġewx effettivament sodisfatti fil-każ ikkonċernat.

–        L-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/96/KEE, tad-29 ta’ Ottubru 1993, dwar id-dritt ta’ residenza tal-istudenti, ma jipprekludix lil ċittadin ta’ Stat Membru li huwa legalment residenti għal ċertu żmien fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor milli jinvoka l-prinċipju fundamentali ta’ trattament ugwali stabbilit fl-Artikolu 12(1) KE sabiex jitlob, fl-Istat Membru ospitanti, finanzjament tal-istudju bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, anki jekk id-dritt ta’ residenza tiegħu jkun ibbażat fuq din id-direttiva.

–        L-Artikolu 12 KE, moqri flimkien mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, jipprekludi lil Stat Membru milli jirrifjuta finanzjament tal-istudju bħal dak inkwistjoni lil student ekonomikament inattiv li ġej minn Stat Membru ieħor u li diġà ilu legalment residenti għal tliet snin fl-Istat Membru ospitanti sempliċement minħabba li l-istudent ma kienx residenti għal ħames snin fl-Istat Membru ospitanti qabel il-perijodu ta’ studju kkonċernat, jekk fatturi oħrajn, li għandhom jintwerew b’mezzi xierqa mill-istudent, jindikaw livell sostanzjali ta’ integrazzjoni fis-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti.

–        Il-prinċipju taċ-ċertezza legali ma jipprekludix lil Stat Membru milli japplika regola bħal-linja gwida tad-9 ta’ Mejju 2005 fir-rigward tal-perijodi fl-imgħoddi jekk tali applikazzjoni tqiegħed lill-individwu kkonċernat f’pożizzjoni legali iktar favorevoli.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Sentenza tal-15 ta’ Marzu (C-209/03, Ġabra p. I-2119, punt 57).


3 – ĠU L 257, , p. 2.


4 – ĠU L 317, p. 59.


5 – ĠU L 142, p. 24.


6 – ĠU L 158, p. 77, u – rettifika – ĠU 2004, L 229, p. 35.


7 – AG/OCW/MT‑05.11.


8 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.


9 – AGOCenW/MT/05.


10 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.


11 – Sentenza tas-6 ta’ Novembru 2003 (C-413/01, Ġabra p. I-13187).


12 – Sentenza tal-20 ta’ Marzu 2001 (C-33/99, Ġabra p. I-2415).


13 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.


14 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.


15 – Sentenza tas-7 ta’ Settembru 2004 (C-456/02, Ġabra p. I-7573).


16 – Sentenza tat-23 ta’ Marzu 2004 (C-138/02, Ġabra p. I-2703, punt 72).


17 – Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-kawżi Trojani, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 10, u Bidar, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 12.


18 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tat-18 ta’ Ġunju 1987, Lebon (316/85, Ġabra p. 2811, punt 26) u Collins, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punti 30 u 31.


19 – Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 65 u 66 iktar ’il quddiem.


20 – Kawża 39/86, Ġabra p. 3161.


21 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11.


22 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 1990, SARPP (C-241/89, Ġabra p. I-4695, punt 8), u Trojani, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 38.


23 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-20 ta’ Settembru 2001, Grzelczyk (C-184/99, Ġabra p. I-6193, punt 31); tas-17 ta’ Settembru 2002, Baumbast u R (C-413/99, Ġabra p. I-7091, punt 82), u tat-2 ta’ Ottubru 2003, Garcia Avello (C-148/02, Ġabra p. I-11613, punt 22). .


24 – Sentenzi tat-12 ta’ Mejju 1998, Martinez Sala (C-85/96, Ġabra p. I-2691, punt 63) ; Trojani, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 43, u Bidar, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 37.


25 – Ara wkoll, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cosmas fil-Kawża Wijsenbeek (sentenza tal-21 ta’ Settembru 1999, C-378/97, Ġabra p. I-6207, punti 84 sa 86), u tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-Kawża Carbonati Apuani (sentenza tad-9 ta’ Settembru 2004, C-72/03, Ġabra p. I-8027, punti 68 u 69).


26 – Ara s-sentenza tas-27 ta’ Settembru 1988, Matteucci (235/87, Ġabra p. 5589, punt 16).


27 – Ara s-sentenzi Grzelczyk, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 44, u Bidar, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 56.


28 – Sentenza Bidar, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punti 56 u 57; ara wkoll, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2007, Morgan u Bucher (C-11/06 u C-12/06, Ġabra p. I-9161, punt 43).


29 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Weigel (C-387/01, Ġabra p. I-4981, punti 57 sa 59) u tal-11 ta’ Jannar 2007, Kai Lyyski (C-40/05, Ġabra p. I-99, punti 33 u 34).


30 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20.


31 – Sentenza tal-21 ta’ Ġunju 1998 (197/86, Ġabra p. 3205).


32 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11.


33 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20.


34 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11.


35 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi Lair, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punti 23, 24 u 28; Brown, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 31, punt 25; Matteucci, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punt 23, u tas-26 ta’ Frar 1992, Bernini (C-3/90, Ġabra p. I-1071, punt 23).


36 – Ara, b’mod partikolari f’dan ir-rigward, is-sentenza Fahmi u Amado, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 45.


37 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-3 ta’ Lulju 1986, Lawrie-Blum (66/85, Ġabra p. 2121, punti 16 u 17); Martínez Sala, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24, punt 32, u tat-8 ta’ Ġunju 1999, Meeusen (C-337/97, Ġabra p. I-3289, punt 13).


38 – Ara s-sentenzi tat-23 ta’ Marzu 1982, Levin (53/81, Ġabra 1982 p. 1035, punt 17) u Lawrie–Blum, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37, punti 19 sa 21.


39 – Ara punt 49 iktar ’il fuq; ara wkoll Martínez Sala, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24, punt 33.


40 – Ara s-sentenzi Lair, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 39; Brown, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 31, punt 26; tas-26 ta’ Frar 1992, Raulin (C-357/89, Ġabra p. I-1027, punt 21), u Ninni-Orasche, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 35. Madankollu, dan ma japplikax għall-ħaddiema li, wara li waqfu jeżerċitaw l-attività professjonali tagħhom fl-Istat Membru ospitanti, iddeċidew li jirritornaw lejn l-Istat Membru tal-oriġini tagħhom (li mhux il-każ hawnhekk), Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Esmoris Cerdeiro-Pinedo Amado, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punti 46 u 47.


41 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Lair, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punti 37 u 38, u Ninni-Orasche, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 35.


42 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Lair, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 43.


43 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Brown, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 31, punti 27 u 28.


44 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Ninni-Orasche, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 41.


45 – Ara punt 68 iktar ’il fuq.


46 – Sentenza tal-24 ta’ Jannar 2008, Payir et (C-294/06, Ġabra p. I-203, punti 34, 43 u 46).


47 – Fil-fehma tiegħi, mhuwiex neċessarju li jiġi stabbilit li kien hemm kontinwità wkoll b’relazzjoni għax-xogħol fl-aġenzija mwettaq qabel it-taħriġ prattiku, peress li t-taħriġ minnu nnifsu jikkostitwixxi, ikun xi jkun il-każ, attività effettiva u ġenwina, u mhux attività purament marġinali u anċillari, u b’hekk J. Förster tista’ tiġi kklassifikata bħala ħaddiema.


48 – Ara punt 77 iktar ’il fuq.


49 – Ara punt 78 iktar ’il fuq.


50 – Ara s-sentenza Ninni-Orasche, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 47.


51 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.


52 – ĠU L 180, p. 26.


53 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.


54 – Ara s-sentenzi Martínez Sala, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24, punt 63; Grzelczyk, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 32 u Bidar, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 32.


55 – Bidar, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 33 ; sentenza tal-24 ta’ Novembru 1998, Bickel u Franz (C-274/96, Ġabra p. I-7637, punti 15 u 16); Grzelczyk, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 33; Garcia Avello, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punti 22 u 23; u Morgan u Bucher, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28, punt 23.


56 – Sentenzi Grzelczyk, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 35 u Bidar, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 34.


57 – Sentenza tal-11 ta’ Lulju 2002, D’Hoop (C-224/98, Ġabra p. I-6191, punti 29 sa 34).


58 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi Martínez Sala, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24, punt 24; u Trojani, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 43 u Bidar, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna, punt 37.


59 – Ara s-sentenzi Lair, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 15, u Brown, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 31, punt 18.


60 – Ara, b’mod partikolari, punti 42 u 48 ta’ din is-sentenza (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2).


61 – Fil-punt 46 tas-sentenza (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2).


62 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 84.


63 – Direttiva tal-Kunsill tal-15 ta’ Ottubru 1968 dwar it-tneħħija ta’ restrizzjonijiet fuq il-moviment u residenza fi ħdan il-Komunità għal ħaddiema ta’ Stati Membri u l-familji tagħhom (ĠU, L 257, p. 13).


64 – Ara wkoll, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat-23 ta’ Marzu 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C-408/03, Ġabra p. I-2647, punt 65).


65 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Trojani, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 37.


66 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi Grzelczyk, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punti 37 sa 42, u Trojani, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, b’mod partikolari punti 36, 37 u 43 sa 46; ara wkoll, f’dan ir-rigward, is-sentenza Bidar, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punti 36 u 47.


67 – Ara s-sentenza Grzelczyk, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 39.


68 – Punt 56 ta’ din is-sentenza (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2), b’riferiment għas-sentenza Grzelczyk, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 44.


69 – Punt 57 ta’ din is-sentenza. Ara wkoll, f’dan ir-rigward, is-sentenza Morgan u Bucher, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28, punt 43; ara wkoll, rigward il-kriterju fil-kuntest ta’ pensjoni mogħtija lill-vittmi ċivili ta’ gwerra jew ta’ ripressjoni, is-sentenzi tas-26 ta’ Ottubru 2006, Tas-Hagen u Tas (C-192/05, Ġabra p. I-10451, punt 34), u tat-22 ta’ Mejju 2008, Nerkowska (C-499/06, Ġabra p. I-3993, punt 37).


70 – Sentenza Bidar, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 58.


71 – Ara, pereżempju, is-sentenzi D’Hoop, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 57, punt 38, u Collins, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 67.


72 – Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 59 sa 61 ta’ din is-sentenza (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2).


73 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi Tas-Hagen u Tas, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 69, punt 36; Morgan u Bucher, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28, punt 46 ; tal-11 ta’ Settembru 2007, Schwarz u Gootjes-Schwarz (C-76/05, Ġabra p. I-6849, punt 79) u Nerkowska, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 69, punt 38.


74 – Ara, f’dan ir-rigward, ir-raġunament fis-sentenza Bidar, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punti 61 u 62, dwar ir-rekwiżit li l-istudent ikun stabbilit fl-Istat Membru ospitanti, u s-sentenza Morgan u Bucher, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28, punt 46.


75 – Hija tirreferi għas-sentenza mogħtija fit-8 ta’ Diċembru 1994 mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, fil-kawża Stran Greek Refineries u Stratis Andreadis vs Il-Greċja, (Serje A Nru 301‑B).


76 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16.


77 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal-21 ta’ Ġunju 1988, Il-Kummissjoni vs L-Italja (257/86, Ġabra p. 3249, punt 12), u tal-14 ta’ April 2005, Il-Belġju vs Il-Kummisjoni (C-110/03, Ġabra p. I-2801, punt 30).


78 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 72.


79 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1987, L-Irlanda vs Il-Kummissjoni (239/86, Ġabra p. 5271, punt 17); tat-13 ta’ Frar 1996, Van Es Douane Agenten (C-143/93, Ġabra p. I-431, punt 27), u tas-7 ta’ Ġunju 2005, VEMV et (C-17/03, Ġabra p. I-4983, punt 80).


80 – Is-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem invokata minn J. Förster, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 75, fejn din il-qorti ddeċidiet li kien hemm ksur tal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, fil-fehma tiegħi, mhix rilevanti peress li tikkonċerna forma ta’ interferenza mil-leġiżlatur fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja bil-għan li tinfluwenza s-soluzzjoni ġudizzjarja ta’ kawża (ara l-punti 49 u 50 ta’ din is-sentenza).