Language of document : ECLI:EU:F:2011:51

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla)

10 ta’ Mejju 2011

Kawża F-59/10

Yvette Barthel et

vs

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Kwistjonijiet proċedurali — Eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà — Ilment tardiv — Inammissibbiltà”

Suġġett: Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu Y. Barthel, M. Reiffers u L. Massez jitolbu l-annullament tad-deċiżjoni li tiċħad it-talba tagħhom intiża sabiex jibbenefikaw, b’effett mill-20 ta’ Diċembru 2006, mill-allowance għax-xogħol permanenti jew bix-xift prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEFA, KEE, Euratom) Nru 300/76, tad-9 ta’ Frar 1976, li jistabbilixxi l-kategoriji ta’ uffiċjali intitolati għal allowances għal xogħol bix-xift, u r-rati u l-kondizzjonijiet tagħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 78), regolament emendat b’mod partikolari bir-Regolament tal-Kunsill (KE/Euratom) Nru 1873/2006, tal-11 ta’ Diċembru 2006.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli. Il-Qorti tal-Ġustizzja hija kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha u dawk tar-rikorrenti.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Rikors — Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel — Termini — Natura ta’ ordni pubbliku

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Uffiċjali — Rikors — Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel — Deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda ta’ talba mhux ikkontestata fit-termini — Deċiżjoni espliċita ulterjuri — Att konfermattiv

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

3.      Uffiċjali — Rikors — Att li jikkawża preġudizzju — Opinjoni adottata qabel deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda ta’ talba

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

4.      Uffiċjali — Rikors — Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel — Termini — Dekadenza — Żball skużabbli — Kunċett

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

5.      Proċedura — Spejjeż — Oneru — Teħid inkunsiderazzjoni tar-rekwiżiti ta’ ekwità

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikoli 87(2) u 88)

1.       It-termini għall-preżentata ta’ ilment u ta’ rikors, imsemmija fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, stabbiliti sabiex jiġu żgurati ċ-ċarezza u s-sigurtà tar-relazzjonijiet ġuridiċi u sabiex tiġi evitata kull diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, huma ta’ natura ta’ ordni pubbliku u ma humiex suġġetti għad-diskrezzjoni tal-partijiet jew tal-qorti tal-Unjoni, li għandha tivverifika, anki ex officio, jekk dawn humiex osservati.

(ara l-punt 22)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 29 ta’ Ġunju 2000, Politi vs Fondation européenne pour la formation, C‑154/99 P, punt 15; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 15 ta’ Jannar 2009, Braun-Neumann vs Il‑Parlament, T‑306/08 P, punt 36; It‑Tribunal għas-Servizz Pubbliku 12 ta’ Mejju 2010, Peláez Jimeno vs Il‑Parlament, F‑13/09, punt 18

2.       Deċiżjoni li tirrigwarda ċaħda espliċita ta’ talba, li tittieħed wara ċ-ċaħda impliċita tal-istess talba, għandha n-natura ta’ att purament konfermattiv.

(ara l-punt 25)

Referenza: It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 8 ta’ Lulju 2009, Sevenier vs Il‑Kummissjoni, F‑62/08, punti 33 sa 40, ikkonfermata fl-appell mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-8 ta’ Lulju 2010, Sevenier vs Il‑Kummissjoni, T‑368/09 P, punti 28 sa 37

3.      Meta l-amministrazzjoni, wara deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda, twettaq konsultazzjoni interna, l-opinjoni mogħtija, li tikkorrobora l-pożizzjoni inizjali adottata mill-awtur tad-deċiżjoni impliċita, mingħajr ma tiżvela l-eżistenza ta’ punt ta’ fatt jew ta’ liġi ġdid li ma kienx magħruf għall-amministrazzjoni fid-data li fiha hija adottat id-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tagħha, ma tikkostitwixxix motiv ġdid li jista’ jikkaratterizza l-eżistenza ta’ eżami mill-ġdid mill-amministrazzjoni tad-deċiżjoni impliċita.

(ara l-punt 27)

4.      Fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar it-termini għall-preżentata ta’ ilment u ta’ rikors, il-kunċett ta’ żball skużabbli li jippermetti li ssir deroga minnhom għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv u jista’ jkopri biss ċirkustanzi eċċezzjonali fejn, b’mod partikolari, l-istituzzjoni kkonċernata tkun adottat imġiba li, waħedha jew b’mod determinanti, hija tali li toħloq konfużjoni ammissibbli fil-moħħ ta’ individwu li jaġixxi in bona fide u li jeżerċita d-diliġenza kollha meħtieġa minn persuna normalment informata.

(ara l-punt 28)

Referenza: It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 15 ta’ Diċembru 2009, Apostolov vs Il‑Kummissjoni, F‑8/09, punt 21, u l-ġurisprudenza ċċitata

5.      Skont l-Artikolu 87(1) tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ jiddeċiedi, għal raġunijiet ta’ ekwità, li parti li titlef il-kawża tiġi kkundannata biss parzjalment għall-ispejjeż, jew saħansitra li ma għandhiex tiġi kkundannata f’dan is-sens. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 88 tal-istess Regoli tal-Proċedura, parti, anki jekk tirbaħ, tista’ tiġi kkundannata parzjalment jew saħansitra totalment għall-ispejjeż, jekk dan jidher li huwa ġġustifikat minħabba l-attitudni tagħha, inkluż qabel it-tressiq tal-kawża.

Hemm lok li jiġu applikati dawn id-dispożizzjonijiet u li l-istituzzjoni, li hija l-parti rebbieħa, tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż kollha fil-każ fejn din tal-aħħar tkun naqset milli teżerċita diliġenza waqt il-proċedura prekontenzjuża billi tkun ħalliet jiddekorri t-terminu ta’ erba’ xhur, previst fl-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, qabel ma tkun adottat deċiżjoni espliċita ta’ ċaħda tat-talba mressqa mill-uffiċjal ikkonċernat.

(ara l-punti 32 sa 35)

Referenza: It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 28 ta’ Ġunju 2006, Le Maire vs Il‑Kummissjoni, F‑27/05, punt 53