Language of document : ECLI:EU:C:2019:469

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SAUGMANDSGAARD ØE

ippreżentati fis‑6 ta’ Ġunju 2019 (1)

Kawża C302/18

X

vs

Belgische Staat

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad voor Vreemdelingenbetwistingen (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin, il-Belġju))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika tal-immigrazzjoni – Status ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għal perijodu twil – Kisba tal-istatus ta’ resident għal perijodu twil – Kundizzjoni li wieħed ikollu riżorsi stabbli, regolari u suffiċjenti – Riżorsi proprji – Oriġini tar-riżorsi – Riżorsi li joriġinaw minn terz – Impenn ta’ teħid ta’ responsabbiltà – Direttiva 2003/109/KE – Artikolu 5(1)(a)”






I.      Introduzzjoni

1.        It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad voor Vreemdelingenbetwistingen (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin, il-Belġju) tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal‑25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (2).

2.        Id-Direttiva 2003/109 hija intiża, b’mod partikolari, li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-għoti u għall-irtirar tal-istatus ta’ resident għal perijodu twil mogħti minn Stat Membru liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fit-territorju tiegħu u li tagħti numru ta’ drittijiet lil dawk li jkollhom dan l-istatus (3). Waħda mill-kundizzjonijiet sabiex jinkiseb tali status teżiġi, skont l-Artiukolu 5(1)(a) ta’ din id-direttiva, li ċ-ċittadin jipproduċi l-prova li huwa għandu, għalih u għall-membri dipendenti tal-familja tiegħu, riżorsi stabbli, regolari u suffiċjenti sabiex imantni lilu nnifsu u lill-membri tal-familja tiegħu, mingħajr ma jirrikorri għas-sistema tal-assistenza soċjali tal-Istat Membru ospitanti.

3.        Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari sar fil-kuntest ta’ tilwima bejn X u l-Istat Belġjan dwar, b’mod partikolari, iċ-ċaħda ta’ applikazzjoni għall-kisba tal-istatus ta’ resident għal perijodu twil minħabba li X ma kellux riżorsi proprji u ma kienx jissodisfa għaldaqstant il-kundizzjoni ta’ riżorsi fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2003/109.

4.        F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-punt dwar jekk, essenzjalment, il-kundizzjoni li wieħed ikollu riżorsi stabbli, regolari u suffiċjenti prevista fl-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2003/109 tirrigwardax biss ir-riżorsi proprji taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew jekk, indipendentement mill-oriġini tagħhom, huma jinkludux ukoll riżorsi mqiegħda għad-dispożizzjoni ta’ dan tal-aħħar minn terz jew minn membru tal-familja tiegħu. Jekk ikun il-każ, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk impenn ta’ teħid ta’ responsabbiltà meħud minn terz jew minn membru tal-familja tiegħu, bħal dak f’dan il-każ, huwiex biżżejjed sabiex tiġi prodotta l-prova li r-riżorsi huma għad-dispożizzjoni tal-applikant.

5.        Fit-tmiem tal-analiżi tiegħi, ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għal dawn id-domandi fis-sens li din il-kundizzjoni ma tinkludix rekwiżit partikolari fir-rigward tal-oriġini tar-riżorsi. Madankollu, fil-każ ta’ riżorsi li joriġinaw minn terz jew minn membru tal-familja tal-applikant, bħal fiċ-ċirkustanzi tat-tilwima fil-kawża prinċipali, ikun jeħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali jivverifikaw li dawn huma suffiċjenti u għandhom ċerta permanenza u ċerta kontinwità li jippermettu raġonevolment li jiġi eskluż li l-applikant ikun ta’ piż fuq is-sistema ta’ assistenza soċjali tal-Istat Membru kkonċernat. F’dan ir-rigward, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ, fejn fosthom hemm in-natura suffiċjentement preċiża, dejjiema u legalment vinkolanti ta’ impenn ta’ teħid ta’ responsabbiltà minn terz jew minn membru tal-familja tal-applikant.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-Direttiva 2003/109

6.        Il-premessa 7 tad-Direttiva 2003/109 tipprovdi:

“Biex jinkiseb status ta’ residenti għal perjodu fit-tul, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandhom jagħtu prova li ikollhom riżorsi adegwati u assigurazzjoni kontra l-mard, biex jevitaw li ikunu piż fuq dak l-Istat Membru. L-Istati Membri, meta jagħmlu stima tal-pussess ta’ riżorsi stabbli u regolari jistgħu jagħtu kont għall-fatturi bħal kontribuzzjonijiet għal sistema tal-pensjoni u t-tħaris ta’ l-obbligi tat-taxxa”.

7.        L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kondizzjonijiet għall-kisba ta’ status ta’ residenti għat-tul”, jipprovdi fil-paragrafu 1(a) tiegħu:

“1. L-Istati Membri għandhom jeħtieġu liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jagħtu evidenza li jkollhom, għalihom u għall-membri dipendenti tal-familja:

(a) riżorsi stabbli u regolari li ikunu suffiċjenti biex imantni lilu/ha nnifsu/ha u l-membri tal-familja tiegħu/tagħha, mingħajr rikors għas-sistema ta’ l-assietnza soċjali ta’ l-Istat Membru konċernat. L-Istati Membri għandhom jevalwaw dawn ir-riżorsi b’referenza għan-natura u r-regolarità tagħhom u jistgħu jagħtu kont tal-livell tal-paga minima u l-pensjoniijiet qabel l-applikazzjoni għall-istatus ta’ resident għat-tul”.

B.      Id-dritt Belġjan

8.        L-Artikolu 15a(1) tal-wet van 15 december 1980 betreffende de toegang tot het grondgebied, het verblijf, de vestiging en de verwijdering van vreemdelingen (il-Liġi tal‑15 ta’ Diċembru 1980 dwar l-Aċċess għat-Territorju, ir-Residenza, l-Istabbiliment u t-Tkeċċija tal-Barranin, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Barranin”), jipprovdi:

“Ħlief jekk raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà nazzjonali jipprekludu dan, l-istatus ta’ resident għal perijodu twil għandu jingħata lil barrani li ma huwiex ċittadin tal-Unjoni Ewropea li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu (3) u li jista’ jagħti prova ta’ residenza legali u mhux interrotta fir-Renju matul il-ħames snin li jippreċedu immedjatament l-applikazzjoni għall-kisba tal-istatus ta’ resident għal perijodu twil”.

9.        L-Artikolu 15a(3) tal-Liġi dwar il-Barranin, li jittrasponi l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2003/109, jipprovdi:

“Il-barrani msemmi fil-[paragrafu (1)] għandu jipproduċi l-prova li huwa għandu, għalih u għall-membri dipendenti tal-familja tiegħu, mezzi ta’ għajxien stabbli, regolari u suffiċjenti sabiex imantni lilu nnifsu u lill-membri tal-familja tiegħu sabiex jevita li jkun ta’ piż fuq l-awtoritajiet pubbliċi, kif ukoll assigurazzjoni għall-mard li tkorpi r-riskji fil-Belġju. […]”.

III. Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

10.      Fis‑26 ta’ Lulju 2007, X, li ddikjara li għandu nazzjonalità Kamerunjana, ippreżenta applikazzjoni għal viża għal residenza fit-tul, fil-kwalità tiegħu ta’ student, lill-awtoritajiet Belġjani. Il-viża ta’ student ingħatatlu u r-residenza tiegħu ġiet estiża annwalment sal‑15 ta’ Jannar 2016. Peress li huwa kellu permess ta’ xogħol, ingħatatlu awtorizzazzjoni ta’ residenza, fid‑19 ta’ Jannar 2016, li l-perijodu ta’ validità tagħha kien jestendi sal‑14 ta’ Jannar 2017.

11.      Fis‑27 ta’ Diċembru 2016, X ippreżenta applikazzjoni għall-għoti tal-istatus ta’ resident għal perijodu twil. Insostenn tal-applikazzjoni tiegħu, huwa pproduċa b’mod partikolari, bħala provi ta’ mezzi ta’ għajxien stabbli, regolari u suffiċjenti fis-sens tal-Artikolu 15a(3) tal-Liġi dwar il-Barranin, kuntratti ta’ xogħol, avviż ta’ tassazzjoni u dikjarazzjonijiet tas-salarju f’isem ħuh. Barra minn hekk, X ipproduċa dokument iffirmat minn ħuh, li bih dan intrabat li jiżgura li “l-persuna kkonċernata jkollha […] għaliha u għall-membri dipendenti tal-familja tagħha, mezzi ta’ għajxien stabbli, regolari u suffiċjenti sabiex tmantni lilha nnifisha u lill-membri tal-familja tagħha sabiex tevita li tkun ta’ piż fuq l-awtoritajiet pubbliċi skont l-Artikolu 15a tal-[Liġi dwar il-Barranin]”.

12.      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑5 ta’ April 2017, id-delegat tal-[i]staatssecretaris voor Asiel en Migratie en Administratieve Vereenvoudiging  (is-Segretarju tal-Istat għall-Ażil u għall-Migrazzjoni, il-Belġju) ċaħad din l-applikazzjoni minħabba li X ma kellux riżorsi proprji. Din l-awtorità osservat li X ma kienx għadu jeżerċita attività bi ħlas mill‑31 ta’ Mejju 2016, li fil-preżent ma kellu ebda riżorsi, u li kien qed jistrieħ fuq ir-riżorsi ta’ ħuh.

13.      X ippreżenta rikors quddiem il-qorti tar-rinviju kontra din id-deċiżjoni fejn sostna li hija kienet ibbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kundizzjoni dwar ir-riżorsi, prevista fl-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2003/109, dispożizzjoni li ġiet trasposta fl-Artikolu 15a(3) tal-Liġi dwar il-Barranin.

14.      Skont X, l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2003/109 ma jeżiġix li biss ir-riżorsi proprji tar-rikorrent jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni. F’dan ir-rigward, X sostna, b’mod partikolari, li l-kundizzjoni li teżiġi li wieħed ikollu riżorsi stabbli, regolari u suffiċjenti prevista f’dan l-Artikolu 5(1)(a) kellha tiġi interpretata fid-dawl ta’ dik li teżiġi li wieħed ikollu riżorsi suffiċjenti prevista fl-Artikolu 7(1)(ċ) tad-Direttiva 2004/38/KE dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri (4). Hemm lok li, għall-imsemmi Artikolu 5(1)(a), tiġi applikata b’analoġija l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li skontha l-Artikolu 7(1)(ċ) tad-Direttiva 2004/38 ma jinkludi ebda rekwiżit dwar l-oriġini tar-riżorsi, li jistgħu għaldaqstant jiġu pprovduti minn membru tal-familja (5).

15.      F’dan il-kuntest, permezzz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Diċembru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Mejju 2018, ir-Raad voor Vreemdelingenbetwistingen (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin, il-Belġju) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 5(1)(a) tad-[Direttiva 2003/109], li jipprevedi (b’mod partikolari) li, sabiex jiksbu l-istatus ta’ resident għat-tul, iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz għandhom juru li ‘jkollhom’, għalihom u għall-membri dipendenti tal-familja tagħhom, riżorsi stabbli, regolari u li jkunu suffiċjenti sabiex imantnu lilhom nnifishom u l-membri tal-familja tagħhom, mingħajr rikors għas-sistema tal-assistenza soċjali tal-Istat Membru kkonċernat, għandu jiġi interpretat fis-sens li qiegħed isir riferiment biss għar-‘riżorsi proprji’ taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz?

2)      Jew huwa suffiċjenti, f’dan ir-rigward, li l-imsemmija riżorsi jkunu għad-dispożizzjoni taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, mingħajr ma jiġi impost kwalunkwe rekwiżit dwar l-oriġini ta’ dawn ir-riżorsi, b’tali mod li dawn jistgħu wkoll jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tiegħu minn membru tal-familja tiegħu jew minn terz?

3)      Fil-każ li tingħata risposta affermattiva għall-aħħar domanda, it-teħid ta’ impenn minn terz sabiex jkopri l-ispejjeż, fejn dan tal-aħħar jimpenja ruħu sabiex jiżgura li l-applikant għall-istatus ta’ resident għat-tul ‘ikollu, għalih u għall-membri dipendenti tal-familja tiegħu, riżorsi stabbli, regolari u li jkunu suffiċjenti sabiex imantni lilu nnifsu u l-membri tal-familja tiegħu bil-għan li jevita li jkun ta’ piż fuq l-awtoritajiet pubbliċi’, huwa suffiċjenti, f’dan il-każ, sabiex jintwera li l-applikant jista’ jkollu riżorsi fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2003/109/KE?”

16.      X, il-Gvern Belġjan, Ċek, Ġermaniż, Franċiż, Taljan, Awstrijak kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

IV.    Analiżi

17.      Permezz tat-tliet domandi preliminari, li ser nittratta flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-kundizzjoni li wieħed ikollu riżorsi stabbli, regolari u suffiċjenti prevista fl-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2003/109 tirrigwardax biss ir-“riżorsi proprji” taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew jekk, indipendentement mill-oriġini tagħhom, dawn jinkludux ukoll riżorsi mqiegħda għad-dispożizzjoni ta’ dan tal-aħħar minn terz jew minn membru tal-familja tiegħu. Jekk ikun il-każ, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk impenn ta’ teħid ta’ responsabbiltà meħud minn terz jew minn membru tal-familja, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwiex biżżejjed sabiex tiġi prodotta l-prova li r-riżorsi huma għad-dispożizzjoni tal-applikant.

18.      Nikkonstata li l-qorti tar-rinviju ma ddefinixxietx, fit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-kliem “riżorsi proprji” li jinsab fl-ewwel domanda preliminari. Fid-dawl tal-kuntest li fih saru d-domandi preliminari u tal-formulazzjoni tagħhom, jien nifhmu fis-sens li l-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk riżorsi li ma jkunux iġġenerati mill-applikant, sew jekk permezz ta’ attività ekonomika eżerċitata minnu, jew jekk permezz ta’ dritt li huwa stess għandu (6), humiex esklużi mill-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2003/109.

19.      Fi kliem ieħor, jeħtieġ li wieħed jistaqsi fuq l-effett tal-oriġini tar-riżorsi sabiex tkun issodisfatta l-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2003/109.

20.      F’dan ir-rigward, il-pożizzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati jinqasmu prinċipalment fi tliet gruppi.

21.      Skont X u l-Kummissjoni, l-oriġini tar-riżorsi msemmija fl-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2003/109 hija irrilevanti u xejn ma jipprekludi, bħala prinċipju, li għajnuna finanzjarja minn terz tista’ tissodisfa l-kriterji previsti f’din id-dispożizzjoni. Fir-rigward ta’ impenn ta’ teħid ta’ responsabbiltà, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina b’mod partikolari, min-naħa, jekk il-benefattur li jieħu dan l-impenn għandux effettivament riżorsi suffiċjenti sabiex imantni lilu nnifsu kif ukoll lill-applikant u lill-familja tiegħu u, min-naħa l-oħra, jekk ir-relazzjoni bejn il-benefattur u l-applikant hijiex suffiċjentement stabbli sabiex jitqies li l-impenn ser ikun effettivament onorat fil-każ ta’ bżonn.

22.      Il-Gvern Ġermaniż, Franċiż u dak Awstrijak iqisu, essenzjalment li d-Direttiva 2003/109 ma teskludix li r-riżorsi joriġinaw minn membru tal-familja tal-applikant għall-istatus ta’ resident għal perijodu twil jew minn terz, bil-kundizzjoni li huma jkunu bbażati fuq dritt li jkun jista’ jiġi invokat ġudizzjarjament mill-imsemmi applikant, bħal dritt għal pensjoni tal-manteniment kontra persuna oħra jew riżorsi marbuta mar-reġim matrimonjali tal-applikant (7). Dawn il-gvernijiet jiddeduċu minn dan li impenn ta’ teħid ta’ responsabbiltà bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma huwiex koperti mill-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2003/109, peress li tali impenn ma huwa bbażat fuq ebda obbligu legali (8).

23.      Fl-aħħar nett, il-Gvern Belġjan, Taljan u dak Ċek iqisu li r-riżorsi msemmija fl-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2003/109 huma limitati għal dawk iġġenerati mill-applikant għall-istatus ta’ resident għal perijodu twil (9).

24.      Ninnota li d-domandi magħmula f’dan il-każ għadhom ma kinux is-suġġett ta’ evalwazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja. Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mir-rekwiżit ta’ applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni jirriżulta li, meta att tal-Unjoni ma jirreferix b’mod espress għad-dritt tal-Istati Membri għad-definizzjoni ta’ kunċett partikolari, dan il-kunċett għandu jiġu interpretat b’mod awtonomu, li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddetermina billi tqis mhux biss il-kliem tad-dispożizzjoni kkonċernata, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għan li jrid jintlaħaq mil-leġiżlazzjoni li minnha tifforma parti (10). Huwa fuq il-bażi ta’ dawn l-elementi li għandha tingħata risposta għad-domandi magħmula.

A.      Fuq l-interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2003/109

25.      L-ewwel nett, nirrileva li l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2003/109, kif ifformulat, ma fihx rekwiżit espliċitu fir-rigward tal-oriġini tar-riżorsi.

26.      Sussegwentement, ninnota li eżami komparattiv tad-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ din id-dispożizzjoni juri diverġenzi terminoloġiċi f’numru kbir minnhom għal dak li jirrigwarda l-kunċett ta’ “riżorsi” meħud fis-sens abitwali tiegħu (11).

27.      Fil-fatt, filwaqt li diversi verżjonijiet lingwistiċi jużaw l-ekwivalenti tal-kelma “riżorsi” mifhuma f’sens wiesa’ bħala “mezzi finanzjarji” (12), fatt li jista’ jindika li l-oriġini ta’ dawn ir-riżorsi ma tantx hija rilevanti, verżjonijiet lingwistiċi oħra jużaw il-kelma “dħul” li tissuġġerixxi sens iktar restrittiv li jimplika remunerazzjoni bħar-remunerazzjoni tax-xogħol, u li tħalli x’jiġi mifhum li dawn huma pjuttost riżorsi ġġenerati mill-applikant (13).

28.      Fid-dawl ta’ din id-diverġenza, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-kunċett ta’ “riżorsi” ma għandux tifsira univoka (14).

29.      Dan premess, din l-interpretazzjoni iktar restrittiva dovuta għall-użu tal-kelma “dħul” f’ċerti verżjonijiet lingwistiċi tista’ tkun ikkorroborata mill-fatt li l-premessa 7 tad-Direttiva 2003/109 tippreċiża li l-Istati Membri, meta jevalwaw il-pussess ta’ riżorsi stabbli u regolari, jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni fatturi bħall-kontribuzzjonijiet għal skema ta’ pensjoni jew it-twettiq ta’ obbligi tat-taxxa, peress li dawn il-kontribuzzjonijiet u dan it-twettiq huma bbażati, min-natura tagħhom stess, fuq riżorsi ġġenerati mill-applikant.

30.      Huwa b’mod partikolari minn din il-perspettiva li l-Gvern Belġjan, Ċek, u dak Taljan isostnu li r-riżorsi msemmija fl-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2003/109 huma limitati għal dawk iġġenerati mill-applikant.

31.      Fil-fehma tiegħi, huwa ċert li r-riżorsi ġġenerati miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, bħal salarji, dħul minn attività professjonali jew pensjoni tal-irtirar, huma riżorsi li, min-natura tagħhom, huma l-iktar komunement aċċettati bħala li għandhom il-karatteristiċi ta’ stabbiltà u ta’ regolarità fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2003/109, hekk kif il-premessa 7 ta’ din id-direttiva tagħti jiġi mifhum.

32.      Madankollu, tali tifsira limitata tal-kunċett ta’ “riżorsi” ma jidhirlix li toħroġ biċ-ċar mill-formulazzjoni ta’ dan l-Artikolu 5(1)(a), liema artikolu ma huwiex espliċitu dwar l-oriġini tar-riżorsi iżda huwa ffokat pjuttost fuq li jikkaratterizza dawn ir-riżorsi, inkwantu dawn għandhom ikunu għad-dispożizzjoni tal-applikant u għandhom ikunu stabbli, regolari u suffiċjenti biex imantnu liċ-ċittadin ta’ pajiż terz li japplika għall-istatus ta’ resident għal perijodu twil u lill-membri tal-familja tiegħu

33.      Fi kliem ieħor, l-interpretazzjoni letterali ta’ din id-dispożizzjoni twassalni sabiex nikkonkludi li għalkemm din id-dispożizzjoni tirrigwarda, primarjament, ir-riżorsi ġġenerati mill-applikant (15), riżorsi mqiegħda għad-dispożizzjoni minn terz ma humiex esklużi, bil-kundizzjoni li dawn ikollhom l-istess karatteristiċi ta’ stabbilità, ta’ regolarità u ta’ suffiċjenza, b’riferiment għan-natura tagħhom, daqs li kieku dawn ir-riżorsi kienu ġġenerati miċ-ċittadin tal-pajjiż terz innifsu.

34.      Fil-fehma tiegħi, din il-pożizzjoni hija kkorroborata mill-oriġini tal-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2003/109 (Taqsima B), kif ukoll mill-interpretazzjoni teleoloġika tad-Direttiva 2003/109, tal-Artikolu 5(1)(a) tagħha u mill-kuntest li taħtu jaqa’dan l-artikolu (Taqsima C).

B.      Fuq l-oriġini tal-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2003/109

35.      Qabelxejn, nirrileva li l-punt dwar l-oriġini tar-riżorsi msemmija fl-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2003/109 ma jidhirx li kien diskuss waqt l-adozzjoni ta’ din id-direttiva.

36.      Barra minn hekk, eżami tax-xogħol preparatorju ta’ din id-direttiva juri, fil-fehma tiegħi, ambigwità fir-rigward tal-użu tal-kelma ta’ “riżorsi”, li tixbah lil dik imfakkra fil-punt 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet fir-rigward tal-interpretazzjoni letterali ta’ dan il-kunċett.

37.      Fil-fatt, f’ċerti verżjonijiet lingwistiċi tal-proposta inizjali għad-direttiva, l-espożizzjoni tal-motivi tippreċiża fir-rigward tal-kundizzjoni kkonċernata (16), li l-istabbiltà tar-“riżorsi” tal-applikant għall-istatus ta’ resident għal perijodu twil għandha tkun evalwata skont in-natura u r-regolarità tad-“dħul” tal-persuna kkonċernata, filwaqt li l-formulazzjoni proposta f’dawn l-istess verżjonijiet lingwistiċi tad-dispożizzjoni tuża biss il-kelma “riżorsi” għall-evalwazzjoni ta’ dan l-istess kriterju (17). Verżjonijiet lingwistiċi oħra jużaw biss il-kelma “dħul” (18).

38.      Barra minn hekk, din it-tip ta’ ambigwità tinsab f’partijiet oħra tax-xogħol preparatorju. Bħala eżempju, ċerti verżjonijiet lingwistiċi tal-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni fuq il-proposta għal direttiva jirreferu espliċitament għal “riżorsi proprji” tal-applikant għall-istatus ta’ resident għal perijodu twil (19), filwaqt li verżjonijiet lingwistiċi oħra ma humiex espliċiti fuq dan il-punt (20).

39.      L-oriġini tad-Direttiva 2003/109 ma tippermettix għaldaqstant li jiġi ċċarat il-punt dwar l-oriġini tar-riżorsi.

40.      Dan premess, jirriżulta madankollu mill-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta inizjali għal direttiva dwar id-dispożizzjoni kkonċernata li l-kriterji ta’ evalwazzjoni previsti fl-Artikolu 5 huma strettament stabbiliti sabiex ma tiġix imxejna l-possibbiltà li wieħed jikseb l-istatus ta’ resident għal perijodu twil u sabiex jiġu approssimati l-kundizzjonijiet għall-kisba ta’ dan l-istatus fl-Istati Membri kollha (21).

41.      Fil-fehma tiegħi, dan il-punt tal-proposta tal-Kummissjoni jissuġġerixxi li, fil-kuntest tal-interpretazzjoni ta’ dan l-Artikolu 5, ma jistax jiġi meħtieġ li r-riżorsi tal-applikant ikollhom oriġini partikolari, meta tali oriġini ma hijiex prevista b’mod ċar mil-leġiżlatur.

C.      Fuq l-interpretazzjoni teleoloġika tad-Direttiva 2003/109, tal-Artikolu 5(1)(a) tagħha u fuq il-kuntest li taħtu jaqa’ dan l-artikolu

42.      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-għan imfittex mid-Direttiva 2003/109, dan ma jeżiġix, fil-fehma tiegħi, li r-riżorsi msemmija fl-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2003/109 jkollhom xi oriġini partikolari.

43.      Fil-fatt, l-għan prinċipali tad-Direttiva 2003/109 huwa l-integrazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi stabbiliti għal perijodu twil fl-Istati Membri (22) u, għal dan il-għan, l-imsemmija direttiva tipprevedi, fl-Artikolu 4(1) tagħha, il-perijodu ta’ residenza bħala l-kriterju prinċipali għall-kisba tal-istatus ta’ resident għal perijodu twil. Dan l-artikolu jeżiġi għaldaqstant li ċ-ċittadin ikun irrisjeda b’mod legali u mhux interrott fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat matul il-ħames snin li jippreċedu l-preżentazzjoni tal-applikazzjoni inkwistjoni (23). Hekk kif jenfasizza l-Gvern Franċiż, id-Direttiva 2003/109 tapplika f’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 3(1) tagħha, għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fit-territorju ta’ Stat Membru, indipendentement mill-fatt jekk huma jeżerċitawx hemmhekk attività ekonomika jew le (24).

44.      Minn din il-perspettiva, l-oriġini tar-riżorsi ma għandhiex importanza partikolari, u l-għan tad-Direttiva 2003/109 ma jeżiġix li r-riżorsi jkunu ġġenerati mill-attività ekonomika tal-applikant.

45.      Fil-fehma tiegħi, din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-istruttura ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Direttiva 2003/109, inkluż l-Artikolu 5 tagħha, tistabbilixxi kundizzjonijiet preċiżi sostantivi li għandhom jiġu osservati qabel ma l-Istati Membri kkonċernati joħorġu l-permessi ta’ residenza li għalihom ġiet ippreżentata applikazzjoni u li, fid-dawl tal-għan segwit mid-Direttiva 2003/109 u tas-sistema li hija tistabbilixxi, meta ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti minn din id-direttiva, huma għandhom id-dritt li jiksbu l-istatus ta’ resident għal perijodu twil kif ukoll id-drittijiet l-oħra li jirriżultaw mill-għoti ta’ dan l-istatus (25).

46.      Minn dan isegwi, fil-fehma tiegħi, li d-Direttiva 2003/109 tipprevedi b’mod eżawrjenti l-kundizzjonijiet sostantivi li l-applikant għall-istatus ta’ resident għal perijodu twil għandu jissodisfa kif ukoll ir-raġunijiet li jistgħu jiġġustifikaw ir-rifjut ta’ dan l-istatus. Taħt din il-perspettiva, il-fatt li applikazzjoni għal dan l-istatus tiġi rrifjutata għar-raġuni biss li r-riżorsi joriġinaw minn terz jidhirli li jmur kontra l-istruttura ta’ din id-direttiva u l-għan li hija trid tilħaq.

47.      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-għan imfittex mill-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2003/109, dan huwa li jiġi evitat li ċ-ċittadin ikun ta’ piż fuq l-Istat Membru, hekk kif imsemmi fil-premessa 7 tad-Direttiva 2003/109. Il-kwistjoni li tqum hija għaldaqstant dwar jekk dan l-għan jeżiġix li r-riżorsi jkollhom oriġini partikolari.

48.      F’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kundizzjoni ta’ riżorsi prevista fl-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38 tagħti, fil-fehma tiegħi, elementi ta’ interpretazzjoni utli, għalkemm il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, il-kuntest li taħtu taqa’ u l-għan ta’ din id-direttiva huma differenti minn dawk tal-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2003/109.

49.      B’mod iktar preċiż, l-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38, kif interpretat fid-dawl tal-premessa 10 tagħha, jipprevedi li waħda mill-kundizzjonijiet alternattivi li tagħti d-dritt lil kull ċittadin tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tiegħu li jakkumpanjawh jirrisjedu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perijodi itwal minn tliet xhur u sa ħames snin (26) hija li jkollu, għalih u għall-membri tal-familja tiegħu, riżorsi suffiċjenti sabiex ma jkunx ta’ piż irraġonevoli fuq is-sistema ta’ assistenza soċjali tal-Istat Membru ospitanti matul ir-residenza tiegħu (27).

50.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kelma “għandhom” riżorsi suffiċjenti, li tinsab f’dan l-Artikolu 7(1)(b) għandha tiġi interpretata fis-sens li huwa biżżejjed li ċ-ċittadini tal-Unjoni jiddisponu minn tali riżorsi, mingħajr ma din id-dispożizzjoni tipprovdi l-iċken rekwiżit fir-rigward tas-sors tagħhom, peress li dawn tal-aħħar jistgħu jiġu pprovduti, b’mod partikolari, minn ċittadin ta’ Stat terz (28). Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li interpretazzjoni tal-kundizzjoni dwar in-natura suffiċjenti tar-riżorsi fis-sens li l-persuna kkonċernata għandha jkollha hija stess tali riżorsi, mingħajr ma tkun tista’ tuża’, f’dan ir-rigward, ir-riżorsi ta’ membru tal-familja tagħha li jakkumpanjaha, iżżid ma’ din il-kundizzjoni, kif imfassla fid-Direttiva 2004/38, rekwiżit marbut mal-oriġini tar-riżorsi. Dan ir-rekwiżit jikkostitwixxi interferenza sproporzjonata fl-eżerċizzju tad-dritt fundamentali tal-moviment liberu u ta’ residenza ggarantit fl-Artikolu 21 TFUE, sa fejn ma huwiex neċessarju għat-twettiq tal-għan li għandu jintlaħaq, jiġifieri l-protezzjoni tal-finanzi pubbliċi tal-Istati Membri (29).

51.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li rekwiżit relatat mal-eżistenza ta’ rabta ġuridika bejn dak li jipprovdi r-riżorsi u l-benefiċjarju tar-riżorsi hija sproporzjonata inkwantu t-telf ta’ riżorsi suffiċjenti huwa dejjem riskju eżistenti, kemm jekk dawn ikunu personali kif ukoll jekk joriġinaw minn terza persuna, u dan anki meta din tal-aħħar tkun intrabtet li ssostni finanzjarjament il-persuna intitolata għad-dritt ta’ residenza. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-oriġini ta’ dawn ir-riżorsi ma għandhiex għaldaqstant effett awtomatiku fuq ir-riskju li jkun hemm tali telf, minħabba li l-okkorrenza ta’ tali riskju tiddependi fuq kif jiżviluppaw iċ-ċirkustanzi (30).

52.      Fil-fehma tiegħi, din il-ġurisprudenza tista’ tiġi trasposta għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2003/109 biss sa fejn din id-dispożizzjoni ma tinkludix lanqas rekwiżit fir-rigward tal-oriġini tar-riżorsi.

53.      Fil-fatt, għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2003/109 li, bħall-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38, ma huwiex espliċitu fir-rigward tal-oriġini tar-riżorsi fil-formulazzjoni tiegħu u jsegwi l-istess għan ta’ protezzjoni tal-finanzi pubbliċi tal-Istati Membri, inqis li oriġini partikolari ma hijiex rekwiżit neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan ta’ dan l-Artikolu 5(1)(a). Skont dak li indikat il-Qorti tal-Ġustizzja, l-oriġini tar-riżorsi ma għandhiex effett awtomatiku fuq ir-riskju li jkun hemm telf ta’ dawn ir-riżorsi (31).

54.      Madankollu, hekk kif ġustament jinvokaw b’mod partikolari l-Gvern Belġjan, Awstrijak, Ġermaniż u dak Franċiż, l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2003/109 huwa iktar eżiġenti mill-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38, b’mod partikolari inkwantu, b’kuntrast ma’ din l-aħħar dispożizzjoni, l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2003/109 jistabbilixxi kriterji supplimentari, jiġifieri, li r-riżorsi jkunu stabbli u regolari. Barra minn hekk, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2003/109 jeżiġi li r-riżorsi jkunu evalwati b’riferiment, b’mod partikolari, għan-natura tagħhom (32).

55.      Sabiex jiġi identifikat l-effett tal-oriġini tar-riżorsi fuq l-osservanza ta’ dawn il-kriterji (Taqsima 2), jeħtieġ, l-ewwel nett, li tiġi speċifikata l-portata ta’ dawn tal-aħħar (Taqsima 1).

1.      Fuq il-portata tal-kriterji ta’ stabbiltà u ta’ regolarità tar-riżorsi b’riferiment għan-natura tagħhom

56.      Fl-ewwel lok, għal dak li jirrigwarda l-portata tal-kriterji ta’ stabbiltà u ta’ regolarità, ninnota li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet fuq dan il-punt fil-kuntest tad-Direttiva 2003/86 dwar id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja.

57.      Fil-fatt, l-Artikolu 7(1)(ċ) ta’ din id-direttiva jinkludi kundizzjoni relatata mar-riżorsi li l-formulazzjoni u l-għan tagħha huma simili għal dawk tal-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2003/109. L-ewwel dispożizzjoni tippermetti lill-Istati Membri jeżiġu, meta tiġi ppreżentata applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja, il-prova li l-isponsor għandu “riżorsi stabbli u regolari li huma suffiċjenti biex iżomm lilu nnifsu/lilha nnifisha u l-membri tal-familja tiegħu/tagħha, mingħajr ma jirrikorri għas-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru kkonċernat” (33).

58.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-użu tal-kliem “stabbli” u “regolari” jimplika li r-riżorsi msemmija fl-Artikolu 7(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/86 għandhom ikunu ta’ ċerta permanenza u ta’ ċerta kontinwità. Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-persuna konċernata għandha tipprova li hija għandha riżorsi suffiċjenti fil-mument li tiġi eżaminata l-applikazzjoni tagħha u li, sa fejn jirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 7(1)(ċ) ta’ din id-direttiva li r-riżorsi tal-persuna kkonċernata għandhom ikunu mhux biss “suffiċjenti” iżda wkoll “stabbli u regolari”, tali rekwiżiti jimplikaw neċessarjament, b’mod partikolari fid-dawl tal-formulazzjoni u l-għan tiegħu, eżami prospettiv tal-imsemmija riżorsi min-naħa tal-awtorità nazzjonali kompetenti, jiġifieri l-evalwazzjoni tal-evoluzzjoni futura tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-persuna kkonċernata wara li l-kisba tal-permess ta’ residenza mitlub (34).

59.      L-istess bħall-Gvern Franċiż u dak Awstrijak, inqis li din l-analiżi tal-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiġi trasposta għall-interpretazzjoni tar-rekwiżiti ta’ stabbiltà u ta’ regolarità tar-riżorsi previsti fl-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2003/109 għall-kisba tal-istatus ta’ resident għal perijodu twil. Minn dan jirriżulta li, fil-kuntest tal-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2003/109, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jivverifikaw, filwaqt li jibbażaw ruħhom fuq evalwazzjoni prospettiva, li r-riżorsi tal-applikant huma ta’ ċerta permanenza u ta’ ċerta kontinwità.

60.      Fi kliem ieħor, il-kriterji ta’ stabbiltà u ta’ regolarità jimplikaw li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom ikunu jistgħu raġonevolment jeskludu li l-applikant ikun ta’ piż fuq l-Istat Membru minħabba l-użu tal-assistenza soċjali.

61.      Fit-tieni lok, il-fatt li din l-evalwazzjoni prospettiva għandha ssir b’riferiment għan-natura tar-riżorsi, hekk kif jitlob it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2003/109, jimplika, fil-fehma tiegħi, li jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi karatteristiċi kollha tar-riżorsi inkwistjoni li jistgħu jinfluwenzaw l-evalwazzjoni tan-natura permanenti, kontinwa u suffiċjenti tagħhom u, għaldaqstant, ir-riskju li l-applikant ikun ta’ piż fuq l-Istat Membru.

62.      Fil-fehma tiegħi, dawn ir-rekwiżiti li jinsabu fl-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2003/109 juru li l-leġiżlatur ried jiżgura li l-awtoritajiet kompetenti, qabel ma jagħtu status ta’ perijodu twil, iwettqu verifika li tippermetti li jiġi eskluż, b’ċertu grad ta’ ċertezza ogħla minn dak ikkunsidrat fil-kuntest tal-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38, li l-applikant ikun ta’ piż fuq l-Istat Membru kkonċernat.

63.      Fil-fehma tiegħi, din id-differenza tirriżulta, b’mod partikolari, mill-fatt li, min-naħa, b’kuntrast mad-Direttiva 2004/38 li tistabbilixxi u hija intiża li ssaħħaħ il-prinċipju fundamentali tal-moviment liberu tal-persuni (35), u li fil-kuntest tagħha l-Artikolu 7(1)(b) jikkostitwixxi kundizzjoni ta’ dan id-dritt iggarantit mit-TFUE, l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2003/109 ma jikkostitwixxix kundizzjoni ta’ tali dritt primarju.

64.      Min-naħa l-oħra, b’kuntrast mad-Direttiva 2004/38 li fil-kuntest tagħha l-awtorità nazzjonali kompetenti hija awtorizzata tirtira l-permess ta’ residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tiegħu meta ma jibqagħlux riżorsi suffiċjenti (36), id-Direttiva 2003/109 ma tipprevedix tali mekkaniżmu.

65.      Fil-fatt, l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2003/109, li jelenka d-diversi każijiet ta’ telf jew ta’ rtirar tal-istatus ta’ resident għal perijodu twil, ma jsemmix dak fejn il-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 5(1)(a) tiegħu ma tibqax issodisfatta. Barra minn hekk, l-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva jistabbilixxi, għall-benefiċċju tar-resident għal perijodu twil, protezzjoni kontra t-tkeċċija u l-Artikolu 12(2) jippreċiża espliċitament f’dan ir-rigward li deċiżjoni ta’ tkeċċija ma tistax tkun iġġustifikata minn raġunijiet ekonomiċi.

66.      Fi kliem ieħor, jirriżulta mill-Artikolu 9 flimkien mal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2003/109 li l-istatus ta’ resident għal perijodu twil ma jistax jiġi rtirat minħabba raġunijiet ekonomiċi, minkejja li l-kundizzjoni tar-riżorsi għandha bħala għan li tevita li ċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikun ta’ piż fuq l-Istat Membru kkonċernat. Barra minn hekk, ladarba jinkiseb l-istatus ta’ resident għal perijodu twil, il-persuna kkonċernata tibbenefika, skont l-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva, mill-ugwaljanza fit-trattament bħaċ-ċittadini nazzjonali f’sensiela ta’ oqsma, inkluż is-sigurtà soċjali, l-assistenza soċjali u l-protezzjoni soċjali.

67.      Barra minn hekk, ir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2003/109 juru, fil-fehma tiegħi, li l-leġiżlatur ried iħalli ċerta marġni ta’ diskrezzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali meta dawn ikunu qegħdin jevalwaw il-fatti rilevanti sabiex jiddeterminaw jekk il-kundizzjonijiet humiex issodisfatti sabiex raġonevolment jeskludu li l-applikant ikun ta’ piż fuq l-Istat Membru kkonċernat. Fil-fatt, hekk kif indikat il-Qorti tal-Ġustizzja, l-okkorrenza ta’ riskju ta’ telf tar-riżorsi tiddependi fuq kif jiżviluppaw iċ-ċirkustanzi (37).

68.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jeħtieġ li jiġi stabbilit jekk, u jekk ikun il-każ, sa fejn, l-oriġini tar-riżorsi għandha effett fuq l-evalwazzjoni tan-natura stabbli u regolari tagħhom.

2.      Fuq l-effett tal-oriġini tar-riżorsi fuq l-evalwazzjoni tal-kriterji ta’ stabbiltà u ta’ regolarità b’riferiment għan-natura tagħhom

69.      Infakkar li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2003/109, ir-riżorsi għandhom ikunu evalwati b’riferiment għan-natura tagħhom, jiġifieri l-elementi karatteristiċi kollha tar-riżorsi inkwistjoni li jistgħu jinfluwenzaw l-evalwazzjoni tan-natura permanenti, kontinwa u suffiċjenti tagħhom u, għaldaqstant, ir-riskju li l-applikant ikun ta’ piż fuq l-Istat Membru.

70.      Fil-fehma tiegħi, l-oriġini tar-riżorsi tikkostitwixxi tali element karatteristiku. Fi kliem ieħor, inqis li l-oriġini tar-riżorsi hija element ta’ evalwazzjoni rilevanti li l-effett tiegħu jiddependi fuq evalwazzjoni konkreta tal-elementi kollha tas-sitwazzjoni kkonċernata.

71.      Fil-fatt, hekk kif sostnew il-Gvern, Ġermaniż, Franċiż u dak Awstrijak, wieħed jista’ jimmaġina diversi każijiet li fihom riżorsi joriġinaw minn terz, li fosthom uħud minnhom biss, fid-dawl tal-elementi kollha tas-sitwazzjoni konkreta, jistgħu jissodisfaw il-kriterji previsti fl-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2003/109.

72.      Hekk kif indikajt b’mod preliminari fil-punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Gvern Ġermaniż, Franċiż u dak Awstrijak isostnu b’mod iktar preċiż li, filwaqt li l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2003/109 ma jeskludix riżorsi li joriġinaw formalment minn terzi, tali riżorsi jistgħu, b’riferiment għan-natura tagħhom, jissodisfaw il-kundizzjoni ta’ stabbiltà, ta’ regolarità u ta’ suffiċjenza fis-sens ta’ dan l-Artikolu 5(1)(a), biss jekk huma jkunu bbażati fuq dritt li jkun jista’ jiġi invokat ġudizzjarjament mill-applikant, bħal dritt għal pensjoni tal-manteniment kontra persuna oħra jew riżorsi marbuta mar-reġim matrimonjali tal-applikant.

73.      Insostenn tal-pożizzjonijiet tagħhom, dawn il-gvernijiet jirrilevaw, essenzjalment, li biss tali riżorsi jippermettu lill-awtoritajiet nazzjonali jeskludu b’ċertezza suffiċjenti l-eventwalità ta’ piż fuq is-sistema ta’ protezzjoni soċjali tagħha. Il-Gvern Ġermaniż jenfasizza għal dan il-għan li, jekk il-prova tar-riżorsi għandha tippermetti lill-Istati Membri jeskludu raġonevolment li l-applikant ma jkunx ta’ piż fuq is-sistema ta’ protezzjoni soċjali tagħhom fil-futur, dawn jistgħu jkunu biss riżorsi speċifiċi li għandhom ikunu vverifikati waqt l-għoti ta’ assistenza soċjali, bħal drittijiet għal pensjoni tal-manteniment u sorsi ta’ dħul oħra li b’rabta magħhom l-applikant ikollu krediti li jkunu jistgħu jiġu kkonkretizzati, u biss meta tali riżorsi jkunu jistgħu jipprekludu l-benefiċċju tal-assistenza soċjali.

74.      Dawn il-gvernijiet jiddeduċu minn dan li impenn ta’ teħid ta’ responsabbiltà, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jippermettix, min-naħa l-oħra, li jintlaħaq l-għan tal-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2003/109. Fil-fatt, anki jekk il-mezzi finanzjarji inkwistjoni kienu jirriżultaw minn ftehim kuntrattwali jew minn impenn, dan jista’ jiġi annullat f’kull ħin u r-relazzjoni kuntrattwali tista’ tintemm.

75.      Dawn l-argumenti jidhru konvinċenti inkwantu ma jidhirlix li huwa probabbli wisq li riżorsi mqiegħda għad-dispożizzjoni minn terz, abbażi ta’ sempliċi impenn unilaterali li ma huwa bbażat fuq ebda obbligu legali u jista’ jieqaf skont id-diskrezzjoni tat-terz ikkonċernat, jistgħu jkollhom il-karatteristika tal-permanenza u tal-kontinwità li tippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali jeskludu raġonevolment li l-applikant ikun ta’ piż fuq l-Istat Membru kkonċernat. Min-naħa l-oħra, jidhirli probabbli ħafna li ċittadin ta’ pajjiż terz li jiġġustifika, pereżempju, riżorsi suffiċjenti marbuta mar-reġim matrimonjali tiegħu, kemm jekk dan ikun dħul tal-konjuġi tiegħu jew pensjonijiet, jista’ jipproduċi din il-prova.

76.      Minn dan li jippreċedi jirriżulta li l-oriġini tar-riżorsi ma tippermettix, fiha nnifisha, li jiġi stabbilit jekk il-kriterji previsti fl-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2003/109 humiex issodisfatti jew le. Jeħtieġ, fil-fatt, li jiġi vverifikat, b’riferiment għall-elementi kostituttivi kollha tan-natura tar-riżorsi, jekk dawn humiex stabbli, regolari u suffiċjenti b’mod li jista’ raġonevolment jiġi eskluż li l-applikant ikun ta’ piż fuq l-Istat Membru.

77.      Fi kliem ieħor, l-awtoritajiet nazzjonali ma jistgħux jirrifjutaw il-permess ta’ residenza għal perijodu twil għar-raġuni biss li r-riżorsi joriġinaw minn terz, iżda huma għandhom janalizzaw b’mod konkret is-sitwazzjoni individwali tal-applikant għall-istatus ta’ resident għal perijodu twil fl-intier tagħha u jagħtu r-raġunijiet għaliex dawn ir-riżorsi għandhom jew le ċerta permanenza u ċerta kontinwità.

78.      F’dan ir-rigward, fil-każ ta’ impenn ta’ teħid ta’ responsabbiltà minn terz jew minn membru tal-familja tal-applikant, in-nuqqas ta’ natura suffiċjentement preċiża u konkreta tat-tul u tal-ammont tal-impenn u n-nuqqas ta’ effett legalment vinkolanti u dejjiemi ta’ dan l-impenn huma, fil-fehma tiegħi, elementi rilevanti sabiex jitqies li l-applikant ma jissodisfax il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2003/109.

79.      Minn dan l-aspett, fir-rigward tas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, irrid nammetti li diffiċli nara kif l-impenn ta’ teħid ta’ responsabbiltà minn ħu l-applikant jista’ jitqies bħala suffiċjentement preċiż jew għandu valur legalment vinkolanti u dejjiemi li jippermetti lill-awtoritajiet Belġjani jiżguraw ruħhom li dan ser ikun onorat u li l-applikant ma jkunx ta’ piż fuq l-Istat Membru kkonċernat (38). Madankollu, din l-evalwazzjoni taqa’ taħt evalwazzjoni konkreta taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ mill-qorti tar-rinviju.

80.      F’dan ir-rigward, ninnota li huwa l-applikant għall-istatus ta’ resident għal perijodu twil li għandu jipproduċi l-provi meħtieġa insostenn tal-applikazzjoni tiegħu. Fi kliem ieħor, ma humiex l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom iwettqu verifika li tmur lil hinn mill-provi prodotti mill-applikant (39).

V.      Konklużjoni

81.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispodni bil-mod kif ġej għat-tliet domandi magħmula mir-Raad voor Vreemdelingenbetwistingen (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin, il-Belġju):

L-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal‑25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jinkludix rekwiżit partikolari fir-rigward tal-oriġini tar-riżorsi. Fil-każ ta’ riżorsi li joriġinaw minn terz jew minn membru tal-familja tal-applikant, bħal fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, jeħtieġ li dawn ikunu suffiċjenti u jkunu ta’ ċerta permanenza u ta’ ċerta kontinwità li jippermettu raġonevolment li jiġi eskluż li l-applikant ikun ta’ piż fuq is-sistema ta’ assistenza soċjali tal-Istat Membru kkonċernat. Għal dan il-għan, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ, inkluża n-natura suffiċjentement preċiża, dejjiema u legalment vinkolanti ta’ impenn ta’ teħid ta’ responsabbiltà minn terz jew minn membru tal-familja tal-applikant.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 272..


3      Ara l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 2003/109.


4      Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familji tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri, li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol 5, p. 46).


5      X jirreferi għas-sentenza Singh et (C‑218/14, EU:C:2015:476, punti 74 u 75) kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata.


6      Ninnota li ċ-ċirkolari tal‑14 ta’ Lulju 2009 dwar l-istatus ta’ resident għal perijodu twil (Moniteur belge tal‑11 ta’ Awwissu 2009), invokata mill-awtoritajiet Belġjani fit-tilwima fil-kawża prinċipali, tippreċiża li l-prova tal-mezzi ta’ għajxien fis-sens tal-Artikolu 15a(3) tal-Liġi dwar il-Barranin tista’ tiġi stabbilita bil-mod li ġej: “[…] permezz ta’ dħul minn attività professjonali, allowance tal-qgħad, allowance tal-invalidità, irtirar antiċipat, allowance tax-xjuħija, ħlas mogħti fil-kuntest ta’ assigurazzjoni għall-inċidenti fuq il-post tax-xogħol jew ta’ assigurazzjoni għall-mard ikkaġunat mix-xogħol […] Din il-lista ma hijiex eżawrjenti.”


7      Iktar preċiżament, il-Gvern Ġermaniż juża l-kliem “dħul li għandu valur patrimonjali li huwa bbażat fuq drittijiet tal-applikant li huma speċifiċi u li jistgħu jkunu kkonkretizzati”, filwaqt li l-Gvern Franċiż jirreferi għar-“riżorsi bbażati fuq obbligu legali jew rabta ġuridika, li fuqhom iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz inkwistjoni jista’ jibbaża ruħu sabiex jitlob il-ħlas tagħhom u/jew li jinżammu” b’mod li, dawn ikunu, fil-fatt, “riżorsi proprji” tal-applikant inkwantu jiġġustifika li huwa finanzjarjament awtonomu. Fl-aħħar nett, il-Gvern Awstrijak jirreferi għar-riżorsi “li huma ta’ ċerta permanenza u ta’ ċerta kontinwità u li huma bbażati fuq dritt li jista’ jiġi invokat ġudizzjarjament”.


8      Dawn l-argumenti huma spjegati f’iktar dettall fil-punti 72 sa 74 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


9      Ninnota li l-Gvern Belġjan u dak Taljan jużaw l-espressjoni “riżorsi proprji” tal-applikant, filwaqt li l-Gvern Ċek jirreferi għar-riżorsi “li joriġinaw minn attività ekonomika proprja” tal-applikant. Nifhem dawn il-pożizzjonijiet fis-sens li dawn huma, fil-fatt, riżorsi ġġenerati mill-applikant fis-sens tal-punt 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


10      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad‑9 ta’ Marzu 2017, Pula Parking (C‑551/15, EU:C:2017:193, punt 42), u tas‑27 ta’ Settembru 2017, Nintendo (C‑24/16 u C‑25/16, EU:C:2017:724, punt 70).


11      Fir-rigward ta’ interpretazzjoni letterali, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-determinazzjoni tat-tifsira u tal-portata ta’ kliem, li ma jingħata ebda definizzjoni fid-dritt tal-Unjoni għandha tiġi stabbilita skont it-tifsira komuni tiegħu fil-lingwaġġ ta’ kuljum, ara s-sentenzi tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin-Hermann, (C‑549/07, EU:C:2008:771, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tal‑11 ta’ Ġunju 2015, Zh. U O. (C‑554/13, EU:C:2015:377, punt 42).


12      Dan huwa l-każ għall-verżjonijiet fil-lingwa Franċiża (“ressources”), Ingliża (“resources”), Spanjola (“recursos”), Taljana (“risorse”), Rumena (“resurse”), Griega (“πόρους”), Finlandiża (“varat”), Maltija (“riżorsi”), Portugiża (“recursos”), Litwana (“išteklių”) u Slovakka (“zdroje”). Il-verżjonijiet fil-lingwa Kroata (“izvore sredstava”), Slovena (“vire”) u Svediża (“försörjningsmedel”) jużaw espressjonijiet ekwivalenti għal “sorsi ta’ mezzi sabiex wieħed imantni lilu nnifsu”, jew “mezzi ta’ għajxien”.


13      Dan huwa l-każ għall-verżjonijiet fil-lingwa Olandiża (“inkomsten”), Ġermaniża (“Einkünfte”), Bulgara (“доходи”), Ċeka (“příjmy”), Estonjana (“sissetulek”), Ungeriża (“jövedelemforrások”), Latvjana (“ienākumi”), Pollakka (“dochody”) u Daniża (“indtægter”).


14      Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, interpretazzjoni purament letterali ta’ verżjoni lingwistika waħda jew ta’ diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, bl-esklużjoni tal-oħrajn, ma tistax tipprevali peress li l-applikazzjoni uniformi tar-regoli tal-Unjoni teżiġi li dawn jiġu interpretati fid-dawl, b’mod partikolari, tal-verżjonijiet kollha mfasla bil-lingwi kollha, ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑4 ta’ Settembru 2014, Vnuk (C‑162/13, EU:C:2014:2146, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata), tas‑26 ta’ April 2017, Popescu (C‑632/15, EU:C:2017:303, punt 35), u tas‑27 ta’ Settembru 2017, Nintendo (C‑24/16 u C-25/16, EU:C:2017:724, punt 72).


15      Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Diċembru 2012, O et (C‑356/11 u C‑357/11, EU:C:2012:776, punt 72) u tal‑4 ta’ Marzu 2010, Chakroun (C‑578/08, EU:C:2010:117, punti 46 u 47) li jirrigwardaw l-Artikolu 7(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE tat‑22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol 6, p. 224).


16      Proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għal perijodu twil, ippreżentata mill-Kummissjoni fit‑13 ta’ Marzu 2001 (COM (2001) 127 finali) (ĠU 2001, C 240 E, p. 79). Il-kundizzjoni kontenzjuża tinsab fl-Artikolu 6(1)(a) fl-imsemmija proposta.


17      Bħala eżempju, dan huwa l-każ għall-verżjonijiet fil-lingwa Franċiża (“ressources” u “revenues”), Ingliża (“resources” u “income”) u Daniża (“midler” u “indtægter”).


18      Bħala eżempju, dan huwa l-każ għall-verżjonijiet fil-lingwa Olandiża (“inkomsten”) u Ġermaniża (“Einkünfte”).


19      Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni fuq il-“Proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għal perijodu twil,” tad‑19 ta’ Settembru 2001, (ĠU 2002, C 19, p. 18). Bħala eżempju, dan huwa l-każ għall-verżjonijiet fil-lingwa Franċiża (“ressources propres”), Olandiża (“eigen middelen”) u Daniża (“egne midler”).,


20      Bħala eżempju, dan huwa l-każ għall-verżjoni fil-lingwa Ingliża fejn l-espressjoni “riżorsi proprji” hija tradotta bħala “possession of adequate resources” (pussess ta’ riżorsi adegwati) u għall-verżjoni fil-lingwa Ġermaniża li tuża l-kelma “Existenzmitteln” (mezzi ta’ għajxien).


21      COM (2001) 127 finali (ĠU 2001, C 240 E, p. 79).


22      Ara l-premessi 4, 6 u 12 tad-Direttiva 2003/109, kif ukoll is-sentenzi tas‑26 ta’ April 2012, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi (C‑508/10, EU:C:2012:243, punt 66), u tal‑4 ta’ Ġunju 2015, P u S (C‑579/13, EU:C:2015:369, punt 46).


23      Il-fatt li dan il-kriterju jikkostitwixxi l-kriterju prinċipali jirriżulta mill-premessa 6 tad-Direttiva 2003/109; ara wkoll is-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2012, Singh (C‑502/10, EU:C:2012:636, punt 46).


24      Anki jekk dan l-aspett ma jirriżultax espliċitament minn din id-dispożizzjoni, mill-proposta għal direttiva (COM (2001) 127 final) (ĠU 2001, C 240 E, p. 79) jirriżulta li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/109 jirrigwarda liċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżi terzi li huma legalment residenti fi Stat Membru, indipendentement mir-raġunijiet li ġġustifikaw l-ammissjoni inizjali tagħhom, inkluż iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi aċċettati għall-iskopijiet ta’ impjieg bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha, minħabba r-riunifikazzjoni tal-familja, għall-iskopijiet li jeżerċitaw attivitajiet mingħajr skop ta’ lukru, jew dawk li huma aċċettati bħala mhux attivi. Ninnota wkoll li jirriżulta mill-Artikolu 14(2)(ċ) tad-Direttiva 2003/109, moqri flimkien mal-premessa 19 ta’ din id-direttiva, li d-dritt ta’ residenza fi Stat Membru ieħor, u li fir-rigward tiegħu wkoll tapplika l-kundizzjoni ta’ riżorsi prevista fl-Artikolu 5(1)(a), jista’ jiġi implimentat fin-nuqqas ta’ eżerċizzju ta’ xi attività ekonomika.


25      Ara s-sentenza tas‑26 ta’ April 2012, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi (C‑508/10, EU:C:2012:243, punti 67 u 68).


26      Ninnota li, skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38, iċ-ċittadini tal-Unjoni li rrisjedew legalment matul perijodu mhux interrott ta’ ħames snin fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti jiksbu d-dritt ta’ residenza permanenti fit-territorju tiegħu, u dan id-dritt ma huwiex suġġett għall-kundizzjoni ta’ riżorsi prevista fl-Artikolu 7(1)(b) ta’ din l-istess direttiva.


27      Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2013, Brey (C‑140/12, EU:C:2013:565, punt 72).


28      Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Singh et (C‑218/14, EU:C:2015:476, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).


29      Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Singh et (C‑218/14, EU:C:2015:476, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).


30      Ara s-sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (C‑408/03, EU:C:2006:192, punti 46 u 47). Din is-sentenza tirrigwarda l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/364/KEE tat‑28 ta’ Ġunju 1990 dwar id-dritt ta’ residenza (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 20, Vol 1, p. 3) li ġie ssostitwit mill-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38.


31      Ara s-sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (C‑408/03, EU:C:2006:192, punt 47).


32      Skont l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2003/109, ir-riżorsi għandhom jiġu evalwati wkoll b’riferiment għar-regolarità tagħhom. Dan il-kriterju ta’ regolarità ma għandux effett partikolari fuq ir-risposta għad-domandi magħmula, u għaldaqstant ma huwiex ser jiġi ttrattat fil-kumplament ta’ dawn il-konklużjonijiet.


33      Ninnota li l-għan tal-Artikolu 7(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/86 ma jirriżultax b’mod espliċitu mill-premessi ta’ din id-direttiva, bħal fil-kuntest tad-Direttiva 2003/109, iżda li l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżatu fis-sentenza tal‑21 ta’ April 2016, Khachab (C‑558/14, EU:C:2016:285, punt 39).


34      Ara s-sentenza tal‑21 ta’ April 2016, Khachab (C‑558/14, EU:C:2016:285, punti 30 et seq.).


35      Ara l-premessi 3 u 4 tad-Direttiva 2004/38.


36      Ara l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2004/38. Infakkar madankollu li din il-kundizzjoni ma hijiex iktar meħtieġa meta ċittadin tal-Unjoni ikun kiseb id-dritt ta’ residenza permanenti, ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


37      Ara s-sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (C‑408/03, EU:C:2006:192, punt 47).


38      Ninnota f’dan il-kuntest li l-Gvern Belġjan jirrimarka li jeżisti, fid-dritt nazzjonali tiegħu, prinċipju ġenerali li skontu “ħadd ma jista’ jintrabat għal għomru b’kuntratt”.


39      Ninnota li d-Direttiva 2003/109 ma tinkludix kriterji preċiżi fir-rigward tat-tip ta’ prova li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz għandu jipproduċi sabiex juri li għandu r-riżorsi meħtieġa sabiex jikseb l-istatus ta’ resident għal perijodu twil. Fil-fatt, l-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-applikazzjoni għandha tkun akkumpanjata b’evidenza dokumentata, li għandha tiġi stabbilita bil-liġi nazzjonali, li turi li huwa jissodisfa l-kundizzjonijiet elenkati fl-Artikoli 4 u 5 tal-imsemmija direttiva..