Language of document : ECLI:EU:C:2019:982

Kawżi magħquda C585/18, C624/18 u C625/18

A. K. vs Krajowa Rada Sądownictwa

u

CP u DO vs Sąd Najwyższy

(talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Najwyższy (Izba Pracy i Ubezpieczeń Społecznych))

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tad19 ta’ Novembru 2019

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2000/78/KE – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età – Tnaqqis tal-età tal-irtirar tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) – Artikolu 9(1) – Dritt għal azzjoni legali – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Prinċipju ta’ indipendenza tal-imħallfin – Ħolqien ta’ awla ġdida fi ħdan is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), b’kompetenza b’mod partikolari fir-rigward tal-kawżi dwar l-irtirar obbligatorju tal-imħallfin tal-istess qorti – Awla komposta minn imħallfin maħtura reċentement mill-President tar-Repubblika tal-Polonja fuq proposta tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura – Indipendenza tal-imsemmi kunsill – Setgħa li titħalla mhux applikata l-leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tkunx konformi mad-dritt tal-Unjoni – Supremazija tad-dritt tal-Unjoni”

1.        Domandi preliminari – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Limiti – Domandi ġenerali jew ipotetiċi – Domandi li ma jkunx għad għandhom skop wara bidla fiċ-ċirkustanzi jew emenda leġiżlattiva li jseħħu fl-Istat Membru kkonċernat – Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni

(Artikolu 267 TFUE)

(ara l-punti 67 sa 71, 107 sa 109, u d-dispożittiv 1)

2.        Domandi preliminari – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Limiti – Talba għall-interpretazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Sitwazzjoni legali nazzjonali rregolata mid-dritt tal-Unjoni – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

(Artikolu 267 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 47 u 51(1))

(ara l-punti 79 sa 81)

3.        Domandi preliminari – Talba mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja – Kompetenzi tal-qrati nazzjonali – Portata – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tordna l-għeluq ta’ ċertu tilwim, li b’hekk tipprekludi lill-awla ta’ qorti li tiddeċiedi fl-aħħar istanza milli tippersisti bid-domandi preliminari tagħha – Inammissibbiltà

(Artikolu 267 TFUE)

(ara l-punti 102 sa 104)

4.        Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Prinċipju ta’ indipendenza tal-qrati – Portata

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47)

(ara l-punti 119 sa 125)

5.        Stati Membri – Obbligi – Stabbiliment tar-rimedji legali neċessarji sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Osservanza tal-prinċipju ta’ indipendenza tal-imħallfin – Awla dixxiplinari ġdida tal-Qorti Suprema fformata minn imħallfin maħtura mill-President tar-Repubblika tal-Polonja fuq proposta tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura – Ksur fil-każ ta’ dubji leġittimi, f’moħħ l-individwi, dwar l-impermeabbiltà ta’ din l-awla fil-konfront ta’ elementi esterni u dwar in-newtralità tagħha fil-konfront tal-interessi li jkunu inkwistjoni – Kriterji – Kundizzjonijiet oġġettivi li fihom inħolqot l-imsemmija awla, karatteristiċi tagħha u proċess ta’ ħatra tal-membri tagħha – Indipendenza tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura – Verifika mill-qorti tar-rinviju

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Direttiva tal-Kunsill 2000/78, Artikolu 9(1))

(ara l-punti 133, 134, 136 sa 138, 140, 142 sa 154, 171, u d-dispożittiv 2)

6.        Stati Membri – Obbligi – Stabbiliment tar-rimedji legali neċessarji sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti kompetenza ġudizzjarja esklużiva lil istanza li ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità – Inammissibbiltà – Obbligi u setgħat tal-qorti nazzjonali – Obbligu li tħalli mhux applikata d-dispożizzjoni nazzjonali li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni

(Artikolu 4(3) TUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Direttiva tal-Kunsill 2000/78, Artikolu 9(1))

(ara l-punti 164 sa 166, 171, u d-dispożittiv 2)

Sunt

Il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika l-indipendenza tal-awla dixxiplinari ġdida tal-Qorti Suprema Pollakka sabiex tiddetermina jekk din l-istanza tistax tieħu konjizzjoni ta’ tilwim dwar l-irtirar obbligatorju tal-imħallfin tal-Qorti Suprema jew jekk tali tilwim għandux jiġi eżaminat minn qorti oħra li tissodisfa dan ir-rekwiżit ta’ indipendenza

Fis-sentenza A. K. et (Indipendenza tal-awla dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18), mogħtija fid‑19 ta’ Novembru 2019, fil-kuntest ta’ proċedura mħaffa, il-Qorti tal-Ġustizzja, bl-Awla Manja bħala l-kulleġġ ġudikanti, iddeċidiet li d-dritt għal rimedju effettiv, iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u kkonfermat, f’qasam speċifiku, mid-Direttiva 2000/78 (1) jipprekludi li tilwim dwar l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jkun jista’ jaqa’ fil-kompetenza esklużiva ta’ istanza li ma tikkostitwixxix qorti indipendenti u imparzjali. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, dan ikun il-każ meta l-kundizzjonijiet oġġettivi li fihom inħolqot l-istanza kkonċernata, il-karatteristiċi tagħha u l-mod kif inħatru l-membri tagħha jkunu ta’ natura li joħolqu dubji leġittimi, f’moħħ l-individwi, dwar l-impermeabbiltà ta’ din l-istanza fil-konfront ta’ elementi esterni, b’mod partikolari, ta’ influwenzi diretti jew indiretti mill-poter leġiżlattiv u mill-poter eżekuttiv, u dwar in-newtralità tagħha fil-konfront tal-interessi li jkunu inkwistjoni. Dawn l-elementi jistgħu b’hekk iwasslu għal assenza ta’ dehra ta’ indipendenza jew ta’ imparzjalità tal-imsemmija istanza li tkun ta’ natura li tippreġudika l-fiduċja li l-ġustizzja għandha tispira fl-imsemmija individwi f’soċjetà demokratika. Il-qorti tar-rinviju għandha tiddetermina, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha li għandha għad-dispożizzjoni tagħha, jekk dan huwiex il-każ fir-rigward tal-awla dixxiplinari ġdida tal-Qorti Suprema Pollakka. Jekk dan ikun il-każ, il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jobbliga lill-qorti tar-rinviju tħalli mhux applikata d-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tirriżerva l-kompetenza esklużiva sabiex tittieħed konjizzjoni tat-tilwim dwar l-irtirar obbligatorju tal-imħallfin tal-Qorti Suprema lil din l-awla dixxiplinari, b’tali mod li dan it-tilwim ikun jista’ jiġi eżaminat minn qorti li tissodisfa r-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità u li kienet tkun kompetenti fil-qasam ikkonċernat li kieku l-imsemmija dispożizzjoni ma kinitx tostakola dan.

Fil-kawżi pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, tliet imħallfin Pollakki (tal-Qorti Amministrattiva Suprema u tal-Qorti Suprema) kienu qegħdin jinvokaw, fost oħrajn, ksur tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età fil-qasam tal-impjieg minħabba l-irtirar obbligatorju antiċipat tagħhom, konformement mal-Liġi l-ġdida tat‑8 ta’ Diċembru 2017 dwar il-Qorti Suprema. Minkejja li, wara emenda reċenti, din il-liġi ma għadhiex tikkonċerna lill-imħallfin li, bħar-rikorrenti fil-kawżi prinċipali, kienu diġà jeżerċitaw il-funzjoni tagħhom fi ħdan il-Qorti Suprema meta daħlet fis-seħħ u minkejja li, għalhekk, l-imsemmija rikorrenti kienu nżammu jew ġew integrati mill-ġdid fil-funzjonijiet tagħhom, il-qorti tar-rinviju xorta waħda qieset li kien għad hemm problema ta’ natura proċedurali quddiemha. Fil-fatt, filwaqt li t-tip ta’ tilwim inkwistjoni kien normalment jaqa’ fil-kompetenza tal-awla dixxiplinari, imwaqqfa reċentement fi ħdan il-Qorti Suprema, il-qorti tar-rinviju kellha dubju dwar jekk, minħabba dubji dwar l-indipendenza ta’ din l-istanza, hija kellhiex twarrab ir-regoli nazzjonali dwar it-tqassim tal-kompetenzi ġudizzjarji u, jekk ikun il-każ, tieħu konjizzjoni hija stess tal-mertu ta’ dan it-tilwim.

L-ewwel nett, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li kkonfermat l-applikabbiltà, fil-kawżi ineżami, kemm tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali kif ukoll tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, fakkret li r-rekwiżit ta’ indipendenza tal-qrati jagħmel parti mill-kontenut essenzjali tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq, drittijiet li għandhom importanza kardinali bħala garanziji tal-protezzjoni tad-drittijiet kollha li l-individwi għandhom taħt id-dritt tal-Unjoni u tal-ħarsien tal-valuri komuni għall-Istati Membri stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE, b’mod partikolari l-valur tal-Istat tad-dritt. Hija kompliet billi fakkret fid-dettall il-ġurisprudenza tagħha dwar il-portata ta’ dan ir-rekwiżit ta’ indipendenza u osservat, b’mod partikolari, li, konformement mal-prinċipju ta’ separazzjoni tal-poteri, l-indipendenza tal-qrati għandha tiġi ggarantita fil-konfront tal-poter leġiżlattiv u tal-poter eżekuttiv.

It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat l-elementi speċifiċi li għandhom jiġu eżaminati mill-qorti tar-rinviju sabiex tkun tista’ tevalwa jekk l-awla dixxiplinari tal-Qorti Suprema toffrix jew le garanziji suffiċjenti ta’ indipendenza.

Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li s-sempliċi fatt li l-imħallfin tal-awla dixxiplinari jinħatru mill-President tar-Repubblika ma huwiex ta’ natura li joħloq dipendenza fil-konfront tal-poter politiku, u lanqas ma huwa ta’ natura li joħloq dubji dwar l-imparzjalità tagħhom jekk, ladarba maħtura, dawn l-imħallfin ma jkunu suġġetti għal ebda pressjoni u ma jirċevux istruzzjonijiet fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom. Barra minn hekk, l-intervent, fi stadju preċedenti, tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura, li għandu l-kompitu li jipproponi l-imħallfin sabiex jinħatru, jista’ jiddefinixxi oġġettivament il-limiti tal-marġni ta’ manuvra tal-President tar-Repubblika, bil-kundizzjoni, iżda, li dan il-korp ikun huwa nnifsu suffiċjentement indipendenti mill-poter leġiżlattiv u mill-poter eżekuttiv kif ukoll mill-President tar-Repubblika. Dwar dan il-punt, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi kemm fattwali u kemm legali marbuta kemm mal-kundizzjonijiet li fihom kienu nħatru l-membri tal-Kunsill tal-Ġudikatura Pollakk il-ġdid u kemm mal-mod kif dan effettivament jaqdi r-rwol tiegħu bħala l-gwardjan tal-indipendenza tal-qrati u tal-imħallfin. Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat ukoll li kellha tiġi vverifikata l-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-proposti tal-Kunsill tal-Ġudikatura sa fejn id-deċiżjonijiet ta’ ħatra tal-President tar-Repubblika ma jistgħux, min-naħa tagħhom, ikunu s-suġġett ta’ tali stħarriġ.

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat elementi oħra li jikkaratterizzaw b’mod iktar dirett l-awla dixxiplinari. Pereżempju, hija indikat li, fil-kuntest partikolari li ħareġ mill-adozzjoni, li kienet is-suġġett ta’ protesti qawwija, tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi l-ġdida dwar il-Qorti Suprema li hija kienet iddikjarat li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni fis-sentenza tagħha tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il-Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) (C‑619/18, EU:C:2019:531), kien rilevanti li jiġi osservat li l-awla dixxiplinari ngħatat kompetenza esklużiva sabiex tieħu konjizzjoni ta’ tilwim dwar l-irtirar obbligatorju tal-imħallfin tal-Qorti Suprema li jirriżulta minn din il-liġi, li għandha tiġi fformata biss minn imħallfin maħtura ġodda, jew li tidher li għandha livell ta’ awtonomija partikolarment kbir fi ħdan il-Qorti Suprema. B’mod ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja repetutament speċifikat li, għalkemm kull wieħed mill-elementi eżaminati, meta kkunsidrat b’mod iżolat, ma jwassalx neċessarjament sabiex titqiegħed f’dubju l-indipendenza ta’ din l-istanza, is-sitwazzjoni tista’, għall-kuntrarju, tkun differenti meta dawn l-elementi jitqiesu flimkien.


1            Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).