Language of document : ECLI:EU:C:2008:437

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

17 ta’ Lulju 2008 (*)

“Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Mandat ta’ arrest Ewropew u proċeduri ta’ konsenja bejn Stati Membri – Artikolu 4(6) – Raġuni għall-għażla tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew – Interpretazzjoni tat-termini ‘residenta [residenti]’ u ‘toqgħod’ fl-Istat Membru li jesżegwixxi”

Fil-kawża C-66/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 35 UE, imressqa mill-Oberlandesgericht Stuttgart (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Frar 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Frar 2008, fil-proċeduri dwar l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra

Szymon Kozłowski,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Lenaerts, G. Arestis u L. Bay Larsen (Relatur), Presidenti ta’ Awla, J. Makarczyk, P. Kūris, E. Juhász, A. Ó Caoimh, P. Lindh u J.-C. Bonichot, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: B. Fülöp, amministratur,

wara li rat id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Frar 2008 li bih ġie deċiż li t-talba għal deċiżjoni preliminari tiġi suġġetta għal proċedura mħaffa skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 104a tar-Regoli tal-Proċedura,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ April 2008,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal S. Kozłowski, minn M. Stirnweiß, Rechtsanwalt,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u J. Kemper, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, bħala aġent,

–        għall-Gvern Daniż, minn J. Bering Liisberg, bħala aġent,

–        għall-Gvern Franċiż, minn J.-C. Niollet, bħala aġent,

–        għall-Gvern Taljan, minn F. Arena, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u M. Noort, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer u T. Fülöp, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn M. Dowgielewicz u L. Rędziniak, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Slovakk, minn J. Čorba, bħala aġent,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn J. Heliskoski, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn S. Grünheid u R. Troosters, bħala aġenti,

wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI, tat-13 ta’ Ġunju 2002, fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment [konsenja] bejn l-Istati Membri (ĠU L 190, p. 1, iktar’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ proċeduri dwar l-eżekuzzjoni, mill-Generalstaatsanwaltschaft Stuttgart (iktar’il quddiem “l-awtorità ġudizzjarja Ġermaniża li teżegwixxi”, ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ fit-18 ta’ April 2007 mis-Sąd Okręgowy w Bydgoszczy (qorti reġjonali ta’ Bydgoszcz, iktar’il quddiem l-“awtorità ġudizzjarja Pollakka li ħarġet il-mandat” kontra S. Kozłowski, ċittadin Pollakk.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni Ewropea

3        Skont il-ħames premessa tad-deċiżjoni qafas:

“L-għan stabbilit biex l-Unjoni ssir żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja jwassal għall-abolizzjoni ta’ l-estradizzjoni bejn l-Istati Membri u jbiddlu [sabiex tiġi sostwita] b’sistema ta’ ċediment [konsenja] bejn awtoritajiet ġudizzjarji.’Il fuq minn dan [Barra minn hekk], l-introduzzjoni ta’ sistema ġdida ssimplifikata ta’ ċediment [konsenja] ta’ persuni mogħtija sentenza jew suspettati ġħall-iskopijiet ta’ eżekuzzjoni jew prosekuzzjoni ta’ sentenzi kriminali jagħmel possibbli t-tneħħija tal-komplessità u potenzjal għad-dewmien inerenti fil-proċeduri preżenti ta’ l-estradizzjoni. Ir-relazzjonijiet tradizzjonali ta’ koperazzjoni li eżistew s’issa bejn l-Istati Membri għandhom jiġu mibdula b’sistema ta’ moviment liberu ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji fi kwistjonijiet kriminali, li tkopri kemm deċiżjonijiet qabel ma tinata’ s-sentenza kif ukoll dawk finali, ġo żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.”

4        Is-seba’ premessa tad-deċiżjoni qafas tispeċifika:

“Billi l-iskop tat-tibdil tas-sistema ta’ estradizzjoni multilaterali mibnija fuq il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni tat-13 ta’ Diċembru 1957 ma jistax jintlaħaq b’mod sodisfaċjenti mill-Istati Membri [li] qed jaġixxu unilateralment u jista’ għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jiġi milħuq aħjar fuq il-livell ta’ l-Unjoni, il-Kunsill jista’ jadotta miżuri skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà msejjaħ fl-Artikolu 2 tat-Trattat fuq l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 5 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. […]”

5        It-tmien premessa tad-deċiżjoni qafas tipprovdi:

“Deċiżjonijiet fuq l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew għandhom ikunu suġġetti għal kontrolli suffiċjenti, li jfisser li awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru fejn il-persuna rikjesta ġiet arrestata jkollha tieħu d-deċiżjoni fuq iċ-ċediment [il-konsenja] tiegħu jew tagħha.”

6        L-Artikolu 1(1) u (2) tad-deċiżjoni qafas jiddefinixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew u l-obbligu li jiġi eżegwit skont il-kundizzjonijiet li ġejjin:

“1.      Il-mandat ta’ arrest Ewropew hi deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u ċ-ċediment [l-konsenja] minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-iskopijiet tat-tmexxija ta’ prosekuzzjoni kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.

2.      L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew fuq il-bażi tal-priċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u skond id-disposizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru [deċiżjoni qafas].”

7        L-Artikolu 2(1) tad-deċiżjoni qafas jipprovdi:

“Mandat ta’ arrest Ewropew jista’ jiġi maħruġ għal atti […] jew, fejn sentenza ġiet mogħtija jew ordni ta’ detenzjoni ġiet magħmula, għal sentenzi ta’ mill-inqas erba’ xhur.”

8        L-Artikolu 3 tad-deċiżjoni qafas jelenka tliet “[r]aġunijiet għall-obbligazzjoni li ma jiġix esegwit mandat ta’ arrest Ewropew”.

9        L-Artikolu 4 tad-deċiżjoni qafas, intitolat “Raġunijiet għall-għażla tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew”, jistipula, f’seba’ punti, dawn ir-raġunijiet. Il-punt 6 tiegħu jipprovdi f’dan ir-rigward:

“L-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi tista’ tirrifjuta li tesegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew:

[…]

6)      jekk il-mandat ta’ arrest Ewropew ġie maħruġ għall-iskopijiet ta'’ eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni, fejn il-persuna rikjesta qed toqgħod fi, jew hi ċittadina jew residenta [residenti] ta’ l-Istat Membru li jesegwixxi u dak l-Istat jintrabat li jesegwixxi s-sentenza jew ordni ta’ detenzjoni skond il-liġi domestika tiegħu.”

10      L-Artikolu 5 tad-deċiżjoni qafas, intitolat “Garanziji li għandhom jingħataw mill-Istat Membru [li joħroġ il-mandat] f’każijiet partikolari”, jipprovdi kif ġej:

“L-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew mill-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi tista’, mil-liġi ta’ l-Istat Membru li jesegwixxi, jkun suġġett għall-kondizzjonijiet li ġejjin:

[…]

3)      fejn persuna li hi s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għall-iskopijiet ta’ prosekuzzjoni hi ċittadina jew residenta [residenti] ta’ l-Istat Membru li jesegwixxi, iċ-ċediment [il-konsenja] tista’ tkun suġġetta għall-kondizzjoni li l-persuna, wara li tkun instemat, hi ritornata lill-Istat Membru li jesegwixxi sabiex tgħaddi hemm is-sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni mogħtija kontriha fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat.”

11      L-Artikolu 6 tad-deċiżjoni qafas, intitolat “Determinazzjoni ta’ l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti” jipprovdi:

“1.      L-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-manadat għandha tkun l-awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru li joħroġ il-mandat li hi kompetenti biex toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew bis-saħħa tal-liġi ta’ dak l-Istat.

2.      L-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi għandha tkun l-awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru li jesegwixxi li hi kompetenti biex tesegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew bis-saħħa tal-liġi ta’ dak l-Istat.

3.      Kull Stat Membru għandu jinforma s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill ta’ [b]l-awtorità ġudizzjarja kompetenti taħt il-liġi tiegħu.”

12      Mill-informazzjoni dwar id-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam, ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej tal-1 ta’ Mejju 1999 (ĠU L 114, p. 56) jirriżulta li r-Repubblika Federali Ġermaniża għamlet dikjarazzjoni, skont l-Artikolu 35(2) UE, li permezz tagħha dan l-Istat Membru aċċetta l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti deċiżjoni preliminari skont il-modalitajiet previsti fl-Artikolu 35(3)(b) UE.

 Id-dritt nazzjonali

13      Id-Deċiżjoni Qafas ġiet trasposta fis-sistema legali Ġermaniża permezz tal-Artikoli 78 sa 83k tal-Liġi dwar l-assistenza ġudizzjarja internazzjonali reċiproka f’materji kriminali (Gesetz über die internationale Rechtshilfe in Strafsachen), tat-23 ta’ Diċembru 1982, kif emendata bil-Liġi dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew (Europäisches Haftbefehlsgesetz), tal-20 ta’ Lulju 2006 (BGBl. 2006 I, p. 1721, iktar’il quddiem l-“IRG”), filwaqt li żammet it-terminoloġija li s-soltu tintuża fid-dritt Ġermaniż li tindika “konsenja” fis-sens tad-Deċiżjoni Qafas bit-terminu “estradizzjoni”.

14      L-IRG tiddistingwi bejn id-deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tat-talba għall-estradizzjoni u dik dwar jekk l-estradizzjoni tingħatax jew le.

15      Skont l-Artikoli 29 sa 32 tal-IRG, huma l-Oberlandesgerichte (qrati superjuri reġjonali) li għandhom jevalwaw fi kwalunkwe każ l-ammissibbiltà tat-talba għall-estradizzjoni, fuq talba tal-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi.

16      Min-naħa l-oħra, hija l-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi li għandha tiddeċiedi dwar jekk l-estradizzjoni tingħatax jew le, fir-rigward tat-talbiet għall-estradizzjoni ppreżentati minn awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru li toħroġ il-mandat.

17      L-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas ġie traspost, f’dak li jirrigwarda l-persuni li mhumiex ċittadini Ġermaniżi, kemm jekk huma ċittadini ta’ Stat Membru ieħor apparti r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, jew ta’ Stat terz, permezz tal-Artikolu 83b(2)(b) tal-IRG. Skont din id-dispożizzjoni, intitolata “Raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni”:

“L-estradizzjoni ta’ ċittadin barrani li r-residenza abitwali tiegħu tinsab fit-territorju nazzjonali tista’ wkoll tiġi rifjutata meta

[…]

b)      f’każ ta’ estradizzjoni għall-finijiet ta’ l-eżekuzzjoni ta’ sentenza, dan ta’ l-aħħar ma jagħtix il-kunsens tiegħu għall-estradizzjoni wara li jiġi debitament informat bid-drittijiet tiegħu, liema nuqqas ta’ kunsens jitniżżel fil-verbal tas-seduta, u meta jipprevali l-interess tiegħu li s-sentenza tiġi esegwita fil-Ġermanja, liema interess ikun jimmerita protezzjoni […]”

18      Mil-lat proċedurali, l-Artikolu 79(2) tal-IRG jispeċifika l-modalitajiet għat-teħid tad-deċiżjoni dwar it-talba għall-estradizzjoni, kif ġej:

“Qabel ma l-Oberlandesgericht jiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tat-talba [għall-estradizzjoni], huma l-korpi kompetenti sabiex jiddeċiedu fuq it-talba [‘Generalstaatsanwaltschaften’] li għandhom jindikaw jekk ikunux bi ħsiebhom jinvokaw raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni skont l-Artikolu 83b. Id-deċiżjoni li ma jinvokaw l-ebda raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni għandha tkun immotivata. Din id-deċiżjoni hija suġġetta għall-istħarriġ mill-Oberlandesgericht […]”

 Il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

19      Permezz ta’ sentenza mogħtija fit-28 ta’ Mejju 2002 mis-Sad Rejonowy w Tucholi (qorti tad-distrett ta’ Tuchola) (il-Polonja), S. Kozłowski ġie kkundannat ħames xhur priġunerija għal ħsara kkawżata lill-proprjetà ta’ terzi. Il-piena mogħtija permezz ta’ din is-sentenza saret definittiva, iżda għadha ma ġietx eżegwita.

20      S. Kozłowski ilu mill-10 ta’ Mejju 2006 miżmum fil-ħabs ta’ Stuttgart (il-Ġermanja) fejn qed jiskonta piena ta’ priġunerija ta’ tliet snin u sitt xhur, li għaliha ġie kkundannat permezz ta’ żewġ sentenzi tal-Amtsgericht Stuttgart, tas-27 ta’ Lulju 2006 u tal-25 ta’ Jannar 2007, għal 61 reat ta’ frodi kommessi fil-Ġermanja.

21      Permezz ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ fit-18 ta’ April 2007, l-awtorità ġudizzjarja Pollakka li ħarġet il-mandat talbet lill-awtorità ġudizzjarja Germaniża li teżegwixxi l-konsenja ta’ S. Kozłowski għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tal-piena ta’ priġunerija ta’ ħames xhur mogħtija lilu mis-Sad Rejonowy w Tucholi.

22      Fil-5 ta’ Ġunju 2007, S. Kozłowski nstema’ mill-Amtsgericht Stuttgart dwar din il-kwistjoni. Matul din is-seduta, huwa indika lil dan tal-aħħar li ma kienx qed jagħti l-kunsens tiegħu għall-konsenja tiegħu lill-awtorità ġudizzjarja Pollakka li ħarġet il-mandat.

23      Fit-18 ta’ Ġunju 2007, l-awtorità ġudizzjarja Ġermaniża li teżegwixxi informat lil S. Kozłowski li hija ma kellhiex l-intenzjoni li tinvoka xi raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni. Fil-fatt, skont din l-awtorità, ma kienet teżisti l-ebda raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 83b tal-IRG u, b’mod partikolari, il-persuna kkonċernata ma kellhiex ir-residenza abitwali tagħha fil-Ġermanja. Il-perijodi suċċessivi li l-persuna kkonċernata qattgħet fit-territorju Ġermaniż kienu kkaratterizzati mill-kummissjoni ta’ diversi reati, bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe attività legali.

24      Konsegwentement, peress li ma kienx meħtieġ li jsir xi stħarriġ sabiex ikun magħruf fejn, ma’ min u għal liema raġunijiet S. Kozłowski kien qatta’ perijodi ta’ żmien fil-Ġermanja, l-awtorità ġudizzjarja Ġermaniża li teżegwixxi talbet lill-Oberlandesgericht Stuttgart tawtorizza l-eżekuzzjoni ta’ dan il-mandat ta’ arrest Ewropew.

25      F’dak li jirrigwarda s-sitwazzjoni personali ta’ S. Kozłowski, mid-deċiżjoni ta’ rinviju jirriżulta li, skont is-sentenzi ta’ kundanna mogħtija fil-konfront tiegħu fil-Ġermanja, huwa ġuvni u mingħajr tfal. Huwa ftit jaf, anzi kważi ma jaf xejn, Ġermaniż. Huwa kiber imbagħad ħadem fil-Polonja sa l-aħħar tas-sena 2003. Aktar tard, għal madwar sena, huwa rċieva benefiċċji tal-qgħad f’dan l-Istat Membru.

26      Il-qorti ta’ rinviju titlaq mill-premessa li, mix-xahar ta’ Frar 2005 sa l-10 ta’ Mejju 2006, id-data tal-arrest tiegħu fil-Ġermanja, S. Kozłowski qagħad l-iktar fit-territorju Ġermaniż. Dan il-perijodu li qatta’ fit-territorju Ġermaniż kien interrott matul il-vaganzi tal-Milied tas-sena 2005, u possibbilment anke fix-xahar ta’ Ġunju 2005, kif ukoll fix-xhur ta’ Frar u ta’ Marzu 2006. Huwa ħadem kultant fis-settur tal-bini iżda sostna lilu nnifsu prinċipalment billi kkommetta reati.

27      Finalment, il-qorti tar-rinviju tispjega li, fil-kuntest tal-istħarriġ effettiv li din tal-aħħar hija obbligata tagħmel skont l-Artikolu 79(2) tal-IRG, hija mitluba tiddetermina jekk, skont l-Artikolu 83b(2) ta’ din l-istess liġi u fid-data li fiha l-konsenja ġiet mitluba, ir-“residenza abitwali” ta’ S. Kozłowski kinetx tinsab fit-territorju Ġermaniż u jekk għadhiex hekk. Fil-każ ta’ risposta negattiva għal din id-domanda, dik il-qorti għandha tawtorizza l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew skont il-liġi Ġermaniża, sakemm il-kundizzjonijiet l-oħra kollha rikjesti minn din il-liġi jkunu ssodisfati.

28      F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Oberlandesgericht Stuttgart iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Persuna tista’ tiġi kkunsidrata bħala li qed ‘toqgħod’ jew li hija ‘resident[i]’ fi Stat Membru fis-sens tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas […], meta din il-persuna:

a)      ma toqgħodx b’mod mhux interrott fl-Istat Membru [li jeżegwixxi];

b)      toqgħod f’dan l-Istat Membru mingħajr ma tosserva l-liġi dwar id-dħul u r-residenza għall-barranin;

ċ)      twettaq reati hemmhekk b’mod sistematiku u/jew

d)      tkun miżmuma f’detenzjoni hemmhekk għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena?

2)      Traspożizzjoni tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas […] li teskludi fi kwalunkwe każ il-konsenja kontra r-rieda tiegħu, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ sentenza, ta’ ċittadin tal-Istat Membru [li jeżegwixxi], filwaqt li tagħti lill-awtoritajiet tal-Istat inkwistjoni setgħa diskrezzjonali sabiex tiġi awtorizzata l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Eworpew maħruġ kontra ċittadini ta’ Stati Membri oħra li jopponu għall-konsenja tagħhom, hija kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari mal-prinċipji ta’ non-diskriminazzjoni u ta’ ċittadinanza tal-Unjoni taħt l-Artikolu 6(1) UE moqri flimkien mal-Artikoli 12 KE u 17 KE et seq.? Fil-każ ta’ risposta affermattiva, dawn il-prinċipji għandhom jiġu osservati almenu fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali?”

 Fuq id-domandi preliminari

29      Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li, kif jirriżulta mill-punt 12 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja, f’dan il-każ, għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas skont l-Artikolu 35 UE.

 Fuq l-ewwel domanda

30      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi x’inhi l-portata tat-termini “residenta [residenti]” u “toqgħod” li jissemmew fl-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas u, b’mod aktar partikolari, jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, persuna mfittxija fil-kuntest ta’ proċeduri dwar l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew tistax tiġi kkunsidrata li hija koperta b’din id-dispożizzjoni.

31      Sabiex tingħata tweġiba għal din id-domanda, għandu jiġi mfakkar li d-Deċiżjoni Qafas, kif jirriżulta partikolarment mill-Artikolu 1(1) u (2) tagħha, u mill-ħames u mis-seba’ premessi tagħha, għandha bħala għan li tibdel is-sistema ta’ estradizzjoni multilaterali bejn l-Istati Membri b’sistema ta’ konsenja bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ persuni kkundannati jew issuspettati għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ sentenzi jew ta’ proċeduri kriminali, b’din l-aħħar sistema tkun ibbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku (ara s-sentenza tat-3 ta’ Mejju 2007, Advocaten voor de Wereld, C‑303/05, Ġabra p. I-3633, punt 28).

32      Skont l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Qafas, l-Istati Membri għandhom jeżegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u skont id-dispożizzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni qafas.

33      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 4(6) tad-deċiżjoni qafas jipprovdi raġuni għall-għażla tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew li bis-saħħa tagħha l-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi tista’ tirrifjuta li teżegwixxi tali mandat maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ sentenza meta l-persuna mfittxija “qed toqgħod fi, jew hi ċittadina jew residenta [residenti] ta’ l-Istat Membru li jesegwixxi”, u dan l-Istat jintrabat li jeżegwixxi s-sentenza skont il-liġi domestika tiegħu.

34      Għalhekk, skont l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din ir-raġuni għall-għażla tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni huwa limitat għall-persuni li, jekk ma jkunux ċittadini tal-Istat Membru li jeżegwixxi, “toqgħod [joqogħdu]” hemm jew huma “residenta [residenti]” hemm. Madankollu, it-tifsira u l-ambitu ta’ dawn iż-żewġ termini mhumiex iddefiniti fid-Deċiżjoni Qafas.

35      Filwaqt li tammetti li, f’ċerti verżjonijiet lingwistiċi tad-Deċiżjoni Qafas, il-kliem tal-Artikolu 4(6) tagħha jista’ jindika li t-terminu “toqgħod” jinsab fuq l-istess livell ta’ importanza bħall-kriterji tar-residenza jew taċ-ċittadinanza, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej issostni li, fi kwalunkwe każ, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li l-fatt li l-persuna mfittxija toqgħod fl-Istat Membru li jeżegwixxi huwa kundizzjoni neċessarja iżda li mhijiex biżżejjed sabiex tiġi invokata r-raġuni għall-għażla tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni msemmija f’dan l-Artikolu 4(6).

36      F’dan ir-rigward, huwa tabilħaqq veru li t-terminu “toqgħod” ma jistax jiġi interpretat b’mod estensiv li jimplika li l-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi tista’ tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew sempliċement għaliex il-persuna mfittxija tinsab temporanjament fit-territorju tal-Istat Membru li jeżegwixxi.

37      Madankollu, l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas lanqas jista’ jiġi interpretat fis-sens li persuna mfittxija li, mingħajr ma tkun ċittadina jew residenti ta’ Stat Membru li jeżegwixxi, tkun ilha toqgħod hemm għal ċertu żmien ma tkunx, fi kwalunkwe każ, setgħet stabbilixxiet rabtiet ma’ dan l-Istat li jistgħu jiġġustifikaw li din ir-raġuni għall-għażla tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tista’ tiġi invokata.

38      Minn dan isegwi li, minkejja xi differenzi fil-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dan l-Artikolu 4(6), il-kategorija ta’ persuni mfittxija li “joqogħdu” fl-Istat Membru li jeżegwixxi fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni mhijiex, kif sostna partikolarment il-Gvern Olandiż matul is-seduta f’din il-kawża, kompletament irrelevanti għall-finijiet li jiġi ddeterminat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-istess dispożizzjoni.

39      Konsegwentement, mhuwiex biżżejjed li jittieħed inkunsiderazzjoni t-terminu “residenta [residenti]” fis-sens tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas, iżda jeħtieġ ukoll li jiġi ddeterminat b’liema mod it-terminu “toqgħod” jista’ jikkomplementa t-tifsira tal-ewwel wieħed minn dawn iż-żewġ termini.

40      Minn naħa waħda, dan il-qari tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas ma jistax jiġi affettwat mill-fatt li, skont il-kliem tal-Artikolu 5(3) ta’ din l-istess deċiżjoni qafas, li jikkonċerna l-persuna li hija s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ prosekuzzjoni, il-konsenja tista’ tkun suġġetta mil-liġi tal-Istat Membru li jeżegwixxi għall-kundizzjoni li tinsab f’din id-dispożizzjoni biss jekk il-persuna kkonċernata hija ċittadina jew residenti ta’ dan l-Istat Membru, mingħajr ma ssir referenza għal fejn “toqgħod”.

41      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-interpretazzjoni tat-termini “toqgħod” u “residenta [residenti]”, jeħtieġ li jiġi speċifikat li, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-Gvern Ċek u dak Olandiż, id-definizzjoni ta’ dawn iż-żewġ termini m’għandhiex titħalla għall-evalwazzjoni ta’ kull Stat Membru.

42      Fil-fatt, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li t-termini ta’ dispożizzjoni ta’ dan id-dritt li ma tinvolvi ebda referenza espressa għal-liġi tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata tagħha, għandu normalment ikollhom, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tiġi mfittxija billi jitqies il-kuntest tad-dispożizzjoni u l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2007, Österreichischer Rundfunk, C-195/06, Ġabra p. I‑8817, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Peress li d-Deċiżjoni Qafas hija intiża, kif jirriżulta mill-punt 31 ta’ din is-sentenza, sabiex tistabbilixxi sistema ta’ konsenja bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ persuni kkundannati jew issuspettati għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ sentenzi jew ta’ proċeduri kriminali bbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, konsenja li għaliha l-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi tista’ topponi biss abbażi ta’ waħda mir-raġunijiet previsti fid-Deċiżjoni Qafas, it-termini “toqgħod” u “residenta [residenti]”, li jiddeterminaw il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(6) tagħha, għandhom jiġu ddefiniti b’mod uniformi peress li jirrigwardaw kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, fil-liġi nazzjonali tagħhom li tittrasponi dan l-Artikolu 4(6), l-Istati Membri m’għandhomx id-dritt li jagħtu lil dawn it-termini tifsira aktar wiesgħa minn dik li tirriżulta minn tali interpretazzjoni uniformi.

44      Sabiex jiġi stabbilit jekk, f’sitwazzjoni konkreta, l-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi tistax tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew, din tal-aħħar għandha, fl-ewwel lok, tiddetermina biss jekk il-persuna mfittxija hijiex ċittadina, “residenta [residenti]” jew jekk “toqgħod[x]” fis-sens tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas u għalhekk jekk hijiex koperta bil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Fit-tieni lok, u biss jekk l-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi tikkonstata li din il-persuna hija koperta b’wieħed minn dawn it-termini, għandha tevalwa jekk jeżistix interess leġittimu li jiġġustifika li s-sentenza mogħtija fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat tiġi eżegwita fit-territorju tal-Istat Membru li jeżegwixxi.

45      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, kif jagħmlu l-Istati Membri kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja u l-Kummissjoni, li r-raġuni għall-għażla tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni stipulata fl-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas għandha, b’mod partikolari, l-għan li tippermetti lill-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi tagħti importanza partikolari lill-possibbiltà li jiżdiedu l-opportunitajiet ta’ integrazzjoni fis-soċjetà tal-persuna mfittxija meta tiġi skontata s-sentenza li għaliha din tal-aħħar tkun ġiet ikkundannata.

46      Għaldaqstant, it-termini “residenta [residenti]” u “toqgħod” ikopru, rispettivament, sitwazzjonijiet li fihom il-persuna li hija s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew jew tkun stabbilixxiet ir-residenza reali tagħha fl-Istat Membru li jeżegwixxi, jew, wara perijodu stabbli ta’ ċertu tul ta’ żmien li tkun qattgħet f’dan l-istess Stat, tkun akkwistat rabtiet ma’ dan tal-aħħar ta’ livell simili għal dawk li jirriżultaw minn residenza.

47      Fid-dawl tal-informazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni tar-rinviju, S. Kozłowski ma “jirrisjedix” fil-Ġermanja fis-sens tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas. Konsegwentement, l-interpretazzjoni li ġejja tikkonċerna biss it-terminu “toqgħod” li jissemma f’din l-istess dispożizzjoni.

48      Sabiex jiġi ddeterminat jekk, f’sitwazzjoni konkreta, jeżistux rabtiet bejn il-persuna mfittxija u l-Istat Membru li jeżegwixxi li jippermettu li jiġi kkonstatat li din tal-aħħar hija koperta bit-terminu “toqgħod” fis-sens tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas, jeħtieġ li ssir evalwazzjoni globali ta’ diversi fatturi oġġettivi li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni ta’ din il-persuna, li jinkludu, partikolarment, it-tul, in-natura u l-kundizzjonijiet taż-żmien li l-persuna mfittxija tkun qattgħet fl-Istat Membru li jeżegwixxi kif ukoll ir-rabtiet familjari u ekonomiċi li din tal-aħħar ikollha mal-Istat Membru li jeżegwixxi.

49      Peress li hija l-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi li għandha twettaq evalwazzjoni globali sabiex jiġi ddeterminat, fl-ewwel lok, jekk il-persuna kkonċernata taqax taħt l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas, ċirkustanza waħdanija li tikkaratterizza lill-persuna kkonċernata m’għandux ikollha, fil-prinċipju, importanza determinanti fiha nfisha.

50      Fir-rigward ta’ ċirkustanzi bħal dawk imsemmija mill-qorti tar-rinviju fil-punti (a) sa (d) tal-ewwel domanda tagħha, għandu jiġi kkonstatat li ċ-ċirkustanza, imsemmija fil-punt (a), li skontha l-persuna mfittxija ma qagħditx b’mod mhux interott fl-Istat Membru li jeżegwixxi u l-fatt, deskritt fil-punt (b), li skontu din il-persuna ma toqgħodx f’dan tal-aħħar skont il-liġi nazzjonali dwar id-dħul u r-residenza għall-barranin, filwaqt li ma jikkostitwixxux fatturi li waħidhom jippermettu li jiġi konkluż li, fis-sens tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas, din il-persuna ma “toqgħodx” f’dan l-Istat Membru, jistgħu xorta jkunu rilevanti għall-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi meta hija tiġi mitluba tevalwa jekk il-persuna kkonċernata hijiex koperta mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

51      F’dak li jikkonċerna ċ-ċirkustanza, imsemmija fil-punt (ċ) tal-ewwel domanda, li skontha din il-persuna twettaq reati b’mod sistematiku fl-Istat Membru li jeżegwixxi u l-fatt, deskritt fil-punt (d) tal-istess domanda, li hija miżmuma f’detenzjoni hemmhekk għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena, għandu jiġi kkonstatat li dawn huma fatturi irrilevanti għall-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi meta hija jkollha, fl-ewwel lok, tiddetermina jekk il-persuna kkonċernata “toqgħod[x]” jew le fis-sens tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas. Min-naħa l-oħra, jekk jitqies li l-persuna kkonċernata “toqgħod” fl-Istat Membru li jeżegwixxi, tali fatturi jista’ jkollhom ċerta rilevanza fil-kuntest tal-evalwazzjoni li l-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi, jekk ikun il-każ, hija mitluba tagħmel sussegwentement sabiex isir magħruf jekk huwiex ġustifikat li mandat ta’ arrest Ewropew ma jiġix implementat.

52      Minn dan isegwi li, mingħajr mhuma determinanti, tnejn mill-erba’ ċirkustanzi msemmija mill-qorti tar-rinviju fl-ewwel domanda tagħha, fil-punti (a) u (b), jista’ jkollhom rilevanza għall-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi meta jkollha tiddetermina jekk is-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas.

53      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl ta’ diversi fatturi msemmija mill-qorti tar-rinviju bħala li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni ta’ persuna bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, partikolarment it-tul, in-natura u l-kundizzjonijijiet taż-żmien li tkun qattgħet fl-Istat Membru li jeżegwixxi kif ukoll in-nuqqas ta’ rabtiet familjari u l-eżistenza ta’ rabtiet ekonomiċi ferm dgħajfa mal-Istat Membru li jeżegwixxi, tali persuna ma tistax tiġi kkunsidrata li hija koperta bit-terminu “toqgħod” fis-sens tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas.

54      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas għandu jiġi interpretat fis-sens li:

–      persuna mfittxija “tirrisjedi” fl-Istat Membru li jeżegwixxi meta tkun stabbilixxiet ir-residenza reali tagħha f’dan tal-aħħar u hija “toqgħod” hemm meta, wara perijodu stabbli ta’ ċertu tul ta’ żmien li tkun qattgħet f’dan l-Istat Membru, tkun akkwistat rabtiet ma’ dan l-Istat ta’ livell simili għal dawk li jirriżultaw minn residenza;

–        sabiex jiġi ddeterminat jekk jeżistux rabtiet bejn il-persuna mfittxija u l-Istat Membru li jeżegwixxi li jippermettu li jiġi kkonstatat li din il-persuna hija koperta bit-terminu “toqgħod” fis-sens ta’ dan l-Artikolu 4(6), hija l-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi li għandha tagħmel evalwazzjoni globali ta’ diversi fatturi oġġettivi li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni ta’ din il-persuna, li jinkludu, partikolarment, it-tul, in-natura u l-kundizzjonijiet taż-żmien li l-persuna mfittxija tkun qattgħet fl-Istat Membru li jeżegwixxi kif ukoll ir-rabtiet familjari u ekonomiċi li din il-persuna jkollha mal-Istat Membru li jeżegwixxi.

 Fuq it-tieni domanda

55      Skont il-qorti tar-rinviju, hija għandha tawtorizza l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra S. Kozłowski jekk hija tikkonstata li din il-persuna m’għandhiex ir-“residenza abitwali” tagħha, fis-sens tal-Artikolu 83b(2)(b) tal-IRG, fil-Ġermanja.

56      Fid-dawl tal-punti 47 u 53 ta’ din is-sentenza kif ukoll tar-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-ewwel domanda, mhemmx aktar lok f’dan il-każ li tingħata risposta għat-tieni domanda magħmula peress li l-persuna mfittxija fil-kawża prinċipali ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas.

 Fuq l-ispejjeż

57      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI, tat-13 ta’ Ġunju 2002, fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment [konsenja] bejn l-Istati Membri għandu jiġi interpretat fis-sens li:

–        persuna mfittxija “tirrisjedi” fl-Istat Membru li jeżegwixxi meta tkun stabbilixxiet ir-residenza reali tagħha f’dan tal-aħħar u hija “toqgħod” hemm meta, wara perijodu stabbli ta’ ċertu tul ta’ żmien li tkun qattgħet f’dan l-Istat Membru, tkun akkwistat rabtiet ma’ dan l-Istat ta’ livell simili għal dawk li jirriżultaw minn residenza;

–        sabiex jiġi ddeterminat jekk jeżistux rabtiet bejn il-persuna mfittxija u l-Istat Membru li jeżegwixxi li jippermettu li jiġi kkonstatat li din il-persuna hija koperta bit-terminu “toqgħod” fis-sens ta’ dan l-Artikolu 4(6), hija l-awtorità ġudizzjara li teżegwixxi li għandha tagħmel evalwazzjoni globali ta’ diversi fatturi oġġettivi li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni ta’ din persuna, li jinkludu, partikolarment, it-tul, in-natura u l-kundizzjonijiet taż-żmien li l-persuna mfittxija tkun qattgħet fl-Istat Membru li jeżegwixxi kif ukoll ir-rabtiet familjari u ekonomiċi li din il-persuna jkollha mal-Istat Membru li jeżegwixxi.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.