Language of document : ECLI:EU:T:2018:180

Kawża T-271/10 RENV

(Pubblikazzjoni ta’ estratti)

H

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Aġent nazzjonali kkollokat mal-EUPM fil-Bosnja-Ħerzegovina – Deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid – Kompetenza tal-Kap tal-EUPM li jiddeċiedi dwar l-assenjazzjoni mill-ġdid ta’ aġent nazzjonali kkollokat – Obbligu ta’ motivazzjoni – Użu ħażin ta’ poter – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Fastidju psikoloġiku”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tal-11 ta’ April 2018

1.      Proċedura ġudizzjarja – Tressiq ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża – Kundizzjonijiet – Estensjoni ta’ motiv eżistenti  – Ammissibbiltà

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 84(1))

2.      Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Missjonijiet ċivili tal-Unjoni Ewropea – Awtorizzazzjoni għall-assenjazzjoni tal-persunal f’kull missjoni ċivili tal-Unjoni – Kompetenza tal-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili – Awtorizzazzjoni għall-assenjazzjoni u għall-assenjazzjoni mill-ġdid tal-persunal f’kull missjoni ċivili – Kompetenza tal-Kap tal-missjoni ċivili kkonċernata – Assenjazzjoni mill-ġdid ta’ aġent nazzjonali kkollokat – Rekwiżit ta’ konsultazzjoni tal-Istat Membru ta’ oriġini – Assenza

(Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/906/PESK, Artikoli 5 u 6)

3.      Rikors għal annullament – Motivi – Nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni – Motiv distint minn dak li jirrigwarda l-legalità fuq il-mertu

(Artikoli 263 TFUE u 296 TFUE)

4.      Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Missjoni ċivili li taqa’ taħt il-politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżura ta’ assenjazzjoni mill-ġdid ta’ aġent nazzjonali kkollokat – Rekwiżiti minimi

(Artikolu 296 TFUE)

5.      Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Missjonijiet ċivili tal-Unjoni Ewropea – Deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid ta’ aġent nazzjonali kkollokat – Assenjazzjoni mill-ġdid li sseħħ f’kuntest ta’ fastidju psikoloġiku – Rikors tal-aġent nazzjoni kkollokat ikkonċernat – Modalitajiet

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 12a)

6.      Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Missjonijiet ċivili tal-Unjoni Ewropea – Deċiżjoni ta'assenjazzjoni mill-ġdid ta’ aġent nazzjonali kkollokat – Rikors tal-aġent nazzjoni kkollokat ikkonċernat – Motivi – Użu ħażin ta’ poter – Kunċett – Deċiżjoni konformi mal-interess tas-servizz – Użu ħażin ta’ poter – Assenza

7.      L-Unjoni Ewropea – Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet –Deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid ta’ aġent nazzjonali kkollokat – Portata tal-istħarriġ – Stħarriġ limitat li japplika b’mod partikolari għall-evalwazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet ta’ opportunità li fuqhom ġiet ibbażata l-imsemmija deċiżjoni

(Artikolu 275 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47)

8.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Illegalità – Dannu – Rabta kawżali – Kundizzjonijiet kumulattivi

(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 37)

2.      Huwa l-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili , li jeżerċita, taħt il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà u taħt l-awtorità ġenerali tar-Rappreżentant Għoli, il-kmand u l-kontroll, fil-livell strateġiku, għall-pjanifikazzjoni u t-tmexxija tal-missjonijiet ċivili kollha fil-kuntest tal-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni u li huwa l-kmandant ġenerali tal-kapijiet kollha ta’ missjonijiet ċivili, li għandu l-kompetenza li jassenja l-persunal għal kull missjoni ċivili tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni 2009/906 dwar il-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea fil-Bosnja u Ħerzegovina. Min-naħa l-oħra, fi ħdan kull missjoni, huwa biss il-Kap tal-missjoni ċivili kkonċernata li għandu l-kompetenza ta’ assenjazzjoni u ta’ assenjazzjoni mill-ġdid tal-persunal.

Fill-fatt, minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-kontroll operattiv, eżerċitat fuq il-post mill-Kap tal-mission, jimplika neċessarjament il-possibbiltà li dan tal-aħħar jadotta deċiżjonijiet, inklużi dwar assenjazzjoni mill-ġdid tal-persunal, fl-iqsar terminu possibbli, u li jissuġġetta lill-persunal ikkollokat mill-Istati Membri għall-imsemmija deċiżjonijiet, għall-finijiet tat-twettiq tal-missjoni.

Issa, il-kontroll operattiv jimplika neċessarjament il-possibbiltà li l-Kap tal-missjoni ċivili kkonċernata jadotta deċiżjonijiet, inklużi dwar assenjazzjoni mill-ġdid tal-persunal, fl-iqsar terminu possibbli, u li jissuġġetta lill-persunal ikkollokat mill-Istati Membri għall-imsemmija deċiżjonijiet, għall-finijiet tat-twettiq tal-missjoni. Din in-natura operattiva hija, għalhekk, inkompatibbli ma proċedura ta’ konsultazzjoni minn qabel tal-awtorità ta’ oriġini tal-persunal ikkollokat.

(ara l-punti 69, 70, 78)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 88)

4.      Il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha tkun xierqa għan-natura tal-att inkwistjoni u għall-kuntest li fih ikun ġie adottat. Hija għandha turi b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’tali mod li tippermetti li l-parti kkonċernata ssir taf il-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u li l-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ.

F’dan ir-rigward, ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tittratta l-punti ta’ fatt u ta’ liġi kollha rilevanti, minħabba li l-kwistjoni ta’ jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax r-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl ta’ kliemha iżda wkoll tal-kuntest tagħha u tar-regoli legali kollha dwar il-materja inkwistjoni. Għalhekk, minn naħa, att li jikkawża preġudizzju huwa mmotivat b’mod suffiċjenti jekk ġie adottat f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata li permezz tiegħu tkun tista’ tifhem il-portata tal-miżura meħuda fir-rigward tagħha. Min-naħa l-oħra, il-grad ta’ preċiżjoni tal-motivazzjoni ta’ deċiżjoni għandu jkun proporzjonali għall-possibbiltajiet materjali u għall-kundizzjonijiet tekniċi jew ta’ żmien li fih din għandha tingħata.

Għalhekk, huwa biżżejjed li l-motivazzjoni ta’ att li jimponi miżura ta’ assenjazzjoni mill-ġdid tal-persunal, fi ħdan missjoni ċivili tal-Unjoni li taqa’ taħt il-politika estera u ta’ sigurtà komuni, tidentifika r-raġunijiet speċifiċi u konkreti li għalihom l-awtur tal-imsemmi att iqis, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu ta’ evalwazzjoni, li l-persuna kkonċernata għandha tkun is-suġġett ta’ tali miżura.

Barra minn hekk, il-kwistjoni ta’ jekk l-obbligu ta’ motivazzjoni ġiex osservat għandha, bħala prinċipju, tiġi evalwata skont l-elementi ta’ informazzjoni li r-rikorrent kellu, l-iktar tard, fil-mument tal-preżentata tar-rikors.

(ara l-punti 89-92)

5.      L-eżistenza ta’ kuntest ta’ fastidju psikoloġiku tista’ tiġi invokata insostenn ta’ talbiet għal annullament li ma humiex imressqa kontra ċ-ċaħda ta’ talba għal assistenza mressqa minn aġent minħabba li huwa jqis li huwa vittma ta’ fastidju psikoloġiku, iżda li huma mressqa kontra deċiżjonijiet oħra adottati mill-amministrazzjoni.

B’mod partikolari, l-eżistenza ta’ kuntest ta’ fastidju psikoloġiku tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni, meta l-awtur ta’ dan il-fastidju huwa wkoll il-firmatarju tad-deċiżjoni kkontestata, sabiex jiġi stabbilit li din id-deċiżjoni ġiet adottata bl-iskop li tkun ta’ ħsara għall-aġent u li din hija, għalhekk, ivvizzjata minn użu ħażin ta’ poter. Għalhekk, f’dak li jirrigwarda allegazzjoni ta’ fastidju psikoloġiku invokata insostenn ta’ talbiet imressqa kontra deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid, l-imsemmija deċiżjoni tista’ tkun ivvizzjata minn użu ħażin ta’ poter kemmil-darba din ġiet adottata biex tkun ta’ ħsara għall-persunalità, għad-dinjità jew għall-integrità fiżika jew psikika tal-aġent.

F’dan ir-rigward, l-aġenti kkolokati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, li l-istatus tagħhom huwa rregolat mir-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, u dawk ikkollokati mill-Istati Membri huma suġġetti għall-istess regoli f’dak li jirrigwarda l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom fuq il-post. Għalhekk, ma hemm xejn li jipprekludi li aġent ikkolokat minn Stat Membru jinvoka l-eżistenza ta’ fastidju psikoloġiku insostenn ta’ talbiet għal annullament imressqa kontra deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid.

Barra minn hekk, huwa possibbli li l-fatti invokati biex tintwera l-eżistenza ta’ fastidju psikoloġiku, għalkemm dawn ma jistgħux jiġu kklasifikati bħala tali fis-sens tal-ġurisprudenza żviluppata fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, jippermettu, minkejja dan, li jiġi deċiż li d-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid hija vvizzjata minn użu ħażin ta’ poter u li din għandha, b’konsegwenza ta’ dan, tiġi annullata.

(ara l-punti 105-108)

6.      Fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ippreżentat minn aġent nazzjonali kkollokat fi ħdan missjoni ċivili tal-Unjoni Ewropea kontra deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid fir-rigward tiegħu, il-kunċett ta’ użu ħażin ta’ poter għandu portata tabilħaqq speċifika li tirreferi għall-użu li l-awtorità amministrattiva tagħmel mill-poteri tagħha għal skop ieħor għajr dak li għalih dawn il-poteri ngħatawlha.

F’dan ir-rigward, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-organizzazzjoni tad-dipartimenti tagħhom skont il-missjonijiet fdati lilhom u fl-assenjazzjoni, għat-twettiq ta’ dawn il-missjonijiet, tal-persunal li jinsab għad-dispożizzjoni tagħhom, bil-kundizzjoni, madankollu, li din l-assenjazzjoni ssir fl-interess tas-servizz u tkun tosserva l-ekwivalenza tal-impjiegi.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-istħarriġ tal-qorti Komunitarja għandu jkun limitat għall-kwistjoni li jsir magħruf jekk l-istituzzjoni kkonċernata żammitx il-limiti raġonevoli permessi u jekk użatx is-setgħa diskrezzjonali tagħha b’mod manifestament żbaljat.

Barra minn hekk, ikun hemm użu ħażin ta’ poter biss jekk ikun hemm indizji oġġettivi, rilevanti u uniformi li jippermettu li jiġi stabbilit li l-att ikontestat għandu għan ieħor għajr dak assenjat lilu mid-dispożizzjonijiet applikabbli u li, għalhekk, ma jistax ikun hemm użu ħażin ta’ poter meta jkun ġie deċiż li deċiżjoni ma tmurx kontra l-interess tas-servizz.

F’dan ir-rigward, ma huwiex biżżejjed li jiġu invokati ċerti fatti insostenn tat-talbiet, iżda għandhom jitressqu wkoll indizji li jkunu preċiżi, oġġettivi u uniformi biżżejjed sabiex isostnu l-affidabbiltà tagħhom jew, għall-inqas, il-probabbiltà tagħhom, li fin-nuqqas tagħhom l-eżattezza materjali tal-affermazzjonijiet tal-istituzzjoni inkwistjoni ma tistax tiġi kkontestata.

Għalhekk, l-evalwazzjoni ġenerali tal-indizzji ta’ użu ħażin ta’ poter ma tistax tkun ibbażata fuq sempliċi allegazzjonijiet, fuq indizzji mhux suffiċjentement preċiżi jew li huma oġġettivi u lanqas rilevanti.

(ara l-punti 110-115)

7.      Il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni hija eskluża, skont l-Artikolu 275 TFUE, fir-rigward tal-aspett operattiv ta’ deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid ta’ aġent nazzjonali kkolokat. Min-naħa l-oħra, l-istħarriġ tagħha huwa peremess fir-rigward tal-verifika tal-osservanza tar-regoli proċedurali u ta’ motivazzjoni, tal-eżattezza materjali tal-fatti kif ukoll tal-assenza ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti u ta’ użu ħażin ta’ poter fil-kuntest tal-miżura ta’ assenjazzjoni mill-ġdid. Sa fejn il-qorti tal-Unjoni ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-Kap ta’ missjoni dwar il-fatti u ċ-ċirkostanzi li jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ tali miżuri b’evalwazzjoni tagħha stess, l-istħarriġ li hija twettaq huwa stħarriġ limitat u japplika, b’mod partikolari, għall-evalwazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet ta’ opportunità li servew ta’ bażi għal tali miżuri.

F’dan ir-rigward, il-Kap ta’ missjoni li jkun adotta din id-deċiżjoni għandu setgħa wiesgħa ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ assenjazzjoni mill-ġdid ta’ persunal fuq il-post. Madankollu, din is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa ma tipprekludix lill-qorti tal-Unjoni milli tivverifika, fil-kuntest tal-istħarriġ tagħha tal-legalità, l-eżattezza materjali tal-fatti li fuqhom dan il-Kap ta’ missjoni bbaża ruħu.

Fil-fatt, l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea teżiġi b’mod partikolari li l-qorti tal-Unjoni tiżgura li deċiżjoni li għandha portata individwali għall-persuna kkonċernata tkun imsejjsa fuq bażi fattwali suffiċjentement solida. Dan jimplika verifika tal-fatti li taw lok għall-imsemmija deċiżjoni, b’tali mod li l-istħarriġ ġudizzjarju ma jkunx limitat għall-verifika tal-probabbiltà astratta tal-motivi invokati, iżda jkun jirrigwarda l-kwistjoni ta’ jekk dawn il-motivi humiex sostnuti.

(ara l-punti 155-157)

8.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 170, 171)