Language of document : ECLI:EU:T:2020:548

Kawża T-271/10 RENV II

H

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tat-18 ta’ Novembru 2020

“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Aġent nazzjonali kkollokat mal-EUPM fil-Bosnja-Ħerzegovina – Deċiżjoni ta’ assenzjazzjoni mill-ġdid – Użu ħażin ta’ poter – Interess tas-servizz – Fastidju psikoloġiku – Natura punittiva tal-assenjazzjoni mill-ġdid – Responsabbiltà – Dannu morali”

1.      Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Missjonijiet ċivili tal-Unjoni Ewropea – Persunal – Assenjazzjoni – Setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet kompetenti – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti


(ara l-punti 43, 44, 49)

2.      Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Missjonijiet ċivili tal-Unjoni Ewropea – Persunal – Kawża mressqa quddiem il-qorti tal-Unjoni – Rikors ta’ aġent nazzjonali kkollokat kontra deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid – Assenjazzjoni mill-ġdid li sseħħ f’kuntest ta’ fastidju psikoloġiku – Motivi – Użu ħażin ta’ poter – Kunċett – Deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid meħuda minħabba l-iżvelar mill-membru tal-persunal ikkonċernat ta’ irregolaritajiet fit-tmexxija tal-missjoni – Natura punittiva tal-assenjazzjoni mill-ġdid – Inklużjoni


(ara l-punti 44, 45, 48, 50, 55, 77)

3.      Uffiċjali – Drittijiet u obbligi – Libertà ta’ espressjoni – Żvelar ta’ fatti li jistgħu jippermettu li tiġi preżunta l-eżistenza ta’ attività illegali jew ta’ nuqqas serju ta’ twettiq ta’ obbligu – Portata tal-obbligu – Protezzjoni tal-uffiċjal li kkomunika tali fatti – Portata – Applikabbiltà għal membru ta’ missjoni tal-pulizija tal-Unjoni Ewropea

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 22a)

(ara l-punt 76)

4.      Proċedura ġudizzjarja – Suġġett tat-tilwima – Modifika fil-mori tal-kawża – Twessiegħ tat-talba għal kumpens fl-istadju tar-replika – Talba bbażata fuq elementi żvelati fil-mori tal-kawża – Ammissibbiltà

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikoli 76(e), u 84(1))

(ara l-punti 84, 88)

5.      Proċedura ġudizzjarja – Produzzjoni tal-provi – Terminu – Produzzjoni tardiva ta’ provi – Kundizzjonijiet – Applikabbiltà għal proċedura ta’ rinviju quddiem il-Qorti Ġenerali

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 85(3))

(ara l-punt 90)

6.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Dannu reali u ċert ikkawżat minn att illegali – Annullament tal-att illegali kkontestat – Kumpens adegwat għad-dannu morali – Limiti

(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

(ara l-punti 97, 98)

7.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Illegalità – Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi – Kundizzjoni mhux neċessarja fil-kawżi tal-uffiċjali tal-missjonijiet tal-pulizija tal-Unjoni Ewropea

(Artikoli 268, 270 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE; Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

(ara l-punt 105)

8.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Dannu – Dannu li jista’ jiġi kkumpensat – Dannu morali kkawżat mill-assenjazzjoni mill-ġdid ta’ membru tal-persunal ta’ missjoni tal-pulizija tal-Unjoni Ewropea minn pożizzjoni ta’ “kariga għolja” għal pożizzjoni “mhux ta’ kariga għolja” f’kuntest ta’ żvelar ta’ irregolaritajiet minnu – Inklużjoni

(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

(ara l-punt 108)

Sunt

Ir-rikorrenti, H, maġistrat Taljan, ġiet ikkollokata mal-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea (EUPM) (1) f’Sarajevo (il-Bosnja-Ħerzegovina), sabiex hemmhekk teżerċita l-funzjonijiet ta’ Criminal Justice Unit Adviser, mill‑14 ta’ Novembru 2008. Il-kollokament tagħha ġie estiż darbtejn sabiex tokkupa l-pożizzjoni ta’ Chief of Legal Office, li sussegwentement ingħatat l-isem ġdid ta’ Senior Legal Advisor/Legal Counsel.

Permezz ta’ ittra tas‑17 ta’ Marzu 2010, ir-rikorrenti u waħda mill-kollegi tagħha informaw lill-ġerarkija tagħhom b’allegati irregolaritajiet imwettqa fil-ġestjoni tal-EUPM. Sussegwentement, permezz ta’ żewġ deċiżjonijiet tal-Kap tal-EUPM (2), ir-rikorrenti ġiet assenjata mill-ġdid, għal raġunijiet operattivi bbażati fuq in-neċessità li jkun hemm pariri minn prosekutur f’uffiċċju reġjonali, fil-pożizzjoni ta’ Criminal Justice AdviserProsecutor fi ħdan l-uffiċċju reġjonali ta’ Banja Luka (il-Bosnja-Ħerzegovina).

Ir-rikorrenti ppreżentat rikors li għandu bħala suġġett, fl-ewwel lok, talba għall-annullament tad-deċiżjonijiet ta’ assenjazzjoni mill-ġdid, u, fit-tieni lok, talba għal kumpens għad-dannu morali u materjali allegatament imġarrab. Insostenn tat-talba tagħha għal annullament, ir-rikorrenti invokat, b’mod partikolari, l-eżistenza ta’ fastidju psikoloġiku u użu ħażin ta’ poter. Il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjonijiet ikkontestati u laqgħet it-talba għad-danni sa fejn din kienet tirrigwarda l-kumpens għad-dannu morali kkawżat minn dawn id-deċiżjonijiet.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Qabel kollox, il-Qorti Ġenerali tinnota, minn naħa, li d-deċiżjonijiet tal-EUPM fil-qasam tar-riżorsi umani għandhom aspett operattiv li jaqa’ taħt il-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK) u, min-naħa l-oħra, li dawn jikkostitwixxu, min-natura tagħhom stess, atti ta’ ġestjoni tal-persunal, bħal kull deċiżjoni simili adottata mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħhom.

Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali tinnota li deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid tkun ivvizzjata minn użu ħażin ta’ poter li kieku ġiet adottata f’kuntest ta’ fastidju psikoloġiku u bil-għan li ssir ħsara lill-personalità, lid-dinjità jew lill-integrità fiżika jew psikoloġika tal-persuna suġġetta għal tali deċiżjoni. Il-Qorti Ġenerali tosserva li dan huwa validu wkoll fil-każ fejn l-assenjazzjoni mill-ġdid hija ekwivalenti, fir-realtà, għal sanzjoni fil-konfront tar-rikorrenti għall-kritika tagħha tal-ġestjoni tal-EUPM. Skont il-Qorti Ġenerali, tali ċirkustanzi jikkostitwixxu użu ħażin ta’ poter, sa fejn il-Kap tal-EUPM uża s-setgħat tiegħu għal għan differenti minn dak li dawn is-setgħat ingħatawlu u, barra minn hekk, l-assenjazzjoni mill-ġdid ma tistax titqies li hija fl-interess tas-servizz. F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tilqa’ l-motiv ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter.

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tqis li l-allokazzjoni ta’ ammont ta’ EUR 30 000, evalwat ex æquo et bono, jikkostitwixxi kumpens adegwat għad-dannu morali mġarrab mir-rikorrenti minħabba l-assenjament mill-ġdid tagħha permezz tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

Fir-rigward tat-talba għad-danni intiża għall-kumpens għad-dannu materjali, il-Qorti Ġenerali tosserva li r-rikorrenti ma fformulatx din it-talba fir-rikors promotur. Madankollu, hija tqis li d-dannu materjali allegatament imġarrab mir-rikorrenti jinsab f’kuntest fattwali li seħħ wara l-preżentata tar-rikors filwaqt li jippreżenta rabta, skont ir-rikorrenti, mal-atti ta’ fastidju psikoloġiku allegatament subiti minn din tal-aħħar fi ħdan l-EUPM u msemmija fir-rikors. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li jkun kuntrarju għall-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u għar-rekwiżit tal-ekonomija tal-ġudizzju li r-rikorrenti tiġi obbligata tippreżenta rikors ġdid f’dak li jirrigwarda t-talba għad-danni inkwistjoni. Fir-rigward tal-mertu, din it-talba hija miċħuda mill-Qorti Ġenerali.

L-EUPM bdiet fl‑1 ta’ Jannar 2003, ġiet estiża diversi drabi u ntemmet matul is-sena 2012.


1      L-EUPM ġiet stabbilita bl-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2002 fuq il-Missjoni tal-Pulizija ta’ l-Unjoni Ewropea (2002/210/PESK) (ĠU Edizzjoni speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 278), biex tiġi żgurata l-kontinwità tat-Task Force Internazzjonali tal-Pulizija tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Bosnja-Ħerzegovina


2      Il-kap tal-EUPM imsemmi fl-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/906/PESK, tat‑8 ta’ Diċembru 2009, dwar il-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea (EUPM) fil-Bosnja u Ħerzegovina (ĠU 2009, L 322, p. 22).