Language of document : ECLI:EU:T:2006:157

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tieni Awla)

13 ta' Ġunju 2006 (*)

"Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta' oppożizzjoni – Applikazzjoni għal trade mark figurattiva li tikkonsisti f'rappreżentazzjoni ta' ġilda sewda u bajda ta' baqra – Trade mark figurattiva nazzjonali preċedenti li parti minnha hija kkostitwita minn rappreżentazzjoni ta' ġilda sewda u bajda ta' baqra – Karattru distintiv ta' l-element ta' trade mark – Nuqqas ta' probabbiltà ta' konfużjoni – Ċaħda ta' l-oppożizzjoni – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94"

Fil-kawża T-153/03,

Inex SA, stabbilita f'Bavegem (il-Belġju), irrappreżentata minn T. van Innis, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinni) (UASI), inizjalment irrappreżentat minn U. Pfleghar u G. Schneider, wara minn Schneider u A. Folliard-Monguiral, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord ta' l-Appell ta' l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinni), intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, li hija

Robert Wiseman & Sons Ltd, stabbilita fi Glasgow (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn A. Roughton, barrister,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord ta' l-Appell ta' l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinni) ta' l-4 ta' Frar 2003 (kawża R 106/2001-2), dwar proċedimenti ta' oppożizzjoni bejn Inex SA u Robert Wiseman & Sons Ltd,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla),

komposta minn J. Pirrung, A. W. H. Meij u I. Pelikánová, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-18 ta' April 2003,

wara li rat ir-risposti ta' l-intervenjenti u ta' l-Uffiċċju ta' l-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinni) ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fl-4 u fit-12 ta' Settembru 2003 rispettivament,

wara s-seduta tas-7 ta' Settembru 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1       Fl-1 ta' April 1996, l-intervenjenti ppreżentat applikazzjoni għal trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinni) (iktar 'il quddiem l-"Uffiċċju"), skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 ta' l-20 ta' Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendat.

2       It-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni hi s-sinjal figurattiv li ġej:

Image not foundImage not found

3       Il-prodotti li għalihom ġiet mitluba r-reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 29, 32 u 39 tal-Ftehim ta' Nizza dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali tal-prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tat-trade marks, tal-15 ta' Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u li jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni segwenti:

–       klassi 29: "Ħalib, xarbiet tal-ħalib, prodotti tal-ħalib, krema u jogurt";

–       klassi 32: "Birer; ilma minerali u bil-gass u xarbiet oħrajn mhux alkoħoliċi; xarbiet tal-frott u meraq tal-frott; xiroppi u preparazzjonijiet oħrajn għall-produzzjoni ta' xarbiet";

–       klassi 39: "Ġbir, kunsinna, distribuzzjoni u trasport ta' merkanziji bis-sewqan".

4       Fis-27 ta' Ottubru 1997, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-Trade Marks Komunitarji Nru 25/97.

5       Fit-22 ta' Jannar 1998, ir-rikorrenti ressqet oppożizzjoni, skond l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94, kontra l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, billi invokat l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

6       L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq it-trade mark figurattiva preċedenti Nru 580 538, irreġistrata fil-pajjiżi tal-Benelux fis-17 ta' Ottubru 1995 għall-prodotti li jaqgħu taħt il-klassijiet 29 u 30 skond il-Ftehim ta' Nizza u riprodotta hawn taħt:

Image not foundImage not found

7       L-oppożizzjoni kienet tirrigwarda parti mill-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti, jiġifieri l-"Ħalib u prodotti tal-ħalib", u saret fir-rigward tal-prodotti "Ħalib, xarbiet tal-ħalib u prodotti tal-ħalib" koperti mill-applikazzjoni għal trade mark. B'risposta għall-osservazzjonijiet ta' l-intervenjenti, ir-rikorrenti ppreċiżat li l-oppożizzjoni saret fir-rigward tal-prodotti kollha fil-klassi 29 imsemmija fl-applikazzjoni għal trade mark, inklużi l-"kremi u jogurts".

8       Permezz ta' deċiżjoni tad-29 ta' Novembru 2000, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni minħabba l-fatt li s-sinjali in kwistjoni kienu differenti biżżejjed sabiex ma tinħoloqx probabbiltà ta' konfużjoni.

9       Fit-22 ta' Jannar 2001, ir-rikorrenti appellat mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni quddiem l-UASI, skond l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94.

10     Permezz tad-deċiżjoni ta' l-4 ta' Frar 2003 (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), it-Tieni Bord ta' l-Appell ċaħad l-appell. Il-Bord ta' l-Appell indika li kienu jeżistu differenzi viżivi kbar bejn it-trade marks in kwistjoni. Madankollu, huwa kkunsidra l-fatt li t-trade marks in kwistjoni kienu jixxiebhu kunċettwalment peress illi kienu jinvokaw it-tnejn li huma l-kunċett ta' baqra. Iżda, minħabba l-fatt li dan ix-xebh kien jittratta element mhux daqstant distintiv għall-prodotti in kwistjoni, dan ma ġiex ikkunsidrat bħala biżżejjed sabiex ikun jista' jiġi konkluż li teżisti probabbiltà ta' konfużjoni. Għaldaqstant, minkejja l-fatt li ż-żewġ trade marks kienu jkopru prodotti identiċi, il-Bord ta' l-Appell ikkonkluda li ma kienx hemm probabbiltà ta' konfużjoni.

 It-talbiet tal-partijiet

11     Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex jogħġobha:

–       tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–       tikkundanna l-Uffiċċju jbati l-ispejjeż.

12     L-Uffiċċju jitlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex jogħġobha:

–       tiċħad ir-rikors;

–       tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

13     L-intervenjenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex jogħġobha:

–       tiċħad ir-rikors;

–       tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż ta' l-intervenjenti.

 Id-dritt

14     Ir-rikorrenti tinvoka raġuni waħda biss, ibbażata fuq il-ksur ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

 L-argumenti tal-partijiet

15     Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord ta' l-Appell ma osservax ir-regola ta' interdipendenza bejn ix-xebh tat-trade marks u dak tal-prodotti u servizzi, kif spjegata fis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' Settembru 1998, Canon (C-39/97, Ġabra p. I-5507), u tat-22 ta' Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer (C-342/97, Ġabra p. I-3819), li jgħidu li grad baxx ta' xebh bejn il-prodotti jew servizzi koperti jista' jiġi kkumpensat bi grad għoli ta' xebh bejn it-trade marks konfliġġenti, u viċi versa.

16     Barra minn hekk, il-Bord ta' l-Appell ma osservax ir-regola li tgħid li l-evalwazzjoni globali tax-xebh bejn is-sinjali in kwistjoni għandha tkun ibbażata fuq l-impressjoni sħiħa mogħtija minnhom, meta wieħed jieħu in kunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-elementi distintivi u dominanti tagħhom, u ċ-ċirkustanza li l-konsumatur medju rarament għandu l-possibbiltà jagħmel paragun dirett bejn it-trade marks, li tagħhom ikollu biss immaġini mhux perfetta. Ir-rikorrenti ssostni li, f'dan ir-rigward, li l-Bord ta' l-Appell kellu jasal għall-konklużjoni li l-probabbiltà ta' konfużjoni bejn is-sinjali kienet żdiedet minħabba l-fatt li l-prodotti kkonċernati kienu intiżi għall-pubbliku in ġenerali.

17     Ir-rikorrenti ssostni, barra minn hekk, li l-Bord ta' l-Appell ikkontradixxa lilu nnifsu, minn naħa, billi kkonstata li l-aspett figurattiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, li jirrappreżenta ġilda ta' baqra, kien identiku għall-element dominanti tat-trade mark preċedenti u, min-naħa l-oħra, billi kkunsidra li t-trade marks in kwistjoni kien fihom differenzi viżivi kbar. Skond ir-rikorrenti, il-Bord ta' l-Appell kellu jasal għall-konklużjoni li jeżisti xebh viżiv bejn iż-żewġ trade marks, billi waħda minnhom hija kkostitwita esklużivament mill-element dominanti ta' l-oħra.

18     Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-element dominanti tat-trade mark preċedenti hija neċessarjament distintiva minħabba l-fatt li waħda mit-trade marks hija kkostitwita esklużivament minn dak l-element. F'dan ir-rigward, fil-pajjiżi tal-Benelux, l-element dominanti tat-trade mark preċedenti huwa distintiv peress illi l-ippakkjar tagħha huwa l-uniku wieħed, f'dawn il-pajjiżi, li għandu rappreżentazzjoni ta' ġilda sewda u bajda ta' baqra bħala l-element dominanti tiegħu. B'risposta għad-domandi bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza, kif ukoll waqt is-seduta, ir-rikorrenti ppreċiżat li, billi l-intervenjenti ma tikkontestax il-fatt li t-trade mark preċedenti kienet l-unika waħda, fil-pajjiżi tal-Benelux, li tuża d-disinn ta' ġilda ta' baqra bħala element dominanti, hija ammettiet impliċitament li dan l-element kien distintiv. Il-Qorti tal-Prim'Istanza tkun qed tikser il-prinċipju li l-Qorti għandha tiddeċiedi biss fuq id-domandi mressqa lilha li kieku kellha tikkontesta din il-konstatazzjoni. Ir-rikorrenti tenfasizza wkoll li m'hemmx dubju li l-element dominanti tat-trade mark tagħha huwa distintiv, meta jittieħed in kunsiderazzjoni n-natura kompetittiva ħafna tas-suq.

19     L-Uffiċċju u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

20     Skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, jekk issir oppożizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni m’għandhiex tiġi rreġistrata meta, minħabba l-identiċità jew ix-xebh tagħha mat-trade mark preċedenti u minħabba l-identiċità jew xebh tal-prodotti jew servizzi koperti miż-żewġ trade marks, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni f'moħħ il-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta. Il-probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti. Barra minn hekk, skond l-Artikolu 8(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 40/94, it-terminu "trade marks preċedenti" jfisser it-trade marks irreġistrati fi Stat Membru, li d-data tal-preżentata tagħhom tiġi qabel dik ta' l-applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja.

21     Skond ġurisprudenza kostanti, probabbiltà ta' konfużjoni hija l-probabbiltà li l-pubbliku jista' jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi in kwistjoni joriġinaw mill-istess impriża jew, skond il-każ, minn impriżi marbuta ekonomikament [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-23 ta' Ottubru 2002, Matratzen Concord vs L-UASI – Hukla Germany (MATRATZEN), T-6/01, Ġabra p. II-4335, punt 23, u tat-3 ta' Lulju 2003, Alejandro vs L-UASI – Anheuser-Busch (BUDMEN), T-129/01, Ġabra p. II-2251, punt 37].

22     Il-probabbiltà ta' konfużjoni għandha tiġi kkunsidrata globalment, skond il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tas-sinjali u tal-prodotti jew servizzi in kwistjoni, billi jittieħdu in kunsiderazzjoni l-fatturi kollha rilevanti fil-kawża [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-22 ta' Ġunju 2004, Ruiz-Picasso et vs L-UASI – DaimlerChrysler (PICARO), T-185/02, Ġabra p. II-1739, punt 50].

23     Din l-evalwazzjoni globali tieħu in kunsiderazzjoni, b'mod partikolari, l-għarfien tat-trade mark fuq is-suq, kif ukoll il-grad ta' xebh bejn it-trade marks u bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti. F'dan ir-rigward, hija timplika ċerta interdipendenza bejn il-fatturi meħuda in kunsiderazzjoni, b'tali mod li grad baxx ta' xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti jista' jiġi kkumpensat bi grad għoli ta' xebh bejn it-trade marks, u viċi versa (sentenzi Canon, iċċitata iktar 'il fuq, punt 17, u Lloyd Schuhfabrik Meyer, iċċitata iktar 'il fuq, punt 19).

24     Barra minn hekk, il-perċezzjoni li konsumatur medju tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati jkollu tat-trade marks, għandha rwol importanti fl-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni. Il-konsumatur medju jipperċepixxi normalment trade mark bħala xi ħaġa sħiħa u ma jwettaqx eżami tad-dettalji differenti tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Novembru 1997, SABEL, C-251/95, Ġabra p. I-6191, punt 23, u Lloyd Schuhfabrik Meyer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25). Għall-iskopijiet ta' din l-evalwazzjoni globali, il-konsumatur medju tal-prodotti kkonċernati huwa meqjus bħala normalment informat u attent u avżat b'mod raġonevoli. Għandu jittieħed in kunsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-livell ta' attenzjoni tal-konsumatur medju jista' jvarja skond il-kategorija ta' prodotti jew ta' servizzi in kwistjoni (sentenza Lloyd Schuhfabrik Meyer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26).

25     Fil-kawża preżenti, ix-xebh bejn il-prodotti koperti mit-trade marks in kwistjoni mhuwiex ikkontestat mill-partijiet. L-unika kwistjoni li mhemmx qbil dwarha hija jekk il-Bord ta' l-Appell kienx korrett meta wasal għall-konklużjoni li t-trade marks in kwistjoni kienu differenti biżżejjed sabiex ma jkunx hemm probabbiltà ta' konfużjoni.

 Fuq ix-xebh bejn is-sinjali

26     L-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta' konfużjoni għandha, għal dak li jirrigwarda x-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali bejn is-sinjali konfliġġenti, tkun ibbażata fuq l-impressjoni sħiħa mogħtija minnhom, billi jittieħdu in kunsiderazzjoni, b'mod patikolari, l-elementi distintivi u dominanti tagħhom [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Ottubru 2003, Phillips-Van Heusen vs L-UASI – Pash Textilvertrieb und Einzelhandel (BASS), T-292/01, Ġabra p. II-4335, punt 47, u l-ġurisprudenza ċċitata].

27     Barra minn hekk, skond ġurisprudenza kostanti, ikun hemm xebh bejn trade mark kumplessa u trade mark oħra, li hija identika jew li tixbah wieħed mill-elementi tat-trade mark kumplessa, meta dak l-element huwa l-element dominanti fl-impressjoni sħiħa mogħtija mit-trade mark kumplessa. Dan huwa l-każ meta dan l-element jista' jiddomina waħdu l-immaġini ta' dik it-trade mark li l-pubbliku rilevanti jiftakar, b'tali mod li l-elementi kollha l-oħrajn tat-trade mark m'għandhomx importanza fl-impressjoni sħiħa mogħtija minnha [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza MATRATZEN, iċċitata iktar 'il fuq, punt 33, u ta' l-4 ta' Mejju 2005, Chum vs L-UASI – Star TV (STAR TV), T-359/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 44]. Madankollu, dan l-approċċ ma jfissirx li għandu jittieħed in kunsiderazzjoni biss element ta' trade mark kumplessa u li dan jiġi mqabbel ma' trade mark oħra. Għall-kuntrarju, tali paragun għandu jsir billi jiġu eżaminati t-trade marks in kwistjoni, kull waħda minnhom ikkunsidrata fit-totalità tagħha (sentenza MATRATZEN, iċċitata iktar 'il fuq, punt 34).

28     Fil-kawża preżenti, hemm, minn naħa, trade mark ikkostitwita minn element uniku li, meta jittieħdu in kunsiderazzjoni l-prodotti li hija tkopri, jiġi pperċepit bħala r-rappreżentazzjoni ta' ġilda ta' baqra u, min-naħa l-oħra, trade mark preċedenti kumplessa, ikkostitwita minn elementi figurattivi u verbali. L-elementi figurattivi tat-trade mark preċedenti huma kkostitwiti mir-rappreżentazzjoni ta' ġilda sewda u bajda ta' baqra li tkopri l-ippakkjar, minn ħaxix stilizzat fuq in-naħa ta' isfel tal-kartuna, minn razzett b'matmura żgħira u ħamra fil-parti ta' fuq tal-kartuna kif ukoll il-kodiċi ta' linji standardizzat fuq in-naħa ta' isfel tal-kartuna. L-elementi verbali tat-trade mark preċedenti huma t-termini "inex", "halfvolle melk" u l-abbrevjazzjoni "UHT – e 1L".

29     Peress illi x-xebh fonetiku bejn it-trade marks konfliġġenti mhuwiex qed jiġi kkontestat fil-kawża preżenti, huwa biss ix-xebh viżiv u dak kunċettwali li għandhom jiġu eżaminati.

–       Fuq ix-xebh viżiv

30     Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li d-disinn li għandu jiġi pperċepit bħala ġilda ta' baqra jikkostitwixxi l-uniku element tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

31     Kif sostna l-Bord ta' l-Appell fil-punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata, għal dak li jirrigwarda t-trade mark preċedenti, id-disinn ta' ġilda ta' baqra jkopri l-ippakkjar kollu u jiddomina l-impressjoni viżiva mogħtija mit-trade mark. Dan id-disinn jikkostitwixxi fil-fatt element li jolqot l-għajn tat-trade mark preċedenti.

32     F'dan ir-rigward, l-argument ta' l-Uffiċċju li l-karattru distintiv dgħajjef tad-disinn ta' ġilda ta' baqra jwaqqfu milli jiġi kkunsidrat bħala element dominanti ma jistax jiġi aċċettat f'ebda ċirkustanza. Għalkemm, skond ġurisprudenza kostanti, il-pubbliku, bħala regola ġenerali, ma jikkunsidrax element deskrittiv li jagħmel parti minn trade mark kumplessa bħala l-element distintiv u dominanti fl-impressjoni sħiħa mogħtija minnha [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza BUDMEN, iċċitata iktar 'il fuq, punt 53, u tas-6 ta' Ottubru 2004, New Look vs L-UASI – Naulover (NLSPORT, NLJEANS, NLACTIVE u NLCollection), T-117/03 sa T-119/03 u T-171/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 34], il-karattru distintiv dgħajjef ta' element ta' trade mark kumplessa ma jimplikax neċessarjament li dan ma jistax jikkostitwixxi element dominanti, peress illi, minħabba, b'mod partikolari, il-pożizzjoni tiegħu fis-sinjal jew id-daqs tiegħu, huwa kapaċi jħalli impressjoni fuq il-konsumaturi u jibqa' fil-memorja tagħhom [ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-13 ta' Lulju 2004, AVEX vs L-UASI – Ahlers (a), T-115/02, Ġabra p. II-2907, punt 20].

33     Madankollu, għandu jiġi osservat li, peress illi l-paragun bejn it-trade marks għandu jkun ibbażat fuq l-impressjoni sħiħa mogħtija minnhom, billi jittieħed in kunsiderazzjoni, b'mod partikolari, il-karattru distintiv ta' l-elementi tagħhom b'relazzjoni mal-prodotti jew servizzi kkonċernati, mhuwiex biżżejjed, sabiex ikun hemm xebh bejn trade marks, li element li jispikka fl-impressjoni viżiva ta' sinjal kumpless u l-element uniku tas-sinjal l-ieħor ikunu identiċi jew simili. Min-naħa l-oħra, hemm xebh meta l-impressjoni, ikkunsidrata fit-totalità tagħha, mogħtija minn trade mark kumplessa hija ddominata minn wieħed mill-elementi tagħha b'tali mod li l-elementi l-oħrajn ta' dik it-trade mark jidhru mingħajr importanza fl-immaġini tat-trade mark li l-pubbliku jiftakar, fid-dawl tal-prodotti jew servizzi koperti.

34     Fil-kawża preżenti, għalkemm id-disinn ta' ġilda ta' baqra jikkostitwixxi element li jispikka fl-impressjoni viżiva tat-trade mark preċedenti, għandu jiġi kkonstatat, madankollu, li dan għandu biss, fil-kawża preżenti, karattru distintiv dgħajjef.

35     Sabiex jiġi evalwat il-karattru distintiv ta' element li jagħmel parti minn trade mark, għandha tiġi evalwata l-kapaċità bejn wieħed u ieħor kbira ta' dan l-element li jikkontribwixxi sabiex jiġu identifikati l-prodotti jew servizzi li għalihom it-trade mark ġiet irreġistrata bħala li toriġina minn impriża speċifika u għalhekk sabiex jiġu identifikati l-prodotti jew servizzi tagħha minn dawk ta' impriżi oħrajn. F'din l-evalwazzjoni, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni b'mod partikolari l-kwalitajiet intrinsiċi ta' l-element in kwistjoni fid-dawl ta' jekk dan huwiex nieqes jew le minn kull karattru deskrittiv tal-prodotti jew servizzi li għalihom it-trade mark ġiet irreġistrata (ara, b'analoġija, is-sentenza Lloyd Schuhfabrik Meyer, iċċitata iktar 'il fuq, punti 22 u 23).

36     Fil-kawża preżenti, għandu jiġi osservat li, fir-rigward tal-prodotti kkonċernati, id-disinn ta' ġilda ta' baqra ma jistax jiġi kkunsidrat bħala nieqes minn karattru distintiv qawwi, billi dan l-element kien allużiv ħafna għall-prodotti in kwistjoni. Dan id-disinn jirreferi għall-kunċett ta' baqra, annimal li huwa magħruf għall-produzzjoni ta' ħalib, u jikkostitwixxi element mhux daqstant immaġinattiv sabiex jiġu deskritti l-ħalib u l-prodotti tal-ħalib.

37     F'dan ir-rigward, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li, fil-pajjiżi tal-Benelux, dan l-element tat-trade mark preċedenti huwa distintiv minħabba l-fatt li din it-trade mark hija l-unika waħda, f'dawn il-pajjiżi, li għandha ġilda sewda u bajda ta' baqra bħala element dominanti. Din iċ-ċirkustanza mhijiex ta' natura li tbiddel il-konstatazzjoni msemmija fil-punt preċedenti rigward il-karattru distintiv dgħajjef tad-disinn ta' ġilda ta' baqra. Barra minn hekk, safejn dan l-argument jsostni li d-disinn ta' ġilda ta' baqra tat-trade mark preċedenti huwa nieqes minn karattru distintiv qawwi minħabba reputazzjoni eventwali ta' din it-trade mark fil-pajjiżi Benelux, il-Qorti tal-Prim'Istanza tosserva li r-rikorrenti ma ppreżentat ebda prova li turi li l-imsemmija trade mark tgawdi minn tali reputazzjoni fost il-pubbliku.

38     Barra minn hekk, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li jgħid li kull kontestazzjoni fir-rigward tal-karattru distintiv ta' dan id-disinn tikser il-prinċipju li l-Qorti għandha tiddeċiedi biss fuq id-domandi mressqa lilha. In-nuqqas ta' kontestazzjoni min-naħa ta' l-intervenjent fir-rigward ta' l-allegazzjoni li t­-trade mark preċedenti hija l-unika waħda, fil-pajjiżi tal-Benelux, li turi dan id-disinn b'mod dominanti ma jippermettix li jiġi kkunsidrat li l-intervenjenti tammetti li dan l-element huwa partikolarment distintiv. Kif ġie kkunsidrat fil-punt preċedenti, iċ-ċirkustanza allegata mir-rikorrenti li t-trade mark preċedenti hija l-unika waħda, fil-pajjiżi tal-Benelux, li turi dan id-disinn ta' ġilda ta' baqra bħala element dominanti bl-ebda mod m'hija, fiha nnifisha, ta' l-ebda natura li tagħti karattru partikolarment distintiv lil dan l-element.

39     Lanqas ma jista' jiġi milqugħ l-argument tar-rikorrenti li d-disinn ta' ġilda ta' baqra fit-trade mark tagħha huwa distintiv minħabba l-fatt li s-suq tal-prodotti in kwistjoni huwa kompetittiv ħafna. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma tagħti ebda prova li abbażi tagħha jista' jiġi kkunsidrat li din iċ-ċirkustanza hija, fiha nnifisha, ta' natura li tagħti karattru partikolarment distintiv lir-rappreżentazzjoni ta' ġilda ta' baqra tat-trade mark preċedenti.

40     Fl-aħħar nett, safejn ir-rikorrenti ssostni li d-disinn ta' ġilda ta' baqra tat-trade mark preċedenti għandu karattru distintiv fid-dawl tal-fatt li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, li hija kkostitwita esklużivament minn dan id-disinn, ġiet aċċettata għar-reġistrazzjoni mill-Uffiċċju, għandu jiġi osservat li huwa paċifiku li t-trade marks in kwistjoni mhumiex neqsin minn karattru distintiv skond l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 u li, għaldaqstant, jistgħu jiġu rreġistrati. Fil-kawża preżenti, l-analiżi tal-karattru distintiv tas-sinjali in kwistjoni m'għandhiex tiġi kkunsidrata fil-kuntest ta' l-evalwazzjoni tar-raġunijiet assoluti għal rifjut, iżda fil-kuntest ta' l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta' konfużjoni. Għaldaqstant, kif josserva ġustament l-Uffiċċju, m'għandux jiġi ddeterminat jekk id-disinni ta' ġlud ta' baqra humiex neqsin minn kull karattru distintiv, iżda għandu jiġi evalwat il-karattru distintiv ta' dawn id-disinni b'relazzjoni mal-prodotti in kwistjoni, sabiex jiġi ddeterminat jekk teżistix fost il-pubbliku kkonċernat probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks in kwistjoni, kull waħda minnhom ikkunsidrata fit-totalità tagħha.

41     Għal dak li jirrigwarda l-paragun viżiv bejn it-trade marks konfliġġenti, dan juri li l-impressjoni sħiħa mogħtija minn kull waħda mit-trade marks hija differenti b'mod sinjifikattiv. Filwaqt li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija komposta biss minn rappreżentazzjoni li jkollha tiġi kkunsidrata, fid-dawl tal-prodotti koperti, bħala ġilda ta' baqra, it-trade mark preċedenti hija komposta, kif josserva l-Uffiċċju, minn diversi elementi figurattivi u verbali oħrajn minbarra r-rappreżentazzjoni ta' ġilda ta' baqra, liema elementi għandhom rwol sinjifikattiv fl-impressjoni sħiħa tas-sinjal. Fosthom, għandha tiġi osservata b'mod partikolari l-preżenza tal-ħaxix stilizzat fuq in-naħa ta' isfel tal-kartuna, ta' l-immaġini ta' razzett b'matmura żgħira u ħamra viċin il-parti ta' fuq tal-kartuna u ta' l-element verbali "inex". Kif josserva l-Uffiċċju, din ta' l-aħħar hija kelma li hija nieqsa minn kull sinjifikat manifest, li għandha karattru distintiv mill-inqas iktar qawwi mid-disinn ta' ġilda ta' baqra. Il-preżenza ta' l-element verbali "inex", billi dan għandu effett sinjifikattiv fuq l-impressjoni sħiħa mogħtija mit-trade mark preċedenti, ma twassalx għall-konklużjoni li d-disinn ta' ġilda ta' baqra tat-trade mark preċedenti tista' tiddomina waħedha l-immaġini ta' din it-trade mark li l-pubbliku jiftakar.

42     Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li d-disinn li huwa s-suġġett ta' l-applikazzjoni għal trade mark huwa kkostitwit minn tpinġija differenti minn dik tad-disinn ta' ġilda ta' baqra tat-trade mark preċedenti. Jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma tikkostitwixxix rappreżentazzjoni totalment ċara ta' ġilda ta' baqra, billi l-Bord ta' l-Appell ikkunsidra li din tkun ikkunsidrata bħala r-rappreżentazzjoni ta' ġilda ta' baqra minħabba l-prodotti li hija tkopri.

43     Għal din l-istess raġuni, għandu jiġi miċħud ukoll l-argument tar-rikorrenti li l-Uffiċċju kkontradixxa lilu nnifsu, minn naħa, billi kkonstata li t-trade mark li kontriha saret l-oppożizzjoni hija identika għall-element dominanti tat-trade mark preċedenti u, min-naħa l-oħra, billi kkunsidra li t-trade marks in kwistjoni kien fihom differenzi viżivi kbar. Minn naħa, kif ġie osservat fil-punt preċedenti, id-deċiżjoni kkontestata ma ssib ebda identiċità bejn id-disinn tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u dak tat-trade mark preċedenti. Min-naħa l-oħra, kif ġie msemmi fil-punt 33 iktar 'il fuq, peress illi l-paragun bejn it-trade marks huwa bbażat fuq l-impressjoni sħiħa mogħtija minnhom, billi jittieħed in kunsiderazzjoni, b'mod partikolari, il-karattru distintiv ta' l-elementi tagħhom b'relazzjoni mal-prodotti jew servizzi kkonċernati, mhuwiex biżżejjed, sabiex jkun hemm xebh, li element li jispikka fl-impressjoni viżiva ta' sinjal kumpless ikun identiku jew simili għal element uniku ta' sinjal ieħor.

44     Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-Bord ta' l-Appell ma wettaqx żball meta sostna li t-trade marks in kwistjoni fihom differenzi viżivi kbar.

–       Fuq ix-xebh kunċettwali

45     Għandu jiġi kkonstatat, kif osserva l-Bord ta' l-Appell, li jeżisti xebh kunċettwali bejn it-trade marks in kwistjoni, minħabba l-fatt li dawn jinvokaw il-kunċett ta' baqra, annimal magħruf għall-produzzjoni ta' ħalib. Madankollu, għandu jiġi osservat, kif ikkonstatat il-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punt 36 iktar 'il fuq, li dan il-kunċett, meta jittieħdu in kunsiderazzjoni l-prodotti in kwistjoni, għandu biss karattru distintiv dgħajjef. Meta t-trade mark preċedenti m'għandhiex reputazzjoni speċifika u tikkonsisti f'immaġini li fiha biss ftit elementi immaġinattivi, is-sempliċi xebh kunċettwali bejn it-trade marks mhuwiex biżżejjed sabiex tinħoloq probabbiltà ta' konfużjoni (sentenza SABEL, iċċitata iktar 'il fuq, punt 25).

46     Għaldaqstant, il-Bord ta' l-Appell kien korrett meta kkunsidra li l-eżistenza ta' xebh kunċettwali bejn it-trade marks in kwistjoni ma tistax, fil-kawża preżenti, twassal għal probabbiltà ta' konfużjoni.

 L-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta' konfużjoni

47     Minn dak kollu li ntqal, jirriżulta li, għalkemm id-disinn ta' ġilda ta' baqra jispikka fl-impressjoni viżiva u kunċettwali mogħtija mit-trade mark preċedenti, id-differenzi viżivi importanti bejn is-sinjali in kwistjoni, minn naħa, u l-karattru distintiv dgħajjef tad-disinn ta' ġilda ta' baqra fil-kawża prinċipali, min-naħa l-oħra, ma jippermettux li wieħed jasal għall-konklużjoni li teżisti probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks in kwistjoni.

48     Barra minn hekk, għandu jingħad li l-Bord ta' l-Appell ma naqasx milli jieħu in kunsiderazzjoni l-interdipendenza bejn il-fatturi li għandhom jiġu kkunsidrati. La l-preżenza ta' differenzi viżivi kbar bejn it-trade marks in kwistjoni u lanqas il-karattru distintiv dgħajjef, fil-kawża preżenti, tad-disinn ta' ġilda ta' baqra, jistgħu jiġu kkumpensati mill-identiċità tal-prodotti.

49     Barra minn hekk, l-argument tar-rikorrenti li l-Bord ta' l-Appell kellu jqajjem il-punt li l-probabbiltà ta' konfużjoni żdiedet minħabba l-fatt li l-prodotti in kwistjoni huma intiżi għall-pubbliku in ġenerali għandu jiġi miċħud ukoll. Iċ-ċirkustanza li fiha l-konsumaturi għandhom livell ta' attenzjoni mhux daqstant għoli ma twassalx, fin-nuqqas ta' xebh bejn it-trade marks in kwistjoni, u meta jittieħed in kunsiderazzjoni l-karattru distintiv dgħajjef tad-disinn ta' ġilda ta' baqra fid-dawl tal-prodotti kkonċernati, għall-konklużjoni li teżisti probabbiltà ta' konfużjoni.

50     Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-Bord ta' l-Appell ma wettaqx żball meta sostna li l-evalwazzjoni globali tas-sinjali konfliġġenti ma tagħtix lok għal probabbiltà ta' konfużjoni.

51     Minn dak kollu li ntqal, jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

52     Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Uffiċċju u mill-intervenjenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tieni Awla)

taqta' u tiddeciedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż.

Pirrung

Meij

Pelikánová

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-15 ta' Ġunju 2006.

E. Coulon

 

      J. Pirrung

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.