Language of document : ECLI:EU:T:2006:136

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM' ISTANZA (It-Tieni Awla)

30 ta' Mejju 2006 (*)

" Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Pubblikazzjoni ta' deċiżjoni li kkonstatat ksur ta' l-Artikolu 81 KE u imponiet multi – Iffissar minn banek Awstrijaċi ta' rati ta' kreditu u ta' debitu (‘club Lombard’) – Ċaħda tat-talba li jitħallew barra ċerti partijiet "

Fil-kawża T-198/03,

Bank Austria Creditanstalt AG, stabbilit fi Vjenna (l-Awstrija), irrapreżentat minn C. Zschocke u J. Beninca, avocats,

rikorrent

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, inizjalment irrappreżentata minn S. Rating, u sussegwentement minn A. Bouquet, bħala aġenti, assistiti minn D. Waelbroeck u U. Zinsmeister, avocats, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-deċiżjoni ta' l-uffiċjal tas-seduta tal-Kummissjoni tal-5 ta' Mejju 2003 li jippubblika l-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Ġunju 2002 fil-każ COMP/36.571/D-l – Banek Awstrijaċi ("club Lombard"),

IL-QORTI TAL-PRIM' ISTANZA

TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla),

komposta minn J. Pirrung, President, N. J. Forwood u S. Papasavvas, Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta' Novembru 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-Kuntest ġuridiku

1       L-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta' Frar 1962, l-ewwel regolament li jimplimenta l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat (ĠU 1962, 13, p. 204), jiddisponi li, jekk il-Kummissjoni tikkonstata xi ksur tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 81 KE jew ta' l-Artikolu 82 KE "hija tista' perme[zz] ta' deċiżjoni titlob mill-impriżi jew assoċjazzjonijiet ta' impriżi konċernati li jtemmu dan il-ksur".

2       L-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 17, dwar is-sigriet professjonali, jipprovdi li l-informazzjoni akkwistata b'riżultat ta' l-applikazzjoni ta' diversi dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament "għandha tintuża biss għall-għan tat-talba jew l-investigazzjoni relevanti" (paragrafu 1), li l-Kummissjoni kif ukoll l-uffiċjali u l-aġenti tagħha "m'għandhomx jikxfu l-informazzjoni akkwistata minnhom b' riżultat ta' l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u tat-tip kopert mill-ob[b]lig[u tas-sigriet] professjonali" (paragrafu 2) u, fl-aħħar nett, li dawn l-ewwel żewġ dispożizzjonijiet "m'għandhomx jipprevjenu l-pubblikazzjoni ta' informazzjoni ġenerali jew surveys li ma jkunx fihom informazzjoni fuq impriżi [jew assoċjazzjonijiet ta' impriżi]" (paragrafu 3).

3       Skond l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 17, il-Kummissjoni hija obbligata li tippubblika "d-deċiżjonijiet li hija tieħu in segwitu ta' l-Artikoli 2, 3, 6, 7 u 8 " (paragrafu 1). Il-paragrafu 2 tiegħu jippreċiża li l-imsemmija pubblikazzjoni "għandha tgħid l-ismijiet tal-partijiet u l-kontenut prinċipali tad-deċiżjoni " u li "hija għandha tikkonsidra l-interessi leġittimi ta' l-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti tan-negozju tagħhom".

4       Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 200l/462/KE, KEFA, tat-23 ta' Mejju 2001, dwar it-termini ta' riferenza ta' uffiċjali tas-seduta f'ċerti proċeduri dwar il-kompetizzjoni (ĠU L 162, p. 21), tiddisponi fl-Artikolu 9 tagħha:

"Fejn ikun hemm il-ħsieb li tkun żvelata informazzjoni li tista' tikkostitwixxi xi sigriet kummerċjali ta' xi intrapriża, din għandha tkun infurmata bil-miktub b'din l-intenzjoni u r-raġunijiet għal dan. Għandu jkun stabbilit limitu tal-ħin li fih l-intrapriża nteressata tista' tagħmel xi kummenti bil-miktub.

Meta l-intrapriża nteressata toġġezzjona għall-iżvelar ta' l-informazzjoni iżda jinstab li l-informazzjoni ma tkunx protetta u għalhekk tista' tkun żvelata, dan għandu jkun dikjarat fid-deċiżjoni raġunata li għandha tkun innotifikata lill-intrapriża nteressata. Id-deċiżjoni għandha tispeċifika d-data li warajha din l-informazzjoni ser tkun żvelata. Din id-data m'għandhiex tkun inqas minn ġimgħa mid-data tan-notifika.

L-ewwel u t-tieni paragrafi għandhom jgħoddu mutatis mutandis għall-iżvelar ta' l-informazzjoni permezz tal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej."

Il-fatti li wasslu għall-kawża

5       B'deċiżjoni tal-11 ta' Ġunju 2002, mogħtija fil-kuntest tal-każ COMP/36.571/D-1 – Banek Awstrijaċi ("club Lombard"), il-Kummissjoni kkonstatat li r-rikorrent kien ħa sehem, mill-1 ta' Jannar 1995 sa l-24 ta' Ġunju 1998, f'akkordju ma' diversi banek Awstriajċi oħrajn (Artikolu 1) li għalih il-Kummissjoni ddeċidiet li timponi fuqu (Artikolu 3), kif ukoll fuq il-Banek l-oħra kkonċernati mill-proċedura, multa (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni li imponiet il-multi").

6       B'ittra tat-12 ta' Awissu 2002, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrent abbozz ta' verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni li imponiet il-multi u talbitu l-awtorizzazzjoni li tipproċedi għall-pubblikazzjoni ta' din il-verżjoni.

7       Fit-3 ta' Settembru 2002, ir-rikorrent, bħalma għamlu l-biċċa l-kbira tal-banek l-oħrajn ikkonċernati, ippreżenta rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni li imponiet il-multi, li ġie rreġistrat mar-Reġistratur tal-Qorti tal-Prim'Istanza bin-numru T-260/02. B'dan ir-rikors, ir-rikorrent ma jikkontestax il-fatti kkonstatati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni in kwistjoni, iżda biss l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqu.

8       B'ittra ta' l-10 ta' Settembru 2002, ir-rikorrent, wara t-talba għal awtorizzazzjoni ta' pubblikazzjoni tat-12 ta' Awissu 2002, talab lill-Kummissjoni tippubblika d-deċiżjoni li imponiet il-multi filwaqt li tneħħi l-istqarrija tal-fatti relattivi għas-sena 1994 li kien hemm fit-taqsima 7 u tissostitwixxi t-taqsimiet 8 sa 12 ta' din id-deċiżjoni b'test propost minnu.

9       Fis-7 ta' Ottubru 2002, is-servizzi kkonċernati tal-Kummisssjoni organizzaw laqgħa ma' l-avukati ta' dawk kollha li lilhom kienet indirizzata d-deċiżjoni li imponiet il-multi. Waqt din il-laqgħa, ma seta' jintlaħaq ebda ftehim dwar il-verżjoni li kellha tiġi ppubblikata fid-dawl ta' l-ilmenti mressqa mir-rikorrent fl-ittra ta' l-10 ta' Settembru 2002. B'referenza għal din it-talba, id-direttur kompetenti tad-Direttorat Ġenerali tal-Kompetizzjoni bagħat, fit-22 ta' Ottubru 2002, ittra lir-rikorrent li fiha fakkru fl-opinjoni tal-Kummissjoni dwar il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni li imponiet il-multi u bagħat verżjoni mhux kunfidenzjali riveduta ta' din id-deċiżjoni.

10     Ir-rikorrent, fis-6 ta' Novembru 2002, talab lill-uffiċjal tas-seduta jilqa' t-talba tiegħu ta' l-10 ta' Settembru 2002.

11     Peress li qies li din l-imsemmija talba ma kinitx fondata, l-uffiċjal tas-seduta, b'ittra ta' l-20 ta' Frar 2003, ippreżenta lir-rikorrent verżjoni ġdida mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni li imponiet il-multi.

12     B'ittra tat-28 ta' Frar 2003, ir-rikorrent indika li kien għadu qed jopponi l-pubblikazzjoni ta' din il-verżjoni mhux kunfidenzjali.

13     B'ittra tal-5 ta' Mejju 2003, l-uffiċjal tas-seduta pproduċa verżjoni mhux kunfidenzjali riveduta tad-deċiżjoni li imponiet il-multi, u ddeċieda li jiċħad l-oppożizzjoni tar-rikorrent għall-pubblikazzjoni ta' din id-deċiżjoni (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"). Konformement mat-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni 2001/462, l-uffiċjal tas-seduta ddikjara li din il-verżjoni tad-deċiżjoni li imponiet il-multi (aktar 'il quddiem il-"verżjoni kontenzjuża") ma kellhiex informazzjoni li tibbenefika mill-garanzija ta' trattament kunfidenzjali prevista mid-dritt Komunitarju.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

14     B'rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fis-6 ta' Ġunju 2003, ir-rikorrent ressaq, skond ir-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 230, KE, dan ir-rikors.

15     B'att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti ta' Prim'Istanza fl-istess ġurnata, ir-rikorrent għamel, b'mod prinċipali, talba għal sospensjoni ta' l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata sakemm tingħata d-deċiżjoni mill-Qorti li tiddeċiedi l-mertu u, b'mod sussidjarju, talba sabiex il-Kummissjoni tinżamm milli tippubblika l-verżjoni kontenzjuża sa din id-data. Din it-talba ġiet miċħuda b'digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-7 ta' Novembru 2003, Bank Austria Creditanstalt vs Il-Kummissjoni (T‑198/03 R, Ġabra p. II‑4879). Id-deċiżjoni li imponiet il-multi ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali fl-24 ta' Frar 2004 (ĠU L 56, p. 1).

16     L-eċċezzjoni ta' inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni, b'att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-22 ta' Lulju 2003, ġiet magħquda mal-mertu b'digriet tat-Tieni Awla tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-30 ta' Marzu 2004.

17     Ir-rikorrent jitlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza:

–       tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–       tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

18     Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti ta' Prim'Istanza:

–       tiċħad ir-rikors;

–       tordna lir-rikorrent ibati l-ispejjeż.

 Id-dritt

19     Ir-rikorrent iqajjem sitt raġunijiet in sostenn tar-rikors tiegħu, ibbażati, rispettivament, fuq ksur ta' l-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 17, fuq ksur ta' l-Artikolu 21(2) ta' l-imsemmi Regolament, fuq l-illegalità tal-pubblikazzjoni tal-partijiet tad-deċiżjoni li imponiet il-multi li jirreferu għas-sena 1994, fuq ksur tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 45/2001, tat-18 ta' Diċembru 2000, dwar il-protezzjoni ta' individw[i] fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-data (ĠU 2001, L 8, p. 1), fuq ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali u tar-Regolament Nru 1 tal-Kunsill tal-15 ta' April 1958, li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU 1958, 17, p. 385), minħabba l-pubblikazzjoni minn qabel fuq l-Internet, bil-lingwa Ġermaniża, tad-deċiżjoni li imponiet il-multi, u, fl-aħħar nett, fuq ksur ta' l-obbligu li jingħataw raġunijiet.

20     Minn naħa, il-Kummissjoni tikkunsidra li r-rikors huwa inammissibbli. Hija ssostni, fl-ewwel lok, li d-deċiżjoni kkontestata ma tistax tiġi appellata, peress li ma tipproduċix effetti legali vinkolanti ta' tali natura li jolqtu l-interessi tar-rikorrent billi jbbidlu b'mod sostanzjali l-pożizzjoni legali tiegħu u, fit-tieni lok, li r-rikorrent m'għandux interess ġuridiku. Hija tikkunsidra, fit-tielet lok, li r-raġunijiet mqajma mir-rikorrent biex isostni it-talbiet tiegħu kollha huma inammissibbli, u għalhekk ir-rikors kollu kemm hu huwa inammissibbli. Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija ta' l-opinjoni li, fi kwalunkwe każ, ir-raġunjiet mqajma mir-rikorrent mhumiex fondati.

21     F'dawn iċ-ċirkostanzi, għandhom jiġi eżaminati, l-ewwel nett, l-ewwel żewġ eċċezzjonijiet ta' inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni u, it-tieni nett, l-ammissibbiltà u l-mertu tar-raġunijiet mqajma mir-rikorrent.

 Fuq l-eċċezzjonijiet ta' inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni

 Fuq l-eżistenza ta' att li jista' jiġi kkontestat

–       L-Argumenti tal-partijiet

22     Il-Kummissjoni tiddeduċi mill-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni 2001/462 (riprodotta fil-punt 4 iktar 'il fuq) li d-deċiżjoni ta' l-uffiċjal tas-seduta tista' tiġi kkunsidrata bħala miżura li tipproduċi effetti legali vinkolanti ta' tali natura li jolqtu l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu b'mod sostanzjali l-pożizzjoni legali tiegħu biss jekk din id-deċiżjoni tawtorizza l-pubblikazzjoni ta' "sigrieti tan-negozju" jew informazzjoni oħra li tgawdi minn protezzjoni simili.

23     Hija tikkunsidra li d-deċiżjoni dwar il-portata tal-pubblikazzjoni tal-verżjoni mhux uffiċjali ta' att hija, min-naħa l-oħra, fid-diskrezzjoni tal-Kummissjoni u ma tolqotx il-pożizzjoni legali ta' dawk li lilhom hija indirizzata d-deċiżjoni.

24     Il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrent ma semma', la fit-talba indirizzata lill-uffiċjal tas-seduta u lanqas fir-rikors, ebda sigriet tan-negozju u lanqas ma semma' xi informazzjoni li tgawdi minn protezzjoni simili, li ġiet inkluża fil-verżjoni kontetzjuża. Hija tafferma li l-uffiċjal tas-seduta, meta ħa d-deċiżjoni kkontestata, b'ebda mod ma ċaħad il-karattru kunfidenzjali ta' xi informazzjoni kienet x'kienet, u li, għalhekk, din id-deċiżjoni ma tistax tikkostitwixxi att li joħloq effetti avversi.

25     Ir-rikorrent huwa ta' l-opinjoni li d-deċiżjoni kkontestata tipproduċi effetti legali vinkolanti fil-konfront tiegħu. Fil-fehma tiegħu, il-portata tad-deċiżjoni kkontestata tmur lil hinn mill-konstatazzjonijiet relattivi għan-nuqqas ta' sigrieti tan-negozju fil-verżjoni kontenzjuża. Hu jsostni li l-proċedura prevista fl-ewwel u t-tieni paragrafi ta' l-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni 2001/462, tiggarantixxi l-protezzjoni tas-sigriet tan-negozju, filwaqt li t-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 9 ta' din id-deċiżjoni jirregola, indipendentement mill-kwistjoni ta' l-eżistenza ta' sigrieti tan-negozju, il-kxif ta' informazzjoni li għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

26     Skond ġurisprudenza kostanti, jikostitwixxxu atti jew deċiżjonijiet li fir-rigward tagħhom jista' jsir rikors għal annullament, fis-sens ta' l-Artikolu 230 KE, il-miżuri li joħolqu effetti legali vinkolanti ta' tali natura li jolqtu l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu b'mod sostanzjali l-pożizzjoni legali tiegħu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni, 60/81, Ġabra p. 2639, punt 9; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-18 ta' Diċembru 1992, Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, T‑10/92 sa T‑12/92 u T‑15/92, Ġabra p. II‑2667, punt 28; digrieti tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' Lulju 2003, Commerzbank vs Il-Kummissjoni, T‑219/01, Ġabra p. II‑2843, punt 53, u Bank Austria Creditanstalt vs Il-Kummissjoni, punt 15 supra, punt 31).

27     F'dan ir-rigward, it-teżi tal-Kummissjoni li d-deċiżjoni kkontestata, adottata skond it-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni 2001/462, ma tipproduċix effetti legali vinkolanti, peress illi ma tiddeċidix fuq l-eżistenza ta' sigrieti tan-negozju jew informazzjoni oħra li tgawdi minn protezzjoni simili, ma tistax tintlaqa'.

28     L-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni Nru 2001/462 huwa intiż sabiex jimplementa, fuq pjan proċedurali, il-protezzjoni prevista mid-dritt Komunitarju ta' l-informazzjoni li l-Kummissjoni tkun saret taf biha fil-kuntest ta' proċeduri ta' applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni. F'dan ir-rigward l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 17 jippreċiża li tgawdi minn protezzjoni bħal din, b'mod partikolari, dik l-informazzjoni miġbura b'applikazzjoni tar-Regolament Nru 17 u li, minnha nfisha, hija koperta bis-sigriet professjonali.

29     Issa, il-qasam ta' l-informazzjoni koperta bis-sigriet professjonali jestendi lil hinn mis-sigrieti tan-negozju ta' l-impriżi (konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali Lenz fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-24 ta' Ġunju 1986, AKZO Chemie vs Il-Kummissjoni, 53/85, Ġabra p. 1965, 1977). F'dan ir-rigward, għandha ssir distinzjoni bejn il-protezzjoni li jeħtieġ li tingħata lil informazzjoni koperta b'sigriet professjonali fir-rigward ta' persuni, impriżi jew assoċjazzjonijiet ta' impriżi li jgawdu minn dritt li jinstemgħu fil-kuntest ta' proċedura ta' applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni u l-protezzjoni li għandha tingħata lil din l-informazzjoni fir-rigward tal-pubbliku in ġenerali. Fil-fatt, l-obbligu ta' l-uffiċjali u l-aġenti ta' l-istituzzjonijiet li ma jikxfux l-informazzjoni fil-pussess tagħhom li hija koperta bis-sigriet professjonali, stabbilit fl-Artikolu 287 KE u implementat, fil-qasam tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi, permezz ta' l-Artikolu 20 (2) tar-Regolament Nru 17, huwa mnaqqas fir-rigward tal-persuni li, skond l-Artikolu 19(2) ta' l-imsemmi Regolament għandhom id-dritt li jinstemgħu. Il-Kummissjoni tista' tikkomunika lil dawn il-persuni ċerta informazzjoni koperta bis-sigriet professjonali, sakemm din l-informazzjoni tkun meħtieġa għall-iżvolġiment tajjeb ta' l-investigazzjoni. Madankollu, din il-fakultà ma tapplikax għas-sigrieti tan-negozju, li fir-rigward tagħhom hija assigurata protezzjoni speċjali (ara, f'dan is-sens, sentenza AKZO Chemie vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punti 26 sa 28). Min-naħa l-oħra, l-informazzjoni koperta bis-sigriet professjonali ma tistax tinkixef mal-pubbliku in ġenerali, indipendentement minn jekk tirrigwardax sigrieti tan-negozju jew informazzjoni oħra kunfidenzjali.

30     Il-ħtieġa ta' dan it-trattament differenti ġie mfakkar fis-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-18 ta' Settembru 1996, Postbank vs Il-Kummissjoni (T‑353/94, Ġabra p. II‑921, punt 87), li ppreċiżat, dwar il-kunċett ta' sigriet tan-negozju, li dan jirrigwarda informazzjoni li mhux biss il-kxif tagħha lill-pubbliku, izda wkoll is-sempliċi trażmissjoni tagħha lil persuna differenti minn dik li tkun tat l-informazzjoni tista' serjament tkun ta' dannu għall-interessi ta' din il-persuna.

31     B'hekk, l-ewwel żewġ paragrafi ta' l-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni 2001/462, li jirreferu għall-protezzjoni ta' sigrieti tan-negozju, huma intiżi b'mod partikolari għall-kxif ta' informazzjoni ma' persuni, impriżi, jew assoċjazzjonijiet ta' impriżi sabiex ikun jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jinstemgħu fil-kuntest ta' proċedura ta' applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni. Rigward, min-naħa l-oħra, il-kxif ta' l-informazzjoni mal-pubbliku in ġenerali, permezz tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali, dawn id-dispożizzjonijiet ma japplikawx ħlief mutatis mutandis, konformement mat-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni 2001/462. Dan jimplika b'mod partikolari li, meta l-uffiċjal tas-seduta jieħu deċiżjoni skond din id-dispożizzjoni, huwa obbligat jassigura li s-sigriet professjonali jiġi osservat fir-rigward ta' l-informazzjoni li ma teħtieġx protezzjoni daqstant speċjali bħal dik mogħtija lil sigrieti tan-negozju, u partikolarment fir-rigward ta' informazzjoni li tista' tkun ikkomunikata lil terzi li għandhom dritt li jinstemgħu, iżda li n-natura kunfidenzjali tagħha tipprekludi l-kxif tagħha mal-pubbliku.

32     Barra dan, skond il-premessa 9 tad-Deċiżjoni 2001/462, "[m]eta tingħata informazzjoni dwar persuni naturali, għandha tingħata attenzjoni partikolari għar-Regolament […] Nru 45/2001".

33     L-uffiċjal tas-seduta huwa għalhekk obbligat ukoll jassigura li jiġu osservati d-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament meta jieħu deċiżjoni li tawtorizza, skond l-Artikolu 9 tad-deċiżjoni 2001/462, il-kxif ta' informazzjoni.

34     Minn dan isegwi li, meta l-uffiċjal tas-seduta jieħu deċiżjoni skond it-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 9 tad-deċiżjoni 2001/462, m'għandux biss jeżamina jekk il-verżjoni tad-deċiżjoni meħuda skond ir-Regolament Nru 17 u li ser tkun ippubblikata tinkludix sigrieti tan-negozju jew informazzjoni oħra li tgawdi minn protezzjoni simili. Għandu jivverifika wkoll jekk din il-verżjoni tinkludix informazzjoni oħra li ma tistax tinkixef mal-pubbliku jew minħabba regoli tad-dritt Komunitarju li jipproteġuha b'mod speċifiku, jew minħabba li tirrigwarda informazzjoni tat-tip kopert mis-sigriet professjonali. Għalhekk, id-deċiżjoni ta' l-uffiċjal tas-seduta tipproduċi effetti legali safejn hija tiddeċiedi jekk it-test li ser ikun ppubblikat jinkludix informazzjoni bħal din.

35     Din l-interpretazzjoni tat-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni 2001/462 taqbel ma' l-Artikolu 21(2) tar-Regolament Nru 17, li jipprovdi li "il-pubblikazzjoni […] għandha tikkonsidra l-interessi leġittimi ta' l-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti tan-negozju tagħhom". Fil-fatt, din id-dispożizzjoni, li tenfasizza l-protezzjoni partikolari li għandha tingħata lis-sigrieti tan-negozju, m'għandiex tiġi interpretata fis-sens li tillimita l-protezzjoni mogħtija minn regoli oħrajn tad-dritt Komunitarju, bħall-Artikolu 287 KE, l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 17 u r-Regolament Nru 45/2001, lil informazzjoni oħra koperta mis-sigriet professjonali.

36     Jirriżulta minn dak li ngħad qabel li d-deċiżjoni kkontestata tipproduċi effetti legali vinkolanti fir-rigward tar-rikorrent billi tikkkonstata li l-verżjoni kontenzjuża ma tinkludix informazzjoni protetta kontra l-kxif mal-pubbliku. Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta' inammissibbiltà mogħtija mill-Kummissjoni u bbażata fuq in-nuqqas ta' att li jista' jiġi kkontestat għandha tiġi miċħuda.

 Fuq l-interess ġuridiku tar-rikorrent

–       L-argumenti tal-partijiet

37     Il-Kummissjoni hija ta' l-opinjoni li r-rikorrent m'għandux interess fl-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

38     Fl-ewwel lok, hija tibbaża ruħha fuq ir-raġunijiet li għalihom hija tikkunsidra li d-deċiżjoni ta' l-uffiċjal tas-seduta m'hijiex att li jista' jiġi kkontestat.

39     Fit-tieni lok, hija tispjega li d-deċiżjoni li timponi l-multi m'għandha ebda informazzjoni li mhijiex magħrufa mill-pubbliku, peress li l-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet ta' l-10 ta' Settembru 1999 u tad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet addizzjonali tal-21 ta' Novembru 2000 fl-istess kawża ġiet reża pubblika minn terz. Il-Kummissjoni tenfasizza li, bil-maqlub ta' persuni oħra li lilhom kienet indirizzata d-deċiżjoni li imponiet il-mulri, ir-rikorrent ma ppreżenta ebda rikors quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza kontra t-trażmissjoni ta' dawn il-verżjonijiet lil dawn it-terzi.

40     Fit-tielet lok, il-Kummissjoni kienet ta' l-opinjoni li r-rikorrent tilef kull interess fl-annullament tad-deċiżjoni kkontestata minħabba l-pubblikazzjoni, fil-Ġurnal Uffiċjali, tal-verżjoni kontenzjuża. Hija tafferma li, skond l-argumenti mressqa mir-rikorrent in sostenn tat-talba għal sospensjoni ta' l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l-għan ta' dan ir-rikors kien li jdewwem kemm jista' jkun il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni li imponiet il-multi sa żmien meta d-Direttur Ġenerali kien mhedded bil-konsegwenzi kriminali tal-parteċipazzjoni tar-rikorrent fl-akkordju msejjaħ "club Lombard". Peress li l-proċedimenti kriminali li saru kontra l-membri tal-bord ta' diretturi tal-parteċipanti f'dan l-akkordju, kienu twaqqfu fil-ħin, ir-rikorrent tilef, skond il-Kummissjoni, kull raġuni biex jikkontesta l-pubblikazzjoni tal-verzjoni kontenzjuża.

41     Ir-rikorrent jikkontesta dawn l-argumenti billi jsostni, fl-ewwel lok, li d-deċiżjoni kkontestata tikser diversi aspetti tad-dispożizzjonijiet li huma intiżi għall-protezzjoni ta' l-interessi individwali tiegħu. Hu jispjega b'mod partikolari li l-verżjoni kkontestata hija bbażata fuq informazzjoni li l-Kummissjoni saret taf biha b'applikazzjoni tar-Regolament Nru 17 u li hija koperta bis-sigriet professjonali skond l-Artikolu 20 ta' l-istess Regolament u l-Artikolu 287 KE.

–       Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

42     Id-dispożizzjonijiet dwar is-sigriet professjonali invokati mir-rikorrent għandhom bħala għan, b'mod partikolari, il-protezzjoni tal-persuni milquta minn proċedura ta' applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni skond ir-Regolament Nru 17 mid-dannu li jista' jirriżulta mill-kxif ta' l-informazzjoni li l-Kummissjoni tkun kisbet fil-kuntest ta' din il-proċedura. Għalhekk, ma jistax jiġi miċħud li r-rikorrent għandu, bħala regola, interess ġuridiku biex jibda proċedimenti kontra d-deċiżjoni kkkontestata.

43     Għandu jiġi rilevat ukoll li l-pubblikazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta' l-oġġezzjonijiet, imsemmija fil-punt 39 iktar 'il fuq, minn terz ma taffettwax l-interess ġuridiku tar-rikorrent. Fil-fatt, anki jekk l-informazzjoni li hemm f'dawn id-dokumenti hija l-istess bħal dik li hemm fil-partijiet kkontestati tad-deċiżjoni li imponiet il-multi, l-effett ta' din ta' l-aħħar huwa kompletament differenti minn dak ta' dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet. Din hija intiża biex tagħti lill-partijiet ikkonċernati l-possibbiltà li ssir magħrufa l-opinjoni tagħhom fuq dak li l-Kummissjoni tkun iddeċidiet provviżorjament kontra tagħhom. Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni li imponiet il-multi tinkludi deskrizzjoni tal-fatti li l-Kummissjoni tikkunsidra bħala stabbiliti. Għalhekk, il-pubblikazzjoni tad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet u tas-suppliment tagħha, għalkemm tista' tkun ta' dannu għall-partijiet ikkonċernati, ma tistax tippriva lil dawk li lilhom hi indirizzata d-deċiżjoni li imponiet il-multi mill-interess li jsostni li l-verżjoni ppubblikata ta' din id-deċiżjoni għandha informazzjoni li hija protetta kontra l-kxif tagħha mal-pubbliku.

44     Dwar il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni li imponiet il-multi li saret wara l-preżentata tar-rikors, għandu jiġi mfakkar li l-interess ta' dak li lilu hi indirizzata deċiżjoni sabiex jikkontesta din id-deċiżjoni ma jistax jiġi miċħud għar-raġuni li din id-deċiżjoni diġà ġiet eżegwita, peress li l-annullament ta' din id-deċiżjoni jista', per se, ikollu konsegwenzi ġuridiċi, b'mod partikolari billi jobbliga lill-Kummissjoni tieħu l-miżuri meħtieġa għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza u tevita li din il-prattika tirrepeti ruħha min-naħa tal-Kummissjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja AKZO Chemie vs il-Kummissjoni, punt 29 supra, punt 21, u tas-26 ta' April 1988, Apesco vs Il-Kummissjoni, 207/86, Ġabra p. 2151, punt 16 ; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' Novembru 1994, Scottish Football vs Il-Kummissjoni, T‑46/92, Ġabra p. II‑1039, punt 14 ; digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-1 ta' Frar 1999, BEUC vs Il-Kummissjoni, T‑256/97, Ġabra p. II‑169, punt 18).

45     Fl-aħħar nett, l-argumentazzjoni tal-Kummissjoni li r-rikorrent, meta ppreżenta dan ir-rikors għal annullament, kellu biss l-għan li jdewwem il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni li imponiet il-multi sabiex jevita li l-informazzjoni li kien hemm f'din id-deċiżjoni tista' tintuża fil-kuntest ta' proċedimenti kriminali kontra d-Direttur Ġenerali tiegħu, b'mod li kien jitlef kull interess ġuridiku wara li l-imsemmija proċedimenti ta' l-awtoritajiet ġudizzjarji Awstrijaċi twaqqfu, mhijiex ikkonfermata mid-dokumenti fil-proċess. F'dan ir-rigward, jirriżulta b'mod partikolari, mid-digriet Bank Austria Creditanstalt vs Il-Kummissjoni, punt 15 supra (punti 44 sa 47), li r-riferenza għall-imsemmija proċedimenti kriminali tikkostitwixxi biss wieħed mill-elementi invokati mir-rikorrent biex juri li l-kundizzjoni dwar l-urġenza li tiġi sospiża l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kienet sodisfatta. Issa, minn naħa, ir-rikorrent allega, fit-talba tiegħu għal proċedura sommarja, li d-deċiżjoni kkontestata kienet se tikkawżalu ħsara f'aspetti oħra wkoll. Min-naħa l-oħra, il-fatt li xi ċirkustanzi li kienu wasslu lir-rikorrent biex jitlob sospensjoni ta' l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata m'għadhomx jeżistu ma jfissirx li spiċċa l-interess tiegħu fl-annullament tagħha.

46     Għalhekk, l-eċċezzjoni ta' inammissibbiltà magħmula mill-Kummissjoni u bbażata fuq nuqqas ta' interess ġuridiku għandha tiġi miċħuda wkoll.

 Fuq ir-raġunijiet imqajma mir-rikorrent

47     Fl-ewwel lok, għandhom jiġu eżaminati, l-ewwel żewġ raġunijiet tar-rikorrent, ibbażati fuq ksur ta' l-Artikolu 21(1) u 2 tar-Regolament Nru 17, fit-tieni lok, it-tielet u s-sitt raġunijiet, ibbażati fuq l-illegalità tal pubblikazzjoni tad-deskrizzjoni tal-fatti li jikkonċernaw is-sena 1994, fit-tielet lok, ir-raba' raġuni, ibbażata fuq ksur tar-Regolament Nru 45/2001, u, fl-aħħar, il-ħames raġuni, ibbażata fuq l-illegalità tal-pubblikazzjoni minn qabel, fuq l-Internet, tat-test Ġermaniż tad-deċiżjoni li imponiet il-multi.

 Fuq l-ewwel raġuni, ibbażata fuq ksur ta' l-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 17

–       L-argumenti tal-partijiet

48     Ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni li imponiet il-multi ma tikkostitwixxix deċiżjoni li l-pubblikazzjoni tagħha hija obbligatorja skond l-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 17. Hu jafferma li, skond din id-dispożizzjoni, huma biss id-deċiżjonijiet meħuda skond l-Artikoli 2, 3, 6, 7, u 8 ta' dan ir-Regolament li għandhom jiġu ppubblikati, u li l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 17, dwar il-protezzjoni tas-sigriet professjonali, jipprekludi l-pubblikazzjoni ta' kull deċiżjoni oħra meħuda abbażi ta' dan ir-Regolament. Fil-fehma tiegħu, id-dispożizzzjonijiet tar-Regolament Nru 17 intiżi għall-protezzjoni tas-sigriet tan-negozju mill-Kummisjoni (Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 17) jikkostitwixxu r-regola u dawk dwar il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet (l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 17) l-eċċezzjoni.

49     Ir-rikorrent jenfasizza li l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 17 jikkonċerna d-deċiżjonijiet li bihom il-Kummissjoni tobbliga lill-impriżi kkonċernati sabiex itemmu il-ksur ikkonstatat. Hu jsostni li d-deċiżjoni li imponiet il-multi ma tistax tiġi assimilata ma' dawn id-deċiżjonijiet, peress li l-ksur kien spiċċa ħafna qabel ma ġiet adottata. L-ordni li jintemm il-ksur msemmi fl-Artikolu 2 tal-parti operattiva tad-deċiżjoni li imponiet il-multi hija għalhekk, skond ir-rikorrent, mingħajr skop, jekk mhux ineżistenti. Minn dan kollu, ir-rikorrent jiddeduċi li l-pubblikazzjoni tad-deċizjoni li imponiet il-multi hija pprojbita, kollha kemm hi, mill-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 17.

50     Il-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà ta' din ir-raġuni billi ssostni, l-ewwel nett, li l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni li imponiet il-multi ma tirriżultax mid-deċiżjoni kkontestata, iżda mill-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 17. It-tieni nett, il-Kummissjoni tosserva li r-rikorrent ma jistax jibqa' jsostni, b'dan ir-rikors, li l-ordni sabiex jintemm il-ksur inkluża fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni li imponiet il-multi hija illegali, inkwantu dak l-ilment, li ma jirreferix għad-deċiżjoni kkontestata, iżda għad-deċiżjoni li timponi l-multi ġie mqajjem b'mod tardiv. Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tafferma li l-ispjegazzjoni ta' din ir-raġuni fir-rikors ma tissodisfax l-eżiġenzi ta' l-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza.

51     Il-Kummissjoni ssostni li, f'kull każ, l-ispjegazzjoni tar-rikorrent mhijiex fondata fid-dritt peress li, minn naħa, dan jafferma li ordni valida sabiex jintemm il-ksur hija kundizzjoni sine qua non għall-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni li imponiet il-multi mingħajr ma kkontesta li d-deċiżjoni tinkludi tali ordni, u, min-naħa l-oħra huwa jafferma li l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 17 jipprovdi deroga għall-prinċipju tal-protezzjoni tas-sigriet professjonali mingħar ma jallega li l-protezzjoni tas-sigriet professjnali ġiet ivvjolata.

–       Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

52     Rigward l-ammissibbiltà tar-raġuni, jirriżulta, fl-ewwel lok, mill-kunsiderazzjonijiet li saru fil-punti 27 sa 36 iktar 'il fuq, li l-argumenti tal-Kummissjoni li l-pubbblikazzjoni tal-verżjoni kontenzjuża ma tirriżultax mid-deċiżjoni kkontestata u li r-rikorrent m'għandu l-ebda interess li jikkontesta l-kontenut ta' din il-verżjoni mhumiex fondati. Fil-fatt, meta qajmet dawn l-argumenti, il-Kummissjoni fehmet ħażin ir-raġunament tar-rikorrent li kien intiż preċiżament sabiex isostni li l-verżjoni kontenzjuża għandha informazzjoni li, peress li hija koperta bis-sigriet professjonali skond l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 17, ma tistax tiġi ppubblikata. Issa, il-pubblikazzjoni tas-siltiet in kwistjoni, li r-rikorrent oġġezzjona għall-kxif tagħhom għar-raġuni li għandhom informazzjoni koperta bis-sigriet professjonali, hija konsegwenza ta' l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

53     Fit-tieni lok, meta afferma li deċiżjoni li tinkludi ordni li jintemm il-ksur, għalkemm dan kien diġà ntemm, mhijiex waħda li l-pubblikazzjoni tagħha hija obbligatorja skond l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 17, ir-rikorrent ma kienx qed jikkontesta biss il-legalità ta' l-ordni msemmija fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni li imponiet il-multi, iżda wkoll l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 17 li fuqha hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata. Mifhum f'dan is-sens, l-ilment tiegħu ma jistax jiġi mwarrab għaliex ġie imqajjem b'mod tardiv. Barra minn hekk, mhuwiex xieraq, għal raġunijiet ta' ekonomija tal-proċedura, li l-ammissabiltà ta' din ir-raġuni tiġi ssuġġettata għall-kundizzjoni minn qabel li dak li lilu hi indirizzata d-deċiżjoni li imponiet il-multi u li jixtieq jikkontesta l-pubblikazzjoni tagħha jagħmel rikors kontra l-ordni inkluża fiha.

54     Fit-tielet lok, l-ispjegazzjoni ta' l-ewwel raġuni fir-rikors kienet ċara u koerenti biżżejjed, ġaladarba ippermettiet lill-Kummissjoni tħejji argumentazzjoni dettaljata biex tiddefendi ruħha u l-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li tista' tiddeċiedi fuq dawn ir-raġunijiet. Għalhekk, l-ispjegazzjoni ta' dan ir-raġuni tissodisfa l-eżiġenzi ta' l-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura.

55     Għalhekk, l-ewwel raġuni mqajma mir-rikorrent hija ammissibbli.

56     Madankollu, rigward il-validità ta' din ir-raġuni, l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 17 mogħtija mir-rikorrent, li dan l-Artikolu jipprovdi biss għall-pubblikazzjoni ta' deċiżjonijiet li jinkludu ordni sabiex jintemm il-ksur, ma tistax tiġi akkolta. Fil-fatt ir-Regolament Nru 17 għandu bħala għan, kif jirriżulta mill-premessi tiegħu u mill-Artikolu 83(2)(a) KE, li jassiġura li r-regoli tal-kompetizzjoni jiġu osservati mill-impriżi, u li l-Kummissjoni tiġi awtorizzata, għal dan il-għan, tobbliga lill-intrapriżi jtemmu l-ksur ta' regoli kkonstatat kif ukoll timponi multi u pagamenti ta' pieni perjodiċi f'każ ta' ksur. Is-setgħa li jittieħdu deċiżjonijiet f'dan is-sens timplika neċessarjament is-setgħa li jiġi kkonstatat il-ksur in kwistjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta' Marzu 1983, GVL vs il-Kummissjoni, 7/82, Ġabra p. 483, punt 23). Il-Kummissjoni tista' għalhekk tieħu, skond l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 17, deċiżjoni limitata għal konstatazzjoni ta' ksur li diġà intemm, sakemm ikollha interess leġittimu li tagħmel dan (sentenza GVL vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punti 24 sa 28). Bl-istess mod, skond ġurisprudenza konstanti, hija tista' timponi multi minħabba aġir kontra l-liġi li jkun diġà ntemm (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Lulju 1970, ACF Chemiefarma vs Il-Kummissjoni, 41/69, Ġabra p. 661, punt 175, u sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-6 ta' Ottubru 2005, Sumitomo Chemical u Sumika Fine Chemicals vs Il-Kummissjoni, T‑22/02 u T‑23/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 37, 38 u 131). Issa, deċiżjoni li timponi l-multi meħuda skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 timplika neċessarjament konstatazzjoni ta' ksur ta' liġi skond l-Artikolu 3 ta' l-istess Regolament (ara, f'dan is-sens, is-sentenza GVL vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 23, u s-sentenza Sumitomo Chemical u Sumika Fine Chemicals vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 36).

57     Għandu jiġi miżjud li l-inkarigu ta' kontroll mogħti lill-Kummissjoni mill-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 82 KE ma jinkludix biss id-dmir li tinvestiga u tippenalizza ksur individwali ta' liġi, iżda jfisser ukoll id-dmir li ssegwi politika ġenerali intiża sabiex tapplika l-prinċipji stabbiliti mit-Trattat fil-qasam tal-kompetizzjoni u li tiggwida lill-impriżi biex jaġixxu b'dan il-mod (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta' Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Gabra, punt 170). Issa huwa indispensabbli għall-qadi ta' dan l-inkarigu li l-operaturi ekonomiċi jiġu informati, permezz tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet li jikkonstataw ksur ta' liġi u li jimponu multi, bl-għemil li jwassal għal interventi ripressivi mill-Kummissjoni.

58     Minn dan isegwi li l-obbligu tal-Kummissjoni li tippubblika, konformement ma' l-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 17, id-deċiżjonijiet illi hija tieħu skond l-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament, japplika għad-deċiżjonijiet kollha li jikkonstataw ksur jew jimponu multa, mingħajr ma hemm bżonn li jiġi aċċertat jekk jinkludux ukoll ordni sabiex jintemm dak il-ksur ta' liġi jew jekk din l-ordni hijiex ġustifikata fid-dawl taċ-ċirkostanzi tal-każ.

59     Minn dan isegwi li l-ewwel raġuni mhijiex fondata.

 Fuq it-tieni raġuni, ibbażata fuq ksur ta' l-Artikolu 21(2) tar-Regolament Nru 17

–       L-argumenti tal-partijiet

60     Ir-rikorrent invoka l-prinċipju tal-legalità ta' l-azzjoni amministrattiva, li minnu jirriżulta, fil-fehma tiegħu, li l-Kummissjoni tista' tieħu deċiżjonijiet individwali biss skond u bi qbil ma' regola li tikkostitwixxi l-bażi ġuridika ta' l-azzjoni tagħha. Hu jafferma li, skond l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 17, li huwa l-bażi ġuridika li tiġġustifika l-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet ta' applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-"kontenut prinċipali tad-deċiżjoni" biss jista' jiġi ppubblikat. Hu jikkonkludi mill-konnessjoni bejn l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 17, li jikkostitwixxi r-regola, u l-Artikolu 21 ta' l-istess Regolament, li huwa l-eċċezzjoni (ara punt 48 iktar 'il fuq ), li l-protezzjoni tas-sigriet professjonali tkopri d-deċiżjoni li imponiet il-multi kollha kemm hi u li din ta' l-aħħar m'għandhiex tiġi ppubblikata. Hu għalhekk ta' l-opinjoni li l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 17 ma jistax jiġġustifika l-pubblikazzjoni tat-test sħiħ tad-deċiżjoni li imponiet il-multi.

61     Hu jirrileva, f'dan ir-rigward, li, f'dan il-każ, il-verżjoni kontenzjuża hija differenti mill-oriġinal biss inkwantu l-ismijiet ta' l-impjegati tal-banek kkonċernati tneħħew u li dan ma jikkostitwixxix riproduzzjoni tal-"kontenut prinċipali" tad-deċiżjoni li imponiet il-multi. Huwa jfakkar, barra dan, li parti kbira mill-informazzjoni li tinsab fil-verżjoni kontenzjuża kienet saret aċessibbli għall-Kummissjoni bis-saħħa tal-kooperazzjoni volontarja tar-rikorrent.

62     Hu jallega li l-Kummissjoni rrifjutat, mingħajr ma tat raġunijiet, il-proposta ta' pubblikazzjoni tal-"kontenut essenzjali" tad-deċiżjoni li imponiet il-multi li hu kien ippreżenta, u li b'hekk ittrattat bl-istess mod, b'mod ġuridikament żbaljat, id-deċiżjoni sħiħa mal-kontenut prinċipali tagħha.

63     Ir-rikorrent joġġezzjona għall-argumentazzjoni li l-pubblikazzjoni tal-verżjoni kontenzjuża kienet meħtieġa sabiex tispjega, fl-ewwel lok, in-natura, l-estensjoni, il-portata u l-istituzzjonalizzazzjoni ta' l-akkordju, fit-tieni lok, biex turi s-serjetà u t-tul ta' żmien ta' dan ta' l-aħħar kif ukoll l-allegata intenzjoni illegali tal-partijiet ikkonċernati u, fl-aħħar lok, l-allegata kapaċità ta' l-akkordju li jfixkel il-kummerċ intrakomunitarju. Hu jikkontesta li l-Kummissjoni għandha dritt issegwi dawn l-għanijiet billi tippubblika illegalment id-deċiżjoni li imponiet l-ammendi, meta l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 17 jipprovdi espressament għall-pubblikazzjoni tal-kontenut essenzjali biss ta' d-dik id-deċiżjoni. B'mod sussidjarju, hu jafferma li dawn l-għanijiet sorta waħda setgħu jintlaħqu bil-pubblikazzjoni tal-"kontenut essenzjali" ta' l-imsemmija deċiżjoni.

64     Skond ir-rikorrent, l-Artikoli 20 u 21 tar-Regolament Nru 17 jipprivaw lill-Kummissjoni minn kull setgħa diskrezzjonali dwar id-dritt li tippubblika deċiżjoni sħiħa jew li tirriproduċi l-kontenut prinċipali tagħha. Ir-rikorrent jirrikonoxxi li l-Kummissjoni tista' tiddisponi minn libertà ta' valutazzjoni biex tiddeċiedi fiex jikkostitwixxi "il-kontenut prinċipali" ta' deċiżjoni, iżda tenfasizza li ebda deċiżjoni fuq dan il-punt ma ttieħdet f'dan il-każ.

65     Fl-aħħar nett, ir-rikorrent jafferma li eventwali prattika deċiżjonali tal-konvenuta li tikkonssisti fil-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet li jimponu l-multi fl-intier tagħhom hija illegali u ma tistax tiġġustifika d-deċiżjoni kkontestata.

66     Il-Kummissjoni tikkunsidra din ir-raġuni bħala inammissibbli. Dwar il-mertu, hija ssostni li t-teżi li tgħid li l-Artikolu 21(2) tar-Regolament Nru 17 jipprekludi l-publikazzjoni tal-verżjonijiet mhux kunfidenzjali u sħaħ tad-deċiżjonijiet, li hija bbażata esklużivament fuq il-konklużjoni a contrario mhux immotivata li kull pubblikazzjoni li l-Kummissjoni mhijiex espressament obbligata tagħmel hija illegali, hija żbaljata. Fil-fehma tagħha, l-Artikolu 21(2) tar-Regolament Nru 17 ma jikkostitwixxix dispożizzjoni intiża biex tipproteġi l-persuni kkonċernati minn deċiżjoni li tkun ser tiġi ppubblikata, iżda hu mnissel mill-prinċipju tal-pubbliċità ta' l-atti ġudizzjarji li huwa karatteristika ta' Stat li josserva r-regola tad-dritt. Hija tafferma, barra dan, li d-deċiżjoni kkontestata tindika, u tagħti raġunijiet għal dan, li l-pubblikazzjoni tal-verżjoni kontenzjuża hija "neċessarja" u legali, peress li l-imsemmija verżjoni la għandha sigrieti tan-negozju u lanqas informazzjoni kunfidenzjali oħra li għandha tiġi protetta.

–       Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

67     Din ir-raġuni hija bbażata fuq il-premessa żbaljata li kull pubblikazzjoni ta' deċiżjoni meħuda skond ir-Regolament Nru 17 li mhijiex obbligatorja skond l-Artikolu 21 ta' l-imsemmi Regolament hija illegali.

68     F'dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-prinċipju ta' legalità invokat mir-rikorrent biex isaħħaħ it-teżi tiegħu huwa rikonoxxut, fid-dritt Komunitarju, fis-sens li jeżiġi li sanzjoni, anki jekk mhux ta' natura penali, ma tistax tiġi imposta ħlief jekk hija bbażata fuq bażi ġuridika ċara u mhux ambigwa (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta' Settembru 1984, Könecke, 117/83, Ġabra p. 3291, punt 11).

69     Ma tistax, madankollu, tiġi dedotta mill-prinċipju ta' legalità l-projbizzjoni tal-pubblikazzjoni ta' l-atti adottati mill-istituzzjonijiet meta din il-pubblikazzjoni ma tkunx espressament prevista mit-trattati jew minn att ieħor ta' applikazzjoni ġenerali. Fl-istat preżenti tad-dritt Komunitarju, din il-projbizzjoni tkun inkompatibbli ma' l-Artikolu 1 UE, li jipprovdi li, fi ħdan l-Unjoni Ewropea, "id-deċiżjonijiet jittieħdu bil-miftuħ kemm jista' jkun". Dan il-prinċipju huwa rifless fl-Artikolu 255 KE, li jiggarantixxi, taħt ċerti kundizzjonijiet, dritt ta' aċċess taċ-ċittadini għad-dokumenti ta' l-istituzzjonijiet. Dan il-prinċipju huwa espress ukoll, b'mod partikolari, fl-Artikolu 254 KE, li jissuġġetta d-dħul fis-seħħ ta' ċerti atti ta' l-istituzzjonijiet għall-pubblikazzjoni tagħhom, u f'ħafna dispożizzjonijiet ta' dritt Komunitarju li, bħal fil-każ ta' l-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 17, jobbligaw lill-istituzzjonijiet li jagħtu rendikont, lill-pubbliku, ta' l-attivitajiet tagħhom. Konformement ma' dan il-prinċipju, u fin-nuqqas ta' dispożizzjonijiet li jordnaw jew jipprojbixxu espressament il-pubblikazzjoni, id-dritt ta' l-istituzzjonijiet li jagħmlu pubbliċi l-atti li jadottaw hija r-regola, li għaliha jeżistu eċċezzjonijiet inkwantu d-dritt Komunitarju, partikolarment permezz tad-dispożizzjonijiet li jiggarantixxu li s-sigriet professionali jiġi osservat, jipprekludi l-kxif ta' dawn l-atti u ta' ċerti informazzjoni li jkollhom fihom.

70     Għandu jiġi ppreċiżat f'dan il-kuntest, li la l-Artikolu 287 KE u lanqas ir-Regolament Nru 17 ma jindikaw espressament liema informazzjoni, minbarra s-sigrieti tan-negozju, hija koperta bis-sigriet professjonali. Kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, ma jistax jiġi dedott, mill-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 17, li hija koperta kull informazzjoni miġbura b'applikazzjoni ta' l-imsemmi Regolament, bl-eċċezzjoni ta' dik l-informazzjoni li l-pubblikazzjoni tagħha hija obbligatorja skond l-Artikolu 21. Fil-fatt, bħal fil-każ ta' l-Artikolu 287 KE, l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 17, li jimplementa din id-dispożizzjoni tat-Trattat fil-qasam tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi, jipprekludi biss il-kxif ta' informazzjoni "tat-tip kopert mill-ob[b]lig[u tas-sigriet] professjonali".

71     Sabiex l-informazzjoni taqa', minnha nfisha, taħt il-kappa tas-sigriet professjonali, hemm bżonn, fl-ewwel lok, li jkun jaf biha biss numru limitat ta' persuni. Fit-tieni lok, din għandha tkun informazzjoni li l-kxif tagħha jista' joħloq ħsara kbira lill-persuna li tkun tatha jew lil terzi. Fit-tielet lok, l-interessi li jistgħu jkunu milquta mill-kxif ta' l-informazzjoni għandhom, oġġettivament, ikun jistħoqqilhom protezzjoni. Il-valutazzjoni tan-natura kunfidenzjali ta' informazzjoni b'hekk teħtieġ li jkun hemm bilanċ bejn l-interessi leġittimi li jipprekludu l-kxif tagħha u l-interess ġenerali li jitlob li l-attivitajiet ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji isiru bil-miftuħ kemm jista' jkun.

72     Il-leġiżlatur Komunitarju ibbilanċja l-interess ġenerali għat-trasparenza ta' l-azzjoni Komunitarja ma' l-interessi li jistgħu joġġezzjonaw għal dan f'diversi atti ta' dritt sekondarju, b'mod partikolari fir-Regolament Nru 45/2001 u fir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1049/2001, tat-30 ta' Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, p. 43). Għalkemm il-kunċett ta' "sigriet professjonali" huwa kopert mid-dritt primarju inkwantu li jissemma' fl-Artikolu 287 KE u għalkemm id-dritt sekondarju bl-ebda mod ma jista' jemenda d-dispożizzjonijiet tat-Trattat, l-interpretazzjoni tat-Trattat magħmula mil-leġiżlatur Komunitarju fir-rigward ta' kwistjoni li mhijiex espressament regolata mit-Trattat tikkostitwixxi indikazzjoni importanti tal-mod kif dispożizzjoni għandha tinftiehem (konklużjonijiet ta' Imħallef Kirschner fil-kwalità ta' Avukat Ġenerali fis-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-10 ta' Lulju 1990, Tetra Pak vs Il-Kummissjoni, T‑51/89, Ġabra p. II‑309, II‑312, punt 34).

73     Hemm lok li jingħad ukoll li, għalkemm il-premessa 9 tad-Deċiżjoni 2001/462 tirreferi għar-Regolament Nru 45/2001 (ara l-punti 32 u 33 iktar 'il fuq), il-premessa 10 tipprovdi li "[din] id-Deċiżjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għar-regoli ġenerali li jagħtu jew jeskludu l-aċċess għad-dokumenti tal-Kummissjoni". Għalhekk, meta adottat din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni la riedet tirrestrinġi u lanqas testendi l-kundizzjonijiet li fihom il-pubbliku jista' jaċċedi għad-dokumenti li għandhom x'jaqsmu ma' l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni u għall-informazzjoni inkluża fihom, meta mqabbla mal-kundizzjonijiet previsti f'dawn ir-Regolamenti.

74     Minn dan isegwi li, safejn dawn id-dispożizzjonijiet ta' dritt sekondarju jipprojbixxu l-kxif ta' informazzjoni mal-pubbliku jew jeskludu l-aċċess tal-pubbliku għal dokumenti li jinkludu tali informazzjoni, din l-informazzjoni għandha tiġi ikkunsidrata bħala koperta bis-sigriet professjonali. Min-naħa l-oħra, fejn il-pubbliku għandu dritt ta' aċċess għal dokumenti li jinkludu ċerta informazzjoni, din l-informazzjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li hija tat-tip kopert mill-obbligu tas-sigriet professjonali.

75     Rigward il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni meħuda skond ir-Regolament Nru 17, jirriżulta minn dak li ngħad qabel, li l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 17 jipprojbixxi, barra l-kxif ta' sigrieti tan-negozju, b'mod partikolari l-pubblikazzjoni ta' informazzjoni li hija koperta mill-eċċezzjonijiet għad-drittt ta' aċċess għad-dokumenti previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 jew li hija protetta skond regoli oħra tad-dritt sekondarju, bħal dawk tar-Regolament Nru 45/2001. Min-naħa l-oħra, huwa ma jipprekludix il-pubblikazzjoni ta' informazzjoni li l-pubbliku għandu dritt li jkun jaf biha permezz tad-dritt ta' aċċess għad-dokumenti.

76     Għandu, wara dan, jiġi mfakkar li l-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 17 jimponi fuq il-Kummissjoni l-obbligu li tippubblika d-deċiżjonijiet li hija tieħu skond l-Artikoli 2, 3, 6, 7 u 8 ta' dan ir-Regolament. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-Artikolu 21(2) tar-Regolament Nru 17 għandu jkun interpretat fis-sens li jillimita dan l-obbligu għal referenza għall-partijiet ikkonċernati u l-"kontenut prinċipali" ta' dawn id-deċiżjonijiet sabiex l-inkarigu tal-Kummissjoni li tinforma lill-pubbliku b'dawn id-deċiżjonijiet jiġi ffaċilitat, partikolarment meta jitqiesu d-diffikultajiet lingwistiċi marbuta ma' pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali. Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni ma tillimitax id-dritt tal-Kummissjoni, jekk hija tqis li hu opportun u jekk ir-riżorsi tagħha jippermettu, li tippubblika t-test sħiħ tad-deċiżjonijiet tagħha, bil-kundizzjoni li tosserva s-sigriet professjonali kif definit hawn fuq.

77     Għalkemm il-Kummissjoni hija għalhekk soġġetta għal obbligu ġenerali li tippubblika biss il-verżjonijiet mhux kunfidenzjali tad-deċiżjonijiet tagħha, mhuwiex neċessarju, sabiex jiġi ggarantit li dan l-obbligu jiġi osservat, li l-Artikolu 21(2) jiġi interpretat fis-sens li jagħti dritt speċifiku lil dawk li lilhom ikunu indirizzati d-deċiżjonijiet adottati skond l-Artikoli 2, 3, 6, 7 u 8 tar-Regolament Nru 17 li jippermettilhom joġġezzjonaw għall-pubblikazzjoni mill-Kummissjoni fil-Ġurnal Uffiċjali (u, fejn xieraq, anki fuq is-sit Internet ta' din l-istituzzjoni) ta' informazzjoni li, għalkemm mhux kunfidenzjali, mhijiex "essenzjali" sabiex tinftiehem il-parti operattiva ta' dawn id-deċiżjonijiet.

78     Barra dan, l-interess ta' impriża, li lilha tkun ġiet indirizzata deċiżjoni li tordnalha tħallas ammenda għal ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni, li d-dettalji ta' l-aġir illegali tagħha ma jiġux mikxufa mal-pubbliku ma jistħoqqlu ebda protezzjoni partikolari, ikkunsidrati, minn naħa, l-interess tal-pubbliku li jkun jaf bl-aktar mod dettaljat possibbli l-motivi ta' kull azzjoni tal-Kummissjoni, l-interess ta' l-operaturi ekonomiċi li jkunu jafu liema hu l-aġir li jista' jesponihom għal pieni u l-interess tal-persuni li ġratilhom ħsara minħabba l-ksur ta' liġi li jkunu jafu d-dettalji sabiex jistgħu jiddefendu, jekk ikun hemm bżonn, id-drittijiet tagħhom kontra l-impriżi puniti u, min-naħa l-oħra, il-possibbiltà għal din l-impriża li tissottometti tali deċiżjoni għal stħarriġ ġudizzjarju.

79     Għalhekk, l-Artiklu 21(2) tar-Regolament Nru 17 mhuwiex intiż li jirrestrinġi l-libertà tal-Kummissjoni li tippubblika minn rajha verżjoni tad-deċiżjoni tagħha aktar dettaljata mill-minimu neċessarju u li tinkludi wkoll informazzjoni li l-pubblikazzjoni tagħha mhijiex obbligatorja, safejn il-kxif ta' dan ma jkunx inkompatibbli mal-protezzjoni tas-sigriet professjonali.

80     Minn dan isegwi li din ir-raġuni għandha tiġi miċħuda mingħajr m'hu meħtieġ li l-Qorti tal- Prim'Istanza tiddeċiedi fuq l-ammissibbiltà tagħha.

 Fuq it-tielet raġuni, ibbażata fuq l-illegalità tal-pubblikazzjoni ta' partijiet tad-deċiżjoni li imponiet il-multi li jikkonċernaw is-sena 1994, u fuq is-sitt raġuni, ibbażata fuq ksur ta' l-obbligu li jingħataw raġunijiet

–       L-argumenti tal-partijiet

81     Bit-tielet raġuni tiegħu, ir-rikorrent isostni li l-pubblikazzjoni tal-partijiet tad-deċiżjoni li imponiet il-multi li jirreferu għas-sena 1994 hija illegali għar-raġuni, minn naħa, li l-Kummissjoni mhijiex kompetenti biex tiddeċiedi dwar ksur ta' liġi li sar fl-Awstrija mir-rikorrent fl-1994, u, min-naħa l-oħra, li l-parti operattiva tad-deċiżjoni li imponiet il-multi ma ddeċidietx fuq il-prattiċi kkonstatati matul is-sena 1994. Hu jqis li għandu interess ġuridiku f'dak li jirrigwarda din ir-raġuni, għaliex dawn il-partijiet għandhom informazzjoni li tikkonċernah u li huma koperti mis-sigriet professjonali.

82     Ir-rikorrent jispejga li, fl-1994, l-Artikolu 81 KE ma kienx japplika fl-Awstrija, iżda kien l-Artikolu 53 tal-Ftehim fuq iż-Żona Ekonomika Ewropea (aktar 'il quddiem iż-"ZEE") li kien japplika. Issa, l-Artikolu 56 tal-Ftehim ŻEE jagħti kompetenza lill-Awtorità ta' Sorveljanza ta' l-EFTA, u mhux lill-Kummissjoni, li tikkontrolla li l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE jiġi osservat, meta l-impriżi kkonċernati jagħmlu aktar minn 33 % tad-dħul mill-bejgħ tagħhom fl-EFTA, li kien il-każ tar-rikorrent. Huwa jikkonkludi li l-Kummissjoni ma setgħetx tapplika r-Regolament Nru 17 għal ksur ta' l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE li sar fl-1994 peress li, minn naħa, hija ma kinitx kompetenti f'dak il-perijodu, u, min-naħa l-oħra, il-partijiet fl-istqarrija tal-fatti tad-deċiżjoni li imponiet il-multi li jirreferu għas-sena 1994 mhumiex rilevanti għall-parti operattiva ta' din l-istess deċiżjoni.

83     Ir-rikorrent jippreċiża li l-Kummissjoni ma kellhiex dritt tippubblika l-konstatazzjonijiet ta' fatt li jirreferu għas-sena 1994, għaliex hija kisbet din l-informazzjoni abbażi ta' l-Artikoli 11 sa 14 tar-Regolament Nru 17 u din kienet marbuta, skond l-Artikolu 287 KE u l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 17, iżżomm is-sigriet professjonali. Huwa jispjega li l-verżjoni kontenzjuża għandha informazzjoni kunfidenzjali minħabba li ssemmi diversi dokumenti interni tar-rikorrent li l-Kummissjoni kisbet b'applikazzjoni tar-Regolament Nru 17.

84     Bis-sitt raġuni, ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 235 KE, peress li ma indikatx ir-raġunijiet li jiġġustifikaw il-pubblikazzjoni ta' siltiet tad-deċiżjoni li imponiet il-multi li jirreferu għas-sena 1994. Huwa jenfasizza li, għalkemm it-talba li dawn is-siltiet jinqatgħu barra hija msemmija darbtejn fid-deċiżjoni kkontestata, din ta' l-aħħar ma tiħux pożizzjoni fuq din it-talba partikolari u lanqas fuq l-argumentazzjoni li ssostniha, u hija limitata għall-għoti ta' risposta għall-argument li jgħid li l-"kontenut prinċipali" tad-deċiżjoni li imponiet il-multi biss jista' jiġi ppubblikat. Ir-rikorrent jenfasizza li dan l-aħħar argument għandu jiġi distint minn dak li jikkonċerna l-partijiet li jikkonċernaw is-sena 1994.

85     Il-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà tat-tielet raġuni billi ssotni, fl-ewwel lok, li l-ilmenti dwar in-nuqqas ta' applikabbiltà tar-Regolament Nru 17 u l-inkompetenza tal-Kummissjoni, li jikkonċernaw il-legalità tad-deċiżjoni li imponiet il-multi, ġew imqajma b'mod tardiv. Fit-tieni lok, rigward l-ilment li jikkonċerna n-nuqqas ta' rilvenza tal-partijiet li jikkonċernaw is-sena 1994, hija tqis li r-rikorrent m'għandu ebda interess ġuridiku. Il-Kummissjoni hija ta' l-opinjoni li r-rikorrent lanqas ma għandu interess ġuridiku fir-rigward tas-sitt raġuni.

86     Il-Kummissjon tafferma li ż-żewġ raġunijiet huma, fi kwalunkwe każ, infondati.

–       Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

87     Bħat-tieni raġuni, it-tielet raġuni hija bbażata fuq il-premessa żbaljata li l-informazzjoni li l-pubblikazzjoni tagħha hija obbligatorja skond l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 17 biss tista' tiġi ppubblikata, filwaqt li kull informazzjoni oħra miġbura skond ir-Regolanment Nru 17 ma tistax tiġi ppubblikata.

88     Il-Kummissjoni hija, min-naħa l-oħra, ħielsa li tippubblika t-test sħiħ tad-deċiżjoni tagħha sakemm din m'għandiex informazzjoni li għandha l-protezzjoni tas-sigriet professjonali kif definit aktar 'il fuq fil-kuntest ta' l-eżami tat-tieni raġuni.

89     F'dan ir-rigward, li f'd-deċiżjoni li timponi l-multi, jkunu mdaħħla kunsiderazzjonijiet fattwali rigward akkordju ma jistax jiġi suġġett għall-kundizzjoni li l-Kummissjoni tkun kompetenti biex tikkonstata ksur ta' liġi li għandu x'jaqsam ma' dan jew għall-kundizzjoni li tkun effettivament ikkonstatat dan il-ksur ta' liġi. Fil-fatt, huwa leġittimu, għall-Kummissjoni, li tiddeskrivi, f'deċiżjoni li tikkonstata ksur u li timponi penali, il-kuntest fattwali u storiku li jinkwadra l-aġir abużiv. Dan jgħodd ukoll għall-pubblikazzjoni ta' din id-deskrizzjoni, peress li din tista' tkun utli biex tippermetti lill-pubbliku kkonċernat jifhem sew il-motivi ta' din id-deċiżjoni. F'dan ir-rigward, hija l-Kummissjoni li għandha tiddecċiedi dwar jekk huwiex xieraq li jiddaħħlu elementi bħal dawn.

90     F'dan il-każ, fi kwalunkwe każ, ma jistax jiġi miċħud li d-deskrizzjoni ta' l-anteċedenti storiċi ta' l-akkordju, inkluż id-deskrizzjoni ta' l-aġir li sar qabel l-1994, tipperemtti li turi n-natura u t-tħaddim ta' l-akkordju li b'hekk tgħin b'mod utli sabiex tinftiehem id-deċiżjoni li imponiet il-multi.

91     Rigward is-sitt raġuni, jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet li saru qabel, li d-deċiżjoni li jiddaħħlu l-partijiet li jikkonċernaw is-sena 1994 fil-verżjoni kontenzjuża ma teħtieġ ebda motivazzjoni partikolari.

92     Minn dan isegwi li t-tielet u s-sitt raġunijiet mhumiex fondati. Għaldaqstant, dawn ir-raġunijiet għandhom jiġu respinti mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċizjoni fuq l-ammissibbiltà tagħhom.

 Fuq ir-raba raġuni, ibbażata fuq ksur tar-Regolament Nru 45/2001

–       L-argumenti tal-partijiet

93     Ir-rikorrent isostni li, f'numru ta' siltiet, il-verżjoni kontenzjuża tippermetti li jkunu identifikati l-persuni fiżiċi li kienu ħadu sehem, personalment, f'laqgħat li l-iskop tagħhom kien li l-kompetizzjoni tiġi ristretta. Fil-fehma tiegħu, il-pubblikazzjoni ta' din l-informazzjoni tikser id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 45/2001. Ir-rikorrent jafferma li hu għandu dritt jinvoka din il-vjolazzjoni tar-Regolament Nru 45/2001 f'ismu proprju, inkwantu jista' jkun li l-persuni kkonċernti jduru fuqu għall-ħlas tad-danni u inkwantu huwa marbut, bil-liġi ta' l-impjieg, li jagħti għajnuna lil dawk li jaħdmu għalih.

94     Il-Kummissjoni hija ta' l-opinjoni li r-rikorrent m'għandux interess ġuridiku f'dak li jikkonċerna din ir-raġuni, peress li ma jeżistix ksur, u lanqas ma hemm allegazzjoni ta' ksur, tad-drittijiet tiegħu.

–       Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

95     Ir-Regolament Nru 45/2001 huwa intiż li jipproteġi l-persuni fiżiċi fir-rigward tat-trattament ta' informazzjoni ta' natura personali. Ir-rikorrent, li hu persuna ġuridika, ma jagħmilx parti miċ-ċirku ta' persuni li dan ir-Regolament ifittex li jipproteġi. Għalhekk, hu ma jistax jinvoka ksur allegat tar-regoli stabbiliti minn dan ir-Regolament (ara, b'analoġija, is-sentenzi tal-qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta' Ġunju 1983, Schloh vs Il-Kunsill, 85/82, Ġabra p. 2105, punt 14, u tas-7 ta' Mejju 1991, Nakajima vs il-Kunsill, C‑69/89, Ġabra p. I‑2069, punti 49 u 50, kif ukoll il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali Van Gerven fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs BASF et., C‑137/92 P, Ġabra p. I‑2555, I‑2559, punti 55 u 56).

96     L-argumenti tar-rikorrent ibbażati fuq l-allegati obbligi tiegħu lejn id-diretturi u l-impjegati tiegħu skond id-dritt Awstrijak ma jistgħux jinvalidaw din il-konklużjoni, peress li huma sempliċement affermazzjonijiet li mhumiex issostanzjati. Dawn l-argumenti għalhekk mhumiex biżżejjed biex juru l-eżistenza ta' interess personali tar-rikorrent sabiex jinvoka ksur tar-Regolament Nru 45/2001.

97     Minn dan isegwi li din ir-raġuni għandha tiġi respinta.

 Fuq il-ħames raġuni, ibbażata fuq l-illegalità tal-pubblikazzjoni minn qabel tad-deċiżjoni li imponiet il-multi bil-lingwa Ġermaniża fuq is-sit ta' l-Internet tal-Kummissjoni

–       L-argumenti tal-partijiet

98     Ir-rikorrent jispjega li l-Kummissjoni ħabbret, fid-deċiżjoni kkontestata, l-intenzjoni tagħha li tippubblika fuq l-Internet il-verżjoni kontenzjuża bil-lingwa Ġermaniża. Fil-fehma tiegħu, din il-pubblikazzjoni minn qabel f'lingwa waħda tmur kontra l-prinċipju ta' ugwaljanza u tikser ir-regoli lingwistiċi tal-Komunitajiet. Hu ta' l-opinjoni li dan jikser l-interessi leġittimi tiegħu, għaliex il-fatt li l-verżjoni kontenzjuża tiġi ppubblikat minn qabel biss bil-Ġermaniż jolqot l-interessi tiegħu aktar kmieni u aktar serjament.

99     Il-Kummissjoni hija ta' l-opinjoni li r-rikorrent ma saħħaħx biżżejjed din ir-raġuni u li ma spjegax kif il-ksur invokat tad-dritt Komunitarju jagħmillu ħsara.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

100   B'din ir-raġuni, ir-rikorrent jikkontesta aspett tad-deċiżjoni kkontestata differenti mid-determinazzjoni tal-kontenut tal-verżjoni kontenzjuża, jiġifieri x-xandir ta' din il-verżjoni, bil-lingwa Ġermaniża, fuq l-Internet qabel il-pubblikazzjoni tagħha, fil-lingwi uffiċjali kollha ta' l-Unjoni, fil-Ġurnal Uffiċjali.

101   Madankollu, ix-xandir minn qabel tad-deċiżjoni li timponi l-multi bil-lingwa Ġermaniża fuq is-sit ta' l-Internet tal-Kummissjoni ma tistax tbiddel is-sitwazzjoni ġuridika tar-rikorrent. Għaldaqstant, l-aspett tad-deċiżjoni kkontestata li ġie kkontestat b'din ir-raġuni ma jikkostitwixxix att li jista' jiġi kkontestat. Ir-rikors huwa għalhekk inammissibbli f'dan ir-rigward.

102   Barra dan u fi kwalunkwe każ, din ir-raġuni mhijiex fondata. Barra l-obbligi tal-pubbliċità li huma imposti fuqha b'mod partikolari mir-Regolament Nru 17, il-Kummissjoni għandha marġni wiesgħa ta' diskrezzjoni sabiex tivvaluta, każ b'każ, il-pubbliċità li għandha tingħata lill-atti tagħha. Hija bl-ebda mod ma hija marbuta li tittratta atti ta' l-istess natura b'mod identiku f'dan ir-rigward. B'mod partikulari, il-prinċipju ta' ugwaljanza ma jipprekludix lill-Kummissjoni milli xxandar testi li l-pubblikazzjoni tagħhom fil-Ġurnal Uffiċjali huwa ppjanat, iżda li m'għandhiex f'idejha bil-lingwi uffiċjali kollha, minn qabel fuq l-Internet bil-lingwi disponibbli jew b'dik/dawk l-aktar magħrufa mill-pubbliku interessat. F'dan ir-rigward, il-fatt li jkun hemm disponibbli ċerti verżjonijiet lingwistiċi biss jikkostitwixxi differenza suffiċjenti sabiex jiġġustifika dan it-trattament differenti.

103   Dwar l-obbligu ta' pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali bil-lingwi uffiċjali kollha, impost mill-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1, kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 920/2005, tat-13 ta' Ġunju 2005 (ĠU L 156, p. 3), dan ma jistax jinkiser meta x-xandir ma jsirx pemezz tal-Ġurnal Uffiċjali.

104   Peress li r-raġunijiet kollha tar-rikorrent għandhom jiġu respinti, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

105   Skond l-Artikolu 87(2), tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrent tilef, hemm lok li jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż, skond it-talbiet tal-konvenuta.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM' ISTANZA (It-Tieni Awla)

taqta' u tiddeciedi

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrent huwa ordnat ibati l-ispejjeż.

Pirrung

Forwood

Papasavvas

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-30 ta' Mejju 2006.

E. Coulon

 

      J. Pirrung

Reġistratur

 

      Il-President


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.