Language of document : ECLI:EU:T:2006:137

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM' ISTANZA (It-Tieni Awla Estiża)

31 ta' Mejju 2006 (*)

"Għajnuniet mogħtija mill-Istat – Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-għajnuniet de minimis – Żieda fid-dazji tas-sisa fuq il-fjuwil – Għajnuniet mogħtija lill-istazzjonijiet ta' servizz – Kumpanniji taż-żejt – Riskju ta' akkumulazzjoni ta' għajnuniet – Klawżola ta' kumpens (Price Management System - PMS) – Prinċipju ta' amministrazzjoni tajba"

Fil-kawża T-354/99,

Kuwait Petroleum (Nederland) BV, stabbilità f'Rotterdam (l-Olanda), irrappreżentata minn P. Mathijsen, avocat,

rikorrenti,

sostnuta mir-

Renju ta' l-Olanda, inizjalment irrappreżentat minn M. Fierstra, wara minn H. Sevenster, bħala aġenti,

intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, inizjalment irrappreżentata minn G. Rozet u H. Speyart, wara minn Rozet u H. van Vliet, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/705/KE, ta' l-20 ta' Lulju 1999, dwar l-għajnuna mogħtija mill-Istat ta' l-Olanda lil 633 stazzjon ta' servizz Olandiż li jinsabu viċin il-fruntiera Ġermaniża (ĠU L 280, p. 87),

IL-QORTI TAL-PRIM' ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla Estiża),

komposta minn J. Pirrung, President, A. W. H. Meij, N. J. Forwood, I. Pelikánová u S. Papasavvas, Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta' Novembru 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1       Mill-1 ta' Lulju 1997, id-dazji tas-sisa miġbura fl-Olanda fuq il-petrol, id-diżil u l-gass likwidu żdiedu rispettivament bi 0.11 florin Olandiż (NLG), NLG 0.05 u NLG 0.08 fil-litru. Madankollu, konsapevoli tal-fatt li din iż-żieda kien se jkollha effetti ħżiena għall-operaturi Olandiżi ta' stazzjonijiet ta' servizz li jinsabu, b'mod partikolari, tul il-fruntiera Ġermaniża, il-leġiżlatur Olandiż ipprovda, fl-Artikolu VII tal-Wet tot wijziging van enkele belastingwetten c.a. (liġi li temenda ċerti liġijiet fiskali, Stbl. 1996, p. 654) ta' l-20 ta' Diċembru 1996, il-possibbiltà li jiġu adottati miżuri temporanji sabiex titnaqqas, fiż-żona tal-fruntiera, id-differenza bejn ir-rati tad-dazji tas-sisa li jirriżultaw mill-imsemmija żieda u d-dazji tas-sisa fuq iż-żjut ħfief li jeżistu fil-Ġermanja.

2       Għaldaqstant, ir-Renju ta' l-Olanda adotta, fil-21 ta' Lulju 1997, it-Tijdelijke regeling subsidie tankstations grensstreek Duitsland (leġiżlazzjoni temporanja dwar is-sussidji fir-rigward ta' l-istazzjonijiet ta' servizz li jinsabu qrib il-fruntiera Ġermaniża, Stcrt. 1997, p. 138), emendata permezz ta' Digriet Ministerjali tal-15 ta' Diċembru 1997 (Stcrt. 1997, p. 241, iktar 'il quddiem il-"leġiżlazzjoni temporanja"). Din il-leġiżlazzjoni, li daħlet fis-seħħ b'mod retroattiv fl-1 ta' Lulju 1997, kienet tipprevedi l-għoti ta' sussidju ta' NLG 0.10 għal kull litru ta' petrol favur l-operaturi li jinsabu sa 10km mill-fruntiera bejn l-Olanda u l-Ġermanja u ta' NLG 0.05 għal kull litru favur l-operaturi li jinsabu bejn 10 u 20km minn din il-fruntiera.

3       Sabiex jiġu sodisfatti l-kriterji tal-Komunikazzjoni 96/C 68/06 tal-Kummissjoni dwar l-għajnuniet de minimis (ĠU 1996, C 68, p. 9; iktar 'il quddiem il-"komunikazzjoni de minimis"), il-leġiżlazzjoni temporanja ffissat limitu ta' sussidju li jikkorrispondi, fuq perijodu ta' tliet snin (mill-1 ta' Lulju 1997 sat-30 ta' Ġunju 2000 inklużi), għal ECU 100,000, jiġifieri l-limitu stabbilit fil-komunikazzjoni. Barra minn hekk, l-għajnuna prevista mil-leġiżlazzjoni temporanja kienet għajnuna għal kull applikant, liema terminu jkopri kull persuna fiżika jew ġuridika li f'isimha u b'riskju għaliha jiġi mmaniġġjat stazzjon ta' servizz wieħed jew iktar, kif ukoll l-aventi kawża tagħha.

4       Emenda għal-leġiżlazzjoni temporanja, li għandha bħala suġġett l-iffissar tas-sussidju mhux iktar għal kull applikant, iżda għal kull stazzjon ta' servizz kienet sussegwentement prevista mill-Gvern Olandiż.

5       Billi xtaq jassigura ruħu dwar il-validità, għal dak li jirrigwarda l-komunikazzjoni de minimis, ta' l-abbozz ta' emenda għal-leġiżlazzjoni temporanja, il-Gvern Olandiż informa lill-Kummissjoni, permezz ta' ittra ta' l-14 ta' Awwissu 1997, b'din l-emenda billi ppreċiża li "fil-każ li l-Kummissjoni tikkunsidra li l-iskema [proposta] għandha madankollu tiġi nnotifikata, skond l-Artikolu 88(3) KE, il-Gvern Olandiż jitlob li din l-ittra tiġi kkunsidrata bħala tali notifika".

6       Wara diversi skambji ma' l-awtoritajiet Olandiżi u bil-biża li l-leġiżlazzjoni temporanja u l-abbozz ta' emenda tagħha ma setgħux jimpedixxu sitwazzjonijiet ta' akkumulazzjoni ta' għajnuniet ipprojbiti mill-komunikazzjoni de minimis, il-Kummissjoni ddeċidiet, f'Ġunju ta' l-1998, li tiftaħ l-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE (ĠU 1998, C 307, p. 10; iktar 'il quddiem il-"komunikazzjoni ta' ftuħ tal-proċedura").

7       Fit-tmien ta' din il-proċedura, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 1999/705/KE, ta' l-20 ta' Lulju 1999, dwar l-għajnuna mogħtija mill-Istat ta' l-Olanda lil 633 stazzjon ta' servizz Olandiż li jinsabu qrib il-fruntiera Ġermaniża (ĠU L 280, p. 87, iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), li fiha hija ddikjarat li parti mill-għajnuniet in kwistjoni kienet inkompatibbli mas-suq komuni u li parti oħra kienet taqa' taħt ir-regola de minimis.

8       Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kklassifikat l-istazzjonijiet ta' servizz f'sitt kategoriji:

–       dawk ta' negozjanti li huma proprjetarji ("dealer-owned/dealer operated", iktar 'il quddiem id-"Do/Do"), fejn in-negozjant huwa l-proprjetarju ta' l-istazzjon ta' servizz li huwa jopera għar-riskji tiegħu stess, u dan billi jkun marbut mal-kumpannija taż-żejt permezz ta' ftehim ta' xiri esklussiv li ma fihx klawżola PMS;

–       dawk ta' negozjanti li huma kerrejja ("company-owned/dealer operated", iktar 'il quddiem il-"Co/Do"), fejn in-negozjant huwa l-kerrej ta' l-istazzjon ta' servizz li huwa jopera għar-riskji tiegħu stess, u dan billi jkun marbut, bħala kerrej, mal-kumpannija taż-żejt permezz ta' ftehim ta' xiri esklussiv li ma fihx klawżola PMS;

–       dawk ta' stazzjonijiet ta' servizz li fir-rigward tagħhom l-awtoritajiet Olandiża ma tawx informazzjoni jew taw biss informazzjoni parzjali;

–       dawk ta' negozjanti li huma impjegati ("company owned/company operated", iktar 'il quddiem il-"Co/Co"), fejn l-istazzjon ta' servizz huwa operat minn persuni impjegati jew minn kumpanniji sussidjarji tal-kumpannija taż-żejt, li ma jbagħtux ir-riskji ta' l-operazzjoni u ma jistgħux jgħażlu liberament il-fornituri tagħhom; il-Kummissjoni qasmet din il-kategorija f'żewġ sub-kategoriji: dawk ta' stazzjonijiet ta' servizz Co/Co "puri", fejn l-istazzjon ta' servizz huwa l-proprjetà tal-kumpannija taż-żejt u huwa operat minnha, u dawk ta' stazzjonijiet ta' servizz Co/Co "de facto", fejn l-istess operatur jitlob iktar minn darba li jingħata għajnuna u jidher, b'dan il-mod, fuq il-lista ta' benefiċjarji diversi drabi;

–       dawk ta' stazzjonijiet ta' servizz Do/Do, marbuta bi klawżola PMS, li tistipola li l-kumpannija taż-żejt tassumi, skond il-każ, parti mit-tnaqqis fil-prezz mogħti fl-istazzjoni mill-operatur, u, fl-aħħar nett,

–       dawk ta' stazzjonijiet ta' servizz Co/Do, marbuta bi klawżola PMS.

9       Għal dak li jirrigwarda l-ewwel żewġ kategoriji, il-Kummissjoni kkunsidrat li ma kienx hemm riskju ta’ akkumulazzjoni u kkunsidrat li r-regola de minimis kienet applikabbli (Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkonestata).

10     Għal dak li jikkonċerna t-tielet kategorija, il-Kummissjoni qiset li akkumulazzjoni ta’ għajnuniet pprojbiti ma setgħetx tiġi eskluża. Għaldaqstant, skond hi, l-għajnuna mogħtija lill-istazzjonijiet ta’ servizz in kwistjoni kienet inkompatibbli mas-suq komuni u mal-funzjonament tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), safejn din setgħet teċċedi EUR 100 000 għal kull benefiċjarju fuq perijodu ta’ tliet snin [l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 2(a) tad-deċiżjoni kkontestata].

11     Għal dak li jirrigwarda r-raba’ kategorija, il-Kummissjoni qiset li lanqas ma kien eskluż li kien hemm għajnuniet li mhumiex kompatibbli mas-suq komuni u mal-funzjonament tal-Ftehim (ŻEE) favur kumpanniji li għandhom u li joperaw diversi stazzjonijiet ta’ servizz, safejn, b'kunsiderazzjoni għall-akkumulazzjoni, l-għajnuniet setgħu jeċċedu EUR 100 000 għal kull benefiċjarju fuq perijodu ta’ tliet snin [l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 2(b) tad-deċiżjoni kkontestata].

12     Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda l-aħħar żewġ kategoriji, il-Kummissjoni qiset li kien jeżisti ukoll, għall-istess raġunijiet, riskju ta’ akkumulazzjoni ta’ għajnuniet lill-kumpanniji taż-żejt ikkonċernati. Skond hi, il-fornitur ibbenefika mit-totalità jew minn parti ta’ l-għajnuna mogħtija lill-operaturi, peress illi dawn ta’ l-aħħar ma setgħux jinvokaw il-klawżola PMS jew setgħu jagħmlu dan biss b’mod limitat ħafna [l-ewwel subparagrafu, paragrafi (c) u (d), u t-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata].

13     Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-miżuri li ma jaqgħux taħt ir-regola de minimis, meħuda mill-Gvern Olandiż, jikkostitwixxu għajnuniet skond l-Artikolu 87(1) KE (premessi 88 sa 93 tad-deċiżjoni kkontestata) u li dawn l-għajnuniet ma kinux iġġustifikati minn waħda mid-derogi previsti fl-Artikoli 87(2) u (3) KE (premessi 94 sa 102 tad-deċiżjoni kkontestata). Għaldaqstant, hija ddikjarat dawn l-għajnuniet bħala inkompatibbli mas-suq komuni (Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata) u ordnat li dawn jiġu rkuprati (Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata).

14     Fl-anness mad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni stabbiliet lista ta’ 769 applikant għal sussidju b’applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni temporanja u niżżlet, fir-rigward ta’ kull wieħed minnhom, skond il-każ, l-isem ta’ kumpannija taż-żejt taħt it-titolu "Kumpannija taż-żejt/Kuntratt ta' esklużjoni" u l-isem ta’ kumpannija taż-żejt taħt it-titolu "Kumpannija taż-żejt/Grupp". L-isem tar-rikorrenti jidher taħt iż-żewġ titoli fir-rigward ta’ 16-il stazzjon ta’ servizz.

15     Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Ottubru 1999, il-Ministeru tal-Finanzi Olandiż ikkomunika lir-rikorrenti lista ta’ tlettax-il stazzjon ta’ servizz, fost is-sittax-il stazzjon ta’ servizz li fir-rigward tagħhom tidher ir-referenza doppja "Q8" fl-anness mad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll l-ammont ta' sussidji li kull wieħed mit-tlettax-il stazzjon irċieva taħt il-leġiżlazzjoni provviżorja, billi ppreċiża li din "l-informazzjoni [kienet] suffiċjenti sabiex tagħti [lir-rikorrenti] idea ġenerali ta’ l-effetti tad-deċiżjoni [kkontestata] li tikkonċernaha". Fid-deċiżjoni kkontestata, tnejn minn dawn l-istazzjonijiet ta’ servizz, identifikati bin-numri 333 u 347, huma kklassifikati fil-fatt fil-kategorija Co/Co de facto [it-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 2(b)], erba’ stazzjonijiet ta’ servizz, identifikati bin-numri 419, 454, 459 u 483, huma kklassifikati fil-kategorija Do/Do bi klawżola PMS [Artikolu 2(c)] u seba’ stazzjonijiet ta’ servizz, identifikati bin-numri 127, 211, 230, 271, 387, 494 u 519, huma kklassifikati fil-kategorija Co/Do bi klawżola PMS [Artikolu 2(d)].

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

16     Bejn l-20 ta’ Settembru 1999 u d-19 ta’ Jannar 2000, ġew ippreżentati 74 rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’ Istanza kontra d-deċiżjoni kkontestata.

17     Fid-9 ta’ Ottubru 1999, ir-Renju ta’ l-Olanda ressaq rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra d-deċiżjoni kkontestata, irreġistrat bin-numru C-382/99.

18     Permezz ta’ talba ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’ Istanza fl-10 ta’ Diċembru 1999, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors kontra d-deċiżjoni kkontestata, li hija kienet taf kompletament biha biss fis-6 ta’ Ottubru 1999.

19     Permezz ta’ digriet tad-9 ta’ Marzu 2000, il-President ta’ l-Ewwel Awla Estiża tal-Qorti tal-Prim’ Istanza, wara li nstemgħu l-partijiet, issospenda l-proċedimenti fil-kawża preżenti, skond l-Artikolu 77(a) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’ Istanza, sakemm tingħata d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża C-382/99.

20     Fit-13 ta’ Ġunju 2002, il-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza L-Olanda vs Il-Kummissjoni fil-kawża C-382/99 (Ġabra p. I-5163), li biha hija ċaħdet ir-rikors. Għaldaqstant, il-proċedimenti f' din il-kawża tkomplew.

21     Fuq stedina tal-Qorti tal-Prim’ Istanza, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq il-konklużjonijiet li wieħed għandu jasal għalihom mis-sentenza L-Olanda vs Il-Kummissjoni, punt 20 iktar 'il fuq, f' din il-kawża.

22     Billi l-kompożizzjoni ta' l-awli tal-Qorti tal-Prim’ Istanza nbidlet mis-sena ġudizzjarja l-ġdida, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tieni Awla Estiża, li lilha, għaldaqstant, din il-kawża ġiet assenjata.

23     Permezz ta' digriet tal-25 ta' Settembru 2003, wara li nstemgħu l-partijiet, il-President tat-Tieni Awla Estiża tal-Qorti tal-Prim’ Istanza laqa' t-talba tar-Renju ta' l-Olanda sabiex jintervjeni b'sostenn għar-rikorrenti.

24     Permezz ta' ittra ta' l-20 ta' Frar 2003, il-Kummissjoni infurmat lill-Qorti tal-Prim’ Istanza dwar is-sitwazzjoni li tirrigwarda l-irkupru ta' l-għajnuna in kwistjoni. Jirriżulta minn din l-ittra li, għal dak li jirrigwarda l-kumpanniji taż-żejt, l-awtoritajiet Olandiżi, bi ftehim mal-Kummissjoni, stabbilixxew metodu ta' kalkolu ġenerali sabiex jiġi ddeterminat l-ammont ta' sussidji li għandu jiġi rkuprat. Dawn il-kumpanniji kellhom jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar dan il-metodu ta' kalkolu.

25     Fuq stedina tal-Qorti tal-Prim’ Istanza, ir-rikorrenti ppreżentat, permezz ta' ittra tas-27 ta' Awwissu 2003, l-osservazzjonijiet tagħha fir-rigward ta' l-ittra tal-Kummissjoni ta' l-20 ta' Frar 2003.

26     Fuq rapport ta' l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’ Istanza (it-Tieni Awla Estiża) iddecidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

27     Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Prim’ Istanza instemgħu waqt is-seduta tat-22 ta' Novembru 2005.

28     Ir-Renju ta' l-Olanda rrinunzja milli jippreżenta sottomissjonijiet ta' l-intervent u milli jintervjeni waqt is-seduta.

29     Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’ Istanza:

–       tannulla d-deċiżjoni;

–       tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

30     Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim’ Istanza:

–       tiċħad ir-rikors bħala parzjalment inammissibbli;

–       tiċħad il-bqija tar-rikors bħala infondat;

–       tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq l-iskop tar-rikors

 Fuq l-istazzjonijiet ta' servizz ikkonċernati

31     Il-Qorti tal-Prim’ Istanza tikkonstata li r-raġunijiet għall-annullament imressqa mir-rikorrenti b'sostenn għat-talbiet tagħha jirrigwardaw esklussivament it-tlettax-il stazzjoni ta' servizz identifikati fl-ittra ta' l-awtoritajiet Olandiżi tas-6 ta' Ottubru 1999 (ara punt 15 iktar 'il fuq), jiġifieri l-istazzjonijiet ta' servizz numri 127, 211, 230, 271, 333, 347, 387, 419, 454, 459, 483, 494 u 519. Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti titlob l-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata biss safejn din tkkonċerna dawn it-tlettax-il stazzjoni ta' servizz.

32     Madankollu, jidher li ġie stabbilit matul is-seduta li l-awtoritajiet Olandiżi, bi ftehim mal-Kummissjoni, mhumiex qed jitolbu iktar lir-rikorrenti tħallas lura, skond id-deċiżjoni kkontestata, is-sussidji li ngħataw għal seba' stazzjonijiet ta' servizz, jiġifieri l-istazzjonijiet numri 230, 333, 347, 419, 454, 459 u 519.

33     Skond ġurisprudenza kostanti, rikors għal annullament imressaq minn persuna fisika jew ġuridika huwa ammissibbli biss safejn ir-rikorrent għandu interess li jara li l-att ikkontestat jiġi annullat (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’ Istanza ta' l-14 ta' Settembru 1995, Antillean Rice Mills et vs Il-Kummissjoni, T-480/93 u T-483/93, Ġabra p. II-2305, punt 59, u ta' l-14 ta' April 2005, Sniace vs Il-Kummissjoni, T-141/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 25). Sabiex rikorrent ikun jista' jagħmel rikors intiż għall-annullament ta' deċiżjoni, huwa għandu jkollu interess personali fl-annullament tad-deċiżjoni kkontestata (ara d-digriet tal-Qorti tal-Prim’ Istanza tas-17 ta' Ottubru 2005, First Data et vs Il-Kummissjoni, T-28/02, punti 36 u 37, u l-ġurisprudenza ċċitata).

34     Fil-kawża preżenti, safejn il-Gvern Olandiż mhuwiex qed jitlob iktar li r-rikorrenti tħallas lura s-sussidji mogħtija għal dawn is-seba' stazzjonijiet ta' servizz, ir-rikorrenti m'għadhiex suġġetta għal xi obbligu ġuridiku li jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata – moqrija fid-dawl tal-ftehim bejn il-Gvern Olandiż u l-Kummissjoni wara l-kooperazzjoni bejniethom sabiex tinsab soluzzjoni għad-diffikultajiet ta' eżekuzzjoni ta' din id-deċiżjoni – għal dak li jirrigwarda dawn is-seba' stazzjonijiet. Billi hija m'għadhiex suġġetta għal obbligu ta' ħlas lura, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata ma jkunx ta' ebda benefiċċju għar-rikorrenti. Għaldaqstant, hija m'għandhiex iktar interess li taġixxi għal dak li jikkonċerna l-imsemmija stazzjonijiet.

35     Għaldaqstant, dan ir-rikors għandu jiġi ddikjarat inammissibbli safejn huwa jirrigwarda l-istazzjonijiet ta' servizz numri 230, 333, 347, 419, 454, 459 u 519.

 Fuq l-iskop tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

36     Il-Kummissjoni, filwaqt li toqgħod fuq l-għarfien tal-Qorti tal-Prim’ Istanza, tqis inammissibbli r-raġunijiet u l-argumenti tar-rikorrenti li diġà ġew imressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża C-382/99 u ġew miċħuda fis-sentenza L-Olanda vs Il-Kummissjoni, punt 20 iktar 'il fuq.

37     Dan l-argument għandu jiġi miċħud għal żewġ raġunijiet. L-ewwel nett, is-sospensjoni tal-proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Prim’ Istanza, skond it-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 54 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, sakemm tingħata deċiżjoni dwar kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li tikkontesta, bħal f'din il-kawża, il-validità ta' l-istess att, ma tneħħix bl-ebda mod il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Prim’ Istanza fil-kawża sospiża quddiemha u hija tibqa' totalment u esklussivament kompetenti sabiex tkompli, mill-gdid, is-smigħ tal-kawża fid-data tal-fatt li jtemm is-sospenzjoni. It-tieni nett, l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża tipprojbixxi li raġunijiet u argumenti li jinsabu f'rikors imressaq b'mod validu quddiem qorti jiġu miċħuda minn qorti oħra li quddiemha l-persuna li ppreżentat dan ir-rikors ma setgħetx tidher u lanqas targumenta.

38     Għalkemm il-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, li l-partijiet jikkontribwixxu għar-realizzazzjoni tiegħu permezz ta' l-imġieba tagħhom, jista' jwassal lil dawn ta' l-aħħar jillimitaw ir-rikors tagħhom u d-difiża tagħhom għal kwistjonijiet li jippreżentaw differenzi veri meta mqabbla ma' dawk deċiżi mill-Qorti tal-Ġustizzja, mhuwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Prim’ Istanza li tagħmel ex ufficio din il-limitazzjoni minflok dawn il-partijiet billi tiċħad bħala inammissibbli ċerti raġunijiet li kienu diġà ġew ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Min-naħa l-oħra, l-attitudni mhux kostruttiva ta' parti tista' twassal għal spejjeż li mhumiex neċessarji għas-soluzzjoni tal-kwistjoni u tista' tittieħed in kunsiderazzjoni meta jinqasmu l-ispejjeż.

39     Madankollu, għalkemm il-Qorti tal-Prim’ Istanza ddeċidiet li sospensjoni kienet neċessarja minħabba l-fatt li l-validità ta' att simili kienet tqegħdet in kwistjoni, kemm quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u kemm quddiemha, u għalkemm huwa evidenti li r-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja f'dan il-kuntest għandha tiġi rrispettata, hija madankollu l-Qorti tal-Prim’ Istanza, li tiddeċiedi fuq il-mertu, li għandha tivverifika jekk is-soluzzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tistax tiġi trasposta għall-kawża preżenti b'rigward għal differenzi eventwali ta' fatt u ta' dritt (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’ Istanza tas-6 ta' Diċembru 2001, Emesa Sugar vs Il-Kunsill, T-43/98, Ġabra p. II-3519, punt 73). F'każ li jkun hemm differenzi, hija għandha tiddeċiedi fuq jekk dawn id-differenzi jirrikjedux soluzzjoni differenti minn dik mgħażula mill-Qorti tal-Ġustizzja. Fin-nuqqas ta' tali differenzi u f'każ li parti tinsisti li tibbaża ruħha fuq raġunijiet identiċi għal dawk li diġà ġew miċħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti tal-Prim’ Istanza jista' jkollha tiċħad dawn ir-raġunijiet, permezz ta' digriet motivat, bħala manifestament infondati.

 Fuq il-mertu

40     Ir-rikorrenti ppreżentat inizjalment erba' raġunijiet, ibbażati, l-ewwel nett, fuq l-eżistenza ta' żbalji ta' fatt, it-tieni nett, fuq il-ksur tal-kunċett ta' għajnuna mogħtija mill-Istat, it-tielet nett, fuq l-applikazzjoni inkorretta tar-regola de minimis u, ir-raba' nett, fuq il-ksur tal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba.

41     Il-Qorti tal-Prim’ Istanza tieħu att tal-fatt li r-rikorrenti, fl-osservazzjonijiet tagħha ppreżentati wara s-sentenza L-Olanda vs Il-Kummissjoni, punt 20 iktar 'il fuq, irrinunzjat għar-raġuni tagħha dwar l-applikazzjoni inkorretta tar-regola de minimis.

42     Il-Qorti tal-Prim’ Istanza tikkonstata li l-ewwel raġuni tar-rikorrenti tikkonċerna esklussivament l-istazzjonijiet ta' servizz numri 230, 333, 347, 419, 454, 459 u 519. Billi dak ir-rikors ġie ddikjarat bħala inammissibbli għal dak li jirrigwarda dawn l-istazzjonijiet (ara punt 35 iktar 'il fuq), din l-inammissibbiltà tapplika wkoll għal din ir-raġuni.

43     Għaldaqstant, għandhom jiġu eżaminati biss iż-żewġ raġunijiet li jifdlu, ibbażati, l-ewwel nett, fuq il-ksur tal-kunċett ta' għajnuna mogħtija mill-Istat u, it-tieni nett, fuq il-ksur tal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba.

 Fuq il-ksur tal-kunċett ta' għajnuna mogħtija mill-Istat

–       L-argumenti tal-partijiet

44     Ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni kisret il-kunċett ta' għajnuna mogħtija mill-Istat billi kkunsidrat bħala stabbiliti, l-eżistenza ta' vantaġġ favur tagħha, l-użu ta' riżorsi Statali u distorsjoni tal-kompetizzjoni.

45     Hija tirrikonoxxi li l-operaturi ta' ħames stazzjonijiet ta' servizz numri 127, 211, 371, 387 u 494 li jappartjenu lilha, u l-proprjetarju ta' l-istazzjoni ta' servizz Nru 483 kkonkludew magħha kuntratt għal provvista esklussiva bi klawżola PMS.

46     Permezz ta' l-ewwel parti tar-raġuni tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni interpretat ħażin il-klawżola tagħha PMS. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-intervent tal-kumpanniji taż-żejt minħabba klawżoli PMS kien obbligatorju. Ir-rikorrenti ssostni li, għal dak li jikkonċernaha, hija tiddeċiedi liberament jekk tintervjenix jew le favur l-operatur. Għaldaqstant, l-Artikolu 6 tal-"Price management system" (sistema ta' iffissar ta' prezzijiet) tagħha jipprevedi l-kundizzjonijiet li fihom ir-rikorrenti għandha "il-possibbiltà" li ssostni parti mit-tnaqqis fil-prezz mogħti fl-istazzjoni. Barra minn hekk, l-aħħar subparagrafu ta’ dan l-artikolu jipprevedi li r-rikorrenti tista’, f’kull mument, temenda "unilateralment" il-klawżola tagħha. Hija ssostni li hija tuża liberament din il-klawżola meta hija tqis li dan huwa utli sabiex tipproteġi l-interessi kummerċjali tagħha. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tassumi b’mod żbaljat li r-rikorrenti kellha l-obbligu li tapplika din is-sistema.

47     Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’ Istanza ma tieħux in kunsiderazzjoni l-kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja li jikkonċernaw il-klawżoli PMS u tikkonċentra fuq il-klawżola speċifika tar-rikorrenti. Barra minn hekk, fis-sentenza L-Olanda vs Il-Kummissjoni, punt 20 iktar ‘il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat biss li l-Kummissjoni assumiet li jeżistu għajnuniet indiretta fir-rigward ta’ kumpanniji taż-żejt mis-sempliċi fatt li jeżistu klawżoli simili. Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’ Istanza tordna lill-Kummissjoni tippreżenta t-test tal-klawżoli PMS li fuqhom hija bbażat ruħha.

48     Permezz tat-tieni parti tar-raġuni tagħha, ir-rikorrenti ssostni li li hija ma kinitx ivvantaġġjata bl-għajnuna. Hija tat volontarjament diversi kumpensi lis-sitt stazzjonijiet ta’ servizz ikkonċernati abbażi tal-klawżola PMS, għal ammont totali ta’ NLG 1 083 058, kif juru d-dokumenti annessi mar-rikors tagħha. Minflok jiġi ddikjarat li r-rikorrenti li l-għajnuna in kwistjoni tat xi vantaġġ lir-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li l-istazzjonijiet ta’ servizz in kwistjoni ngħataw f’daqqa l-għajnuna u l-kumpens previst fil-klawżola applikata mir-rikorrenti. Anki jekk l-irraġunar tal-Kummissjoni kien korrett, quod non, l-awtoritajiet Olandiżi jistgħu jiġu obbligati biss, f’każ ta’ kumpens parzjali, li jirkupraw parti mill-kumpens "de facto".

49     Ir-rikorrenti tiċħad l-argument tal-Kummissjoni li l-argumenti fattwali huma inammissibbli peress illi ma kienux ippreżentati matul il-proċedura amministrattiva. Hija tfakkar li din il-proċedura sseħħ primarjament bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat. Il-partijiet l-oħra kkonċernati jiġu kkunsidrati biss jekk huma kienu s-suġġett ta’ informazzjoni partikolari, li dan mhuwiex il-każ tagħha.

50     Permezz tat-tielet parti tar-raġuni, ir-rikorrenti ssostni li, billi l-għajnuna in kwistjoni ma kellha ebda effett fil-konfront tagħha, fil-każ tagħha ma teżisti ebda riżorsa Statali. Barra minn hekk, ma jistax ikun hemm distorsjoni ta’ kompetizzjoni, għaliex, anki jekk jiġi preżunt li l-irraġunar tal-Kummissjoni huwa korrett, il-fornituri kollha jkunu vantaġġati bl-istess mod, kemm ġewwa l-Olanda u kemm għal dak li jirrigwarda l-kumpanniji sussidjarji tagħhom li joperaw fil-Ġermanja. Fl-aħħar nett, minħabba r-regola de minimis, il-kummerċ bejn l-Istati Membri ma ġiex effettwat.

51     Il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq il-fondatezza ta’ l-analiżi żviluppata fid-deċiżjoni kkontestata, kif ikkonfermata mis-sentenza L-Olanda vs Il-Kummissjoni, punt 20 iktar ‘il fuq.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’ Istanza

52     Permezz ta’ l-ewwel parti tar-raġuni tagħha, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-klawżola tagħha PMS mhijiex ta' natura obbligatorja u għaldaqstant ma tikkorrispondix għall-klawżola deskritta fid-deċiżjoni kkontestata.

53     Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ċertament kienet taf bil-klawżola PMS tar-rikorrenti sabiex tiġi adotta d-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kellha għad-dispożizzjoni tagħha 574 ftehim ta’ xiri esklussiv li jorbtu l-istazzjonijiet ta’ servizz ikkonċernati mal-kumpanniji taż-żejt (premessa 7 tad-deċiżjoni kkontestata), li jinkludu ġeneralment klawżola PMS. Barra minn hekk, fil-każ tar-rikorrenti, il-klawżola ta’ din ta’ l-aħħar issemiet b'mod partikolari fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 28, 31, 49 u 50). Il-Kummissjoni pprovdiet ukoll fl-anness mar-risposta tad-difiża tagħha erba’ kuntratti ta’ xiri esklussivi konklużi bejn ir-rikorrenti u xi wħud mis-sitt stazzjonijiet ta’ servizz li magħhom ir-rikorrenti tammetti li kkonkludiet klawżola PMS (stazzjonijiet ta’ servizz numri 127, 211, 371 u 387). Għaldaqstant, mhemmx lok li tiġi milqugħa t-talba tar-rikorrenti intiża sabiex il-Kummissjoni tippreżenta t-test tal-klawżoli dwar l-iffissar ta’ prezzijiet li fuqu hija bbażat ruħha.

54     Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddeskriviet il-klawżoli PMS kif ġej:

"[i]l-klawżola PMS tistipola normalment li l-kumpannija taż-żejt tkopri parti mill-ispejjeż tat-tnaqqis fil-prezz mogħti fl-istazzjoni mill-operatur, safejn il-kundizzjonijiet tas-suq intern u/jew internazzjonali jrendu mixtieq jew neċessarju aġġustament provviżorju jew permanenti ta’ dan it-tnaqqis. Konsultazzjoni bejn il-partijiet huwa ħafna drabi neċessarju qabel ma jsir tali tnaqqis fil-prezzijiet" (premessa 82 tad-deċiżjoni kkontestata).

Hija kkunsidrat li din il-klawżola "[kienet] tobbliga lill-fornitur jagħti lin-negozjant kumpens li huwa mill-inqas ugwali għat-telf li huwa [kien] sofra minħabba […] iż-żieda fid-dazji tas-sisa" (premessa 85 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija kkonkludiet li, "billi ta għajnuna lill-operaturi sabiex jiġi kkumpensat it-telf mid-dħul ikkawżat miż-żieda fid-dazji tas-sisa fuq iż-żjut ħfief fl-Olanda, wieħed [seta’] jikkunsidra li l-Gvern Olandiż assuma fil-fatt parti jew it-totalità ta’ l-obbligi tal-fornitur taħt [din il-klawżola]" (premessa 85 tad-deċiżjoni kkontestata).

55     Għaldaqstant, jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata li l-klawżola PMS tifforma parti mill-obbligi kuntrattwali li jorbtu l-istazzjonijiet ta’ servizz u l-kumpanniji taż-żejt, mingħajr, madankollu, din il-klawżola ma tkun bil-fors ta' natura imperattiva u/jew awtomatika.

56     Fis-sentenza tagħha L-Olanda vs Il-Kummissjoni, punt 20 iktar 'il fuq, minkejja l-argument tar-rikorrenti li l-klawżoli PMS, f’ħafna mill-każijiet, ma joħolqux obbligu inkondizzjonat, fuq il-kumpanniji taż-żejt, li jikkontribwixxu għat-tnaqqis fil-prezzijiet mogħtija fl-istazzjoni (punt 57), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-għajnuna lill-istazzjonijiet ta’ servizz kellha bħala effett li teżenta lill-kumpanniji taż-żejt mill-obbligu tagħhom li jassumu l-ispejjeż kollha jew parti minnhom tat-tnaqqis fil-prezz mogħti fl-istazzjoni pprattikat mid-distributur tagħhom, sabiex jiġi evitat telf ta' ismha fis-suq (punt 66). Minn dan jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-klawżoli PMS eżaminati mill-Kummissjoni kienu ta' natura obbligatorja, mingħajr ma l-Qorti tal-Ġustizzja ħadet direttament pożizzjoni fuq in-natura inkondizzjonata ta’ dan l-obbligu.

57     Din l-evalwazzjoni tingħaqad ma dik ta’ l-Avukat Ġenerali Léger li uża l-istess formula bħall-Qorti tal-Ġustizzja fil-konklużjonijiet tiegħu fis-sentenza L-Olanda vs Il-Kummissjoni, punt 20 iktar ‘il fuq (Ġabra p. I-5167). Huwa wera’ l-fondatezza ta’ din il-formula billi sostna li, fin-nuqqas ta’ għajnuna, kien jidhirlu "probabbli ħafna" li l-kumpanniji jużaw il-klawżoli PMS fuq talba tad-distributuri tagħhom sabiex jiġi evitat telf ta’ ishma fis-suq (punt 129 tal-konklużjoniiet).

58     Sussegwentement, għandha tiġi eżaminata l-klawżola tar-rikorrenti. Skond it-test ta' din il-klawżola PMS, imsejħa "SPG", ippreżentat mir-rikorrenti:

"L-SGP tagħti l-possibbiltà lir-[rikorrenti], f'ċirkustanzi ppreċiżati [iktar 'il quddiem], li tassumi parti mit-tnaqqis fil-prezz mogħti fl-istazzjoni mill-aġent […]

Il-ċirkustanzi li fihom [ir-rikorrenti] hija disposta tassumi l-parteċipazzjoni msemmija fit-tabelli ta' l-SGP huma li ġejjin:

a.      Probabbiltà reali ta' telf ta' turnover.

b.      Għandu jkun hemm konsultazzjoni tajba mar-[rikorrenti], jiġifieri li [ir-rikorrenti] tipparteċipa biss wara li ssir konsultazzjoni ma' l-ispettur tar-[rikorrenti] li huwa responsabbli għaż-żona ta' l-aġent u jekk dan l-ispettur jaqbel ma' din il-parteċipazzjoni tar-[rikorrenti].

c.      L-aġent jista' jitlob il-parteċipazzjoni tar-[rikorrenti] biss wara li din ġiet stabbilità bil-miktub, ara l-anness.

[...]

[Ir-rikorrenti] għandha d-dritt f'kull mument matul il-kuntratt li temenda temporanjament, l-SGP unilateralment (kollha jew parti minnha)."

59     Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti tirriżerva d-dritt li ma tużax il-klawżola tagħha PMS. Għaldaqstant, din il-klawżola tagħti biss il-"possibbiltà" lir-rikorrenti li tikkumpensa għal parti mit-tnaqqis fil-prezzijiet mogħtija fl-istazzjon. Bl-istess mod, huwa biss f'każ li l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-għoti ta' kumpens għat-tnaqqis fil-prezzijiet mogħtija fl-istazzjon hija stabbilità bil-miktub li l-operatur jista' "jitlob" li tiġi applikata din il-klawżola. Barra minn hekk, il-fatt li r-rikorrenti tagħti lilha nnifisha d-dritt li temenda unilateralment l-imsemmija klawżola ssaħħaħ l-impressjoni li r-rikorrenti hija interament is-sid tagħha. Minn dan jirriżulta, essenzjalment, li din il-klawżola tista' tiġi applikata biss bi ftehim mar-rikorrenti.

60     Madankollu, jirriżulta mid-dokumenti ppreżentati mir-rikorrenti li hija applikat, għall-inqas matul il-perijodu mill-1 ta' Jannar sal-15 ta' Ottubru 1997, il-klawżola PMS fil-kuntratti kollha li fihom din il-klawżola kienet teżisti. Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti kellha l-intenzjoni li tapplika effettivament il-klawżola tagħha PMS.

61     Għandu jiġi nnutat ukoll li, kif tammetti r-rikorrenti, il-klawżola tagħha tassew tikkorrispondi għad-deskrizzjoni mogħtija fil-premess 84 tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, il-klawżola tar-rikorrenti tobbliga effettivament lil din ta' l-aħħar tagħti kumpens li jkun għall-inqas ugwali għat-telf subit mill-parti kontraenti l-oħra minħabba ż-żieda fid-dazji tas-sisa, kif tosserva l-Kummissjoni fil-premess 85 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, kif ammettiet ir-rikorrenti waqt is-seduta, huwa fatt li l-klawżola PMS hija intiża sabiex tapplika f'każ ta' telf ta' ishma fis-suq, dovut b'mod partikolari għaż-żieda fid-dazji tas-sisa. Dan huwa wkoll muri mill-applikazzjoni ta' din il-klawżola mir-rikorrenti f'din il-kawża. Jirriżulta minn dak kollu li ntqal li l-klawżola PMS tar-rikorrenti għandha tiġi kkunsidrata bħala obbligatorja fis-sens tad-deċiżjoni kkontestata.

62     Għaldaqstant, il-Kummissjoni kellha raġun tikkonkludi, fid-dawl tal-klawżola tar-rikorrenti, li "billi tagħat għajnuna lill-operaturi sabiex jingħata kumpens għat-telf fid-dħul ikkawżat miż-żieda fid-dazji tas-sisa fuq iż-żjut ħfief fl-Olanda, wieħed [seta'] jikkunsidra li l-Gvern Olandiż assuma fil-fatt l-obbligi kollha tal-fornitur jew parti minnhom skond [din il-klawżola]" (premessa 85 tad-deċiżjoni kkontestata). Għalhekk, il-Kummissjoni kienet korretta meta inkludiet l-istazzjonijiet ta' servizz numri 127, 211, 371, 387, 483 u 494 fl-Artikolu 2(c) jew fl-Artikolu 2(d) tad-deċiżjoni kkontestata, u b'hekk poġġiet l-obbligu ta' rkupru ta' l-għajnuna fuq ir-rikorrenti.

63     Għaldaqstant, l-ewwel parti ta' din ir-raġuni għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

64     Permezz tat-tieni parti tar-ruġuni tagħha, ir-rikorrenti tallega, essenzjalment, li hija ma bbenefikatx personalment minn vantaġġ ikkawżat mill-għoti ta' sussidji lill-istazzjonijiet ta' servizz in kwistjoni, jew biss minn vantaġġ parzjali, għaliex hija użat volontarjament il-klawżola tagħha PMS.

65     L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li skond ġurisprudenza kostanti l-legalità ta' deċiżjoni fil-qasam ta' għajnuna mogħtija mill-Istat għandha tiġi evalwata fid-dawl ta' l-elementi ta' informazzjoni disponibbli li l-Kummissjoni kellha fil-mument meta adottatha (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja L-Olanda vs Il-Kummissjoni, punt 20 iktar 'il fuq, punt 49, u ta' l-14 ta' Settembru 2004, Spanja vs il-Kummissjoni, C-276/02, Ġabra p. I-8091, punt 31).

66     Mhux qiegħed jiġi allegat li l-Kummissjoni kienet taf dwar il-fatt, meta adottat id-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti kienet kompliet tuża l-klawżola tagħha PMS minkejja l-introduzzjoni tal-leġiżlazzjoni proviżorja. Għaldaqstant, anki jekk dan huwa veru, dan il-fatt mhuwiex tali li jeffettwa l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

67     It-tieni nett, għandu jiġi nnutat li l-Kummissjoni, meta ssib ruħha quddiem sistema ta' għajnuna, bħal dik f'din il-kawża, mhijiex ġeneralment fil-pożizzjoni, u lanqas m'hija obbligata, tidentifika b'mod preċiż l-ammont ta' għajnuna li kull wieħed mill-benefiċjarji individwali rċieva. Għaldaqstant, iċ-ċirkustanzi partikolari ta' kull wieħed mill-benefiċjarji ta' sistema ta' għajnuna jistgħu jiġu evalwati biss fl-istadju ta' l-irkupru ta' l-għajnuna (ara, f'dan is-sens, is-senetnza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta' Marzu 2002, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-310/99, Ġabra p. I-2289, punti 89 sa 91, u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan ġie kkonfermat f'din il-kawża mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha L-Olanda vs Il-Kummissjoni, punt 20 iktar 'il fuq, li fiha hija kkunsidrat li "l-obbligu għal Stat Membru li jikkalkula l-ammont preċiż ta' għajnuniet li għandhom jiġu rkuprati, - partikolarment meta, bħal f'din il-kawża, minħabba n-numru kbir ta' stazzjonijiet ta' servizz huma kkonċernati, dan il-kalkolu jiddependi minn elementi ta' informazzjoni li ma ġewx ikkomunikati minn dak l-Istat Membru lill-Kummissjoni, jifforma parti mill-kuntest iktar ġenerali ta' l-obbligu ta' kooperazzjoni leali li torbot kemm il-Kummissjoni u kemm l-Istati Membri fl-implimentazzjoni tar-regoli tat-Trattat fil-qasam ta' l-għajnuniet mogħtija mill-Istat" (punt 91).

68     Għaldaqstant, anki jekk il-fatti allegati mir-rikorrenti huma eżatti, dawn ma jistgħux jeffettwaw il-validità tad-deċiżjoni kkontestata, iżda biss il-kundizzjonijiet li taħthom l-għajnuna hija rkuprata. Skond ġurisprudenza kostanti, "fin-nuqqas ta' dispożizzjonijiet Komunitarji fuq dan il-qasam, l-irkupru ta' għajnuna ddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni għandu jiġi mwettaq skond il-il-kundizzjonijiet previsti fid-dritt nazzjonali" (ara s-sentenza L-Olanda vs Il-Kummissjoni, punt 20 iktar 'il fuq, punt 90, u l-ġurisprudenza ċċitata). Hija biss il-qorti nazzjonali li għandha tevalwa il-kwistjoni relatata ma' din l-eżekuzzjoni (ara, f'dan is-sens, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-24 ta' Lulju 2003, Sicilcassa et, C-297/01, Ġabra p. I-7849, punti 41 u 42, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’ Istanza tat-8 ta' Ġunju 1995, Siemens vs Il-Kummissjoni, T-459/93, Ġabra p. II-1675, punt 104).

69     Meta, bħal fil-kawża preżenti, l-Istat Membru kkonċernat invoka diffikulatjiet fl-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam ta' għajnuna u sab soluzzjoni għal dawn id-diffikultajiet fil-kuntest tal-kooperazzjoni leali mal-Kummissjoni, il-miżuri ta' eżekuzzjoni li finalment jiġu adottati minn dak l-Istat Membru jibqgħu taħt il-kompetenza tal-qorti nazzjonali. Dan huwa l-każ anki meta l-Kummissjoni tat l-approvazzjoni tagħha għall-eżekuzzjoni proposta mill-Istat Membru kkonċernat. Din l-approvazzjoni tesprimi biss l-opinjoni tal-Kummissjoni dwar jekk tali eżekuzzjoni hijiex aċċettabbli minn perspettiva Komunitarja, fid-dawl tad-diffikultajiet ta' eżekuzzjoni li dan l-Istat Membru iltaqa' magħhom, iżda ma teffettwax ir-responsabbiltà ta' l-Istat Membru għal dak li jikkonċerna l-identifikazzjoni ta' dawn id-diffikultajiet u l-mod kif tinsab soluzzjoni għalihom. Kieku kellu jkun hemm kontroversja dwar l-irkupru ta' l-għajnuna wara din l-approvazzjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-konstatazzjonijiet fattwali li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata jew fir-rigward tal-kwantifikazzjoni eżatta tal-vantaġġ li fil-fatt għandu jiġi rkuprat, tkun il-qorti nazzjonali li jkollha ssib soluzzjoni għad-diffikultajiet ta' eżekuzzjoni li jifdlu permezz tar-regoli nazzjonali tagħha, fid-dawl tad-deċiżjoni kkontestata u, jekk neċessarju, fid-dawl ta' dawk id-diffikultajiet li jifdlu, billi tieħu in kunsiderazzjoni l-approvazzjoni tal-Kummissjoni. F'każ ta' dubju, il-qorti nazzjonali dejjem għandha l-possibbiltà li ssaqsi lill-Kummissjoni skond il-prinċipju ta' kooperazzjoni leali (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Lulju 1996, SFEI et, C-39/94, Ġabra p. I-3547, punti 49 u 50, u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll, b'analoġija, is-sentenza L-Olanda vs Il-Kummissjoni, punt 20 iktar 'il fuq, punti 91 u 92) jew li tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenza Siemens vs Il-Kummissjoni, punt 68 iktar 'il fuq, punt 104, u l-ġurisprudenza ċċitata).

70     Għaldaqstant, it-tieni parti ta' din ir-raġuni għandha tiġi miċħuda bħala mingħajr effett.

71     Permezz tat-tielet parti tar-raġuni tagħha, ir-rikorrenti tallega li l-għajnuna ma twassalx għal distorsjoni ta' kompetizzjoni u ma effettwatx il-kummerċ bejn l-Istati Membri, b'mod partikolari minħabba r-regola de minimis.

72     Dawn l-argumenti tressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża li wasslet għas-sentenza L-Olanda vs Il-Kummissjoni, punt 20 iktar 'il fuq (punt 30, in fine). Il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdithom kollha (punti 37 sa 39), billi rreferiet b'mod partikolari, għal dak li għandu x'jaqsam mal-kumpanniji taż-żejt bħar-rikorrenti, għall-punti 60 sa 66 tas-sentenza tagħha. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-għajnuna kienet intiża sabiex jiġi evitat li, minħabba ż-żieda fil-prezz tal-fjuwil wara ż-żieda tad-dazji tas-sisa fl-Olanda, l-istazzjonijiet ta' servizz li jinsabu qrib il-fruntiera Ġermaniża jkollom tnaqqis fit-turnover tagħhom, minħabba r-rati iktar kompetittivi fil-Ġermanja (punt 63). Hija żidet li l-klawżoli PMS kellhom l-istess objettiv (punt 64). Hija kkonstatat li l-għajnuniet mogħtija lill-istazzjonijiet ta' servizz marbuta mal-kumpanniji taż-żejt permezz tal-klawżoli PMS kellhom konsegwenzi ekonomiċi għall-kumpanniji kkonċernati, peress li huma kellhom bħala effett, f'kull każ, li jeżentaw lil dawn il-kumpanniji mill-obbligu tagħhom li jassumu l-ispejjeż kollha jew parti minnhom għal dak li jirrigwarda t-tnaqqis fil-prezz pprattikat mid-distributur tagħhom, sabiex jiġi evitat telf ta' ishma fis-suq. Minn dan hija kkonkludiet li l-leġiżlazzjoni temporanja tikkostitwixxi għalhekk għajnuna lil kumpanniji taż-żejt, għaliex hija kellha bħala effett li ttaffi l-piżijiet li kienu normalment jeffettwaw il-baġit ta' kumpanniji ansjużi sabiex iżommu l-pożizzjoni kompetittiva tagħhom fid-dawl ta' l-iżvilupp tas-suq nazzjonali jew internazzjonali (punt 66).

73     Minn dan jirriżulta b’mod ċar li, għall-Qorti tal-Ġustizzja, għal dak li jirrigwarda b'mod partikolari l-kumpanniji taż-żejt, l-għajnuna in kwistjoni wasslet għal distorsjoni tal-kompetizzjoni u effettwat il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

74     Ir-rikorrenti ma ppreżentat l-ebda prova speċifika, b’mod partikolari fir-rigward tas-sitwazzjoni personali tagħha, li tista' tinvalida fil-każ tagħha l-evalwazzjonijiet ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja.

75     Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’ Istanza tikkonstata li d-deċiżjoni kkontestata hija valida safejn hija tikkonstata li teżisti distorsjoni tal-kompetizzjoni u li l-kummerċ bejn l-Istati Membri ġie effettwat. Konsegwentement, it-tielet parti ta’ din ir-raġuni għandha tiġi miċħuda bħala manifestament infondata.

76     Billi l-partijiet kollha ta’ din ir-raġuni ġew miċħuda, l-imsemmija raġuni għandha tiġi miċħuda fit-totalità tagħha.

 Fuq ir-raġuni bbażata fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba

–       L-argumenti tal-partijiet

77     Permezz ta' din ir-raġuni, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba billi ma informatx lill-partijiet ikkonċernati dwar il-miżuri li hija kellha l-intenzjoni tieħu kontra tagħhom u billi ma tathomx il-possibbiltà li jagħtu l-opinjoni tagħhom. Hija ssostni li skond ġurisprudenza kostanti r-rispett tad-drittijiet tad-difiża f'kull proċedura mibdija kontra persuna u li tista' twassal għal att li jaffettwa lil tali persuna jikkostitwixxi prinċipju fundamentali ta' dritt komunitarju u għandu jiġi ggarantit, anki fin-nuqqas ta' leġiżlazzjoni li tikkonċerna l-proċedura in kwistjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’ Istanza tas-6 ta’ Diċembru 1994, Lisrestal et vs Il-Kummissjoni, T-450/93, Ġabra p. II-1177, punt 42).

78     Ir-rikorrenti hija ordnata tħallas lura l-għajnuna in kwistjoni lill-Istat Olandiż. Hija ma kinitx ġiet informata minn qabel b'dan l-obbligu. Minn naħa, hija ma kinitx involuta fil-proċedimenti amministrattivi nazzjonali. Dan juri li l-awtoritajiet Olandiżi ma kkunsidrawhiex bħala benefiċjarja ta' l-għajnuna. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni qatt ma kkuntatjat il-kumpanniji taż-żejt matul diawn il-proċedimenti. In-notifika dwar il-ftuħ tal-proċedura – li tippreċiża li "l-Kummissjoni ma tistax teskludi li l-benefiċjarji diretti ta' l-għajnuna huma l-kumpanniji taż-żejt" – hija vaga wisq sabiex tiġi kkunsidrata bħala stedina sabiex tagħti l-opinjoni tagħha. Ir-rikorrenti tenfasizza li n-notifika invokat biss il-fatt li l-proprjetà ta' l-istazzjonijiet ta' servizz ikkonċernati jista' jkollha bħala konsegwenzi li l-kumpannija taż-żejt kkonċernata tkun kkunsidrata bħala "benefiċjarja" ta' l-għajnuna u jkollha għalhekk tħallasha lura. Jekk tali mekkaniżmu huwa possibbli, id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq fatt totalment ġdid, jiġifieri l-klawżoli PMS. Ir-rikorrenti ma kelliex l-opportunità li tagħti l-opinjoni tagħha f'dan ir-rigward.

79     Il-Kummissjoni tikkunsidra li huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li r-rikorrenti ppreżentat osservazzjonijiet matul il-proċedimenti amministrattivi, b'mod partikolari billi tinvoka l-fatt li l-istazzjonijiet ta' servizz kienu qed jitolbuha żżid l-marġni tagħhom, u li r-rikorrenti stess bagħtet lill-Kummissjoni l-kuntratt standard tagħha li fih klawżola PMS. Ikun kontradittorju li jitqis illum li l-Kummissjoni ma kelliex tuża dan l-element, għaliex l-ewwel hija kellha tisma' l-opinjoni tar-rikorrenti dwar dan is-suġġett. Għaldaqstant, ir-rikorrenti kienet taf perfettament il-partikolaritajiet u d-dettalji kollha tal-kawża. Il-Kummissjoni tenfasizza wkoll il-fatt li hija kellha tikseb inġunzjoni kontra l-awtoritajiet Olandiżi, fl-20 ta' Jannar 1999, sabiex tikseb informazzjoni supplementari dwar il-klawżoli PMS.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’ Istanza

80     Qabel kollox, għandu jiġi mfakkar li l-proċedimenti amministrattivi fil-qasam ta' għajnuniet mogħtija mill-Istat jinfetħu biss kontra l-Istat Membru kkonċernat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-24 ta' Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, C-74/00 P u C-75/00 P, Ġabra p. I-7869, punt 81). L-impriżi li jibbenefikaw mill-għajnuniet huma kkunsidrati biss bħala partijiet interessati f'dawn il-proċedimenti (sentenza tal-Qorti tal-Prim’ Istanza tas-6 ta' Marzu 2003, Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il-Kummissjoni, T-228/99 u T-233/99, Ġabra p. II-435, punt 122). Minn dan jirriżulta li l-partijiet interessati m'għandhomx id-drittijiet tad-difiża rikonoxxuti lill-persuni li kontrihom infetħet il-proċedura, iżda għandhom biss id-dritt li jiġu involuti fil-proċedimenti amministrattivi safejn xieraq b'kunsiderazzjoni għaċ-ċirkustanzi ta' każ (sentenza Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 83, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’ Istanza tal-25 ta' Ġunju 1998, British Airways et u British Midland Airways vs Il-Kummissjoni, T-371/94 u T-394/94, Ġabra p. II-2405, punt 60).

81     Skond l-Artikolu 88(2) KE, il-Kummissjoni għandha ssejjaħ lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom matul l-istadju ta' l-eżami formali. Għal dak li jirrigwarda dan l-obbligu, skond ġurisprudenza kostanti, il-pubblikazzjoni ta' avviż fil-Ġurnal Uffiċjali tikkostitwixxi mezz adegwat sabiex il-partijiet interessati kollha jiġu nnotifikati bil-ftuħ tal-proċedura (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-14 ta' Novembru 1984, Intermills vs Il-Kummissjoni, 323/82, Ġabra p. 3809, punt 17), u "din il-komunikazzjoni hija intiża biss sabiex tikseb, minn naħa tal-partijiet interessati, l-informazzjoni kollha intiża sabiex tiggwida lill-Kummissjoni fir-rigward ta' l-azzjoni futura tagħha" (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Lulju 1973, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, 70/72, Ġabra p. 813, punt 19, u tal-Qorti tal-Prim’ Istanza tat-22 ta' Ottubru 1996, Skibsværftsforeningen et vs Il-Kummissjoni, T-266/94, Ġabra p. II-1399, punt 256).

82     Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka ksur tal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba f'dak illi l-Kummissjoni ma talbitx personalment l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti fir-rigward tal-proċedura ta' eżami ta' l-għajnuna.

83     Min-naħa l-oħra, huwa veru li l-Kummissjoni għandha l-obbligu li tpoġġi l-partijiet interessati f'sitwazzjoni fejn huma jistgħu jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fil-kuntest ta' proċedura formali ta' eżami fil-qasam ta' għajnuna mogħtija mill-Istat (sentenza Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, punt 80 iktar 'il fuq, punt 170, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’ Istanza ta' l-14 ta' Jannar 2004, Fleuren Compost vs Il-Kummissjoni, T-109/01, Ġabra p. II-127, punti 45 u 46).

84     Ir-rikorrenti tallega, f'dan ir-rigward, li n-notifika ta' ftuħ tal-proċedura kienet vaga wisq sabiex hija tkun tista' tikkunsidra lilha nnifisha bħala parti interessata bħala kumpannija taż-żejt.

85     Qabel kollox, għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni għandha tiftaħ proċedura formali ta' eżami, li tinforma l-partijiet interessati, meta, wara eżami preliminari, hija għandha dubji serji dwar il-kompatibbiltà tal-miżura finanzjarja in kwistjoni mas-suq komuni. Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni ma tistax tiġi obbligata tippreżenta analiżi kompluta fir-rigward ta' l-għajnuna in kwistjoni fin-notifika tagħha dwar il-ftuħ ta' din il-proċedura. Min-naħa l-oħra, huwa neċessarju li l-Kummissjoni tiddefinixxi b'mod suffiċjenti l-kuntest ta' l-eżami tagħha sabiex ma tirrendix mingħajr skop id-dritt tal-partijiet interessati li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom.

86     Fil-kawża preżenti, fid-deċiżjoni tagħha ta' ftuħ tal-proċedura formali ta' eżami li tistieden b'mod partikolari lill-partijiet interessati jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom, il-Kummissjoni ddikjarat li ma kienx eskluż, għal dak li jirrigwarda l-kumpanniji taż-żejt, li dawn il-kumpanniji jiġu kkunsidrati bħala benefiċjarji ta' l-għajnuna u li eventwalment jkollhom iħallsu lura dik l-istess għajnuna. Il-Kummissjoni bbażat din il-possibbiltà fuq il-fatt li l-libertà ta' operaturi indipendenti setgħet tiġi f'dan il-punt ristretta mill-ftehim ta' xiri esklussiv jew ta' kiri (kontroll de facto) li għandhom jiġu kkunsidrati, de facto, bħala li jaqgħu fil-kategorija ta' negozjanti impjegati mill-kumpannija taż-żejt, jiġifieri dwak li ma jbagħtux ir-riskji involuti fl-operazzjoni ta' stazzjon ta' servizz (is-seba' u t-tmien premessa tan-notifika).

87     Għandu jingħad li l-Kummissjoni abbandunat, fid-deċiżjoni kkontestata, it-teorija tagħha tal-kontroll de facto tal-kumpanniji taż-żejt fuq l-istazzjonijiet ta' servizz permezz ta' ftehim ta' xiri esklussiv, li fuqhom tibbaża d-dubji tagħha fid-deċiżjoni ta' ftuħ tal-proċedura (premessa 75 tad-deċiżjoni kkontestata). Bl-istess mod, f'din id-deċiżjoni ta' ftuħ, hija ma qalitx li s-sempliċi eżistenza ta' klawżola PMS hija biżżejjed sabiex il-kumpanniji taż-żejt jiġu kkunsidrati bħala benefiċjarji de facto ta' l-għajnuna. Għaldaqstant, kien diffiċli għar-rikorrenti li tieħu pożizzjoni dwar dan il-punt preċiż. Madankollu, jirriżulta mill-imsemmija deċiżjoni ta' ftuħ li l-Kummissjoni ma kinitx għadha, f'dan l-istadju ta' riflessjoni tagħha u fid-dawl tal-ftit provi li kellha, identifikat dan il-mekkaniżmu partikolari tat-trasferiment tal-benefiċju ta' l-għajnuna.

88     Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni, diġà fl-istadju tan-notifika, spjegat effettivament id-domandi li kellha fir-rigward tal-benefiċjarju veru ta' l-għajnuna, b'mod partikolari fir-rigward tal-kontroll li l-kumpanniji taż-żejt jeżerċitaw permezz tal-kuntratti ta' provvista esklussiva. Għalkemm dawn id-domandi, f'dan l-istadju tal-bidu tar-riflessjoni tal-Kummissjoni, kienu essenzjalment iċċentrati fuq l-indipendenza ta' l-istazzjonijiet ta' servizz fid-dawl tal-klassifikazzjoni tagħhom fil-kategorija ta' l-istazzjonijiet ta' servizz Co/Co, jibqa' l-fatt li l-kunċett fundamentali, skond liema l-kumpanniji taż-żejt setgħu jkunu l-benefiċjarji veri ta' l-għajnuna fir-rigward tal-kutnratti ta' provvista esklussiva, kien preżenti fin-notifika.

89     Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti fehmet tajjeb biżżejjed dan il-kunċett sabiex, minn naħa, tipprovdi lill-Kummissjoni bil-kuntratt standard tagħha kif ukoll bil-klawżola PMS u, min-naħa l-oħra, tinfurmaha li hija kienet tikkunsidra li l-għajnuna kienet neċessarja għaliex l-istazzjonijiet ta' servizz kienu qegħdin jitolbuha żżid il-marġni tagħhom. Paradossalment, in-natura ta' l-intervent tar-rikorrenti, li pprovdiet il-klawżola tagħha PMS, turi li hija setgħet tifhem liema fatti essenzjali setgħu jkunu rilevanti fid-dawl ta' l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali. Il-fatt li l-Kummissjoni użat, b'mod partikolari, il-provi ppreżentati mir-rikorrenti sabiex issostni raġunament li wassal sabiex ġie konkluż li r-rikorrenti għandha tħallas lura l-għajnuna, huwa konformi ma' l-għan tal-proċedura formali ta' eżami, li tattribwixxi lill-partijiet interessati r-rwol ta' sors ta' informazzjoni tal-Kummissjoni.

90     F'dan ir-rigward, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti mqajjem fis-seduta, li l-intervent tagħha quddiem il-Kummissjoni ma jikkorrispondix f'ebda każ għal parteċipazzjoni fil-proċedura formali ta' eżami ta' l-għajnuna. Biżżejjed jiġi kkonstatat li, wara l-pubblikazzjoni tan-notifika dwar il-ftuħ tal-proċedura formali ta' eżami, ir-rikorrenti pprovdiet lill-Kummissjoni osservazzjonijiet li kellhom x'jaqsmu direttament ma' l-għajnuna in eżami u li kienu partikolarment rilevanti. Dan l-intervent tar-rikorrenti għandu għalhekk jiġi kkunsidrat, de facto sinon de jure, bħala parteċipazzjoni fil-proċedura formali ta' eżami bħala parti interessata.

91     Għaldaqstant, mhux biss il-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba, iżda wettqet b'mod korrett, fil-limiti tal-mezzi tagħha, il-kompitu tagħha li tqiegħed lill-partijiet interessati f'pożizzjoni li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom matul il-proċedura formali ta' eżami ta' l-għajnuna.

92     Fid-dawl ta' dak kollu li ntqal, din ir-raġuni hija miċħuda bħala infondata.

 Fuq l-ispejjeż

93     Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, skond it-talbiet tal-Kummissjoni f'dan is-sens.

94     Skond l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 87(4) ta' l-istess regoli, l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Ir-Renju ta' l-Olanda għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM' ISTANZA (It-Tieni Awla Estiża)

taqta' u tiddeciedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tal-Kummissjoni.

3)      Ir-Renju ta' l-Olanda għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Pirrung

Meij

Forwood

Pelikánová

 

      Papasavvas

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-31 ta' Mejju 2006.

E. Coulon

 

      J. Pirrung

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.