Language of document : ECLI:EU:C:2024:89

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RANTOS

ippreżentati fil-25 ta’ Jannar 2024 (1)

Kawża C743/22

DISA SUMINISTROS Y TRADING S.L.U. (DISA)

vs

Agencia Estatal de la Administración Tributaria

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Supremo (il‑Qorti Suprema, Spanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku – Direttiva 2003/96/KE – Artikolu 5 – Dazju tas-sisa fuq iż-żjut minerali – Rata reġjonali tat-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali li tiżdied mar-rata nazzjonali – Rati ddifferenzjati tad-dazji tas-sisa fit-territorju ta’ Stat Membru skont ir-reġjun li fih il-prodott huwa kkonsmat”






I.      Introduzzjoni

1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l‑interpretazzjoni tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2003/96/KE (2).

2.        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn DISA Suministros y Trading, SLU (iktar ’il quddiem “DISA” jew “ir-rikorrenti”) u l‑Agencia Estatal de la Administración Tributaria (l-Aġenzija tal-Istat tal‑Amministrazzjoni Fiskali, Spanja) wara talbiet mir-rikorrenti intiżi għar-rimbors tat-taxxi sostnuti abbażi tar-rata tat-taxxa addizzjonali ta’ komunità awtonoma fuq id-Dazju tas-Sisa fuq iż-Żjut Minerali (Impuesto Especial sobre Hidrocarburos) (iktar ’il quddiem l-“IEH”).

3.        Din il-kawża toffri l-okkażjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċċara l-kwistjoni dwar jekk, irrispettivament mill-osservanza tal-livelli minimi ta’ tassazzjoni imposti mid-Direttiva 2003/96, din id-direttiva timponix livell ta’ tassazzjoni uniformi fuq it-territorju kollu ta’ Stat Membru jew jekk hija tħalli marġni ta’ manuvrar lill-Istati Membri sabiex jistipulaw rati ta’ sisa differenti għall-istess prodott u għall-istess użu, skont il-parti tat-territorju nazzjonali li fih dan il-prodott huwa intiż li jiġi kkonsmat.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      Id-Direttiva 2003/96

4.        Il-premessi 2 sa 5, 9, 10, 15 u 24 tad-Direttiva 2003/96 jistipulaw:

“(2)      L-assenza ta’ proviżżjonijiet tal-Komunità li timponi rata minima ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku u prodotti ta’ enerġija minbarra żjut minerali tista’ taffetwa ħażin il-funzjonijiet kif suppost tas-suq intern.

(3)      Il-funzjonijiet kif suppost tas-suq intern u s-seħħ ta’ għanijiet ta’ politiki oħra tal-Kommunità jinħtieġu livelli minimi ta’ tassazzjoni li jkunu stabbiliti fuq livell Kommunitarju għall-bosta mill-prodotti tal-enerġija, u jinkludu l-elettriku, gass naturali u faħam.

(4)      Differenzi sostanzjali dwar livelli nazzjonali ta’ tassazzjoni fuq l‑enerġija minn Stati Membri tista’ tkun ta’ detriment għall‑funzjonament kif suppost tas-suq intern.

(5)      L-istabbilament ta’ livelli minimi u approprijati ta’ tassazzjoni mill‑Kommunità tista’ tnaqqas differenzi eżistenti ta’ tassazzjoni fil-livell nazzjonali.

[...]

(9)      Stati Membri għandhom jingħataw il-flessibilità neċessarja biex jiddefinixxu u jimplimentaw politiki xierqa skond iċ-cirkostanzi nazzjonali tagħhom.

(10)      Stati Membri jixtiequ jintroduċu jew iżommu tipi differenti ta’ tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku. Għal dan il-għan, Stati membri għandhom jiġu mħollija jħarsu il-livelli minimi ta’ tassazzjoni tal-Komunità billi jikkonsidraw il-piż tat-taxxi kollha indiretti li huma għażlu li japplikaw (imma teskludi l-VAT).

[...]

(15)      Il-possibilità li wieħed japplika rati nazzjonali differenti ta’ tassazzjoni fuq l-istess oġġett għandha tingħata f’ċerti ċirkostanzi jew kondizzjonijiet permanenti, iżda il-livelli mimimi [minimi] ta’ tassazzjoni tal-Komunità u s-suq intern u r-regolamenti tal‑kompetizzjoni għandhom jiġu rispettati.

[...]

(24)      Stati Membri għandhom jiġu permessi li japplikaw eżenzjonijiet oħra jew livelli mnaqqsa ta’ tassazzjoni, sakemm dan ma jkunx ta’ detriment għall-iffunzjonar kif suppost tas-suq intern u li ma jirriżultax fi tfixkil tal-kompetizzjoni.”

5.        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jistipula:

“Stati Membri għandhom jimponu tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku skond din id-Direttiva.”

6.        L-Artikolu 2(1)(b) tal-imsemmija direttiva jaqra kif ġej:

“1.      Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, it-terminoloġija “prodotti ta’ enerġija” għandha tapplika għall-prodotti:

[...]

b)      li huma deskritti taħt Kodiċi NM 2701, 2702 u 2704 sa 2715;”

7.        L-Artikolu 3 tal-istess direttiva jistipula:

“Referenzi għad-Direttiva 92/12/KEE għal ‘żjut minerali’ u ‘taxxa [dazju] tas‑Sisa’, jekk kemm-il darba tapplika għal żjut minerali, għandha tiġi interpretata li tkopri il-prodotti ta’ enerġija kollha, elettriku u taxxi indiretti nazzjonali li hemm riferenza għalihom rispettivament fl‑Artikoli 2 u 4(2) ta’ din id-Direttiva.”

8.        L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/96 jistipula:

“1.      Il-livelli ta’ tassazzjoni li Stati Membri għandhom japplikaw fuq il‑prodotti ta’ enerġija u elettriku kif imniżżla fl-Artikolu 2 ma għandhomx ikunu inqas mill-livelli miimi [minimi] ta’ tassazzjoni kif preskritti minn din id-Direttiva.

2.      Għall-iskop ta’ din id-Direttiva ‘livell ta’ tassazzjoni’ huwa il-piż totali intaxxat fir-rigward tat-taxxi indiretti kollha (ħlief il-VAT) ikkalkulat direttament jew indirettament fuq il-kwantità ta’ prodotti ta’ enerġija u elettriku meta dawn ikunu rilaxxati għall-konsum.”

9.        L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva jistipula:

“Jekk kemm-il darba dawn jirrispettaw il-livelli minimi ta’ tasazzjoni kif preskritti minn din id-Direttiva u li huma kompatibbli mal-liġi tal‑Kummunità, rati differenti ta’ tassazzjoni jistgħu jiġu applikati minn Stati Membri, taħt kontoll [kontroll] fiskali, fil-każijiet li ġejjin:

–        meta r-rati ivarjaw direttament mal-kwalità tal-prodott;

–        meta r-rati ivarjaw minħabba l-livelli ta’ konsum kwantitattiv għall‑elettriku u prodotti ta’ enerġija użati sabiex isaħħnu,

–        għall-użu kif imsemmi hawn: trasport lokali pubbliku għall‑passiġġieri (li jinkludi t-takxis), ġbir ta’ skart, forzi armati u amministrazzjoni pubblika, persuni b’diżabilità, ambulanzi;

–        bejn użu għan-negozju u dak li mhuwiex, għall-prodotti ta’ enerġija u elettriku li hemm riferenza għalihom fl-Artikoli 9 u 10.”

10.      L-Artikolu 6 tal-imsemmija dispożizzjoni jistipula:

“Stati Membri għandhom ikunu liberi li jpoġġu fis-seħħ l-eżenzjonijiet u t-tnaqqis fil-livell ta’ tassazzjoni kif preskritti minn din id-Direttiva, jew:

a)      direttament;

b)      u permezz ta’ rata li tvarja ukoll

ċ)      permezz ta’ rifużjoni kollha jew parti ta’ l-ammont ta’ tassazzjoni.”

11.      L-Artikolu 19(1) u (3) tal-istess direttiva jistipula:

“1.      Flimkien ma dawn id-disposizzjonijiet msemmija fl-Artikoli ta’ qabel, b’mod partikolari l-Artikolu 5, 15 u 17, il-Kunsill, li jaġixxi b’mod unanimu fuq xi proposta tal-Kummissjoni, jista’ jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru biex jintroduċi iktar eżenzjonijiet u tnaqqis għall-konsiderazzjonijiet politiki speċifiċi.

Stat Membru li jixtieq jintroduċi din il-miżura għandu jinforma il‑Kummissjoni u għandu ukoll jipprovdi lil Kummissjoni bl‑informazzjoni kollha relevanti u neċessarja. Il-Kummissjoni għandha teżamina t-talba, u tieħu in konsiderazzjoni, inter alia, l-iffunzjonar kif suppost tas-suq intern, il-ħtieġa li tassigura kompetizzjoni ġusta u politiki tal-Komunità dwar saħħa, ambjent, enerġija u trasport.

[...]

3.      Jekk il-Kummissjoni tikkonsidra li l-eżenzjonijiet jew tnaqqis provduti fil-paragrafu 1 mhumiex iktar sostenibbli, partikolarment f'termini ta' kompetizzjoni ġusta jew tfixkil fl-operat tas-suq intern, jew f’termini tal-politika tal-Komunità fil-qasam tas-saħħa, protezzjoni ta’ l‑ambjent, enerġija u trasport, hija għandha tissotometti proposti xierqa lill-Kunsill. Il-Kunsill għandu jieħu deċiżjoni unanima fuq dawn il‑proposti.”

2.      IdDirettiva 2008/118/KE

12.      L-Artikolu 1(1) u (2) tad-Direttiva 2008/118/KE (3) jaqra kif ġej:

“1.      Din id-Direttiva tistabbilixxi arranġamenti ġenerali fir-rigward tad‑dazju tas-sisa li jaffettwa direttament jew indirettament il-konsum tal‑prodotti li ġejjin (minn hawn ’il quddiem ‘prodotti soġġetti għad‑dazju tas-sisa’):

a)      prodotti tal-enerġija u l-elettriku koperti mid‑[Direttiva 2003/96];

[...]

2.      L-Istati Membri jistgħu jimponu taxxi indiretti oħrajn fuq prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa għal finijiet speċifiċi, bil-kondizzjoni li dawk it-taxxi jikkonformaw mar-regoli tat-taxxa Komunitarja applikabbli għad-dazju tas-sisa jew għat-taxxa fuq il-valur miżjud f’dak li jikkonċerna d-determinazzjoni tal-bażi tat-taxxa, il-kalkolu tat-taxxa, l‑impożizzjoni tal-ħlas u l-monitoraġġ tat-taxxa, iżda ma jinkludux id‑dispożizzjonijiet dwar l-eżenzjonijiet.”

B.      Iddritt Spanjol

13.      L-Artikolu 50 ter tal-Ley 38/1992 de Impuestos Especiales (il-Liġi 38/1992 dwar id-Dazji tas-Sisa, tat‑28 ta’ Diċembru 1992, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar id-Dazji tas-Sisa”), intitolat “rata ta’ taxxa tal‑komunità awtonoma”, jistipula, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall‑kawża prinċipali:

“1      Il-Komunitajiet Awtonomi jistgħu jistabbilixxu rata reġjonali tad‑dazju tas-sisa fuq iż-żjut minerali, għall-finijiet tat-tassazzjoni addizzjonali ta’ prodotti li għalihom japplikaw ir-rati tat-taxxa msemmija fil-punti […], u li huma kkonsmati fit-territorji rispettivi tagħhom. L‑applikazzjoni tat-taxxa reġjonali għandha ssir skont id‑dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi u skont il-limiti u l-kundizzjonijiet previsti mir-regolamenti ta’ finanzjament tal-komunitajiet awtonomi.

2.      Ir-rata ta’ tassazzjoni reġjonali li għandha tiġi applikata hija dik li tikkorrispondi mal-komunità awtonoma li fit-territorju tagħha jkun hemm il-konsum finali tal-prodotti intaxxati. Għall-finijiet ta’ dan l-artikolu, il-prodotti jiġu kkonsmati fit-territorju ta’ komunità awtonoma meta jiġu rċevuti f’wieħed mill-postijiet segwenti:

[...]”

14.      L-Artikolu 50 ter tal-Liġi dwar id-Dazji tas-Sisa kien fis-seħħ matul is-snin finanzjarji 2013 sa 2018. Dan tħassar b’effett mill-1 ta’ Jannar 2019 permezz tal-Ley 6/2018 de Presupuestos Generales del Estado para 2018 (il-Liġi 6/2018 dwar il-Baġit Ġenerali tal-Istat għall-2018) tat‑3 ta’ Lulju 2018, li l-espożizzjoni tal-motivi tagħha tindika b’mod partikolari:

“Fil-qasam tad-dazji tas-Sisa, ir-rata reġjonali tat-taxxa fuq iż-żjut minerali hija integrata fir-rata speċjali tal-Istat sabiex tiġi żgurata l-unità tas-suq fil-qasam tal-kombustibbli u tal-karburanti, mingħajr ma din il‑miżura tippreġudika r-riżorsi tal-komunitajiet awtonomi, u dan fil‑kuntest ġuridiku komunitarju.”

III. Ilkawża prinċipali, id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

15.      L-entitajiet CLH, TEPSA u SECICAR, li huma operaturi loġistiċi suġġetti għall-IEH, ippreżentaw awto-likwidazzjonijiet relatati mal‑perijodi inklużi bejn is-snin 2013 u 2015 u għaddew l-ammont tal-IEH fuq DISA. Din tal-aħħar hija attiva fil-qasam tax-xiri, tal-bejgħ, tal‑importazzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni bl-ingrossa ta’ prodotti taż‑żejt.

16.      Peress li kienet kopriet l-IEH, DISA talbet lill-amministrazzjoni fiskali tirrettifika l-awto-likwidazzjonijiet ippreżentati minn CLH, TEPSA u SECICA u talbet ir-rimbors tal-ammonti li jikkorrispondu mar‑rata reġjonali tat-taxxa addizzjonali fuq id-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali, kif stabbiliti mill-komunità awtonoma kkonċernata (iktar ’il quddiem ir-“rata reġjonali tad-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali” jew ir‑“rata reġjonali tal-IEH”).

17.      Insostenn tat-talbiet tagħha, DISA sostniet li din ir-rata reġjonali, imsemmija fl-Artikolu 50 ter tal-Liġi dwar id-Dazji tas-Sisa, fis-seħħ mill‑1 ta’ Jannar 2013, kienet tmur kontra d-dritt tal-Unjoni inkwantu kienet tikser ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/96 u b’mod partikolari l-Artikolu 5 tagħha, minħabba li ma kinitx tikkorrispondi mad-derogi previsti minn din id-dispożizzjoni għall-finijiet tal‑applikazzjoni tar-rati ta’ taxxa ddifferenzjati u li kienet tmur kontra l‑għan ta’ tassazzjoni unifikata ta’ din id-direttiva.

18.      L-amministrazzjoni fiskali ċaħdet dawn it-talbiet billi qieset li ma kinitx kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar il-kwistjoni dwar jekk il-leġiżlazzjoni Spanjoli kinitx tikser id-dritt tal-Unjoni jew le.

19.      Ir-rikorrenti għalhekk ressqet ilmenti kontra din iċ-ċaħda quddiem it-Tribunal Económico-Administrativo Central (il-Qorti Ekonomika u Amministrattiva Ċentrali, Spanja).

20.      Sussegwentement, ir-rikorrenti ppreżentat rikors kontra ċ-ċaħda tal-ilmenti tagħha quddiem l-Awla tal-Kawżi Amministrattivi tal‑Audiencia Nacional (il-Qorti Nazzjonali, Spanja), li ġie miċħud permezz ta’ sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2020. Filwaqt li osservat li d‑dubji legali li tqajjem l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2003/96 jistgħu jwassluha sabiex tippreżenta talba għal deċiżjoni preliminari, l-Audiencia Nacional (il-Qorti Nazzjonali) ċaħdet it-talba għal rimbors tal-ammonti mħallsa minħabba li DISA ma urietx li hija ma kinitx għaddiet dawn l‑ammonti lil persuni oħra, punt li seta’ jagħti lok għal arrikiment indebitu tar-rikorrenti.

21.      Ir-rikorrenti appellat fil-kassazzjoni mis-sentenza tal-Audiencia Nacional quddiem it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), li hija l‑qorti tar-rinviju.

22.      Dik il-qorti tenfasizza li l-eżitu tal-kawża prinċipali jiddependi mill-interpretazzjoni tad-Direttiva 2003/96 fir-rigward tar-rata reġjonali tad-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali. Hija tqis, f’dan ir-rigward, li la din id-direttiva u lanqas il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jagħtu interpretazzjoni ċara tal-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva dwar jekk, u f’liema kundizzjonijiet, din tipprekludix il-fatt li fil‑qasam tat-tassazzjoni ta’ prodotti ta’ enerġija u elettriku, fi ħdan Stat Membru jiġu stabbiliti, għall-istess prodott, rati ta’ tassazzjoni ddifferenzjati skont it‑territorju kkonċernat.

23.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal‑Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“Id-Direttiva [2003/96], b’mod partikolari l-Artikolu 5 tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi regola nazzjonali, bħall‑Artikolu 50 ter tal-[Liġi 38/1992 dwar id-Dazji tas-Sisa], li tawtorizza lill-Komunitajiet Awtonomi jistabbilixxu rati ta’ dazji tas-sisa ddifferenzjati fuq l-idrokarburi għal kull territorju fir-rigward tal-istess prodott?”

24.      Ġew sottomessi osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal‑Ġustizzja mir-rikorrenti, mill-Gvern Spanjol u mill-Kummissjoni Ewropea.

IV.    Analiżi

A.      Fuq lammissibbiltà taddomanda preliminari

25.      Qabel ma nipproċedi bl-analiżi tal-unika domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju, hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar l‑eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Gvern Spanjol.

26.      Effettivament, dan il-Gvern isostni li d-domanda preliminari għandha tiġi ddikjarata inammissibbli minħabba n-natura ipotetika tagħha. Skont dan il-Gvern, il-kwistjoni ta’ kompatibbiltà tad‑dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni mad-dritt tal-Unjoni qatt ma ġiet diskussa quddiem il-qrati preċedentement aditi mill-kawża prinċipali u lanqas fil-kuntest tal-appell quddiem il-qorti tar-rinviju, peress li dan l-appell kien inizjalment limitat għall-kwistjoni ta’ locus standi tar‑rikorrenti sabiex tibda proċedura għall-irkupru ta’ ammonti mħallsa indebitament.

27.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-domandi relatati mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest regolamentari u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha stess, u li tiegħu l-Qorti tal‑Ġustizzja ma hijiex mistennija tivverifika l-eżattezza, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni ta’ regola tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas‑suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il‑punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad‑domandi li jkunu sarulha (4).

28.      Issa, f’dan il-każ, id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju għandha rabta diretta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, peress li din tirrigwarda talba tar-rikorrenti intiża għal rimbors tal-ammont li jikkorrispondi għall-parti reġjonali tal-IEH li hija kopriet, minħabba li din il-parti reġjonali tikser id-Direttiva 2003/96, b’mod partikolari l-Artikolu 5 tagħha. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-eżitu tat-tilwima fil-kawża prinċipali jiddependi fuq l-interpretazzjoni ta’ din id-direttiva peress li hija obbligata tiddeċiedi dwar il-mertu tal-ilment skont id-dritt nazzjonali li jirregola l-appell ta’ kassazzjoni (5). Fl-aħħar nett, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta b’mod ċar, mingħajr ma dan ġie kkontestat mill-Gvern Spanjol, li t-talbiet għal rimbors imressqa mir-rikorrenti jirrigwardaw perijodu li matulu l-Artikolu 50 ter tal-Liġi dwar id-Dazji tas-Sisa kien fis-seħħ.

29.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Gvern Spanjol għandha tiġi miċħuda.

B.      Fuq il-mertu

30.      Permezz tal-unika domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2003/96, b’mod partikolari l‑Artikolu 5 tagħha, tipprekludix regola nazzjonali, bħall-Artikolu 50 ter tal‑Liġi dwar id-Dazji tas-Sisa, li tawtorizza lill-Komunitajiet Awtonomi jistabbilixxu rati ta’ dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali ddifferenzjati skont it-territorju, anki meta r-rati minimi ta’ taxxa mitluba minn din id-direttiva huma osservati.

1.      Osservazzjonijiet preliminari

31.      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li din il-kawża hija kkaratterizzata mill-fatt li d-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni kienet tippermetti li kull komunità awtonoma Spanjola tistabbilixxi d-dazju tas-sisa reġjonali rispettiv tagħha fuq iż-żjut minerali, taxxa li kienet tiżdied mad-dazju tas-sisa nazzjonali (6).

32.      Barra minn hekk, kif jirriżulta mid-deskrizzjoni tal-qafas legali nazzjonali ppreżentat fil-punt 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Gvern Spanjol emenda l-Artikolu 50 ter tal-Liġi dwar id-Dazji tas-Sisa, li kien fis‑seħħ fi Spanja matul is-snin 2013 sal-2018, billi ħassar ir-rata reġjonali addizzjonali b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2019 (7). Wara dan it-tħassir, ir-Renju ta’ Spanja stabbilixxa sistema oħra ta’ finanzjament tal-komunitajiet awtonomi, li tistipula rata uniformi fit‑territorju kollu tiegħu (8).

2.      L-elementi prinċipali tas-sistema ta’ tassazzjoni armonizzata prevista mid-Direttiva 2003/96

33.      Għandu jiġi osservat li, billi tistipula sistema ta’ tassazzjoni armonizzata tal-prodotti tal-enerġija u elettriku, id-Direttiva 2003/96 hija intiża, kif jirriżulta mill-premessi 2 sa 5 u 24 tagħha, li tippromwovi l‑funzjonament tajjeb tas-suq intern fis-settur tal-enerġija, filwaqt li tevita, b’mod partikolari, id-distorsjoni tal-kompetizzjoni (9). Din id‑direttiva hija intiża għalhekk sabiex tnaqqas id-differenzi bejn il-livelli nazzjonali ta’ tassazzjoni tal-enerġija, sa fejn ġie kkonstatat li dan huwa fattur li jikkawża preġudizzju għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern (10).

34.      Sabiex jilħaq dan il-għan, il-leġiżlatur tal-Unjoni wettaq armonizzazzjoni mhux eżawrjenti iżda parzjali tar-regoli ta’ tassazzjoni ta’ prodotti tal-enerġija u elettriku, sa fejn l-imsemmija direttiva tillimita ruħha sabiex tistabbilixxi livelli minimi ta’ tassazzjoni armonizzati (11). Għal dan il-għan, bis-saħħa tal-Artikolu 4(1) tagħha, din teżiġi li l-livelli ta’ tassazzjoni li l-Istati Membri għandhom japplikaw fuq il-prodotti ta’ enerġija u elettriku kif indikati fl-Artikolu 2 tal-istess direttiva ma għandhomx ikunu inqas mill-livelli minimi preskritti minn din tal-aħħar.

35.      Madankollu, filwaqt li tirrikonoxxi kemm il-ħtieġa li tħalli lill‑Istati Membri l-flessibbiltà neċessarja sabiex jiddefinixxu u jimplimentaw politiki adattati għall-kuntesti nazzjonali kif ukoll il-fatt li s-sistemi stabbiliti fil-kuntest tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2003/96 jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ kull Stat Membru, din id-direttiva rrikonoxxiet marġni ta’ manuvrar u ta’ evalwazzjoni lill-Istati Membri fil-qasam tad-dazji tas-sisa (12). L-imsemmija direttiva tinkludi għalhekk sensiela ta’ dispożizzjonijiet (fosthom b’mod partikolari l-Artikoli 5 u 7 kif ukoll 15 sa 19) li jipprevedu l-possibbiltà li l-Istati Membri jistabbilixxu, taħt ċerti kundizzjonijiet, rati ta’ tassazzjoni ddifferenzjati, eżenzjonijiet mit-tassazzjoni jew tnaqqis fiskali tad-dazji tas-sisa (13).

3.      Ilkonformità tal-IEH mal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2003/96

36.      F’dak li jirrigwarda l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2003/96, għandu jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni telenka l-eżempji li fihom l-Istati Membri jistgħu japplikaw, fuq l-istess prodott, rati ta’ tassazzjoni ddifferenzjati.

37.      Qabelxejn, għandu jiġi kkonstatat li l-applikazzjoni ta’ rati ddifferenzjati bejn reġjuni differenti fi ħdan l-istess Stat Membru ma hijiex, a priori, fost l-eżempji previsti mill-imsemmija dispożizzjoni. Fil‑fatt, l-ebda wieħed mill-każijiet elenkati fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva ma jistipula l-possibbiltà li jiġi applikat ddifferenzjar reġjonali tad-dazji tas-sisa. Barra minn hekk, l-użu tal-espressjoni “fil-każijiet li ġejjin”, sabiex jiġu indikati l-eżempji li fihom jista’ jsir ddifferenzjar tal-livell ta’ tassazzjoni skont din id-dispożizzjoni, ma jidher li jħalli l-ebda dubju dwar in-natura eżawrjenti tal-lista tal-każijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu japplikaw rati ta’ tassazzjoni ddifferenzjati għall-istess prodott (14). Barra minn hekk, tali interpretazzjoni tirriżulta wkoll mill-premessa 15 tal‑imsemmija direttiva li tistipula li “l-possibilità li wieħed japplika rati nazzjonali differenti ta’ tassazzjoni fuq l-istess oġġett għandha tingħata f’ċerti ċirkostanzi jew kondizzjonijiet permanenti, iżda il-livelli mimimi ta’ tassazzjoni tal-Komunità u s-suq intern u r-regolamenti tal‑kompetizzjoni għandhom jiġu rispettati” (15).

38.      F’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tidher li kkonfermat ukoll in-natura eżawrjenti tal-eżempji elenkati fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2003/96, billi speċifikat li din id-dispożizzjoni tistipula rati ta’ tassazzjoni ddifferenzjati f’ċerti każijiet “elenkati b’mod limitattiv f’dan l-artikolu” (16).

39.      Madankollu, hekk kif tosserva, ġustament, il‑qorti tar-rinviju, għandu jiġi kkonstatat li l-ġurisprudenza attwali tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-Direttiva 2003/96, u b’mod partikolari l-Artikolu 5 tagħha, ma eżaminatx espliċitament il-kwistjoni tal-uniformità tar-rati tad-dazji tas-sisa għall-istess prodott u bl-istess użu fi ħdan Stat Membru.

40.      Minkejja li, fil-kuntest ta’ żewġ rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li fihom rati ta’ dazji tas-sisa ddifferenzjati skont it-territorju, analogi għal dawk tal-kawża prinċipali, ġew ikkunsidrati bħala kontenzjużi fir-rigward tad-Direttiva 2003/96 mill-Kummissjoni (17), il‑kwistjoni dwar jekk din id-direttiva kinitx tawtorizza jew le tali ddifferenzjar reġjonali kienet ġiet diskussa bejn il-partijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx b’mod espliċitu fuq din il-kwistjoni fis-sentenzi korrispondenti. B’hekk, fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, il-Qorti tal‑Ġustizzja sempliċement ikkonstatat in-nuqqas tar-Repubblika Franċiża minħabba li din ma kinitx adattat is-sistema ta’ tassazzjoni tal‑elettriku tagħha mad-Direttiva 2003/96, fit-terminu mogħti. L-istess japplika għas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (Kontribuzzjoni għax‑xiri ta’ fjuwils), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja, peress li qieset li n-nuqqas allegat mill-Kummissjoni ma kienx ġie pprovat minn din tal-aħħar (18), ma kellhiex bżonn tieħu pożizzjoni dwar l-imsemmija kwistjoni.

41.      Id-domanda preliminari li saret f’din il-kawża tista’ tingħata żewġ interpretazzjonijiet: l-ewwel interpretazzjoni, difiża mill-Gvern Spanjol, li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2003/96 ma jipprekludix l-eżistenza ta’ rati ta’ tassazzjoni ddifferenzjati skont ir-reġjuni tat-taxxa fuq il-prodotti tal-enerġija, bil-kundizzjoni li dawn ir-rati josservaw ir-rati minimi previsti minn din id‑direttiva; u it-tieni interpretazzjoni, sostnuta mir-rikorrenti u mill‑Kummissjoni, li l-obbligu li jiġi osservat livell ta’ tassazzjoni uniformi fit-territorju kollu ta’ Stat Membru għall-istess prodott li jirriżulta mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 2003/96 huwa validu irrispettivament mill-osservanza tal-livelli minimi ta’ tassazzjoni imposti minn din id-direttiva.

42.      Għar-raġunijiet segwenti, jien tal-opinjoni li għandha tingħata preferenza lil din l-aħħar interpretazzjoni.

43.      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, anki jekk il-qasam tat‑tassazzjoni tal-prodotti tal-enerġija u elettriku huwa biss parzjalment armonizzat u d-Direttiva 2003/96 tirrikonoxxi ċerta flessibbiltà u marġni ta’ manuvrar lill-Istati Membri sabiex ikunu jistgħu jimplimentaw politiki adattati għall-kuntesti nazzjonali, xorta jibqa’ l-fatt li dan il‑marġni ta’ manuvrar huwa rregolat. Minn dan isegwi li l-possibbiltà offruta lill-Istati Membri li jistabbilixxu rati ta’ tassazzjoni ddifferenzjati, eżenzjonijiet mit-tassazzjoni jew tnaqqis tad-dazji tas-sisa, tista’ tiġi implimentata biss bl-osservanza sħiħa tal-kundizzjonijiet imposti mid‑dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, fin‑nuqqas ta’ tali regolamentazzjoni, l-imsemmija direttiva ma tagħmilx sens.

44.      L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2003/96 ma huwiex eċċezzjoni għal din il-loġika ta’ regolamentazzjoni sa fejn il-kliem stess ta’ din id‑dispożizzjoni juri l-volontà tal-leġiżlatur li jirregola l-marġni ta’ manuvrar li l-Istati Membri għandhom sabiex jipproċedu bl‑applikazzjoni ta’ rati differenti għall-istess prodott, u dan irrispettivament mill-osservanza tal-livelli minimi ta’ tassazzjoni imposti minn din id-direttiva (19). B’hekk, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Spanjol, l-imsemmija direttiva ma tagħtix lill-Istati Membri libertà assoluta li jistabbilixxu r-rati ta’ tassazzjoni ddifferenzjati li huma jqisu xierqa billi jibbażaw ruħhom fuq is-sempliċi fatt li r-rata applikata tibqa’ ogħla mir-rata minima imposta. Tali interpretazzjoni ċċaħħad lill‑Artikolu 5 tad-Direttiva 2003/96 mill-għan tiegħu. Għalhekk, jiena naqbel mal-pożizzjoni espressa mill-Avukat Ġenerali Richard de la Tour fil-konklużjonijiet tiegħu fis-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (Kontribuzzjoni għax-xiri ta’ fjuwils) (C‑63/19, EU:C:2020:596, punt 82), li d-derogi għall-prinċipju ta’ tassazzjoni unika għal kull prodott u għal kull użu jistgħu jiġu implimentati minn Stat Membru biss fil‑każijiet espressament elenkati mid-Direttiva 2003/96.

45.      Barra minn hekk, għandu jiġi speċifikat li l-Artikolu 5 ma huwiex l‑unika dispożizzjoni tad-Direttiva 2003/96 li tippermetti differenzi fil-qasam fiskali fi ħdan l-istess Stat Membru. Fil-fatt, l‑Artikolu 19 ta’ din id-direttiva jawtorizza lill-Istati Membri sabiex jintroduċu rati ta’ tassazzjoni ddifferenzjati permezz ta’ eżenzjonijiet jew ta’ tnaqqis addizzjonali għal raġunijiet ta’ politika speċifiċi bil-kundizzjoni li l-Kunsill, li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni, ma jopponix għalihom. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Kunsill diġà awtorizza, b’applikazzjoni ta’ b’din id-dispożizzjoni, ċertu numru ta’ tnaqqis tad-dazju tas-sisa għal reġjuni jew għal żoni speċifiċi fi ħdan Stat Membru (20).

46.      Għalkemm il-Kummissjoni u r-rikorrenti jqisu li, sabiex japplika rata ddifferenzjata f’reġjun partikolari, Stat Membru għandu juża l‑Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96 u jitlob awtorizzazzjoni skont din id‑dispożizzjoni, il-Gvern Spanjol, minn naħa tiegħu jsostni - mingħajr ma jieħu pożizzjoni dwar il-ħtieġa li tinkiseb tali awtorizzazzjoni - li l-fatt li tnaqqis ta’ livelli ta’ tassazzjoni ġie awtorizzati bis-saħħa tal‑Artikolu 19 tal-imsemmija direttiva huwa biżżejjed, fih innifsu, sabiex juri li din tippermetti tassew differenzi reġjonali.

47.      Minkejja li mill-kliem innifsu tal‑Artikolu 5 tad-Direttiva 2003/96 ma jirriżultax b’mod ċar jekk is-sistema ta’ awtorizzazzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni tkoprix biss każijiet ipotetiċi fejn it‑tassazzjoni ddifferenzjata tirriżulta minn eżenzjoni jew minn tnaqqis li jmur lil hinn mir-rati minimi, jew jekk dan l-Artikolu 5 jkoprix ukoll sitwazzjonijiet bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li fiha t-tassazzjoni reġjonali ddifferenzjata tibqa’ ogħla mill-livelli minimi ta’ tassazzjoni, xorta jibqa’ l-fatt, fi kwalunkwe każ, li sabiex Stat Membru jkun jista’ juża din il‑possibbiltà, dan huwa obbligat jikseb l-awtorizzazzjoni minn qabel tal‑Kunsill skont l-Artikolu 19 ta’ din id-direttiva, li f’dan il-każ il-Gvern Spanjol ma għamilx.

48.      Fit-tieni lok, għandu jiġi analizzat l-argument imqajjem mill‑Gvern Spanjol li l-Artikolu 50 ter tal-Liġi dwar id-Dazji tas-Sisa, inkwantu manifestazzjoni tal-awtonomija politika tal-komunitajiet awtonomi, irrikonoxxuta mill-Kostituzzjoni Spanjola u protetta bl‑Artikolu 4(2) TUE (21), jiġġustifika l-interpretazzjoni tad‑Direttiva 2003/96 kif irrakkomandata minn dan il-Gvern.

49.      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li t-tqassim tal-kompetenzi fi ħdan Stat Membru jibbenefika mill-protezzjoni mogħtija mill‑Artikolu 4(2) TUE, li jistipula li l-Unjoni għandha tosserva l-identità nazzjonali tal-Istati Membri, inerenti fl-istrutturi politiċi u kostituzzjonali fundamentali tagħhom, inkluża l-awtonomija lokali u reġjonali (22). Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li kull Stat Membru jista’ jalloka internament il-kompetenzi u jimplementa l-atti tad-dritt Komunitarju li ma humiex direttament applikabbli permezz ta’ miżuri adottati mill-awtoritajiet reġjonali jew lokali, sakemm din l-allokazzjoni tal-kompetenzi tippermetti implementazzjoni korretta tal-atti tad-dritt Komunitarju inkwistjoni (23).

50.      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li ebda dispożizzjoni tad‑Direttiva 2003/96, inkluż l-Artikolu 5 tagħha (anki jekk interpretata fis-sens propost fil-punt 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet) ma għandha tikkontesta l-prinċipji rrikonoxxuti bis-saħħa tal-Artikolu 4(2) TUE. Fil‑fatt, billi tistipula sensiela ta’ dispożizzjonijiet li jippermettu li l-Istati Membri ma japplikawx, taħt ċerti kundizzjonijiet, ir-rati minimi previsti minn din id-direttiva, din ma hijiex biss intiża, essenzjalment, li tieħu inkunsiderazzjoni t-tradizzjonijiet fiskali tal-Istati Membri, iżda tippermettilhom ukoll li jimplimentaw politiki adattati għall-kuntesti nazzjonali (24). Għalhekk jiena nqis li ebda Stat Membru ma jista’ jinvoka l‑protezzjoni mogħtija bl-Artikolu 4(2) TUE u lanqas ma jista jinvoka, b’mod partikolari, l-organizzazzjoni interna tiegħu u t-tqassim ta’ kompetenzi sabiex jiġġustifika ksur tad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, id-differenzjazzjonijiet fiskali kollha fil-livell reġjonali, irrispettivament mill-importanza tagħhom, la jistgħu jiġu interpretati bħala manifestazzjoni tal-identità nazzjonali ta’ Stat Membru u lanqas iġġustifikati b’mod inkundizzjonat minħabba f’hekk. Jista’ jkun mod ieħor biss jekk, jekk ikun il-każ, kull reġjun awtonomu jkollu, abbażi tal-kostituzzjoni, il-possibbiltà li jistabbilixxi skema fiskali totalment differenti, iddefinita b’mod awtonomu minnha stess.

51.      Fit-tielet lok, għandu jiġi nnotat li d-Direttiva 2003/96 hija intiża sabiex tippromwovi l-funzjonament tajjeb tas-suq intern fis-settur tal‑enerġija. Issa, għalkemm din id-direttiva tippermetti, bħala prinċipju, il‑possibbiltà li jkun hemm rati differenti bejn Stati Membri (bil‑kundizzjoni li r-rati minimi jiġu osservati), il-fatt li tiġi rikonoxxuta l-possibbiltà li kull Stat Membru japplika, fi ħdan it-territorju nazzjonali tiegħu u fir-reġjuni differenti tiegħu, rati ddifferenzjati - anki meta dawn josservaw ir-rati minimi – mingħajr ebda regolamentazzjoni jew mekkaniżmu ta’ kontroll, ikun tali li jikkawża preġudizzju għall‑funzjonament tajjeb tas-suq intern billi jifframmentah iktar, u b’hekk jikkomprometti l-moviment liberu tal-merkanzija, mingħajr barra minn hekk ma jista’ jiġi eskluż ir-riskju ta’ frodi fiskali.

52.      Fir-raba’ lok, id-Direttiva 2008/118, li tirregola s-sistema ġenerali tad-dazji tas-sisa tistipula, fl-Artikolu 1(2) tagħha, li l-prodotti suġġetti għall-imsemmija taxxi jistgħu jkunu suġġetti għal taxxi indiretti oħra. Dan l-artikolu, ikkunsidrat flimkien ma’ ċerti dispożizzjonijiet tad‑Direttiva 2003/96, li espliċitament iħallu lill-Istati Membri l-possibbiltà li jintaxxaw l-elettriku u l-prodotti tal-enerġija b’taxxi oħra (25), jippermetti, skont il-Gvern Spanjol, l-impożizzjoni ta’ taxxa addizzjonali, bħall-IEH.

53.      Madankollu, għandu jitfakkar li minkejja li l-Artikolu 1(2) tad‑Direttiva 2008/118 iħalli lill-Istati Membri l-possibbiltà li jimponu taxxi indiretti fuq il-prodotti suġġetti għas-sisa, separati mis-sisa, tali intaxxar jista’ jseħħ biss jekk jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet kumulattivi. Minn naħa waħda, tali taxxi għandhom jiġu imposti għal finijiet speċifiċi u, min-naħa l-oħra, dawn it-taxxi għandhom josservaw ir-regoli ta’ tassazzjoni tal‑Unjoni applikabbli għas-sisa jew għall-VAT sabiex tiġi stabbilita l‑bażi tat-taxxa, kif ukoll għall-kalkolu, għall-eżiġibbiltà u għall-kontroll tat-taxxa (26).

54.      Fir-rigward, b’mod iktar preċiż, tal-kriterju relatat mal-għan speċifiku, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li għalkemm ma huwiex neċessarju li d-dħul ta’ taxxa addizzjonali jiġi allokat għal għan speċifiku li għandu jintlaħaq, xorta hemm il-bżonn li t-taxxa inkwistjoni titfassal, f’dak li jirrigwarda l-istruttura tagħha, b’mod partikolari s‑suġġett taxxabbli jew ir-rata tat-tassazzjoni, b’tali mod li tinfluwenza l‑aġir tal-persuni taxxabbli f’direzzjoni li tippermetti li jintlaħaq l-għan speċifiku invokat, pereżempju billi jiġu ntaxxati b’mod qawwi l-prodotti inkwistjoni bil-għan li jiġi skoraġġit il-konsum tagħha jew billi jiġi inkoraġġit l-użu ta’ prodotti oħra li l-effetti tagħhom jagħmlu inqas ħsara fir-rigward tal-għan li għandu jintlaħaq (27).

55.      Madankollu, abbażi tal-elementi tal-proċess li għandha quddiemha l‑Qorti tal-Ġustizzja ma huwiex possibbli li jiġi stabbilit sa fejn id-dħul riċevut mill-parti tat-tassazzjoni addizzjonali huwa intiż għal għan speċifiku jew jekk din it-taxxa hijiex ippjanata b’tali mod li tippermetti li jintlaħaq l-għan speċifiku invokat (f’każ li tali għan jeżisti). Madankollu, dan ma jidhirx li huwa l-każ tal-IEH. Fil-fatt, kif jirriżulta mill‑osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati mill-Gvern Spanjol, ir-rata reġjonali tal-IEH hija intiża sabiex tiffinanzja b’mod ġenerali l‑kompetenzi tal-komunitajiet awtonomi sabiex dawn ikunu jistgħu, sussegwentement, jużaw dan id-dħul fuq livell reġjonali fl-oqsma magħżula minn dawn il-komunitajiet.

56.      Fil-ħames u l-aħħar lok, il-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal‑Ġustizzja relatata mal-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/96 tidher li hija kontra l-applikazzjoni ta’ taxxa ddifferenzjata skont it-territorju fi ħdan l-istess Stat Membru (28). Fil-fatt, għalkemm id-Direttiva 2003/96 tagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jintroduċu rati ta’ tassazzjoni ddifferenzjati, tnaqqis u eżenzjonijiet fiskali, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tirrikjedi li din is-setgħa diskrezzjonali li l-Istati Membri għandhom bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din id-direttiva (inkluż l-Artikolu 5 tagħha), għandha tkun eżerċitata b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni u tal-prinċipji ġenerali tagħha u, b’mod partikolari, b’osservanza tal‑prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (29). Barra minn hekk, dan jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva li jistipula espressament li rati ta’ tassazzjoni ddifferenzjati jistgħu jiġu applikati “[j]ekk kemm-il darba dawn [...] huma kompatibbli mal-liġi tal‑[Unjoni]”.

57.      F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod sakemm dan ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (30). Issa, minbarra l-każ fejn dan huwa oġġettivament iġġustifikat, li ma jidhirx li huwa l-każ f’din il-kawża, is-sitwazzjoni a priori komparabbli ta’ żewġ persuni taxxabbli li jipproduċu ż-żjut minerali fl-istess Stat Membru jista’ jkun li ma hijiex ittrattata bl‑istess mod jekk huma obbligati jħallsu livelli ta’ tassazzjoni differenti abbażi biss ta’ kriterju ġeografiku, mingħajr ma dan it-trattament ma jkun oġġettivament iġġustifikat.

58.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall‑unika domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju għandha tkun li d-Direttiva 2003/96, b’mod partikolari l-Artikolu 5 tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li l-Istati Membri jimponu rata ta’ sisa reġjonali ddifferenzjata fuq l-idrokarbonji li twassal għall-applikazzjoni ta’ taxxa reġjonali differenti għall-istess prodott u għall-istess użu, lil hinn mill-każijiet stipulati b’mod eżawrjenti minn din id-direttiva.

V.      Konklużjoni

59.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-unika domanda preliminari magħmula mit‑Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) bil-mod segwenti:

Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas‑27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku, b’mod partikolari, l-Artikolu 5 tagħha,

għandha tiġi interpretata fis-sens li:

tipprekludi li l-Istati Membri jimponu rata ta’ sisa reġjonali ddifferenzjata fuq idrokarbonji li twassal għall-applikazzjoni ta’ taxxa reġjonali differenti għall-istess prodott u għall-istess użu, lil hinn mill-każijiet stipulat b’mod eżawrjenti minn din id-direttiva.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Direttiva tal-Kunsill tas‑27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 405). It-talba għal deċiżjoni preliminari tirreferi biss għad-Direttiva 2003/96 fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, li tirrigwarda s-snin 2013 sal-2015, mingħajr ma ssemmi l-emendi u r-reviżjonijiet ulterjuri ta’ din id-direttiva.


3      Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad‑dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE (ĠU 2009, L 9, p. 12).


4      Sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, DOBELES HES (C‑702/20 u C‑17/21, EU:C:2023:1, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).


5      Il-qorti tar-rinviju tenfasizza, f’dan ir-rigward, li DISA talbet, permezz ta’ proċeduri amministrattivi, ir-rimbors tat-taxxi li hija ħallset minħabba r-rata reġjonali tal-IEH, filwaqt li sostniet li dawn kienu jiksru d-dritt tal-Unjoni, u hija ressqet it-talba tagħha quddiem l-Audiencia Nacional (il-Qorti Nazzjonali) u quddiem il-qorti tar-rinviju.


6      Il-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ kienet tistipula żewġ livelli ta’ tassazzjoni, jiġifieri, minn naħa waħda, livell nazzjonali, li r-rata tiegħu kienet l-istess fit‑territorju nazzjonali kollu, u, min-naħa l-oħra, livell reġjonali addizzjonali, li r‑rata tiegħu kienet stabbilita minn kull Komunità Awtonoma għaż-żjut minerali kkonsmati fit-territorju tagħha.


7      Ir-rikorrenti kif ukoll il-Kummissjoni jsostnu li r-Renju ta’ Spanja ħassar id‑dispożizzjoni tal-Artikolu 50b tal-Liġi dwar id-Dazji tas-Sisa wara d-djalogu bejn dan il-Gvern u l-Kummissjoni li matulu din tal-aħħar uriet id‑dubji li kellha dwar il-kompatibbiltà ta’ din ir-rata reġjonali ddifferenzjata mad‑Direttiva 2003/96.


8      Skont l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni, abbażi l-leġiżlazzjoni nazzjonali l-ġdida, hija applikata rata ta’ dazju tas-sisa waħda fuq iż-żjut minerali u d-dħul jinqasam bejn l-Istat (42 %) u l-komunitajiet awtonomi (58 %).


9      Sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Autoservizi Giordano (C‑513/18, EU:C:2020:59, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata), u l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża RWE Power (C‑571/21, EU:C:2022:780, punt 25).


10      Ara, f’dan is-sens, il-premessa 4 tad-Direttiva 2003/96 u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Richard de la Tour fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Italja (Kontribuzzjoni għax-xiri ta’ fjuwils) (C‑63/19, EU:C:2020:596, punt 78).


11      Ara s-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Autoservizi Giordano (C‑513/18, EU:C:2020:59, punt 26).


12      Ara s-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Autoservizi Giordano (C‑513/18, EU:C:2020:59, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).


13      Ara s-sentenzi tat‑30 ta’ Jannar 2020, Autoservizi Giordano (C‑513/18, EU:C:2020:59, punt 26), u tal‑14 ta’ Jannar 2021, Il-Kummissjoni vs L-Italja (Kontribuzzjoni għax-xiri ta’ fjuwils) (C‑63/19, EU:C:2021:18, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).


14      Qari tad-diversi verżjonijiet lingwistiċi tad-Direttiva 2003/96 jidher jikkonferma li l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva fih lista eżawrjenti tal-każijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu joħolqu rati ta’ tassazzjoni ddifferenzjati għall-istess prodott. F’dan ir‑rigward, għandu jiġi nnotat, li ma jidhirx li hemm differenzi sinjifikattivi fid-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ din id-dispożizzjoni f’dak li jirrigwarda l-użu tat-termini “fil-każijiet li ġejjin” li ġew tradotti bħala “in the following cases” fil‑verżjoni fil-lingwa Ingliża, “in den folgenden Fällen” fil‑verżjoni fil-lingwa Ġermaniża, “nei seguenti casi” fil‑verżjoni fil-lingwa Taljana, jew inkella “στις ακόλουθες περιπτώσεις” fil-verżjoni fil-lingwa Griega.


15      Enfasi miżjuda minni.


16      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑2 ta’ Ġunju 2016, ROZ-ŚWIT (C‑418/14, EU:C:2016:400, punt 29), u tas‑16 ta’ Novembru 2023, Tüke Busz (C‑391/22, EU:C:2023:892, punt 47). Minkejja li, fil-punt 22 tas-sentenza tagħha tat‑22 ta’ Diċembru 2022, Shell Deutschland Oil (C‑553/21, EU:C:2022:1030), il-Qorti tal‑Ġustizzja użat l-espressjoni “f’ċerti każijiet elenkati f’dan l-artikolu” mingħajr l‑użu tet-terminu “b’mod limitattiv”, dan l-aħħar terminu ġie riprodott fil-punt 47 tas-sentenza reċenti tagħha tas-16 ta’ Novembru 2023, Tüke Busz (C‑391/22, EU:C:2023:892). Enfasi miżjuda minni.


17      Ara, f’dan is-sens, il-kawżi li wasslu għas-sentenzi tal‑25 ta’ Ottubru 2012, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑164/11, mhux ippubblikata, EU:C:2012:665), u tal‑14 ta’ Jannar 2021, Il-Kummissjoni vs L-Italja (Kontribuzzjoni għax-xiri ta’ fjuwils) (C‑63/19, EU:C:2021:18).


18      Madankollu, mill-konstatazzjonijiet magħmula mill-Avukat Ġenerali Richard de la Tour, fil-punt 80 tal-konklużjonijiet tiegħu f’dik il-kawża, jirriżulta li “l-partijiet [qablu] bejniethom [inkluż ir-Renju ta’ Spanja li intervjena insostenn tar-Repubblika Taljana] li d-Direttiva 2003/96 timponi l-osservanza ta’ livell ta’ tassazzjoni minimu u uniku għal kull prodott u għal kull użu fit-territorju kollu tal-istess Stat Membru [...]”.


19      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2023, Tüke Busz (C‑391/22, EU:C:2023:892, punti 46 u 47).


20      Ara, f’dan is-sens, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/38/UE tat‑18 ta’ Jannar 2011, li tawtorizza lil Franza biex tapplika livelli differenti ta’ tassazzjoni fuq fjuwils tal-magni skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE (ĠU 2013, L. 19, p. 15), id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/193/UE tat‑22 ta’ April 2013, li tawtorizza lir-Repubblika Franċiża li tapplika livelli differenzjati ta’ tassazzjoni għall-petrol u għaż-żejt tal-gass li jintużaw bħala fjuwils tal-magni skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE (ĠU 2013, L 113, p. 15), id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2016/358/UE tat‑8 ta’ Marzu 2016, li tawtorizza lir‑Repubblika Franċiża li tapplika livelli mnaqqsa ta’ tassazzjoni għall-petrol u ż‑żejt tal-gass li jintużaw bħala karburanti tal-magni skont l-Artikolu 19 tad‑Direttiva 2003/96/KE (ĠU 2016, L 67, p. 35).


21      Il-Gvern Spanjol isostni li s-sistema implimentata, li hija bbażata fuq il-prinċipji ta’ awtonomija u ta’ ko-responsabbiltà fiskali, tagħti lill-Komunitajiet Awtonomi s‑setgħa li jiddeċiedu l-livell ta’ ċerti forom ta’ tassazzjoni, u li r-rata reġjonali tal‑IEH tiffinanzja l-kompetenzi tal-Komunitajiet Awtonomi, li jinkludu l-ġestjoni tas-servizzi pubbliċi essenzjali tas-saħħa, tal-edukazzjoni u tas-servizzi soċjali.


22      Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Remondis (C‑51/15, EU:C:2016:985, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).


23      Sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2009, Horvath (C‑428/07, EU:C:2009:458, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).


24      Ara, f’dan is-sens, il-punti 43 sa 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


25      F’dan ir-rigward il-Gvern Spanjol jirreferi għall-premessi 9 u 10 tad‑Direttiva 2003/96 u għall-Artikolu 4 tagħha.


26      Digriet tas‑7 ta’ Frar 2022, Vapo Atlantic (C‑460/21, EU:C:2022:83, punti 21 u 22).


27      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2023, Endesa Generación (C‑833/21, EU:C:2023:516, punt 46), u l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża f6 Cigarettenfabrik (C‑336/22, EU:C:2023:718, punti 49 sa 51).


28      Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, Hauptzollamt B (Tnaqqis tat-taxxa fakultattiv) (C‑100/20, EU:C:2021:716, punti 31 sa 34).


29      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, Hauptzollamt B (Tnaqqis tat-taxxa fakultattiv) (C‑100/20, EU:C:2021:716, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Hauptzollamt B (Tnaqqis tat-taxxa fakultattiv) (C‑100/20, EU:C:2021:387, punti 73 u 74).


30      Sentenzi tat‑30 ta’ Jannar 2020, Autoservizi Giordano (C‑513/18, EU:C:2020:59, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tad‑9 ta’ Settembru 2021, Hauptzollamt B (Tnaqqis tat-taxxa fakultattiv) (C‑100/20, EU:C:2021:716, punti 32 sa 34).