Language of document : ECLI:EU:F:2009:39

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(L-Ewwel Awla)

28 ta’ April 2009

Kawżi magħquda F-5/05 u F-7/05

Antonello Violetti et

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Investigazzjoni interna tal-OLAF – Deċiżjoni li tintbagħat informazzjoni mill-OLAF lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali – Att li jikkawża preġudizzju – Ammissibbiltà – Drittijiet tad-difiża”

Suġġett:      Rikorsi, ippreżentati skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEFA, li bihom A. Violetti u tnax-il uffiċjal ieħor tal-Kummissjoni, kif ukoll N. Schmit jitolbu, essenzjalment, l-ewwel nett, l‑annullament tad-deċiżjoni li permezz tagħha l-Uffiċċju Ewropew ta’ kontra l-Frodi (OLAF) iddeċieda li jibda investigazzjoni interna, tal-atti ta’ investigazzjonijiet magħmula fil-kuntest ta’ din l-investigazzjoni interna, tad-deċiżjoni tal-OLAF li jibgħat lill-awtoritajiet ġudizzjarji Taljani informazzjoni li tikkonċernahom, tar-rapport magħmul fi tmiem l‑investigazzjoni, u t-tieni nett, li l-Kummissjoni Ewropea tiġi kkundannata tħallashom id-danni.

Deċiżjoni:  Id-deċiżjoni tal-5 ta’ Awwissu 2003 li permezz tagħha l-OLAF bagħat lill-awtoritajiet ġudizzjarji Taljani informazzjoni dwar ir-rikorrenti hija annullata. Il-Kummissjoni hija kkundannata tħallas lil kull wieħed mir-rikorrenti s-somma ta’ EUR 3 000. Il-kumplament tat-talbiet taż-żewġ rikorsi huwa miċħud. Il-Kummissjoni hija kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha u l-ispejjeż tar-rikorrenti. Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, intervenjenti insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Rikors – Att li jikkawża preġudizzju – Deċiżjoni tal-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) li jittrażmetti informazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali – Inklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 43 u 90a; Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 102(1); Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1073/1999, Artikolu 10(2); Regolament tal-Kunsill Nru 723/2004; Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/396, Artikolu 4)

2.      Uffiċjali – Rikors – Att li jikkawża preġudizzju – Kunċett – Att preparatorju – Deċiżjoni tal-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) li jittrażmetti informazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali – Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90, 90a u 91; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1073/1999, Artikolu 10(2))

3.      Dritt Komunitarju – Prinċipji – Drittijiet fundamentali

(Artikoli 230 KE u 236 KE)

4.      Uffiċċju Ewropew ta’ kontra l-Frodi (OLAF) – Regolament Nru 1073/1999 dwar investigazzjonijiet magħmula mill-OLAF – Regoli dettaljati dwar l-investigazzjonijiet interni adottati mill-istituzzjonijiet Komunitarji – Sistema adottata mill-Kummissjoni

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1073/1999, Artikolu 10(2); Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/396, Artikolu 4)

5.      Uffiċjali – Rikors – Rikors kontra l-Uffiċċju Ewropew ta’ kontra l-Frodi (OLAF) – Ammissibbiltà ta’ rikors għad-danni, ippreżentat fl-assenza ta’ proċedura prekontenzjuża skont ir-Regolamenti tal-Persunal, bħala aċċessorju ta’ rikors għal annullament

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90(1) u 90a)

6.      Uffiċjali – Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-istituzzjonijiet – Kundizzjonijiet – Illegalità – Dannu – Rabta kawżali – Deċiżjoni illegali tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) li jibgħat informazzjoni lill-awotritajiet nazzjonali, li twassal għall-ftuħ ta’ investigazzjoni kriminali – Nuqqas ta’ rabta kawżali bejn id-deċiżjoni li tintbagħat u d-dannu li jirriżulta mill-ftuħ tal-imsemmija investigazzjoni

(Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/396, Artikolu 4)

1.       Fid-dawl tal-konsegwenzi li huma jistgħu jikkawżaw, id-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju Ewropew ta’ kontra l-Frodi (OLAF) li jibgħat informazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1073/1999, dwar investigazzjonijiet immexxija mill-OLAF, jikkostitwixxu att li jikkawża preġudizzju fis-sens tal-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jirrikonoxxi li kull persuna koperta mir-Regolamenti tal-Persunal għandha d-dritt li tagħmel ilment kontra att tal-OLAF li jikkawża preġudizzju.

Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 90a tar‑Regolamenti tal-Persunal, adottati fl-2004 sabiex jiżguraw il-protezzjoni ġudizzjarja tal-persuni koperti mir-Regolamenti tal‑Persunal, jikkostitwixxu l-korollarju tas-setgħat ġodda fdati mil-leġiżlatur lill-OLAF fl-adozzjoni tar-Regolament Nru 723/2004 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej kemm jekk fil-qasam tal‑ġlieda kontra l-frodi jew fil-qasam dixxiplinari. Għaldaqstant l‑Artikolu 90a jirrifletti l-interess tal-leġiżlatur li flimkien mat-tisħiħ tar-rwol tal-OLAF jipprovdi garanziji ġudizzjarji xierqa. Fil-preżenza ta’ awtorizzazzjoni tant espliċita u reċenti fir-Regolamenti tal-Persunal, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, fil-qasam speċjalizzat tiegħu, ma jistax jinjora r-responsabbiltajiet fdati lilu mil-leġiżlatur.

Barra min hekk, uffiċjal ma jibbenefikax mill-garanzija ta’ protezzjoni ġudizzjarja jekk, qabel ma jkun issejjaħ quddiem il-qorti kriminali nazzjonali permezz tad-deċiżjoni adottata skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 10(2) tar Regolament Nru 1073/1999, il-qorti Komunitarja ma tkunx f’pożizzjoni li tivverifika li jkun ġie preċedentement mismugħ jew jekk id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396, dwar it-termini u l-kundizzjonijiet għall-investigazzjonijiet interni rigward il-prevenzjoni ta’ frodi, korruzzjoni u kull xorta ta’ attività illegali li hija ta’ ħsara lejn l-interess tal-Komunita, li jipprovdu li dan l-obbligu jista’ jiġi differit, ikunux ġew fil-fatt osservati mill-OLAF. Tali stħarriġ mill-qorti Komunitarja fuq id-deċiżjoni huwa iktar u iktar importanti f’dan l-istadju tal-proċedura għaliex l-OLAF għandu l-possibbiltà, jekk is-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni jawtorizzah, jiddifferixxi l-obbligu li jiġbor l-osservazzjonijiet tal-partijiet interessati, eventwalment fuq perijodu twil. Barra minn hekk, jekk ma tkun ingħatat l-ebda awtorizzazzjoni lill-OLAF u lanqas ma ntalbet minn dan tal-aħħar, bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi Artikolu 4, mingħajr ma l-qorti Komunitarja tkun tista’ tikkonstata din l-illegalità, l-uffiċjal ikun suġġett illegalment, mingħajr ma jkun jaf, għal proċeduri li jimplikawh direttament għal diversi xhur.

Barra minn hekk, deċiżjoni adottata skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1073/1999 jista’ jkollha konsegwenzi sinjifikattivi fuq l-iżvilupp tal-karriera tal-persuni kkonċernati. Fil‑fatt, meta l-OLAF iqis li l‑atti mwettqa minn membru tal-persunal jistgħu jkunu s-suġġett ta’ proċeduri kriminali u, għal din ir-raġuni, jibgħat informazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali, dan il-fatt huwa tali li jaffettwa l-evalwazzjoni li l-amministrazzjoni tkun trid tagħmel fuq dan il-membru tal-persunal bħala parti mill-proċedura ta’ evalwazzjoni prevista mill-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal, b’mod partikolari l-kondotta tiegħu fis‑servizz.

Ir-rikonoxximent tad-dritt ta’ rikors jippermetti wkoll lill-uffiċjal ikkonċernat, jekk kien jaf bil-konklużjonijiet tal-investigazzjoni, li jikseb, jekk ikun il-każ, u jekk jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ urġenza u ta’ preġudizzju meħtieġa għal dan il-għan, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-imsemmija deċiżjoni li tintbagħat.

Fl-aħħar nett, l-istħarriġ effettiv tal-legalità ta’ att bħalma huwa d-deċiżjoni adottata skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 10(2) tar‑Regolament Nru 1073/1999 huwa tali li jikkontribwixxi għall-osservanza sħiħa mill-OLAF tal-legalità tal-investigazzjonijiet u tad-drittijiet fundamentali tal-persuni li għalihom huma jirreferu, b’mod konformi ma’ dak li huwa mixtieq mil‑leġiżlatur. Jekk it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jeżerċitax dan l-istħarriġ tal-legalità, meta huwa biss jista’ jagħmel dan fi żmien utli fir-rigward ta’ deċiżjoni li tikkonċerna persuna koperta mir-Regolamenti tal-Persunal, l‑eventwali ksur tad‑dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1073/1999 intiżi għall-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża ma jistax jiġi kkritikat. Fil-fatt, l-informazzjoni li tkun intbagħtet lill-qorti nazzjonali mill-OLAF tibqa’ quddiem il-qorti nazzjonali, filwaqt li l-kritika ta’ tali illegalità mill-qorti Komunitarja minħabba ksur tad-drittijiet tad-difiża timplika li l-qorti nazzjonali ma tistax tibbaża ruħha fuq din l‑informazzjoni.

(ara l-punti 71, 72, 74, 75, 77 sa 79, 81, 82 u 88)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 8 ta’ April 2003, Gómez-Reino vs Il‑Kummissjoni, C‑471/02 P(R), Ġabra p. I‑3207, punt 64

2.      Fir-rigward ta’ atti jew deċiżjonijiet li t-tfassil tagħhom isir f’diversi stadji, b’mod partikolari wara proċedura interna, fil-prinċipju huma biss il-miżuri li jistabbilixxu b’mod definittiv il‑pożizzjoni tal‑istituzzjoni fi tmiem din il-proċedura li jikkostitwixxu atti li jistgħu jiġu kkontestati, u b’hekk huma esklużi miżuri intermedjarji li huma intiżi għall-preparazzjoni tad‑deċiżjoni finali. L-atti preparatorji għal deċiżjoni ma jikkawżawx preġudizzju u huwa biss meta jsir rikors kontra d-deċiżjoni adottata fi tmiem il-proċedura li r-rikorrent jista’ jinvoka l-irregolarità tal-atti preċedenti li huma marbuta mill-qrib miegħu.

Dan ma huwiex il-każ fir-rigward ta’ deċiżjoni adottata skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 10(2) tar‑Regolament Nru 1073/1999 dwar investigazzjonijiet li jsiru mill-Uffiċċju Ewropew ta’ kontra l-Frodi (OLAF), li tikkostitwixxi l-att li permezz tagħha d-direttur tal-OLAF, li għandu responsabbiltà speċjali u esklużiva għal dan il-għan fi ħdan il-Komunitajiet, jiddeċiedi fuq l‑eżistenza ta’ fatti li jistgħu jiġu kklassifikati bħala kriminali u jiddeċiedi li jadixxi l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali, sabiex dawn il-fatti jirċievu t-trattament kriminali xieraq.

Fil-fatt, meta jadotta deċiżjoni skont l‑ewwel sentenza tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1073/1999, id‑direttur tal-OLAF jieħu pożizzjoni, fid-dawl tar-riżultati provviżorji jew definittivi tal-investigazzjoni mmexxija mid-dipartimenti tiegħu, fuq l‑eżistenza ta’ fatti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ proċeduri kriminali u jikkunsidra li l-persuna jew il-persuni li għalihom isir riferiment fl-investigazzjoni jistgħu jissejħu fi proċeduri kriminali. Din id-deċiżjoni tiġi adottata minn korp Komunitarju indipendenti, taħt ir-responsabbiltà unika tiegħu, fil-kuntest ta’ proċedura speċjali distinta mill-proċedura ġudizzjarja nazzjonali. Hija ma tippreċedi l-adozzjoni tal-ebda att ieħor li jikkawża preġudizzju li jaqa’ fil‑kompetenza tad-direttur tal-OLAF u għalhekk tistabbilixxi l‑pożizzjoni tal-awtur tagħha.

(ara l-punti 86, 87 u 90)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 11 ta’ Frar 2003, Pflugradt vs BĊE, T‑83/02, ĠabraSP p. I‑A‑47 u II‑281, punt 34

3.      Fir-rigward ta’ terz fil-konfront tal-Komunitajiet, li l-karriera u l-pożizzjoni finanzjarja tiegħu ma jiddependux direttament mill-miżuri adottati mill-awtoritajiet Komunitarji, il-qorti Komunitarja ma għandhiex awtorità partikolari li jawtorizzaha tiggarantixxi, minflok il‑qrati nazzjonali, ir‑rispett tad-drittijiet fundamentali u tar-rekwiżiti ta’ smigħ xieraq.

(ara l-punt 94)

4.      Mid‑dispożizzjonijiet iċċitati hawn fuq tal‑ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396 dwar it-termini u l-kundizzjonijiet għall-investigazzjonijiet interni rigward il-prevenzjoni ta’ frodi jirriżulta li, meta d-direttur tal-OLAF ikun beħsiebu jieħu deċiżjoni skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1073/1999, dwar investigazzjonijiet immexxija mill-OLAF, huwa għandu l-obbligu, fil-każ li l‑informazzjoni tinkludi konklużjonijiet li jirreferu bl-isem għal membru, uffiċjal jew membru tal-persunal tal-Kummissjoni, li jippermetti lil dan tal-aħħar, qabel ma tintbagħat l-informazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali, jesprimi ruħu dwar il-fatti kollha li jikkonċernawh.

Ċertament it-tieni paragrafu tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396 jipprevedi eċċezzjoni fir-rigward tal-każijiet li jeħtieġu li tinżamm is‑segretezza assoluta għall-finijiet tal-investigazzjonijiet u li jeħtieġu l-użu ta’ mezzi ta’ investigazzjoni li jaqgħu fil-kompetenza ta’ awtorità ġudizzjarja nazzjonali. F’tali każijiet, l-obbligu li l-uffiċjal jiġi mistieden jagħti fehmtu jista’ jiġi differit bil-kunsens tas‑Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni. Dan l-obbligu, li jintalab u jinkiseb il-kunsens tas‑Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni, ma huwiex sempliċi formalità li tista’, skont il-każ, tiġi sodisfatta fi stadju ulterjuri. Fil-fatt, ir-rekwiżit li jinkiseb dan il-kunsens jitlef l-iskop tiegħu, jiġifieri dak li jiggarantixxi li d‑drittijiet tad-difiża tal-uffiċjali kkonċernati jiġu rrispettati, meta l-att li huma jiġu informati jiġi ddifferit biss f’każijiet verament eċċezzjonali u li l‑evalwazzjoni ta’ din in‑natura eċċezzjonali ma tkunx irriżervata biss għall-OLAF iżda teħtieġ ukoll l-evalwazzjoni tas‑Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni.

Barra minn hekk, anki jekk it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396 ma hijiex applikabbli għal deċiżjoni adottata skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 10(2) tar‑Regolament Nru 1073/1999, meta l-informazzjoni tintbagħat lil awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali waqt li qed issir l‑investigazzjoni, l‑OLAF xorta huwa marbut, fil-prinċipju, li, skont il-prinċipju fundamentali tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, jistieden lill-uffiċjali, qabel ma tintbagħat l-informazzjoni, jippreżentaw l-osservazzjonijiet utli kollha dwar il-fatti li jikkonċernawhom.

(ara l-punti 105, 108, 110 u 113)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 8 ta’ Lulju 2008, Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni, T‑48/05, Ġabra p. II‑1595, punti 133, 145 u 151

5.      Fis-sistema ta’ rimedji ġudizzjarji stabbilita mill-Artikolu 90a tar-Regolamenti tal‑Persunal, rikors għad-danni għall-kumpens ta’ danni imputabbli lill‑Uffiċċju Ewropew ta’ kontra l-Frodi (OLAF) huwa ammissibbli biss jekk ikun ġie ppreċedut minn proċedura prekontenzjuża li hija konformi mad-dispożizzjonijiet regolamentari. Din il-proċedura tvarja skont jekk id‑dannu li għalih jintalab il-kumpens jirriżultax minn att li jikkawża preġudizzju, fis-sens tal-Artikolu 90a tar-Regolamenti tal-Persunal, jew minn aġir tal-OLAF li ma huwiex ta’ natura deċiżjonali. Fl-ewwel każ, hija l-persuna interessata li għandha tressaq, quddiem id-direttur tal-OLAF, ilment kontra l-att inkwistjoni. Fit-tieni każ, min-naħa l-oħra, il-proċedura amministrattiva għandha tibda billi ssir talba skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal sabiex jinkiseb il-kumpens u għandha tkun segwita, jekk ikun il-każ, b’ilment dirett kontra d-deċiżjoni li tiċħad it‑talba. Madankollu, meta jkun hemm rabta diretta bejn ir-rikors għal annullament u azzjoni għad-danni, din tal-aħħar hija ammissibbli inkwantu aċċessorja fir-rigward tar-rikors għal annullament, mingħajr il-bżonn li tiġi ppreċeduta minn talba lill‑amministrazzjoni għall-kumpens tad‑danni allegatament sostnuti u minn ilment li jikkontesta l‑fondatezza taċ-ċaħda impliċita jew espliċita tat-talba.

(ara l-punt 120)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 28 ta’ Ġunju 1996, Y vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑500/93, ĠabraSP p. I‑A‑335 u II‑977, punti 64 u 66

6.      Ir-responsabbiltà tal-Komunità tippreżupponi li jiġu sodisfatti tliet kundizzjonijiet, rigward l-illegalità tal-aġir li jiġu akkużati biha l-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-danni u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat. Sabiex tali rabta tiġi ammessa, fil-prinċipju għandha titressaq prova ta’ rabta diretta u ċerta ta’ kawża u effett bejn l-iżball imwettaq mill-istituzzjoni kkonċernata u d-dannu invokat.

Fir-rigward tad-dannu morali li jkun sofra uffiċjal minħabba deċiżjoni tal-Uffiċċju Ewropew ta’ kontra l-Frodi (OLAF) li tintbagħat informazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali, bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu  4 tad-Deċiżjoni 1999/396, dwar it-termini u l-kondizzjonijiet għall-investigazzjonijiet interni rigward il-prevenzjoni ta’ frodi, korruzzjoni u kull xorta ta’ attività illegali li hija ta’ ħsara lejn l-interess tal-Komunità, u tal-bidu ta’ investigazzjonli kriminali mill-imsemmija awtoritajiet, huwa biss l-aġir tal-imsemmija awtoritajiet, li ddeċidew li jibdew proċeduri kriminali u mbagħad li jwettqu atti ta’ investigazzjoni, li huwa l-oriġini diretta tad-dannu morali. Fil-fatt, għalkemm l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali huma obbligati, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, jeżaminaw b’attenzjoni l-informazzjoni mibgħuta mill-OLAF u jaslu għall-konklużjonijiet xierqa sabiex jiġi żgurata l-osservanza tad-dritt Komunitarju, l-imsemmija awtoritajiet jibqgħu ħielsa, fl-ambitu tas-setgħat tagħhom, li jevalwaw il-kontenut u l-importanza tal-imsemmija informazzjoni u, għaldaqstant, jieħdu l-azzjoni li għandha, skont il-każ, tittieħed.

(ara l-punti 124 sa 126)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 16 ta’ Diċembru 1987, Delauche vs Il-Kummissjoni, 111/86, Ġabra p. 5345, punt 30;

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 17 ta’ Ottubru 2002, Cocchi u Hainz vs Il-Kummissjoni, T‑330/00 u T‑114/01, ĠabraSP p. I‑A‑193 u II‑987, punt 97; 5 ta’ Ottubru 2004, Sanders et vs Il-Kummissjoni, T‑45/01, Ġabra p. II‑3315, punt 149; 5 ta’ Ottubru 2004, Eagle et vs Il-Kummissjoni, T‑144/02, Ġabra p. II‑3381, punt 148; 4 ta’ Ottubru 2006, Tillack vs Il-Kummissjoni, T‑193/04, Ġabra p. II‑3995, punt 122; 12 ta’ Settembru 2007, Combescot vs Il-Kummissjoni, T‑250/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑0000 u II‑A‑2‑0000, punt 95