Language of document :

Appell ippreżentat fit-30 ta’ Mejju 2023 mill-Association Trinationale de Protection Nucléaire (ATPN) mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fit-30 ta’ Marzu 2023 fil-Kawża T-567/22, ATPN vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-340/23 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: Association Trinationale de Protection Nucléaire (ATPN) (rappreżentant: C. Lepage, avocate)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara l-appell ammissibbli u fondat;

tannulla d-digriet tat-30 ta’ Marzu 2023 mogħti mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza T-567/22, fl-intier tagħha;

tilqa’ t-talbiet kollha magħmula quddiem il-Qorti Ġenerali u konsegwentement, taqta’ l-kawża fil-mertu,

tannulla r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/1214 tad-9 ta’ Marzu 2022 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2021/2139 sa fejn jikkonċerna l-attivitajiet ekonomiċi eżerċitati f’ċerti setturi tal-enerġija u r-Regolament Delegat (UE) 2021/2178 sa fejn jikkonċerna l-informazzjoni li għandha tiġi ppubblikata speċifikatament għal dawn l-attivitajiet ekonomiċi;

u fi kwalunkwe każ,

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell, l-appellanti tinvoka:

żewġ motivi intiżi għall-annullament tad-digriet:

Il-Qorti Ġenerali vvizzjat id-digriet tagħha bi żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 16 sa 27 tad-digriet appellat, li ma kellhiex locus standi f’isimha proprja, abbażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE;

Il-Qorti Ġenerali vvizzjat id-digriet tagħha bi żball ta’ liġi u bi żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ddeċidiet, fil-punti 28 sa 42 tad-digriet appellat, li ma kellhiex locus standi f’isem il-membri tagħha, abbażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

ħames aggravji intiżi għall-annullament tar-regolament:

Il-proċedura hija irregolari sa fejn tmur kontra d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2020/852 tat-18 ta’ Ġunju 2020;

Ir-regoli ta’ tassonomija ġew miksura;

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 2020/852 tat-18 ta’ Ġunju 2020 ġew miksura u l-għanijiet ma humiex ambizzjużi biżżejjed;

Il-kriterji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ġew miksura u b’mod iktar preċiż il-prinċipju ta’ prekawzjoni msemmija fl-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 2020/852;

Teżisti inkompatibbiltà bejn l-investimenti fin-nukleari u l-investimenti ħodor fir-rigward tal-informazzjoni finanzjarja.

____________