Language of document : ECLI:EU:C:2018:1023

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

19 ta’ Diċembru 2018 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu – Akkwist ta’ parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti f’istituzzjoni ta’ kreditu – Proċedura rregolata kemm mid-Direttiva 2013/36/UE kif ukoll mir-Regolamenti (UE) Nri 1024/2013 u 468/2014 – Proċedura amministrattiva komposta – Setgħa deċiżjonali esklużiva tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) – Rikors ippreżentat kontra atti preparatorji adottati mill-awtorità nazzjonali kompetenti – Allegazzjoni ta’ ksur tal-awtorità ta’ res judicata marbuta ma’ deċiżjoni nazzjonali”

Fil-Kawża C‑219/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Frar 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑25 ta’ April 2017, fil-proċedura

Silvio Berlusconi,

Finanziaria d’investimento Fininvest SpA (Fininvest)

vs

Banca d’Italia,

Istituto per la Vigilanza Sulle Assicurazioni (IVASS),

fil-preżenza ta’:

Ministero dell’Economia e delle Finanze,

Banca Mediolanum SpA,

Holding Italiana Quarta SpA,

Fin. Prog. Italia di E. Doris & C. s.a.p.a.,

Sirefid SpA,

Ennio Doris,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, J.‑C. Bonichot (Relatur), A. Prechal, M. Vilaras, E. Regan, T. Von Danwitz, K. Jürimäe u C. Lycourgos, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, E. Juhász, J. Malenovský, E. Levits u L. Bay Larsen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑18 ta’ April 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal S. Berlusconi u Finanziaria d’investimento Fininvest SpA (Fininvest), minn A. Di Porto, R. Vaccarella, A. Saccucci, M. Carpinelli, B. Nascimbene, R. Baratta u N. Ghedini, avvocati,

–        għall-Banca d’Italia, minn M. Perassi, G. Crapanzano, M. Mancini u O. Capolino, avvocati,

–        għall-Gvern Spanjol, minn M. A. Sampol Pucurull, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn V. Di Bucci, H. Krämer, K.‑P. Wojcik u A. Steiblytė, bħala aġenti,

–        għall-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), minn G. Buono, C. Hernández Saseta u C. Zilioli, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑27 ta’ Ġunju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 256(1) u tal-ewwel, tat-tieni u tal-ħames paragrafi tal-Artikolu 263 TFUE.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Silvio Berlusconi u Finanziaria d’investimento Fininvest SpA (Fininvest), minn naħa, u l-Banca d’Italia (il-Bank tal-Italja) u l-Istituto per la Vigilanza sulle Assicurazioni (IVASS) (l-Istitut għas-Superviżjoni fl-Assigurazzjoni (IVASS), l-Italja), min-naħa l-oħra, dwar l-istħarriġ tal-akkwist ta’ parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti f’istituzzjoni ta’ kreditu.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva CRD IV

3        Skont l-Artikolu 22, intitolat “Notifika u valutazzjoni ta’ akkwiżizzjonijiet [akkwisti] proposti”, tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU 2013, L 176, p. 338, l-hekk imsejħa “Direttiva dwar ir-Rekwiżiti Kapitali”, iktar ’il quddiem id-“Direttiva CRD IV”):

“1.      L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li kull persuna fiżika jew ġuridika jew tali persuni li jaġixxu b’mod konġunt (l-‘akkwirent propost’), li ħadu deċiżjoni jew li jixtru, b’mod dirett jew indirett, parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti f’istituzzjoni ta’ kreditu jew li jkomplu jżidu, b’mod dirett jew indirett, tali parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti f’istituzzjoni ta’ kreditu li, bħala riżultat tagħha, il-proporzjon tad-drittijiet tal-vot jew tal-kapital miżmum jilħaq jew jaqbeż l‑20 %, it‑30 % jew il‑50 % jew b’mod li l-istituzzjoni ta’ kreditu ssir sussidjarja tagħha (l-‘akkwist propost’), l-ewwel jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-istituzzjoni ta’ kreditu li fiha jkunu qegħdin jippruvaw jakkwistaw jew iżidu l-parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti bil-miktub qabel l-akkwist, filwaqt li jindikaw id-daqs tal-parteċipazzjoni azzjonarja maħsuba u l-informazzjoni rilevanti, kif speċifikata skont l-Artikolu 23(4). […]

2.      L-awtoritajiet kompetenti għandhom jirrikonoxxu l-wasla ta’ notifika skont punt 1 jew ta’ informazzjoni skont punt 3 minnufih u fi kwalunkwe każ fi żmien jumejn ta’ ħidma wara l-wasla bil-miktub lill-akkwirenti propost.

L-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom mhux aktar minn 60 jum ta’ ħidma mid-data tal-konferma tal-wasla bil-miktub tan-notifika u d-dokumenti kollha meħtieġa mill-Istat Membru li għandhom jinhemżu man-notifika fuq il-bażi tal-lista msemmija fl-Artikolu 23(4) (l-‘perijodu ta’ valutazzjoni’), sabiex iwettqu l-valutazzjoni prevista fl-Artikolu 23(1) (l-‘valutazzjoni’).

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinfurmaw lill-akkwirent propost dwar id-data tal-iskadenza tal-perijodu ta’ valutazzjoni fil-waqt tal-konferma tal-wasla.

3.      L-awtoritajiet kompetenti jistgħu, matul il-perijodu ta’ valutazzjoni, jekk meħtieġ, u mhux aktar tard minn nhar il‑50 jum ta’ ħidma tal-perijodu ta’ valutazzjoni, jitolbu informazzjoni ulterjuri li tkun meħtieġa biex tiġi kkompletata l-valutazzjoni. Din it-talba għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika l-informazzjoni addizzjonali meħtieġa.

Għall-perijodu bejn id-data tat-talba għall-informazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti u meta tasal it-tweġiba għaliha mill-akkwirent propost, il-perijodu ta’ valutazzjoni għandu jiġi sospiż. Is-sospensjoni m’għandhiex teċċedi 20 jum ta’ ħidma. Kwalunkwe talba ulterjuri mill-awtoritajiet kompetenti għall-ikkompletar jew il-kjarifika tal-informazzjoni għandha tkun fid-diskrezzjoni tagħha iżda ma għandhiex tirriżulta f’sospensjoni tal-perijodu ta’ valutazzjoni.

4.      L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jestendu s-sospensjoni msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3 sa 30 jum ta’ ħidma jekk l-akkwirent propost ikun jinsab jew irregolat f’pajjiż terz jew huwa persuna fiżika jew ġuridika mhux soġġetta għas-superviżjoni skont din id-Direttiva jew skont id-Direttivi 2009/65/KE, 2009/138/KE jew 2004/39/KE.

5.      Jekk l-awtoritajiet kompetenti jiddeċiedu li jopponu l-akkwist propost, huma għandhom, fi żmien jumejn ta’ ħidma wara li titlesta l-valutazzjoni, u filwaqt li ma jaqbżux il-perijodu ta’ valutazzjoni, jinfurmaw lill-akkwirent propost bil-miktub u jipprovdu r-raġunijiet. Bla preġudizzju għad-dritt nazzjonali, dikjarazzjoni xierqa tar-raġunijiet għad-deċiżjoni tista’ titpoġġa għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fuq talba tal-akkwirent propost. Dan m’għandux jimpedixxi lil Stat Membru milli jippermetti lill-awtorità kompetenti li tippubblika tali informazzjoni jekk ma ssirx talba mill-akkwirent propost.

6.      Jekk l-awtoritajiet kompetenti ma jopponux bil-miktub għall-akkwist propost fi żmien il-perijodu ta’ valutazzjoni bil-miktub, dan għandu jitqies bħala approvat.

7.      L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jistabbilixxu perijodu massimu għall-konklużjoni tal-akkwist propost u jestenduh fejn adatt.

8.      L-Istati Membri ma għandhomx jimponu rekwiżiti għan-notifika lill-awtoritajiet kompetenti, jew l-approvazzjoni tagħhom ta’ akkwisti diretti jew indiretti ta’ drittijiet ta’ vot jew kapital li jkunu aktar stetti minn dawk stabbiliti f’din id-Direttiva.

[…]”

4        L-Artikolu 23 tad-Direttiva CRD IV, intitolat “Kriterji ta’ valutazzjoni”, jistipula:

“1.      Fil-valutazzjoni tan-notifika prevista fl-Artikolu 22(1) u l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 22(3), l-awtoritajiet kompetenti għandhom, sabiex jiżguraw il-ġestjoni soda u prudenti tal-istituzzjoni ta’ kreditu li fiha jkun qiegħed jiġi propost l-akkwist, u filwaqt li titqies l-influwenza eventwali eżerċitata mill-akkwirent propost fuq dik l-istituzzjoni ta’ kreditu, jivvalutaw l-ideoneità tal-akkwirent propost u s-sodizza finanzjarja tal-akkwist propost skont il-kriterji li ġejjin:

(a)      ir-reputazzjoni tal-akkwirent propost;

(b)      ir-reputazzjoni, għarfien, ħiliet u l-esperjenza, kif imniżżel fl-Artikolu 91(1), ta’ kwalunkwe membru tal-korp ta’ ġestjoni u kwalunkwe membru tal-amministrazzjoni għolja li ser imexxi n-negozju tal-istituzzjoni ta’ kreditu bħala riżultat tal-akkwist propost;

(c)      is-sodizza finanzjarja tal-akkwirent propost, b’mod partikolari fir-rigward tat-tip ta’ negozju li jsir u li jkun previst fl-istituzzjoni ta’ kreditu li fiha jkun qiegħed jiġi propost l-akkwist;

[…]

2.      L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jopponu l-akkwist propost biss jekk ikun hemm motivazzjonijiet raġonevoli għal dan abbażi tal-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 1 jew jekk l-informazzjoni pprovduta mill-akkwirent propost ma tkunx kompluta.

[…]”

5        L-Artikolu 119 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Inklużjoni ta’ kumpanniji azzjonarji f’superviżjoni konsolidata”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jadottaw kwalunkwe miżura meħtieġa, fejn xieraq, biex jinkludu kumpanniji azzjonarji finanzjarji u kumpanniji azzjonarji finanzjarji mħallta f’superviżjoni kkonsolidata.”

 Ir-Regolament MSU

6        Skont il-premessa 11 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal‑15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2013, L 287, p. 63, l-hekk imsejjaħ “Regolament dwar il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku” jew MSU, iktar ’il quddiem ir-“Regolament MSU”):

“Unjoni bankarja għandha […] tiġi stabbilita fl-Unjoni, sostnuta b’ġabra unika ta’ regoli komprensiva u dettaljata għas-servizzi finanzjarji għas-suq intern kollu u magħmula minn mekkaniżmu superviżorju uniku, u oqfsa ġodda ta’ assigurazzjoni tad-depożiti u ta’ riżoluzzjoni.

[…]”

7        L-Artikolu 1 tal-imsemmi regolament, intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, jistipula:

“Dan ir-Regolament jikkonferixxi lill-[Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)] kompiti speċifiċi fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, bil-għan li jikkontribwixxu għas-sikurezza u s-solidità tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja fl-Unjoni u kull Stat Membru, b’rigward sħiħ u bid-dover ta’ attenzjoni għall-unità u l-integrità tas-suq intern abbażi ta’ trattament ugwali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu bil-għan li jkun impedut arbitraġġ regolatorju.

[…]

Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet u s-setgħat relatati tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri parteċipanti biex iwettqu kompiti superviżorji li mhumiex ikkonferiti lill-BĊE b’dan ir-Regolament.

[…]”

8        L-Artikolu 4 tal-istess regolament huwa fformulat kif ġej:

“1.      Fil-qafas tal-Artikolu 6, il-BĊE għandu, skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, ikun esklussivament kompetenti biex iwettaq, għal finijiet superviżorji prudenzjali, il-kompiti li ġejjin b’rabta mal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha stabbiliti fl-Istati Membri parteċipanti:

[…]

(c)      jivvaluta n-notifiki ta’ akkwist u d-disponiment ta’ holdings kwalifikanti f’istituzzjonijiet ta’ kreditu, ħlief fil-każ ta’ riżoluzzjoni bankarja, u soġġett għal-Artikolu 15;

[…]

3.      Għall-fini tat-twettiq tal-kompiti kkonferiti lilu b’dan ir-Regolament, u bl-objettiv li jiġu żgurati standards għoljin ta’ superviżjoni, il-BĊE għandu japplika l-liġi rilevanti kollha tal-Unjoni, u fejn din il-liġi tal-Unjoni hija magħmula minn Direttivi, il-leġislazjzoni nazzjonali li tittrasponi dawk id-Direttivi. Fejn il-liġi rilevanti tal-Unjoni tkun magħmula minn Regolamenti u fejn attwalment dawk ir-Regolamenti jagħtu opzjonijiet lill-Istati Membri, il-BĊE għandu japplika wkoll il-leġislazzjoni nazzjonali waqt li jeżerċita dawk l-opzjonijiet.

[…]”

9        L-Artikolu 6(1) tar-Regolament MSU jipprevedi li l-BĊE għandu jwettaq il-kompiti tiegħu fi ħdan mekkaniżmu superviżorju uniku li huwa magħmul minnu nnifsu u minn awtoritajiet nazzjonali kompetenti (iktar ’il quddiem l-“NCAs”) u li għandu jkun responsabbli għas-sorveljanza tal-funzjonament effettiv u konsistenti tiegħu. Skont il-paragrafu 2 tal-istess artikolu, kemm il-BĊE kif ukoll l-NCAs huma suġġetti għad-dmir ta’ kooperazzjoni leali u għall-obbligu li jiskambjaw informazzjoni. Bla ħsara għas-setgħa tal-BĊE li jirċievi direttament l-informazzjoni kkomunikata b’mod kontinwu mill-istituzzjoni ta’ kreditu, jew li jkollu aċċess dirett għaliha, l-NCAs għandhom b’mod partikolari jipprovdu lill-BĊE l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex ikun jista’ jwettaq il-kompiti mogħtija lilu minn dan ir-regolament.

10      L-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament, intitolat “Setgħat superviżorji u investigatorji”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Għall-fini esklussiv tat-twettiq tal-kompiti kkonferiti lilu bl-Artikoli 4(1), 4(2) u 5(2), il-BĊE għandu jitqies, kif adatt, bħala l-awtorità kompetenti jew l-awtorità nominata fl-Istati Membri parteċipanti kif stabbiliti mill-atti rilevanti tad-dritt tal-Unjoni.

Għall-istess fini esklussiv, il-BĊE għandu jkollu s-setgħat u l-obbligi kollha li jinsabu f’dan ir-Regolament. Huwa għandu jkollu wkoll is-setgħat u l-obbligi kollha li l-awtoritajiet kompetenti u nominata għandu jkollhom skont id-dritt rilevanti tal-Unjoni, sakemm ma jkunx previst mod ieħor b’dan ir-Regolament. B’mod partikolari, il-BĊE għandu jkollu s-setgħat elenkati fit-Taqsimiet 1 u 2 ta’ dan il-Kapitolu.

Sal-limitu neċessarju għat-twettiq tal-kompiti konferiti fuqu b’dan ir-Regolament, il-BĊE jista’, permezz ta’ struzzjonijiet, jesiġi li dawk l-awtoritajiet nazzjonali jagħmlu użu mis-setgħat tagħhom, taħt u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fid-dritt nazzjonali, fejn dan ir-Regolament ma jikkonferix tali setgħat fuq il-BĊE. Dawk l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jinformaw b’mod sħiħ lill-BĊE dwar l-eżerċizzju ta’ dawn is-setgħat.”

11      L-Artikolu 15 tal-istess regolament, intitolat “Valutazzjoni ta’ akkwiżizzjonijiet ta’ holdings kwalifikanti”, jistipula:

“1.      Mingħajr preġudizzju għall-eżenzjonijiet previsti fil-punt (c) tal-Artikolu 4(1), kwalunke notifika ta’ akkwist ta’ holding kwalifikanti f’istituzzjoni ta’ kreditu stabbilita fi Stat Membru parteċipanti jew kwalunke informazzjoni relatata għandha tiġi introdotta mal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tal-Istat Membru fejn l-istituzzjoni ta’ kreditu hija stabbilita f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-liġi nazzjonali rilevanti bbażata fuq l-atti msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3).

2.      L-[NCA] għandha tivvaluta l-akkwiżizzjoni proposta, u għandha tibgħat in-notifika u proposta għal deċiżjoni biex tiġi opposta jew ma tiġix opposta l-akkwiżizzjoni, ibbażata fuq il-kriterji stabbiliti fl-atti msemmijin fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3), lill-BĊE […] u għandha tgħin lill-BĊE f’konformità mal-Artikolu 6.

3.      Il-BĊE għandu jiddeċiedi jekk jopponix l-akkwiżizzjoni abbażi tal-kriterji ta’ valutazzjoni stabbiliti fid-dritt rilevanti tal-Unjoni u f’konformità mal-proċedura u fil-perijodi ta’ valutazzjoni stabbiliti fih.”

Ir-Regolament Qafas tal-MSU

12      Ir-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas‑16 ta’ April 2014, li jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ma’ awtoritajiet nazzjonali nominati (ir-“Regolament Qafas tal-MSU”) (ĠU 2014, L 141, p. 1), adottat konformement mal-Artikolu 4(3) tar-Regolament MSU, jistabbilixxi l-qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-mekkaniżmu superviżorju uniku bejn il-BĊE u l-NCAs.

13      L-Artikolu 85 tar-Regolament Qafas tal-MSU, intitolat “Notifika lill-NCA tal-akkwist ta’ parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti”, jistipula:

“1.      NCA li tirċievi notifika ta’ intenzjoni li tiġi akkwistata parteċipazzjoni kwalifikanti f’istituzzjoni ta’ kreditu stabbilita f’dak l-Istat Membru parteċipanti għandha tinnotifika lill-BĊE dwar dik in-notifika sa mhux aktar tard minn ħamest ijiem tax-xogħol wara l-konferma tal-irċevuta skont l-Artikolu 22(2) tad-Direttiva [CRD IV].

2.      L-NCA għandha tinnotifika lill-BĊE jekk trid tissospendi l-perijodu ta’ evalwazzjoni minħabba talba għal informazzjoni addizzjonali. L-NCA għandu jibgħat kwalunkwe informazzjoni addizzjonali bħal din lill-BĊE fi żmien 5 ijiem tax-xogħol wara li tkun irċevietha l-NCA.

3.      L-NCA għandha tinforma wkoll lill-BĊE bid-data sa meta d-deċiżjoni li topponi jew li ma topponix l-akkwist ta’ parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti għandha tiġi nnotifikata lill-applikant skont il-liġi nazzjonali relevanti.”

14      L-Artikolu 86 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Evalwazzjoni ta’ akkwisti potenzjali”, jistipula:

“1.      L-NCA li tirċievi notifika dwar l-intenzjoni li tiġi akkwistata parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti f’istituzzjoni ta’ kreditu għandha tevalwa jekk l-akkwist potenzjali jikkonformax mal-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fil-liġi relevanti tal-Unjoni u dik nazzjonali. Wara din l-evalwazzjoni, l-NCA għandha tħejji abbozz ta’ deċiżjoni għall-BĊE li topponi jew ma topponix l-akkwist.

2.      L-NCA għandha tissottometti l-abbozz tad-deċiżjoni li topponi jew ma topponix l-akkwist lill-BĊE ta’ mill-inqas 15‑il jum tax-xogħol qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ evalwazzjoni kif iddefinit permezz tal-liġi tal-Unjoni relevanti.”

15      L-Artikolu 87 tal-imsemmi regolament, intitolat “Deċiżjoni tal-BĊE dwar akkwist”, huwa fformulat kif ġej:

“Il-BĊE għandu jiddeċiedi jekk jopponix jew le l-akkwist fuq il-bażi tal-evalwazzjoni tiegħu tal-akkwist propost u l-abbozz tad-deċiżjoni tal-NCA. Għandu japplika d-dritt li wieħed jinstema’ kif ipprovdut fl-Artikolu 31.”

 Id-dritt Taljan

 Il-leġiżlazzjoni dwar is-superviżjoni bankarja

16      L-Artikolu 19 tad-decreto legislativo nº 385 – Testo unico delle leggi in materia bancaria e creditizia (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 385 – Test uniku tal-liġijiet dwar l-attività bankarja u kreditizja) tal‑1 ta’ Settembru 1993 (Suppliment Ordinarju għall-GURI Nru 230 tat‑30 ta’ Settembru 1993), kif emendat bid-decreto legislativo nº 72 (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 72) tat‑12 ta’ Mejju 2015 (iktar ’il quddiem it-“Test uniku bankarju”), li ttraspona fid-dritt Taljan il-kontenut tad-Direttiva CRD IV, jagħti lill-Bank tal-Italja il-kompetenza sabiex joħroġ awtorizzazzjonijiet għall-akkwist ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji kwalifikanti f’istituzzjonijiet finanzjarji. Il-paragrafu 5 ta’ dan l-artikolu jispeċifika li dawn l-awtorizzazzjonijiet għandhom jingħataw f’każ fejn ikun hemm “kundizzjonijiet xierqa biex tiġi ggarantita ġestjoni soda u prudenti tal-bank, waqt li titqies il-kwalità potenzjali tal-akkwirent u s-sodezza finanzjarja tal-akkwist propost skont il-kriterji li ġejjin: ir-reputazzjoni tal-akkwirent potenzjali fis-sens tal-Artikolu 25 […]”.

17      L-Artikolu 25 tat-Test uniku bankarju, intitolat “Parteċipazzjonijiet azzjonarji”, jippreċiża, fil-paragrafu 1 tiegħu, li d-detenturi ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji msemmija fl-Artikolu 19 tat-Test uniku bankarju għandu jkollhom rekwiżiti ta’ reputazzjoni tajba u għandhom jissodisfaw il-kriterji ta’ kompetenza u ta’ integrità li jiżguraw il-ġestjoni soda u prudenti tal-bank.

18      Bħala miżura tranżitorja, l-Artikolu 2(8) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 72 tat‑12 ta’ Mejju 2015 jipprevedi t-tkomplija tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet, li kienu fis-seħħ qabel l-adozzjoni ta’ dan id-digriet, dwar ir-rekwiżiti ta’ reputazzjoni tajba tad-detenturi ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji f’istituzzjonijiet finanzjarji.

19      Ir-regoli inkwistjoni ġew inklużi fid-decreto ministeriale no 144 – regolamento recante norme per l’individuazione dei requisiti di onorabilità dei partecipanti al capitale sociale delle banche e fissazione della soglia rilevante (id-Digriet Ministerjali Nru 144 li jistabbilixxi r-regoli għad-determinazzjoni tar-rekwiżiti ta’ reputazzjoni tajba ta’ parteċipanti fil-kapital azzjonarju ta’ banek u l-iffissar tal-livell limitu rilevanti) tat‑18 ta’ Marzu 1998, li l-Artikolu 1 tiegħu jispeċifika l-kundanni li għandhom effett negattiv fuq ir-reputazzjoni tal-persuna kkonċernata u li b’hekk iwasslu għal nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżit.

20      L-Artikolu 2 tad-Digriet Ministerjali Nru 144 tat‑18 ta’ Marzu 1998, jistipula, fuq bażi tranżitorja, li “fir-rigward tal-parteċipanti fil-kapital azzjonarju ta’ bank fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan id-Digriet Ministerjali, in-nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 1 li ma kinux previsti fil-leġiżlazzjoni preċedenti ma għandux effett, jekk dawn ikunu seħħew qabel dik id-data, b’mod limitat għall-parteċipazzjoni li diġà kellhom”.

21      Fir-rigward tal-kumpanniji azzjonarji finanzjarji mħallta (iktar ’il quddiem il-“KAFM”), l-Artikolu 63 tat-Test uniku bankarju, adottat skont l-Artikolu 119 tad-Direttiva CRD IV, jissuġġetta lill-membri kwalifikanti tagħhom għall-istess obbligi imposti fuq l-istituzzjonijiet bankarji.

22      L-Artikolu 67a(2) tat-Test uniku bankarju jippreċiża li l-Bank tal-Italja u l-IVASS għandhom jiżguraw konġuntament l-osservanza ta’ dawn l-obbligi meta dawn il-kumpanniji jkollhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fl-Italja u jkunu l-kumpanniji omm ta’ konglomerati finanzjarji Taljani, b’mod totali jew parzjali.

 Il-leġiżlazzjoni dwar il-proċedura kontenzjuża amministrattiva

23      Il-proċedura amministrattiva kontenzjuża Taljana tipprevedi azione di ottemperanza.

24      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 21septies(1) tal-legge no 241 – nuove norme in materia di procedimento amministrativo e di diritto di accesso ai documenti amministrativi (il-Liġi Nru 241, regoli ġodda fil-qasam tal-proċedura amministrattiva u ta’ dritt ta’ aċċess għad-dokumenti amministrattivi) tas‑7 ta’ Awwissu 1990, kif emendata bil-Liġi Nru 15 tal‑11 ta’ Frar 2005, jistipula:

“Deċiżjoni amministrattiva […] adottata bi ksur jew evitar tal-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata hija nulla […]”

25      L-Artikolu 112 tal-Codice del processo amministrativo (il-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva) jipprevedi:

“1.      Il-miżuri tal-qrati amministrattivi għandhom jiġu implimentati mill-amministrazzjonijiet pubbliċi u mill-partijiet l-oħra.

2.      L-azione di ottemperanza tista’ titressaq għall-applikazzjoni:

[…]

c)      tas-sentenzi li għandhom is-saħħa ta’ res judicata u miżuri simili oħra quddiem il-qrati ordinarji sabiex jinkiseb l-infurzar li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-amministrazzjoni pubblika biex ikun hemm konformità mar-res judicata fir-rigward tal-każ magħluq.

[…]”

26      Skont l-Artikolu 114(4)(b) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva, il-qorti li jkollha quddiemha l-azione di ottemperanza, jekk tilqa’ r-rikors, “għandha tiddikjara nulli l-atti li jikkostitwixxu ksur jew evitar tal-awtorità ta’ res judicata”.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

27      Matul is-snin 1990, S. Berlusconi kien kiseb, permezz tas-sussidjarja Fininvest, madwar 30 % ta’ Mediolanum SpA, li dak iż-żmien kienet KAFM li tikkontrolla, inter alia, bank, Banca Mediolanum SpA, u li kienet għalhekk suġġetta għas-superviżjoni ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji kwalifikanti fl-Italja mis-sena 2014.

28      Wara s-sentenza Nru 35729/13 tal-Corte suprema di cassazione (il-Qorti tal-Kassazzjoni, l-Italja), li saret definittiva fl‑1 ta’ Awwissu 2013, li permezz tagħha S. Berlusconi kien ġie ddikjarat ħati ta’ frodi fiskali, dan kien is-suġġett ta’ proċedura tal-awtoritajiet ta’ superviżjoni kompetenti Taljani, jiġifieri l-Bank tal-Italja u l-IVASS, li wasslet għal deċiżjoni fejn ġie kkonstatat li dan ma kienx għadu jissodisfa l-kundizzjoni ta’ reputazzjoni tajba prevista mil-leġiżlazzjoni applikabbli u li, għaldaqstant, il-parteċipazzjoni azzjonarja ta’ Fininvest f’Mediolanum li kienet teċċedi d‑9.999 % kellha tiġi ttrasferita.

29      S. Berlusconi u Fininvest ikkontestaw din id-deċiżjoni quddiem il-qrati Taljana, billi b’mod partikolari qajmu motiv dwar l-applikazzjoni tal-liġi ratione temporis, ibbażat fuq il-fatt li l-kawża tal-insuffiċjenza ta’ reputazzjoni tajba li ġġustifikat l-oppożizzjoni għall-akkwist tal-parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti inkwistjoni kienet seħħet qabel id-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni li timponi din il-kundizzjoni, u għalhekk ma taqax fl-ambitu tal-applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni. Wara ċ-ċaħda tar-rikors tagħhom fl-ewwel istanza, ir-rikorrenti rebħu quddiem il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), li ddeċieda, fit‑3 ta’ Marzu 2016, li l-leġiżlazzjoni preċedenti għall-adozzjoni tal-kriterji ta’ reputazzjoni tajba, li r-rikorrenti invokaw, baqgħet tapplika minkejja l-argumenti kuntrarji intiżi sabiex juru li din il-leġiżlazzjoni kellha titqies bħala impliċitament imħassra minħabba li kienet tmur kontra d-dritt tal-Unjoni.

30      Sadanittant, il-KAFM Mediolanum ġiet assorbita mill-kumpannija sussidjarja tagħha Banca Mediolanum, u konsegwentement Fininvest spiċċat proprjetarja ta’ parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti, mhux iktar f’KAFM, iżda direttament f’istituzzjoni ta’ kreditu. Minn dan, il-Bank tal-Italja u l-BĊE ddeduċew li talba ġdida għal awtorizzazzjoni, relatata ma’ din il-parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti, kienet meħtieġa, kemm abbażi tal-Artikoli 22 et seq. tad-Direttiva CRD IV kif ukoll tal-Artikoli 19 et seq. tat-Test uniku bankarju.

31      Konformement mal-indikazzjonijiet ipprovduti mill-BĊE permezz ta’ ittra tal‑24 ta’ Ġunju 2016, il-Bank tal-Italja stieden lil Fininvest, fl‑14 ta’ Lulju 2016, sabiex tippreżenta talba għal awtorizzazzjoni fi żmien ħmistax‑il ġurnata. Minħabba li ma kien hemm l-ebda segwitu għal din l-istedina, il-Bank tal-Italja ddeċieda, fit‑3 ta’ Awwissu 2016, li jiftaħ ex officio proċedura amministrattiva, filwaqt li ppreċiża li skont l-Artikolu 4 tar-Regolament MSU l-kompetenza deċiżjonali f’dan il-qasam kienet f’idejn il-BĊE.

32      Wara li rċieva d-dokumentazzjoni ta’ Fininvest, il-Bank tal-Italja bagħat lill-BĊE, skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament MSU, proposta għal deċiżjoni, bid-data tat‑23 ta’ Settembru 2016, b’opinjoni negattiva dwar ir-reputazzjoni tajba tal-akkwirenti tal-parteċipazzjoni azzjonarja inkwistjoni f’Banca Mediolanum, u stieden lill-BĊE sabiex jopponi l-akkwist.

33      Il-BĊE qabel mal-argumenti tal-Bank tal-Italja u approva abbozz ta’ deċiżjoni, li bagħtu lil S. Berlusconi u lil Fininvest sabiex jifformulaw osservazzjonijiet. Il-BĊE adotta deċiżjoni finali fil‑25 ta’ Ottubru 2016.

34      F’din id-deċiżjoni, il-BĊE qies li kien hemm dubji raġonevoli fir-rigward tar-reputazzjoni tajba tal-akkwirenti tal-parteċipazzjoni azzjonarja f’Banca Mediolanum. Wara li kkunsidra li S. Berlusconi, l-azzjonist maġġoritarju u s-sid effettiv ta’ Fininvest, kien l-akkwirent indirett tal-parteċipazzjoni azzjonarja f’Banca Mediolanum u kien ġie kkundannat b’mod definittiv għal piena ta’ erba’ snin ħabs għal frodi fiskali, il-BĊE qies li huwa ma kienx jissodisfa r-rekwiżit ta’ reputazzjoni tajba impost mil-leġiżlazzjoni nazzjonali għad-detenturi ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji kwalifikanti. Din l-istituzzjoni bbażat ruħha wkoll fuq il-fatt li S. Berlusconi kien ikkommetta irregolaritajiet oħra u kien suġġett għal kundanni oħra, l-istess bħal membri oħra tal-korpi ta’ ġestjoni ta’ Fininvest.

35      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, il-BĊE qies li l-akkwirenti tal-parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti f’Banca Mediolanum ma kinux jissodisfaw din il-kundizzjoni ta’ reputazzjoni tajba u li kien hemm dubji serji dwar il-kapaċità tagħhom li jiżguraw fil-futur ġestjoni soda u prudenti ta’ dik l-istituzzjoni finanzjarja. Għaldaqstant, il-BĊE oġġezzjona għall-akkwist tal-parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti f’Banca Mediolanum minn S. Berlusconi u minn Fininvest.

36      Dawn tal-aħħar, l-ewwel nett, ikkontestaw id-deċiżjoni tal-BĊE tal‑25 ta’ Ottubru 2016 permezz ta’ rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (il-kawża Fininvest u Berlusconi vs BĊE, T‑913/16). It-tieni nett, Fininvest, min-naħa tagħha, ippreżentat rikors quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Lazio, l-Italja) għall-annullament tal-atti tal-Bank tal-Italja li kienu preparatorji għal din id-deċiżjoni tal-BĊE. It-tielet nett, S. Berlusconi u Fininvest ressqu azione di ottemperanza quddiem il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat).

37      Fil-kuntest ta’ din l-azzjoni tal-aħħar, S. Berlusconi u Fininvest isostnu li l-proposta għal deċiżjoni tal-Bank tal-Italja msemmija fil-punt 32 ta’ din is-sentenza hija nulla minħabba li din tonqos milli tosserva l-awtorità li hija marbuta mar-res judicata tas-sentenza tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) imsemmija fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, mogħtija fil-kuntest tat-tilwima dwar il-parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti tagħhom f’Mediolanum. Bħala difiża, il-Bank tal-Italja b’mod partikolari eċċepixxa n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali sabiex jiddeċiedu dwar din l-azzjoni, fir-rigward ta’ atti preparatorji li ma għandhomx kontenut deċiżjonali, intiżi għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni li taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva ta’ istituzzjoni tal-Unjoni, u li jaqgħu, bħad-deċiżjoni finali, biss taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni.

38      Wara li għaqqad ir-rikorsi ta’ S. Berlusconi u ta’ Fininvest, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) qies li l-proċedura inkwistjoni setgħet tkun qrib kemm għal “proċedura unika”, li l-atti tagħha huma suġġetti biss għall-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni, kif ukoll għal “proċedura komposta”, li l-atti tagħha li jaqgħu taħt il-fażi nazzjonali jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju fil-livell nazzjonali, u dan anki jekk din il-fażi nazzjonali tispiċċa b’att li ma jorbotx lill-awtorità tal-Unjoni kompetenti sabiex tieħu d-deċiżjoni finali.

39      Huwa f’dan il-kuntest li l-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Id-dispożizzjonijiet tal-ewwel, it-tieni u l-ħames paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE flimkien ma’ dik tal-Artikolu 256(1) TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li hija l-qorti tal-Unjoni jew il-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni tieħu konjizzjoni ta’ rikors dirett kontra atti promoturi, preparatorji u ta’ proposta mhux vinkolanti adottati mill-[NCA] […] fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikoli 22 u 23 tad-Direttiva [CRD IV], fl-Artikolu 1(5), u fl-Artikolu 4(1)(c) u fl-Artikolu 15 tar-Regolament [MSU], fl-Artikoli 85 sa 87 tar-[Regolament Qafas tal-MSU] kif ukoll fl-Artikoli 19, 22 u 25 tat-[Test uniku bankarju]?

2)      B’mod iktar speċifiku, il-qorti tal-Unjoni jista’ jkollha ġurisdizzjoni meta dawn l-atti ma ġewx ikkontestati b’rikors normali għal annullament iżda huma s-suġġett ta’ talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità minħabba ksur jew evażjoni tal-awtorità ta’ res judicata tas-sentenza […] mogħtija fit‑3 ta’ Marzu 2016 mill-Consiglio di Stato ([il-]Kunsill tal-Istat), liema talba tressqet fil-kuntest ta’ rikors għal eżekuzzjoni ppreżentat skont l-Artikoli 112 et seq tal-kodiċi tal-proċedura amministrattiva, jiġifieri fil-kuntest ta’ proċedura koperta mis-sistema tal-proċedura amministrattiva nazzjonali, meta tali deċiżjoni timplika l-interpretazzjoni u l-identifikazzjoni, skont ir-regoli tad-dritt nazzjonali, tal-limiti oġġettivi tal-awtorità ta’ res judicata ta’ din is-sentenza?”

 Fuq id-domandi preliminari

40      Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 263 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lill-qrati nazzjonali milli jeżerċitaw stħarriġ tal-legalità fuq l-atti promoturi, preparatorji u ta’ proposta mhux vinkolanti adottati mill-NCAs fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikoli 22 u 23 tad-Direttiva CRD IV, fl-Artikolu 4(1)(c) u fl-Artikolu 15 tar-Regolament MSU kif ukoll fl-Artikoli 85 sa 87 tar-Regolament Qafas tal-MSU, u jekk ir-risposta għal din id-domanda tkunx differenti meta titressaq quddiem qorti nazzjonali azzjoni speċifika għal annullament minħabba ksur allegat tal-awtorità ta’ res judicata marbuta ma’ deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali.

41      Hemm lok, qabelxejn, li jiġu ppreċiżati l-effetti fuq it-tqassim tal-ġurisdizzjoni bejn il-qrati tal-Unjoni u l-qrati tal-Istati Membri tal-involviment ta’ awtoritajiet nazzjonali matul proċedura, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li twassal għall-adozzjoni ta’ att tal-Unjoni.

42      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 263 TFUE jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea l-ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tistħarreġ il-legalità tal-azzjonijiet meħuda mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, fosthom il-BĊE.

43      L-involviment eventwali tal-awtoritajiet nazzjonali matul proċedura li twassal għall-adozzjoni ta’ atti bħal dawn ma jistax iqiegħed inkwistjoni l-klassifikazzjoni tagħhom ta’ atti tal-Unjoni, fejn l-atti adottati mill-awtoritajiet nazzjonali huma stadju ta’ proċedura li fiha istituzzjoni tal-Unjoni teżerċita, waħedha, is-setgħa deċiżjonali finali mingħajr ma tkun marbuta mill-atti preparatorji jew mill-proposti maħruġa mill-awtoritajiet nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2007, L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni, C‑64/05 P, EU:C:2007:802, punti 93 u 94).

44      Fil-fatt, f’każ bħal dan, fejn id-dritt tal-Unjoni ma għandux l-għan li jistabbilixxi tqassim bejn żewġ ġurisdizzjonijiet, waħda nazzjonali u l-oħra tal-Unjoni, li għandhom għanijiet distinti, iżda jistabbilixxi, għall-kuntrarju, is-setgħa deċiżjonali esklużiva ta’ istituzzjoni tal-Unjoni, hija l-qorti tal-Unjoni, abbażi tal-ġurisdizzjoni esklużiva tagħha li tistħarreġ il-legalità tal-atti tal-Unjoni abbażi tal-Artikolu 263 TFUE (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 1987, Foto‑Frost, 314/85, EU:C:1987:452, punt 17), li għandha tiddeċiedi dwar il-legalità tad-deċiżjoni finali adottata mill-istituzzjoni tal-Unjoni inkwistjoni u li għandha teżamina, sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-partijiet ikkonċernati, id-difetti eventwali li jivvizzjaw l-atti preparatorji jew il-proposti maħruġa mill-awtoritajiet nazzjonali li huma ta’ natura li jaffettwaw il-validità ta’ din id-deċiżjoni finali.

45      Dan espost, att ta’ awtorità nazzjonali li jagħmel parti minn proċess deċiżjonali tal-Unjoni ma jaqax taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qorti tal-Unjoni meta mit-tqassim tal-kompetenzi f’dak il-qasam bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jirriżulta li l-att adottat mill-awtorità nazzjonali huwa stadju meħtieġ fi proċedura għall-adozzjoni ta’ att tal-Unjoni fejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom biss marġni ta’ diskrezzjoni limitat jew ineżistenti, b’tali mod li l-att nazzjonali jorbot lill-istituzzjoni tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 1992, Oleificio Borelli vs Il‑Kummissjoni, C‑97/91, EU:C:1992:491, punti 9 u 10).

46      Għalhekk, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jiddeċiedu dwar l-irregolaritajiet li bihom tali att nazzjonali jista’ jkun ivvizzjat, b’rinviju għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk ikun xieraq, taħt l-istess kundizzjonijiet ta’ stħarriġ bħal dawk irriżervati għal kull att definittiv li, adottat mill-istess awtorità nazzjonali, ikun jista’ jippreġudika lil terzi, u barra minn hekk, f’isem il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li għandhom jikkunsidraw ir-rikors ippreżentat għal dan l-għan bħala ammissibbli, anki jekk ir-regoli proċedurali nazzjonali ma jipprevedux għal dan (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ Diċembru 1992, Oleificio Borelli vs Il‑Kummissjoni, C‑97/91, EU:C:1992:491, punti 11 sa 13; tas‑6 ta’ Diċembru 2001, Carl Kühne et, C‑269/99, EU:C:2001:659, punt 58, kif ukoll tat‑2 ta’ Lulju 2009, Bavaria u Bavaria Italia, C‑343/07, EU:C:2009:415, punt 57).

47      Wara din il-preċiżazzjoni, hemm lok li jiġi rrilevat li minn qari tal-Artikolu 263 TFUE fid-dawl tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali bejn l-Unjoni u l-Istati Membri stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE jirriżulta li l-atti adottati mill-awtoritajiet nazzjonali fil-kuntest ta’ proċedura bħal dik imsemmija fil-punti 43 u 44 ta’ din is-sentenza ma jistgħux jiġu suġġetti għall-istħarriġ tal-qrati tal-Istati Membri.

48      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li meta l-leġiżlatur tal-Unjoni jagħżel proċedura amministrattiva li tipprevedi l-adozzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ atti preparatorji għal deċiżjoni finali ta’ istituzzjoni tal-Unjoni li tipproduċi effetti legali u li tista’ tikkawżaw preġudizzju, huwa għandu l-intenzjoni li jistabbilixxi, bejn din l-istituzzjoni u dawn l-awtoritajiet nazzjonali, mekkaniżmu partikolari ta’ kooperazzjoni bbażat fuq il-kompetenza deċiżjonali esklużiva tal-istituzzjoni tal-Unjoni.

49      Issa, l-effikaċja ta’ tali proċess deċiżjonali neċessarjament tinvolvi stħarriġ ġudizzjarju uniku, li jitwettaq, unikament mill-qrati tal-Unjoni, biss wara li tittieħed id-deċiżjoni tal-istituzzjoni tal-Unjoni li ttemm il-proċedura amministrattiva, li hija l-unika deċiżjoni li tista’ tipproduċi effetti legali vinkolanti ta’ natura li jistgħu jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tiegħu.

50      F’dan ir-rigward, il-koeżistenza ta’ rimedji nazzjonali kontra l-atti preparatorji jew il-proposti maħruġa mill-awtoritajiet tal-Istati Membri f’din it-tip ta’ proċedura, u tar-rimedju previst fl-Artikolu 263 TFUE kontra d-deċiżjoni tal-istituzzjoni tal-Unjoni li ttemm il-proċedura amministrattiva stabbilita mil-leġiżlatur tal-Unjoni ma tkunx mingħajr riskju ta’ diverġenzi ta’ evalwazzjonijiet fl-istess proċedura u, għaldaqstant, għandha mnejn tikkomprometti l-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi dwar il-legalità ta’ din id-deċiżjoni finali, b’mod partikolari meta din tiġi wara l-analiżi u l-proposta tal-imsemmija awtoritajiet.

51      Fid-dawl ta’ din in-neċessità għal stħarriġ ġudizzjarju uniku, kemm it-tip ta’ rimedju tad-dritt nazzjonali magħżul sabiex l-atti preparatorji adottati mill-awtoritajiet nazzjonali jiġu suġġetti għall-istħarriġ ta’ qorti ta’ Stat Membru kif ukoll in-natura tal-kapijiet ta’ talbiet jew tal-motivi ppreżentati għal dan il-għan huma irrilevanti.

52      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tiġi eżaminata n-natura tal-proċedura li matulha ġew adottati l-atti tal-Bank tal-Italja li ġew ippreżentati quddiem il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) fil-kawża prinċipali.

53      Din il-proċedura hija prevista fil-kuntest tal-mekkaniżmu superviżorju uniku tal-unjoni bankarja, fejn il-BĊE huwa responsabbli għall-funzjonament effettiv u konsistenti tiegħu skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament MSU. Din hija intiża sabiex timplimenta l-Artikolu 22 tad-Direttiva CRD IV, li jipprevedi, f’isem il-funzjonament tajjeb tal-unjoni bankarja, awtorizzazzjoni minn qabel għal kwalunkwe akkwist jew żieda ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji kwalifikanti fl-istituzzjonijiet ta’ kreditu, abbażi ta’ kriterji ta’ evalwazzjoni armonizzati elenkati fl-Artikolu 23 tal-istess direttiva.

54      Skont l-Artikolu 4(1)(c) tar-Regolament MSU, moqri flimkien mal-Artikolu 15(3) ta’ dan l-istess regolament u mal-Artikolu 87 tar-Regolament Qafas tal-MSU, il-BĊE biss huwa kompetenti sabiex jiddeċiedi jekk jawtorizzax l-akkwist propost jew le, fi tmiem il-proċedura li hija prevista, b’mod partikolari, fl-Artikolu 15 tar-Regolament MSU kif ukoll fl-Artikoli 85 u 86 tar-Regolament Qafas tal-MSU.

55      Fil-kuntest ta’ relazzjonijiet irregolati mill-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament MSU, ir-rwol tal-awtoritajiet nazzjonali jikkonsisti, min-naħa tiegħu, kif jirriżulta minn din id-dispożizzjoni, mill-Artikolu 15(1) u (2) tal-istess regolament u mill-Artikoli 85 u 86 tar-Regolament Qafas tal-MSU, f’li jirreġistraw it-talbiet għal awtorizzazzjoni, li jassistu lill-BĊE, l-uniku detentur tas-setgħa ta’ deċiżjoni, b’mod partikolari billi jikkomunikawlu l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex iwettaq il-kompiti tiegħu, billi jeżaminaw l-imsemmija talbiet, u mbagħad billi jibagħtu lill-BĊE proposta għal deċiżjoni li ma torbotx lil dan tal-aħħar u li, barra minn hekk, in-notifika tagħha lill-applikant ma hijiex prevista mid-dritt tal-Unjoni.

56      Għalhekk, il-proċedura li taħtha jaqgħu l-atti kkontestati quddiem il-qorti tar-rinviju hija fost dawk ikkonċernati mill-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 43 u 44 ta’ din is-sentenza.

57      Konsegwentement, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-qorti tal-Unjoni biss għandha ġurisdizzjoni sabiex tevalwa, b’mod inċidentali, jekk il-legalità tad-deċiżjoni tal-BĊE tal‑25 ta’ Ottubru 2016 hijiex affettwata minn difetti eventwali li jivvizzjaw il-legalità tal-atti preparatorji għal din id-deċiżjoni adottati mill-Bank tal-Italja. Din il-ġurisdizzjoni teskludi kull ġurisdizzjoni ġudizzjarja nazzjonali kontra l-imsemmija atti, u dan irrispettivament mill-fatt li l-qorti nazzjonali ġiet adita b’azzjoni bħall-azione di ottemperanza.

58      F’dan l-aħħar rigward, kif irrilevat il-Kummissjoni, il-kompetenza esklużiva tal-BĊE sabiex jiddeċiedi jekk japprovax jew le l-akkwist ta’ parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti f’istituzzjoni ta’ kreditu u l-ġurisdizzjoni esklużiva korrispondenti tal-qrati tal-Unjoni sabiex jistħarrġu l-validità ta’ tali deċiżjoni, u, inċidentalment, sabiex jevalwaw jekk l-atti nazzjonali preparatorji humiex ivvizzjati minn difetti ta’ natura li jaffettwaw il-validità tad-deċiżjoni tal-BĊE, jipprekludu li qorti nazzjonali tkun tista’ tiddeċiedi dwar azzjoni intiża sabiex tikkontesta l-konformità ta’ tali att ma’ dispożizzjoni nazzjonali dwar il-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2007, Lucchini, C‑119/05, EU:C:2007:434, punti 62 u 63).

59      Sussegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula hija li l-Artikolu 263 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lill-qrati nazzjonali milli jeżerċitaw stħarriġ tal-legalità fuq l-atti promoturi, preparatorji u ta’ proposta mhux vinkolanti adottati mill-NCAs fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikoli 22 u 23 tad-Direttiva CRD IV, fl-Artikolu 4(1)(c) u fl-Artikolu 15 tar-Regolament MSU kif ukoll fl-Artikoli 85 sa 87 tar-Regolament Qafas tal-MSU, u li f’dan ir-rigward huwa irrilevanti l-fatt li titressaq quddiem qorti nazzjonali azzjoni speċifika għal annullament minħabba ksur allegat tal-awtorità ta’ res judicata marbuta ma’ deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali.

 Fuq l-ispejjeż

60      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 263 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lill-qrati nazzjonali milli jeżerċitaw stħarriġ tal-legalità fuq l-atti promoturi, preparatorji u ta’ proposta mhux vinkolanti adottati mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikoli 22 u 23 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE, fl-Artikolu 4(1)(c) u fl-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, kif ukoll fl-Artikoli 85 sa 87 tar-Regolament Qafas (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ma’ awtoritajiet nazzjonali nominati (ir-“Regolament Qafas tal-MSU”). F’dan ir-rigward huwa irrilevanti l-fatt li titressaq quddiem qorti nazzjonali azzjoni speċifika għal annullament minħabba ksur allegat tal-awtorità ta’ res judicata marbuta ma’ deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.