Language of document : ECLI:EU:T:2015:78

Kawża T‑473/12

(pubblikazzjoni ta’ estratti)

Aer Lingus Ltd

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Għajnuna mill-Istat — Taxxa Irlandiża fuq il-passiġġieri bl-ajru — Tariffa mnaqqsa għad-destinazzjonijiet li jinsabu sa massimu ta’ 300 km mill-ajruport ta’ Dublin — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern u li tordna l-irkupru tagħha — Vantaġġ — Natura seletttiva — Identifikazzjoni tal-benefiċċjarji tal-għajnuna — Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 — Obbligu ta’ motivazzjoni”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) tal-5 ta’ Frar 2015

1.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Irkupru ta’ għajnuna illegali — Stabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni preċedenti — Kalkolu tal-ammont li għandu jiġi rkuprat — Obbligu tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-ammont li jikkorrispondi effettivament mal-vantaġġ reali tal-għajnuna — Portata — Vantaġġ li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ taxxa indiretta b’rata nazzjonali mnaqqsa miġbura minn kumpanniji tal-ajru — Modalitajiet ta’ kalkolu — Obbligu tal-Kummissjoni li tidentifika l-benefiċċjarji tal-għajnuna — Portata

(Artikolu 108 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 14)

2.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Evalwazzjoni fid-dawl tal-Artikolu 107(1) TFUE — Teħid inkunsiderazzjoni ta’ prassi preċedenti — Esklużjoni

(Artikolu 107(1) TFUE)

1.      Ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma teżiġi li l-Kummissjoni, meta tordna l-ħlas lura ta’ għajnuna li tkun ġiet iddikjarata inkompatibbli mas-suq intern, tistabbilixxi l-ammont eżatt li għandu jitħallas lura. Huwa biżżejjed li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tinkludi indikazzjonijiet li jippermettu li d-destinatarju tagħha jkun jista’ jiddetermina, mingħajr diffikultajiet eċċessivi, dan l-ammont huwa stess. Madankollu jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi tordna l-irkupru ta’ ammont speċifiku, hija għandha, skont l-obbligu tagħha li teżamina b’mod xieraq u imparzjali l-fajl fil-kuntest tal-Artikolu 108 TFUE, tistabbilixxi, b’mod daqstant preċiż li ċ-ċirkustanzi tal-kawża jippermettu, il-valur tal-għajnuna li l-impriża bbenefikat minnha. Filwaqt li terġa tistabbilixxi s-sitwazzjoni preċedenti għall-ħlas tal-għajnuna, minn naħa, il-Kummissjoni hija marbuta tassigura ruħha li l-vantaġġ reali tal-għajnuna hija eliminata u b’hekk tordna l-irkupru tat-totalità tal-għajnuna. Hija ma tistax, minħabba klemenza għall-benefiċjarju, tordna l-irkupru ta’ somma inferjuri għall-valur tal-għajnuna riċevuta minn din ta’ l-aħħar. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma hijiex awtorizzata, sabiex turi d-diżapprovazzjoni tagħha għal dak li jikkonċerna l-gravità ta’ l-illegalità, tordna l-irkupru ta’ ammont għola mill-valur tal-għajnuna riċevuta mill-benefiċjarju.

Għaldaqstant, fir-rigward ta’ taxxa fuq it-trasport bl-ajru li tinġabar direttament mill-operaturi tal-linji tal-ajru b’rata ta’ tassazzjoni iktar affidabbli għat-titjiriet interni, il-Kummissjoni ma tistax tippreżumi li, f’sitwazzjoni fejn din it-taxxa tiġi mgħoddija fuq il-passiġġieri u fejn il-vantaġġ ekonomiku li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ rata nazzjonali mnaqqsa seta’ wkoll jiġi mgħoddi fuq il-passiġġieri, l-vantaġġ effettivament miksub u kkonservat mill-kumpanniji tal-ajru li jibbenefikaw minn dan it-tnaqqis jammonta, fil-każijiet kollha, għall-ammont li jekwivali għad-differenza bejn l-ammont tat-taxxa kkalkulata skont ir-rata ta’ taxxa mnaqqsa u dak ikkalkulat skont ir-rata ta’ tassazzjoni normali. Fil-fatt, f’tali każ, il-vantaġġ effettivament miksub mill-kumpanniji tal-ajru ma jikkonsistix neċessarjament fid-differenza bejn iż-żewġ rati, iżda fil-possibbiltà li dawn joffru prezzijiet iktar attraenti lill-klijenti tagħhom u għaldaqstant li jżidu, minħabba f’dan, il-dħul mill-bejgħ tagħhom. Għaldaqstant, għall-kumpanniji tal-ajru bħar-rikorrenti li ħallsu t-taxxa indiretta bir-rata mnaqqsa, il-Kummissjoni għandha tiddetermina sa fejn dawn tal-aħħar kienu effettivament għaddew lill-passiġġieri tagħhom il-benefiċċju ekonomiku li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-imsemmija taxxa bir-rata mnaqqsa, bil-għan li tkun tista’ tikkwantifika bi preċiżjoni l-vantaġġ li huma bbenefikaw minnu realment. Jekk ikun impossibbli li jiġu ddeterminati b’eżattezza, fid-deċiżjoni li tordna il-ħlas lura tal-għajnuna, l-ammonti li jikkorrispondu effettivament mal-imsemmi vantaġġ reali, il-Kummissjoni għandha tikkonferixxi dan il-kompitu lill-awtoritajiet nazzjonali, billi tipprovdi l-indikazzjonijiet neċessarji għal dan l-għan.

Fi kwalunkwe każ, l-irkupru tal-ammont tad-differenza bejn l-ammont tat-taxxa bir-rata normali u dak bir-rata mnaqqsa mingħand kumpanniji tal-ajru ma jippermettix li jiġi żgurat l-istabbiliment mill-ġdid ta’ sitwazzjoni li kieku kienet tipprevali li kieku t-tranżazzjonijiet inkwistjoni twettqu mingħajr l-għoti tal-għajnuna, peress li ma huwiex possibbli, għall-kumpanniji tal-ajru, li jirkupraw retroattivament mingħand il-klijenti tagħhom l-imsemmi ammont għal kull passiġġier li kellu jiġi miġbur. Għaldaqstant, l-irkupru tal-imsemmi ammont ma huwiex neċessarju, sabiex tiġi eliminata d-distorzjoni tal-kompetizzjoni kkawżata mill-vanataġġ kompetittiv prodott minn tali għajnuna. Għall-kuntrarju, l-irkupru ta’ tali ammont jista’ jagħti lok għall-ġenerazzjoni ta’ distorzjonijiet addizzjonali tal-kompetizzjoni, peress li dan jista’ jwassal sabiex iktar mill-kumpanniji tal-ajru mill-vantaġġ li huma bbenefikaw minnu realment.

Barra minn hekk, iċ-ċirkustanza li l-klijenti tal-kumpanniji tal-ajru suġġetti għat-taxxa fuq it-trasport bl-ajru ma humiex impriżi, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, b’tali mod li ma setgħet tiġi rkuprata l-ebda għajnuna mingħandhom, ma tistax tikkontesta l-obbligu tal-Kummissjoni li tidentifika bi preċiżjoni l-benefiċjarji ta’ għajnuna, jiġifieri l-impriżi li effettivament gawdew minn din tal-aħħar, u li tillimita l-irkupru tal-għajnuna għal vantaġġi finanzjarji naxxenti effettivament mill-provvista tal-għajnuna lil dawn tal-aħħar.

(ara l-punti 84-86, 97-99, 105, 115, 122)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 117, 118)