Language of document : ECLI:EU:T:2015:376

Kawża T‑334/12

Plantavis GmbH

u

NEM, Verband mittelständischer europäischer Hersteller und Distributoren von Nahrungsergänzungsmitteln & Gesundheitsprodukten eV

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

u

L-Aġenzija Ewropea tas-Sigurtà tal-Ikel (EFSA)

“Protezzjoni tal-konsumaturi — Indikazzjonijiet dwar is-saħħa li jirrigwardaw il-prodotti tal-ikel — Regolament (UE) Nru 432/2012 — Rikors għal annullament — Att regolatorju li ma jinkludix miżuri ta’ implementazzjoni — Interess dirett — Ammissibbiltà — Regolament (KE) Nru 1924/2006 — Eċċezzjoni ta’ illegalità — Reġistru tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tat-12 ta’ Ġunju 2015

1.      Rikors għal annullament — Kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà — Rikors dirett kontra l-awtur ta’ l-att ikkontestat — Talba għal annullament ta’ att tal-Kummissjoni li sar kontra korp tal-Unjoni — Inammissibbiltà

(Artikolu 263 TFUE)

2.      Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Kunċett ta’ att regolatorju fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE — Kull att ta’ portata ġenerali bl-eċċezzjoni ta’ atti leġiżlattivi — Regolament tal-Kummissjoni li tistabbilixxi lista ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa li jirrigwardaw il-prodotti tal-ikel — Inklużjoni

(Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Kummissjoni Nru 432/2012)

3.      Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment — Inċidenza diretta — Kriterji — Regolament tal-Kummissjoni li jistabbilixxi lista’ ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa li jirrigwardaw il-prodotti tal-ikel — Nuqqas ta’ indikazzjoni preċiża mir-rikorrenti dwar l-allegazzjonijiet li jistgħu jippreġudikaw is-sitwazzjoni ġuridika tagħhom — Assenza ta’ interess dirett — Inammissibbiltà

(Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1924/2006, Artikolu 28(5) u (6); Regolament tal-Kummissjoni Nru 432/2012)

4.      Eċċezzjoni ta’ illegalità — Natura inċidentali — Rikors prinċipali inammissibbli — Inammissibbiltà tal-eċċezzjoni

(Artikolu 277 TFUE)

5.      Rikors għal annullament — Atti li jistgħu jiġu kkontestati — Kunċett — Atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti — Reġistru tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa permessi li jirrigwarda l-prodotti tal-ikel — Att ta’ natura purament informattiva — Esklużjoni

(Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1924/2006, premessa 31 u Artikolu 20)

6.      Rikors għal annullament — Atti li jistgħu jiġu kkontestati — Kunċett — Atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti — Atti preparatorji — Esklużjoni — Opinjoni xjentifika tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà tal-Ikel (EFSA) mogħtija fuq talba tal-Kummissjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa — Att li ma huwiex intiż li jipproduċi effetti ta’ dritt — Esklużjoni

(Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1924/2006, Artikolu 13(3))

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 20)

2.      Il-kunċett ta’ “att regolatorju” fis-sens tar-raba’ paragrafu, fl-aħħar, tal-Artikolu 263 TFUE għandu jinftiehem li jinvolvi atti ta’ portata ġenerali bl-eċċezzjoni ta’ atti leġiżlattivi. Jikkostitwixxi att regolatorju r-Regolament Nru 432/2012 li jistabbilixxi lista ta’ dikjarazzjonijiet sanitarji permessi dwar l-ikel, ħlief dawk li jirreferu għat-tnaqqis fir-riskju tal-mard u għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal. .

Fil-fatt, l-imsemmi regolament kien adottat mill-Kummissjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi ta’ implementazzjoni, fil-kuntest tal-proċedura regolatorja bi skrutinju u li, konsegwentement, ma jikkostitwixxix att leġiżlattiv. Barra minn hekk, ir-Regolament Nru 432/2012 għandu portata ġenerali, li japplika għal sitwazzjonijiet determinati b’mod oġġettiv u jkollu effetti legali vinkolanti fir-rigward ta’ kategorija ta’ persuni previsti b’mod ġenerali u astratt.

(ara l-punti 24-27)

3.      Il-kundizzjoni ta’ interess dirett fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE teħtieġ, l-ewwel nett, li l-miżura kkontestata toħloq direttament effetti fuq is-sitwazzjoni ġuridika tar-rikorrenti u, it-tieni nett, ma tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji ta’ din il-miżura li huma inkarigati mill-implementazzjoni tagħha, peress li din għandha natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni kkontestata mingħajr applikazzjoni ta’ regoli oħra intermedjarji.

Fir-rigward ta’ rikors ippreżentat kontra r-Regolament Nru 432/2012, li jistabbilixxi lista ta’ indikazzjonijiet permessi dwar is-saħħa li jsiru fuq l-ikel, barra dawk li jirreferu għat-tnaqqis fir-riskju tal-mard u għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal, huwa r-rikorrent li għandu jidentifika, għall-finijiet li juru li huwa għandu interess dirett fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, l-indikazzjonijiet ikkonċernati mill-imsemmi regolament li jippreġudikaw is-sitwazzjoni ġuridika tiegħu. B’mod iktar partikolari, ir-rikorrent huwa marbut li juri li, waqt il-preżentata tar-rikors, huwa juża, fil-komunikazzjonijiet kummerċjali li jirrigwardaw il-prodotti tiegħu, indikazzjonijiet ipprojbiti wara l-adozzjoni tar-Regolament Nru 432/2012. F’dan ir-rigward, ma hijiex il-qorti tal-Unjoni li għandha teżamina u tidentifika l-indikazzjonijiet li jistgħu, jekk ikun il-każ, jifformaw il-bażi tal-ammissibbiltà tar-rikors, b’mod partikolari meta huma kkonċernati madwar 2 000 indikazzjoni dwar is-saħħa, li minnhom 222 kienu awtorizzati u 1 719-il indikazzjoni kienu pprojbiti.

Barra minn hekk, fil-każ fejn l-indikazzjonijiet li jikkonċernaw lir-rikorrent jagħmlu parti mil-lista ta’ indikazzjonijiet pendenti, sa fejn huma għadhom qed jistennew evalwazzjoni u li l-Kummissjoni ma tkunx iddeċidiet b’mod definittiv kemm fuq l-approvazzjoni tagħhom kif ukoll fuq il-projbizzjoni tagħhom, huma ma jistgħux jagħtu lok għal rikors għal annullament. Fil-fatt, l-indikazzjonijiet li jibqgħu pendenti għandhom ikomplu jgawdu mis-sistema ġuridika applikabbli għalihom qabel l-adozzjoni tar-Regolament Nru 432/2012. Konsegwentement, l-impriżi kkonċernati minn dawn l-indikazzjonijiet jistgħu jkomplu jużawhom fil-kuntest tal-attivitajiet tagħhom ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tal-ikel konformement mal-Artikolu 28(5) u (6) tar-Regolament Nru 1924/2006, dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel.

(ara l-punti 28, 30, 32, 36)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 50, 51)

5.      Huma biss il-miżuri li għandhom effetti ġuridiċi vinkolanti, ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jibdlu b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni ġuridika tiegħu, li jikkostitwixxu atti jew deċiżjonijiet li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament, skont l-Artikolu 263 TFUE. Sabiex jiġi stabbilit jekk att jew deċiżjoni jipproduċux tali effetti, għandu jsir riferiment għas-sustanza tagħhom.

Ma jikkostitwixxix, fih innifsu, att ġuridiku li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE r-Reġistru tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa permessi stabbilit mill-Kummissjoni konformement mal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1924/2006, dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessa 31 tar-Regolament Nru 1924/2006, ir-Reġistru tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa permessi huwa għodda ta’ komunikazzjoni għall-għanijiet ta’ trasparenza u ta’ informazzjoni sabiex jiġu evitati talbiet dwar indikazzjonijiet li diġà ġew evalwati. Għalkemm dan ir-reġistru jipprovdi informazzjoni dwar l-atti ġuridiċi adottati fil-qasam tal-indikazzjonijiet dwar l-ikel u dwar is-saħħa, jibqa’ l-fatt li ma huwiex maħsub sabiex jipproduċi effetti ġuridiċi fil-konfront ta’ terzi.

(ara l-punti 56, 58, 59)

6.      L-opinjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet ta’ istituzzjonijiet, ta’ korpi u ta’ organi tal-Unjoni huma espliċitament esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 263 TFUE u għalhekk ma jistgħux ikunu suġġetti għal rikors għal annullament. Barra minn hekk, għal dak li jikkonċerna atti jew deċiżjonijiet li l-elaborazzjoni tagħhom issir f’diversi fażijiet, fil-prinċipju, jikkostitwixxu biss atti li jistgħu jiġu kkontestati, il-miżuri li jistabbilixxu b’mod definittiv il-pożizzjoni tal-istituzzjoni fi tmiem il-proċedura, bl-esklużjoni ta’ miżuri intermedjarji li l-għan tagħhom huwa li jippreparaw id-deċiżjoni finali.

Fir-rigward tal-opinjonijiet xjentifiċi tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà tal-Ikel (EFSA), ippubblikati wara evalwazzjonijiet magħmula konformement mal-proċedura prevista fl-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 1924/2006, dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel, dawn tal-aħħar jikkostitwixxu, skont l-imsemmija dispożizzjoni, stadji intermedji tal-proċedura, li ma humiex tali li jistgħu jipproduċi effett fuq is-sitwazzjoni ġuridika ta’ terzi. Fil-fatt, l-EFSA tista’ tagħti opinjonijiet meta l-kuntest ġuridiku rilevanti jipprevedi dan. Issa, f’tali każijiet, l-EFSA ma hijiex f’qagħda li tadotta atti li jipproduċu effetti ġuridiċi, peress li l-uniċi atti kontestabbli huma dawk li fihom id-deċiżjoni finali adottata mill-Kummissjoni dwar l-awtorizzazzjoni jew il-projbizzjoni tal-indikazzjonijiet eżaminati. Konsegwentement, l-evalwazzjonijiet magħmula mill-EFSA fil-kuntest tal-proċedura tal-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 1924/2006 ma jistgħux ikunu suġġetti għal rikors skont l-Artikolu 263 TFUE.

(ara l-punti 61-64)