Language of document : ECLI:EU:F:2013:147

DIGRIET TAL-PRESIDENT TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

tat-2 ta’ Ottubru 2013

Kawża F‑87/13 R

Philippe Colart et

vs

Il-Parlament Ewropew

“Servizz pubbliku — Proċeduri għal miżuri provviżorji — Talba għal miżuri provviżorji — Urġenza — Bilanċ tal-interessi — Elezzjonijiet tal-Kumitat tal-Persunal — Kumitat eżekuttiv ta’ sindakat — Drittijiet ta’ aċċess għall-mailbox ta’ sindakat matul il-perijodu elettorali”

Suġġett:      Rikors ippreżentat abbażi tal-Artikoli 278 TFUE u 157 KEEA, kif ukoll tal-Artikolu 279 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li bih ir-rikorrenti jitolbu “li s-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew jiġi ordnat ineħħi temporanjament l-aċċess għall-[mailbox] imqiegħda [minnu] għad-dispożizzjoni tas-sindakat [Solidarité pour les agents et fonctionnaires européens (iktar ’il quddiem ‘SAFE’)]”.

Deċiżjoni:      It-talba għal miżuri provviżorji mressqa minn Colart, Bras, Corthout, Decoutere, Dony, Garzone, Manzela u Vienne kif ukoll minn Kemmerling-Linssen hija miċħuda. L-ispejjeż huma rriżervati.

Sommarju

1.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Miżuri provviżorji — Kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà — Ammissibbiltà prima facie tar-rikors prinċipali

(Artikoli 278 TFUE u 279 TFUE)

2.      Rikorsi tal-uffiċjali — Interess ġuridiku — Rikors ippreżentat minn membru ta’ organizzazzjoni sindakali jew professjonali kontra miżura li tolqot l-interess kollettiv protett mill-organizzazzjoni msemmija — Interess ġuridiku biss f’każ ta’ privazzjoni tal-membri tal-organizzazzjoni mill-eżerċizzju normali tad-drittijiet sindakali tagħhom

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 24b, 90 u 91)

3.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Miżuri provviżorji — Kundizzjonijiet għall-għoti — Dannu gravi u irreparabbli — Ibbilanċjar tal-interessi kollha inkwistjoni — Talba għat-tneħħija temporanja ta’ aċċess għall-mailbox imqiegħda għad-dispożizzjoni ta’ organizzazzjoni sindakali jew professjonali minn istituzzjoni — Għoti tal-miżura li ma jippermettix lill-istituzzjoni li tiżgura l-iżvolġiment tajjeb tal-operazzjonijiet elettorali lill-Kumitat tal-Persunal — Ċaħda

(Artikolu 279 TFUE; Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 104(2))

1.      Il-kwistjoni tal-ammissibbiltà tar-rikors fil-kawża prinċipali ma għandhiex, bħala prinċipju, tiġi eżaminata fil-kuntest ta’ proċeduri għal miżuri provviżorji, iżda għandha tkun riżervata għall-analiżi tal-imsemmi rikors, ħlief fl-ipoteżi fejn dan jidher, prima facie, manifestament inammissibbli. Deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà fl-istadju tal-proċeduri għal miżuri provviżorji, meta din ma hijiex, prima facie, totalment eskluża, effettivament, twassal sabiex tippreġudika d-deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku meta tkun qed jiddeċiedi fil-kawża prinċipali.

(ara l-punt 13)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 4 ta’ Frar 1999, Peña Abizanda et vs Il‑Kummissjoni, T‑196/98 R, punt 10 u l-ġurisprudenza ċċitata

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 14 ta’ Diċembru 2006, Dálnoky vs Il‑Kummissjoni, F‑120/06 R, punt 41; 8 ta’ Settembru 2011, Pachtitis vs Il-Kummissjoni, F‑51/11 R, punt 17

2.      L-uffiċjal jew membru tal-persunal għandu, fil-prinċipju, interess ġuridiku kontra att li jikkawżalu preġudizzju, jiġifieri kontra miżura li toħloq effetti legali vinkolanti ta’ natura li jolqtu direttament u immedjatament l-interessi tiegħu billi tibdel is-sitwazzjoni legali tiegħu b’mod speċifiku. Fil-qasam tal-libertà sindakali, protetta permezz tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 24b tar-Regolamenti tal-Persunal, tali interess jeżisti kontra miżura li tikkonċerna direttament lil dan l-uffiċjal jew membru tal-persunal fl-eżerċizzju individwali ta’ dritt sindakali, li jkun jinsab fl-isfera tar-relazzjonijiet individwali ta’ xogħol tiegħu mal-istituzzjoni. Fi kliem ieħor, uffiċjal jew membru tal-persunal, li jkun membru jew rappreżentant ta’ organizzazzjoni sindakali jew professjonali, ma jistax ikollu interess ġuridiku kontra att jew miżura li, mingħajr ma tolqtu la direttament u lanqas professjonalment, tolqot biss l-interess kollettiv li din l-organizzazzjoni sindakali jew professjonali tipproteġi fil-kuntest tar-relazzjonijiet tagħha mal-istituzzjoni. Huwa biss fil-każ fejn il-preġudizzju kkawżat lill-organizzazzjoni sindakali jew professjonali, li jirriżulta mill-miżura inkwistjoni, ikun jista’ jitqies, fid-dawl tal-intensità tal-effetti tiegħu, bħala li jċaħħad lill-membri ta’ din l-organizzazzjoni mill-eżerċizzju normali tad-drittijiet sindakali tagħhom, li uffiċjali jew membri tal-persunal li jaġixxu b’mod individwali jkunu jistgħu jinvokaw interess ġuridiku kontra tali miżura. B’hekk, huwa biss f’dan il-każ li dan l-uffiċjal jew membru tal-persunal ikun jista’ jitlob b’mod utli l-ħruġ ta’ miżura provviżorja intiża biex jevita preġudizzju jew l-aggravament ta’ preġudizzju li jolqtu direttament u personalment fl-interessi tiegħu fil-kwalità tiegħu bħala membru jew rappreżentant tal-organizzazzjoni sindakali jew professjonali kkonċernata mill-miżura inkwistjoni.

(ara l-punt 18)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 10 ta’ Jannar 2006, Il‑Kummissjoni vs Alvarez Moreno, C‑373/04 P, punt 42, u l-ġurisprudenza ċċitata

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 6 ta’ Mejju 2009, Sergio et vs Il‑Kummissjoni, F‑137/07, punti 51 u 52; 26 ta’ Frar 2013, Labiri vs CESE, F‑124/10, punt 42

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 13 ta’ Diċembru 2012, Strack vs Il‑Kummissjoni, T‑199/11 P, punt 127

3.      Fil-kuntest ta’ talba għal miżuri provviżorji, l-Imħallef għal miżuri provviżorji, li quddiemu tkun allegata l-eżistenza ta’ riskju li r-rikorrent ibati preġudizzju gravi u irreparabbli, għandu jibbilanċja, f’kull każ, id-diversi interessi preżenti. Fir-rigward ta’ talba għat-tneħħija temporanja ta’ aċċess għall-mailbox imqiegħda għad-dispożizzjoni ta’ organizzazzjoni sindakali jew professjonali minn istituzzjoni, sakemm tittieħed deċiżjoni li tidentifika lill-persuni li għandhom id-dritt li jesprimu ruħhom u li jaġixxu f’isimha, din għandha l-effett li ċċaħħad lil din l-organizzazzjoni minn wieħed mill-mezzi ta’ komunikazzjoni essenzjali tagħha. B’hekk, din tista’ ddgħajjef lil tali sindakat meta mqabbel mal-oħrajn u ma tippermettix lill-istituzzjoni li tiżgura l-iżvolġiment tajjeb tal-imsemmija operazzjonijiet billi tiggarantixxi l-imparzjalità tagħhom u ugwaljanza fit-trattament bejn id-diversi organizzazzjonijiet sindakali jew professjonali tal-persunal tagħha. Għalhekk, tali miżura provviżorja tkun, minħabba l-effetti tagħha fuq il-proċedura elettorali, ta’ natura li tippreġudika l-obbligi tal-istituzzjoni, li għandha l-inkarigu li tiżgura r-regolarità u l-kontroll tal-operazzjonijiet elettorali lill-Kumitat tal-Persunal.

(ara l-punti 36 u 37)