Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landesverwaltungsgericht Tirol (l-Awstrija) fit-23 ta’ Novembru 2023 – Benediktinerabtei Ettal

(Kawża C-714/23, Benediktinerabtei Ettal)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Landesverwaltungsgericht Tirol

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Benediktinerabtei Ettal

Konvenut: Bezirkshauptmannschaft Innsbruck

Parti oħra fil-kawża: Benediktinerinnenkloster St. Nikolaus von Flüe

Domandi preliminari

L-Artikolu 63 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 6(3) tat-TGVG 1996 1 , li tgħid li l-akkwist ta’ titolu fuq art agrikola minn bidwi fis-sens tal-Artikolu 2(5)(a) tat-TGVG 1996 jista’ jiġi biss awtorizzat mill-awtorità inkarigata mit-trasferiment ta’ artijiet jekk l-akkwist ta’ titolu ma jkunx f’kunflitt mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 1(1)(a) tat-TGVG 1996 u l-akkwirent tat-titolu juri b’mod kredibbli li huwa qiegħed jamministra l-art agrikola b’mod sostenibbli u xieraq bħala parti mill-azjenda agrikola tiegħu?

Fil-każ li r-risposta għal din id-domanda tkun fl-affermattiv: Hemm sitwazzjoni oġġettivament komparabbli bejn, minn naħa, bidwi li l-azjenda agrikola tiegħu tinsab qrib l-art akkwistata u li biħsiebu jamministra din l-art bħala parti mill-azjenda agrikola tiegħu u, min-naħa l-oħra, bidwi li l-azjenda agrikola tiegħu la tinsab qrib l-art akkwistata (b’mod li huwa ekonomikament ġustifikabbli) u lanqas biħsiebu jamministra din l-art bħala parti mill-azjenda agrikola tiegħu sabiex tikkontribwixxi għall-azjenda agrikola tiegħu, iżda li pjuttost l-artijiet inkwistjoni jingħataw lill-bdiewa lokali permezz ta’ lokazzjoni jew għal perijodu ta’ żmien indeterminat permezz ta’ kuntratti prekarji, f’liema każ l-awtorizzazzjoni mill-awtorità inkarigata mit-trasferiment ta’ artijiet ikollha tiġi rrifjutata taħt id-dritt nazzjonali?

a)    Fil-każ li r-risposta għal din id-domanda tkun fl-affermattiv: Il-ħolqien, iż-żamma jew it-tisħiħ ta’ azjendi agrikoli jew forestali effiċjenti jikkostitwixxu raġuni li tiġġustifika r-restrizzjoni tal-moviment liberu tal-kapital, sa fejn id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 6, 7 u 7a tat-TGVG 1996 huma intiżi li jiżguraw li l-art agrikola tkun amministrata b’mod sostenibbli u skont l-iskop intiż mill-bdiewa fil-kuntest tal-azjenda agrikola tagħhom sabiex jissaħħu l-azjendi agrikoli u sabiex jipprevjenu l-frammentazzjoni u l-użu ħażin ta’ art agrikola?

____________

1     Tiroler Grundverkehrsgesetz 1996, LGBI. Nr. 61/1996, zuletzt geändert durch LGBI. Nr. 204/2021 (il-Liġi dwar it-Trasferiment ta’ Artijiet ta’ Tirol tal-1996, LGBI. Nru 61/1996, l-aħħar emendata bi LGBI. Nru 204/2021).