Language of document :

Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ April 2016 – L-Italja u Eurallumina vs Il-Kummissjoni

(Kawżi magħquda T-60/06 RENV II u T-62/06 RENV II) 1

(“Għajnuna mill-Istat – Direttiva 92/81/KEE – Dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali – Żjut minerali użati bħala kombustibbli għall-produzzjoni tal-alumina – Eżenzjoni mis-sisa – Natura selettiva tal-miżura – Għajnuna li tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq komuni – Qafas Komunitarju għall-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni tal-ambjent – Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat b’għan reġjonali tal-1998 – Aspettattivi leġittimi – Ċertezza legali – Prinċipju lex specialis derogat legi generali – Prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ legalità u ta’ effet utli tal-atti tal-istituzzjonijiet – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Obbligu ta’ motivazzjoniˮ)

Lingwi tal-kawża: it-Taljan u l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Taljana (rappreżentanti: G. Palmieri, aġent, assistit minn G. Aiello, avvocato dello Stato), u Eurallumina SpA (Portoscuso, l-Italja) (rappreżentanti: L. Martin Alegi, R. Denton, A. Stratakis u L. Philippou, solicitors)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: V. Di Bucci, N. Khan, G. Conte, D. Grespan u K. Walkerová, aġenti)

Suġġett

Talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/323/KE, tas-7 ta’ Diċembru 2005, dwar l-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa fuq iż-żjut minerali użati bħala kombustibbli għall-produzzjoni tal-alumina fir-reġjun ta’ Gardanne, fir-reġjun ta’ Shannon u f’Sardegna, implementata rispettivament minn Franza, l-Irlanda u l-Italja (ĠU 2006, L 119, p. 12), sa fejn din tikkonstata l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat mogħtija mir-Repubblika Taljana, bejn it-3 ta’ Frar 2002 u l-31 ta’ Diċembru 2003, abbażi tal-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa fuq iż-żjut minerali użati bħala kombustibbli għall-produzzjoni tal-alumina f’Sardegna (l-Italja) u sa fejn tordna lir-Repubblika Taljana tirkupra l-imsemmija għajnuna.

Dispożittiv

Ir-rikorsi huma miċħuda.

Ir-Repubblika Taljana hija kkundannata għall-ispejjeż fil-Kawżi T-60/06, T-60/06 RENV I u T-60/06 RENV II u hija kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll kwint mill-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea fil-Kawżi C-89/08 P u C-272/12 P.

Eurallumina SpA hija kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll tliet kwarti mill-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni fil-Kawżi T-62/06, T-62/06 RENV I u T-62/06 RENV II u tliet partijiet minn għoxrin tal-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni fil-Kawżi C-89/08 P u C-272/12 P.

Il-Kummissjoni hija kkundannata tbati kwart mill-ispejjeż tagħha stess fil-Kawżi T-62/06, T-62/06 RENV I u T-62/06 RENV II kif ukoll kwint mill-ispejjeż tagħha stess fil-Kawżi C-89/08 P u C-272/12 P.

____________

1 ĠU C 96, 22.4.2006.