Language of document : ECLI:EU:F:2008:160

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(L-Ewwel Awla)

4 ta’ Diċembru 2008

Kawża F-6/08

Jessica Blais

vs

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)

“Servizz pubbliku – Persunal tal-BĊE – Remunerazzjoni – Allowance ta’ espatrijazzjoni – Kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 17 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg tal-BĊE – Kundanna tar-rikorrenti għall-ispejjeż – Rekwiżiti ta’ ekwità – Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 36.2 tal-Protokoll dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, anness mat-Trattat KE, li permezz tiegħu J. Blais titlob l‑annullament tad-deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew, tal-15 ta’ Awwissu 2007, kif ikkonfermata mid-deċiżjoni tal-president tiegħu, tat-8 ta’ Novembru 2007, li ma tingħatax allowance ta’ espatrijazzjoni.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrenti għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, nofs l-ispejjeż tal-Bank Ċentrali Ewropew. Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jbati nofs l-ispejjeż tiegħu.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew – Remunerazzjoni – Allowance ta’ espatrijazzjoni – Kundizzjonijiet għall-għoti – Uffiċjali li għandhom iċ-ċittadinanza tal-Istat Membru tal-assenjazzjoni tagħhom

(Regolamenti tal-Persunal, Anness VII, Artikolu 4(1); Kondizzjonijiet tal-impjieg tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17)

2.      Uffiċjali – Membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew – Remunerazzjoni – Allowance ta’ espatrijazzjoni – Kundizzjonijiet għall-għoti – Uffiċjali li għandhom iċ-ċittadinanza tal-Istat Membru tal-assenjazzjoni tagħhom

(Regolamenti tal-Persunal, Anness VII, Artikolu 4(1); Kondizzjonijiet tal-impjieg tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikolu 17)

3.      Uffiċjali – Membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew – Remunerazzjoni – Allowance ta’ espatrijazzjoni – Kundizzjonijiet għall-għoti – Persuni li għandhom iċ-ċittadinanza doppja u li għandhom iċ-ċittadinanza tal-Istat Membru tal-assenjazzjoni tagħhom

(Kondizzjonijiet tal-impjieg tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikolu 17)

4.      Proċedura – Spejjeż – Responsabbiltà – Teħid inkunsiderazzjoni tar-rekwiżiti ta’ ekwità

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 87(2))

1.      Fuq il-mudell tal-Artikolu 4(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, l‑Artikolu 17 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew jissuġġetta l-għoti tal-allowance ta’ espatrijazzjoni għal kundizzjoni negattiva tar-residenza abitwali, jiġifieri n-nuqqas ta’ residenza abitwali fl-Istat tal-assenjazzjoni f’perijodu partikolari qabel id-dħul fis-servizz tal-parti kkonċernata. Dan il-perijodu huwa ddefinit b’mod differenti skont jekk il-membru tal-persunal ikkonċernat għandux jew le ċ-ċittadinanza tal-Istat li fit-territorju tiegħu jinstab il-post tal-assenjazzjoni tiegħu. Skont is-subparagrafu (i) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17, tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, il-membri tal-persunal li ma għandhomx u li qatt ma kellhom iċ-ċittadinanza tal-Istat li fit-territorju tiegħu jinstab il-post tal-assenjazzjoni tagħhom għandhom dritt għall-allowance ta’ espatrijazzjoni, ħlief jekk huma rrisjedew abitwalment jew eżerċitaw l-attività professjonali prinċipali tagħhom fit-territorju ta’ dan l-Istat fil-perijodu kollu ta’ ħames snin li jintemm sitt xhur qabel id-dħul tagħhom fis-servizz. Min-naħa l‑oħra, skont is-subparagrafu (ii) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, il-membri tal-persunal li għandhom jew li kellhom iċ-ċittadinanza tal-Istat li fit-territorju tiegħu jinstab il-post tal-assenjazzjoni tagħhom għandhom dritt għall-allowance ta’ espatrijazzjoni biss jekk huma rrisjedew abitwalment barra mit-territorju ta’ dan l-Istat fil-perijodu sħiħ ta’ għaxar snin li jintemm fid-data tad-dħul tagħhom fis-servizz.

Ir-raġuni wara l-allowance ta’ espatrijazzjoni prevista mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal hija li tħallas għall-ispejjeż u l-isvantaġġi partikolari li jirriżultaw mill-eżerċizzju permanenti tal-funzjonijiet f’pajjiż li miegħu l-uffiċjal ma għandux jew ma għandux iktar rabtiet fit-tul qabel id-dħul fis-servizz tiegħu. Dan japplika, b’analoġija, ukoll għall-membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew. B’hekk kull interpretazzjoni tal-Artikolu 17 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg tal-persunal li teskludi mill-benefiċċju tal-allowance ta’ espatrijazzjoni membri tal-persunal li jinsabu f’din is-sitwazzjoni tinjora r-raġuni wara l-allowance ta’ espatrijazzjoni. Issa, dan ikun il-każ jekk id‑dħul fis-servizz previst fis-subparagrafu (ii) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ikun interpretat bħala li jista’ jindika biss id-dħul fis-servizz bħala membru tal-persunal. Fil-fatt, peress li din id-dispożizzjoni teżiġi li l-parti kkonċernata tkun stabbilixxiet ir-residenza abitwali tagħha barra mill-pajjiż tal-post tal-assenjazzjoni fil-perijodu sħiħ ta’ referenza, ikun suffiċjenti li r‑reklutaġġ ta’ membru tal-persunal jaqa’ taħt l-imsemmija dispożizzjoni fis-subparagrafu (ii), jiġifieri għandha jew kellha ċ-ċittadinanza tal-pajjiż tal-post tal-assenjazzjoni, ikun preċedut minn kuntratt b’terminu fiss ta’ inqas minn sena sabiex dan il-membru tal-persunal, obbligat li jittrasferixxi r-residenza abitwali tiegħu fil-pajjiż tal-post tal-assenjazzjoni tiegħu qabel id-dħul tiegħu fis-servizz, ikun awtomatikament imċaħħad mill-possibbiltà li jikseb l-allowance ta’ espatrijazzjoni, anki jekk ma rrisjediex b’mod abitwali fil-pajjiż tal-post tal-assenjazzjoni fl-għaxar snin preċedenti għar-reklutaġġ tiegħu bħala membru tal-persunal bil-kuntratt għal żmien qasir.

Konsegwentement, id-dħul fis-servizz għandu jiġi interpretat fis-sens tad-dispożizzjonijiet tas-subparagrafu (ii) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, bħala l-ewwel dħul fis-servizz fil-Bank Ċentrali Ewropew, ikun x’ikun il-kuntratt tax-xogħol konkluż mill-parti kkonċernata mal-Bank Ċentrali Ewropew.

(ara l-punti 54, 55, 72 u 75)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 13 ta’ Novembru 1986, Richter vs Il‑Kummissjoni, 330/85, Ġabra p. 3439, punt 6; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 30 ta’ Marzu 1993, Vardakas vs Il‑Kummissjoni, T‑4/92, Ġabra p. II‑357, punt 39; 14 ta’ Diċembru 1995, Diamantaras vs Il‑Kummissjoni, T‑72/94, ĠabraSP p. I‑A‑285 u II‑865, punt 48

2.      Fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dritt għall-allowance ta’ espatrijazzjoni, il-post tar-residenza abitwali li għalih jirreferi l-Artikolu 17 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, b’analoġija mal-Artikolu 4(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, jikkorrispondi mal-post fejn il-parti kkonċernata stabbilixxiet, bil-volontà li tagħtih karattru stabbli, iċ-ċentru permanenti jew abitwali tal-interessi tagħha. Il-kundizzjoni tan-nuqqas ta’ residenza abitwali għandha tiġi evalwata b’kunsiderazzjoni tal-elementi kollha ta’ fatt rilevanti tal-każ. Fil-fatt, il-kunċett ta’ espatrijazzjoni jiddependi mis-sitwazzjoni partikolari tal-parti kkonċernata, b’mod partikolari mill-punt dwar jekk, għalkemm għandha ċ-ċittadinanza tal-Istat Membru tal-post tagħha tal-assenjazzjoni, effettivament interrompietx ir-rabtiet soċjali u professjonali tagħha mal-imsemmi Stat permezz tat-trasferiment totali u fit-tul tar-residenza abitwali tagħha barra mit-territorju tal-imsemmi Stat.

Ir-residenza effettiva, l-attività professjonali u r-rabtiet personali huma l-kriterji prinċipali tal-post tar-residenza.

Il-fatt biss li wieħed jirrisjedi f’pajjiż sabiex jikkompleta studji universitarji u li jagħmel perijodi ta’ prattika professjonali ma jippermettix li tiġi preżunta l‑eżistenza ta’ volontà li wieħed jittrasferixxi ċ-ċentru permanenti tal-interessi tiegħu f’dan il-pajjiż. Min-naħa l-oħra, il-fatt li wieħed ikun ittrasferixxa ruħu f’pajjiż sabiex imur jgħix flimkien mas-sieħeb jew sieħba, li jikri residenza sabiex jgħix mal-aħħar imsemmija persuna u li jeżerċita attività professjonali fil-kuntest ta’ kuntratt tax-xogħol b’terminu fiss jippermetti li jiġi preżunt t-trasferiment taċ-ċentru abitwali tal-interessi fil-pajjiż ikkonċernat.

(ara l-punti 87, 88, 90 u 91)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja Richter vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 6; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 28 ta’ Septembru 1993, Magdalena Fernández vs Il‑Kummissjoni, T‑90/92, Ġabra p. II‑971, punti 27 sa 30; 25 ta’ Ottubru 2005, Dedeu i Fontcuberta vs Il‑Kummissjoni, T‑299/02, ĠabraSP p. I‑A‑303 u II‑1377, punt 77; 27 ta’ Septembru 2006, Koistinen vs Il‑Kummissjoni, T‑259/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑177 u II‑A‑2‑879; 19 ta’ Ġunju 2007, Asturias Cuerno vs Il‑Kummissjoni, T‑473/04, Ġabra p. I‑0000, punt 74; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 20 ta’ Novembru 2007, Kyriazis vs Il‑Kummissjoni, F‑120/05, Ġabra p. I‑0000, punt 50

3.      Fid-dawl tal-għan tal-allowance ta’ espatrijazzjoni, li huwa li jħallas għall-ispejjeż u l-iżvantaġġi partikolari li jirriżultaw mill-eżerċizzju permanenti tal-funzjonijiet f’pajjiż li miegħu l-uffiċjal ma għandux jew ma għandux iktar rabtiet fit-tul qabel id-dħul fis-servizz tiegħu, id-differenza fit-trattament previst mill-Artikolu 17 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, żvantaġġuż għall-membru tal-persunal ċittadin tal-pajjiż tal-assenjazzjoni, jista’ jiġi ġġustifikat biss fuq il-bażi tal-preżunzjoni li skont din, iċ-ċittadinanza ta’ persuna tammonta għal indikazzjoni serja tal-eżistenza tar-rabtiet multipli u stretti bejn din il-persuna u l-pajjiż li tiegħu hija ċittadin. Fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali li għandu f’dan il-qasam, il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew huwa ġustifikat li jasal għal konklużjoni minn dak li ntqal iktar ’il fuq li l-membri tal-persunal li għandhom ċittadinanza tal-pajjiż tal-post tal-assenjazzjoni tagħhom, anki dawk li kellhom ibiddlu r-residenza tagħhom minħabba d-dħul tagħhom fis-servizz, ma batewx l-ispejjeż u l-iżvantaġġi li l-allowance ta’ espatrijazzjoni għandha l-għan li tagħmel tajjeb għalihom, għall-inqas mhux fl-istess livell ta’ intensità li l-membri tal-persunal li ma għandhomx din iċ-ċittadinanza, u b’hekk għandhom bħala regola ġenerali, ma jibbenefikawx minn din l-allowance. Barra minn hekk, huwa jista’ jissottoponi l-eċċezzjonijiet mogħtija lil din ir-regola ta’ esklużjoni għal kundizzjonijiet stretti, b’mod partikolari n-nuqqas ta’ kull residenza abitwali fil-pajjiż tal-post tal-assenjazzjoni għal perijodu ta’ għaxar snin qabel id-dħul fis-servizz.

Il-Kunsill Governattiv huwa responsabbli, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandu f’dan il-qasam, li jiddetermina l-kundizzjonijiet li fihom iċ‑ċittadini ta’ pajjiż tal-post tal-assenjazzjoni jistgħu jiġu meqjusa bħala trasferiti f’dan il-pajjiż. Issa, il-kriterju stabbilit fl-Artikolu 17 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, jiġifieri l-fatt li ma rrisjedix fil-pajjiż tal-post tal-assenjazzjoni għal perijodu ta’ għaxar snin qabel id-dħul fis-servizz, ma jidhirx inadegwat u lanqas irraġonevoli. L-istess kriterju b’hekk ġie adottat mil-leġiżlatur Komunitarju fl-Artikolu 4 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal għall-għoti tal-allowance ta’ espatrijazzjoni lill-uffiċjali Komunitarji.

Min-naħa l-oħra, il-Bank Ċentrali Ewropew għandu d-dritt, hekk kif jirriżulta wkoll mis-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tiegħu, li jissuġġetta l-persuni li għandhom ċittadinanza doppja għar-regoli komuni, bil-għan li jirreżerva l‑benefiċċju tal-allowance ta’ espatrijazzjoni, dovut skont is-subparagrafu (ii) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, lill-persuni oġġettivament ittrasferiti fl-Istat fejn huma jaħdmu. B’hekk, l-Artikolu 3.7.4 tar-regoli applikabbli għall-persunal tal-Bank jista’ legalment jassimila, għall-applikazzjoni tas-subparagrafu (ii) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, lill-membru tal-persunal li għandu ċittadinanza doppja, fosthom dik tal-Istat li fit-territorju tiegħu jinstab il-post tal-assenjazzjoni tiegħu, mal-membru tal-persunal li għandu biss iċ-ċittadinanza tal-imsemmi Stat.

(ara l-punti 102, 106 u 107)

Referenza: It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 11 ta’ Lulju 2007, B vs Il‑Kummissjoni, F‑7/06, Ġabra p. I‑0000, punt 39, u l-ġurisprudenza ċċitata

4.      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, jekk ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ekwità, it-Tribunal jista’ jiddeċiedi li parti telliefa għandha tiġi kkundannata tbati biss parti mill-ispejjeż, jew saħansitra li hija ma jkollhiex tiġi kkundannata f’dan ir-rigward.

F’dan ir-rigward, l-imġieba tal-istituzzjoni, l-importanza tal-valur pekunjarju tal-kontroversja, il-karattru serju tal-argumenti tar-rikorrenti, l-ammont tal-ispejjeż tar-rikorrenti fir-rigward tar-riżorsi tagħha u tas-sitwazzjoni professjonali tagħha jammontaw għal elementi li jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

(ara l-punti 111 sa 116)