Language of document :

Rikors ippreżentat fis-17 ta' Marzu 2010 - CBI vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-137/10)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Coordination bruxelloise d'Institutions sociales et de santé (CBI) (Brussell, il-Belġju) (rappreżentanti: D. Waelbroeck, avukat, u D. Slater, solicitor)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tal-konvenuta tat-28 ta' Ottubru 2009, li tiddikjara kompatibbli mas-suq komuni abbażi tal-Artikolu 86(2) KE, l-għajnuna mill-Istat illegali mogħtija mill-Belġju lil ċerti sptarijiet pubbliċi tar-Région de Bruxelles-Capitale u li tiċħad l-ilment tar-rikorrenti;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan ir-rikors, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 8120 finali COR, tat-28 ta' Ottubru 2009, li tiddikjara kompatibbli mas-suq komuni l-finanzjamenti kollha mogħtija mill-awtoritajiet Belġjani favur l-isptarijiet pubbliċi tan-netwerk IRIS tar-Région Bruxelles-Capitale bħala għajnuna għall-missjonijiet ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali (SIEĠ) relatati mal-isptarijiet u mhux relatati mal-isptarijiet [Għajnuna mill-Istat NN 54/2009 (ex-CP 244/2005)].

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tinkludi żbalji manifesti ta' evalwazzjoni jew, mill-inqas, ta' nuqqas serju ta' motivazzjoni.

Ir-rikorrenti ssostni b'mod partikolari li l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li ma hemm l-ebda bżonn li tiġi eżaminata l-effiċjenza tal-benefiċjarja tal-għajnuna, pereżempju billi tiġi pparagunata ma' "impriża medja, immexxija sew u adegwatament mgħammra", fl-analiżi ta' għajnuna mill-Istat mill-perspettiva tal-Artikolu 86(2) KE, tippermetti li l-Istati Membri jkopru l-ispejjeż kollha, daqstant kbar u sproporzjonati, tal-impriża inkarigata mill-missjoni ta' servizz pubbliku, u għandha għalhekk tiġi miċħuda.

Ir-rikorrenti ssostni li, sabiex tiġi evitata kull distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq, l-għajnuna għall-implementazzjoni tal-missjoni ta' servizz pubbliku għandha tiġi limitata għal dak li hu strettament neċessarju meta mqabbla mal-ispejjeż li kieku kien jiġġenera operatur effiċjenti, li ma kienx il-każ hawnhekk.

____________