Language of document : ECLI:EU:T:2005:453

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Awla Manja)

14 ta' Diċembru 2005(*)

"Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità – Inkompatibbiltà tas-sistema Komunitarja ta' importazzjoni tal-banana mar-regoli ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) – Impożizzjoni mill-Istati Uniti ta' l-Amerika ta' miżuri ta' ritaljazzjoni fil-forma ta' dazju addizzjonali fuq importazzjonijiet li ġejjin mill-Komunità bl-awtorizzazzjoni tal-WTO – Deċiżjoni tal-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim tal-WTO – Effetti legali – Responsabbiltà tal-Komunità fin-nuqqas ta' aġir illegali tal-korpi tagħha – Rabta kawżali – Dannu barra min-normal u speċjali"

Fil-kawża T-383/00,

Beamglow Ltd, stabbilita f'St Ives, Cambs (ir-Renju Unit), rappreżentata minn D. Waelbroeck, avukat, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

il-Parlament Ewropew, rappreżentat minn R. Passos u K. Bradley, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, rappreżentat minn S. Marquardt u M. Bishop, bħala aġenti,

u

il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, rappreżentata minn P. Kuijper, C. Brown u E. Righini, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuti,

sostnuti mir-

Renju ta' Spanja, rappreżentat inizjalment minn R. Silva de Lapuerta, u sussegwentement minn E. Braquehais Conesa, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett rikors għal kumpens għad-danni allegatament ikkawżati mid-dazju addizzjonali impost mill-Istati Uniti ta' l-Amerika fuq l-importazzjoni ta' kaxxi tal-kartun stampat u ddekorat li jintwew tar-rikorrenti, liema dazju kien awtorizzat mill-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) wara l-konstatazzjoni ta' l-inkompatibbiltà tas-sistema Komunitarja ta' importazzjoni tal-banana mal-Ftehim u l-Memoranda annessi mal-Ftehim li jistabbilixxi l-WTO,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Awla Manja),

komposta minn B. Vesterdorf, President, P. Lindh, J. Azizi, J. Pirrung, H. Legal, R. García-Valdecasas, V. Tiili, J. D. Cooke, A. W. H. Meij, M. Vilaras u N. J. Forwood, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta' Mejju 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1       Fil-15 ta' April 1994, il-Komunità ffirmat l-Att Finali li jinkorpora r-riżultati tan-negozjati kummerċjali multilaterali tal-Laqgħa ta' l-Urugwaj, il-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), kif ukoll il-Ftehim u l-Memoranda kollha li jinsabu fl-Annessi 1 sa 4 tal-Ftehim li jistabbilixxi l-WTO (iktar 'il quddiem il-"Ftehim WTO").

2       Wara din il-firma, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 94/800/KE tat-22 ta' Diċembru 1994 dwar il-konklużjoni f'isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x'jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq[a fin-]negozjati multilaterali [tal-Laqgħa ta' l-]Urugwaj (1986-1994) (ĠU L 336, p. 1).

3       Kif jirriżulta mill-preambolu tal-Ftehim li jistabbilixxi l-WTO, il-ħsieb tal-partijiet kontraenti kien li jistabbilixxu ftehim "ibbażati fuq arranġamenti reċiproċi u vantaġġjużi għal kull parti, li jwasslu għal tnaqqis sostanzjali tat-tariffi doganali u ta' l-ostakoli l-oħra għall-kummerċ u għall-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni fir-relazzjonijiet kummerċjali internazzjonali" [traduzzjoni mhux uffiċjali].

4       Il-paragrafu 2 ta' l-Artikolu II tal-Ftehim li jistabbilixxi l-WTO jipprovdi:

"Il-ftehim u l-istrumenti legali relatati inklużi fl-Annessi 1, 2 u 3 […] huma parti integrali minn dan il-Ftehim u jorbtu lill-Membri kollha." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5       L-Artikolu XVI, intitolat "Dispożizzjonijiet Mixxellanji", tal-Ftehim li jistabbilixxi l-WTO, jipprovdi fil-paragrafu 4 tiegħu:

"Kull Membru għandu jassigura li l-liġijiet, regolamenti u proċeduri amministrattivi tiegħu jikkonformaw ma' l-obbligi tiegħu kif stabbiliti fil-Ftehim li jinsabu fl-Annessi." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6       Barra minn hekk, il-Memorandum ta' Ftehim dwar ir-Regoli u l-Proċeduri li jirregolaw is-Soluzzjoni tat-Tilwim (iktar 'il quddiem "DSU"), li jinsab fl-Anness 2 tal-Ftehim li jistabbilixxi l-WTO, jispeċifika, fl-aħħar sentenza tal-paragrafu 2 ta' l-Artikolu 3 tiegħu, intitolat "Dispożizzjonijiet Ġenerali":

"Ir-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tal-[Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim] ma jistgħux iżidu jew inaqqsu d-drittijiet u l-obbligi stabbiliti fil-Ftehim koperti." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7       Skond l-Artikolu 3(7) tad-DSU:

"Qabel ma jressaq kawża, Membru għandu juża l-ġudizzju tiegħu biex jiddeċiedi jekk azzjoni taħt dawn il-proċeduri tistax twassal għal riżultat utli. L-għan tal-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim huwa li jikseb soluzzjoni pożittiva għal tilwima. Mingħajr dubju, huwa preferibbli li tinstab soluzzjoni li tkun aċċettabbli għall-partijiet kollha involuti fit-tilwima u li tkun konsistenti mal-Ftehim koperti. Fil-każ li ma tkunx tista' tinstab soluzzjoni aċċettabbli għall-partijiet kollha, l-ewwel għan tal-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim għandu normalment ikun li jikseb it-tneħħija tal-miżuri kkonċernati jekk jinstab li dawn huma inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet ta' xi wieħed mill-Ftehim koperti. Ir-rimedju tal-kumpens għandu jintuża biss f'dawk il-każijiet fejn it-tneħħija immedjata tal-miżura in kwistjoni ma tkunx prattikabbli u bħala miżura temporanja sakemm titneħħa l-miżura li tkun inkompatibbli ma' Ftehim kopert. Ir-rimedju aħħari li d-[DSU] jipprovdi lill-Membru li jirrikorri għall-proċeduri għas-soluzzjoni tat-tilwim huwa li jissospendi l-applikazzjoni ta' konċessjonijiet jew obbligi oħra taħt il-Ftehim koperti, fuq bażi diskriminatorja fir-rigward tal-Membru l-ieħor, bil-kundizzjoni li l-[Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim] ikun awtorizza dawn il-miżuri." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8       L-Artikolu 7 tad-DSU jipprovdi li l-gruppi speċjali għandhom jaslu għall-konstatazzjonijiet tagħhom sabiex jassistu lill-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim (iktar 'il quddiem "DSB") fil-formulazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet jew fid-deċiżjoni fuq il-kwistjonijiet imressqa quddiem dan il-Korp. Skond l-Artikolu 12(7) tad-DSU, fil-każijiet fejn il-partijiet involuti fit-tilwima ma jaslux għal soluzzjoni sodisfaċenti għal partijiet kollha, il-grupp speċjali għandu jippreżenta l-konstatazzjonijiet tiegħu lid-DSB fil-forma ta' rapport bil-miktub.

9       L-Artikolu 17 tad-DSU jipprovdi li d-DSB għandu jistabbilixxi Bord ta' l-Appell permanenti li jkun inkarigat mis-smigħ ta' appelli dwar il-kwistjonijiet sottomessi lill-gruppi speċjali.

10     Skond l-Artikolu 19 tad-DSU, meta grupp speċjali jew il-Bord ta' l-Appell jikkonkludi li miżura mhix kompatibbli ma' Ftehim WTO, huwa għandu jirrakkomanda li l-Membru kkonċernat jieħu passi biex jagħmel din il-miżura kompatibbli ma' dak il-Ftehim. Minbarra li jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu, il-grupp speċjali jew il-Bord ta' l-Appell jista' jissuġġerixxi lill-Membru kkonċernat modi kif jista' jimplimenta dawn ir-rakkomandazzjonijiet.

11     L-Artikolu 21 tad-DSU, intitolat "Sorveljanza ta' l-Implimentazzjoni ta' Rakkomandazzjonijiet u Deċiżjonijiet", jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-konformità, fl-iqsar żmien possibbli, mar-rakkomandazzjonijiet jew mad-deċiżjonijiet tad-DSB hija meħtieġa sabiex tinstab soluzzjoni effettiva għat-tilwim fl-interess tal-Membri kollha.

12     Skond l-Artikolu 21(3) tad-DSU, il-Membru kkonċernat li ma jkunx jista' jikkonforma ruħu immedjatament mar-rakkomandazzjonijiet u mad-deċiżjonijiet tad-DSB, għandu jkollu terminu raġonevoli li fih jagħmel dan. Jekk ikun il-każ, dan it-terminu għandu jkun determinat permezz ta' arbitraġġ vinkolanti.

13     Fil-każ ta' nuqqas ta' ftehim dwar l-eżistenza jew il-kompatibbiltà ma' Ftehim WTO ta' miżuri meħuda sabiex Membru jikkonforma ruħu mar-rakkomandazzjonijiet jew mad-deċiżjonijiet tad-DSB, l-Artikolu 21(5) tad-DSU jispeċifika li din it-tilwima għandha tkun deċiża billi jiġu segwiti l-proċeduri għas-soluzzjoni tat-tilwim stabbiliti fid-DSU, inkluż, meta dan ikun possibbli, permezz ta' rikors għall-grupp speċjali oriġinali.

14     Skond l-Artikolu 21(6) tad-DSU, id-DSB għandu jissorvelja l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet jew tad-deċiżjonijiet adottati u, sakemm id-DSB ma jiddeċidix mod ieħor, il-kwistjoni ta' l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet jew tad-deċiżjonijiet għandha titniżżel fuq l-aġenda tal-laqgħa tad-DSB wara li jgħaddu sitt xhur mid-data li fiha jkun ġie stabbilit it-terminu raġonevoli previst fil-paragrafu 3 u għandha tibqa' fuq l-aġenda tal-laqgħat tad-DSB sakemm din il-kwistjoni tiġi riżolta.

15     L-Artikolu 22 tad-DSU, intitolat "Kumpens u sospensjoni ta' konċessjonijiet", jipprovdi:

"1. Il-kumpens u s-sospensjoni ta' konċessjonijiet jew ta' obbligi oħra huma miżuri temporanji li jistgħu jintużaw fil-każ li r-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet ma jkunux implimentati f'terminu raġonevoli. Madankollu, la l-kumpens u lanqas is-sospensjoni ta' konċessjonijiet jew ta' obbligi oħra m'huma preferibbli għall-implimentazzjoni sħiħa ta' rakkomandazzjoni biex miżura inkompatibbli tiġi reża kompatibbli mal-Ftehim koperti. Il-kumpens huwa volontarju u, jekk jingħata, għandu jkun kompatibbli mal-Ftehim koperti.

2. Jekk il-Membru kkonċernat ma jirrendix il-miżura dikjarata inkompatibbli ma' Ftehim kopert konformi ma' dan il-Ftehim jew jonqos, b'xi mod ieħor, milli jikkonforma ruħu mar-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet fit-terminu raġonevoli stabbilit skond l-Artikolu 21(3), dan il-Membru għandu, jekk hekk jintalab u mhux aktar tard minn meta jiskadi t-terminu raġonevoli, jidħol f'negozjati mal-partijiet kollha li jkunu invokaw il-proċeduri għas-soluzzjoni tat-tilwim, bil-għan li jinstab kumpens aċċettabbli għall-partijiet kollha. Jekk fi żmien 20 jum minn meta jiskadi t-terminu raġonevoli ma jkunx intlaħaq ftehim dwar kumpens sodisfaċenti, kull parti li tkun invokat il-proċeduri għas-soluzzjoni tat-tilwim tista' titlob l-awtorizzazzjoni tad-DSB biex tissospendi, fir-rigward tal-Membru konċernat, l-applikazzjoni ta' konċessjonijiet jew ta' obbligi oħra taħt il-Ftehim koperti.

3. Meta tkun qed tikkunsidra liema konċessjonijiet jew obbligi oħra għandha tissospendi, il-parti li tkun għamlet ilment għandha tapplika l-prinċipji u l-proċeduri segwenti:

a)      il-prinċipju ġenerali huwa li l-parti li tkun għamlet ilment għandha l-ewwel tfittex li tissospendi l-konċessjonijiet jew obbligi oħra li jolqtu l-istess settur(i) li fir-rigward tiegħu (tagħhom) il-grupp speċjali jew il-Bord ta' l-Appell sab ksur jew tixjin jew tnaqqis ieħor ta' benefiċċji;

b)      jekk din il-parti jidhrilha li s-sospensjoni tal-konċessjonijiet jew ta' obbligi oħra li jolqtu l-istess settur(i) mhijiex possibbli jew effikaċi, hija tista' tfittex li tissospendi konċessjonijiet jew obbligi oħra li jolqtu setturi oħra taħt l-istess Ftehim;

c)      jekk din il-parti jidhrilha li s-sospensjoni tal-konċessjonijiet jew obbligi oħra li jolqtu setturi oħra taħt l-istess Ftehim mhijiex possibbli jew effikaċi, u li ċ-ċirkustanzi huma gravi biżżejjed, hija tista' tfittex li tissospendi konċessjonijiet jew obbligi oħra taħt Ftehim kopert ieħor;

[...]

4. Il-livell tas-sospensjoni ta' konċessjonijiet jew ta' obbligi oħra awtorizzat mid-DSB għandu jkun ekwivalenti għal-livell tat-tixjin jew tnaqqis tal-benefiċċji.

[…]

6. Meta sseħħ is-sitwazzjoni deskritta fil-paragrafu 2, id-DSB għandu, jekk jiġi hekk mitlub, jawtorizza s-sospensjoni tal-konċessjonijiet u ta' obbligi oħra fi żmien 30 jum minn meta jiskadi t-terminu raġonevoli, sakemm ma jiddeċidix, b'vot unanimu, li jiċħad it-talba. Madankollu, jekk il-Membru kkonċernat jikkontesta l-livell ta' sospensjoni proposta, jew isostni li l-prinċipji u l-proċeduri stabbiliti fil-paragrafu 3 ma jkunux ġew segwiti meta parti li tkun għamlet ilment talbet l-awtorizzazzjoni biex tissospendi konċessjonijiet jew obbligi oħra […], il-kwistjoni għandha tkun sottomessa għall-arbitraġġ. L-arbitraġġ għandu jsir mill-grupp speċjali oriġinali, jekk il-membri tiegħu jkunu disponibbli, jew minn arbitru maħtur mid-Direttur Ġenerali, u għandu jkun konkluż fi żmien 60 jum minn meta jiskadi t-terminu raġonevoli. Il-konċessjonijiet jew obbligi oħra m'għandhomx ikunu sospiżi matul l-arbitraġġ.

7. L-arbitru li jaġixxi skond il-paragrafu 6, m'għandux jeżamina n-natura tal-konċessjonijiet jew ta' l-obbligi l-oħra li jkunu ser jiġu sospiżi, iżda għandu jiddetermina jekk il-livell ta' din is-sospensjoni huwiex ekwivalenti għal-livell tat-tixjin jew tat-tnaqqis tal-benefiċċji. […] Il-partijiet għandhom jaċċettaw id-deċiżjoni ta' l-arbitru bħala finali u l-partijiet konċernati m'għandhomx jitolbu arbitraġġ ieħor. Id-DSB għandu jkun infurmat b'din id-deċiżjoni fl-iqsar żmien possibbli u, jekk jiġi hekk mitlub, għandu jawtorizza s-sospensjoni tal-konċessjonijiet jew obbligi oħra jekk it-talba tkun kompatibbli mad-deċiżjoni ta' l-arbitru, sakemm id-DSB ma jiddeċidix, b'vot unanimu, li jiċħad it-talba.

8. Is-sospensjoni ta' konċessjonijiet u ta' obbligi oħra għandha tkun temporanja u għandha tkun applikata biss sakemm titneħħa l-miżura dikjarata inkompatibbli ma' Ftehim kopert, jew sakemm il-Membru li għandu jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet jew id-deċiżjonijiet ikun sab soluzzjoni għat-tixjin jew għat-tnaqqis ta' benefiċċji jew sakemm tinstab soluzzjoni sodisfaċenti għall-partijiet kollha. Skond [l-Artikolu 21(6) tad-DSU], id-DSB għandu jibqa' jissorvelja l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet jew deċiżjonijiet adottati, inkluż f'dawk il-każijiet fejn ikun ingħata kumpens jew fejn ikunu ġew sospiżi konċessjonijiet jew obbligi oħra iżda fejn ir-rakkomandazzjonijiet biex miżura tiġi reża kompatibbli mal-Ftehim koperti ma jkunux ġew implimentati.

[...]" [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

16     Fit-13 ta' Frar 1993, il-Kunsill adotta r-Regolament (KEE) Nru 404/93 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-banana (ĠU L 47, p. 1, iktar 'il quddiem l-"OKS banana"). Is-sistema li tirregola l-kummerċ ma' pajjiżi terzi, stabbilita fit-Titolu IV ta' dan ir-Regolament, kien jipprovdi dispożizzjonijiet preferenzjali fir-rigward tal-banana li ġejja minn ċerti Stati ta' l-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) kofirmatarji tar-raba' Konvenzjoni AKP-KEE ta' Lomé tal-15 ta' Diċembru 1989 (ĠU 1991, L 229, p. 3).

17     Wara li fi Frar 1996 tressqu lmenti minn diversi Membri tal-WTO, inklużi l-Ekwador u l-Istati Uniti ta' l-Amerika, quddiem id-DSB, il-grupp speċjali stabbilit skond id-dispożizzjonijiet tad-DSU issottometta, fit-22 ta' Mejju 1997, ir-rapporti tiegħu li jikkonkludu li s-sistema ta' importazzjoni ta' l-OKS banana kienet inkompatibbli ma' l-obbligi assunti mill-Komunità taħt il-Ftehim WTO. Ir-rapporti tal-grupp speċjali rrakkomandaw ukoll li d-DSB jistieden lill-Komunità biex tikkonforma din is-sistema ma' l-obbligi tagħha taħt il-Ftehim WTO.

18     Wara li l-Komunità appellat, il-Bord ta' l-Appell permanenti, fid-9 ta' Settembru 1997, ikkonferma sostanzjalment il-konklużjonijiet tal-grupp speċjali u rrakkomanda li d-DSB jistieden lill-Komunità biex tikkonforma d-dispożizzjonijiet Komunitarji in kwistjoni mal-Ftehim WTO.

19     Fil-25 ta' Settembru 1997, id-DSB adotta r-rapporti tal-grupp speċjali u tal-Bord ta' l-Appell.

20     Fis-16 ta' Ottubru 1997, il-Komunità informat lild-DSB, skond l-Artikolu 21(3) tad-DSU, li hija kienet ħa tirrispetta kompletament l-obbligi internazzjonali tagħha.

21     Fis-17 ta' Novembru 1997, l-Istati li ressqu l-ilment talbu, b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 21(3)(c) tad-DSU, li, permezz ta' arbitraġġ vinkolanti, jiġi stabbilit terminu raġonevoli li fih il-Komunità tkun marbuta li tikkonforma ruħha ma' l-obbligi tagħha.

22     Permezz ta' sentenza arbitrali ppubblikata fis-7 ta' Jannar 1998, l-arbitru stabbilixxa l-perijodu bejn il-25 ta' Settembru 1997 u l-1 ta' Jannar 1999 għal dan l-iskop.

23     Permezz tar-Regolament (KE) Nru 1637/98 ta' l-20 ta' Lulju 1998, li jemenda r-Regolament Nru 404/93 (ĠU L 210, p. 28), il-Kunsill emenda s-sistema li tirregola l-kummerċ fil-banana ma' pajjiżi terzi.

24     Il-preambolu tar-Regolament Nru 1637/98 jirreleva:

"(1) […] għadd ta' bdil huwa meħtieġ fid-dispożizzjonijiet dwar il-kummerċ ma' pajjiżi terzi li jinsabu fit-Titolu IV tar-Regolament […] Nru 404/93;

(2) […] [i]r-rabtiet internazzjonali tal-Komunità taħt [i]l-[WTO] u mal-firmatarji tar-Raba' Konvenzjoni ACP-KE [ta' Lomé] għandhom jitħarsu, filwaqt li jinkisbu fl-istess waqt l-għanijiet ta' l-[OKS banana];

[…]

(9) […] [i]t-tħaddim ta' dan ir-Regolament għandu jerġa['] jitqies fl-aħħar ta' perjodu xieraq ta' prova;

[…]"

25     Fit-28 ta' Ottubru 1998, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (KE) Nru. 2362/98 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 404/93 fir-rigward tas-sistema ta' importazzjoni tal-banana fil-Komunità (ĠU L 293, p.32). Dan it-test jinkludi d-dispożizzjonijiet kollha meħtieġa biex tkun implimentata s-sistema l-ġdida li tirregola l-kummerċ fil-banana ma' pajjiżi terzi, inklużi l-miżuri transitorji meħtieġa minħabba li dawn ir-regoli dettaljati iddaħħlu fis-seħħ fi żmien qasir ħafna.

26     Peress li dehrilhom li l-Komunità kienet stabbiliet sistema ta' importazzjoni tal-banana maħsuba biex izżomm fis-seħħ l-elementi illegali tas-sistema preċedenti, bi ksur tal-Ftehim WTO u tad-deċiżjoni tad-DSB tal-25 ta' Settembru 1997, l-Istati Uniti ta' l-Amerika, fl-10 ta' Novembru 1998, ippubblikaw, fil-Federal Register, il-lista provviżorja tal-prodotti ġejjin mill-Istati Membri tal-Komunità li huma kellhom il-ħsieb jissottomettu, bħala miżura ta' ritaljazzjoni, għal dazju addizzjonali fuq l-importazzjoni.

27     Fil-21 ta' Diċembru 1998, l-Istati Uniti ta' l-Amerika ħabbru l-intenzjoni tagħhom li, mill-1 ta' Frar 1999, jew l-iktar tard, mit-3 ta' Marzu 1999, japplikaw dazju bir-rata ta' 100% fuq l-importazzjoni ta' prodotti Komunitarji mniżżla f'lista stabbilita mill-amministrazzjoni Amerikana.

28     Fl-14 ta' Jannar 1999, l-Istati Uniti ta' l-Amerika talbu lid-DSB, skond l-Artikolu 22(2) tad-DSU, li jiġu awtorizzati jissospendu, fir-rigward tal-Komunità u ta' l-Istati Membri tagħha, l-applikazzjoni ta' konċessjonijiet ta' tariffi u ta' obbligi relatati skond il-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) ta' l-1994 u l-Ftehim Ġenerali tal-Kummerċ fis-Servizzi (GATS), għall-kummerċ li jammonta għal 520 miljun dollaru Amerikan (USD).

29     Waqt laqgħa tad-DSB li saret bejn il-25 ta' Jannar u l-1 ta' Frar 1999, il-Komunità kkontestat dan l-ammont minħabba li ma kienx jikkorrispondi għall-livell tat-tixjin jew tat-tnaqqis tal-benefiċċji li sofrew l-Istati Uniti ta' l-Amerika u sostniet li l-prinċipji u l-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 22(3) tad-DSU ma kinux ġew rispettati.

30     Fid-29 ta' Jannar 1999, id-DSB iddeċieda, fuq talba tal-Komunità, li jissottometti din il-kwistjoni għall-arbitraġġ mill-grupp speċjali oriġinali, abbażi ta' l-Artikolu 22(6) tad-DSU, u ssospenda t-talba għal awtorizzazzjoni mressqa mill-Istati Uniti ta' l-Amerika sakemm ikun deċiż x'ammont ta' dazju kellu jkun awtorizzat biex jiġi impost bħala miżura ta' ritaljazzjoni.

31     Fit-3 ta' Marzu 1999, l-amministrazzjoni Amerikana imponiet fuq l-esportaturi Komunitarji ta' prodotti mniżżla fuq lista ġdida li stabbiliet hija stess, l-obbligu li jagħmlu garanzija bankarja għal 100% tal-valur tal-prodotti importati konċernati.

32     Permezz tad-deċiżjoni tad-9 ta' April 1999, l-arbitri, minn naħa, ikkunsidraw li diversi dispożizzjonijiet tas-sistema l-ġdida ta' importazzjoni ta' l-OKS banana kienu jmorru kontra dispożizzjonijiet tal-Ftehim WTO, u stabbilew il-livell tat-tixjin jew tat-tnaqqis ta' benefiċċji li sofrew l-Istati Uniti ta' l-Amerika bħala 191.4 miljuni USD fis-sena u, min-naħa l-oħra, ikkunsidraw li s-sospensjoni minn dan il-pajjiż ta' l-applikazzjoni, fir-rigward tal-Komunità u ta' l-Istati Membri tagħha, ta' konċessjonijiet ta' tariffi u ta' obbligi relatati skond il-GATT ta' l-1994, għall-valur massimu ta' kummerċ ta' 191.4 miljuni USD fis-sena, tkun kompatibbli ma' l-Artikolu 22(4) tad-DSU.

33     Fis-7 ta' April 1999, l-Istati Uniti ta' l-Amerika, b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 22(7) tad-DSU, talbu lid-DSB tawtorizzahom jiġbru dazju fuq l-importazzjoni sal-limitu ta' dan l-ammont.

34     Permezz ta' stqarrija għall-istampa tad-9 ta' April 1999, il-United States Trade Representative (ir-rappreżentant speċjali ta' l-Istati Uniti ta' l-Amerika għall-affarijiet kummerċjali, iktar 'il quddiem ir-"rappreżentant speċjali") ħabbar il-lista tal-prodotti milquta mid-dazju fuq l-importazzjoni bir-rata ta' 100%. F'din il-lista ta' prodotti li ġejjin mill-Awstrija, mill-Belġju, mill-Finlandja, minn Franza, mill-Ġermanja, mill-Greċja, mill-Irlanda, mill-Italja, mil-Lussemburgu, mill-Portugall, minn Spanja, mill-Iżvezja jew mir-Renju Unit, kienu inklużi, b'mod partikolari, il-"kaxxi, kaxxetti u kontenituri li jintwew magħmulin mill-karta jew kartun mhux immewweġ". Kien indikat li r-rappreżentant speċjali kellu jippubblika d-deċiżjoni li introduċiet id-dazju ta' 100% fil-Federal Register u li huwa kellu l-intenzjoni li jistabbilixxi t-3 ta' Marzu 1999 bħala d-data li fiha dan id-dazju kellu jibda jinġabar.

35     Din id-deċiżjoni, ippubblikata fid-9 ta' April 1999 fil-Federal Register (Volum 64, Nru 74, p. 19209 sa 19211), ġiet adottata abbażi ta' l-Artikolu 301 tat-Trade Act ta' l-1974 li jawtorizza lir-rappreżentant speċjali jieħu l-miżuri awtorizzati jekk jikkonstata li kien hemm ksur tad-drittijiet li l-Istati Uniti jgawdu taħt ftehim kummerċjali.

36     Mit-taqsima "Data tad-dħul fis-seħħ" tal-miżura ċċitata iktar 'il fuq jirriżulta li "[ir-rappreżentant speċjali] iddeċieda li dazju ad valorem ta' 100% ħa jkun applikat, b'effett mid-19 ta' April 1999, għall-prodotti mqiegħda għall-konsum u għal dawk li jinħarġu minn imħażen sabiex jiġu mqiegħda għall-konsum, fit-3 ta' Marzu 1999 jew wara din id-data".

37     Fis-6 ta' April 1999, grupp speċjali stabbilit fuq talba mressqa mill-Ekwador fit-18 ta' Diċembru 1998 skond l-Artikolu 21(5) tad-DSU, ikkonkluda wkoll li s-sistema Komunitarja ġdida ta' importazzjoni tal-banana kienet inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim WTO. Fis-6 ta' Mejju 1999, id-DSB approva r-rapport tal-grupp speċjali.

38     Fid-19 ta' April 1999, id-DSB awtorizza lill-Istati Uniti ta' l-Amerika biex jimponu dazji fuq l-importazzjonijiet li ġejjin mill-Komunità sal-limitu tal-valur ta' kummerċ ta' 191.4 miljun USD fis-sena.

39     Fil-25 ta' Mejju 1999, il-Komunità ikkontestat il-miżuri ta' ritaljazzjoni Amerikani għall-perijodu bejn it-3 ta' Marzu 1999 u d-19 ta' April 1999 quddiem l-awtoritajiet tal-WTO, b'mod partikolari minħabba li dawn daħlu fis-seħħ fit-3 ta' Marzu 1999.

40     Minħabba li l-grupp speċjali li quddiemu l-Komunità ressqet l-ilment tagħha ikkunsidra li d-dħul fis-seħħ ta' dan id-dazju addizzjonali Amerikan fit-3 ta' Marzu 1999 kien imur kontra d-dispożizzjonijiet tad-DSU, huwa ddifferixxa d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din il-miżura għad-19 ta' April 1999.

41     Fil-kuntest ta' negozjati mal-partijiet kollha interessati, il-Komunità ipproponiet li tagħmel xi emendi fl-OKS banana l-ġdida. Dawn l-emendi ġew introdotti permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 216/2001 tad-29 ta' Jannar 2001 li jemenda r-Regolament Nru 404/93 (ĠU L 31, p. 2).

42     Skond il-preambolu tar-Regolament Nru 216/2001:

"(1) Kien hemm kuntatti numerużi mill-qrib ma' pajjiżi fornituri u ma' partijiet oħra interessati biex jiġi solvut it-tilwim imqanqal mir-reġim ta' l-importazzjoni stabbilit bir-Regolament […] Nru 404/93 u biex jiġu kkunsidrati l-konklużjonijiet tal-grupp speċjali mwaqqaf bis-sistema għas-soluzzjoni tat-tilwim ta[l-WTO].

(2) Analiżi ta' l-alternattivi kollha ppreżentati mill-Kummissjoni tissuġġerixxi li t-twaqqif ta' sistema ta' importazzjoni għal żmien medju bbażata fuq l-applikazzjoni ta' dazju doganali b'rata xierqa u l-applikazzjoni tat-tariffa preferenzjali ta' l-importazzjoni minn pajjiżi A[K]P tipprovdi l-aħjar garanzija, l-ewwelnett li jinkisbu l-għanijiet ta' l-organizzazzjoni komuni tas-suq fir-rigward tal-produzzjoni tal-Komunità u d-domanda mill-konsumatur, u t-tieni, li jkun hemm konformità mar-regoli dwar il-kummerċ internazzjonali, u t-tielet li jiġi evitat aktar tilwim.

(3) Iżda, sistema bħal din għandha tiġi introdotta malli jitlestew in-negozjati ma' l-imsieħba tal-Komunità b'konformità mal-proċeduri tal-WTO, b'mod partikolari l-Artikolu XXVIII tal-[GATT]. Ir-riżultat ta' dawn in-negozjati għandu jitressaq għall-approvazzjoni tal-Kunsill li għandu wkoll, b'konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, jistabbilixxi l-livell applikabbli tat-Tariffi Komuni Doganali.

(4) Sakemm jidħol fis-seħħ dak ir-reġim, il-Komunità għandha tiġi fornuta taħt diversi kwoti tat-tariffi miftuħa għall-importazzjoni mill-pajjiżi kollha u mmaniġġati b'konformità mar-rakommandazzjonijiet magħmula mi[d-DSB].

(5) In vista ta' l-obbligi kuntrattwali lejn il-pajjiżi A[K]P u l-ħtieġa li jiġu ggarantiti lilhom kondizzjonijiet xierqa tal-kompetizzjoni, l-applikazzjoni ta' preferenza fit-tariffa ta' EUR 300 għal kull tunnellata metrika lill-banana li toriġina f'dawk il-pajjiżi għandha tippermetti li jinżammu l-flussi kummerċjali in kwistjoni. Din sa tkun tinvolvi b'mod partikolari l-applikazzjoni fuq importazzjoni bħal din ta' dazju doganali ta' żero taħt [… il-]kwoti tat-tariffa.

(6) Il-Kummissjoni għandha tiġi awtorizzata biex tiftaħ negozjati ma' pajjiżi [fornituri] li jkollhom interess sostanzjali li jfornu s-suq tal-Komunità biex jipprovaw jiksbu allokazzjoni negozjata ta' l-ewwel żewġ kwoti tat-tariffi. Il-Kummissjoni għandha wkoll tingħata l-awtorità biex tistabbilixxi regoli għall-immaniġġar tal-kwoti tat-tariffi mwaqqfa b'dan ir-Regolament […]"

43     Fil-11 ta' April 2001, l-Istati Uniti ta' l-Amerika u l-Komunità kkonkludew Memorandum ta' Ftehim li jiddefinixxi "l-metodi li jistgħu jwasslu għal soluzzjoni għat-tilwima li ilha teżisti dwar is-sistema ta' importazzjoni tal-banana" fil-Komunità. Dan il-Memorandum jipprovdi li l-Komunità tintrabat li tintroduċi "sistema bbażata biss fuq tariffi għall-importazzjonijiet tal-banana mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2006". Dan id-dokument jiddefinixxi l-miżuri li l-Komunità tintrabat li tieħu matul il-perijodu interim li jiskadi fl-1 ta' Jannar 2006. Min-naħa tagħhom, l-Istati Uniti ta' l-Amerika ntrabtu li jissospendu provviżorjament l-applikazzjoni tad-dazju addizzjonali li kienu awtorizzati jimponu fuq l-importazzjonijiet Komunitarji. Madankollu, l-Istati Uniti ta' l-Amerika speċifikaw, permezz ta' komunikazzjoni lid-DSB tas-26 ta' Ġunju 2001, li dan il-Memorandum ta' Ftehim "ma jammontax fih innifsu għal soluzzjoni aċċettata mill-partijiet kollha skond l-Artikolu [3(6) tad-DSU u li,] barra minn hekk, in vista tal-miżuri li l-partijiet kollha għad iridu jieħdu, ikun ukoll prematur li dan il-punt jitneħħa mill-aġenda tad-DSB".

44     Permezz tar-Regolament (KE) Nru 896/2001 tas-7 ta' Mejju 2001 li jistabbilixxi regoli dettaljati sabiex jiġi applikat ir-Regolament Nru 404/93 rigward l-arranġamenti għall-importazzjoni tal-banana fil-Komunità (ĠU L 126, p. 6), il-Kummissjoni ddefiniet ir-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema Komunitarja l-ġdida ta' importazzjoni tal-banana introdotta permezz tar-Regolament Nru 216/2001.

45     L-Istati Uniti ta' l-Amerika ssospendew l-applikazzjoni tad-dazju addizzjonali tagħhom b'effett mit-30 ta' Ġunju 2001. Mill-1 ta' Lulju 2001, id-dazju tagħhom fuq l-importazzjoni tal-kaxxi, kaxxetti u kontenituri li jintwew li ġejjin mill-Komunità tnaqqas għar-rata oriġinali tiegħu.

46     Mill-istatistiċi prodotti mill-Kummissjoni fuq talba tal-Qorti tal-Prim'Istanza, jirriżulta li l-valur totali c.i.f. (prezz, assikurazzjoni u ġarr) ta' l-importazzjonijiet lejn l-Istati Uniti ta' kaxxi, kaxxetti u kontenituri li jintwew li ġejjin mill-Komunità ammonta għal 27 932 045 USD fl-1998, għal 16 645 665 USD fl-1999, għal 9 531 023 USD fl-2000 u, finalment, għal 18 444 637 USD fl-2001.

47     Beamglow Ltd tipproduċi kaxxi tal-kartun stampat u ddekorat li jintwew. Dawn il-kaxxi huma maħsuba għall-ippakkjar ta' prodotti bħal ma huma kosmetiċi u fwejjaħ u jaqgħu taħt il-kategorija ta' prodotti "kaxxi, kaxxetti u kontenituri magħmulin mill-karta jew kartun mhux immewweġ" milquta mid-dazju addizzjonali.

 Il-proċedura

48     Permezz ta' rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-22 ta' Diċembru 2000, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors għal kumpens għad-danni allegatament ikkawżati minn dan id-dazju addizzjonali.

49     Pemezz ta' att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fl-20 ta' Marzu 2001, il-Parlament qajjem eċċezzjoni ta' inammissibbiltà taħt l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza.

50     Ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub dwar din l-eċċezzjoni permezz ta' att ippreżentat fit-8 ta' Ġunju 2001.

51     Permezz ta' digriet tal-President tar-Raba' Awla tat-12 ta' Ġunju 2001, ir-Renju ta' Spanja ġie awtorizzat jintervjeni sabiex isostni t-talbiet tal-konvenuti.

52     Permezz ta' digriet tas-16 ta' Ottubru 2001, id-deċiżjoni fuq l-eċċezzjoni ta' inammissibbiltà mqajma mill-Parlament ġiet riżervata għas-sentenza finali.

53     Fuq talba tal-Kummissjoni mressqa taħt it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 51(1) tar-Regoli tal-Proċedura, din il-kawża ntbagħtet quddiem Awla Estiża komposta minn ħames imħallfin permezz ta' deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-4 ta' Lulju 2002.

54     Din il-kawża ġiet riassenjata lill-Ewwel Awla Estiża fit-3 ta' Ottubru 2002 permezz tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-4 ta' Lulju 2002 dwar il-kompożizzjoni ta' l-Awli u l-assenjazzjoni tal-kawżi lil dawn l-Awli.

55     Wara l-impediment ta' l-Imħallef oriġinarjament maħtur bħala l-Imħallef Relatur minħabba t-tmiem tal-kariga tiegħu, il-President tal-Qorti tal-Prim'Istanza ħatar Imħallef Relatur ġdid permezz ta' deċiżjoni tat-18 ta' Diċembru 2002.

56     Fl-1 ta' April 2004, il-Qorti tal-Prim'Istanza, wara li semgħet il-partijiet, iddeċidiet li tibgħat din il-kawża quddiem l-Awla Manja tal-Qorti tal-Prim'Istanza flimkien ma' ħames kawżi oħra konnessi.

57     Permezz ta' digriet tad-19 ta' Mejju 2004, il-President ta' l-Awla Manja, wara li sema' l-partijiet, għaqqad dawn is-sitt kawżi għall-finijiet tal-proċedura orali.

58     Abbażi tal-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti tal-Prim'Istanza stiednet lill-partijiet iwieġbu bil-miktub għal sensiela ta' mistoqsijiet qabel is-seduta. Il-partijiet debitament ipprovdew l-informazzjoni mitluba.

59     Is-sottomissjonijiet orali u t-tweġibiet tal-partijiet għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza nstemgħu waqt is-seduta ta' l-Awla Manja tas-26 ta' Mejju 2004.

 It-talbiet tal-partijiet

60     Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza:

–       tikkundanna lill-konvenuti jħallsuha in solidum bejniethom is-somma ta' 1 299 632 liri sterlini (GBP) bħala kumpens;

–       sussidjarjament, tordna lill-konvenuti biex f'terminu raġonevoli li jibda jiddekorri mid-data tas-sentenza, jippreżentaw lill-Qorti tal-Prim'Istanza dik is-somma li tkun ġiet miftiehma bejn il-partijiet jew, fin-nuqqas ta' ftehim, tordna lill-partijiet biex, fl-istess terminu, jippreżentawlha l-konklużjonijiet ikkwantifikati tagħhom;

–       tordna li, mid-data tas-sentenza, jiddekorru interessi, fuq il-kumpens li għandu jitħallas, bir-rata ta' 8% fis-sena jew b'dik ir-rata li jidhrilha xieraq;

–       tikkundanna lill-Komunità, rappreżentata mill-Parlament, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni, tħallas l-ispejjeż tal-kawża;

–       tieħu kull miżura raġonevoli oħra li jidhrilha neċessarja.

61     Il-konvenuti, sostnuti mir-Renju ta' Spanja, jitolbu lill-Qorti tal-Prim'Istanza:

–       tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli jew, sussidjarjament, bħala infondat;

–       tikkundanna lir-rikorrenti tħallas l-ispejjeż.

 Fuq l-ammissibbiltà

62     Il-konvenuti jikkontestaw l-ammissibbiltà tar-rikors minn tliet aspetti. L-azzjoni għal danni mressqa minn Beamglow hija inammissibbli safejn hija mressqa kontra l-Parlament. Ir-rikors ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta' l-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura. Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Prim'Istanza mhix kompetenti biex tiddeċiedi dan ir-rikors.

 Fuq l-inammissibbiltà tar-rikors safejn huwa mressaq kontra l-Parlament

63     Il-Parlament jeċċepixxi l-inamissibbiltà tar-rikors fil-konfront tiegħu. L-ewwel nett, minħabba li meta ppreżenta r-rikors naqas milli jipproduċi mandat ad litem li jsemmi l-Parlament bħala istituzzjoni konvenuta, ir-rappreżentant legali ta' Beamglow mhux awtorizzat biex jipproċedi kontrih. It-tieni nett, ir-rikors mhu sostnut minn ebda prova li tista' tistabbilixxi r-responsabbiltà tal-Komunità minħabba l-aġir tal-Parlament.

64     Il-Qorti tal-Prim'Istanza jidhrilha li jkun jaqbel li l-ewwel teżamina t-tieni raġuni ta' inammissibbiltà mressqa mill-Parlament.

 L-argumenti tal-partijiet

65     Il-Parlament jallega li r-rikors b'ebda mod ma jistabbilixxi kif il-Komunità tista' tinżamm responsabbli minħabba fl-aġir tiegħu. Fi kwalunkwe każ, il-Parlament ma jistax jinżamm responsabbli għad-dannu allegat minħabba li ma għandux kompetenza biex jiddefinixxi l-kontenut materjali tal-leġiżlazzjoni Komunitarja agrikola kkuntestata jew biex jadotta miżuri li jistgħu jipprovokaw, jevitaw jew inaqqsu d-danni allegati. Ir-riżoluzzjonijiet maħruġa mill-Parlament jirriflettu sempliċement l-eżerċizzju tas-setgħa ġenerali tiegħu li jiddelibera.

66     Ir-rikorrenti twieġeb li d-dannu li sofriet kien ikkaġunat min-nuqqasijiet magħmula fl-istadji kollha tal-proċess li wassal għall-emenda tas-sistema Komunitarja ta' importazzjoni tal-banana in kwistjoni u, għaldaqstant, mill-parti li ħadu l-istituzzjonijiet kollha konċernati, inkluż il-Parlament.

67     Il-Parlament kien ġie kkonsultat qabel l-adozzjoni tar-Regolamenti Nru 404/93 u Nru 1637/98 li ġew iddikjarati inkompatibbli mal-Ftehim WTO. Il-Parlament kellu, iżda ma eżerċitax, il-fakultà li jissottometti l-proposti kollha xierqa dwar il-kwistjonijiet li, fil-fehma tiegħu, kienu jeħtieġu l-adozzjoni ta' att Komunitarju. Fl-aħħar nett, diversi opinjonijiet, riżoluzzjonijiet u interventi tal-Parlament setgħu jenfasiżżaw il-bżonn li jkunu evitati l-effetti diżastrużi li r-regoli tal-WTO kellhom fuq ir-reġjuni produtturi tal-Komunità.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

68     Meta, bħal f'dan il-każ, tittieħed azzjoni għal responsabbiltà mhux kuntrattwali kontra l-Komunità, il-Komunità tkun rappreżentata quddiem il-qorti Komunitarja mill-istituzzjoni jew istituzzjonijiet li lilhom ikun attribwit il-fatt li allegatament ikkawża d-dannu allegat.

69     B'mod partikolari, ir-rikorrent f'azzjoni għad-danni huwa ġustifikat li jressaq l-azzjoni tiegħu kontra l-Komunità rappreżentata mill-Kummissjoni u mill-Kunsill minħabba li, skond id-dispożizzjonijiet tat-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 43(2) tat-Trattat KE (li sar, wara li ġie emendat, l-Artikolu 37 KE), l-Kummissjoni pproponiet u l-Kunsill adotta l-leġiżlazzjoni agrikola Komunitarja li allegatament ikkawżat id-dannu allegat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta' Novembru 1973, Werhahn et vs il-Kunsill, 63/72 sa 69/72, Ġabra p. 1229, punti 7 u 8).

70     Din id-dispożizzjoni ma tagħti l-ebda kompetenza deċiżjonali lill-Parlament f'din il-materja u tħallieh biss jintervjeni bħala korp konsultattiv matul il-proċedura ta' adozzjoni, mill-Kunsill waħdu, ta' regolamenti, direttivi u deċiżjonijiet dwar il-politika agrikola komuni.

71     Għaldaqstant, l-opinjoni li ta l-Parlament, bħala korp konsultattiv, dwar il-proposta li wasslet għar-Regolament Nru 1637/98 ma kienet b'ebda mod ta' natura vinkolanti.

72     L-istess għandu jingħad għall-opinjonijiet u riżoluzzjonijiet li l-Parlament kien imissu adotta, kieku kien il-każ, favur operaturi ekonomiċi li jeżerċitaw l-attività tagħhom f'settur ieħor minbarra dak tal-banana. Billi riżoluzzjonijiet bħal dawn mhumiex ta' natura vinkolanti, ma setgħux joħolqu aspettattiva leġittima li l-Kunsill u l-Kummissjoni kienu ħa joqogħdu fuqhom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Lulju 1985, Salerno et vs il-Kummissjoni u l-Kunsill, 87/77, 130/77, 22/83, 9/84 u 10/84, Ġabra p. 2523, punt 59) u, konsegwentement, lanqas ma setgħu jinħolqu obbligi f'dan is-sens li jorbtu lil dawn iż-żewġ istituzzjonijiet (ara, f'dan is-sens, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' Ottubru 2004, Krikorian et vs il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni, C-18/04 P, li mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 33).

73     F'dawn iċ-ċirkustanzi, kemm l-adozzjoni tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1637/98 u tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 2362/98, meqjusa mid-DSB bħala inkompatibbli mal-Ftehim WTO, kif ukoll l-allegat nuqqas li tiġi reża konformi s-sistema ta' importazzjoni in kwistjoni, għandhom jitqiesu li jaqgħu fil-kompetenzi tal-Kunsill u tal-Kummissjoni biss.

74     Għaldaqstant, ma jidhirx li l-Parlament seta' ikkontribwixxa biex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali li l-Komunità tista' tinkorri mill-fatt ta' l-inkompatibbiltà tas-sistema Komunitarja ta' importazzjoni tal-banana mal-Ftehim WTO.

75     Għaldaqstant, hemm lok li tintlaqa' l-eċċezzjoni ta' inammissibbiltà mressqa mill-Parlament u li r-rikors jiġi miċħud bħala inammissibbli safejn huwa mressaq kontrih, mingħajr ma jeħtieġ li l-Qorti tippronunzja ruħha dwar ir-raġuni ta' inammissibbiltà bbażata fuq in-nuqqas, fid-data meta tressaq dan ir-rikors, ta' mandat min-naħa ta' Beamglow li jawtorizza lir-rappreżentant legali tiegħu biex jipproċedi kontra l-Parlament.

 Fuq il-fatt li r-rikors ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta' l-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura

 L-argumenti tal-partijiet

76     Il-Kunsill u l-Kummissjoni jqisu r-rikors inammissibbli minħabba li jallega, b'mod alternattiv, li huma adottaw atti leġiżlattivi illegali jew li naqsu li jieħdu azzjoni, b' tali mod li mhumiex f'pożizzjoni li jiddefendu ruħhom sewwa. Barra minn hekk, ir-rikors la jindika l-eżistenza u lanqas in-natura tad-dannu allegat.

77     Ir-rikorrenti twieġeb li r-rikors jindika l-ammont approssimattiv tad-dannu li sofriet u l-provi li jippermettu li tiġi vvalutata n-natura u l-ammont tad-dannu u li l-provi prodotti sussegwentement juru b'mod validu li d-dannu huwa reali u ċert.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

78     Skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 21 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza permezz ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 53 ta' l-istess Statut, u skond l-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, kull rikors għandu jindika s-suġġett tal-kawża u jinkludi sunt tar-raġunijiet imressqa. Din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed biex il-konvenut ikun jista' jipprepara d-difiża tiegħu u biex il-Qorti tal-Prim'Istanza tkun tista' tippronunzja ruħha fuq ir-rikors, jekk dan ikun il-każ, mingħajr ma tkun meħtieġa informazzjoni oħra. Bil-għan li jiġu garantiti ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, jeħtieġ li, sabiex rikors ikun ammissibbli, l-elementi essenzjali ta' fatt u ta' dritt li fuqhom ikun ibbażat jirriżultaw, ta' l-inqas b'mod sommarju iżda b'mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors stess.

79     Sabiex jissodisfa dawn ir-rekwiżiti, rikors li jitressaq sabiex jinkiseb kumpens għal danni allegatament ikkawżati mill-istituzzjonijiet Komunitarji, bħalma huwa l-każ f'din il-kawża, għandu jinkludi l-elementi li jippermettu li jiġu identifikati kemm l-aġir li r-rikorrent ikun qiegħed jakkuża lill-istituzzjonijiet bih kif ukoll ir-raġunijiet li abbażi tagħhom ir-rikorrent ikun jidhirlu li hemm rabta kawżali bejn dan l-aġir u d-dannu li huwa jippretendi li jkun sofra (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-29 ta' Jannar 1998, Dubois et Fils vs il-Kunsill u l-Kummissjoni, T-113/96, Ġabra p. II-125, punti 29 u 30).

80     Kif jirriżulta mill-argumenti tagħha, fis-sustanza r-rikorrenti ssostni li sofriet dannu, minn naħa, minħabba li s-sistema Komunitarja ta' importazzjoni tal-banana ma ġietx emendata b'mod li tikkonforma ma' l-obbligi assunti mill-Komunità taħt il-Ftehim WTO fit-terminu stabbilit mid-DSB u, min-naħa l-oħra, minħabba n-nuqqas li jittieħdu miżuri Komunitarji biex jipproteġuha mir-ritaljazzjonijiet kummerċjali Amerikani.

81     Għalhekk, għall-kuntrarju ta' dak li jsostnu l-konvenuti, ir-rikors jinkludi l-elementi li jippermettu li jiġu identifikati l-aġir li r-rikorrenti qiegħda takkużahom bih u li hija tqis bħala l-kawża tad-dannu li sofriet.

82     Barra minn hekk, mill-argumenti mressqa mill-konvenuti dwar l-ammissibbiltà tar-rikors jirriżulta li huma setgħu jippreparaw b'mod utli d-difiża tagħhom dwar il-kundizzjonijiet li jwasslu għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità. Dan ifisser li l-Qorti tal-Prim'Istanza qiegħda f'pożizzjoni li tippronunzja ruħha dwar dan ir-rikors b'għarfien sħiħ tal-provi li jinsabu fil-proċess u f'konformità mal-prinċipju tal-kontradittorju.

83     Għaldaqstant hemm lok li tkun miċħuda l-kontestazzjoni mressqa mill-Kunsill u mill-Kummissjoni fis-sens li r-rikors ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta' l-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura.

 Fuq il-kompetenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza

 L-argumenti tal-partijiet

84     Il-Kunsill u l-Kummissjoni esprimew id-dubju tagħhom dwar kemm il-Qorti tal-Prim'Istanzja hija kompetenti biex tiddeċiedi dan ir-rikors għal danni. L-impożizzjoni ta' dazju addizzjonali saret permezz ta' deċiżjoni tal-Gvern ta' l-Istati Uniti ta' l-Amerika u mhux permezz ta' att ta' istituzzjoni Komunitarja. Il-kompetenza tal-qorti Komunitarja ma tistax tkun stabbilita abbażi ta' sempliċi allegazzjoni ta' dannu li allegatament jirriżulta minn att jew minn ommissjoni ta' istituzzjoni Komunitarja.

85     Il-ġurisdizzjoni Komunitarja ma tistax tieħu konjizzjoni ta' azzjoni għal danni mressqa kontra istituzzjoni Komunitarja meta l-att li kkawża d-dannu allegat ikun twettaq minn Stat b'mod awtonomu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta' Lulju 1987, Étoile commerciale u CNTA vs il-Kummissjoni, 89/86 u 91/86, Ġabra p. 3005, punti 18 sa 20).

86     Ir-rikorrenti twieġeb li r-rikors tagħha mhux imressaq kontra l-aġir ta' l-awtoritajiet Amerikani iżda kontra l-aġir tal-Komunità, li pprovokat l-adozzjoni tad-dazju addizzjonali u naqset li tipproteġiha minn dan id-dazju.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

87     Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 235 KE u tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 288 KE, meta jinqraw flimkien, jagħtu kompetenza lill-qorti Komunitarja biex tieħu konjizzjoni ta' rikorsi għal kumpens għal danni kkawżati mill-istituzzjonijiet Komunitarji jew mill-impjegati tagħhom fit-twettiq ta’ dmirijiethom.

88     F'dan il-każ, ir-rikorrenti qiegħda titlob kumpens għad-dannu li hija sofriet kemm minħabba ż-żieda fid-dazju fuq l-importazzjoni imposta mill-awtoritajiet ta' l-Istati Uniti ta' l-Amerika fuq il-prodotti tagħha, skond l-awtorizzazzjoni mogħtija mid-DSB wara li ġie kkonstatat li s-sistema Komunitarja ta' importazzjoni tal-banana hija inkompatibbli mal-Ftehim WTO, kif ukoll minħabba l-fatt li l-konvenuti naqsu milli jadottaw miżuri ta' protezzjoni Komunitarji kontra r-ritaljazzjonijiet kummerċjali Amerikana.

89     Ir-rikors huwa għalhekk ibbażat fuq ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità li, skond ir-rikorrenti, hija stabbilita minħabba li l-kawża tad-dannu li sofriet tinsab fl-adozzjoni, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni, ta' leġiżlazzjoni li d-DSB ikkunsidrat li hija inkompatibbli mal-Ftehim WTO u fin-nuqqas ta' miżuri ta' protezzjoni Komunitarji.

90     Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim'Istanza hija kompetenti, skond l-Artikolu 235 KE u t-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 288 KE, biex tieħu konjizzjoni tal-preżenti talba għal kumpens għal danni li, b'differenza mis-sitwazzjoni fis-sentenza invokata mill-Kummissjoni Étoile commerciale u CNTA vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar il' fuq f'punt 85, ma tibbażax l-allegata responsabbiltà tal-Komunità biss fuq deċiżjoni ta' istituzzjoni nazzjonali.

91     Ċertament, skond ġurisprudenza stabbilita, sabiex il-Komunità tinżamm responsabbli, jeħtieġ li d-dannu allegat ikun imputabbli għall-aġir ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji. Madankollu, din hija kundizzjoni sostantiva, li għandha tkun analizzata fil-kuntest ta' l-eżami dwar jekk teżistix rabta kawżali suffiċjentement diretta bejn id-dannu allegat u l-aġir ta' l-istituzzjonijiet u li ma tippermettix li tkun eskluża l-kompetenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza, sakemm ikun allegat li d-dannu huwa imputabbli għall-aġir ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji.

92     Għaldaqstant, hemm lok li jkunu miċħuda l-argumenti mressqa mill-Kunsill u mill-Kummissjoni dwar l-inkompetenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza, mingħajr preġudizzju għall-kunsiderazzjoni tar-rabta kawżali bejn l-aġir tal-Kunsill u tal-Kummissjoni u d-dannu allegat, li ħa ssir fil-kuntest ta' l-eżami tal-kundizzjonijiet meħtieġa biex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali.

93     F'dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikors għandu jkun iddikjarat ammissibbli.

 Fuq il-mertu

94     It-talba għal kumpens għal danni mressqa mir-rikorrenti hija bbażata fuq ir-regoli dwar ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità minħabba aġir illegali tal-korpi tagħha. Ir-rikorrenti invokat ukoll ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali li l-Komunità tista' tinkorri anki fin-nuqqas ta' aġir illegali. (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-28 ta' April 1998, Dorsch Consult vs il-Kunsill u l-Kummissjoni, T-184/95, Ġabra p. II-667, punt 59, ikkonfermata fuq appell permezz tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Ġunju 2000, Dorsch Consult vs il-Kunsill u l-Kummissjoni, C-237/98 P, Ġabra p. I-4549, punti 19 u 53).

 Fuq ir-responsabbiltà tal-Komunità minħabba aġir illegali tal-korpi tagħha

95     L-ewwel nett, għandu jkun imfakkar li, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, biex ikun hemm ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, fis-sens tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 288 KE, għal aġir illegali tal-korpi tagħha, iridu jiġu sodisfatti numru ta' kundizzjonijiet, jiġifieri, l-illegalità ta' l-aġir allegat fil-konfront ta' l-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta' rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' Settembru 1981, Oleifici Mediterranei vs il-KEE, 26/81, Ġabra p. 3057, punt 16; sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-11 ta' Lulju 1996, International Procurement Services vs il-Kummissjoni, T-175/94, Ġabra p. II-729, punt 44, tas-16 ta' Ottubru 1996, Efisol vs il-Kummissjoni, T-336/94, Ġabra p. II-1343, punt 30, u tal-11 ta' Lulju 1997, Oleifici Italiani vs il-Kummissjoni, T-267/94, Ġabra p. II-1239, punt 20).

96     Jekk xi waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tkunx sodisfata, ir-rikors għandu jkun miċħud kollu kemm hu mingħajr il-ħtieġa li jkunu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Settembru 1994, KYDEP vs il-Kunsill u l-Kummissjoni, C-146/91, Ġabra p. I-4199, punti 19 u 81, u sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-20 ta' Frar 2002, Förde-Reederei vs il-Kunsill u l-Kummissjoni, T-170/00, Ġabra p. II-515, punt 37).

97     L-aġir illegali allegat fil-konfront ta' istituzzjoni Komunitarja għandu jikkonsisti fi ksur suffiċjentement gravi ta' regola tad-dritt intiża biex tagħti drittijiet lil individwi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-4 ta' Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs il-Kummissjoni, C-352/98 P, Ġabra p. I-5291, punt 42).

98     Il-kriterju deċiżiv biex jiġi determinat jekk din il-kundizzjoni hijiex sodisfatta huwa dak tan-nuqqas manifest u gravi ta' l-istituzzjoni Komunitarja kkonċernata li tosserva l-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tagħha.

99     Meta din l-istituzzjoni jkollha biss marġni ta' diskrezzjoni konsiderevolment imnaqqas, jekk mhux saħansitra ineżistenti, is-sempliċi ksur tad-dritt Komunitarju jista' jkun biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta' ksur suffiċjentement gravi (sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-12 ta' Lulju 2001, Comafrica u Dole Fresh Fruit Europe vs il-Kummissjoni, T-198/95, T-171/96, T-230/97, T-174/98 u T-225/99, Ġabra p. II-1975, punt 134, u ta' l-10 ta' Frar 2004, Afrikanische Frucht-Compagnie u Internationale Fruchtimport Gesellschaft Weichert vs il-Kunsill u l-Kummissjoni, T-64/01 u T-65/01, Ġabra p. II-521, punt 71).

100   Huwa fid-dawl ta' dawn l-osservazzjonijiet li għandha tkun eżaminata t-talba għal kumpens imressqa mir-rikorrenti.

 L-argumenti tal-partijiet

–       Fuq l-illegalitajiet allegati fil-konfront ta' l-istituzzjonijiet konvenuti

101   Ir-rikorrenti ssostni li minħabba li ma kkonformawx is-sistema Komunitarja ta' importazzjoni tal-banana mal-Ftehim WTO, il-konvenuti kisru d-dispożizzjonijiet tal-GATT ta' l-1994, tal-GATS u wkoll ir-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tad-DSB.

102   In-nuqqas tal-Komunità li tonora l-obbligi tagħha taħt il-Ftehim WTO iffrustra l-aspettattivi leġittimi li r-rikorrenti kellha fir-rigward tal-bejgħ u ta' l-investimenti tagħha fl-Istati Uniti u kiser il-prinċipju taċ-ċertezza legali.

103   Il-Komunità setgħet tiffinanzja politika ta' żamma ta' kundizzjonijiet favorevoli għall-kummerċ tal-banana ma' l-imsieħba AKP tagħha jew permezz ta' finanzjament mill-baġit ġenerali tagħha, bħala kumpens innegozjat taħt l-Artikolu 22(2) tad-DSU, jew billi tipprovoka l-miżuri ta' ritaljazzjoni imposti mill-Istati Uniti ta' l-Amerika f'dan il-każ.

104   Madankollu, it-trasferiment ta' l-ispiża biex ikunu protetti l-produtturi AKP tal-banana fuq setturi oħra la kien meħtieġ u lanqas xieraq. Il-Komunità kien imissha ħadet prekawzjonijiet biex tevita li r-rikorrenti jkollha tħallas għall-konsegwenzi tad-deċiżjoni tal-Komunità li tinjora l-obbligi internazzjonali tagħha.

105   L-għażla politika tal-Komunità għalhekk kisret il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif ukoll id-dritt fundamentali tar-rikorrenti li teżerċita l-attività professjonali tagħha u d-dritt tagħha għal proprjetà.

106   Il-konvenuti jallegaw li r-rikorrenti li ma ppruvat la n-natura tan-nuqqas allegat, la f'hiex jikkonsisti dan in-nuqqas, u lanqas minn fejn jirriżulta l-obbligu li tittieħed azzjoni li huma allegatament kisru.

107   Il-membri tal-WTO jaġixxu legalment meta, bil-għan li jtemmu l-inkompatibbiltà ta' miżura fir-rigward tar-regoli tal-WTO, li tkun ġiet ikkonstatata mid-DSB, huma jistabbilixxu mill-ġdid l-ekwilibriju tal-konċessjonijiet rispettivi tagħhom, liema ekwilibriju jkun inkiser mill-miżura in kwistjoni, billi jagħżlu waħda mill-għażliet offruti mid-DSU.

108   F'dan il-każ, il-Komunità ma kellhiex għażla oħra ħlief li tikkonforma ma' l-obbligi internazzjonali tagħha kollha billi tidħol f'negozjati u billi tipproponi li temenda l-OKS banana. Dawn l-emendi ġew inklużi fl-'OKS banana' modifikat permezz tar-Regolament Nru 216/2001 u r-Regolament (KE) tal-Kummissjoni Nru 395/2001 tas-27 ta' Frar 2001 li jistabbilixxi ċerti kwantitajiet indikattivi u limiti individwali għall-ħruġ ta' liċenzji għall-importazzjoni tal-banana fil-Komunità għat-tieni kwart ta' l-2001 taħt il-kwoti tat-tariffi jew bħala parti mill-kwantità ta' banana tradizzjonali AKP (ĠU L 58, p.11).

109   Il-protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi tapplika biss għas-sitwazzjonijiet u għar-relazzjonijiet maħluqin legalment taħt id-dritt Komunitarju u għalhekk ir-relazzjonijiet tar-rikorrenti mal-klijenti Amerikani tagħha mhumiex konċernati. Il-konċessjonijiet skambjati bejn il-membri tal-WTO ma jistgħu qatt jiġġustifikaw aspettattivi leġittimi ta' aċċess permanenti għal suq nazzjonali partikolari. L-istituzzjonijiet Komunitarji qatt ma taw l-iċken garanzija speċifika lir-rikorrenti dwar il-mod kif il-Komunità kienet ħa tikkonforma ruħha mad-deċiżjonijiet u mar-rakkomandazzjonijiet tal-WTO.

110   Wieħed ma jistax jimmaġina kif il-prinċipji tal-proporzjonalità u tal-protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi, kif ukoll id-dritt tar-rikorrenti li teżerċita liberalment l-attività ekonomika tagħha jew id-dritt tagħha għal proprjetà setgħu nkisru indipendentement minn xi ksur tar-regoli tal-WTO.

111   Mhijiex is-sistema ta' importazzjoni tal-banana nfisha li r-rikorrenti tqis sproporzjonata, iżda d-deċiżjoni li tkun tollerata s-sospensjoni tal-konċessjonijiet min-naħa ta' l-Istati Uniti ta' l-Amerika, għalkemm din kienet l-unika triq li setgħet tieħu l-Komunità.

112   Fl-aħħarnett, l-eżerċizzju liberu mir-rikorrenti ta' l-attivitajiet ekonomiċi tagħha kien imfixkel mis-sospensjoni tal-konċessjonijiet ta' tariffi mill-Istati Uniti ta' l-Amerika u mhux mill-adozzjoni ta' l-OKS banana.

–       Fuq in-natura ġuridika tar-regoli li allegatament kisru l-konvenuti

113   Ir-rikorrenti ssostni li, safejn inaqqsu l-ostakoli għall-kummerċ bejn il-membri tal-WTO u għalhekk jippermettu lill-intrapriżi biex jinnegozjaw b'aktar libertà, ir-regoli tal-GATT u tal-GATS li ġew miksura jikkonferixxu drittijiet lil individwi, bl-istess mod kif jagħmlu r-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tad-DSB li jispeċifikaw il-kontenut tal-Ftehim WTO. Għandu jiġi rikonoxxut li huma ta' l-istess natura l-prinċipji tal-protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi, taċ-ċertezza legali u tal-proporzjonalità, kif ukoll id-dritt tar-rikorrenti li teżerċita l-attività professjonali tagħha liberament u d-dritt tagħha għal proprjetà.

114   Il-qorti Komunitarja tista' teżamina l-legalità ta' att Komunitarju fid-dawl tal-Ftehim WTO f'dawk il-każijiet fejn, bħal f'dan il-każ, il-Komunità kellha l-intenzjoni li timplimenta obbligu partikolari assunt fil-kuntest tal-WTO.

115   Il-konvenuti jwieġbu li, kif jirriżulta mid-deċiżjonijiet ta' l-organi tal-WTO u mill-ġurisprudenza Komunitarja, ir-regoli tal-WTO jew ir-rakkomandazzjonijiet tad-DSB ma jistgħux ikunu invokati biex tiġi ppruvata l-illegalità ta' att jew ta' ommissjoni ta' istituzzjoni Komunitarja.

116   Il-kwistjoni dwar jekk id-dispożizzjonijiet tal-GATT u tal-GATS jistgħux jikkonferixxu drittijiet lil individwi mhix rilevanti minħabba li r-rikorrenti ma tistax tagħmel użu minn dawn id-drittijiet.

117   Barra minn hekk, fl-ordni ġuridiku Komunitarju, deċiżjoni tad-DSB ma jistax ikollha effetti akbar minn dawk tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim WTO li fuqhom tkun ibbażata.

–       Fuq il-gravità tal-vjolazzjonijiet allegati

118   Ir-rikorrenti ssostni li l-Ftehim WTO ffissaw limiti għall-għażliet mogħtija lill-Komunità biex tadatta s-sistema tagħha ta' importazzjoni tal-banana, li l-Komunità, b'mod ċar, ma rrispettatx. Il-vjolazzjonijiet fit-tul u ripetuti tar-regoli tal-WTO jammontaw għal ksur manifest u gravi tal-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tal-Komunità.

119   Minn dan jirriżulta li sar ksur manifest u gravi ta' l-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti u tal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif ukoll tad-dritt tar-rikorrenti li teżerċita l-attività professjonali tagħha liberament u tad-dritt tagħha għal proprjetà.

120   Il-Kunsill u l-Kummissjoni jiċħdu li huma eċċedew b'mod manifest u gravi l-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tagħhom meta għażlu li jsolvu t-tilwima permezz ta' l-adozzjoni ta' OKS banana ġdida.

121   Membru tal-WTO mhux marbut li japplika stricto sensu l-konklużjonijiet ta' grupp speċjali jew tal-Bord ta' l-Appell, iżda għandu diversi soluzzjonijiet li jista' jagħżel biex jimplimentahom.

122   Il-grupp speċjali li, abbażi ta' l-Artikolu 21(5) tad-DSU, ikkonkluda li ċerti aspetti tas-sistema ta' importazzjoni tal-banana stabbilita bir-Regolamenti Nru1637/98 u Nru 2362/98 huma inkompatibbli, issuġġerixxa tliet soluzzjonijiet biex ikun assigurat li din is-sistema tiġi reża konformi. Dan juri kemm hija wiesgħa s-setgħa diskrezzjonali tal-Komunità u d-diffikultà li tkun elaborata leġiżlazzjoni kompatibbli mar-regoli tal-WTO.

123   Billi l-Komunità ma tistax tinżamm responsabbli għall-atti ta' Stat terz sovran, ma jistax jiġi kkunsidrat li hija kisret b'mod gravi l-prinċipji tal-proporzjonalità u tal-protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi, kif ukoll id-dritt ta' eżerċizzju ta' attività ekonomika.

124   L-eżerċizzju tal-funzjoni leġiżlattiva ma għandux ikun ostakolat mill-prospett ta' azzjonijiet għal danni, kull darba li, fl-interess ġenerali tal-Komunità, jkollhom jiġu adottati miżuri leġiżlattivi li jistgħu jkunu ta' dannu għall-interessi ta' l-individwi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta' Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame, C-46/93 u C-48/93, Ġabra p. I-1029, punt 45).

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

–       Fuq il-kwistjoni preliminari jekk ir-regoli tal-WTO jistgħux ikunu invokati

125   Qabel ma tiġi eżaminata l-legalità ta' l-aġir ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji, għandha tiġi deċiża l-kwistjoni jekk il-Ftehim WTO jagħtux lill-individwi suġġetti għad-dritt Komunitarju d-dritt li jinvokawhom fil-qorti biex jikkontestaw il-validità ta' leġiżlazzjoni Komunitarja f'sitwazzjoni fejn id-DSB ikun iddikjara li kemm din il-leġiżlazzjoni kif ukoll il-leġiżlazzjoni adottata sussegwentament mill-Komunità, b'mod partikolari bil-għan li tikkonforma ruħha mar-regoli tal-WTO konċernati, kienu inkompatibbli ma' dawn l-istess regoli.

126   Meta ssostni li l-konvenuti kisru r-regoli tal-WTO, ir-rikorrenti qiegħda tinvoka l-prinċipju pacta sunt servanda, li effettivament huwa wieħed mir-regoli tad-dritt li l-istituzzjonijiet Komunitarji huma obbligati li jħarsu fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom bħala prinċipju fundamentali ta' kull ordni ġuridiku u, b'mod partikolari, ta' l-ordni ġuridiku internazzjonali (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' Ġunju 1998, Racke, C-162/96, Ġabra p. I-3655, punt 49).

127   Madankollu, il-prinċipju pacta sunt servanda ma jistax, f'dan il-każ, jiġi invokat b'mod effikaċi kontra l-istituzzjonijiet konvenuti, billi, skond ġurisprudenza stabbilita, il-Ftehim WTO, minħabba n-natura u l-istruttura tagħhom, mhumiex, bħala regola, inklużi fost ir-regoli li fid-dawl tagħhom il-qorti Komunitarja teżamina l-legalità ta' l-azzjoni ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta' Novembru 1999, il-Portugall vs il-Kunsill, C-149/96, Ġabra p. I-8395, punt 47; digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta' Mejju 2001, OGT Fruchthandelsgesellschaft, C-307/99, Ġabra p. I-3159, punt 24; sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Marzu 2002, Omega Air et, C-27/00 u C-122/00, Ġabra p. I-2569, punt 93; tad-9 ta' Jannar 2003, Petrotub u Republica vs il-Kunsill, C-76/00 P, Ġabra p. I-79, punt 53, u tat-30 ta' Settembru 2003, Biret International vs il-Kunsill, C-93/02 P, Ġabra p. I-10497, punt 52).

128   Fil-fatt, minn naħa, il-Ftehim li jistabbilixxi l-WTO huwa bbażat fuq arranġamenti reċiproċi u vantaġġjużi għal kull parti, ħaġa li tiddistingwieh mill-ftehim konklużi mill-Komunità ma' Stati terzi li jistabbilixxu ċerta nuqqas ta' simmetrija ta' l-obbligi. Issa, huwa paċifiku li wħud mill-aktar imsieħba kummerċjali importanti tal-Komunità ma jinkludux il-Ftehim WTO fost ir-regoli li fid-dawl tagħhom l-organi ġudizzjarji ta' dawn l-Istati jeżaminaw il-legalità tar-regoli tad-dritt intern tagħhom. Għaldaqstant, eżami tal-legalità ta' l-azzjoni ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji fid-dawl ta' dawn ir-regoli taf twassal għal nuqqas ta' bilanċ fl-applikazzjoni tar-regoli tal-WTO billi ċċaħħad lill-organi leġiżlattivi jew eżekuttivi tal-Komunità mill-marġni ta' manuvrabilità li jgawdu l-organi simili ta' l-imsieħba kummerċjali tal-Komunità (sentenza il-Portugall vs il-Kunsill, iċċitata f'punt 127 iktar 'il fuq, punti 42 sa 46).

129   Min-naħa l-oħra, jekk l-organi ġudizzjarji jkunu obbligati li ma japplikawx regoli tad-dritt intern li jkunu inkompatibbli mal-Ftehim WTO, l-organi leġiżlattivi jew eżekuttivi tal-partijiet kontraenti jkunu konsegwentement imċaħħda mill-possibbiltà, provduta fl-Artikolu 22 tad-DSU, li jsibu soluzzjonijiet innegozjati, anki jekk fuq bażi temporanja, bil-għan li jaslu għal kumpens aċċettabbli għall-partijiet kollha (sentenza il-Portugall vs il-Kunsill, iċċitata f'punt 127 iktar 'il fuq, punti 39 u 40).

130   Minn dan isegwi li l-eventwali ksur tar-regoli tal-WTO mill-istituzzjonijiet konvenuti ma jistax, bħala regola, iwassal biex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità (sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-20 ta' Marzu 2001, Cordis vs il-Kummissjoni, T-18/99, Ġabra p. II-913, punt 51; Bocchi Food Trade International vs il-Kummissjoni, T-30/99, Ġabra p. II-943, punt 56, u T. Port vs il-Kummissjoni, T-52/99, Ġabra p. II-981, punt 51).

131   Huwa biss fis-sitwazzjoni fejn il-Komunità kellha l-intenzjoni li timplimenta obbligu partikolari assunt fil-kuntest tal-WTO jew fiċ-ċirkustanza fejn l-att Komunitarju jirreferi b'mod espress għal dispożizzjonijiet preċiżi tal-Ftehim WTO li l-Qorti tal-Prim'Istanza għandha teżamina l-legalità ta' l-aġir ta' l-istituzzjonijiet konvenuti fid-dawl tar-regoli tal-WTO (ara, għal dak li jirrigwarda l-GATT ta' l-1947, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta' Ġunju 1989, Fediol vs il-Kummissjoni, 70/87, Ġabra p. 1781, punti 19 sa 22, u tas-7 ta' Mejju 1991, Nakajima vs il-Kunsill, C-69/89, Ġabra p. I-2069, punt 31, kif ukoll, għal dak li jirrigwarda l-Ftehim WTO, is-sentenzi il-Portugall vs il-Kunsill, iċċitata f'punt 127 iktar 'il fuq, punt 49, u Biret International vs il-Kunsill, iċċitata f'punt 127 iktar 'il fuq, punt 53).

132   Issa, minkejja d-deċiżjoni tad-DSB li tikkonstata l-inkompatibbiltà ta' miżuri meħuda minn membru mar-regoli tal-WTO, l-ebda waħda minn dawn iż-żewġ eċċezzjonijiet ma tapplika fil-każ in eżami.

–       Fuq l-eċċezzjoni bbażata fuq l-intenzjoni li jkun implimentat obbligu partikolari assunt fil-kuntest tal-WTO

133   Meta, wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni tad-DSB tal-25 ta' Settembru 1997, il-Komunità ntrabtet li tikkonforma ruħha mar-regoli tal-WTO, hija ma kellhiex l-intenzjoni li tassumi obbligu partikolari fil-kuntest tal-WTO li jista' jiġġustifika eċċezzjoni għall-impossibbiltà li r-regoli tal-WTO jkunu invokati quddiem il-qorti Komunitarja u li jippermetti lil din ta' l-aħħar teżamina l-legalità ta' l-aġir ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji fid-dawl ta' dawn ir-regoli.

134   Huwa minnu li, ipparagunat mal-GATT ta' l-1947, id-DSU saħħaħ il-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim, b'mod partikolari fir-rigward ta' l-adozzjoni tar-rapporti tal-gruppi speċjali.

135   Fil-fatt, l-Artikolu 3(7) tad-DSU jenfasizza li, normalment, l-ewwel għan tal-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim huwa li jitneħħew il-miżuri li jkunu ġew dikjarati inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim WTO. Bl-istess mod, l-Artikolu 22(1) tad-DSU jiffavorixxi l-implimentazzjoni sħiħa ta' rakkomandazzjoni biex miżura inkompatibbli tiġi reża kompatibbli mal-Ftehim WTO.

136   Barra minn hekk, skond l-Artikolu 17(14) tad-DSU, rapport tal-Bord ta' l-Appell li jkun ġie adottat, bħal f'dan il-każ, mid-DSB għandu jkun aċċettat mingħajr kundizzjonijiet mill-partijiet involuti fit-tilwima. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 22(7) jispeċifika li l-partijiet imsemmija għandhom jaċċettaw bħala finali d-deċiżjoni ta' l-arbitru li tiddetermina l-livell tas-sospensjoni tal-konċessjonijiet.

137   Minkejja dan, jibqa' l-fatt li d-DSU jagħti, f'kull każ, importanza lin-negozjati bejn il-membri tal-WTO li jkunu partijiet f'tilwima (sentenza il-Portugall vs il-Kunsill, iċċitata f'punt 127 iktar 'il fuq, punti 36 sa 40).

138   Fil-fatt, id-DSU joffri lill-membru tal-WTO konċernat diversi metodi kif jimplimenta rakkomandazzjoni jew deċiżjoni tad-DSB li tikkonstata l-inkompatibbiltà ta' miżura mar-regoli tal-WTO.

139   Meta t-tneħħija immedjata tal-miżura inkompatibbli ma tkunx possibbli, l-Artikolu 3(7) tad-DSU jipprovdi l-possibbiltà li l-membru milqut jingħata kumpens jew l-awtorizzazzjoni li jissospendi l-applikazzjoni ta' konċessjonijiet jew l-eżekuzzjoni ta' obbligi oħra fuq bażi temporanja sakemm titneħħa l-miżura inkompatibbli (ara s-sentenza il-Portugall vs il-Kunsill, iċċitata f'punt 127 iktar 'il fuq, punt 37).

140   Skond l-Artikolu 22(2) tad-DSU, jekk il-membru tal-WTO in kwistjoni jonqos mill-obbligu tiegħu li jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tad-DSB fit-terminu mogħti lilu, huwa għandu, jekk hekk jintalab u mhux aktar tard mill-iskadenza tat-terminu, jidħol f'negozjati mal-membru li jkun għamel l-ilment bil-għan li jinstab kumpens aċċettabbli għaż-żewġ partijiet.

141   Jekk, fi żmien 20 jum mill-iskadenza tat-terminu raġonevoli previst fl-Artikolu 21(3) tad-DSU biex il-membru konċernat jikkonforma ruħu mar-regoli tal-WTO, ikun għadu ma ntlaħaqx ftehim dwar kumpens sodisfaċenti, il-parti li tkun għamlet l-ilment tista' titlob lid-DSB biex jawtorizzaha tissospendi, fil-konfront tal-membru konċernat, l-applikazzjoni ta' konċessjonijiet jew ta' obbligi oħra li jirriżultaw mill-Ftehim WTO.

142   Anki meta jiskadi t-terminu mogħti biex il-miżura li tkun ġiet dikjarata inkompatibbli tiġi reża kompatibbli mar-regoli tal-WTO u wara l-awtorizzazzjoni u l-adozzjoni ta' miżuri ta' kumpens jew ta' sospensjoni ta' konċessjonijiet skond l-Artikolu 22(6) tad-DSU, tibqa' tingħata importanza, f'kull każ, lin-negozjati bejn il-partijiet involuti fit-tilwima.

143   Fil-fatt, l-Artikolu 22(8) tal-DSU jenfasizza n-natura temporanja tas-sospensjoni ta' konċessjonijiet jew ta' obbligi oħra u jipprovdi li din għandha tapplika biss "sakemm titneħħa l-miżura dikjarata inkompatibbli ma' Ftehim kopert, jew sakemm il-Membru li għandu jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet jew id-deċiżjonijiet ikun sab soluzzjoni għat-tixjin jew għat-tnaqqis ta' benefiċċji jew sakemm tinstab soluzzjoni sodisfaċenti għall-partijiet kollha".

144   Din l-istess dispożizzjoni tipprovdi wkoll li, skond l-Artikolu 21(6), id-DSB għandu jibqa' jissorvelja l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet jew tad-deċiżjonijiet adottati.

145   F'każ ta' nuqqas ta' ftehim dwar il-kompatibbiltà tal-miżuri meħuda sabiex membru jikkonforma ruħu mar-rakkomandazzjonijiet u mad-deċiżjonijiet tad-DSB, l-Artikolu 21(5) tad-DSU jipprovdi li t-tilwima għandha tkun deċiża "billi jiġu segwiti dawn il-proċeduri għas-soluzzjoni tat-tilwim", li jinkludu t-tfittxija ta' soluzzjoni negozjata mill-partijiet.

146   La l-iskadenza tat-terminu mogħti mid-DSB lill-Komunità biex tikkonforma s-sistema tagħha ta' importazzjoni tal-banana mad-deċiżjoni tad-DSB tal-25 ta' Settembru 1997 u lanqas id-deċiżjoni tad-9 ta' April 1999 li permezz tagħha l-arbitri tad-DSB espressament ikkonstataw l-inkompatibbiltà tas-sistema l-ġdida ta' importazzjoni tal-banana stabbilita bir-Regolamenti Nru 1637/98 u Nru 2362/98 ma wasslu għall-eżawriment tal-metodi għas-soluzzjoni tat-tilwim offruti mid-DSU.

147   F'dan il-kuntest, eżami mill-qorti Komunitarja tal-legalità ta' l-aġir ta' l-istituzzjonijiet konvenuti fid-dawl tar-regoli tal-WTO jista' jkollu l-effett li jdgħajjef il-pożizzjoni tan-negozjaturi Komunitarji fit-tfittxija għal soluzzjoni tat-tilwima aċċettabbli għall-partijiet kollha u konformi mar-regoli tal-WTO.

148   F'dawn iċ-ċirkustanzi, jekk l-organi ġudizzjarji jkunu obbligati li ma japplikawx regoli tad-dritt intern li jkunu inkompatibbli mal-Ftehim WTO, l-organi leġiżlattivi jew eżekuttivi tal-partijiet kontraenti jkunu konsegwentement imċaħħda mill-possibbiltà, provduta b'mod partikolari fl-Artikolu 22 tad-DSU, li jsibu soluzzjoni nnegozjata, anki jekk fuq bażi temporanja (sentenza il-Portugall vs il-Kunsill, iċċitata f'punt 127 iktar 'il fuq, punt 40).

149   Barra minn hekk, meta, permezz tar-Regolament Nru 216/2001, il-Kunsill emenda mill-ġdid is-sistema ta' importazzjoni tal-banana, huwa fittex li jirrikonċilja diversi għanijiet diverġenti. Fil-fatt, il-preambolu tar-Regolament Nru 216/2001 jirrileva, fl-ewwel premessa tiegħu, li saru kuntatti numerużi u mill-qrib bil-għan, b'mod partikolari, li "jiġu kkunsidrati l-konklużjonijiet tal-grupp speċjali" u, fit-tieni premessa, li s-sistema ta' importazzjoni ġdida prevista tipprovdi l-aħjar garanzija kemm "li jinkisbu l-għanijiet ta' l-[OKS banana] fir-rigward tal-produzzjoni tal-Komunità u d-domanda mill-konsumatur" u kemm li "jkun hemm konformità mar-regoli dwar il-kummerċ internazzjonali".

150   Fl-aħħar mill-aħħar, kien bi tpattija għall-fatt li l-Komunità ntrabtet li tistabbilixxi sistema unikament abbażi ta' tariffi fir-rigward ta' l-importazzjonijiet tal-banana qabel l-1 ta' Jannar 2006 li l-Istati Uniti ta' l-Amerika aċċettaw, skond Memorandum ta' Ftehim konkluż fil-11 ta' April 2001, li jissospendu provviżorjament l-impożizzjoni tad-dazju addizzjonali tagħhom.

151   Issa, riżultat bħal dan seta' jiġi kompromess b'intervent mill-qorti Komunitarja fis-sens li teżamina, bil-għan li jiġi kkumpensat id-dannu li sofriet ir-rikorrenti, il-legalità ta' l-aġir adottat f'dan il-każ mill-istituzzjonijiet konvenuti fid-dawl tar-regoli tal-WTO.

152   F'dan ir-rigward, għandu jkun irrilevat li, bħalma enfasizzaw espressament l-Istati Uniti ta' l-Amerika, il-Memorandum ta' Ftehim tal-11 ta' April 2001 ma jammontax, fih innifsu, għal soluzzjoni aċċettata mill-partijiet kollha fis-sens ta' l-Artikolu 3(6) tad-DSU u li l-kwistjoni ta' l-implimentazzjoni mill-Komunità tar-rakkomandazzjonijiet u tad-deċiżjonijiet tad-DSB baqgħet imniżżla, fit-12 ta' Lulju 2001, jiġifieri wara li tressaq dan ir-rikors, fl-aġenda tal-laqgħa tad-DSB.

153   Minn dan isegwi li meta l-istituzzjonijiet konvenuti emendaw is-sistema Komunitarja ta' importazzjoni tal-banana in kwistjoni, huma ma kellhomx l-intenzjoni li jimplimentaw obbligi partikolari li jirriżultaw mir-regoli tal-WTO li fid-dawl tagħhom id-DSB kien ikkonstata l-inkompatibbiltà ta' l-imsemmija sistema.

154   Barra minn hekk, f'dan ir-rigward għandu jkun irrilevat li, kif jirriżulta mill-premessi tar-Regolament Nru 1637/98, f'dan il-każ il-Kunsill kellu l-intenzjoni li jirrikonċilja, billi jagħmel użu mid-diversi metodi definiti mid-DSU, l-obbligi internazzjonali assunti mill-Komunità fil-kuntest tal-WTO ma' dawk assunti fir-rigward ta' firmatarji oħra tar-Raba' Konvenzjoni ta' Lomé, u dan filwaqt li jħares ukoll l-għanijiet ta' l-OKS banana.

155   L-Artikolu 20(e) tar-Regolament Nru. 404/93, kif emendat mir-Regolament Nru 1637/98, jikkonferma din l-intenzjoni. Safejn jispeċifika li d-dispożizzjonijiet li l-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta biex tapplika t-Titolu IV tar-Regolament Nru 404/93, dwar il-kummerċ tal-banana ma' pajjiżi terzi, jinkludu l-miżuri meħtieġa biex ikunu rispettati l-obbligi li jirriżultaw mill-ftehim konklużi mill-Komunità skond l-Artikolu 300 KE, l-Artikolu 20(e) jiġbor l-obbligi konvenzjonali kollha assunti mingħajr ma jagħti preċedenza lill-obbligi assunti mill-Komunità fil-kuntest tal-Ftehim WTO.

156   Barra minn hekk, fid-disa' premessa tar-Regolament Nru 1637/98, il-leġiżlatur Komunitarju rriżerva espressament il-possibbiltà li jeżamina t-tħaddim ta' dan ir-Regolament wara li jgħaddi perijodu xieraq ta' prova.

–       Fuq l-eċċezzjoni bbażata fuq ir-referenza espressa għal dispożizzjonijiet preċiżi tal-Ftehim WTO

157   L-OKS banana, kif stabbilita bir-Regolament Nru 404/93 u kif emendata aktar tard, ma tistax titqies li tagħmel referenza espressa għal dispożizzjonijiet preċiżi tal-Ftehim WTO (ara, f'dan is-sens, id-digriet OGT Fruchthandelsgesellschaft, iċċitat f'punt 127 iktar 'il fuq, punt 28).

158   B'mod partikolari, mill-preamboli tad-diveri regolamenti li jemendaw is-sistema ta' importazzjoni tal-banana, ma jirriżultax li l-leġiżlatur Komunitarju rrefera għal dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Ftehim WTO meta kellu l-intenzjoni li jirrendi din is-sistema konformi ma' l-istess Ftehim.

159   Fil-fatt, ir-Regolament Nru 2362/98 ma fih l-ebda referenza espressa għal dispożizzjonijiet preċiżi tal-Ftehim WTO (sentenzi Cordis vs il-Kummissjoni, iċċitata f'punt 130 iktar 'il fuq, punt 59; Bocchi Food Trade International vs il-Kummissjoni, iċċitata f'punt 130 iktar 'il fuq, punt 64, u T. Port vs il-Kummissjoni, iċċitata f'punt 130 iktar 'il fuq, punt 59).

160   Minn dan isegwi li, f'dan il-każ, minkejja l-konstatazzjoni ta' inkompatibbiltà min-naħa tad-DSB, ir-regoli tal-WTO ma jammontawx għal regoli li fid-dawl tagħhom tista' tkun eżaminata l-legalità ta' l-aġir ta' l-istituzzjonijiet, la abbażi ta' obbligi partikolari li l-Komunità kellha l-intenzjoni li timplimenta u lanqas abbażi ta' referenza espressa għal dispożizzjonijiet preċiżi.

161   Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti ma tistax tallega b'mod effikaċi, għall-finijiet tat-talba tagħha għal kumpens għal danni, li l-aġir allegat fil-konfront tal-Kunsill u tal-Kummissjoni imur kontra r-regoli tal-WTO.

162   L-ilmenti mressqa mir-rikorrenti abbażi tal-ksur tal-prinċipji tal-protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi, taċ-ċertezza legali u tal-proporzjonalità, kif ukoll tal-ksur tad-dritt tagħha għal proprjetà u tad-dritt tagħha li teżerċita l-attività ekonomika tagħha liberament jistrieħu kollha fuq il-premessa li l-aġir allegat fil-konfront ta' l-istituzzjonijiet konvenuti jmur kontra r-regoli tal-WTO.

163   Minħabba li dawn ir-regoli mhumiex inklużi fost ir-regoli li fid-dawl tagħhom il-qorti Komunitarja teżamina l-legalità ta' l-aġir ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji, dawn l-ilmenti għandhom, konsegwentement, ikunu miċħuda wkoll.

164   Minn dan isegwi li l-aġir ta' l-istituzzjonijiet konvenuti ma jistax jitqies li huwa vvizzjat b'illegalità, mingħajr ma jeħtieġ li jkunu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti dwar in-natura ġuridika tar-regoli u tal-prinċipji li allegatament ġew miksura u dwar l-allegata gravità ta' dan il-ksur.

165   Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti la stabbiliet in-natura u lanqas il-bażi tal-miżuri ta' protezzjoni li hija qiegħda tallega li l-istituzzjonijiet konvenuti naqsu li jadottaw favur tagħha.

166   Issa, il-Komunità ma tistax tinżamm responsabbli minħabba l-ommissjonijiet ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji ħlief fis-sitwazzjoni fejn l-istituzzjonijiet ikunu kisru obbligu legali li jieħdu azzjoni stabbilit f'dispożizzjoni Komunitarja (sentenza Dubois et Fils vs il-Kummissjoni, iċċitata f'punt 79 iktar 'il fuq, punt 56).

167   Minħabba li ma jistax jiġi ppruvat li l-aġir allegat fil-konfront ta' l-istituzzjonijiet konvenuti huwa illegali, waħda mit-tliet kundizzjonijiet kumulattivi meħtieġa biex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità għal aġir illegali ta' l-istituzzjonijiet tagħha mhix sodisfatta.

168   F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-azzjoni għal danni tar-rikorrenti bbażata fuq dawn ir-regoli dwar ir-responsabbiltà għandha tkun miċħuda mingħajr il-ħtieġa li jkun eżaminat, f'dan il-kuntest, jekk kinux sodisfatti ż-żewġ kundizzjonijiet l-oħra dwar, rispettivament, ir-realtà tad-dannu allegat u l-eżistenza ta' rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta' Settembru 1999, Lucaccioni vs il-Kummissjoni, C-257/98 P, Ġabra p. I-5251, punt 14, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-24 ta' April 2002, EVO vs il-Kunsill u l-Kummissjoni, T-220/96, Ġabra p. II-2265, punt 39).

 Fuq ir-responsabbiltà tal-Komunità fin-nuqqas ta' aġir illegali tal-korpi tagħha

 Fuq il-prinċipju tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità fin-nuqqas ta' aġir illegali tal-korpi tagħha

–       L-argumenti tal-partijiet

169   Fis-sustanza, ir-rikorrenti ssostni li l-għażla politika magħmula mill-Komunità favur is-sostenn ta' l-operaturi fis-settur tal-banana wasslet għal ksur ta' l-ugwaljanza tal-persuni quddiem il-piżijiet pubbliċi bi ħsara għall-kategorija partikolari magħmula mill-intrapriżi Komunitarji li ntlaqtu b'mod sproporzjonat mid-dazju addizzjonali Amerikan fuq l-importazzjonijiet tagħhom lejn l-Istati Uniti.

170   L-istituzzjonijiet konvenuti jissottomettu, fis-sustanza, li r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità għadha qatt ma ġiet stabbilita mill-qorti Komunitarja fin-nuqqas ta' att illegali tal-korpi tagħha u li, fi kwalunkwe każ, il-kundizzjonijiet biex tiġi stabbilita din ir-responsabbiltà m'huma b'ebda mod sodisfatti f'dan il-każ.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

171   Meta, bħal f'dan il-każ, l-illegalità ta' l-aġir allegat fil-konfront ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji ma tkunx stabbilita, ma jfissirx b'daqshekk li l-intrapriżi li, bħala kategorija ta' operaturi ekonomiċi, ikollhom ibatu parti sproporzjonata tal-piżijiet li jirriżultaw minn restrizzjoni ta' l-aċċess għal swieq ta' esportazzjoni, ma jkunu jistgħu fl-ebda każ jiksbu kumpens abbażi tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' Settembru 1987, De Boer Buizen vs il-Kunsill u l-Kummissjoni, 81/86, Ġabra p. 3677, punt 17).

172   Fil-fatt, it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 288 KE jibbaża l-obbligu li jimponi fuq il-Komunità li tagħmel tajjeb għad-danni kkawżati mill-istituzzjonijiet tagħha fuq il-"prinċipji ġenerali komuni għal sistemi legali ta' l-Istati Membri", mingħajr, għaldaqstant, ma jirrestrinġi l-portata ta' dawn il-prinċipji unikament għar-regoli dwar ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità għal aġir illegali ta' l-imsemmija istituzzjonijiet.

173   Issa, id-drittijiet nazzjonali dwar ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali jippermettu, għalkemm f'livelli differenti, f'oqsma speċifiċi u skond metodi differenti, li individwi jiksbu, permezz ta' proċedimenti legali, kumpens għal ċerti danni, anki fin-nuqqas ta' azzjoni illegali min-naħa ta' min ikun ikkawża d-dannu.

174   Fil-każ ta' dannu kkawżat minn aġir ta' l-istituzzjonijiet tal-Komunità li ma jkunx ġie ppruvat li huwa illegali, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità tista' tkun stabbilita sakemm ikunu sodisfatti kumulattivament il-kundizzjonijiet dwar ir-realtà tad-dannu, dwar ir-rabta kawżali bejn dan id-dannu u l-aġir ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji u dwar in-natura barra min-normal u speċjali tad-dannu in kwistjoni (ara s-sentenza tal-15 ta' Ġunju 2000, Dorsch Consult vs il-Kunsill u l-Kummissjoni, iċċitata f'punt 94 iktar 'il fuq, punt 19).

175   Għaldaqstant, għandu jkun eżaminat jekk dawn it-tliet kundizzjonijiet humiex sodisfatti f'dan il-każ.

 Fuq l-eżistenza ta' dannu reali u ċert

–       L-argumenti tal-partijiet

176   Ir-rikorrenti ssostni li sofriet telf kbir minħabba l-investimenti tagħha fis-suq Amerikan, il-ħlas ta' distributur Amerikan, spejjeż legali u dazji mħallsa fuq l-importazzjoni.

177   L-aġir illegali tal-Komunità kkaġuna wkoll telf ta' qligħ sinifikanti lir-rikorrenti minħabba t-telf ta' ċerti kuntratti u t-tnaqqis tal-bejgħ tagħha meta mqabbel mal-previżjonijiet li għamlet qabel l-introduzzjoni tas-sanzjonijiet Amerikani.

178   Il-konvenuti jwieġbu li r-rikorrenti ma ressqet l-ebda prova li tista' tkun verifikata b'mod oġġettiv dwar it-telf ta' attività eżistenti tagħha u dwar it-telf ta' qligħ tagħha.

179   Ir-rikorrenti ma tippruvax li kien impossibbli għaliha li tikkumpensa t-telf tagħha billi, per eżempju, tgħolli l-prezz tal-prodotti tagħha jew billi torjenta mill-ġdid il-politika ta' esportazzjoni tagħha. Ma tingħata l-ebda spjegazzjoni dwar il-miżuri li hija setgħet tadotta biex tnaqqas it-telf tagħha.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

180   Il-Kunsill u l-Kummissjoni mhumiex jikkontestaw bħala tali n-natura reali u ċerta tad-dannu li sofriet ir-rikorrenti b'konsegwenza ta' l-impożizzjoni tad-dazju addizzjonali Amerikan fuq l-importazzjoni ta' kaxxi, kaxxetti u kontenituri li jintwew li ġejjin mill-Komunità.

181   B'mod partikolari, meta jargumentaw li r-rikorrenti ma ppruvatx li kien impossibbli għaliha li tikkumpensa t-telf tagħha permezz ta' żieda fil-prezzijiet tagħha jew permezz ta' orjentazzjoni mill-ġdid tal-politika ta' esportazzjoni tagħha u li ma pprovdiet l-ebda spjegazzjoni dwar il-miżuri li setgħet tieħu biex tillimita d-dannu, il-konvenuti impliċitament jammettu li r-rikorrenti kellha, ta' l-inqas, neċessarjament issofri dannu kummerċjali kkawżat minn żieda inkontestabbli fil-prezzijiet tal-prodotti tagħha fis-suq Amerikan minħabba ż-żieda f'daqqa għal 100% tad-dazju ad valorem Amerikan fuq l-importazzjoni.

182   Barra minn hekk, l-istatistiċi prodotti mill-Kummissjoni jikkorroboraw l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti minħabba li juru mingħajr l-ebda dubju li kien hemm tnaqqis sinifikanti fil-valur totali ta' l-importazzjonijiet fl-Istati Uniti ta' kaxxi, kaxxetti u kontenituri li jintwew li ġejjin mill-Komunità.

183   F'dan il-kuntest, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li l-kundizzjoni dwar in-natura reali u ċerta tad-dannu li sofriet ir-rikorrenti hija sodisfatta.

 Fuq ir-rabta kawżali bejn id-dannu mġarrab u l-aġir ta' l-istituzzjonijiet konvenuti

–       L-argumenti tal-partijiet

184   Skond ir-rikorrenti, iż-żieda fid-dazju Amerikan fuq l-importazzjoni hija kkawżata direttament mill-aġir ta' l-istituzzjonijiet konvenuti, minħabba li l-Istati Uniti ta' l-Amerika illimitaw ruħhom li jeżerċitaw dritt mogħti lilhom mill-Ftehim WTO.

185   Minħabba li kienu konxji tal-konsegwenzi ta' l-aġir tagħhom, il-Kunsill u l-Kummissjoni ma jistgħux jippretendu validament li d-dazju addizzjonali Amerikan ma kienx konsegwenza oġġettiva u prevedibbli.

186   Il-kwistjoni li għandha tiġi determinata mhijiex jekk l-Istati Uniti ta' l-Amerika kinux obbligati jew le li jimponu dazju addizzjonali jew jekk kinux f'pożizzjoni li jagħżlu l-metodi kif jimponu dan id-dazju, iżda biss jekk l-aġir ta' l-istituzzjonijiet wassalhomx biex jimponu dawn il-miżuri u biex joħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa biex ikunu jistgħu jadottawhom. Għaldaqstant, l-elementi mħollija fid-diskrezzjoni ta' l-Istati Uniti ta' l-Amerika mhumiex biżżejjed biex jiksru r-rabta kawżali.

187   Il-konvenuti jfakkru li r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità ma tistax tkun invokata biex jintalab kumpens għal kull konsegwenza dannuża, anki jekk remota mill-aġir ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji.

188   Issa, bejn iż-żieda tad-dazju Amerikan u l-azzjoni ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji, ingħataw diversi deċiżjonijiet mid-DSB u l-Istati Uniti ta' l-Amerika adottaw deċiżjonijiet awtonomi u unilaterali. Fi kliem ieħor, l-azzjoni ta' l-Istati Uniti ta' l-Amerika ma kinitx konsegwenza oġġettivament prevedibbli fl-iżvolġiment normali ta' l-azzjoni Komunitarja.

189   Bl-ebda mod ma kien ovvju li l-Gvern Amerikan kien ħa jirreaġixxi għar-rapporti tal-grupp speċjali billi jadotta d-dazju addizzjonali. L-Istati Uniti ta' l-Amerika talbu l-awtorizzazzjoni biex jissospendu l-konċessjonijiet anki qabel ma ġiet stabbilita b'mod definittiv l-inkompatibbiltà tar-Regolamenti Nru 1637/98 u Nru 2362/98.

190   Il-Gvern Amerikan iddeċieda b'mod totalment indipendenti li jolqot il-prodotti tar-rikorrenti u l-Komunità ma kinitx f'pożizzjoni li tinfluwenza din l-għażla. Bl-istess mod, l-ammont ta' dazju applikat mill-Istati Uniti ta' l-Amerika kien stabbilit liberament mill-Gvern Amerikan.

191   Anki jekk wieħed jassumi li s-sospensjoni tal-konċessjonijiet mill-Istati Uniti ta' l-Amerika setgħet kienet antiċipata, il-fatt li l-Istati Uniti ta' l-Amerika għażlu li jolqtu speċifikament il-prodotti tar-rikorrenti permezz tad-dazju addizzjonali tagħhom fuq l-importazzjoni ma setax ikun, fi kwalunkwe każ, prevedibbli fis-sens tal-ġurisprudenza Komunitarja.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

192   Il-prinċipji komuni għas-sistemi legali ta' l-Istati Membri li għalihom jirreferi t-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 288 KE, ma jistgħux ikunu invokati biex isostnu l-eżistenza ta' obbligu li jorbot lill-Komunità li tagħmel tajjeb għal kull konsegwenza dannuża, anki jekk remota, ta' l-aġir tal-korpi tagħha (ara, b'analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-4 ta' Ottubru 1979, Dumortier et vs il-Kunsill, 64/76 u 113/76, 167/78 u 239/78, 27/79, 28/79 u 45/79, Ġabra p. 3091, punt 21, u tat-30 ta' Jannar 1992, Finsider et vs il-Kummissjoni, C-363/88 u C-364/88, Ġabra p. I-359, punt 25; digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-12 ta' Diċembru 2000, Royal Olympic Cruises et vs il-Kunsill u l-Kummissjoni, T-201/99, Ġabra p. II-4005, punt 26).

193   Fil-fatt, il-kundizzjoni dwar ir-rabta kawżali, mitluba mit-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 288 KE, tippresupponi l-eżistenza ta' rabta suffiċjentement diretta ta' kawża u effett bejn l-aġir ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji u d-dannu (sentenza Dumortier et vs il-Kunsill, iċċitata f'punt 192 iktar 'il fuq, punt 21; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-24 ta' Ottubru 2000, Fresh Marine vs il-Kummissjoni, T-178/98, Ġabra p. II-3331, punt 118, ikkonfermata fuq appell permezz tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-10 ta' Lulju 2003, il-Kummissjoni vs Fresh Marine, C-472/00 P, Ġabra p. I-7541).

194   Ċertament, huwa veru li l-Istati Uniti ta' l-Amerika, fuq talba tagħhom stess, ġew sempliċement awtorizzati mid-DSB, u mhux marbuta, li jneħħu konċessjonijiet billi jgħollu d-dazji tagħhom fuq importazzjonijiet ta' prodotti li ġejjin mill-Komunità. Anki wara li kiseb din l-awtorizzazzjoni, il-Gvern Amerikan kellu l-fakultà li jfittex soluzzjoni tat-tilwima mal-Komunità mingħajr ma jieħu miżuri ta' ritaljazzjoni kontriha.

195   Huwa wkoll fl-eżerċizzju ta' fakultà ta' għażla diskrezzjonali li l-amministrazzjoni Amerikana, minn naħa, għażlet li tolqot permezz tad-dazju addizzjonali tagħha l-kaxxi, kaxxetti u kontenituri li jintwew li ġejjin mill-Komunità, li minnhom hija stess eżentat dawk li ġejjin minn ċerti Stati Membri tal-Komunità, u, min-naħa l-oħra, stabbiliet ir-rata tad-dazju addizzjonali fuq l-importazzjoni ta' 100% tal-prezz tal-prodotti milquta.

196   Minkejja dan, jibqa' l-fatt li fin-nuqqas tas-sistema Komunitarja ta' importazzjoni tal-banana in kwistjoni u ta' konstatazzjoni preliminari mid-DSB dwar l-inkompatibbiltà tagħha mar-regoli tal-WTO, l-Istati Uniti ta' l-Amerika la kienu jistgħu jitolbu u lanqas jiksbu l-awtorizzazzjoni tad-DSB biex jissospendu l-konċessjonijiet ta' tariffi tagħhom fuq prodotti li ġejjin mill-Komunità sal-livell tat-tixjin jew tat-tnaqqis ta' benefiċċji li jirriżulta miż-żamma fis-seħħ tas-sistema Komunitarja in kwistjoni.

197   Fil-fatt, kien abbażi ta' l-ammont tad-dannu li sofriet l-ekonomija Amerikana minħabba s-sistema Komunitarja ta' importazzjoni tal-banana dikjarata inkompatibbli mar-regoli tal-WTO li d-DSB iddetermina l-valur ta' kummerċ li sal-limitu tiegħu l-amministrazzjoni Amerikana kienet awtorizzata tissospendi l-konċessjonijiet ta' tariffi tagħha fir-rigward tal-Komunità.

198   F'dawn iċ-ċirkustanzi, it-tneħħija tal-konċessjonijiet fir-rigward tal-Komunità permezz ta' dazju addizzjonali fuq l-importazzjoni għandha titqies bħala konsegwenza li tirriżulta oġġettivament, skond l-iżvolġiment normali u prevedibbli tas-sistema għas-soluzzjoni tat-tilwim tal-WTO aċċettata mill-Komunità, miż-żamma fis-seħħ min-naħa ta' l-istituzzjonijiet konvenuti tas-sistema ta' importazzjoni tal-banana inkompatibbli mal-Ftehim WTO.

199   Għaldaqstant, id-deċiżjoni unilaterali ta' l-Istati Uniti ta' l-Amerika li jimponu dazju addizzjonali fuq l-importazzjoni tal-kaxxi, kaxxetti u kontenituri li jintwew li ġejjin mill-Komunità mhix tali li tikser ir-rabta kawżali li teżisti bejn id-dannu li l-impożizzjoni ta' dan id-dazju addizzjonali ikkawżat lir-rikorrenti u ż-żamma fis-seħħ tas-sistema ta' importazzjoni tal-banana in kwistjoni min-naħa tal-konvenuti.

200   Fil-fatt, l-aġir ta' l-istituzzjonijiet konvenuti neċessarjament wassal għall-adozzjoni tal-miżura ta' ritaljazzjoni mill-amministrazzjoni Amerikana f'konformità mal-proċeduri mibdija mid-DSB u aċċettati mill-Komunità, b'mod li dan l-aġir għandu jitqies bħala l-kawża deċiżiva tad-dannu li sofriet ir-rikorrenti minħabba l-impożizzjoni tad-dazju addizzjonali Amerikan.

201   Anki qabel ma d-DSB awtorizza lill-Istati Uniti ta' l-Amerika, fid-19 ta' April 1999, biex jimponu d-dazju addizzjonali tagħhom fuq l-importazzjoni, l-istituzzjonijiet konvenuti kienu konxji ta' l-imminenza tal-miżuri ta' ritaljazzjoni Amerikani.

202   Sa mill-10 ta' Novembru 1998, l-Istati Uniti ta' l-Amerika ppubblikaw il-lista provviżorja tal-prodotti li ġejjin mill-Komunità li huma kellhom il-ħsieb jissottomettu għal dazju addizzjonali fuq l-importazzjoni, u fil-21 ta' Diċembru 1998 ikkonfermaw l-applikazzjoni ta' dan id-dazju, fil-futur qarib, b'rata ta' 100%.

203   Mit-3 ta' Marzu 1999, id-data li fiha kien impost fuq l-esportaturi Komunitarji l-obbligu li jagħmlu garanzija bankarja ta' 100% tal-valur tal-prodotti importati konċernati, il-konvenuti ma setgħux jibqgħu jinjoraw l-intenzjoni soda ta' l-Istati Uniti ta' l-Amerika li jimponu dazju addizzjonali. Ma seta' jibqa' l-ebda dubju wara l-istqarrija għall-istampa tad-9 ta' April 1999 fejn ir-rappreżentant speċjali ħabbar il-lista tal-prodotti milquta mid-dazju addizzjonali.

204   Għaldaqstant, hemm lok li tkun aċċettata l-eżistenza tar-rabta kawżali diretta meħtieġa bejn, minn naħa, l-aġir ta' l-istituzzjonijiet konvenuti fir-rigward ta' l-importazzjonijiet tal-banana fil-Komunità u, min-naħa l-oħra, id-dannu li sofriet ir-rikorrenti minħabba l-impożizzjoni tad-dazju addizzjonali Amerikan.

 Fuq in-natura barra min-normal u speċjali tad-dannu mġarrab

–       L-argumenti tal-partijiet

205   Ir-rikorrenti ssostni li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet l-obbligu tal-Komunità li tħallas kumpens xieraq meta kategorija ta' aġenti ekonomiċi jkollhom ibatu, bħal f'dan il-każ, parti sproporzjonata ta' l-ispejjeż ikkawżati mill-implimentazzjoni ta' arranġament kummerċjali bejn il-Komunità u Stat terz (sentenza De Boer Buizen vs il-Kunsill u l-Kummissjoni, iċċitata f'punt 171 iktar 'il fuq, punt 17).

206   Dan japplika wkoll meta individwu jkollu jbati, fl-interess ġenerali, spejjeż li normalment ma jkollux ibati (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-24 ta' Ġunju 1986, Développement u Clemessy vs il-Kummissjoni, 267/82, Ġabra p. 1907) u li jammontaw għal dannu barra min-normal u speċjali (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta' Ġunju 1972, Compagnie d'approvisionnement u Grands Moulins de Paris vs il-Kummissjoni, 9/71 u 11/71, Ġabra p. 391, punti 45 u 46; tas-6 ta' Diċembru 1984, Biovilac vs KEE, 59/83, Ġabra p. 4057, u tal-15 ta' Ġunju 2000, Dorsch Consult vs il-Kunsill u l-Kummissjoni, iċċitata f'punt 94 iktar 'il fuq, punt 18).

207   Il-konvenuti jwieġbu, fis-sustanza, li r-riskji kummerċjali li għalihom huma esposti l-esportaturi Komunitarji jistgħu jitqiesu bħala inerenti fis-sistema tal-WTO nfisha u li ma teżistix raġuni partikolari għaliex il-Komunità għandha tassumi r-responsabbiltà għalihom. Barra minn hekk, id-dannu għandu jikkonċerna grupp limitat ta' intrapriżi.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

208   Fir-rigward tad-danni li jistgħu jsofru l-operaturi ekonomiċi minħabba l-attivitajiet ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji, dannu, minn naħa, ikun barra min-normal meta jaqbeż il-limiti tar-riskji ekonomiċi inerenti fl-attivitajiet tas-settur konċernat u, min-naħa l-oħra, ikun speċjali meta jolqot kategorija partikolari ta' operaturi ekonomiċi b'mod sproporzjonat meta mqabbla ma' operaturi oħra (ara s-sentenza tat-28 ta' April 1998, Dorsch Consult vs il-Kunsill u l-Kummissjoni, iċċitata f'punt 94 iktar 'il fuq, punt 80, u s-sentenza Afrikanische Frucht-Compagnie u Internationale Fruchtimport Gesellschaft Weichert vs il-Kunsill u l-Kummissjoni, iċċitata f'punt 99 iktar 'il fuq, punt 151).

209   F'dan il-każ ma ġiex ippruvat li r-rikorrenti sofriet, minħabba l-inkompatibbiltà tas-sistema Komunitarja ta' importazzjoni tal-banana mal-Ftehim WTO, dannu li jaqbeż il-limiti tar-riskji inerenti fl-attività tagħha bħala esportatur.

210   Huwa veru li l-għan tal-Ftehim li jistabbilixxi l-WTO huwa, kif rilevat fil-preambolu tiegħu, li titwaqqaf sistema kummerċjali multilaterali integrata li tinkludi r-riżultati ta' l-isforzi li saru qabel biex il-kummerċ ikun liberalizzat.

211   Madankollu, għandu jkun ikkonstatat li l-eventwalità ta' sospensjoni ta' konċessjonijiet ta' tariffi, miżura prevista fil-Ftehim WTO u ċirkustanza li seħħet f'dan il-każ, hija waħda mill-bidliet fiċ-ċirkustanzi inerenti fis-sistema attwali tal-kummerċ internazzjonali. Għaldaqstant, din il-bidla fiċ-ċirkustanzi għandha bilfors tiġi mġarrba minn kull operatur li jiddeċiedi li jqiegħed il-prodotti tiegħu fis-suq ta' wieħed mill-membri tal-WTO.

212   Fil-fatt, id-deċiżjoni ta' l-arbitri tad-9 ta' April 1999 enfasizzat li n-natura temporanja li l-Artikolu 22(1) tad-DSU jagħti lis-sospensjoni tal-konċessjonijiet tindika li l-għan ta' din is-sospensjoni huwa li twassal lill-membru tal-WTO li fil-konfront tiegħu jkunu ttieħdu l-proċeduri biex jirrispetta r-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tad-DSB.

213   Barra minn hekk, mill-Artikolu 22(3)(b) u (c) tad-DSU, strument internazzjonali li kien is-suġġett ta' miżuri ta' pubbliċità xierqa biex ikun assigurat l-għarfien tiegħu mill-operaturi Komunitarji, jirriżulta li l-membru tal-WTO li jagħmel l-ilment jista' jfittex li jissospendi konċessjonijiet jew obbligi oħra f'setturi li jkunu differenti minn dak li fir-rigward tiegħu il-grupp speċjali jew il-Bord ta' l-Appell ikun ikkonstata ksur mill-membru konċernat, u li jaqgħu jew taħt l-istess Ftehim jew taħt ftehim tal-WTO ieħor.

214   Minn dan isegwi li r-riskji li t-tqegħid fis-suq Amerikan mir-rikorrenti tal-kaxxi tal-kartun li jintwew tagħha jista', għal din ir-raġuni, ikun espost għalihom, m'għandhomx jitqiesu bħala estranji għar-riskji normali tal-kummerċ internazzjonali fl-istat attwali ta' kif inhu organizzat.

215   Għaldaqstant, fiċ-ċirkustanzi ta' dan il-każ, m'hemmx lok li d-dannu li sofriet ir-rikorrenti jkun ikkwalifikat bħala barra min-normal.

216   Tali konstatazzjoni hija biżżejjed biex teskludi kull dritt għal kumpens għal danni fuq din il-bażi. Għaldaqstant, mhux meħtieġ li l-Qorti tal-Prim'Istanza tippronunzja ruħha dwar il-kundizzjoni li d-dannu jrid ikun speċjali.

217   Minn dan isegwi li t-talba għal kumpens għal danni mressqa mir-rikorrenti abbażi tar-regoli dwar ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità fin-nuqqas ta' aġir illegali tal-korpi tagħha għandha tkun miċħuda.

218   Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-rikors għandu jkun miċħud bħala infondat mingħajr il-bżonn li l-Qorti tal-Prim'Istanza tippronunzja ruħha fuq it-talbiet sussidjarji tar-rikorrenti.

 Fuq l-ispejjeż

219   Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

220   Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, l-ispejjeż tal-Parlament, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, kif mitlub mit-tliet istituzzjonijiet konvenuti.

221   Skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

222   Minn dan isegwi li r-Renju ta' Spanja għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Awla Manja)

taqta' u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli safejn huwa mressaq kontra l-Parlament.

2)      Il-bqija tar-rikors huwa miċħud bħala infondat.

3)      Ir-rikorrenti għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, l-ispejjeż tal-Parlament, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni.

4)      Ir-Renju ta' Spanja għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Vesterdorf

Lindh

Azizi

Pirrung

Legal

García-Valdecasas

Tiili

Cooke

Meij

Vilaras

 

      Forwood

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fl-14 ta' Diċembru 2005                                      

Reġistratur

 

       il-President

E. Coulon

 

      B.Vesterdorf

Werrej

Il-kuntest ġuridiku

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura

It-talbiet tal-partijiet

Fuq l-ammissibbiltà

Fuq l-inammissibbiltà tar-rikors safejn huwa mressaq kontra l-Parlament

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq il-fatt li r-rikors ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta' l-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq il-kompetenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq il-mertu

Fuq ir-responsabbiltà tal-Komunità minħabba aġir illegali tal-korpi tagħha

L-argumenti tal-partijiet

– Fuq l-illegalitajiet allegati fil-konfront ta' l-istituzzjonijiet konvenuti

– Fuq in-natura ġuridika tar-regoli li allegatament kisru l-konvenuti

– Fuq il-gravità tal-vjolazzjonijiet allegati

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

– Fuq il-kwistjoni preliminari jekk ir-regoli tal-WTO jistgħux ikunu invokati

– Fuq l-eċċezzjoni bbażata fuq l-intenzjoni li jkun implimentat obbligu partikolari assunt fil-kuntest tal-WTO

– Fuq l-eċċezzjoni bbażata fuq ir-referenza espressa għal dispożizzjonijiet preċiżi tal-Ftehim WTO

Fuq ir-responsabbiltà tal-Komunità fin-nuqqas ta' aġir illegali tal-korpi tagħha

Fuq il-prinċipju tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità fin-nuqqas ta' aġir illegali tal-korpi tagħha

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq l-eżistenza ta' dannu reali u ċert

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq ir-rabta kawżali bejn id-dannu mġarrab u l-aġir ta' l-istituzzjonijiet konvenuti

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq in-natura barra min-normal u speċjali tad-dannu mġarrab

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.