Language of document : ECLI:EU:T:2013:444

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

16 ta’ Settembru 2013 (*)

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq Belġjan, Ġermaniż, Franċiż, Taljan, Olandiż u Awstrijak tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE — Koordinazzjoni taż-żidiet fil-prezz u skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva — Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur — Multi — Linji gwida għall-kalkolu tal-ammont tal-multi tal-2006 — Gravità tal-ksur — Ċirkustanzi attenwanti — Kriżi ekonomika — Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal‑2002 — Tnaqqis fl-ammont tal-multa — Valur miżjud sinjifikanti”

Fil-Kawża T‑412/10,

Roca, stabbilita f’Saint-Ouen-l’Aumône (Franza), irrappreżentata minn P. Vidal Martínez, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn F. Castillo de la Torre, A. Antoniadis u F. Castilla Contreras, sussegwentement minn F. Castillo de la Torre, A. Antoniadis u F. Jimeno Fernández, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 4185 finali, tat-23 ta’ Ġunju 2010, dwar il-Proċediment skont l-Artikolu 101 tat-TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39092 – Installazzjonijiet sanitarji [għall-kmamar tal-banju]), u talba għal tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti f’din id-deċiżjoni,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn I. Pelikánová, President, K. Jürimäe (Relatur) u M. van der Woude, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Marzu 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1)

[omissis]

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

30      Ir-rikorrenti fetħet din il-kawża b’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ Settembru 2010.

31      Fuq il-bażi tar-rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, għamlet mistoqsija bil-miktub lill-Kummissjoni, li għaliha din wieġbet fit-terminu impost.

32      It-trattazzjonijiet tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet bil-miktub u orali magħmulin mill-Qorti Ġenerali nstemgħu waqt is-seduta tas-6 ta’ Marzu 2013.

33      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Artikoli 1 u 2 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn dawn jirrigwardaw lilha;

–        tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuqha;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

34      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Id-dritt

[omissis]

 1. Fuq it-talbiet intiżi għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata

[omissis]

 Fuq il-ħames motiv relattiv għall-kooperazzjoni tar-rikorrenti

171    Fil-kuntest tal-ħames motiv, minn naħa, ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u wettqet ksur manifest fl-applikazzjoni tal-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni, peress li hija ma tathiex tnaqqis fil-multa abbażi tal-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti titlob li tibbenefika minn tnaqqis fil-multa abbażi tal-punt 29 tal-linji gwida tal-2006 minħabba l-kooperazzjoni tagħha. Dan it-tieni argument għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rikorrenti ssostni li hija kellha tirċievi tnaqqis fil-multa abbażi tal-kooperazzjoni tagħha, b’mod konformi mal-punt msemmi, u li b’hekk hija tilmenta li l-Kummissjoni wettqet żball fl-applikazzjoni ta’ dan il-punt.

 Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u l-ksur u l-iżbalji fl-applikazzjoni tal-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni

172    Ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni, minn naħa, ma tathiex tnaqqis fl-ammont tal-multa minkejja l-fatt li din kienet, b’ittra tal-8 ta’ Diċembru 2006, qaltilha li kien ser ikollha dritt għal tnaqqis kundizzjonat fl-ammont tal-multa. Abbażi ta’ dan, hija ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

173    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tikkontesta l-evalwazzjoni li tgħid li l-informazzjoni li hija pprovdiet fil-kuntest tat-talba tagħha intiża biex tibbenefika minn tnaqqis fil-multa ma kellhiex valur miżjud sinjifikattiv. Essenzjalment, f’dan ir-rigward, hija ssostni li l-informazzjoni pprovduta minnha abbażi tat-talba tagħha intiża biex tibbenefika minn tnaqqis fil-multa kellha valur miżjud sinjifikattiv peress li, mingħajr din l-informazzjoni, il-Kummissjoni ma kinitx tkun tista’ tipprova l-ksur relattiv għall-artikli taċ-ċeramika mwettaq fi Franza fl-2004. Barra minn hekk, hija ssostni li ma poġġietx indiskussjoni, permezz ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni, il-valur tal-informazzjoni pprovduta, peress li hija ma kkontestatx il-fatti, iżda biss il-kwalifika legali tagħhom.

174    Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti. L-ewwel nett, hija ssostni li l-valur miżjud tal-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti ma setax jiġi kkwalifikat bħala sinjifikattiv. Fil-fatt, minn naħa, id-dikjarazzjoni magħmula mir-rikorrenti kienet ġenerali, filwaqt li d-dikjarazzjonijiet ta’ Ideal Standard kienu, min-naħa tagħhom, konkreti u dettaljati. Min-naħa l-oħra, il-ksur seta’ jiġi pprovat minn numru ta’ tabelli li kienu juru skambju ta’ informazzjoni u l-konferma espressa u dettaljata minn Ideal Standard sostnuta minn dokument imfassal wara laqgħa. It-tieni nett, hija tosserva, minn naħa, li r-rikorrenti esponiet, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, argumenti ferm dettaljati li jikkontestaw in-natura probatorja tal-provi li hija kienet qegħdha tibbaża ruħha fuqhom, b’mod partikolari n-natura probatorja tal-provi mressqa minn Ideal Standard dwar il-ftehim fuq il-prezzijiet ta’ Frar 2004. Min-naħa l-oħra, hija tqis li impriża ma tistax tibbaża t-talba għal tnaqqis tagħha fuq fatti li għalihom, finalment, hija ma żżommhiex responsabbli, peress li l-vantaġġ ta’ din il-kooperazzjoni huwa rifless diġà fil-fatt li hija tiddeċiedi li tabbanduna ċerti oġġezzjonijiet, għal liema raġuni l-impriża ma titqiesx responsabbli jew ma tingħatax multa.

175    Fl-ewwel lok, għandhom jitfakkru ċerti kundizzjonijiet li fihom impriża tista’ tibbenefika minn tnaqqis fil-multa abbażi tal-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni. Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat jekk l-informazzjoni ppreżentata mir-rikorrenti abbażi tat-talba tagħha intiża biex tibbenefika minn tnaqqis fil-multa kellhiex valur miżjud sinjifikattiv qabel ma tiġi eżaminata, jekk ikun il-każ, fit-tielet lok, il-kwistjoni jekk il-Kummissjoni setgħetx ġustament tasal għall-konklużjoni li tgħid li r-rikorrenti kellha dritt għal tnaqqis kundizzjonat fl-ammont tal-multa, f’ittra tat-8 ta’ Diċembru 2006.

176    Fl-ewwel lok, għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni, fl-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni, iddefinixxiet il-kundizzjonijiet li fihom l-impriżi li jikkooperaw magħha matul l-investigazzjoni tagħha fuq akkordju jistgħu jiġu eżentati mill-multa jew jibbenefikaw minn tnaqqis fl-ammont tal-multa li kellhom iħallsu (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Mejju 2011, Arkema France vs Il-Kummissjoni, T‑343/08, Ġabra p. II‑2287, punt 129).

177    Skont il-punt 20 tal-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni, “[i]mpriżi li ma jissodisfawx il-kondizzjonijiet [sabiex tinkiseb eżenzjoni minn multa] jistgħu jkunu eliġibbli biex jibbenefikaw minn tnaqqis ta’ kull multa li kieku kienet tkun imposta”.

178    Il-punt 21 tal-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni jipprovdi li, “[b]iex tikkwalifika [għal tnaqqis ta’ multa skont il-punt 20 tal-imsemmi avviż] impriża għandha tipprovdi l-Kummissjoni bi provi tal-ksur tal-liġi ssospettat li jirrapreżentaw valur miżjud b’rispett għall-evidenza li diġa’ tinstab fil-pussess tal-Kummissjoni u għanda twaqqaf l-involviment tagħha fil-ksur tal-liġi ssuspettat mhux aktar tard miż-żmien li fih tressaq il-provi”.

179    Il-punt 22 tal-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni jiddefinixxi l-kunċett ta’ valur miżjud sinjifikattiv b’dan il-mod:

“Il-kunċett ta’ ‘valur miżjud’ jirreferi għall-punt sa fejn il-provi pprovduti jinforzaw, bin-natura tagħhom u/jew bil-livell ta’ dettall, l-abilità tal-Kummissjoni li tipprova l-fatti msemmija. F’din l-istima, il-Kummissjoni ġeneralment tikkunsidra l-provi bil-miktub li joriġinaw mill-perjodu ta’ żmien li miegħu jirrelataw il-fatti biex ikollhom valur ikbar [minn dak tal-] provi stabbiliti wara. Bl-istess mod, provi li huma direttament rilevanti għall-fatti msemmija ġeneralment jiġu kkunsidrati li għandhom valur akbar minn dawk b’rilevanza indiretta biss.”

180    Fl-ewwel paragrafu tal-punt 23(b) tal-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni huma stabbiliti tliet parametri ta’ tnaqqis fil-multa. L-ewwel impriża li tissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 21 tal-imsemmi avviż għandha dritt tikseb tnaqqis fil-multa ta’ bejn 30 u 50 %, it-tieni impriża tnaqqis fil-multa ta’ bejn 20 u 30 % u l-impriżi sussegwenti tnaqqis fil-multa massimu ta’ 20 %.

181    It-tieni subparagrafu tal-punt 23(b) tal-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni jindika li “Biex jiġi ddeterminat il-livell ta’ tnaqqis f’kull waħda minn dawn il-faxex, il-Kummissjoni ser tieħu kont taż-żmien li fih ġew mressqin il-provi li jissodisfaw il-punt 21 [tal-imsemmi avviż] u l-punt sa fejn jirrappreżentaw valur miżjud” u li “[t]ista’ wkoll tieħu kont tal-miżura u tal-kontinwità ta’ kull kooperazzjoni pprovduta mill-impriża wara d-data tas-sottomissjoni tagħha”.

182    Mil-loġika stess tal-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni jirriżulta li l-effett mixtieq huwa li tinħoloq klima ta’ inċertezza fi ħdan l-akkordji billi titħeġġeġ id-denunzja tagħhom lill-Kummissjoni. Din l-inċertezza tirriżulta preċiżament mill-fatt li l-parteċipanti fl-akkordju jafu li wieħed biss fosthom jista’ jibbenefika minn immunità tal-multa billi jiddenunzja lill-parteċipanti l-oħrajn fil-ksur, biex b’hekk ikunu esposti għar-riskju li jeħlu l-multi. Fil-kuntest ta’ din is-sistema, u skont l-istess loġika, lill-impriżi li jipprovdu kooperazzjoni l-iktar malajr jingħata tnaqqis ikbar fil-multi li kieku kienu jiġu imposti fuqhom, milli lill-impriżi li jikkooperaw inqas malajr (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Ottubru 2011, Transcatab vs Il-Kummissjoni, T‑39/06, Ġabra p. II‑6831, punt 379).

183    B’hekk, l-ordni kronoloġiku u r-rapidità tal-kooperazzjoni offruta mill-membri tal-kartel jikkostitwixxu elementi fundamentali tas-sistema implementata mill-imsemmi avviż dwar il-kooperazzjoni (sentenza Transcatab vs Il-Kummissjoni, punt 182 iktar ’il fuq, punt 380).

184    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li għalkemm il-Kummissjoni hija marbuta li timmotiva r-raġunijiet għalfejn hija tqis li xi provi pprovduti minn impriżi fil-kuntest ta’ avviż dwar il-kooperazzjoni jikkostitwixxu kontribut li jiġġustifika jew le tnaqqis fl-ammont tal-multa imposta, min-naħa l-oħra, huma l-impriżi li jixtiequ jikkontestaw id-deċiżjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward li għandhom jipprovaw li l-informazzjoni pprovduta b’mod volontarju minn dawn l-impriżi kienet determinanti biex tippermetti lil din li tipprova b’mod essenzjali l-ksur, u għalhekk li tadotta deċiżjoni li timponi l-multi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Settembru 2009, Erste Group Bank et vs Il-Kummissjoni, C‑125/07 P, C‑133/07 P, C‑135/07 P u C‑137/07 P, Ġabra p. I‑8681, punt 297, u s-sentenza Arkema France vs Il-Kummissjoni, punt 176 iktar ’il fuq, punt 135).

185    Fid-dawl tar-raġuni għat-tnaqqis, il-Kummissjoni ma tistax teskludi l-utilità tal-informazzjoni pprovduta, li hija neċessarjament funzjoni tal-provi diġà fil-pussess tagħha (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ April 2010, Gütermann u Zwicky vs Il-Kummissjoni, T‑456/05 u T‑457/05, Ġabra p. II‑1443, punt 220, u Arkema France vs Il-Kummissjoni, punt 176 iktar ’il fuq, punt 136).

186    Meta, abbażi tal-kooperazzjoni, impriża sempliċement tikkonferma, b’mod inqas preċiż u espliċitu, ċerta informazzjoni diġà pprovduta minn impriża oħra abbażi tal-kooperazzjoni, il-grad ta’ kooperazzjoni pprovdut minn din l-impriża, minkejja li tista’ xorta waħda tkun ta’ ċerta utilità għall-Kummissjoni, ma għandux jiġi kkunsidrat bħala paragunabbli għal dak ipprovdut mill-ewwel impriża li pprovdiet l-imsemmija informazzjoni. Dikjarazzjoni li sa ċertu punt tillimita ruħha li tikkorrobora dikjarazzjoni li l-Kummissjoni diġà kellha, effettivament, ma tiffaċilitax il-kompitu tagħha b’mod sinjifikattiv. Għalhekk, din ma tistax tkun biżżejjed biex tiġġustifika tnaqqis fl-ammont tal-multa abbażi tal-kooperazzjoni (ara s-sentenza Arkema France vs Il-Kummissjoni, punt 176 iktar ’il fuq, punt 137, u l-ġurisprudenza ċċitata).

187    Madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li d-dikjarazzjoni ta’ impriża akkużata li ħadet sehem f’akkordju, li l-eżattezza tagħha hija kkontestata minn diversi impriżi oħra akkużati, ma tistax titqies li tikkostitwixxi prova suffiċjenti tal-eżistenza ta’ ksur imwettaq minn dawn tal-aħħar mingħajr ma tiġi sostnuta minn provi oħra (sentenza JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, punt 130 iktar ’il fuq, punt 219; ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, Enso-Gutzeit vs Il-Kummissjoni, T‑337/94, Ġabra p. II‑1571, punt 91).

188    Finalment, minkejja li għandu jitqies li l-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-valur miżjud sinjifikattiv ta’ informazzjoni li tingħatalha abbażi tal-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li l-Qorti Ġenerali ma’ tistax tibbaża ruħha fuq il-marġni msemmija biex tirrinunzja milli teżerċita stħarriġ fil-fond kemm fid-dritt kif ukoll ta’ fatt tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward (ara, b’analoġija, is-sentenza Chalkor vs Il-Kummissjoni, punt 35 iktar ’il fuq, punt 62).

189    Fit-tieni lok, huwa fid-dawl tar-referenzi magħmula fil-punti 176 sa 188 iktar ’il fuq li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti mqajma mir-rikorrenti, kif esposti fil-punt 173 iktar ’il fuq.

190    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fil-premessi 1291 sa 1293, 1295, 1297, 1299 u 1300 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni mmotivat iċ-ċaħda li tagħti tnaqqis fil-multa lir-rikorrenti essenzjalment permezz ta’ tliet kunsiderazzjonijiet. L-ewwel nett, fir-rigward tal-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti dwar il-ksur relattiv għall-artikli taċ-ċeramika fi Franza fl-2004, hija osservat li, minn naħa, Ideal Standard kienet diġà informatha bl-eżistenza ta’ skambju ta’ informazzjoni dettaljata u b’mod partikolari tatha tabella li tindika skambju ta’ informazzjoni dwar il-bejgħ matul is-sajf tal-2004. Min-naħa l-oħra, l-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti kienet ġenerali, mhux sostnuta minn provi kontemporanji u l-valur ta’ prova tagħha kien ikkontestat minn diversi impriżi matul il-proċedura amministrattiva. It-tieni nett, fir-rigward tal-ksur relattiv għall-artikli relatati mal-viti fi Franza, ir-rikorrenti ma pprovdiet ebda informazzjoni. It-tielet nett, bl-aġir tagħha wara t-talba intiża għall-benefiċċju ta’ tnaqqis fil-multa, ir-rikorrenti naqset u saħansitra ċaħdet il-valur ta’ prova tal-informazzjoni li kienet ippreżentat hija stess u, b’hekk, naqset milli turi spirtu ta’ kooperazzjoni ġenwin.

191    F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata esposti fil-punt 190 iktar ’il fuq u tal-argumenti mqajma mir-rikorrenti, kif esposti fil-punt 173 iktar ’il fuq, għandu jiġi vverifikat, fl-ewwel lok, jekk l-informazzjoni pprovduta minn din tal-aħħar abbażi tat-talba tagħha intiża biex tibbenefika minn tnaqqis fil-multa kellhiex valur miżjud sinjifikattiv. Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat, jekk ikun il-każ, jekk ir-rikorrenti naqsitx il-kredibbiltà li għandha tiġi attribwita lil din l-informazzjoni billi poġġiet indiskussjoni l-provi mressqa minn Ideal Standard b’tali mod li l-informazzjoni msemmija ma tistax titqies li għandha valur miżjud sinjifikattiv.

192    Fl-ewwel lok, qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tikkontestax il-konklużjoni tal-Kummissjoni li tgħid li hija ma pprovdiet ebda informazzjoni dwar il-ksur relattiv għall-artikli relatati mal-viti fi Franza. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-evalwazzjoni tal-argumenti tagħha għandu jiġi limitat għall-valur miżjud tal-informazzjoni pprovduta minnha f’dak li jikkonċerna l-ksur relattiv għall-artikli taċ-ċeramika fi Franza.

193    Sussegwentement, għandu jiġi osservat li, hekk kif tosserva l-Kummissjoni fil-kitbiet tagħha, ma ġie kkonstatat ebda ksur, fir-rigward tal-artikli taċ-ċeramika fi Franza, matul il-perijodu li jestendi mill-1995 sal-bidu tal-2004, liema ħaġa wara kollox ma hijiex ikkontestata mir-rikorrenti. Għalhekk, il-Kummissjoni kellha raġun meta ma kkonċediet ebda tnaqqis abbażi tal-informazzjoni mogħtija mir-rikorrenti fir-rigward ta’ dan il-perijodu.

194    Barra minn hekk, f’dak li jikkonċerna l-informazzjoni ppreżentata mir-rikorrenti dwar il-ksur imwettaq, fir-rigward tal-artikli taċ-ċeramika fi Franza, fl-2004, għandu jiġi osservat li, hekk kif jirriżulta mill-premessi 556, 583, 584, 587 u 588 tad-deċiżjoni kkontestata, biex tikkonkludi li jeżisti ksur, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq erba’ provi: l-ewwel, it-talba ta’ Ideal Standard intiża biex tibbenefika minn tnaqqis fil-multa (premessa 583 tad-deċiżjoni kkontestata), it-tieni, tabella pprovduta minn din tal-aħħar annessa mat-talba msemmija (premessa 588 tad-deċiżjoni kkontestata), it-tielet, it-talba tar-rikorrenti intiża biex tibbenefika minn tnaqqis fil-multa (premessi 556, 587 u 588 tad-deċiżjoni kkontestata) u, ir-raba’, ir-risposta ta’ Duravit għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (premessa 584 tad-deċiżjoni kkontestata).

195    Finalment, kuntrarjament għal dak li ssostni fil-kitbiet tagħha, il-Kummissjoni qieset, essenzjalment, fid-deċiżjoni kkontestata, li ma tistax tibbaża l-konstatazzjoni ta’ ksur li jolqot l-artikli taċ-ċeramika fi Franza għall-2004 fuq is-sempliċi dikjarazzjoni orali magħmula minn Ideal Standard fil-kuntest tat-talba tagħha intiża biex tibbenefika minn tnaqqis fil-multa u t-tabella pprovduta bħala anness mat-talba msemmija. Fl-aħħar nett, fil-premessa 588 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat dan li ġej: Fil-fatt, fil-premessa 588 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat is-segwenti:

“il-Kummissjoni ma sostnietx li t-tabella pprovduta minn Ideal Standard bħala anness mat-talba tagħha [intiża biex tibbenefika minn tnaqqis fil-multa] setgħet tiġi kkwalifikata bħala dokument kontemporanju għall-fatti. Madankollu, din tirrappreżenta tentattiv minn Ideal Standard biex tipprovdi l-iktar espożizzjoni dettaljata possibbli tal-fatti ppreżentati fid-dikjarazzjoni tagħha. Anki jekk ma titteħidx inkunsiderazzjoni din il-prova, il-prova ta’ koordinazzjoni tal-prezzijiet minimi waqt il-laqgħa tal-AFICS ta’ Frar 2004 tista’ tiġi stabbilita fuq il-bażi tat-tliet dikjarazzjonijiet [jiġifieri t-talba intiża biex tibbenefika minn tnaqqis fil-multa ppreżentata minn Ideal Standard, dik tar-rikorrenti u, finalment, ir-risposta ta’ Duravit għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet].”

196    Għalhekk, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni stess ibbażat ruħha fuq l-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti fil-kuntest tat-talba tagħha intiża biex tibbenefika minn tnaqqis fil-multa biex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur relattiv għall-artikli taċ-ċeramika fi Franza fl-2004. Għalhekk, minn qari tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti kellha utilità oġġettiva għall-Kummissjoni.

197    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li, mingħajr l-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma kinitx tkun tista’ tipprova, abbażi biss tal-provi ppreżentati minn Ideal Standard fil-kuntest tat-talba tagħha intiża biex tibbenefika minn tnaqqis fil-multa, il-ksur relattiv għall-artikli taċ-ċeramika mwettaq fi Franza fl-2004. Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li, hekk kif jirriżulta mill-premessi 584 u 587 tad-deċiżjoni kkontestata, Duravit ikkonfermat, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li d-diskussjonijiet fuq il-prezzijiet minimi kienu seħħew fil-kuntest tal-laqgħa tal-AFICS imsemmija minn Ideal Standard, xorta jibqa’ l-fatt li, hekk kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet orali ppreżentati minn Duravit waqt is-seduta li saret quddiem il-Kummissjoni fit-12 ta’ Novembru 2007, Duravit poġġiet f’dubju wkoll il-valur ta’ prova tat-tabella pprovduta minn Ideal Standard.

198    Fid-dawl tal-provi msemmija, għandu jiġi kkonstatat li l-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti fil-kuntest tat-talba tagħha intiża biex tibbenefika minn tnaqqis fil-multa għandha valur miżjud sinjifikattiv. Fil-fatt, l-informazzjoni msemmija ppermettiet lill-Kummissjoni li tikkonstata ksur li jolqot l-artikli taċ-ċeramika fi Franza għall-2004, peress li din ikkonfermat l-eżistenza ta’ diskussjoni dwar il-prezzijiet minimi tal-artikli taċ-ċeramika ta’ livell baxx matul il-laqgħa tal-AFICS tal-25 ta’ Frar 2004 (premessa 588 tad-deċiżjoni kkontestata). B’hekk, il-Kummissjoni żbaljat meta rrifjutat li tirrikonoxxi l-valur miżjud sinjifikattiv tad-dikjarazzjoni tar-rikorrenti fil-kuntest tat-talba tagħha intiża biex tibbenefika minn tnaqqis fil-multa u li tagħtiha tnaqqis fl-ammont tal-multa fuq din il-bażi.

199    Il-konklużjoni adottata fil-punt 198 iktar ’il fuq ma tistax titqiegħed indiskussjoni mill-argumenti tal-Kummissjoni intiżi biex juru li l-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti ma kellha ebda valur miżjud sinjifikattiv.

200    Minn naħa, l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti insostenn tat-talba intiża biex tibbenefika minn tnaqqis fil-multa kienet ġenerali, filwaqt li l-informazzjoni pprovduta minn Ideal Standard kienet konkreta u dettaljata, ma jistax jirnexxi. Fil-fatt, it-talba ta’ Ideal Standard intiża biex tibbenefika minn tnaqqis fil-multa abbażi tal-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni kienet, b’mod partikolari fid-dawl tal-kontestazzjoni tal-valur ta’ prova tal-provi mressqa minn Ideal Standard għal dan il-għan, insuffiċjenti, waħedha, biex tippermetti l-konstatazzjoni ta’ ksur li jolqot l-artikli taċ-ċeramika fi Franza għall-2004. Barra minn hekk, minkejja n-natura ġenerali tal-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti, din, madankollu, tikkorrobora l-provi mressqa minn Ideal Standard u b’hekk ippermettiet li l-Kummissjoni tikkonstata l-ksur imsemmi. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-punt 197 iktar ’il fuq, mingħajr l-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma kinitx tkun tista’ tipprova, biss abbażi tal-provi mressqa minn Ideal Standard fil-kuntest tat-talba tagħha intiża biex tibbenefika minn tnaqqis fil-multa, il-ksur relattiv għall-artikli taċ-ċeramika mwettaq fi Franza fl-2004.

201    Min-naħa l-oħra, l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li hija setgħet tipprova l-ksur abbażi ta’ diversi tabelli li kienu juru l-iskambji ta’ informazzjoni u tal-konferma espressa u dettaljata mogħtija minn Ideal Standard u sostnuta minn dokument abbozzat wara laqgħa huwa infondat. Fil-fatt, għandu jitfakkar li, fil-premessa 588 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset, essenzjalment, li ma setgħetx tibbaża l-konstatazzjoni ta’ ksur li jolqot l-artikli taċ-ċeramika fi Franza għall-2004 fuq id-dikjarazzjoni orali magħmula minn Ideal Standard fil-kuntest tat-talba tagħha intiża biex tibbenefika minn tnaqqis fil-multa u fuq it-tabella pprovduta bħala anness mat-talba msemmija (ara l-punt 195 iktar ’il fuq).

202    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, u fid-dawl tal-premessi 556, 587 u 588 tad-deċiżjoni kkontestata, li minnhom jirriżulta li l-provi mressqa mir-rikorrenti effettivament ippermettew lill-Kummissjoni li tikkonstata l-ksur li jolqot l-artikli taċ-ċeramika fi Franza fl-2004, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni wettqet żball fl-evalwazzjoni tal-valur miżjud tal-provi mressqa mir-rikorrenti fit-talba tagħha intiża biex tibbenefika minn tnaqqis fil-multa, kif evalwata fl-aħħar tal-proċedura amministrattiva.

203    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat, fit-tieni lok, jekk, bl-aġir tagħha sussegwenti għat-talba tagħha intiża biex tibbenefika minn tnaqqis fil-multa, ir-rikorrenti, hekk kif essenzjalment issostni l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata u fil-kitbiet tagħha, poġġiet indiskussjoni valur miżjud sinjifikattiv tal-informazzjoni ppreżentata minnha.

204    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-premessa 1300 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li l-grupp Roca “ma pprovax spirtu ta’ kooperazzjoni ġenwin matul il-proċedura [amministrattiva]”, iżda, b’mod kontrarju, adotta aġir li “naqqas il-valur tal-prova li [l-grupp Roca] kien ippreżenta inizjalment”.

205    Barra minn hekk, hemm ippreċiżat, fil-premessa 1295 tad-deċiżjoni kkontestata, li “[r-rikorrenti] u Laufen [Austria] it-tnejn ikkontestaw b’mod attiv il-fatti deskritti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (ara pereżempju l-premessi [360 sa 365 u 579 sa 582 tad-deċiżjoni kkontestata]), u b’hekk poġġew f’dubju b’mod sinjifikattiv in-natura antikompetittiva tal-aġiri li [l-grupp] Roca kell[u] jipprova fid-dikjarazzjonijiet li [dan] għamel fil-kuntest tat-talba tiegħu [intiża biex jibbenefika minn tnaqqis fil-multa]”. Għal dan il-għan, għandu jingħad ukoll li l-premessi 360 sa 365 ta’ din id-deċiżjoni jesponu l-argumenti ppreżentati minn Laufen Austria fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tagħha, fir-rigward tal-aġiri li jikkostitwixxu ksur fis-suq Awstrijak. Il-premessi 579 sa 582 tal-istess deċiżjoni jesponu, min-naħa tagħhom, id-dikjarazzjonijiet magħmula mill-grupp Roca fir-rigward tal-prattiki li jikkostitwixxu ksur relattivi għall-artikli relatati mal-viti fi Franza.

206    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, fil-premessa 586 tad-deċiżjoni msemmija, il-Kummissjoni sostniet is-segwenti:

“[Il-grupp] Roca jippreżenta sommarju tal-fatti kontradittorju. Filwaqt li jikkonferma l-iskambju ta’ prezzijiet minimi fi ħdan l-AFICS bejn l-2002 u l-2004 b’mod ġenerali, [dan] jipprova jiskredita d-dikjarazzjoni korroborattiva ta’ Ideal Standard, filwaqt li jikkonkludi li l-Kummissjoni għandha terġa tevalwa l-kwistjoni dwar jekk huwiex possibbli li tiġi stabbilita l-prova ta’ koordinament tal-prezzijiet minimi. B’mod partikolari, [il-grupp] Roca jippretendi li d-deskrizzjoni li Ideal Standard tagħti tal-koordinazzjoni tal-prezzijiet minimi waqt il-laqgħa tal-25 ta’ Frar 2004 ma ġietx ikkonfermata minn impriżi oħra li ppreżentaw talba intiża biex jibbenefikaw minn tnaqqis fil-multa. Barra minn hekk, [dan] jippretendi li t-tabella ppreżentata minn Ideal Standard ma tistax titqies bħala prova konklussiva. Skont [il-grupp] Roca, din it-tabella tindika li Ideal Standard tidher li ħawdet il-prattiki eżerċitati fi Franza u dawk eżerċitati fl-Italja (peress li d-dokument huwa bit-Taljan).”

207    B’hekk, mill-premessi tad-deċiżjoni kkontestata ċċitati fil-punti 204 sa 206 iktar ’il fuq jirriżulta li l-informazzjoni inizjalment ipprovduta mir-rikorrenti ma għandhiex iktar valur miżjud sinjifikattiv fid-dawl tal-fatt li hija stess naqqset l-utilità tagħha meta poġġiet f’dubju l-kredibbiltà ta’ din l-istess informazzjoni.

208    L-ewwel nett, f’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li mit-talba intiża biex jibbenefika minn tnaqqis fil-multa, kif ifformultata fl-ittri tas-17 u tal-20 ta’ Jannar 2006, jirriżulta li din ġiet ifformulata, mhux f’isem il-grupp Roca fl-intier tiegħu, iżda f’isem ir-rikorrenti stess, kif ukoll f’isem il-grupp Laufen peress li l-attivitajiet tal-grupp imsemmi fi Franza ġew diretti fi ħdan dan tal-aħħar. Għalhekk, id-dikjarazzjonijiet ta’ Laufen Austria matul il-proċedura amministrattiva ma humiex rilevanti, għall-finijiet tad-determinazzjoni jekk ir-rikorrenti naqsitx il-valur miżjud tal-informazzjoni li hija pprovdiet lill-Kummissjoni, ħlief sa fejn dawn jikkonċernaw il-prattiki antikompetittivi li seħħew fis-suq Franċiż. Għaldaqstant, hekk kif ġie kkonstatat fil-punt 205 iktar ’il fuq, il-premessi 360 sa 365 tad-deċiżjoni kkontestata, li tirreferi għalihom il-Kummissjoni fil-premessa 1295 ta’ din id-deċiżjoni stess, jikkonċernaw biss is-suq Awstrijak. B’hekk, dawn il-premessi ma juru ebda kontestazzjoni tal-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti fil-kuntest tat-talba tagħha intiża biex tibbenefika minn tnaqqis fil-multa fir-rigward tas-suq Franċiż.

209    It-tieni nett, il-premessi 579 sa 582 tad-deċiżjoni kkontestata jirrigwardaw, hekk kif ġie kkonstatat fil-punt 205 iktar ’il fuq, id-dikjarazzjonijiet li l-grupp Roca għamel fir-rigward tal-prattiki li jikkostitwixxu ksur relattivi għall-artikli relatati mal-viti li seħħew fi Franza. B’hekk, dawn ma jistgħux juru li r-rikorrenti, bid-dikjarazzjonijiet tagħha, poġġiet indiskussjoni l-valur miżjud tal-provi li hija stess ippreżentat lill-Kummissjoni. Fil-fatt, dawn il-provi kienu jikkonċernaw biss il-ksur li jolqot l-artikli taċ-ċeramika fi Franza.

210    It-tielet nett, il-provi msemmija fil-premessa 586 tad-deċiżjoni kkontestata, kif żviluppati mill-Kummissjoni fil-kitbiet tagħha, ma jippermettux li jiġi konkluż li r-rikorrenti skreditat l-informazzjoni li hija stess kienet ipprovdiet. Fil-fatt, minn naħa, kemm mid-deċiżjoni kkontestata kif ukoll mill-kitbiet tal-Kummissjoni jirriżulta li r-rikorrenti kkonfermat l-iskambji tal-prezz minimu dwar l-artikli taċ-ċeramika ta’ livell baxx fi ħdan l-AFICS b’mod partikolari fl-2004, liema ħaġa ma ġietx ikkontestata. Min-naħa l-oħra, huwa minnu li r-rikorrenti poġġiet f’dubju l-valur ta’ prova tad-dikjarazzjoni ta’ Ideal Standard relattiva għal-laqgħa tal-AFICS tal-25 ta’ Frar 2004 u tad-dokument li din tal-aħħar ippreżentat insostenn tad-dikjarazzjoni tagħha. Madankollu, għandu jitqies li, meta għamlet hekk, ir-rikorrenti kkuntentat ruħha li tippreżenta lill-Kummissjoni argumenti intiżi biex jiġi stabbilit li l-provi ppreżentati minn Ideal Standard ma kinux suffiċjenti biex jistabbilixxu l-eżistenza tal-ksur relattiv għall-artikli taċ-ċeramika mwettaq fi Franza fl-2004, bil-għan li turi li l-informazzjoni li kienet hija stess ipprovdiet fil-kuntest tat-talba tagħha intiża biex tibbenefika minn tnaqqis fil-multa kienet neċessarja għall-Kummissjoni biex tipprova l-ksur imsemmi u, b’hekk, kellha valur miżjud sinjifikattiv.

211    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat, fil-premessa 1300 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti kienet, bl-aġir tagħha sussegwenti għat-talba tagħha intiża biex tibbenefika minn tnaqqis fil-multa, naqqset il-valur tal-provi inizjalment ippreżentati minnha.

212    Din il-konklużjoni ma titpoġġix indiskussjoni mill-argumenti mqajma mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward.

213    Fl-ewwel lok, l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li r-rikorrenti naqset mill-obbligu ta’ kooperazzjoni tagħha peress li kkontestat il-karattru ta’ prova kemm tad-dikjarazzjoni ta’ Ideal Standard relattiva għal-laqgħa tal-AFICS tal-25 ta’ Frar 2004 kif ukoll tad-dokument li hija ppreżentat insostenn tad-dikjarazzjoni tagħha huwa infondat. Fil-fatt, għandu jitqies li r-rikorrenti kkuntentat ruħha li tpoġġi f’dubju s-suffiċjenza tal-provi mressqa minn Ideal Standard biex tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur relattiv għall-artikli taċ-ċeramika fi Franza fl-2004. B’dan, hija limitat ruħha biex tressaq provi li jistgħu jistabbilixxu l-valur miżjud sinjifikattiv tal-informazzjoni li hija stess ippreżentat fil-kuntest tat-talba tagħha intiża biex tibbenefika minn tnaqqis fil-multa.

214    Fit-tieni lok, l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li impriża ma tistax tibbaża t-talba għal tnaqqis tagħha fuq fatti li fuqhom il-Kummissjoni finalment ma żżommhiex responsabbli għalihom hija infondata. Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li l-Kummissjoni ma kkonstatat ebda ksur relattiv għall-artikli taċ-ċeramika fi Franza fir-rigward tal-perijodu mill-1995 sal bidu tal-2004, xorta jibqa’ l-fatt li r-rikorrenti inżammet responsabbli għall-ksur relattiv għall-artikli taċ-ċeramika mwettaq fi Franza fl-2004. B’hekk, għandu jitfakkar li, hekk kif ġie kkonstatat fil-punt 198 iktar ’il fuq, l-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti effettivament ippermettiet lill-Kummissjoni li tikkonstata dan il-ksur.

215    Għalhekk, għandu jiġi milqugħ il-ħames motiv, sa fejn jirrigwarda l-evalwazzjoni żbaljata tat-talba tar-rikorrenti intiża biex tibbenefika minn tnaqqis fil-multa.

216    F’dawn iċ-ċirkustanzi, minn naħa, ma hemmx iktar lok li jiġi eżaminat l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha peress li hija ma kellhiex aċċess għar-risposta ta’ Duravit għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Fil-fatt, mill-kitbiet tar-rikorrenti jirriżulta li dan l-argument huwa intrinsikament marbut mal-kontestazzjoni tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li r-rikorrenti ma kinitx ipprovdiet informazzjoni li kellha valur miżjud sinjifikattiv. L-argumenti mressqa mir-rikorrenti abbażi ta’ din il-kontestazzjoni ġew milqugħa fil-punti 202, 211 u 215 iktar ’il fuq.

217    Min-naħa l-oħra, peress li l-ħames motiv ġie milqugħ, sa fejn jirrigwarda l-evalwazzjoni żbaljata tat-talba tar-rikorrenti intiża biex tibbenefika minn tnaqqis fil-multa (ara l-punt 215 iktar ’il fuq), ma huwiex meħtieġ li jiġi eżaminat l-argument tar-rikorrenti, espost fil-punt 172 iktar ’il fuq, li jgħid li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi meta ddeċidiet, fid-deċiżjoni kkontestata, li telimina t-tnaqqis kundizzjonat imsemmi lir-rikorrenti fl-ittra tat-8 ta’ Diċembru 2006.

218    Għandhom jinsiltu l-konsegwenzi tal-illegalità kkonstatata fil-punt 215 iktar ’il fuq fuq l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tat-talbiet għal bidla mressqa mir-rikorrenti, fil-punti 232 u s-segwenti iktar ’il quddiem.

 Fuq l-iżball fl-applikazzjoni tal-linji gwida tal-2006

219    Ir-rikorrenti tosserva li l-Kummissjoni wettqet żball peress li din ma tathiex tnaqqis għall-kooperazzjoni abbażi ta’ ċirkustanza attenwanti fis-sens tal-punt 29 tal-linji gwida tal-2006.

220    Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tal-argument tar-rikorrenti.

221    Qabel kollox, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, mit-tielet inċiż tal-punt 29 tal-linji gwida tal-2006 jirriżulta li l-Kummissjoni ntrabtet, fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tagħha dwar iċ-ċirkustanzi attenwanti li hija marbuta li tieħu inkunsiderazzjoni fl-iffissar tal-ammont tal-multi, li tagħti tnaqqis fil-multa meta “impriża tikkoopera b’mod effettiv [magħha] barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Avviż dwar [il-kooperazzjoni] u lil hinn mill-obbligi legali ta’ kooperazzjoni” (sentenza Arkema France vs Il-Kummissjoni, punt 176 iktar ’il fuq, punt 168).

222    Madankollu, l-applikazzjoni tat-tielet inċiż tal-punt 29 tal-linji gwida tal-2006 ma jistax ikollha l-konsegwenza li ċċaħħad l-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni mill-effettività tiegħu. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmi avviż jistabbilixxi qafas sabiex jiġu kkumpensati, għall-kooperazzjoni tagħhom fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni, impriżi li jagħmlu parti jew kienu jagħmlu parti minn akkordji sigrieti. B’hekk, mill-kliem u mill-istruttura tal-avviż imsemmi jirriżulta li l-impriżi ma jistgħux, fil-prinċipju, jiksbu tnaqqis fil-multa abbażi tal-kooperazzjoni tagħhom ħlief jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet stretti stabbiliti mill-imsemmi avviż.

223    Għaldaqstant, sabiex tinżamm l-effettività tal-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni, huwa biss f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali li l-Kummissjoni għandha tagħti tnaqqis tal-multa lil impriża fuq il-bażi tat-tielet inċiż tal-punt 29 tal-linji gwida tal-2006. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, meta l-kooperazzjoni ta’ impriża, filwaqt li tmur lil hinn mill-obbligu legali ta’ kooperazzjoni tagħha mingħajr madankollu ma tagħtiha d-dritt għal tnaqqis fil-multa skont l-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni, tkun ta’ utilità oġġettiva għall-Kummissjoni. Tali utilità għandha tiġi kkonstatata meta fid-deċiżjoni finali tagħha l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq provi li impriża tkun ippreżentatilha fil-kuntest tal-kooperazzjoni tagħha u li fin-nuqqas tagħhom il-Kummissjoni ma kinitx tkun f’pożizzjoni li tissanzjona b’mod totali jew parzjali l-ksur inkwistjoni (sentenza Arkema France vs Il-Kummissjoni, punt 176 iktar ’il fuq, punt 170).

224    F’dan il-każ, minn naħa, għandu jitfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-punti 202 u 211 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni żbaljat meta qieset, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-provi ppreżentati mir-rikorrenti abbażi tat-talba tagħha intiża biex tibbenefika minn tnaqqis fil-multa kienu nieqsa minn valur miżjud sinjifikattiv u li r-rikorrenti, fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni b’mod reali, ma kinitx eliġibbli għal tnaqqis abbażi tal-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni. Skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 223 iktar ’il fuq, huwa biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali u, b’mod partikolari, meta l-kooperazzjoni ta’ impriża ma tagħtix dritt għal tnaqqis fil-multa abbażi tal-imsemmi avviż li l-Kummissjoni tista’ tkun marbuta li tagħti tnaqqis fil-multa abbażi tat-tielet inċiż tal-punt 29 tal-linji gwida tal-2006. B’hekk, fid-dawl tal-konstatazzjoni, stabbilita fil-punt 211 iktar ’il fuq, li tgħid li l-Kummissjoni kellha tagħti tnaqqis fil-multa lir-rikorrenti abbażi tal-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni, għandu jiġi konkluż li din ma kinitx marbuta li tagħti tnaqqis fil-multa lir-rikorrenti abbażi tad-dispożizzjoni msemmija. Min-naħa l-oħra, u f’kull ipoteżi, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tinvoka ebda ċirkustanza eċċezzjonali li tiġġustifika li l-Kummissjoni teżamina l-kooperazzjoni tagħha fir-rigward ta’ din id-dispożizzjoni.

225    Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti ma stabbilixxietx li l-Kummissjoni wettqet żball meta ma tathiex tnaqqis fil-multa abbażi tat-tielet inċiż tal-punt 29 tal-linji gwida tal-2006. Għalhekk, il-ħames motiv, sa fejn huwa bbażat fuq il-punt imsemmi, għandu jiġi miċħud bħala infondat.

226    Fid-dawl tal-elementi msemmija iktar ’il fuq, il-ħames motiv għandu jiġi milqugħ parzjalment, sa fejn ir-rikorrenti tosserva li l-Kummissjoni wettqet żball fl-evalwazzjoni tal-valur miżjud tal-informazzjoni li hija pprovdiet abbażi tat-talba tagħha intiża biex tibbenefika minn tnaqqis fil-multa, u għandu jiġi miċħud għall-bqija.

227    Mill-evalwazzjoni tal-ħames motivi tar-rikors invokati mir-rikorrenti jirriżulta li l-ħames motiv għandu jiġi milqugħ, sa fejn dan huwa bbażat fuq żball fl-evalwazzjoni tal-valur miżjud tal-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti abbażi tat-talba tagħha intiża biex tibbenefika minn tnaqqis fil-multa u li jiġi miċħud, kif ukoll il-motivi l-oħra, għall-bqija.

228    Fir-rigward tal-konsegwenzi li għandhom jinsiltu abbażi tat-talbiet intiżi għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi rrilevat li, fir-rigward tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat, fil-paragrafu 3 tal-Artikolu msemmi, li r-rikorrenti kienet kisret l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE meta pparteċipat, mill-10 ta’ Diċembru 2002 sad-9 ta’ Novembru 2004, fi ksur fi Franza u fl-Awstrija. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, peress li ebda wieħed mill-motivi mqajma mir-rikorrenti ma poġġa indiskussjoni din il-konstatazzjoni, l-Artikolu msemmi ma huwiex ivvizzjat minn illegalità. B’hekk, it-talbiet imsemmija intiżi għall-annullament parzjali għandhom jiġu miċħuda sa fejn jikkonċernaw lill-Artikolu 1(3) tad-deċiżjoni kkontestata.

229    Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-konklużjoni adottata fil-punti 226 u 227 iktar ’il fuq, għandu jiġi annullat l-Artikolu 2(4)(b) tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-Kummissjoni ffissat l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-kooperazzjoni tagħha.

230    Sa fejn, abbażi tat-tieni kap tat-talbiet, ir-rikorrenti titlob, sussidjarjament, it-tnaqqis tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha, l-imsemmi ammont għandu jiġi ddeterminat fil-kuntest tal-eżami ta’ dan il-kap tat-talbiet.

 2. Fuq it-talbiet intiżi għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti

231    Fid-dawl tat-tieni kap tat-talbiet li bih ir-rikorrenti titlob, sussidjarjament, lill-Qorti Ġenerali biex tnaqqas l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha (ara l-punt 33 iktar ’il fuq), hija l-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, li għandha teżamina, minn naħa, il-konsegwenzi tal-iżball imwettaq mill-Kummissjoni, li huwa espost fil-punti 202 u 211 iktar ’il fuq, fuq il-kalkolu tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti u, min-naħa l-oħra, l-argumenti l-oħra li hija tressaq intiżi biex tikseb mingħand il-Qorti Ġenerali tnaqqis fl-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha.

 Fuq il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mill-iżball tal-Kummissjoni fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-valur tal-provi ppreżentati insostenn tat-talba tar-rikorrenti intiża biex tibbenefika minn tnaqqis fil-multa

232    Fir-rigward tal-evalwazzjoni żbaljata tal-valur tat-talba tar-rikorrenti intiża biex tibbenefika minn tnaqqis fil-multa, kif ikkonstatata fil-punt 215 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni tosserva li, jekk il-Qorti Ġenerali tqis li r-rikorrenti kienet ipprovdiet valur miżjud sinjifikattiv u wriet kooperazzjoni sinċiera jew reali, it-tnaqqis applikabbli ma għandux jaqbeż it-3 % għaliex, f’dan il-każ, il-firxa tal-kooperazzjoni hija limitata ħafna, peress li din kienet tikkonċerna biss il-prodotti taċ-ċeramika u s-suq Franċiż.

233    F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, għalkemm l-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni ma jaffettwax l-evalwazzjoni tat-tnaqqis fl-ammont tal-multa mill-Qorti tal-Unjoni meta din tiddeċiedi abbażi tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-Qorti Ġenerali tqis li jkun xieraq, f’dan il-każ, li tispira ruħha minnu biex tikkalkola mill-ġdid l-ammont tal-multa, b’mod partikolari minħabba l-fatt li dan jippermetti li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha rilevanti tal-każ u li jiġu imposti multi proporzjonati fuq l-impriżi kollha li pparteċipaw fil-ksur inkwistjoni.

234    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fl-ewwel subparagrafu tal-punt 23(b) tal-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni, hemm stabbiliti tliet faxex ta’ tnaqqis fil-multa. Fil-fatt, l-ewwel impriża li tissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 21 tal-imsemmi avviż għandha dritt tikseb tnaqqis fil-multa ta’ bejn 30 u 50 %, it-tieni impriża tnaqqis fil-multa ta’ bejn 20 u 30 % u l-impriżi sussegwenti tnaqqis fil-multa massimu ta’ 20 %.

235    It-tieni subparagrafu tal-punt 23(b) tal-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni jindika li “Biex jiġi ddeterminat il-livell ta’ tnaqqis f’kull waħda minn dawn il-faxex, il-Kummissjoni ser tieħu kont taż-żmien li fih ġew mressqin il-provi li jissodisfaw il-punt 21 [tal-imsemmi avviż] u l-punt sa fejn jirrappreżentaw valur miżjud” u li “[t]ista’ wkoll tieħu kont tal-miżura u tal-kontinwità ta’ kull kooperazzjoni pprovduta mill-impriża wara d-data tas-sottomissjoni tagħħa”.

236    Qabel kollox, f’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif jirriżulta mill-premessa 1289 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti kienet tifforma parti mit-tielet impriża li ressqet talba intiża biex tibbenefika minn tnaqqis fil-multa wara dik li tressqet minn Masco u mis-sussidjarji tagħha, dik li tressqet minn Grohe u mis-sussidjarji tagħha, kif ukoll dik li tressqet minn Ideal Standard u mis-sussidjarji tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, abbażi tat-tielet inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-punt 23(b) tal-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni, hija eliġibbli għal tnaqqis fil-multa massimu ta’ 20 %, liema ħaġa wara kollox hija ma tikkontestax.

237    Sussegwentement, it-talba tar-rikorrenti intiża biex tibbenefika minn tnaqqis fil-multa ġiet ippreżentata fis-17 ta’ Jannar 2006 (ara l-punt 9 iktar ’il fuq), jiġifieri madwar sena u sitt xhur wara t-talba għall-immunità mressqa minn Masco u mis-sussidjarji tagħha (ara l-punt 5 iktar ’il fuq) u madwar sena u xahrejn wara t-tressiq tat-talbiet intiżi biex jibbenefikaw minn tnaqqis fil-multa mressqa rispettivament minn Grohe u s-sussidjarji tagħha u minn Ideal Standard u s-sussidjarji tagħha (ara l-punt 7 iktar ’il fuq), iżda qabel it-trażmissjoni tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

238    Finalment, għandu jiġi osservat, minn naħa, li d-dikjarazzjoni ppreżentata mir-rikorrenti insostenn tat-talba tagħha intiża biex tibbenefika minn tnaqqis fil-multa hija min-natura tagħha ġenerali u ma tikkonċerna lil ebda laqgħa partikolari. Min-naħa l-oħra, id-dikjarazzjoni msemmija ppermettiet biss li jiġi stabbilit il-ksur matul tmien xhur fl-2004 u biss fir-rigward tal-artikli taċ-ċeramika u tas-suq Franċiż.

239    Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali tqis li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, u b’mod partikolari taċ-ċirkustanzi msemmija fil-punti 236 sa 238 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti għandha tingħata tnaqqis ta’ 6 % tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha, jiġifieri tnaqqis ta’ EUR 402 000.

240    Għalhekk, fid-dawl tal-konklużjonijiet adottati fil-punt 239 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali tiffissa l-ammont totali tal-multa li għandha tiġi imposta fuq ir-rikorrenti, dwar il-ksur li din ipparteċipat fih fi Franza, għal EUR 6 298 000.

[omissis]

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 2(4)(b) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 4185 finali, tat-23 ta’ Ġunju 2010, dwar il-Proċediment skont l-Artikolu 101 tat-TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39092 – Installazzjonijiet sanitarji [għall-kmamar tal-banju]), huwa annullat sa fejn il-Kummissjoni Ewropea ffissat l-ammont tal-multa imposta in solidum fuq Roca mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-kooperazzjoni tagħha.

2)      L-ammont tal-multa imposta fuq Roca fl-Artikolu 2(4)(b) tad-deċiżjoni C (2010) 4185 finali huwa ta’ EUR 6 298 000.

3)      Ir-rikors huwa miċħud għall-bqija.

4)      Il-Kummissjoni għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, terz mill-ispejjeż ta’ Roca.

5)      Roca għandha tbati żewġ terzi mill-ispejjeż tagħha.

Pelikánová

Jürimäe

Van der Woude

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-16 ta’ Settembru 2013.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.


1 –      Qed jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-pubblikazzjoni tagħhom tqieset li hija utli mill-Qorti Ġenerali.