Language of document : ECLI:EU:T:2015:500

Kawżi T‑413/10 u T‑414/10

(pubblikazzjoni ta’ estratti)

Socitrel – Sociedade Industrial de Trefilaria, SA

u

Companhia Previdente — Sociedade de Controle de Participações Financeiras, SA

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq Ewropew azzar għall-prestressing — Iffissar ta’ prezzijiet, qsim tas-suq u skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE — Kooperazzjoni matul il-proċedura amministrattiva — Linji gwida dwar il-kalkolu tal-ammont tal-multi tal-2006 — Terminu raġonevoli”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tal-15 ta’ Lulju 2015

1.      Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Evalwazzjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami — Neċessità li jiġu speċifikati l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha — Assenza

(Artikolu 296 TFUE)

2.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Aġġustament tal-ammont bażiku — Natura dissważiva — Applikazzjoni ta’ fattur ta’ multiplikazzjoni għall-ammont inizjali — Riferiment għall-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur — Motivazzjoni suffiċjenti

(Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) u (3); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, punt 25)

3.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Obbligi tal-Kummissjoni — Osservanza ta’ terminu raġonevoli — Ksur — Konsegwenzi — Annullament tad-deċiżjoni li tikkonstata ksur minħabba tul eċċessiv tal-proċedura — Kundizzjoni — Ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-impriżi kkonċernati — Fatturi li jistgħu jispjegaw it-tul tal-proċedura amministrattiva

(Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Regolament tal-Kunsill Nru 17)

4.      Dritt tal-Unjoni Ewropea — Prinċipji — Protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi — Ksur — Kundizzjonijiet — Adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ deċiżjoni ta’ emenda wara l-preżentata ta’ rikors kontra d-deċiżjoni inizjali — Osservanza tad-dmir ta’ diliġenza u rispett tad-drittijiet tad-difiża — Assenza ta’ ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

5.      Kompetizzjoni — Regoli tal-Unjoni — Ksur — Imputazzjoni — Kumpannija parent u sussidjarji — Unità ekonomika — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Preżunzjoni ta’ influwenza determinanti eżerċitata mill-kumpannija parent fuq is-sussidjarji miżmuma kompletament jew kważi kompletament minnha, inkluż fil-każ ta’ holding

(Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53)

6.      Kompetizzjoni — Regoli tal-Unjoni — Ksur — Imputazzjoni — Kumpannija parent u sussidjarji — Unità ekonomika — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Preżunzjoni ta’ influwenza determinanti eżerċitata mill-kumpannija parent fuq is-sussidjarji miżmuma kompletament jew kważi kompletament minnha, inkluż fil-każ ta’ holding — Obbligi probatorji tal-kumpannija li tkun tixtieq tegħleb din il-preżunzjoni — Elementi insuffiċjenti sabiex tingħeleb il-preżunzjoni

(Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53)

7.      Kompetizzjoni — Regoli tal-Unjoni — Ksur — Imputazzjoni — Kumpannija parent u sussidjarji — Unità ekonomika — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Preżunzjoni ta’ influwenza determinanti eżerċitata mill-kumpannija parent fuq is-sussidjarji miżmuma fit-totalità jew fil-kważi totalità minnha — Natura konfutabbli — Teħid inkunsiderazzjoni fl-osservanza tal-prinċipji ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, ta’ personalità tal-pieni, ta’ ċertezza legali u ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet

(Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53)

8.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Aġġustament tal-ammont bażiku — Ammont massimu — Kalkolu — Dħul mill-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni — Dħul mill-bejgħ akkumulat tal-kumpanniji kollha li jikkostitwixxu l-entità ekonomika li taġixxi bħala impriża fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li timponi l-multa

(Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2))

9.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Aġġustament tal-ammont bażiku — Ammont massimu — Kalkolu — Dħul mill-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni — Dħul mill-bejgħ tas-sena kummerċjali li tippreċedi d-data ta’ impożizzjoni tal-multa — Użu tad-dħul mill-bejgħ ta’ sena kummerċjali preċedenti oħra — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet

(Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2))

10.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Iffissar tal-ammont bażiku — Gravità tal-ksur — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Gravità tal-parteċipazzjoni ta’ kull impriża — Distinzjoni — Akkordju b’diversi partijiet — Osservanza tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet

(Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) u (3); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, punti 13 u 22)

11.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Iffissar tal-ammont bażiku — Gravità tal-ksur — Determinazzjoni ta’ rati ta’ gravità fi skali differenti fid-dawl ta’ diversi kategoriji ta’ impriżi li wettqu ksur uniku — Differenza limitata bejn ir-rati applikati għall-impriżi li wettqu l-ksur — Osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament — Evalwazzjoni

(Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) u (3))

12.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Iffissar tal-ammont bażiku — Gravità tal-ksur — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Evalwazzjoni żbaljata mill-impriża kkonċernata tas-sitwazzjoni legali partikolari tagħha — Assenza ta’ effett

(Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) u (3))

13.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Obbligu għall-Kummissjoni li timxi mal-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha — Assenza

(Artikolu 101 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2))

14.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Aġġustament tal-ammont bażiku — Ċirkustanzi attenwanti — Rwol passiv jew emulattiv tal-impriża — Ċirkustanza li ma hijiex inkluża fil-Linji ta’ gwida l-ġodda — Marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni

(Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punti 2 u 3; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, punt 29)

15.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Aġġustament tal-ammont bażiku — Ċirkustanzi attenwanti — Kooperazzjoni mill-impriża implikata barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Avviż dwar il-klemenza — Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, punt 29)

16.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Aġġustament tal-ammont bażiku — Ammont massimu — Kalkolu — Kumpanniji li kienu jikkostitwixxu impriża matul il-perijodu tal-ksur u kumpannija li akkwistat parteċipant wara l-ksur — Applikazzjoni ta’ diversi modalitajiet għall-kalkolu tal-limitu massimu — Ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament — Assenza

(Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) u (3))

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 106)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 135-137)

3.      Fil-qasam tal-kompetizzjoni, ksur ta’ terminu raġonevoli fit-tmexxija tal-proċeduri amministrattivi jista’ jwassal għal żewġ tipi ta’ konsegwenzi.

Minn naħa, meta l-ksur ta’ terminu raġonevoli jkun kellu impatt fuq l-eżitu tal-proċedura, tali ksur ikun ta’ natura li jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-fatt li jinqabeż terminu raġonevoli jista’ jikkostitwixxi raġuni għall-annullament biss ta’ deċiżjonijiet li jikkonstataw ksur u bil-kundizzjoni li jkun ġie stabbilit li l-ksur ta’ dan il-prinċipju ppreġudika d-drittijiet tad-difiża tal-impriżi kkonċernati. Ħlief f’dan il-każ partikolari, in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu li tingħata deċiżjoni f’terminu raġonevoli ma jkollu ebda impatt fuq il-validità tal-proċedura amministrattiva skont ir-Regolament Nru 17. Madankollu, peress li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża għandu importanza kbira fil-proċeduri amministrattivi fil-qasam tal-kompetizzjoni, għandu jiġi evitat li dawn id-drittijiet ikunu jistgħu jiġu kompromessi b’mod li ma jkunx jista’ jiġi rrimedjat minħabba t-tul eċċessiv tal-fażi istruttorja u li dan it-tul ikun jista’ jostakola l-istabbiliment ta’ provi intiżi li jinnegaw l-eżistenza ta’ aġir ta’ natura li jistabbilixxi r-responsabbiltà tal-impriżi kkonċernati. Għalhekk, l-eżami tal-eventwali ostakolu għall-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża ma għandux ikun limitat għall-istess fażi li fiha dawn id-drittijiet jipproduċu l-effett sħiħ tagħhom, jiġifieri t-tieni fażi tal-proċedura amministrattiva, li testendi mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sal-adozzjoni tad-deċiżjoni finali. L-evalwazzjoni tas-sors tal-eventwali indeboliment tal-effikaċja tad-drittijiet tad-difiża għandha testendi għal din il-proċedura kollha billi jsir riferiment għat-tul kollu tagħha.

Min-naħa l-oħra, meta l-ksur ta’ terminu raġonevoli ma jkollux impatt fuq l-eżitu tal-proċedura, tali ksur jista’ jwassal lill-qorti tal-Unjoni, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, sabiex tirrimedja b’mod adegwat il-ksur li jirriżulta mill-fatt li jkun inqabeż terminu raġonevoli fil-proċedura amministrattiva billi tnaqqas, jekk ikun il-każ, l-ammont tal-multa imposta.

F’dan ir-rigward, sabiex jiġi spjegat it-tul ta’ proċedura amministrattiva fil-qasam tal-akkordju, għandhom jitqiesu, b’mod partikolari, it-tul tal-akkordju, id-dimensjoni ġeografika wiesgħa tiegħu, l-organizzazzjoni tal-akkordju fil-livell ġeografiku u mill-aspett temporali, in-numru ta’ laqgħat li nżammu fil-kuntest tal-akkordju, in-numru ta’ impriżi kkonċernati, in-numru ta’ talbiet għal klemenza u l-volum ta’ dokumenti, ipprovduti f’dan il-kuntest jew miksuba matul l-ispezzjonijiet u redatti f’diversi lingwi, li għandhom jiġu eżaminati mill-Kummissjoni, it-talbiet għal informazzjoni, in-numru ta’ destinatarji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, in-numru ta’ lingwi proċedurali, kif ukoll it-talbiet dwar il-kapaċità tal-ħlas.

(ara l-punti 151-155, 168, 169)

4.      Il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi huwa wieħed mill-prinċipji fundamentali tal-Unjoni. Sabiex dan il-prinċipju jkun jista’ jiġi invokat huwa meħtieġ li jkunu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet. L-ewwel nett, assigurazzjonijiet preċiżi, inkundizzjonati u konkordanti, min-naħa ta’ sorsi awtorizzati u affidabbli, għandhom ikunu ngħataw lill-persuna kkonċernata mill-amministrazzjoni. It-tieni nett, dawn l-assigurazzjonijiet għandhom ikunu ta’ natura li joħolqu aspettattiva leġittima f’moħħ il-persuna li lilha jkunu indirizzati. It-tielet nett, l-assigurazzjonijiet mogħtija għandhom ikunu konformi man-normi applikabbli.

Barra minn hekk, id-dmir ta’ diliġenza jimplika l-obbligu għall-Kummissjoni li teżamina b’attenzjoni u b’imparzjalità l-elementi rilevanti kollha tal-każ ineżami.

Barra minn hekk, huwa leġittimu u fl-interess ta’ ġestjoni amministrattiva korretta li istituzzjoni tikkoreġi l-iżbalji u l-ommissjonijiet li bihom tkun ivvizzjata deċiżjoni. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma tistax tippermetti li fl-ordinament ġuridiku tibqa’ teżisti deċiżjoni li tkun taf li hija vvizzjata bi żbalji u b’ommissjonijiet u, f’dan ir-rigward, huwa leġittimu u fl-interess ta’ ġestjoni amministrattiva korretta li istituzzjoni tikkoreġi l-iżbalji u l-ommissjonijiet li bihom tkun ivvizzjata d-deċiżjoni inizjali. B’hekk, meta l-Kummissjoni tkun adottat, għal dan il-għan, deċiżjoni ta’ emenda wara l-preżentata ta’ rikorsi ġudizzjarji kontra d-deċiżjoni inizjali u meta l-awturi tar-rikorsi jkunu ġew mistiedna sabiex jadattaw il-motivi u t-talbiet tagħhom fid-dawl tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ emenda, dawn tal-aħħar ma jistgħux isostnu li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

Barra minn hekk, sa fejn il-Kummissjoni tista’, fl-interess ta’ ġestjoni amministrattiva korretta, tikkoreġi deċiżjoni inizjali li tkun ivvizzjata bi żbalji u b’ommissjonijiet, ebda assigurazzjoni preċiża, inkundizzjonata u konkordanti, li toriġina minn sorsi affidabbli u awtorizzati, ma tista’ tingħata mill-amministrazzjoni fiż-żamma ta’ tali deċiżjoni sal-eventwali annullament tagħha mill-qorti tal-Unjoni.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni lanqas ma tista’ tiġi akkużata b’aġir żleali u b’mala fide għas-sempliċi raġuni li kienet emendat deċiżjoni vvizzjata, kif ammettiet hija stess, b’diversi żbalji u ommissjonijiet.

(ara l-punti 174-176, 179, 182, 185, 187-189)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 197-208, 220, 228, 238)

6.      Fil-qasam ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, meta kumpannija parent iżżomm il-kapital kollu jew kważi kollu tas-sussidjarja tagħha matul il-perijodu ta’ ksur ikkonstatat fil-konfront tagħha, il-Kummissjoni għandha d-dritt tapplika preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti. L-imsemmija preżunzjoni ma tistax tiġi kkonfutata sempliċement billi jintwera li hija s-sussidjarja li tiġġestixxi l-aspetti speċifiċi tal-politika kummerċjali tagħha mingħajr ma tirċievi direttivi f’dan ir-rigward. Għaldaqstant, l-awtonomija tas-sussidjarja ma tistax tiġi stabbilita sempliċement billi jintwera li din tmexxi b’mod awtonomu aspetti speċifiċi tal-politika tagħha dwar il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti kkonċernati mill-ksur.

Barra minn hekk, peress li l-awtonomija tas-sussidjarja ma tiġix evalwata biss fir-rigward tal-aspetti tal-ġestjoni operazzjonali tal-impriża, il-fatt li s-sussidjarja qatt ma tkun implementat, favur il-kumpannija parent, politika ta’ informazzjoni speċifika fuq is-suq ikkonċernat ma jistax ikun biżżejjed sabiex juri l-awtonomija tagħha. Bl-istess mod, il-fatt li mill-atti tal-proċess ma jirriżultax li l-kumpannija parent tat istruzzjonijiet lis-sussidjarja tagħha ma jistax jipprova li tali istruzzjonijiet ma eżistewx. F’dan ir-rigward, ir-rappreżentazzjoni tal-kumpannija parent fil-korpi ta’ tmexxija tas-sussidjarja tagħha tikkostitwixxi prova rilevanti tal-eżerċizzju ta’ kontroll effettiv fuq il-politika kummerċjali ta’ din tal-aħħar.

Barra minn hekk, kumpannija parent tista’ titqies li hija responsabbli għal ksur imwettaq minn sussidjarja anki meta jkun hemm numru kbir ta’ kumpanniji operazzjonali fi grupp wieħed. B’hekk, il-fatt li l-kumpannija parent tkun kumpannija holding, minkejja li ma hijiex kumpannija operazzjonali, ma huwiex biżżejjed sabiex tingħeleb il-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti u ma jimplika ebda trasferiment tal-oneru tal-prova. F’dan ir-rigward, il-fatt li l-kumpannija parent kienet biss tiġġestixxi l-holdings tagħha, fid-dawl tan-natura tal-kumpannija u tal-għan tagħha skont l-istatut tagħha, ma huwiex suffiċjenti, waħdu, sabiex jikkontesta l-preżunzjoni applikata mill-Kummissjoni.

Barra minn hekk, il-fatt li l-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jkunu kumpanniji b’personalità ġuridika differenti u jkollhom azzjonisti u uffiċċji rreġistrati differenti ma għandu ebda rilevanza peress li jifformaw l-istess impriża waħda.

Bl-istess mod, hija irrilevanti l-eżistenza ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li d-diretturi ta’ kumpannija parent ma jirrappreżentawhiex meta jpoġġu fil-bord tad-diretturi tas-sussidjarja tagħha. Fil-fatt, kumpannija ma tistax tinvoka l-leġiżlazzjoni nazzjonali sabiex taħrab mir-regoli tal-Unjoni, peress li l-kunċetti ġuridiċi użati fid-dritt tal-Unjoni għandhom, bħala prinċipju, jiġu interpretati u applikati b’mod uniformi fl-Unjoni kollha.

Barra minn hekk, l-fatt li l-kumpannija parent ma kinitx hija stess attiva fis-settur ikkonċernat mill-ksur lanqas ma huwa biżżejjed sabiex tingħeleb il-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti.

Barra minn hekk, l-awtonomija tas-sussidjarja ma tistax tiġi dedotta mill-fatt li t-tmexxija eżekuttiva li kienet preżenti qabel inżammet wara l-akkwist tas-sussidjarja mill-kumpannija parent.

Fl-aħħar nett, sa fejn l-imputazzjoni lil impriża ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE ma tirrikjedix azzjoni jew anki għarfien min-naħa tas-soċji jew tad-diretturi prinċipali tal-impriża kkonċernata minn dan il-ksur, iżda l-azzjoni ta’ persuna li hija awtorizzata taġixxi f’isem l-impriża, il-fatt li l-kumpannija parent ma kellhiex għarfien tal-aġir li jikkostitwixxi ksur tas-sussidjarja tagħha huwa irrilevanti fir-rigward tal-possibbiltà li tiġi stabbilita r-responsabbiltà in solidum tagħha għall-aġir tas-sussidjarja tagħha.

(ara l-punti 210-214, 240-253)

7.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 235-237)

8.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 258-264)

9.      Fir-rigward tad-determinazzjoni tas-“sena k[u]mmerċjali preċedenti”, fis-sens tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, fis-sitwazzjonijiet fejn ma jkun hemm ebda indikazzjoni li impriża waqqfet l-attivitajiet kummerċjali tagħha jew tat indikazzjonijiet qarrieqa dwar id-dħul mill-bejgħ tagħha sabiex tevita l-impożizzjoni ta’ multa sostanzjali, il-Kummissjoni hija obbligata tiffissa l-limitu massimu tal-multa fid-dawl tal-iktar dħul mill-bejgħ reċenti li jirrifletti sena sħiħa ta’ attività ekonomika. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma għandhiex is-setgħa arbitrarja li tapplika l-limitu massimu ta’ 10 % għas-snin kummerċjali preċedenti għas-sena kummerċjali li tippreċedi d-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni. Il-Kummissjoni tista’ tuża tali sena kummerċjali preċedenti biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali meta, pereżempju, l-impriża kkonċernata ma tkun iġġenerat ebda dħul mill-bejgħ matul is-sena li tippreċedi l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma għandhiex, lanqas f’tali każ, marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fl-għażla tas-sena kummerċjali li għandha tuża sabiex tiffissa l-limitu massimu tal-multa. Fil-fatt, il-Kummissjoni hija obbligata tirreferi għall-aħħar sena kummerċjali sħiħa li tirrifletti sena sħiħa ta’ attivitajiet ekonomiċi normali.

F’dan ir-rigward, għalkemm, għall-finijiet tal-kalkolu tal-limitu massimu tal-multa, il-Kummissjoni għandha, bħala prinċipju, tieħu inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ iġġenerat mill-impriża kkonċernata matul l-aħħar sena sħiħa fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li timponi l-multa, mill-kuntest u mill-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha l-imsemmija dispożizzjoni jirriżulta, madankollu, li, meta d-dħul mill-bejgħ tas-sena kummerċjali li tippreċedi l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma jkunx jirrappreżenta sena sħiħa ta’ attività ekonomika normali matul perijodu ta’ tnax-il xahar u, għalhekk, ma jagħti ebda indikazzjoni utli dwar is-sitwazzjoni ekonomika reali tal-impriża kkonċernata u l-livell adegwat tal-multa li għandha tiġi imposta fuqha, l-imsemmi dħul mill-bejgħ ma jkunx jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-limitu massimu tal-multa. F’dan il-każ tal-aħħar, li jirriżulta biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali, il-Kummissjoni hija obbligata tirreferi, għall-finijiet tal-kalkolu tal-limitu massimu tal-multa, għall-aħħar sena kummerċjali sħiħa li tirrifletti sena sħiħa ta’ attività ekonomika normali.

Fil-fatt, ir-riferiment għal “sena sħiħa ta’ attività ekonomika normali” huwa intiż li jeskludi t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ sena li matulha l-impriża kkonċernata kienet qiegħda fil-proċess li twaqqaf l-operazzjonijiet tagħha, għalkemm ma tkunx għadha waqqfet l-attivitajiet ekonomiċi tagħha kollha u, b’mod iktar ġenerali, ta’ sena li matulha l-aġir tal-impriża kkonċernata fis-suq ma kienx jikkorrispondi għal dak ta’ impriża li teżerċita attività ekonomika f’kundizzjonijiet normali. Għall-kuntrarju, is-sempliċi fatt li d-dħul mill-bejgħ jew il-profitti ġġenerati matul sena partikolari jkunu ferm sinjifikattivament inqas jew iktar minn dawk iġġenerati matul snin preċedenti ma jfissirx li s-sena inkwistjoni ma tikkostitwixxix sena sħiħa ta’ attività ekonomika normali.

(ara l-punti 265-268)

10.    Sabiex jiġu ddeterminati l-ammonti tal-multi imposti għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni t-tul tal-ksur u l-elementi kollha ta’ natura li jagħmlu parti mill-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur. F’dan il-kuntest, il-gravità tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni għandha tiġi stabbilita fid-dawl ta’ numru kbir ta’ elementi, bħalma huma, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, il-kuntest tagħha u l-portata dissważiva tal-multa, u dan mingħajr ma hija stabbilita lista vinkolanti jew eżawrjenti ta’ kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod obbligatorju. Fost l-elementi ta’ natura li jagħmlu parti mill-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur jinsabu l-aġir ta’ kull waħda mill-impriżi, ir-rwol li kellha kull waħda minnhom fl-istabbiliment tal-akkordju, il-vantaġġ li dawn setgħu siltu minnu, id-daqs tagħhom u l-valur tal-merkanzija kkonċernata, kif ukoll ir-riskju li ksur ta’ dan it-tip jirrappreżenta għall-għanijiet tal-Unjoni.

F’dan ir-rigward, għalkemm il-fatt li impriża ma tkunx ipparteċipat fl-elementi kollha li jikkostitwixxu akkordju jew li kellha rwol minuri fl-aspetti li fihom ipparteċipat ma huwiex rilevanti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur fir-rigward tagħha, il-portata limitata tal-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata hija xorta waħda ta’ natura li jkollha impatt fuq l-evalwazzjoni tal-portata u tal-gravità tal-ksur u, għalhekk, fuq id-determinazzjoni tal-livell tas-sanzjoni. B’hekk, il-Kummissjoni hija marbuta tieħu inkunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni tal-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni f’akkordju ta’ kull parti li tkun wettqet il-ksur, il-fatt li wħud minn dawn il-partijiet, jekk ikun il-każ, ma humiex miżmuma responsabbli għall-aspetti kollha ta’ dan l-akkordju.

Barra minn hekk, fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, dan jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan mixtieq. Fil-kuntest tal-kalkolu tal-ammont tal-multi, il-gravità tal-ksur għandha tiġi stabbilita skont diversi elementi u ebda wieħed minn dawn l-elementi ma għandu jingħata importanza sproporzjonata meta mqabbel mal-elementi l-oħra tal-evalwazzjoni. F’dan il-kuntest, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jimplika li l-Kummissjoni għandha tiffissa l-multa b’mod proporzjonali għall-elementi meħuda inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur u li f’dan ir-rigward hija għandha tapplika dawn l-elementi b’mod koerenti u oġġettivament ġustifikat.


(ara l-punti 277-282)

11.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 283, 288, 290-293)

12.    Fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multi imposti fir-rigward ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-fatt li d-daqs modest ta’ impriża implikata kif ukoll il-fatt li tappartjeni lil grupp familjari kellhom impatt fuq il-konoxxenzi ġuridiċi u ekonomiċi tagħha u pprekludewha milli tistma l-portata eżatta tal-ksur li kienet qiegħda tipparteċipa fih ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur. Fil-fatt, bħala prinċipju l-impriżi għandhom iġarrbu huma stess ir-riskju ta’ evalwazzjoni żbaljata tas-sitwazzjoni legali tagħhom, konformement man-norma ġenerali li ignorantia juris non excusat.

(ara l-punti 301, 304)

13.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 307)

14.    Fil-qasam tal-multi imposti fir-rigward ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, meta ksur ikun twettaq minn diversi impriżi, għandha tiġi eżaminata l-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni fil-ksur ta’ kull waħda minnhom sabiex jiġi ddeterminat jekk jeżistux, fil-konfront tagħhom, ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti.

Sabiex jiġi ddeterminat jekk impriża għandhiex tibbenefika minn ċirkustanza attenwanti minħabba n-nuqqas ta’ applikazzjoni effettiva ta’ ftehimiet li jikkostitwixxu ksur, għandu jiġi vverifikat jekk l-impriża tkunx ressqet argumenti ta’ natura li jistabbilixxu li, matul il-perijodu li matulu hija aderixxiet għall-ftehimiet li jikkostitwixxu ksur, hija kinitx effettivament astjeniet milli tapplikahom billi adottat aġir kompetittiv fis-suq jew, minn tal-inqas, li hija kienet, b’mod ċar u kunsiderevoli, kisret l-obbligi intiżi sabiex jiġi implementat dan l-akkordju, b’tali mod li fixklet il-funzjonament stess ta’ dan l-akkordju.

Meta jkun ġie stabbilit li l-impriża li tkun wettqet ksur setgħet tieħu inkunsiderazzjoni arranġamenti kollużivi tal-akkordju sabiex tiddetermina l-aġir tagħha fis-suq ikkonċernat, l-assenza ta’ parteċipazzjoni f’xi wieħed jew ieħor minn dawn l-arranġamenti, anki jekk jitqies li hija stabbilita, ma tistax tkun suffiċjenti, waħedha, sabiex tissodisfa l-prova meħtieġa mill-ġurisprudenza fis-sens li, sabiex jibbenefikaw miċ-ċirkustanza attenwanti prevista fil-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (Linji gwida tal-2006), il-partijiet li jkunu wettqu l-ksur għandhom jistabbilixxu li huma adottaw aġir kompetittiv jew, minn tal-inqas, li huma kienu b’mod ċar u kunsiderevoli kisru l-obbligi intiżi li jiġi implementat l-akkordju, b’tali mod li kienu fixklu l-funzjonament tiegħu stess. Fil-fatt, il-prova tas-sempliċi nuqqas ta’ parteċipazzjoni f’uħud mill-arranġamenti kollużivi tal-akkordju ma tistax teskludi, fiha nfisha, li l-arranġamenti l-oħra setgħu ppreġudikaw il-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat.

F’dan ir-rigward, il-Linji gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA kienu jipprevedu li rwol esklussivament passiv jew emulattiv fil-ksur kien jikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti. Madankollu, il-lista ta’ ċirkustanzi attenwanti previsti fil-punt 29 tal-Linji gwida tal-2006 ma tirreferix, fost iċ-ċirkustanzi attenwanti li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, għal tali ċirkustanza. Madankollu, sa fejn il-lista stabbilita fil-punt 29 tal-Linji gwida tal-2006 ma hijiex eżawrjenti, ir-rwol esklużivament passiv jew emulattiv fit-twettiq tal-ksur ma jistax, bħala prinċipju, jiġi eskluż bħala ċirkustanza li tista’ twassal għal tnaqqis tal-ammont bażiku tal-multa.

(ara l-punti 313-318)

15.    Fil-qasam tal-multi imposti fir-rigward ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, skont ir-raba’ inċiż tal-punt 29 tal-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003, l-ammont bażiku tal-multa jista’ jitnaqqas meta l-impriża kkonċernata tikkoopera effettivament mal-Kummissjoni, lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Avviż dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (Avviż dwar il-klemenza) u lil hinn mill-obbligi legali tagħha li tikkoopera.

F’dan ir-rigward, sabiex impriża implikata tkun tista’ titlob il-benefiċċju ta’ din id-dispożizzjoni, hija għandha tistabbilixxi li l-kooperazzjoni tagħha, peress li marret lil hinn mill-obbligu legali tagħha li tikkoopera mingħajr madankollu ma tagħtiha dritt għal tnaqqis tal-ammont tal-multa taħt l-Avviż dwar il-klemenza, kellha utilità oġġettiva għall-Kummissjoni, li min-naħa tagħha setgħet tibbaża ruħha, fid-deċiżjoni finali tagħha, fuq provi li kienu pprovduti minnha fil-kuntest tal-kooperazzjoni tagħha u li fl-assenza tagħhom il-Kummissjoni ma kinitx tkun f’pożizzjoni li tissanzjona totalment jew parzjalment il-ksur inkwistjoni.

B’hekk, meta impriża, minn naħa, ma kkontestatx il-fatti u wieġbet fil-ħin għat-talbiet għal informazzjoni li kienu sarulha, sitwazzjoni li ma tmurx lil hinn mill-obbligu legali tagħha li tikkoopera, u, min-naħa l-oħra, ma jirnexxilhiex turi li l-Kummissjoni setgħet tibbaża ruħha, fid-deċiżjoni finali tagħha, fuq provi pprovduti minnha fil-kuntest tal-kooperazzjoni tagħha u li fl-assenza tagħhom il-Kummissjoni ma kinitx tkun f’pożizzjoni li tissanzjona kompletament jew parzjalment il-ksur inkwistjoni, l-impriża kkonċernata ma tistax titlob tnaqqis taħt il-punt 29 tal-Linji gwida tal-2006.

(ara l-punti 327-330)

16.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti  334-337)