Language of document : ECLI:EU:C:2022:577

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fl-14 ta’ Lulju 2022 (1)

Kawża C201/19 P

Servier SAS,

Servier Laboratories Ltd,

Les Laboratoires Servier SAS

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell – Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tal-perindopril, prodott mediċinali intiż għall-kura tal-mard kardjovaskulari – Ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja ta’ kawżi fil-qasam tal-privattivi konklużi bejn laboratorju ta’ verżjonijiet tal-bidu proprjetarju ta’ privattivi u kumpanniji ta’ ġeneriċi – Kompetizzjoni potenzjali – Restrizzjoni tal‑kompetizzjoni minħabba l-għan – Tul tal-ksur – Kunċett ta’ ksur uniku – Multi”






Werrej


I. Introduzzjoni

II. Il-fatti li wasslu għall-kawża

A. Il-fatti

1. Operaturi kkonċernati b’din il-kawża

2. Il-prodott u l-privattivi inkwistjoni

3. Kawżi dwar privattivi relatati mal-perindropil u tnedija ta’ verżjonijiet ġeneriċi tal-perindropil

a) Il-kawżi quddiem l-UEP

b) Il-kawżi quddiem il-qrati nazzjonali

4. Ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja ta’ kawżi dwar privatttivi kkonċernati minn din il-kawża, konklużi minn Servier ma’ kumpanniji ta’ ġeneriċi

a) Ftehimiet konklużi ma’ Niche/Unichem u Matrix

b) Ftehim konkluż ma’ Teva

c) Ftehim konkluż ma’ Lupin

B. Id-deċiżjoni kkontestata

C. Is-sentenza appellata

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet talpartijiet

IV. Evalwazzjoni

A. Fuq il-konstatazzjoni tal-ksur

1. Struttura u ammissibbiltà tal-argument ta’ Servier

2. Fuq il-kompetizzjoni potenzjali (it-tieni aggravju u l-ewwel partijiet tat-tielet, ir-raba’ u l-ħames aggravji)

a) Fuq il-portata tal-privattivi waqt l-analiżi tal-kompetizzjoni potenzjali

b) Fuq l-analiżi tal-possibbilitajiet reali u konkreti tal-kumpanniji ta’ ġeneriċi li jidħlu fis-suq minkejja l-preżenza ta’ ostakoli

1) Fuq il-preżenza ta’ ftehim li jeskludi lill-operaturi ġodda potenzjali tas-suq

2) Fuq l-attivitajiet preparatorji mwettqa mill-kumpanniji ta’ ġeneriċi u l-intenzjoni tagħhom li jegħlbu l-ostakoli

3) Fuq il-preżenza ta’ diversi ostakoli

c) Fuq it-tqassim tal-oneru tal-prova

d) Fuq l-argumenti addizzjonali li jirrigwardaw lil kull waħda millkumpanniji ta’ ġeneriċi involuti

1) Niche/Unichem u Matrix

2) Teva

3) Lupin

e) Konklużjoni

3. Fuq il-klassifikazzjoni tal-ftehimiet bħala restrizzjonijiet talkompetizzjoni minħabba l-għan (l-ewwel aggravju u t-tieni partijiet tat-tielet, ir-raba’ u l-ħames aggravji)

a) Fuq l-esperjenza u n-natura “faċilment identifikabbli” ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni

b) Fuq il-pagamenti u l-allegati effetti “pożittivi” jew “ambivalenti” tal-ftehimiet

1) Fuq il-pagamenti

2) Fuq l-allegati effetti “pożittivi” jew “ambivalenti” tal-ftehimiet

c) Fuq l-eżami tal-għan restrittiv ta’ kompetizzjoni tal-ftehimiet inkwistjoni

1) Fuq il-ftehimiet Niche/Unichem u Matrix

2) Fuq il-ftehim Teva

i) Fuq l-għanijiet u l-allegati effetti “ambivalenti” tal-ftehim Teva

– Fuq l-allegati effetti “ambivalenti” jew “favur il-kompetizzjoni”

– Fuq l-allegat nuqqas ta’ dannu tal-klawżoli tal-ftehim Teva

ii) Fuq il-ħlasijiet

3) Fuq il-ftehim Lupin

i) Fuq il-ħlas

ii) Fuq il-klawżoli tal-ftehim Lupin

d) Konklużjoni

4. Fuq id-data ta’ tmiem tal-ksur ikkostitwita mill-ftehim Lupin (ittielet parti tal-ħames aggravju)

5. Fuq il-klassifikazzjoni tal-ftehim Niche, minn naħa, u tal-ftehim Matrix, min-naħa l-oħra, bħala ksur distinti (is-sitt aggravju)

B. Fuq il-multi

1. Fuq l-iżbalji ta’ liġi relatati mal-multi invokati minn Servier (isseba’ aggravju)

a) Fuq il-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege

b) Fuq il-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-evalwazzjoni talgravità tal-ksur

2. Fuq il-multa imposta fuq Servier minħabba l-ftehim Lupin (ittielet parti tal-ħames aggravju)

3. Konklużjoni dwar il-multi

C. Konklużjoni intermedja

V. L-ispejjeż

VI. Konklużjoni


I.      Introduzzjoni

1.        Wara l-kawżi Generics (UK) et (2) u Lundbeck vs Il-Kummissjoni (3), din il-kawża, li tifforma parti minn disa’ appelli ippreżentati kontra tmien sentenzi tal-Qorti Ġenerali (4), mill-ġdid tirrigwarda l-evalwazzjoni, mill‑perspettiva tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, ta’ diversi ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja ta’ kawżi dwar privattivi konklużi minn produttur ta’ verżjonijiet tal-bidu ta’ prodotti mediċinali, f’dan il‑każ Servier, ma’ kumpanniji ta’ ġeneriċi.

2.        Bħal fil-kawżi Generics (UK) et u Lundbeck vs Il-Kummissjoni, dawn il-ftehimiet daħlu fis-seħħ f’sitwazzjoni li fiha l-privattiva fuq is‑sustanza attiva tal-prodott mediċinali inkwistjoni, f’dan il-każ il‑perindropil, kienet diġà fid-dominju pubbliku, minkejja li Servier kien għad baqagħlu privattivi msejħa “sekondarji” fuq ċerti proċessi ta’ produzzjoni ta’ dan il-prodott mediċinali.

3.        Il-ftehimiet ikkontestati essenzjalment ippermettew illi l‑kumpanniji ta’ ġeneriċi, li xtaqu jidħlu fis-suq b’verżjonijiet ġeneriċi tal-imsemmi prodott mediċinali, obbligaw ruħhom jipposponu d-dħul tagħhom inkambju għal trasferiment ta’ valur minn Servier.

4.        Fid-deċiżjoni kkontestata (5), il-Kummissjoni qieset, minn naħa, li l-ftehimiet inkwistjoni, konklużi minn Servier ma’ Niche/Unichem, Matrix, Teva, Krka u Lupin, kienu jikkostitwixxu restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan u minħabba l-effett u konsegwentement ksur tal-Artikolu 101 TFUE.

5.        Min-naħa l-oħra, hija qieset li l-konklużjoni tagħhom, flimkien ma’ aġir ieħor bħall-akkwist ta’ teknoloġiji għall-produzzjoni tal-ingredjent farmaċewtiku attiv (IFA) tal-perindropil, kienet tikkostitwixxi, min-naħa ta’ Servier, strateġija intiża li tipposponi d‑dħul ta’ kumpanniji ta’ ġeneriċi tal-perindropil fis-suq ta’ dan il-prodott mediċinali, li fih Servier kellu pożizzjoni dominanti. Għalhekk, il‑Kummissjoni ssanzjonat dan l-aġir bħala abbuż minn pożizzjoni dominanti skont l-Artikolu 102 TFUE.

6.        Fis-sentenza appellata u fis-sentenzi l-oħra tagħha fil-grupp ta’ kawżi kkonċernat, il-Qorti Ġenerali kkonfermat l-analiżi tal-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda l-klassifikazzjoni bħala restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan tal-ftehimiet konklużi minn Servier ma’ Niche/Unichem, Matrix, Teva u Lupin. Dawn il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali huma kkontestati minn Servier f’dan l-appell, li sservi bħala l-kawża “prinċipali”, u minn dawn il-kumpanniji ta’ ġeneriċi fl‑appelli rispettivi tagħhom ippreżentati kontra s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali li jikkonċernawhom.

7.        Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kkontestata f’dak li jirrigwarda l-klassifikazzjoni ta’ restrizzjoni tal‑kompetizzjoni minħabba l-għan u minħabba l-effett tal-ftehimiet konklużi minn Servier ma’ Krka, u f’dak li jirrigwarda l-konstatazzjoni ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti min-naħa ta’ Servier, peress li l‑Kummissjoni wettqet żbalji waqt id-definizzjoni tas-suq rilevanti.

8.        Dawn l-annullamenti mill-Qorti Ġenerali huma kkontestati mill‑Kummissjoni fil-kawża Il-Kummissjoni vs Servier et (C‑176/19 P), li fiha qed nippreżenta wkoll konklużjonijiet illum, u fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Krka (C‑151/19 P). Dawn il-kawżi jqajmu kwistjonijiet ġodda li jirrigwardaw il-klassifikazzjoni ta’ restrizzjoni tal‑kompetizzjoni minħabba l-għan ta’ ftehim dwar liċenzja konkluż fl‑istess ħin ma’ ftehim dwar soluzzjoni bonarja ta’ kawża dwar privattiva, il-klassifikazzjoni ta’ tali grupp ta’ ftehimiet ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-effett u d-definizzjoni tas-suq rilevanti fil‑qasam farmaċewtiku.

9.        Għall-kuntrarju, din il-kawża essenzjalment tqajjem biss kwistjonijiet li ġew diskussi fil-kawżi Generics (UK) et u Lundbeck vs Il-Kummissjoni, li minnhom konsegwentement għandhom jiġu applikati l-prinċipji fil-qafas tal-każ.

II.    Il-fatti li wasslu għall-kawża

A.      Il-fatti

10.      Il-Qorti Ġenerali rreferiet għall-fatti li wasslu għall-kawża fil‑punti 1 sa 73 tas-sentenza appellata li, għall-finijiet ta’ din il‑proċedura tal-appell, jistgħu jitqassru bil-mod segwenti.

1.      Operaturi kkonċernati b’din il-kawża

11.      Il-grupp Servier, magħmul b’mod partikolari minn Servier SAS, il‑kumpannija omm tiegħu, stabbilita fi Franza, minn Laboratoires Servier SAS u minn Servier Laboratories Ltd (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, “Servier”), jiġbor kumpanniji farmaċewtiċi fuq livell globali. Les Laboratoires Servier hija kumpannija tal-farmaċewtika Franċiża speċjalizzata fl-iżvilupp ta’ prodotti mediċinali tal-verżjonijiet tal-bidu, b’mod partikolari għat-trattament ta’ mard kardjovaskulari (6). Biogaran hija sussidjarja 100 % ta’ Laboratoires Servier inkarigata mill-ġeneriċi (7).

12.      Niche Generics Ltd (iktar ’il quddiem “Niche”) hija impriża attiva fit-tqegħid fis-suq u l-provvista ta’ prodotti farmaċewtici ġeneriċi, miżmuma fil-bidu sa 60 %, sussegwentement, mill-2006, sa 100 % mill‑kumpannija farmaċewtika Indjana Unichem Laboratories Ltd, li hija attiva fir-riċerka u l-produzzjoni ta’ IFA u ta’ prodotti lesti (iktar ’il quddiem “Unichem”) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, “Niche/Unichem”) (8).

13.      Matrix Laboratories Ltd (iktar ’il quddiem “Matrix”) hija kumpannija Indjana li tiżviluppa, tipproduċi u tikkummerċjalizza prinċiparjament IFA għal kumpanniji ta’ ġeneriċi. Wara diversi xiri ta’ ishma, mill-2011, Mylan Inc. għandha bejn 97 u 98 % tal-kapital ta’ Matrix, li mill-5 ta’ Ottubru 2011 bdiet tissejjaħ Mylan Laboratories Ltd (9).

14.      Teva Pharmaceutical Industries Ltd hija kumpannija multinazzjonali farmaċewtika li tiżviluppa, tipproduċi u tikkummerċjalizza prodotti mediċinali ġeneriċi u IFA għall-produzzjoni farmaċewtika tagħha stess u għal kumpanniji oħra. Teva UK Ltd hija sussidjarja 100 % ta’ Teva Pharmaceuticals Europe BV, li hija wkoll sussidjarja 100 % ta’ Teva Pharmaceutical Industries (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, “Teva”). Teva hija fost l-ikbar gruppi farmaċewtiċi mondjali li joperaw fis-settur tal-prodotti mediċinali ġeneriċi. Fis‑26 ta’ Jannar 2006, Teva ngħaqdet ma’ Ivax Europe (iktar ’il quddiem “Ivax”), kumpannija multinazzjonali farmaċewtika li tipproduċi prodotti mediċinali ġeneriċi li b’hekk saret sussidjarja 100 % ta’ Teva (10).

15.      Lupin Ltd hija kumpannija omm, irreġistrata fl-Indja, ta’ kumpanniji li jiffurmaw parti mill-grupp Lupin, fosthom Lupin (Europe) Limited, li hija prinċiparjament attiva fil-bejgħ ta’ IVA u ta’ prodotti lesti ta’ Lupin, iżda wkoll fl-għoti ta’ liċenzji għall-fajls ta’ awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq (ATS) ta’ prodotti ta’ Lupin u fil-bejgħ dirett fuq skala żgħira fir-Renju Unit ta’ prodotti lesti ta’ Lupin (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, “Lupin”) (11).

2.      Il-prodott u l-privattivi inkwistjoni

16.      Servier żviluppa l-perindopril, prodott mediċinali indikat bħala mediċina kardjovaskulari, intiż prinċipalment sabiex tiġi miġġielda l‑pressjoni għolja u l-insuffiċjenza kardijaka. L-IFA tal-perindropil hija fil-forma ta’ melħ. Il-melħ użat inizjalment kien l-erbumina (jew tert‑butilamina), li jippreżenta ruħu f’forma kristallina minħabba l‑proċess użat minn Servier għas-sinteżi tiegħu (12).

17.      Il-privattiva EP0049658 marbuta mal-molekula tal-perindopril ġiet ippreżentata quddiem l-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi (UEP) fid‑29 ta’ Settembru 1981. Din il-privattiva kellha tiskadi fid‑29 ta’ Settembru 2001, iżda l-protezzjoni tagħha ġiet estiża f’diversi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea, fosthom ir-Renju Unit, sat-22 ta’ Ġunju 2003 (13). Fi Franza, il-protezzjoni tal-imsemmija privattiva ġiet estiża sat-22 ta’ Marzu 2005 u, fl-Italja, sat-13 ta’ Frar 2009 (14). L-għoti ta’ awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq (ATS) għal pilloli ta’ perindropil erbumina (2 u 4 mg) għat-trattament tal-pressjoni għolja arterjali fl‑Ewropa sar bejn l-1988 u l-1989 (15).

18.      Wara l-applikazzjoni għall-privattiva ta’ molekula, Servier applika għal diversi privattivi ta’ proċess relatati mal-produzzjoni tal‑perindropil quddiem l-UEP. Il-privattivi kkonċernati b’din il‑proċedura huma, b’mod partikolari, il-privattivi EP0308339, EP0308340 u EP0308341 (iktar ’il quddiem, rispettivament, il‑“privattiva 339”, il-“privattiva 340” u l-“privattiva 341”), li għalihom applika fl-1988 u li kellhom jiskadu fl-2008, u, barra minn hekk, il‑privattiva EP1296947 (magħrufa “privattiva alpha”, iktar ’il quddiem il‑“privattiva 947”), li għaliha applika fl-2001. Il-privattiva 947 kienet tkopri l-forma kristallina alpha tal-perindopril erbumina u l-metodi sabiex tiġi prodotta u ngħatat fl-4 ta’ Frar 2004 (16).

19.      Servier ippreżenta wkoll applikazzjonijiet għal privattivi nazzjonali f’diversi Stati Membri tal-Unjoni, pereżempju fil-Bulgarija, fir-Repubblika Ċeka, fl-Estonja, fl-Ungerija, fil-Polonja u fis-Slovakkja. Huwa għalhekk li ngħataw privattivi fis-16 ta’ Mejju 2006 fil-Bulgarija, fis-17 ta’ Awwissu 2006 fl-Ungerija, fit-23 ta’ Jannar 2007 fir‑Repubblika Ċeka, fit-23 ta’ April 2007 fis-Slovakkja u fl-24 ta’ Marzu 2010 fil-Polonja. Dawn il-privattivi kienu jikkorrispondu, essenzjalment, għall-privattivi li għalihom saret applikazzjoni quddiem l-UEP (17).

20.      B’effett mill-2002, Servier żviluppa perindropil tat-tieni ġenerazzjoni, prodott minn melħ ġdid, l-arginina, li għalih huwa ppreżenta applikazzjoni għal privattiva (EP1354873B) fis-17 ta’ Frar 2003. Din il-privattiva ngħatat fis-17 ta’ Lulju 2004, b’data ta’ skadenza fis-17 ta’ Frar 2023. Id-dħul tal-perindropil arginina fis-swieq tal-Unjoni beda fl-2006. Dan il-prodott huwa verżjoni ġenerika bijoekwivalenti tal-prodott tal-ewwel ġenerazzjoni, iżda jinbiegħ f’dożi differenti minħabba l-piż molekulari differenti tal-melħ il‑ġdid (18). Il‑perindropil arginina ngħata ATS fi Franza fl-2004 u sussegwentement ġie awtorizzat permezz tal-proċedura ta’ rikonoxximent reċiproku fi Stati Membri oħra (19).

3.      Kawżi dwar privattivi relatati mal-perindropil u tnedija ta’ verżjonijiet ġeneriċi tal-perindropil

21.      Bejn l-2003 u l-2009, Servier kien parti minn sensiela ta’ kawżi li jikkonċernaw il-perindropil, kemm quddiem l-UEP kif ukoll quddiem qrati nazzjonali. Dawn kienu essenzjalment talbiet għal ordnijiet u għal proċeduri relatati mal-privattiva 947, mibdija fi Stati Membri differenti bejn Servier u sensiela ta’ kumpanniji ta’ ġeneriċi li kienu qegħdin jippreparaw it-tnedija ta’ verżjoni ġenerika tal-perindropil (20).

a)      Il-kawżi quddiem l-UEP

22.      L-ewwel nett, għaxar kumpanniji ta’ ġeneriċi, fosthom Niche, Teva u Lupin, ippreżentaw oppożizzjoni kontra l-privattiva 947 quddiem l-UEP fl‑2004, bil-ħsieb li jiksbu r-revoka totali tagħha kollha, billi invokaw raġunijiet ibbażati fuq nuqqas ta’ novità u ta’ attività inventiva u fuq il‑karattru insuffiċjenti tal-espożizzjoni tal-invenzjoni (21).

23.      Fis-27 ta’ Lulju 2006, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-UEP ikkonfermat il-validità tal‑privattiva 947, wara tibdiliet żgħar fil‑pretensjonijiet inizjali ta’ Servier (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal‑UEP tas‑27 ta’ Lulju 2006”). Disa’ kumpanniji ppreżentaw rikors kontra din id-deċiżjoni, iżda Krka u Lupin innotifikaw l-irtirar tar-rikors tagħhom fil-11 ta’ Jannar u fil-5 ta’ Frar 2007, rispettivament, wara l‑ftehimiet tagħhom ma’ Servier. Permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Mejju 2009, il-Bord tal-Appell tekniku tal-UEP annulla d‑deċiżjoni tal‑UEP tas‑27 ta’ Lulju 2006 u rrevoka l-privattiva 947 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-UEP tas‑6 ta’ Mejju 2009”). Ir‑rikors għal reviżjoni ppreżentat minn Servier kontra din id-deċiżjoni ġie miċħud fid‑19 ta’ Marzu 2010 (22).

b)      Il-kawżi quddiem il-qrati nazzjonali

24.      Il-validità tal-privattiva 947 ġiet ikkontestata wkoll minn kumpanniji ta’ ġeneriċi quddiem il-qrati ta’ ċerti Stati Memri, u Servier ippreżenta talbiet għal ordnijiet provviżorji, li xi drabi kienu aċċettati (23). Madankollu, il-parti l-kbira ta’ dawn il-kawżi ntemmu qabel l-intervent ta’ deċiżjoni finali dwar il-validità tal-privattiva 947 minħabba ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja konklużi bejn Servier u kumpanniji ta’ ġeneriċi.

25.      F’dan il-kuntest, madankollu għandu jiġu rrilevati żewġ kawżi bejn Servier u Apotex, l-unika kumpannija ta’ ġeneriċi parti f’kawża ma’ Servier fir-Renju Unit li magħha Servier ma kkonkludiex ftehim dwar soluzzjoni bonarja. Dawn il-kawżi, waħda pendenti fir-Renju Unit u l-oħra pendenti fil-Pajjiżi l-Baxxi, għalhekk ma ġewx interrotti permezz tal-konklużjoni ta’ ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja u sussegwentement wasslu għall-invalidità tal-privattiva 947.

26.      B’hekk, minn naħa, fl-1 ta’ Awwissu 2006, Servier ippreżenta azzjoni għal kontrafazzjoni tal-privattiva 947 kontra Apotex, li kienet nediet verżjoni ġenerika tal-perindropil “f’riskju” fis-suq tar-Renju Unit, quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division (patents court) (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Ekwità (Awla tal-Privattivi)) u kiseb id-deċiżjoni ta’ ordni provviżorja fit-8 ta’ Awwissu 2006. Madankollu, wara kontrotalba għall‑annullament tal-imsemmija privattiva mressqa minn Apotex, il‑privattiva 947 ġiet invalidata fis-6 ta’ Lulju 2007, l-ordni tneħħiet u Apotex daħlet fis-suq bil-perindropil ġeneriku, u dan fetaħ is-suq għall‑ġeneriċi fir-Renju Unit. Fid-9 ta’ Mejju 2008, id-deċiżjoni ta’ invalidità tal-privattiva 947 ġiet ikkonfermata fl-appell (24).

27.      Min-naħa l-oħra, fit-13 ta’ Novembru 2007, Katwijk Farma, sussidjarja ta’ Apotex, adixxiet il-qrati Olandiżi b’talba għal annullament tal-parti Olandiża tal-privattiva 947 u nediet, fit-13 ta’ Diċembru 2007, il-perindropil ġeneriku tagħha, filwaqt li talba għal ordni provviżorja minn naħa ta’ Servier ġiet miċħuda. Fil-11 ta’ Ġunju 2008, il-qrati Olandiżi annullaw il-privattiva 947 għall-Pajjiżi l-Baxxi fi tmiem kawża parallela mibdija minn Pharmachemie, sussidjarja ta’ Teva (25).

28.      B’effett minn Mejju 2008, Sandoz, kumpannija oħra ta’ ġeneriċi, nediet il-perindropil ġeneriku tagħha f’diversi Stati Membri (26).

4.      Ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja ta’ kawżi dwar privattivi kkonċernati minn din il-kawża, konklużi minn Servier ma’ kumpanniji ta’ ġeneriċi

29.      Bejn l-2005 u l-2007, Servier kkonkluda ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja mal-kumpanniji ta’ ġeneriċi Niche/Unichem, Matrix, Teva, Krka u Lupin. Il-ftehimiet ikkonċernati b’dan l-appell huma dawk konklużi minn Servier ma’ Niche/Unichem, Matrix, Teva u Lupin.

a)      Ftehimiet konklużi ma’ Niche/Unichem u Matrix

30.      Niche/Unichem u Matrix kienu jikkooperaw għat-tnedija ta’ verżjoni ġenerika tal-perindropil. Matrix kellha l-irwol ta’ fornitur ta’ IFA u Niche/Unichem kienet responsabbli mill-kisba ta’ ATS u tad‑distribuzzjoni tal-prodott lest (27).

31.      Minbarra l-oppożizzjoni ta’ Niche quddiem l-UEP (28), Servier u Niche kellhom kawża sa mill-25 ta’ Ġunju 2004 quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division (patents court) (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Ekwità (Awla tal‑Privattivi)), Renju Unit] dwar il-privattivi 339, 340, 341 u 947. Is‑seduta f’din il-proċedura kienet iffissata għas-7 u 8 ta’ Frar 2005. Matrix kienet involuta f’din il-proċedura billi tat xi xhieda, iżda ma kellhiex kawżi kontenzjużi tagħha pendenti ma’ Servier (29).

32.      Fit-8 ta’ Frar 2005, Servier ikkonkluda żewġ ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja, wieħed ma’ Niche/Unichem (iktar ’il quddiem “il‑ftehim Niche”) u wieħed ma’ Matrix (iktar ’il quddiem “il-ftehim Matrix”). Fl-istess jum, Niche ikkonkludiet kuntratt ta’ liċenzja u ta’ provvista ma’ Biogaran, sussidjarja 100 % ta’ Laboratoires Servier.

33.      Il-ftehimiet konklużi minn Servier ma’ Niche/Unichem u Matrix kienu jkopru l-pajjiżi kollha li fihom kienu jeżistu l-privattivi 339, 340, 341 u 947, bl-eċċezzjoni ta’ Stat Membru mhux membru taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) għall-ftehim Matrix. Dawn kienu jistipulaw, fil-qosor (30), li Niche/Unichem u Matrix kienu ser jastjenu milli jipproduċu jew ifornu l-perindropil meqjus minn Servier bħala li jikser il-privattivi tiegħu u milli jikkontestaw il-privattivi ta’ Servier.

34.      Bħala korrispettiv, Servier obbliga ruħu li ma jippreżentax proċeduri ta’ ksur kontra Niche/Unichem u Matrix u li jħallas GBP 11.8 miljuni lil Niche/Unichem minn naħa, u GBP 11.8 miljuni lil Matrix, min‑naħa l-oħra. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-ftehim ma’ Biogaran, Niche obbligat ruħha li tittrasferixxi lil Biogaran fajls li jirrigwardaw tliet prodotti mediċinali u neċessarji għall-kisba tal-ATS u ta’ ATS Franċiża għal wieħed minnhom. Inkambju, Biogaran kellha tħallas lil Niche somma ta’ GBP 2.5 miljuni, mhux rimborsabbli, anki f’każ li Biogaran ma tiksibx ATS.

b)      Ftehim konkluż ma’ Teva

35.      Minbarra l-oppożizzjoni ta’ Teva quddiem l-UEP (31), Servier u Ivax kellhom kawża fir-Renju Unit sa mid-9 ta’ Awwissu 2005 dwar il‑privattiva 947, iżda madankollu kienu ddeċidew li jissospendu l‑proċedura sakemm tingħata d-deċiżjoni finali fil-proċedura ta’ oppożizzjoni quddiem l-UEP. Fil-15 ta’ Awwissu 2007, Pharmachemie, sussidjarja ta’ Teva, ressqet talba għar-revoka tal-privattiva 947, kif ivvalidata fil-Pajjiżi l-Baxxi, li ntlaqgħet fil-11 ta’ Ġunju 2008 (32).

36.      Fit-13 ta’ Ġunju 2006, Servier u Teva kkonkludew ftehim dwar soluzzjoni bonarja li kien ikopri biss ir-Renju Unit (iktar ’il quddiem “il‑ftehim Teva”). Dan il-ftehim kien konkluż għal perijodu ta’ tliet snin u kien rinovabbli għal perijodu addizzjonali ta’ sentejn.

37.      Skont l-imsemmi ftehim, Teva obbligat ruħha li tforni lilha nnifisha b’mod esklużiv mingħand Servier bil-perindropil erbumina intiż għad-distribuzzjoni fir-Renju Unit, u dan għal perijodu ta’ tliet snin. Inkambju tal-pagament minn Servier ta’ ammont ta’ GBP 5 miljuni, Teva obbligat ruħha li ma tbiegħx perindropil ġeneriku (minbarra dak ipprovdut minn Servier) u li ma tikkontestax il-privattivi ta’ Servier fir‑Renju Unit, peress li hija ma kinitx ipprojbita milli tipproċedi bi proċedura ta’ oppożizzjoni kontra l-privattivi kkontestati quddiem l-UEP. Barra minn hekk, Servier u Teva ftehmu dwar il-ħlas ta’ kumpens b’rata fissa lil Teva f’każ ta’ nuqqas ta’ provvista ta’ perindropil mill-1 ta’ Awwissu 2006 u Teva f’tali każ, ma kellha l-ebda dritt li ttemm il-ftehim dwar soluzzjoni bonarja. Wara d-deċiżjoni tal-UEP tas‑27 ta’ Lulju 2006 li kienet tikkonferma l-privattiva 947 u l-ordni mogħtija mill-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division (patents court) (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Ekwità (Awla tal‑Privattivi)) kontra Apotex fit-8 ta’ Awwissu 2006 (33), Servier uża l‑klawżola ta’ kumpens b’rata fissa u Teva b’hekk irċeviet, fuq perijodu ta’ 11-il xahar, is-somma ta’ GBP 5.5 miljuni minn Servier inkambju tan‑nuqqas ta’ provvista ta’ perindropil. B’kollox, kienu għalhekk GBP 10.5 miljuni li tħallsu minn Servier lil Teva fil-qafas ta’ dan il‑ftehim dwar soluzzjoni bonarja (34).

38.      Fit-23 ta’ Frar 2007, Servier u Teva kkonkludew addendum għall‑ftehim Teva, sabiex jikkonfermaw l-implimentazzjoni effettiva tal‑obbligu ta’ xiri esklużiv, billi ddeċidew data li fiha Teva setgħet tibda tiddistribwixxi l-perindropil ġeneriku pprovdut minn Servier. Din id‑data kellha tkun stabbilita b’mod unilaterali minn Servier, jew sabiex tikkorrispondi mad-data tar-revoka jew tal-iskadenza tal-privattiva 947, jew tkun dik li fiha Apotex kienet ser tibda tiddistribwixxi l-perindropil ġeneriku fir-Renju Unit wara r-riżoluzzjoni tal-kawża bejnha u bejn Servier (35). Finalment, Teva daħlet fis-suq tar-Renju Unit bil-perindropil ġeneriku pprovdut minn Servier wara li l-privattiva 947 għar-Renju Unit ġiet invalidata fis-6 ta’ Lulju 2007 fil-kawża ma’ Apotex (36).

c)      Ftehim konkluż ma’ Lupin

39.      Minbarra l-oppożizzjoni tagħha quddiem l-UEP (37), Lupin adixxiet il-qrati Brittaniċi fit-18 ta’ Ottubru 2006 b’kawża għall-invalidità tal‑privattiva 947, kif valida fir-Renju Unit, u għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ ksur tal-imsemmi privattiva mill-verżjoni ġenerika tal‑perindropil li hija kellha l-intenzjoni tikkummerċjalizza f’dan il‑pajjiż (38).

40.      Fit-30 ta’ Jannar 2007, Servier u Lupin ikkonkludew ftehim dwar soluzzjoni bonarja fil-qasam tal-privattiva li jkopri l-pajjiżi kollha, bl‑esklużjoni ta’ pajjiż li ma jappartjenix liż-ŻEE (iktar ’il quddiem “il‑ftehim Lupin”).

41.      Skont dan il-ftehim, Lupin aċċettat li ma tbiegħx perindropil ġeneriku (sat-tqegħid fis-suq ta’ perindropil ġeneriku minn Servier jew minn terzi jew sal-iskadenza/invalidazzjoni tal-privattivi Servier) u li ma tikkontestax sensiela ta’ privattivi miżmuma minn Servier. Il-ftehim kien jistipula, barra minn hekk, li l-partijiet kienu ser jużaw “il-mezzi kollha raġonevoli” sabiex jikkonkludu ftehim ta’ distribuzzjoni li permezz tiegħu Servier kellu jibda jipprovdi l-perindropil lil Lupin ladarba t‑tqegħid fis-suq ta’ perindropil ġeneriku minn Servier jew minn terzi ikun seħħ. Tali ftehim finalment ma ġiex iffirmat u Lupin qatt ma daħlet fis-suq tal-perindropil.

42.      Barra minn hekk, Servier u Lupin ikkonkludew ukoll, fil-qafas tal‑ftehim Lupin, ftehim dwar trasferiment ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u ftehim dwar liċenzja. Skont dawn il-ftehimiet, Servier ħallset is-somma ta’ EUR 40 miljuni għax-xiri ta’ talbiet ta’ privattivi ta’ din tal-aħħar li jirrigwardaw il-perindropil u Lupin tat lura l-liċenzji fuq it-talbiet mixtrija mill-ġdid (39).

B.      Id-deċiżjoni kkontestata

43.      Fid-9 ta’ Lulju 2014, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata (40).

44.      F’dak li jirrigwarda din il-proċedura ta’ appell, il-Kummissjoni qieset li l-ftehimiet konklużi minn Servier ma’ Niche/Unichem, Matrix, Teva u Lupin kienu jikkostitwixxu restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan u minħabba l-effett.

45.      Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset ukoll li l-ftehimiet konklużi minn Servier ma’ Krka kienu jikkostitwixxu restrizzjoni tal‑kompetizzjoni minħabba l-għan u minħabba l-effett, u li Servier kien kiser l-Artikolu 102 TFUE billi żviluppa u implimenta, permezz, b’mod partikolari, tal-akkwist ta’ teknoloġija u ta’ dawn il-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja, strateġija ta’ esklużjoni li tkopri s-suq tal-formulazzjonijiet ta’ perindopril fi Franza, fil-Pajjiżi l‑Baxxi, fil-Polonja u fir-Renju Unit u s-suq tat-teknoloġija tal-IFA tal-perindopril.

46.      Konsegwentement, il-Kummissjoni kkonstatat li Servier kien kiser l-Artikoli  u 102 TFUE u imponietlu multi għal dan il-ksur.

C.      Is-sentenza appellata

47.      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑21 ta’ Settembru 2014, Servier ippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni kkontestata. Quddiem il-Qorti Ġenerali, Servier kien sostnut fit-talbiet tiegħu mill-European Federation of Pharmaceutical Industries and Associations (EFPIA).

48.      Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, bħala Awla Estiża, fl-ewwel lok, annullat 1) l-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata (li kkonstata l-ksur minn Servier tal-Artikolu 101 TFUE minħabba l‑ftehimiet ma’ Krka); 2) l-Artikolu 6 tad-deċiżjoni kkontestata (li kkonstata l-ksur minn Servier tal-Artikolu 102 TFUE), u 3) l‑Artikolu 7(4)(b) u (6) tad-deċiżjoni kkontestata (li kien jimponi l-multi fuq Servier għal dawn iż-żewġ ksur).

49.      Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali 4) naqqset l-ammont tal-multa imposta fuq Servier minħabba l-ftehim ma’ Matrix, imsemmi fl‑Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, permezz tal-Artikolu 7(2)(b) tal‑imsemmija deċiżjoni. Fit-tielet lok, hija 5) ċaħdet il-kumplament tar‑rikors u, fir-raba’ lok, 6) u 7) ikkundannat lil Servier, il-Kummissjoni u l-EFPIA jbatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet talpartijiet

50.      Permezz ta’ att tat‑28 ta’ Frar 2019, Servier appella mis-sentenza appellata, dejjem sostnut fit-talbiet tiegħu mill-EFPIA.

51.      Parallelment, id-destinatarji l-oħra tad-deċiżjoni kkontestata li tilfu quddiem il-Qorti Ġenerali appellaw ukoll kontra s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali li ċaħdulhom ir-rikors tagħhom kontra l-imsemmija deċiżjoni, filwaqt li l-Kummissjoni appellat kontra l-annullament mill-Qorti Ġenerali ta’ partijiet mid-deċiżjoni kkontestata dwar il-ftehimiet ma’ Krka u l-Artikolu 102 TFUE (41).

52.      Permezz ta’ att tat‑22 ta’ Mejju 2019, ir-Renju Unit talab li jintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. L-intervent ġie aċċettat permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑16 ta’ Ġunju 2019.

53.      Servier jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–        Prinċipalment, fid-dawl tal-ewwel sal-ħames aggravju li jikkontestaw l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE:

–        tannulla l-punti 4, 5 u 6 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata;

–        tannulla l-Artikolu 1(b), l-Artikolu 2(b), l-Artikolu 3(b) u l-Artikolu 5(b) u, konsegwentement, l‑Artikolu 7(1)(b), (2)(b), (3)(b) u (5)(b) tad-deċiżjoni kkontestata, jew, fin-nuqqas tibgħat il-kawża lill-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar l-effetti kkonċernati;

–        Sussidjarjament, fid-dawl tas-sitt aggravju:

–        tannulla l-punti 4 u 5 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata inkwantu kkonferma l-konklużjonijiet tal‑Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ ksur distinti u ta’ multi kumulattivi għall-ftehimiet Niche u Matrix, u, konsegwentement, tannulla l-Artikolu 1(b), l‑Artikolu 2(b), l-Artikolu 7(1)(b) u (2)(b) tad-deċiżjoni kkontestata;

–        B’mod iktar sussidjarju:

–        tannulla l-punti 4 u 5 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata u l-Artikolu 7(1)(b), (2)(b), (3)(b) u (5)(b) tad‑deċiżjoni kkontestata fid-dawl tal-ewwel u t-tieni partijiet tas-seba’ aggravju, li jikkontestaw il-prinċipju u l‑ammont tal-multi kollha;

–        tannulla l-punt 5 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata u l-Artikolu 5(b) u l-Artikolu 7(5)(b) tad-deċiżjoni kkontestata fid-dawl tar-raba’ parti tal-ħames aggravju li jirrigwarda t-tul tal-ksur allegat u l-kalkolu tal-multa relatata mal-ftehim konkluż bejn Servier u Lupin, u konsegwentement tiffissa l-multa fl-eżerċizzju tal‑kompetenza sħiħa tagħha.

–        Fi kwalunkwe każ:

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

54.      L-EFPIA titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tannulla l-punti 4, 5 u 6 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata,

–        tannulla l-Artikolu 1(b), l-Artikolu 2(b), l-Artikolu 3(b), u l‑Artikolu 5(b), u, konsegwentement, l-Artikolu 7(1)(b), (2)(b), (3)(b) u (5)(b) tad-deċiżjoni kkontestata, jew, fin‑nuqqas, tibgħat il-kawża lill-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar l-effetti tal-ftehimiet ikkonċernati; u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż f’din il‑proċedura u fl-ewwel istanza.

55.      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tiċħad ir-rikors, u,

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż tal-Kummissjoni kemm quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

56.      Ir-Renju Unit ssostni dawn it-talbiet tal-Kummissjoni.

57.      Fit-13 ta’ Settembru 2021, il-Qorti tal-Ġustizzja stiednet lill‑partijiet jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar is-sentenza Generics (UK) et  u dwar is-sentenzi tal-grupp Lundbeck vs Il‑Kummissjoni (42).

58.      Fl-20 u 21 ta’ Ottubru 2021, il-partijiet tad-disa’ appelli ppreżentati kontra t-tmien sentenzi tal-Qorti Ġenerali dwar id-deċiżjoni kkontestata nstemgħu fl-osservazzjonijiet tagħhom u fir-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti tal-Ġustizzja waqt seduta waħda.

IV.    Evalwazzjoni

59.      Servier isostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkonfermat il‑konstatazzjoni tal-Kummissjoni li l-ftehimiet konklużi ma’ Niche/Unichem, Matrix, Teva u Lupin kienu jikkostitwixxu ksur tal‑Artikolu 101 TFUE u li setgħet timponi multi fuq Servier għal dan il‑ksur.

60.      Servier jibni l-argumenti tiegħu madwar seba’ aggravji, li minnhom l-ewwel sitta jirrigwardaw il-konstatazzjoni ta’ ksur (A), filwaqt li s-seba’ wieħed jirrigwarda l-multi (B).

A.      Fuq il-konstatazzjoni tal-ksur

1.      Struttura u ammissibbiltà tal-argument ta’ Servier

61.      Fil-qafas tal-ewwel żewġ aggravji tiegħu, Servier jikkritika lill‑Qorti Ġenerali, b’mod ġenerali, għal żbalji ta’ liġi kommessi waqt l‑analiżi tal-għan antikompetittiv tal-ftehimiet (l-ewwel aggravju) u dwar il-kompetizzjoni potenzjali bejn il-partijiet (it-tieni aggravju).

62.      Sussegwentement, permezz tat-tielet sal-ħames aggravji, Servier issostni tali żbalji fir-rigward ta’ kull ftehim inkwistjoni, jiġifieri fir‑rigward tal-ftehimiet Niche u Matrix (it-tielet aggravju), il-ftehim Teva (ir-raba’ aggravju) u l-ftehim Lupin (il-ħames aggravju). Fit-tielet parti tal-ħames aggravju tiegħu, Servier isostni, barra minn hekk, li l‑Qorti Ġenerali wettqet żbalji meta stabbilixxiet id-data ta’ tmiem tal-ksur ikkostitwit mill-ftehim Lupin.

63.      Permezz tas-sitt aggravju tiegħu, Servier jinvoka, sussidjarjament, żbalji ta’ liġi kommessi mill-Qorti Ġenerali relatati mal-klassifikazzjoni bħala ksur separati tal-ftehimiet Niche u Matrix.

64.      Preliminarjament, il-Kummissjoni ssostni li l-ewwel u t-tieni aggravji huma parzjalment inammissibbli sa fejn Servier fihom jikkritika b’mod teoretiku u astratt żbalji allegatament kommessi mill-Qorti Ġenerali mingħajr ma jirreferi għal punti speċifiċi tas-sentenza appellata. Barra minn hekk, Servier jerġa’ jirrepeti argumenti diġà sottomessi lill‑Qorti Ġenerali u miċħuda minnha mingħajr ma jispjega xi żball allegatament wettqet il-Qorti Ġenerali meta ċaħdithom.

65.      Dawn il-kritiki huma ġġustifikati f’dak li jirrigwarda parti mill‑argumenti mressqa minn Servier, u dan mhux biss fil-qafas tal‑ewwel u tat-tieni aggravju tiegħu, iżda wkoll fil-qafas tat-tielet, ir‑raba’ u l-ħames aggravji tiegħu. Fil-fatt, għal parti mill-argument tiegħu, Servier jagħmel kunsiderazzjonijiet ġenerali u jelenka numru kbir ta’ punti tas‑sentenza appellata allegatament żbaljati mingħajr ma jsostni f’hiex kienu jikkonsistu konkretament l-iżbalji kommessi mill-Qorti Ġenerali f’dawn il-punti. Bl-istess mod, f’diversi punti tar-rikors tiegħu, Servier sempliċement jirrepeti argumenti diġà mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali u jirreferi għall-osservazzjonijiet tiegħu u għad-diversi annessi ppreżentati quddiemha.

66.      Madankollu, kif il-Kummissjoni stess tirrikonoxxi, apparti dawn l‑iżviluppi, li huma effettivament inammissibbli, qari flimkien tal‑argumenti mressqa minn Servier fil-qafas tal-aggravji differenti tiegħu juru li Servier jorbot l-aggravji ġenerali tiegħu li jirrigwardaw l‑eżami tal-kompetizzjoni potenzjali u tal-għan antikompetittiv tal‑ftehimiet mill-Qorti Ġenerali mal-eżami minnu ta’ numru kbir ta’ aspetti tar-relazzjonijiet tiegħu u ftehimiet speċifiċi ma’ kumpanniji ta’ ġeneriċi inkwistjoni. F’dan il-qafas, Servier jidentifika l-motivi tas‑sentenza msemmija u l-iżbalji allegatament kommessi f’dawn il‑motivi.

67.      Ċertament, l-eżami ta’ dawn l-argumenti huwa kkumplikat minħabba li dawn l-argumenti ġew ippreżentati f’partijiet differenti tal‑appell. B’hekk, f’dak li jirrigwarda l-kompetizzjoni potenzjali, għandhom jinqraw flimkien it-tieni aggravju u l-ewwel partijiet tat-tielet, ir-raba’ u l-ħames aggravji. Bl-istess mod, f’dak li jirrigwarda l-għan antikompetittiv tal-ftehimiet, għandu jsir riferiment għall-ewwel aggravju u għaż-żewġ partijiet tat-tielet, ir-raba’ u l-ħames aggravji. Madankollu, b’tali qari, huwa possibbli li jiġu identifikati l-kritiki konkreti ta’ Servier fir-rigward tas-sentenza appellata u għandu jiġi rrikonoxxut li, f’dan ir-rigward, l-argument ta’ Servier huwa ammissibbli. Għalhekk, sussegwentement, waqt l-eżami tal-aggravji differenti ta’ Servier, il-parti ammissibbli tal-argument tiegħu ser tiġi eżaminata, filwaqt li jiġi spjegat li dan l-argument ħafna drabi jaqa’ f’żona griża bejn klassifikazzjoni legali u evalwazzjoni tal-fatti.

68.      Wara dawn l-ispjegazzjonijiet, għandhom jiġu eżaminati, qabel xejn, l-argumenti ta’ Servier relatati mal-kompetizzjoni potenzjali (2), qabel ma ngħaddu għall-argumenti tiegħu relatati mal-għan antikompetittiv tal-ftehimiet (3), id-data ta’ tmiem tal-ksur ikkostitwit mill-ftehim Lupin (4) u, finalment, il-klassifikazzjoni tal-ftehim Niche minn naħa u tal-ftehim Matrix min-naħa l-oħra bħala ksur distinti (5).

2.      Fuq il-kompetizzjoni potenzjali (it-tieni aggravju u l-ewwel partijiet tat-tielet, ir-raba’ u l-ħames aggravji)

69.      Servier isostni qabel xejn li, meta l-Qorti Ġenerali eżaminat jekk Servier u l-kumpanniji ta’ ġeneriċi kinux kompetituri potenzjali fil‑mument tal-konklużjoni tal-ftehimiet, il-Qorti Ġenerali wettqet tliet żbalji. Il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni biżżejjed tal‑portata tal-privattivi (a), ikkonkludiet b’mod żbaljat li xi attivitajiet preparatorji mill-kumpanniji ta’ ġeneriċi kienu juru kapaċità reali li jidħlu fis-suq (b), u qalbet l-oneru tal-prova (c). Sussegwentement, Servier ma jaċċettax dawn l-iżbalji f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tar-relazzjoni ta’ kompetizzjoni tiegħu ma’ kull waħda mill-kumpanniji ta’ ġeneriċi involuti (d).

a)      Fuq il-portata tal-privattivi waqt l-analiżi tal-kompetizzjoni potenzjali

70.      Servier isostni qabel xejn li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-portata tal-privattivi billi injorat ostakoli relatati mal-privattivi waqt l-analiżi tagħha tal-kapaċità tal-kumpanniji ta’ ġeneriċi li jidħlu b’mod mgħaġġel fis-suq. Anki qabel deċiżjoni dwar il-validità tagħha u n-natura ta’ ksur ta’ privattiva ta’ prodott mediċinali ġeneriku, privattiva meqjusa bħala b’saħħitha, bħall-ordnijiet provviżorji li jipprojbixxu lill‑kumpanniji ta’ ġeneriċi milli jidħlu fis-suq, jistgħu jaffetwaw l‑kapaċità ta’ tali kumpanniji milli jidħlu fis-suq.

71.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, sabiex jiġi vverifikat jekk impriża parti minn ftehim tikkostitwixxix kompetitur potenzjali f’ċertu suq, għandu jiġi vverifikat jekk dan is-suq għandux ostakoli għad-dħul insurmontabbli (43) u jekk, fin-nuqqas tal-ftehim inkwistjoni, kienx hemm possibbiltajiet reali u konkreti li l-impriża inkwistjoni tidħol fis-suq u tikkompeti mal-impriżi li huma stabbiliti fih. Din il-verifika għandha ssir fir-rigward tal-qafas ekonomiku u ġuridiku konkret li fih jaqa’ l-ftehim inkwistjoni (44).

72.      Għalhekk, waqt l-eżami tal-kompetizzjoni potenzjali bejn proprjetarju ta’ privattivi li jipproteġu l-proċess ta’ produzzjoni ta’ prinċipju attiv li waqa’ fid-dominju pubbliku, minn naħa, u kumpanniji li jixtiequ jidħlu fis-suq bi prodotti mediċinali ġeneriċi li fihom dan il-prinċipju attiv, min-naħa l-oħra, li kkonkludew il-ftehimiet bħal dawk ikkonċernati f’din il-kawża, ċertament ma jistgħux jiġu injorati l-imsemmija privattivi, li mingħajr dubju jagħmlu parti mill-qafas ekonomiku u ġuridiku inkwistjoni (45).

73.      Madankollu, fir-rigward ta’ dan il-qafas, għandu wkoll jitqies li l-preżunzjoni ta’ validità ta’ privattiva fuq proċess ta’ produzzjoni ta’ prodott mediku ma hijiex preżunzjoni ta’ illegalità ta’ prodotti ġeneriċi ta’ dan il-prodott mediċinali li l-proprjetarju tal‑privattiva jqis li huma qegħdin jiksru. Kawżi dwar dan il-punt, kif ukoll f’dak li jikkonċerna l-validità ta’ privattivi ta’ proċedura u f’dak li jikkonċerna n-natura ta’ ksur tal-prodotti ġeneriċi, jiġifieri l-kwistjoni dwar jekk ġewx prodotti skont il-proċeduri li huma diġà protetti minn privattivi, huma, għall-kuntrarju, attwali, jiġifieri jikkostitwixxu indizju tal-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni potenzjali bejn il-partijiet (46).

74.      Minn dan isegwi li, f’tali ċirkustanzi, l-eżistenza ta’ privattiva li tipproteġi l-proċess ta’ produzzjoni ta’ prinċipju attiv li jaqa’ fid-dominju pubbliku ma għandhiex, bħala tali, titqies bħala ostakolu insurmontabbli għad-dħul fis-suq ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi li fihom dan il-prinċipju attiv (47).

75.      L-eżami tal-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali bejn il‑proprjetarju ta’ tali privattiva u ta’ kumpanniji li jixtiequ jidħlu fis-suq bi prodotti ġeneriċi, li kkonkludew il-ftehimiet bħal dawk inkwistjoni f’dan il-każ, għandu speċifikament jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk, minkejja l-eżistenza tad-drittijiet ta’ privattiva inkwistjoni, dawn il‑kumpanniji kellhomx possibilitajiet reali u konkreti li jidħlu fis-suq fil‑mument tal-konklużjoni tal-ftehimiet. L-eżistenza ta’ tali possibilitajiet tista’ tintwera permezz ta’ sensiela ta’ indizji konsistenti li jinkludu, b’mod partikolari, l-attivitajiet preparatorji mwettqa mill‑kumpanniji ta’ ġeneriċi kif ukoll il-perċezzjoni tas-sitwazzjoni minnhom u mill-proprjetarju tal-privattiva (48).

76.      Issa, kuntrarjament għal dak li jallega Servier, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali pproċediet kif suppost b’tali eżami fil-punti 432 et seq. (li jirrigwardaw lil Niche/Unichem), 579 et seq. (li jirrigwardaw lil Teva) u 718 et seq. (li jirrigwardaw lil Lupin) tas-sentenza appellata. Il-Qorti Ġenerali eżaminat b’mod iddettaljat jekk dawn il-kumpanniji kellhomx possibbiltajiet reali u konkreti li jidħlu fis-suq minkejja l-ostakoli kkostitwiti mhux biss mill-privattivi ta’ Servier, iżda wkoll minn ostakoli ta’ natura teknika, marbuta mal-iżvilupp tal-prodotti tagħhom, u ta’ natura regolatorja, marbuta mal-kisba ta’ ATS għal dawn il-prodotti.

b)      Fuq l-analiżi tal-possibbiltajiet reali u konkreti tal-kumpanniji ta’ ġeneriċi li jidħlu fis-suq minkejja l-preżenza ta’ ostakoli

77.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma llimitatx ruħha sabiex, kif jallega Servier, tapplika t-test ta’ sempliċi intenzjoni li tidħol fis-suq b’mod purament teoretiku fi żmien indefinit. Minflok ma qieset biss possibbiltajiet ta’ dħul fis-suq purament ipotetiċi, maqtugħa mill-kuntest, il-Qorti Ġenerali, għall-kuntrarju, eżaminat b’mod speċifiku jekk l-attivitajiet konkreti organizzati mill-kumpanniji ta’ ġeneriċi kinux juru l-possibbiltajiet reali u konkreti tagħhom li jidħlu fis-suq minkejja l-eżistenza tal-privattivi ta’ Servier. Waqt dan l-eżami, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq elementi oġġettivi li l-materjalità tagħhom ma hijiex ikkontestata minn Servier, bħal, b’mod partikolari, l‑investimenti diġà magħmula, l-attivitajiet organizzati sabiex tinkiseb ATS u l-kuntratti konklużi ma’ msieħba kummerċjali.

78.      Il-kritiki differenti mressqa minn Servier f’dan ir-rigward ma jiżvelawx żbalji ta’ liġi kommessi mill-Qorti Ġenerali waqt dan l-eżami.

1)      Fuq il-preżenza ta’ ftehim li jeskludi lill-operaturi ġodda potenzjali tas-suq

79.      Nibda billi ngħid li, kuntrarjament għal dak li jsostni Servier, il‑Qorti tal-Ġustizzja espliċitament irrikonoxxiet li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ, il-konklużjoni minn operaturi ta’ ftehim li għandu bħala għan li jżomm lil xi ħadd minnhom barra mis-suq jikkostitwixxi mhux biss indizju b’saħħtu iżda wkoll l-“iktar prova probatorja” tal-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejniethom. Jikkostitwixxi wkoll tali indizju l-fatt li produttur ta’ verżjonijiet tal-bidu ta’ prodotti mediċinali jipproċedi bi trasferimenti ta’ valuri lil kumpannija ta’ ġeneriċi inkambju għal posponiment tad-dħul ta’ din tal-aħħar fis-suq. Din l-intenzjoni fil-fatt tiżvela l-perċezzjoni li l-produttur ta’ verżjonijiet tal-bidu ta’ prodotti mediċinali jkollu tar-riskju li l-kumpannija ta’ ġeneriċi kkonċernata tirrapreżenta għall-interessi kummerċjali tiegħu, liema perċezzjoni hija rilevanti sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali (49).

80.      Dan huwa koerenti peress li dawn l-elementi jikkorroboraw preċiżament il-fatt li l-kumpannija ta’ ġeneriċi inkwistjoni għandha possibbiltajiet reali u konkreti li tidħol fis-suq u ma tiltaqax ma’ ostakoli insurmontabbli. Effettivament ma huwiex plawżibbli li, jekk il‑kumpannija ta’ ġeneriċi ma setgħetx tidħol fis-suq u għalhekk ma kinitx ta’ theddida għall-produttur ta’ verżjonijiet tal-bidu ta’ prodotti mediċinali, dan kien jikkonkludi magħha ftehim intiż sabiex tibqa’ barra mis-suq permezz ta’ pagament. Għalhekk, waqt l-evalwazzjoni tal‑eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni potenzjali bejn operaturi ekonomiċi, dawn l-indizji għandhom jiġu kkunsidrati fl-istess stadju tal‑eżami u bl-istess mod bħall-possibbiltajiet reali u konkreti ta’ kumpanniji ta’ ġeneriċi li jidħlu fis-suq u n-nuqqas ta’ ostakoli insurmontabbli. Dawn il-provi kollha, meħuda flimkien, effettivament jikkostitwixxu, is-serje ta’ indizji li fuqhom tista’ tistrieħ il-Kummissjoni sabiex turi l-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali bejn operaturi li minnhom wieħed diġà huwa preżenti f’suq li fih l-oħrajn qegħdin jippreparaw li jidħlu.

81.      Għalhekk, id-dikjarazzjoni tal-Qorti Ġenerali magħmula fil‑punt 450 tas-sentenza appellata li l-konklużjoni minn Servier tal‑ftehimiet ikkontestati mal-kumpanniji ta’ ġeneriċi kienet element rilevanti għall-evalwazzjoni tal-kompetizzjoni potenzjali bejn dawn l‑operaturi ma hija vvizzjata bl-ebda żball.

2)      Fuq l-attivitajiet preparatorji mwettqa mill-kumpanniji ta’ ġeneriċi u l-intenzjoni tagħhom li jegħlbu l-ostakoli

82.      Sussegwentement, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet ta’ Servier, l-eżistenza ta’ possibbiltajiet reali u konkreti ta’ dħul fis-suq hija kkonfermata bil-fatt li, fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehimiet, il‑kumpanniji ta’ ġeneriċi kienu wettqu attivitajiet preparatorji suffiċjenti li jippermettilhom jidħlu fis-suq f’terminu li seta’ jwassal għal pressjoni kompetittiva fuq il-produttur ta’ verżjonijiet tal-bidu ta’ prodotti mediċinali. Tali attivitajiet jippermettu li tiġi stabbilita d-determinazzjoni soda kif ukoll il-kapaċità proprja ta’ dawn il-kumpanniji li jidħlu fis-suq ta’ prodott mediċinali li fih prinċipju attiv li kien fid-dominju pubbliku, anki fil-preżenza ta’ privattivi ta’ proċess miżmuma mill-produttur ta’ verżjonijiet tal-bidu ta’ prodotti mediċinali (50).

83.      Kif il-Qorti Ġenerali korrettament fakkret fil-punti 384, 444, 458 u 728 tas-sentenza appellata, f’dan il-kuntest, l-intenzjoni ta’ operatur li jidħol fis-suq hija fattur li jista’ jikkorrobora l-konstatazzjoni tal-kapaċità tiegħu li jagħmel dan (51). Għalhekk, Servier ma għandux jikkritika lill‑Qorti Ġenerali li wettqet żbalji waqt l-evalwazzjoni tagħha tal‑perċezzjoni tar-riskji dwar il-privattivi mill-kumpanniji ta’ ġeneriċi. Barra minn hekk, minn dawn il-punti kif ukoll mill-punti 445 et seq. u 729 et seq. tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali kkonstatat li, anki jekk il-provi prodotti mill-Kummissjoni sabiex turi li l‑kumpanniji ta’ ġeneriċi kellhom fiduċja fi tmiem favur tagħhom tal‑kawżi dwar il-privattivi kellhom jitwarrbu, l-attivitajiet tekniċi u kontenzjużi madankollu juru l-intenzjoni tagħhom li jidħlu fis-suq.

84.      Kuntrarjament għad-dikjarazzjonijiet ta’ Servier, il-Qorti Ġenerali korrettament irrikonoxxiet li dawn l-attivitajiet juru li dawn il-kumpanniji bl-ebda mod ma kienu skorraġiti mill-ostakoli differenti relatati mal‑privattivi, regolamentarji u tekniċi għad-dħul fis-suq u għall‑kuntrarju kellhom determinazzjoni soda li jegħlbuhom.

3)      Fuq il-preżenza ta’ diversi ostakoli

85.      Madankollu Servier isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta eżaminat id-diffikultajiet relatati mal-privattivi, tekniċi, regolamentari u finanzjarji li l-kumpanniji ta’ ġeneriċi kienu jiffaċċjaw, u b’mod iktar speċifiku Niche u Matrix, b’mod separat u mhux meħuda flimkien. Anki jekk kull diffikultà ma kinitx insurmontabbli b’mod individwali, dan ma kienx ifisser li dawn il-kumpanniji kellhom il‑kapaċità li jegħlbu dawn id-diffikultajiet kollha.

86.      Skont il-Kummissjoni, dan l-argument ma tressaqx fl-ewwel istanza u għalhekk ma huwiex ammissibbli. Madankollu, sa fejn l‑imsemmi argument jikkostitwixxi l-amplifikazzjoni ta’ motiv ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali u jikkritika l-applikazzjoni tal‑Artikolu 101 TFUE minnha, Servier jista’ jsostnih fl-appell (52).

87.      Madankollu, fil-mertu, dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat.

88.      B’hekk, il-Qorti Ġenerali pproċediet, fil-punti 442 et seq. (fir‑rigward ta’ Niche/Unichem), 589 et seq. (fir-rigward ta’ Teva) u 726 et seq. (fir-rigward ta’ Lupin) tas-sentenza appellata b’eżami bir-reqqa u ddettaljat tal-ostakoli differenti relatati mal-privattivi, tekniċi, regolatorji u finanzjarji li dawn il-kumpanniji, skont Servier, kienu ffaċċjati bihom waqt il-preparazzjoni tad-dħul tagħhom fis-suq bil-prodotti tagħhom. Waqt dan l-eżami, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-attivitajiet mingħajr interruzzjoni mwettqa mill-imsemmija kumpanniji sabiex jegħlbu dawn id-diffikultajiet juru li dawn tal-aħħar ma kinux ostakoli insurmontabbli li jagħmlu tali dħul fis-suq impossibbli.

89.      B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq numru kbir ta’ provi fattwali mhux ikkontestati minn Servier.

90.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, Servier ma jistax jikkritika lill-Qorti Ġenerali li lanqas eżaminat l-ostakoli differenti kollha kemm huma.

91.      Kif ġustament issostni l-Kummissjoni, Servier ma jispjegax għaliex u lanqas kif dawn l-ostakoli, meħuda flimkien, setgħu jirriżultaw li huma insurmontabbli, filwaqt li l-Qorti Ġenerali analizzat, mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi, li l-kumpanniji ta’ ġeneriċi kienu lesti sabiex jegħlbuhom b’mod individwali. Barra minn hekk, Servier lanqas ma jispjega f’hiex kellu jikkonsisti b’mod konkret dan l-eżami u f’hiex kellu jkun differenti mill-eżami implimentat mill-Qorti Ġenerali.

92.      Qabel xejn, il-Kummissjoni għandha raġun meta ssostni li hija speċifikament adottat approċċ “ħolistiku” filwaqt li uriet kif il‑kumpanniji ta’ ġeneriċi, u b’mod partikolari Niche, kienu wettqu attivitajiet kemm fuq il-livell ta’ privattivi (azzjonijiet kontenzjużi) kif ukoll tekniku (soluzzjoni ta’ ostakoli tekniċi), regolatorju (korrispondenza mal-awtoritajiet nazzjonali sabiex jinkisbu ATS) jew finanzjarju (kuntratti mal-kumpannija omm sabiex ikunu sostnuti). Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali mhux biss ivverifikat il-fondatezza tal-provi hekk prodotti mill-Kummissjoni, iżda, fuq kollox, analizzat l‑interdipendenzi bejn il-livelli differenti, pereżempju billi ċaħdet, fil‑punt 494 tas-sentenza appellata, l-allegazzjonijiet ta’ Servier li d‑diffikultajiet finanzjarji ta’ Niche kienu pprekludewha milli tegħleb ir‑riskji ta’ spejjeż ġudizzjarji u ta’ danni relatati mal-kawżi tal-privattivi.

93.      L-ilment dwar in-nuqqas ta’ analiżi tal-ostakoli għad-dħul fis-suq ta’ kumpanniji ta’ ġeneriċi għalhekk għandu jiġi miċħud ukoll.

c)      Fuq it-tqassim tal-oneru tal-prova

94.      Servier isostni li l-Qorti Ġenerali, wara li ssodisfatt ruħha mill‑eżistenza ta’ attivitajiet sabiex jiġu stabbiliti l-possibbilitajiet reali u konkreti tal-kumpanniji ta’ ġeneriċi li jidħlu fis-suq, talbet li Servier, sabiex jinvalida din il-konstatazzjoni, iġib il-prova li d-dħul fis-suq ta’ dawn il-kumpanniji kien prekluż minn ostakoli insurmontabbli. Madankollu, dan qisu l-istess bħar-rekwiżit ta’ prova negattiva (probatio diabolica). B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali qalbet l-oneru tal-prova u kisret il-prinċipju li l-oneru tal-prova tal-eżistenza ta’ possibbiltajiet reali u konkreti tal-kumpanniji ta’ ġeneriċi li jidħlu fis-suq kien fuq il-Kummissjoni.

95.      Dan l-argument ma għandu l-ebda bażi.

96.      Kif korrettament irrikonoxxiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 386 tas‑sentenza appellata, huwa bla dubju veru li l-oneru tal-prova tal‑eżistenza ta’ possibbiltajiet reali u konkreti ta’ dħul ta’ kompetitur fis-suq jaqa’ fuq il-Kummissjoni. Madankollu, kif il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet ukoll b’mod korrett fl-imsemmi punt, jekk il-Kummissjoni ġabret serje ta’ indizji konsistenti li juru attivitajiet intiżi għall‑produzzjoni u għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott inkwistjoni f’terminu suffiċjentament qasir sabiex itaqqal lill-operatur preżenti fis‑suq, fin-nuqqas ta’ provi kuntrarji relatati ma’ diffikultajiet tekniċi, regolatorji, kummerċjali jew finanzjarji, hija stabbilixxiet b’mod suffiċjenti l-eżistenza ta’ tali possibbiltajiet fiċ-ċirkustanzi tal-każ.

97.      Kuntrarjament għall-opinjoni ta’ Servier, dan it-tqassim tal-oneru tal-prova huwa perfettament konformi mal-prinċipji stabbiliti mill‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam ta’ ksur tad-dritt tal‑kompetizzjoni tal-Unjoni. Ċertament, minn dan jirriżulta li hija l‑Kummissjoni li għandha ġġib il-prova ta’ ksur li hija tikkonstata u tistabbilixxi l-provi adattati sabiex turi, b’mod suffiċjenti fid-dritt, l‑eżistenza ta’ fatti li jikkostitwixxu ksur (53). Għal dan il-għan, hija għandha tiġbor provi suffiċjentament preċiżi u konkordanti sabiex tibbaża l-konvinzjoni soda li l-ksur allegat kien seħħ (54). Madankollu, filwaqt li l-Kummissjoni tiġbor dawn il-provi, huma l-operaturi kkonċernati li għandhom jissollevaw l-insuffiċjenza ta’ provi użati mill‑Kummissjoni sabiex tistabbilixxi l-elementi li jikkostitwixxu l‑ksur (55).

98.      B’hekk, anki jekk l-oneru legali tal-prova, skont dawn il-prinċipji, jaqa’ fuq il-Kummissjoni, jew jaqa’ fuq l-impriża kkonċernata, l-elementi fattwali li parti tinvoka jistgħu jkunu ta’ natura li jobbligaw lill-parti l‑oħra tagħti spjegazzjoni jew ġustifikazzjoni, fin-nuqqas ta’ liema huwa possibbli li jiġi konkluż li l-oneru tal-prova ġie ssodisfatt (56).

99.      F’dan il-każ, preċiżament mill-eżami tal-argumenti ta’ Servier, magħmul fil-punti 70 sa 93 u 108 sa 117 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żbalji meta kkonfermat li l-Kummissjoni kienet stabbilixxiet b’mod suffiċjenti fid-dritt li l‑kumpanniji ta’ ġeneriċi kellhom, fil-mument tal-konklużjoni tal‑ftehimiet, possibbiltajiet reali u konkreti li jidħlu fis-suq. Għaldaqstant, huwa għalhekk korrett li l-Qorti Ġenerali kkonfermat li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jkun Servier li jipproduċi provi li jistgħu jinvalidaw din il-konstatazzjoni (57).

100. Iktar mill-qrib, l-argument imressaq minn Servier f’dan il-każ jirriżulta fuq kollox minn konfużjoni bejn il-kunċetti ta’ kompetizzjoni attwali u potenzjali. B’hekk, Servier jinterpreta ħażin il-fatt li, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali, il-Kummissjoni għandha turi biss li l-kumpanniji ta’ ġeneriċi kellhom possibbiltajiet reali u konkreti jidħlu fis-suq f’terminu li seta’ jwassal għal pressjoni kompetittiva fuq il-produttur ta’ verżjonijiet tal-bidu ta’ prodotti mediċinali. Għall-kuntrarju, bl-ebda mod ma huwa mitlub li hija turi wkoll b’ċertezza li l-attivitajiet imwettqa mill-kumpanniji ta’ ġeneriċi effettivament kien se jkollhom suċċess u li dawn il-kumpanniji effettivament kienu ser jidħlu fis-suq ikkonċernat (58).

101. Fl-istess ordni ta’ ideat, kuntrarjament għal dak li jsostni Servier, il-Kummissjoni ma għandhiex turi li l-attivitajiet imwettqa minn kumpannija ta’ ġeneriċi biex tidħol fis-suq neċessarjament jispiċċaw “fi żmien qasir”. Dak li huwa rilevanti huwa li dawn l-attivitajiet juru l‑possibbiltà li tidħol fis-suq f’terminu li seta’ jwassal għal pressjoni kompetittiva. Issa, iktar ma tali attivitajiet jieħdu fit-tul, pereżempju matul korrispondenzi mal-awtorità regolamentari għall-kisba ta’ ATS jew sforzi sabiex jintegħlbu diffikultajiet tekniċi li jirrigwardaw l‑aspetti tal-prodott ġeneriku, huma jkunu prova tal-possibbiltà li jidħlu f’terminu li seta’ jwassal għal pressjoni kompetittiva. Dan huwa iktar u iktar veru jekk l-eżistenza ta’ tali attivitajiet tiġi kkonfrontata, waqt l-eżami tas‑serje ta’ indizji li juru l-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali, bi provi li jirreferu għall-perċezzjoni, mill-produttur tal-prodott mediċinali tal-bidu, ta’ theddida mill-kumpanniji ta’ ġeneriċi, bħall-fatt li dan ifittex li jikkonkludi magħhom ftehimiet sabiex jittardja d-dħul tagħhom fis‑suq (59).

102. Għalhekk, Servier ma għandux isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta aċċettat, fil-punt 481 tas-sentenza appellata, ir‑rifjut tal-Kummissjoni li tilqa’ t-talba, magħmula minn Servier, sabiex tiġi ppreżentata l-korrispondenza bejn Niche jew l-imsieħba tagħha u l‑awtoritajiet regolatorji nazzjonali kkonċernati. Fil-fatt, huwa żbaljat li jiġi ddikjarat li l-Kummissjoni kellha tevalwa l-possibbiltà ta’ suċċess ta’ Niche li tegħleb l-ostakoli regolatorji li jirrigwardaw il-kisba ta’ ATS billi tistaqsi lil dawn l-awtoritajiet.

103. Il-Kummissjoni ma għandhiex effettivament tevalwa l‑possibbiltajiet ta’ suċċess jew ir-riżultat probabbli ta’ proċedura ta’ ATS ippreżentata quddiem l-awtoritajiet nazzjonali minn kumpannija ta’ ġeneriċi. Huwa suffiċjenti li hija tirreferi għal attivitajiet konkreti mwettqa minn tali kumpannija (applikazzjoni għal ATS, korrispondenza mal-awtorità regolatorja kkonċernata) sabiex ikollha ATS f’terminu li seta’ jwassal għal pressjoni kompetittiva fuq il-produttur ta’ verżjonijiet tal-bidu ta’ prodotti mediċinali (60). F’dan ir-rigward, dewmien fil-kisba tal-ATS bl-ebda mod ma juri li l-kumpannija ta’ ġeneriċi ma tikkostitwixxix iktar sors ta’ kompetizzjoni potenzjali, b’mod partikolari jekk l-imsemmija kumpannija tibda, bħall-kumpanniji kkonċernati f’dan il-każ, attivitajiet sabiex issolvi d-diffikultajiet li wasslu għad-dewmien (ara l-punt 109 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

104. F’dan il-kuntest, l-argument ibbażat fuq il-fatt li huma l‑kumpanniji ta’ ġeneriċi u mhux Servier li huma l-aħjar li jirreferu għal eventwali diffikultajiet li huma kienu ffaċċjati bihom, b’mod partikolari waqt l-applikazzjonijiet tagħhom għal ATS, lanqas huwa ta’ natura li jistabbilixxi qlib tal-oneru tal-prova għad-danni ta’ Servier. Fil-fatt, l‑argument f’dan is-sens jitlaq ukoll mill-premessa żbaljata li, sabiex tintwera l-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali, għandu jintwera b’ċertezza li l-attivitajiet imwettqa mill-kumpanniji ta’ ġeneriċi kellhom suċċess, u li kien suffiċjenti li jsir riferiment għal diffikultajiet jew dewmien f’dan il-kuntest sabiex tiġi invalidata l-konstatazzjoni tal‑eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali.

105. Issa, kif għadu kemm intwera, u kuntrarjament għal dak li jsostni Servier, iktar kemm il-kumpanniji ta’ ġeneriċi jkomplu bl-attivitajiet tagħhom mal-awtoritajiet ta’ regolamentazzjoni u ma jabbandunawhomx minħabba eventwali diffikultajiet, iktar ikomplu jipprovaw id‑determinazzjoni soda tagħhom u l-kapaċità tagħhom stess li jidħlu fis‑suq. Għalhekk, il-korrispondenza bejn il-kumpanniji ta’ ġeneriċi u l‑awtoritajiet ta’ regolamentazzjoni, anki jekk jiġi preżunt li kienu jirreferu għal diffikultajiet, ma kinux ta’ natura li jinvalidaw il‑konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali.

106. Qabel xejn, u fi kwalunkwe każ, mill-punt 481 tas-sentenza appellata jirriżulta li Servier kellu aċċess, matul il-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni, għat-tabella li kienet turi fil‑qosor il-kontenut ta’ dawn il-korrispondenzi prodotta minn Niche, li minnha kien jirriżulta li l-problemi identifikati mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali ma pprekludewx lil Niche milli jagħti risposti, u lanqas li titkompla l-proċedura ta’ ATS.

107. Għalhekk, l-argument ibbażat fuq il-qlib tal-oneru tal-prova u fuq il-ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba għandu wkoll jiġi miċħud.

d)      Fuq l-argumenti addizzjonali li jirrigwardaw lil kull waħda millkumpanniji ta’ ġeneriċi involuti

108. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-argumenti addizzjonali mressqa minn Servier li jirrigwardaw il-klassifikazzjoni bħala kompetitur potenzjali ta’ kull waħda mill-kumpanniji ta’ ġeneriċi involuti lanqas juru li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod żbaljat li, fil‑mument tal-konklużjoni tal-ftehimiet, dawn il-kumpanniji kellhom attivitajiet preparatorji suffiċjenti li ppermettewlhom jidħlu fis-suq f’terminu li seta’ jwassal għal pressjoni kompetittiva fuq Servier.

1)      Niche/Unichem u Matrix

109. Minn naħa, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni Servier, il‑Qorti Ġenerali korrettament qieset li l-attivitajiet imwettqa minn Niche u Matrix sabiex jintgħelbu diffikultajiet tekniċi sabiex jinbidel il‑proċess u l-forma tal-prodott ta’ Matrix, li għalihom jirreferu l‑punti 446 u 447 tas-sentenza appellata, iktar milli juru li l-privattivi ta’ Servier kienu ostakoli insurmontabbli, għall-kuntrarju juru d‑determinazzjoni soda u l-kapaċità proprja ta’ Niche u ta’ Matrix li jidħlu fis-suq minkejja l-eżistenza ta’ dawn il-privattivi. L-istess japplika għal sforzi mwettqa fi stadju avvanzat tal-iżvilupp tal-prodott mediċinali ġeneriku u tal-parteċipazzjoni attiva fil-proċedura ta’ għoti ta’ ATS (punti 459 sa 480 tas-sentenza appellata). F’dan il-kuntest, id-dewmien waqt il-proċedura ta’ ATS bl-ebda mod ma jinvalida l-klassifikazzjoni bħala kompetitur potenzjali ta’ Niche u Matrix, peress li, kif għadu kemm ġie nnotat fil-punti 100 sa 103 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ma huwiex mitlub li jintwera li l-attivitajiet sabiex tinkiseb ATS kienu ser jiġu ffinalizzati fil-perijodu mixtieq jew kien ser ikollhom suċċess sabiex jiġu kklassifikati bħala kumpanniji li wettqu tali attivitajiet ta’ kompetituri potenzjali.

110. Min-naħa l-oħra, kuntrarjament għal dak li jallega Servier, il‑kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fil-punt 446 tas-sentenza appellata ma juru l-ebda żnaturament. B’hekk l-attivitajiet imwettqa minn Niche msemmija f’dan il-punt, li l-materjalità tagħhom ma hijiex ikkontestata minn Servier, juru d-determinazzjoni ta’ Niche li tegħleb l‑ostakoli marbuta mal-privattivi ta’ Servier u sabiex “tiftaħ it-triq” sabiex tidħol fis-suq billi tikseb dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ ksur, annullament jew invalidazzjoni tal-privattiva 947. Kuntrarjament għal dak li jallega Servier, il-Qorti Ġenerali ma ttrattatx, f’dan il-punt, il‑kwistjoni dwar jekk Niche kinitx “in bona fide”. Il-Qorti Ġenerali lanqas ma ttrattat il-punti mressqa minn Servier f’dan ir-rigward (rifjut minn Niche li tagħti deskrizzjoni ddettaljata tal-proċess ta’ produzzjoni tagħha, li tippermetti spezzjoni tal-fabbriki tagħha jew li tagħti kampjun tal-prodott tagħha). Irrispettivament mill-fatt li tali punti ma jistgħux jiġu eżaminati għall-ewwel darba fl-istadju tal-appell, fi kwalunkwe każ għandu jiġi kkonstatat li ma jikkontestawx il-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fl-imsemmi punt u ma jiżvelaw l-ebda żnaturament.

2)      Teva

111. Qabel xejn, il-kritika ta’ Servier li jsostni li l-Qorti Ġenerali imponiet fuqu b’mod żbaljat l-oneru li juri li d-dħul fis-suq ta’ Teva kellu ostakoli insurmontabbli, fil-punti 589 et seq. tas-sentenza appellata, ma tistax tiġi aċċettata. Bħal fil-każ tal-kumpanniji ta’ ġeneriċi l-oħra, il‑Qorti Ġenerali fil-fatt ikkonstatat wara eżami ddettaljat ta’ provi prodotti minn Servier li dawn tal-aħħar ma kinux jikkontestaw il‑konstatazzjoni tal-Kummissjoni li l-attivitajiet imwettqa minn Teva kienu juru d-determinazzjoni u l-kapaċità tagħha li tidħol fis-suq.

112. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali lanqas, kif jallega Servier, ma wettqet żball meta kkonstatat, fil-punti 590 et seq. tas-sentenza appellata, li r-riskju ta’ ordni provviżorja ma kienx affettwa l‑possibbiltajiet reali u konkreti ta’ Teva li tidħol fis-suq, peress li hija rreferiet għal elementi li juru l-intenzjoni ta’ Teva li tassumi dan ir-riskju. Barra minn hekk, Servier jillimita ruħu sabiex jirreferi b’mod ġenerali għall-argumenti tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali fuq dan il-punt mingħajr ma juri żball kommess mill-Qorti Ġenerali. Fi kwalunkwe każ, kif irrikonoxxiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżistenza ta’ ordnijiet provviżorji ma teskludi bl-ebda mod l-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali peress li dawn huma miżuri provviżorji li bl-ebda mod ma jippreġudikaw in-natura fondata ta’ azzjoni għal kontrafazzjoni (61).

113. Bl-istess mod, kuntrarjament għal dak li jiddikjara Servier, ir‑raġunament tal-Qorti Ġenerali espost fil-punti 601 sa 603 tas-sentenza appellata, li d-dewmien fil-proċeduri ta’ ATS ma setgħux ikunu suffiċjenti sabiex jeskludu l-klassifikazzjoni ta’ kompetitur potenzjali ta’ Teva minkejja li hija wettqet sforzi sabiex tegħleb id-diffikultajiet iffaċċjati, bl-ebda mod ma juri xi żball, għar-raġunijiet diġà indikati fil‑punti 100 sa 103 u 109 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Barra minn hekk, Servier jillimita ruħu sabiex jirreferi għar-rikors tiegħu u l-annessi tiegħu fl-ewwel istanza sabiex jiddikjara li l-provi prodotti minnu quddiem il‑Qorti Ġenerali kienu stabbilixxew li dawn id-diffikultajiet kienu affettwaw il-possibbiltajiet reali u konkreti ta’ Teva li tidħol fis-suq, mingħajr ma ta spjegazzjoni dwar dawn il-provi jew juri żball tal-Qorti Ġenerali waqt l-evalwazzjoni tagħhom.

114. Sussegwentement, fir-rigward tal-iżnaturamenti allegatament kommessi mill-Qorti Ġenerali waqt l-eżami tal-problemi tekniċi ffaċċjati mill-prodott ta’ Teva, dawn ma jidhrux la fid-dawl tal-allegazzjonijiet ta’ Servier, u lanqas fid-dawl tal-punti tas-sentenza fejn huma msemmija. B’hekk, minn naħa, Servier isostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat, fil‑punti 586 u 609 sa 612 tas-sentenza appellata, il-provi li juru li Teva ma kellhiex stokk ta’ perindropil vijabbli, mingħajr ma rreferiet għax xi prova li allegatament kienet żnaturata. Min-naħa l-oħra, Servier jallega li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-posta elettronika mibgħuta minn Teva lil Hetero fil-15 ta’ Ottubru 2007, jiġifieri wara l-konklużjoni tal‑ftehim Teva, posta elettronika li fiha Teva indikat li hija kienet irrinunzjat għat‑tnedija tal-prodott tagħha. Issa, hija preċiżament din ir-rinunzja li kienet prevista b’dan il-ftehim (62). Għaldaqstant, l-analiżi tal-Qorti Ġenerali li l-posta elettronika inkwistjoni kienet intiża li timplimenta l-imsemmi ftehim ma kinitx tidher li hija vvizzjata b’xi żnaturament.

115. Finalment, kuntrarjament għall-kritiki ta’ Servier, fil-punt 610 tas‑sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma rrifjutatx li tieħu inkunsiderazzjoni provi sussegwenti għall-ftehim, iżda llimitat ruħha sabiex tikkunsidra, b’mod korrett, li korrispondenza li tirrifletti l‑perċezzjoni minn Teva tas-sitwazzjoni kompetittiva ulterjuri għall‑konklużjoni tal-ftehim ma għandhiex tistabbilixxi li Teva kienet irrinunzjat li tikkummerċjalizza l-prodott tagħha fil-mument tal‑imsemmija konklużjoni (63).

3)      Lupin

116. F’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-klassifikazzjoni bħala kompetitur potenzjali ta’ Lupin, Servier jillimita ruħu essenzjalment sabiex jirreferi għall-ilmenti ġenerali tiegħu li jirrigwardaw il‑kompetizzjoni potenzjali, li diġà ġew eżaminati fil-punti 70 sa 84 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

117. Għall-kumplament, Servier isostni li l-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat li Lupin kellha possibbiltajiet reali u konkreti li tikkummerċjalizza l-prodott tagħha fl-UE kollha, filwaqt li kienet preżenti biss fir-Renju Unit u l-introduzzjoni ta’ msieħba baqgħet teoretika u spekulattiva. Il-Qorti Ġenerali rreferiet għal negozjati bejn Lupin u msieħba potenzjali f’dan ir-rigward, u dan kien jikkostitwixxi attivitajiet konkreti li juru d-determinazzjoni u l-kapaċità ta’ Lupin li tidħol fis-suq (64). F’dan il-kuntest, il-punt 745 tas-sentenza appellata ma juri l-ebda żnaturament tal-argument ta’ Servier li jallega li Lupin iltaqgħet ma’ ostakoli kummerċjali insurmontabbli, peress li dan huwa preċiżament dak li Servier ikompli jallega fil-qafas ta’ dan l-appell u dak li l-Qorti Ġenerali eżaminat u rrifjutat fil-punti 745 et seq. tas-sentenza appellata.

e)      Konklużjoni

118. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-argument ta’ Servier dwar il-kompetizzjoni potenzjali, imressaq fil-qafas tat-tieni aggravju tiegħu u tal-ewwel partijiet tat-tielet, ir-raba’ u l-ħames aggravji, għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

3.      Fuq il-klassifikazzjoni tal-ftehimiet bħala restrizzjonijiet talkompetizzjoni minħabba l-għan (l-ewwel aggravju u t-tieni partijiet tat-tielet, ir-raba’ u l-ħames aggravji)

119. Fil-qafas tal-ewwel aggravju tiegħu u tat-tieni partijiet tat-tielet, ir-raba’ u l-ħames aggravji tiegħu, Servier isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji meta rratifikat il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li l‑ftehimiet ikkontestati kienu jikkostitwixxu restrizzjonijiet tal‑kompetizzjoni minħabba l-għan.

120. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni kif suppost in-nuqqas ta’ esperjenza fir-rigward tal‑ftehimiet bħal dawk inkwistjoni u tal-fatt li, għal din ir-raġuni, ir‑restrizzjoni ta’ kompetizzjoni ma kinitx faċilment identifikabbli (a). It‑tieni nett, kien impossibbli li jiġi konkluż li l-ftehimiet kellhom għan antikompetittiv minħabba l-effetti pożittivi tagħhom jew tallinqas ambivalenti (b). Finalment, it-tielet nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ffukat iżżejjed fuq il-pagamenti jew vantaġġi oħra ta’ inċentiv mogħtija minn Servier lill-kumpanniji ta’ ġeneriċi (c).

a)      Fuq l-esperjenza u n-natura “faċilment identifikabbli” ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni

121. Sabiex nibda, Servier isostni, filwaqt li jirreferi, b’mod partikolari, għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża CB vs Il‑Kummissjoni (65), li s-sentenza appellata hija vvizzjata minn sensiela tal‑bidu ta’ żbalji inkwantu jsostni li l-klassifikazzjoni ta’ restrizzjoni minħabba l-għan tal-ftehimiet ikkontestati minkejja n-nuqqas ta’ esperjenza akkwistata u ta’ xjenza ekonomika, u minkejja li r-restrizzjoni ta’ kompetizzjoni allegata ma hijiex faċilment identifikabbli.

122. B’hekk, in-natura ġdida tal-kwistjonijiet imqajma mill-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja hija murija minn diversi elementi, bħar-rinviju għal deċiżjoni preliminari fil-kawża Generics (UK) et. Bl-istess mod, huwa xhieda tan-natura faċilment identifikabbli tar-restrizzjoni ta’ kompetizzjoni minħabba l-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja, b’mod partikolari, il-fatt li l-Kummissjoni kellha bżonn mijiet ta’ paġni sabiex tispjega l-argument tagħha. Il-Qorti Ġenerali stess irrikonoxxiet fil‑punt 1666 tas-sentenza appellata li n-natura tal-ksur tal-ftehimiet inkwistjoni setgħet ma tidhirx, b’mod ċar, għal osservatur estern bħall‑Kummissjoni jew avukati speċjalizzati.

123. Madankollu, dan l-argument ma għandux jiġi aċċettat peress li, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddikjarat b’mod espliċitu, bl-ebda mod ma huwa rikjest li l-istess tip ta’ ftehimiet ikun diġà ġie kkundannat mill‑Kummissjoni sabiex dawn ikunu jistgħu jitqiesu bħala restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, u dan anki meta dawn jintervjenu f’kuntest speċifiku bħal dak tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali (66). Il-ġurisprudenza ma tirrikjedix li ftehim għandu jkun suffiċjentament dannuż għall-kompetizzjoni mal-ewwel daqqa ta’ għajn jew mingħajr dubju, mingħajr ma jkun hemm eżami ddettaljat tal‑kontenut tiegħu, tal-għan tiegħu u tal-kuntest ekonomiku u legali li fih jaqa’, sabiex ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala restrizzjoni tal‑kompetizzjoni minħabba l-għan skont l-Artikolu 101 TFUE (67).

b)      Fuq il-pagamenti u l-allegati effetti “pożittivi” jew “ambivalenti” tal-ftehimiet

124. Għal serje ta’ argumenti li jmiss, Servier isostni, minn naħa, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kklassifikat il-ftehimiet ikkontestati bħala restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan filwaqt li dawn il-ftehimiet kellhom effetti pożittivi jew tallinqas ambivalenti fuq il-kompetizzjoni.

125. Min-naħa l-oħra, Servier isostni li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod żbaljat li l-imsemmija ftehimiet kienu tali restrizzjonijiet minħabba l-għan għaliex kienu jistipulaw pagament jew vantaġġi oħra ta’ inċentiv favur kumpanniji ta’ ġeneriċi inkambju ta’ klawżoli ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-privattivi ta’ Servier u ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti ta’ dawn il-kumpanniji. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali injorat il-kuntest dwar il-privattivi tal-ftehimiet u ħawdet il-kunċetti ta’ limitazzjoni kummerċjali u ta’ restrizzjoni tal‑kompetizzjoni.

126. Għandu jitfakkar li mis-sentenzi Generics (UK) et (68) u Lundbeck vs Il-Kummissjoni (69) jirriżulta li ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja bħal dawk ikkonċernati f’dan il-każ jikkostitwixxu restrizzjonijiet tal‑kompetizzjoni minħabba l-għan

–        jekk mill-provi kollha disponibbli jirriżulta li l-bilanċ pożittiv ta’ trasferimenti ta’ valuri tal-produttur ta’ verżjonijiet tal-bidu ta’ prodotti mediċinali favur il-kumpannija ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi huwa spjegabbli biss bl-interess kummerċjali tal-partijiet fil‑ftehim li ma jikkompetux fuq il-merti,

–        sakemm il-ftehim dwar soluzzjoni bonarja kkonċernat ma jkunx akkumpanjat minn effetti favur il-kompetizzjoni li seħħew b’tali mod li raġonevolment iqajmu dubju dwar in-natura suffiċjentement dannuża tiegħu fir-rigward tal-kompetizzjoni.

127. Fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji, l-argumenti ta’ Servier dwar il‑pagamenti (1) u l-allegati effetti “pożittivi” jew “ambivalenti” tal‑ftehimiet ikkontestati (2) ma għandhomx jintlaqgħu.

1)      Fuq il-pagamenti

128. Minn dan isegwi li l-argument ta’ Servier li trasferiment ta’ valur min-naħa tal-produttur tal-bidu lill-kumpannija ta’ ġeneriċi fil-qafas ta’ ftehim dwar soluzzjoni bonarja ta’ kawża dwar il-privattiva ma għandux ikun deċiżiv għall-klassifikazzjoni ta’ tali ftehim bħala restrizzjoni tal‑kompetizzjoni minħabba l-għan għandu jkun miċħud.

129. L-isfond tal-privattivi ta’ tali ftehimiet u l-interess pubbliku għas‑soluzzjoni extraġudizzjarja ta’ kawżi dwar il-privattiva ma jibdlu xejn mill-fatt li dawn il-ftehimiet huma antikompetittivi jekk it‑trasferimenti ta’ valuri mill-produttur ta’ prodotti mediċinali tal-bidu lil kumpannija ta’ ġeneriċi huma spjegabbli biss bl-interess kummerċjali ta’ dawn l-operaturi li ma jikkompetux. F’dan il-kuntest, ma huwiex mitlub, kif jallega Servier, li l-ammont ta’ dawn it-trasferimenti ta’ valuri jikkorrispondi mal-benefiċċji mistennija tal-kumpanniji ta’ ġeneriċi (70).

130. Kuntrarjament għal dak li jsostni Servier, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali għalhekk applikat it-test korrett sabiex tistabbilixxi jekk il‑ftehimiet ikkontestati kellhomx għan antikompetittiv. Il-Qorti Ġenerali b’hekk spjegat, essenzjalment, fil-punti 263 sa 273, u b’mod partikolari fil‑punti 265 u 272 tas-sentenza appellata, li kumpannija ta’ ġeneriċi għandha titqies bħala li ġiet inċentivata minħabba pagament sabiex tissuġġetta ruħha għall-klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni jekk il-pagament li hija tirċievi ma huwiex iġġustifikat b’korrispettiv ieħor bħal dak li jikkonsisti fin-nuqqas li tikkompeti mal-proprjetarju tal-privattiva.

131. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali indikat, fil-punti 277 sa 280 tas-sentenza appellata, li ħlas imsejjaħ “invertit”, mill-produttur tal-bidu lill-kumpannija ta’ ġeneriċi, jista’ jitqies bħala ġġustifikat jekk ikopri spejjeż relatati mal-ftehim dwar soluzzjoni bonarja tal-kawża, pereżempju l-ispejjeż kuntenzjużi sostnuti mill-kumpannija ta’ ġeneriċi fil-qafas tal-kawża dwar il-privattiva, bil-kundizzjoni li l-ammonti ta’ dawn l-ispejjeż ikunu stabbiliti mill-partijiet u ma jkunux eċċessivi.

132. Il-Qorti Ġenerali qieset ukoll, fil-punti 798 sa 810, u b’mod partikolari fil-punti 804 u 806 tas-sentenza appellata, il-każ tal‑assoċjazzjoni ta’ ftehim dwar soluzzjoni bonarja ta’ kawża dwar il‑privattiva, li fih klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni, ma’ ftehim kummerċjali li jimplika t‑trasferiment ta’ beni li jirrapreżenta valur ekonomiku tal-kumpannija ta’ ġeneriċi għal produttur tal-bidu. F’dan il-każ, il-ftehim Lupin ħa l-forma ta’ tali assoċjazzjoni (71).

133. Il-Qorti Ġenerali spjegat li, fil-preżenza ta’ tali muntaġġ kuntrattwali, għandu jiġi eżaminat jekk il-ħlas magħmul mill-produttur tal-bidu lill-kumpannija ta’ ġeneriċi jeċċedix il-valur ekonomiku normali tal-beni skambjat, jiġifieri l-valur li dan il-beni jirrappreżenta fil-qafas ta’ tranżazzjoni magħmula skont il-kundizzjonijiet normali tas-suq. Skont il‑Qorti Ġenerali, jista’ jiġi konkluż fil-preżenza ta’ ħlas mhux iġġustifikat lill-kumpannija ta’ ġeneriċi jekk l-ammont tal-ħlas magħmul mill-produttur tal-bidu favur tagħha jeċċedi l-valur ekonomiku tal-beni skambjat. Tali ħlas jista’ jiġi kklassifikat bħala inċentiv sabiex jiġi aċċettat l-obbligu ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni li jirriżulta mill-ftehim dwar soluzzjoni bonarja assoċjat mal-ftehim kummerċjali jekk il-parti mhux iġġustifikata tal-ħlas hija sinjifikattiva biżżejjed sabiex tikkostitwixxi inċentiv.

134. It-tabella ta’ analiżi hekk stabbilita mill-Qorti Ġenerali hija perfettament adattata għall-analiżi tal-ftehimiet bħal dawk ikkonċernati f’dan il-każ. Din it-tabella tikkorrispondi, essenzjalment, ma’ dik ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Generics (UK) et u Lundbeck vs Il-Kummissjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat ukoll li, sabiex jiġi evalwat jekk it-trasferimenti ta’ valur li jinsabu fi ftehim dwar soluzzjoni bonarja, bħal dawk inkwistjoni f’dan il-każ, jistgħux jiġu spjegati biss bl-interess kummerċjali tal-partijiet f’dan il-ftehim sabiex ma jikkompetux, għandhom jiġu kkunsidrati t-trasferimenti ta’ valuri kollha mwettqa mill-partijiet, irrispettivament minn jekk humiex finanzjarji jew le. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, b’dan il-mod, għandu jiġi stabbilit jekk il-bilanċ pożittiv tat-trasferimenti ta’ valuri mill-produttur ta’ verżjonijiet tal-bidu ta’ prodotti mediċinali lill-kumpannija ta’ ġeneriċi jistax ikun iġġustifikat bl-eżistenza ta’ eventwali korrispettivi ta’ din il-kumpannija (72).

135. Minn dan isegwi li l-ilment ibbażat fuq l-analiżi żbaljata tal‑ħlasijiet mill-Qorti Ġenerali għandu jiġi miċħud.

2)      Fuq l-allegati effetti “pożittivi” jew “ambivalenti” tal-ftehimiet

136. F’dak li jirrigwarda l-allegati effetti “pożittivi” jew “ambivalenti” tal-ftehimiet ikkontestati, Servier isostni, fl-ewwel lok, li l-effett dannuż tal-ftehimiet imsejħa “pay for delay” huwa relatat mad-dewmien ta’ dħul fis-suq. F’dan il-każ, ma kien hemm l-ebda dewmien ta’ dħul fis-suq wara l-invalidazzjoni tal-privattiva 947 mill-UEP.

137. Peress li l-proċedura ta’ kontestazzjoni tal-privattiva 947 quddiem l-UEP tkompliet, minkejja l-ftehimiet, minn partijiet li ma kkonkludewx ftehim ma’ Servier li jipprojbixxi din it-tkomplija, l-irtirar tal-kumpanniji ta’ ġeneriċi li kkonkludew tali ftehimiet ma setax ikollu bħala għan li jimpedixxi jew jittardja l-kontestazzjoni tal-privattiva.

138. Issa, kif il-Qorti Ġenerali korrettament innotat, b’mod partikolari fil-punt 644 tas-sentenza appellata, dan l-argument huwa bbażat fuq ċirkustanzi ipotetiċi u mhux prevedibbli fid-data tal-konklużjoni tal‑ftehimiet, li ma għandhomx jiġu kkunsidrati fil-qafas tal-analiżi tal‑għan restrittiv ta’ kompetizzjoni.

139. Barra minn hekk, kif korrettament tinnota l-Kummissjoni, l‑imsemmi argument ma għandux jintlaqa’ peress li jfixkel id-dannu intrinsiku ta’ ftehim ta’ esklużjoni tas-suq inkambju ta’ pagament mal‑possibbiltà li tali ftehim ma jipproduċix effetti sinjifikattivi reali fuq il-kompetizzjoni f’mument sussegwenti, minħabba ċirkustanzi indipendenti tal-volontà tal-partijiet, pereżempju meta l-privattiva hija annullata wara l-kawża ta’ terz.

140. Kif spjegajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Generics (UK) et (73), sabiex jiġi analizzat l-għan antikompetittiv ta’ ftehim dwar soluzzjoni bonarja ta’ kawża dwar privattiva, għandu jiġi vverifikat jekk, permezz tal-konklużjoni ta’ dan il-ftehim, il-partijiet issostitwixxewx kooperazzjoni prattika bejniethom bir-riskji tal-kompetizzjoni. Jekk dan huwa l-każ, is-sitwazzjoni maħluqa mill-ftehimiet ma hijiex ir-riżultat tal-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni, iżda r-riżultat ta’ koordinazzjoni li permezz tagħha l-partijiet eliminaw ir-riskji ta’ dan il‑funzjonament. Il-kwistjoni dwar jekk is-sitwazzjoni f’termini ta’ privattivi kinitx neċessarjament ser tkun differenti fin-nuqqas ta’ ftehim minħabba żvilupp ulterjuri tas-sitwazzjoni dwar il-privattivi għalhekk ma hijiex deċiżiva sabiex tiġi evalwata l-kapaċità tal-ftehim li jillimita l‑kompetizzjoni.

141. Sabiex tiġi evalwata din il-kapaċità li tillimita l-kompetizzjoni, fil‑fatt ma huwiex deċiżiv li jkun magħruf jekk il-produtturi ta’ ġeneriċi kinux ikunu jistgħu jidħlu jew ma kinux ikunu jistgħu jidħlu fis-suq fin‑nuqqas tal-ftehim minħabba l-iżvilupp tas-sitwazzjoni dwar il‑privattivi (minnu nnifsu mhux magħruf fil-mument tal-konklużjoni tal‑ftehim). Għall-kuntrarju, huwa deċiżiv li jkun magħruf jekk in-nuqqas ta’ dħul ta’ ġeneriċi fis-suq jirriżultax mill-funzjonament tajjeb tal‑kompetizzjoni jew ta’ kooperazzjoni antikompetittiva (74).

142. Fit-tieni lok, Servier isostni li, b’mod partikolari, il-ftehimiet Teva u Lupin kellhom effetti favur il-kompetizzjoni minħabba uħud mill‑klawżoli tagħhom. Kif għamlet il-Qorti Ġenerali, dawn l‑allegazzjonijiet għandhom jiġu analizzati fid-dawl tal-klawżoli speċifiċi tal-ftehimiet ikkonċernati.

c)      Fuq l-eżami tal-għan restrittiv ta’ kompetizzjoni tal-ftehimiet inkwistjoni

143. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hawnhekk għandhom jiġu eżaminati l-argumenti li permezz tagħhom Servier irid juri li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji billi kklassifikat il-ftehimiet konklużi ma’ Niche/Unichem u Matrix (1), Teva (2) u Lupin (3) bħala ksur tal‑kompetizzjoni minħabba l-għan.

1)      Fuq il-ftehimiet Niche/Unichem u Matrix

144. Servier isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji meta ddeċidiet li l-ħlas magħmul minn Servier lil Niche u Matrix kien spjegabbli biss mill-interess tagħhom li ma jikkompetux u li kien il‑kawża vera tal-ftehimiet tagħhom dwar soluzzjoni bonarja. B’mod iktar partikolari, Servier isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ma ddeċidietx li l-pagament tiegħu kien il-korrispettiv tal-ispejjeż ta’ Niche u Matrix, bħal, b’mod partikolari, spejjeż li dawn kienu jirriskjaw li jkollhom iħallsu lid-distributuri terzi.

145. Kif ġie indikat fil-punt 34 hawn fuq, fil-qafas tal-ftehim Niche, Servier ħallas GBP 11.8 miljuni lil Niche/Unichem. Fil-qafas tal-ftehim Matrix, huwa ħallas GBP 11.8 miljuni lil Matrix. Barra minn hekk, fil‑qafas tal-ftehim konkluż fl-istess jum bejn Niche u Biogaran, din tal‑aħħar ħallset GBP 2.5 miljuni lil Niche.

146. F’dak li jirrigwarda, qabel xejn, il-ftehim konkluż minn Servier ma’ Niche, il-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 527 et seq. tas-sentenza appellata, il-kwistjoni dwar jekk il-ħlas li sar minn Servier lil Niche kienx iġġustifikat minn xi ħaġa oħra apparti l-inċentiv ta’ Niche li tissuġġetta lilha nnifisha għall-klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni li jinsabu fil‑ftehim. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali analizzat il-punt dwar jekk l-ammont imħallas minn Servier lil Niche setax jiġi spjegat permezz ta’ spejjeż relatati mas-soluzzjoni bonarja.

147. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 536 u 537 tas-sentenza appellata, li l-ispejjeż invokati minħabba f’hekk minn Niche u Servier kienu qabel xejn l-ispejjeż ta’ żvilupp tal-perindropil ta’ Niche u danni dovuti lill-klijenti tagħha. Il-Qorti Ġenerali qieset li dawn l‑ispejjeż ma kinux relatati mas-soluzzjoni bonarja tal-kawża dwar il‑privattiva. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 538 tas-sentenza appellata, li l-ispejjeż tal-pariri legali invokati minn Niche u Servier ma setgħux ikunu relatati mal-ftehim dwar soluzzjoni bonarja, peress li kienu relatati ma’ perijodu preċedenti għall-kawżi bejn Niche u Servier.

148. Fil-punt 539 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali indikat, għall-finijiet ta’ kompletezza, li anki jekk l-ammonti allegati ta’ GBP 1.1 miljuni bħala spejjeż ta’ pariri legali u l-ispejjeż ta’ żvilupp tal-prodott u ta’ danni lill-klijenti, stmati rispettivament GBP 1.2 u GBP 1.3 miljuni mill-Kummissjoni fil-premessa 1336 tad-deċiżjoni appellata, kellhom jiġu kkunsidrati bħala iġġustifikati, l-ammont totali tagħhom ta’ GBP 3.6 miljuni xorta jibqa’ inqas b’mod nett għall-ammont ta’ GBP 11.8 miljuni mħallsa minn Servier lil Niche.

149. F’dak li jirrigwarda, sussegwentement, il-ftehim konkluż bejn Niche u Biogaran, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 542 sa 544 tas‑sentenza appellata, li l-ħlas magħmul minn Biogaran lil Niche kien inċentiv addizzjonali għaliha sabiex taċċetta l-klawżoli restrittivi tal‑ftehim Niche.

150. F’dak li jirrigwarda, finalment, il-ftehim Matrix, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 546 tas-sentenza appellata, li l-partijiet ma pproduċew l-ebda prova li setgħet tiġġustifika l-ammont ta’ GBP 11.8 miljuni mħallas minn Servier lil Matrix.

151. Qabel xejn, għandu jiġi kkonstatat li fil-qafas ta’ dan l-appell, Servier ma jsostni l-ebda prova li tista’ turi li l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali msemmija fil-punt preċedenti relatata mal-ftehim Matrix kienet żbaljata. Servier jillimita ruħu sabiex jinvoka b’mod ġenerali u vag riskju ta’ dannu ta’ Matrix. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilment tiegħu dwar il‑klassifikazzjoni allegatament żbaljata tal-ħlas magħmul minn Servier lil Matrix bħala inċentiv ta’ din tal-aħħar sabiex taċċetta l-obbligu li ma tikkompetix għandu jiġi miċħud.

152. Sussegwentement, bl-istess mod, Servier ma jinvoka l-ebda prova li tista’ tikkontesta l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali, imsemmija fil‑punt 149 hawn fuq, li l-pagament ta’ Biogaran lil Niche kien jikkonsisti f’inċentiv addizzjonali għaliha sabiex taċċetta l-obbligu li ma tikkompetix.

153. Fir-rigward, finalment, tal-pagament ta’ GBP11.8 miljuni minn Servier lil Niche, l-ebda prova prodotta minn Servier fil-qafas ta’ dan l‑appell ma hija tali li turi li l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li dan il‑pagament kien iġġustifikat biss bl-obbligu ta’ Niche li ma tikkompetix kienet ivvizzjata bi żbalji.

154. B’hekk l-argument li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta qieset li l-ispejjeż tal-iżvilupp tal-perindropil ta’ Niche u d-danni dovuti lil terzi ma setgħux jiġġustifikaw il-pagament ta’ Servier huwa ineffettiv. Kif ġie indikat fil-punt 148 hawn fuq, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li anki jekk dawn l-ispejjeż (kif ukoll l-allegati spejjeż ta’ pariri legali) kellhom jitnaqqsu mill-ammont ta’ GBP 11.8 miljuni mħallsa minn Servier, xorta jibqa’ ammont ta’ GBP 8.2 miljuni li ma huwa spjegabbli bl-ebda mod ħlief bl-obbligu meħud minn Niche li ma tikkompetix.

155. F’dan il-kuntest, l-argument ta’ Servier li l-punt 537 tas-sentenza appellata huwa vvizzjat b’nuqqas ta’ motivazzjoni u bi żnaturament tal‑fatti inkwantu jiċħad l-ammonti għoljin ta’ stimi ta’ danni potenzjali allegati minn Servier għandu jiġi miċħud. Il-Qorti Ġenerali spjegat b’mod suffiċjenti li ma kinitx aċċettat dawn l-ammonti, għaliex dawn kienu sempliċament pretensjonijiet. Bl-istess mod, ma ntweriex kif il‑Qorti Ġenerali allegatament żnaturat l-ittra li għaliha jirreferi Servier, li fiha impriża talbet dannu ħafna ogħla mill-ammont użat mill‑Kummissjoni, minkejja li Servier stess irrikonnoxxa li din kienet biss talba.

156. Għal finijiet ta’ kompletezza, ninnota li l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali, esposta fil-punti 280, 531 u 537 tas-sentenza appellata, li l‑ispejjeż ta’ żvilupp tal-prodott ta’ Niche u ta’ eventwali danni dovuti lil terzi ma jistgħux jitqiesu bħala relatati mas-soluzzjoni bonarja, b’tali mod li l-rimbors tagħhom minn Servier lil Niche ma jistax ikun iġġustifikat, ma tidher li hija vvizzjata bl-ebda żball.

157. Fil-fatt, kif jirrikonoxxi Servier stess, il-ħlas ta’ danni lil terzi minħabba nuqqas ta’ provvista tal-prodott ta’ Niche seta’ jkun dovut anki fin-nuqqas ta’ soluzzjoni bonarja ma’ Servier. Issa, ma kienx jidher plawżibbli li Servier kien qabel li jħallas dawn l-ispejjeż lil Niche jekk din kienet iddeċidiet, b’mod awtonomu u mingħajr ma kienet inċentivata tagħmel dan minn Servier, li ma tikkummerċjalizzax dan il-prodott għaliex kienet konvinta mill-qawwa tal-privattivi ta’ Servier.

158. Ċertament, kif jindika Servier, kumpannija ta’ ġeneriċi li tiddeċiedi, fi tmiem evalwazzjoni awtonoma tar-riskju dwar il-privattivi li hija ffaċjata bih, li ttemm b’mod bonarju kawża pendenti dwar il‑privattivi, tista’ tixtieq tipproteġi lilha nnifisha kontra l-konsegwenzi finanzjarji ta’ tali soluzzjoni bonarja. Madankollu, f’sitwazzjoni bħal din, ma hemm l-ebda raġuni ekonomika raġonevoli li twassal lill-produttur tal-bidu li jaqbel li jħallas bħala dannu lill-imsemmija kumpannija bħal dawn il-konsegwenzi li jirriżultaw mill-għażliet tagħha stess, jekk mhux sabiex jagħtiha inċentiv tikkonkludi l-ftehim dwar soluzzjoni bonarja li ma għandu l-ebda korrispettiv ieħor ħlief l-obbligu li ma tikkompetix.

159. Fil-fatt, għandha ssir distinzjoni bejn ir-raġuni tal-ħolqien tal‑obbligu ta’ Niche li tħallas danni lil terzi u r-raġuni tar-rimbors ta’ dawn l-ispejjeż ta’ Niche minn Servier. Huwa ċertament veru li l-obbligu ta’ Niche li tħallas id-danni lil terzi minħabba nuqqas ta’ provvista seta’ jinħoloq jekk Niche iddeċidiet b’mod awtonomu li ma tfornix, u għalhekk ikollha ġustifikazzjoni oħra minbarra l-volontà ta’ Niche u Servier li ma jikkompetux. Madankollu, il-fatt li huwa Servier li jirrimborsa dawn lispejjeż lil Niche ma għandu l-ebda “ġustifikazzjoni” oħra ħlief l‑obbligu li ma tikkompetix, peress li dawn l-ispejjeż ma humiex relatati mal-ftehim dwar soluzzjoni bonarja u ma jikkorrispondu mal-ebda korrispettiv ieħor offrut minn Niche lil Servier. L-istess raġunament japplika għall-ispejjeż ta’ żvilupp tal-prodott ta’ Niche.

160. Għalhekk, dawn l-ispejjeż ta’ żvilupp tal-prodott u ta’ danni ta’ terzi f’każ ta’ nuqqas ta’ provvista ma humiex a priori parti mill-ispejjeż li r-rimbors tagħhom mill-produttur tal-bidu jista’ jitqies bħala ġġustifikat fil-qafas tal-ftehim dwar soluzzjoni bonarja bħal dak inkwistjoni (75).

161. Sabiex nikkonkludi, l-argument ta’ Servier li l-Qorti Ġenerali kellha tevalwa jekk l-ammont imħallas kienx jikkorrispondi għal iktar minn 10 snin ta’ bejgħ u iktar minn 20 sena ta’ marġni ta’ profitt gross għandu jiġi miċħud għar-raġuni diġà indikata fil-punt 129 hawn fuq. Bl‑istess mod, l-argument li Niche aċċettat il-ħlas minħabba diffikultajiet li hija kellha ma għandux jintlaqa’. Dan ma huwiex il-każ għaliex il‑konklużjoni ta’ ftehim hija soluzzjoni razzjonali u profitabbli f’termini ekonomiċi u kummerċjali għall-partijiet li tali ftehim jevita li jaqa’ taħt l‑Artikolu 101 TFUE (76).

162. Minn dan isegwi li l-argument ta’ Servier dwar il-ftehimiet Niche u Matrix għandu jiġi miċħud.

2)      Fuq il-ftehim Teva

163. Kif indikat fil-punti 36 sa 38 hawn fuq, skont il-ftehim Teva, Teva ma kellhiex tikkontesta l-privattivi ta’ Servier quddiem il-qrati tar-Renju Unit u ma tbiegħx il-perindropil tagħha f’dan il-pajjiż, inkambju għal pagament ta’ GBP 5 miljuni minn Servier. F’data sussegwenti, Servier seta’ jagħżel li jipprovdi l-perindropil ġeneriku lil Teva sabiex hija tqassmu, jew li jħallasha, f’każ ta’ nuqqas ta’ provvista, kumpens b’rata fissa. Teva ma kellhiex il-possibbiltà li xxolji l-ftehim f’każ ta’ nuqqas ta’ provvista. Konsegwentement, Servier uża din il-possibbiltà ta’ nuqqas ta’ provvista u ħallas lil Teva matul ċertu perijodu kumpens b’rata fissa fix-xahar ta’ GBP 500 000 li l-ammont finali tiegħu tela’ għal GBP 5.5 miljuni. B’kollox, Servier għalhekk ħallas GBP 10.5 miljuni lil Teva fil‑qafas tal-ftehim Teva.

164. Fil-punti 646 sa 698 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li l-argumenti ta’ Servier li jikkontestaw n-natura restrittiva tal-ftehim Teva ma għandhomx jintlaqgħu.

165. Issa, Servier isostni li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l‑għanijiet u l-effetti ambivalenti ta’ dan il-ftehim (i) u kkonstatat b’mod żbaljat li l-pagamenti magħmula minn Servier lil Teva kienu pagamenti invertiti (ii).

i)      Fuq l-għanijiet u l-allegati effetti “ambivalenti” tal-ftehim Teva

166. Servier isostni li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-għan essenzjali tal-ftehim Teva, li kien il-konklużjoni ta’ ftehim ta’ provvista li tippermetti lil Teva tidħol fis-suq mal-ewwel sensiela ta’ ġeneriċi u prodott kummerċjalment iktar attraenti, u għal Servier li jibbenefika minn distributur tal-ewwel livell fir-Renju Unit. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il‑klawżoli tal-ftehim dwar soluzzjoni bonarja ma setgħux jitqiesu bħala li jikkawżaw dannu għall-kompetizzjoni.

167. Kif korrettament tikkritikah il-Kummissjoni, bl-argument tiegħu Servier jipprova “jissepara” il-klawżoli differenti tal-ftehim Teva sabiex jiġu jidhru, b’mod separat, bħala newtrali mill-perspettiva tal‑kompetizzjoni. Għal dan il-għan, Servier ma jipproduċi l-ebda prova li tista’ tikkontesta l-konstatazzjonijiet li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali stabbilixxiet li, meħuda flimkien, dan il-ftehim kellu tabilħaqq bħala għan li jikseb obbligu ta’ Teva li ma tikkompetix kontra Servier inkambju għal pagament, filwaqt li l-possibbiltà ta’ provvista ta’ perindropil minn Servier lil Teva ma kinitx biss ipotetika iżda lanqas kienet tali li toħloq effetti favur il-kompetizzjoni.

168. Għandu jiġi kkonstatat li l-provi prodotti minn Servier fil-qafas ta’ din il-proċedura ta’ appell, sa fejn jistgħu jinftehmu bħala li jikkritikaw il-klassifikazzjoni legali tal-fatti mill-Qorti Ġenerali u mhux biss sabiex tinkiseb evalwazzjoni ġdida ta’ dawn il-fatti, ma jippermettux li jintwera li dawn il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali huma żbaljati.

–       Fuq l-allegati effetti “ambivalenti” jew “favur il-kompetizzjoni”

169. Fil-punti 667 sa 671 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-effetti potenzjali allegati tal-ftehim Teva ma għandhomx ikunu kklassifikati bħala li ma jillimitawx il-kompetizzjoni, jiġifieri li huma favur il-kompetizzjoni. F’dan ir-rigward, Servier sostna li d‑deċiżjoni futura tal-UEP dwar il-validità tal-privattiva 947 minħabba n-natura tagħha ma kinitx magħrufa mill-partijiet. Il-ftehim Teva kellu effetti favur il-kompetizzjoni billi ppermetta dħul fis-suq ta’ Teva irrispettivament minn x’kien is-sens ta’ din id-deċiżjoni. Issa, il-Qorti Ġenerali qieset li, irrispettivament mis-sens tad-deċiżjoni sussegwenti tal-UEP, imprevedibbli fid-data tal-ftehim, l-ebda waħda mill-għażliet previsti mill-ftehim Teva ma setgħet twassal għal sitwazzjoni li setgħet tiġi kklassifikata bħala “favur il-kompetizzjoni”. Fil-fatt, dan il-ftehim kien dejjem jipprekludi lil Teva milli tidħol fis-suq bil-prodott tagħha jew bil-prodott ta’ terz, u dħul ta’ Teva bi prodott ipprovdut minn Servier ma ħoloqx sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn Teva u Servier.

170. Kuntrarjament għal dak li jsostni Servier, din l-evalwazzjoni tal‑Qorti Ġenerali ma hijiex ivvizzjata bi żbalji. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tikkonstata li dħul ikkontrollat ta’ kumpannija ta’ ġeneriċi fis-suq bi kwantità limitata ta’ prodotti, li tirriżulta minn kooperazzjoni mal-produttur tal-bidu organizzata fil-qafas ta’ ftehim li jipprekludi d-dħul indipendenti ta’ din il-kumpannija fis-suq, ma għandux jitqies li huwa favur il-kompetizzjoni (77). Kuntrarjament għal dak li jallega Servier, jekk, f’tali sitwazzjoni, il-kwantitajiet ta’ prodotti li għandhom jiġu pprovduti mill-produttur tal-bidu lill‑kumpannija ta’ ġeneriċi huma limitati (kif kien il-każ f’dan il-każ (78)), din il-kumpannija ma għandha l-ebda interess li tikkompeti bil‑prezzijiet (79).

171. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li l-partijiet f’dan il-ftehim, bħal dak f’dan il-każ, ma għandhomx jinvokaw żviluppi eventwali futuri f’termini tad-dritt tal-privattivi, li ma kinux magħrufa fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehim, li minnu jiddependi d-dannu tiegħu f’termini tad-dritt tal-kompetizzjoni (80). Kif indikat fil-punti 139 sa 141 hawn fuq, għandu jiġi vverifikat jekk, bil‑konklużjoni ta’ dan il-ftehim, il-partijiet issostitwixxewx kooperazzjoni prattika bejniethom b’riskji għall-kompetizzjoni, filwaqt li l-kwistjoni dwar jekk is-sitwazzjoni f’termini ta’ privattivi neċessarjament kinitx tkun differenti fin-nuqqas tal-ftehim ma hijiex deċiżiva (81).

–       Fuq l-allegat nuqqas ta’ dannu tal-klawżoli tal-ftehim Teva

172. F’dak li jirrigwarda l-klawżola ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni, li d‑dannu tagħha huwa kkontestat minn Servier, il-Qorti Ġenerali nnotat, fil‑punti 646 sa 653 tas-sentenza appellata, li l-fatt li din il-klawżola ma tipprekludix it-tkomplija minn Teva tal-proċedura quddiem l-UEP ma jneħħiex in-natura restrittiva tiegħu. Din il-konstatazzjoni hija korretta permess li l-imsemmija klawżola pprekludiet lil Teva milli ssostni quddiem il-qrati tar-Renju Unit li l-prodott tagħha ma kienx jikser il‑privattiva u pprekludietha milli tinvoka quddiem dawn il-qrati, b’mod inċidentali, in-nuqqas ta’ validità tal-privattivi ta’ Servier. Barra minn hekk, għar-raġuni indikata fil-punt preċedenti, eventwali żviluppi futuri f’termini ta’ privattivi, bħal, f’dan il-każ, dawk li setgħu jirriżultaw mit‑tkomplija tal-proċedura quddiem l-UEP, ma humiex determinanti għall-analiżi ta’ ftehim li għandu bħala għan li jillimita l-kompetizzjoni.

173. F’dak li jirrigwarda l-klawżoli ta’ xiri esklużiv u ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni, li d-dannu tagħhom huwa wkoll ikkontestat minn Servier, il-Qorti Ġenerali setgħet tikkonstata mingħajr ma tikkommetti żbalji, fil-punti 654 sa 666 tas-sentenza appellata, li dawn il-klawżoli kienu ġew korrettament analizzati mill-Kummissjoni bħala obbligu wieħed u l-istess ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni. Skont l-imsemmija klawżoli, Servier seta’ jagħżel b’diskrezzjoni sħiħa jew li jipprovdi l‑perindropil lil Teva, jew li jħallasha kumpens b’rata fissa f’każ ta’ nuqqas ta’ provvista. Minħabba l-obbligu ta’ xiri esklużiv, Teva ma setgħetx tikseb provvista mingħand fornituri oħra anki f’każ ta’ nuqqas ta’ provvista minn Servier.

174. Kif tindika korrettament il-Kummissjoni, il-konsegwenza ta’ dawn id-dispożizzjonijiet kienet li Servier kellu “iċ-ċavetta sabiex tiftaħ il-bieb għad-dħul fis-suq ta’ Teva”. Issa, kien evidenti li Servier ma kellu l-ebda intenzjoni li jagħmel dan u li kien se jipprovdi l-prodott tiegħu għal distribuzzjoni lil Teva biss jekk terz jirnexxielu jiftaħ dan il-bieb billi jidħol fis-suq. F’dan il-każ, Servier ried jiżgura l-ishma tas-suq tiegħu permezz tad-distribuzzjoni tal-prodott ġeneriku tiegħu mill-kumpannija ta’ ġeneriċi “ħabiba” Teva (82).

175. Kuntrarjament għall-allegazzjonijiet ta’ Servier, il-Qorti Ġenerali ma kkommettitx żball meta ddeċidiet, fil-punt 666 tas-sentenza appellata, li l-fatt li l-ftehim Teva kien limitat għall-perindropil erbumina ma kienx ineħħi n-natura antikompetittiva ta’ dan il-ftehim. Il-Qorti Ġenerali korrettament qieset li, anki meta Teva setgħet tidħol fis-suq bil‑perindropil kompost minn melħ ieħor mhux l-erbumina matul il‑perijodu kopert mill-ftehim, xorta jibqa’ l-fatt li dan il-ftehim kien jipprekludiha milli tikkompeti ma’ Servier bil-perindropil erbumina u kien jillimita l-kompetizzjoni f’dan ir-rigward. Issa, il-prodott li Teva ppjanat tikkummerċjalizza fil-mument tal-konklużjoni tal-imsemmi ftehim kien preċiżament il-perindropil erbumina, peress li hija żviluppat melħ ieħor iktar tard.

ii)    Fuq il-ħlasijiet

176. F’dak li jirrigwarda l-ħlasijiet magħmula fil-qafas tal-ftehim Teva, Servier isostni, minn naħa, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball waqt il-klassifikazzjoni tal-kumpens b’rata fissa li huwa ħallas lil Teva.

177. Fil-punti 684 sa 686 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-kumpens b’rata fissa imħallas minn Servier lil Teva minħabba nuqqas ta’ provvista, li l-ammont finali tiegħu tela’ għal GBPR 5.5 miljuni, kien jirrappreżenta ħlas maqbul lil Teva inkambju tal‑obbligu tagħha li ma tikkompetix lil Servier. Dan il-ħlas kien il‑korrispettiv tan-nuqqas ta’ dħul fis-suq ta’ Teva kif previst mill‑klawżoli ta’ xiri esklużiv u ta’ nuqqas ta’ xoljiment.

178. Servier ma jipproduċi l-ebda prova li tista’ tinvalida dawn il‑kunsiderazzjonijiet, peress li ma jsostni l-ebda korrispettiv ieħor li huwa rċieva mingħand Teva inkambju ta’ dan il-pagament. F’dawn iċ‑ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali kellha raġun tqis li dan kien spjegabbli biss bl-interess kummerċjali tal-partijiet fil-ftehim li ma jikkompetux fuq il-merti. Il-fatt li dan il-ħlas ħa l-forma ta’ kumpens minħabba nuqqas ta’ provvista pagabbli biss f’każ ta’ nuqqas ta’ provvista huwa f’dan ir-rigward indifferenti.

179. Min-naħa l-oħra, Servier isostni li l-Qorti Ġenerali kklassifikat b’mod żbaljat bħala ħlas invertit il-pagament inizjali ta’ GBP 5 miljuni imħallas minn Servier lil Teva. L-għan ta’ dan il-ħlas kien sabiex jikkontribwixxi għall-ispejjeż relatati max-xoljiment minn Teva tal‑ftehimiet tagħha ma’ produttur tal-IFA u fornitur ta’ formulazzjonijiet lesti, għall-ispejjeż tal-qerda ta’ ħażniet eżistenti tal-prodott ta’ Teva u ta’ spejjeż ġudizzjarji. Barra minn hekk, għal Servier, l-ammont kien iġġustifikat bil-fatt li tiġi evitata kawża u li jiġi żgurat il-ftehim ta’ provvista ma’ Teva.

180. Dan l-argument huwa ineffettiv.

181. Fil-fatt, ma huwiex neċessarju li jiġi stabbilit jekk ħlas mill‑produttur tal-bidu lill-kumpannija ta’ ġeneriċi, li jikkorrispondi mal‑ispejjeż tal-qerda tal-prodott tagħha u l-kumpens ta’ terzi minnha, jistax jitqies li huwa ġġustifikat fil-qafas ta’ ftehim bħal dak inkwistjoni. Għar-raġunijiet diġà esposti fil-punti 156 sa 160 hawn fuq, dan huwa diġà dubjuż fih innifsu. Kif il-Kummissjoni indikat korrettament fil-premessa 1599 tad-deċiżjoni kkontestata, imsemmija fil‑punti 680 u 689 tas-sentenza appellata, dawn l-ispejjeż ma kienu jikkorrispondu mal-ebda valur tas-suq li Servier kien irċieva mingħand Teva.

182. Madankollu, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali nnotat, fil-punti 687 sa 698 tas-sentenza appellata, li Teva fi kwalunkwe każ ma kienet ikkomunikat l-ebda ċifra relatata mal-ispejjeż li allegatament kienu kkumpensaw għall-ammont inizjali ta’ GBP 5 miljuni mħallsa minn Servier lil Teva. B’hekk, il-Qorti Ġenerali qieset li anki jekk kien meħtieġ tiġi kkunsidrata evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-ispejjeż li, skont Teva, setgħu jaqgħu taħt spejjeż li għandhom jiġu kkumpensati minn Servier bis-saħħa tal-ftehim dwar soluzzjoni bonarja, inkluż il-valur tal‑istokk li kellu jinqered, dawn kienu jirrappreżentaw talinqas 40 % tal‑ammont inizjali.

183. Servier ma pproduċa, la quddiem il-Qorti Ġenerali u lanqas quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, xi prova li tista’ tikkontesta dawn il‑konstatazzjonijiet jew tiġġustifika iktar l-ammont inizjali mħallas lil Teva.

184. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ilmenti li permezz tagħhom Servier jikkritika l-klassifikazzjoni tal-ftehim Teva bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan għandhom jiġu miċħuda.

3)      Fuq il-ftehim Lupin

185. Skont Servier, il-Qorti Ġenerali wettqet ukoll żbalji meta kklassifikat il-ftehim Lupin bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. Minn naħa, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod żbaljat li l-pagament magħmul minn Servier lil Lupin għandu jiġi spjegat biss bil-volontà tal-partijiet li ma jikkompetux (i). Min-naħa l-oħra, il‑Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li l-klawżoli tal-ftehim Lupin kienu dannużi u interpretat b’mod żbaljat il-kamp ta’ applikazzjoni tal‑imsemmi ftehim (ii).

i)      Fuq il-ħlas

186. Mill-konstatazzjonijiet mhux ikkontestati tas-sentenza appellata u tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li Servier u Lupin kkonkludew żewġ ftehimiet fl-istess jum, taħt il-forma ta’ ftehim wieħed. L-ewwel wieħed kien ftehim dwar soluzzjoni bonarja li kien jinkludi klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ perindropil ġeneriku u ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni ta’ privattivi ta’ Servier minn Lupin; it-tieni kien ftehim ta’ trasferiment ta’ teknoloġija li bih Servier xtara mingħand Lupin tliet applikazzjonijiet għal privattivi ppreżentati minn din tal-aħħar. Fil-qafas ta’ dan l-aħħar ftehim, Servier ħallas lil Lupin EUR 40 miljun (83).

187. Fil-punti 805 sa 828 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet analiżi ddettaljata u speċifika tal-valur ekonomiku potenzjali ta’ dawn l-applikazzjonijiet għal privattivi fid-dawl tal-argumenti kollha tal-partijiet f’dan ir-rigward. Fi tmiem din l-analiżi, hija kkonkludiet li ma kienx possibbli jiġi identifikat xi valur ekonomiku tal-imsemmija applikazzjonijiet.

188. B’hekk, il-Qorti Ġenerali kkonstatat b’mod partikolari li Lupin ma kienx ittrasferixxa privattivi iżda sempliċi applikazzjonijiet għal privattivi u ma kien ta l-ebda garanzija li kienet ser tingħata privattiva, li kienet valida jew li l-prodotti jew l-proċessi mitluba ma jiksrux il‑privattiva (punti 805 u 818); li l-ammont imħallas kien ogħla mill‑investimenti magħmula minn kumpannija ta’ ġeneriċi oħra komparabbli għall-finijiet tal-iżvilupp tal-perindropil proprju tagħha (punt 817); li Servier ma kien ipproduċa l-ebda prova preċiża li tippermetti li jiġi stabbilit li l-akkwist tal-applikazzjonijiet ta’ privattivi ta’ Lupin għal ammont ta’ EUR 40 miljuni seta’ raġonevolment jitqies bħala investiment profitabbli jew, talinqas, ta’ natura li jista’ jagħtih dħul li jista’ jikkumpensa l-ispiża għolja tagħhom (punt 820); li r-riferiment minn Servier għal tranżazzjonijiet oħra li huma komparabbli mal-ftehim ta’ trasferiment iffirmat ma’ Lupin ma kienx rilevanti, b’mod partikolari, peress li Servier stess kien parti f’dawn it-tranżazzjonijiet li uħud minnhom fuq kollox kienu kklassifikati mill-Kummissjoni bħala ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni (punt 821), u li l-parir ta’ konsulent dwar il-proprjetà intellettwali prodott minn Servier kien f’termini ġenerali wisq u kellu biss valur probatorju limitat (punt 822).

189. Il-Qorti Ġenerali għalhekk ikkonkludiet, essenzjalment, fil‑punt 827 tas-sentenza appellata, li l-uniku korrispettiv li seta’ jispjega t-trasferiment ta’ valur ta’ EUR 40 miljun li sar minn Servier lil Lupin bis-saħħa tal-ftehim ta’ trasferiment kien l-obbligu ta’ Lupin li ma tikkompetix skont il-ftehim dwar soluzzjoni bonarja konkluż fl-istess jum.

190. Fil-qafas ta’ dan l-appell, Servier ma jipproduċi l-ebda prova li tista’ turi li din il-konklużjoni kienet ivvizzjata bi żbalji.

191. Minn naħa, Servier isostni li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx tikklassifika l-ħlas ta’ EUR 40 miljun bħala ħlas invertit, għaliex Servier wera l-interess tiegħu għall-applikazzjonijiet ta’ privattivi u ta eżempji ta’ tranżazzjonijiet konklużi f’termini simili u l-parir ta’ espert.

192. Permezz ta’ dawn l-argumenti, Servier jillimita ruħu sabiex jirrepeti l-argumenti tiegħu diġà mressqa fl-ewwel istanza mingħajr ma sostna f’hiex kienu jikkonsistu l-allegati żbalji kommessi mill-Qorti Ġenerali, li ma huwiex ammissibbli f’appell. Fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali setgħet tqis, mingħajr ma twettaq żball, fil‑punti 821 sa 823 tas-sentenza appellata, li dawn il-provi prodotti minn Servier ma kinux jippermettu li jiġi stabbilit b’mod oġġettiv xi valur ekonomiku għall-applikazzjonijiet ta’ privattivi mixtrija mill-ġdid minn Servier mingħand Lupin għal ammont ta’ EUR 40 miljun.

193. Min-naħa l-oħra, il-kritika minn Servier tad-dikjarazzjoni tal-Qorti Ġenerali esposta fil-punt 816 tas-sentenza appellata, li dan l-ammont kien jeċċedi l-profitti li Lupin setgħet tistenna mid-dħul indipendenti tagħha fis-suq matul l-ewwel sentejn jew tlieta ta’ kummerċjalizzazzjoni, huwa ineffettiv. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ma bbażatx ruħha fuq din il‑konstatazzjoni sabiex turi n-nuqqas ta’ prova ekonomika tal‑applikazzjonijiet ta’ privattivi ttrasferiti, iżda fuq il-provi kollha indikati fil-punt 188 hawn fuq. Il-paragun mal-profitti mistennija ta’ Lupin kien biss punt addizzjonali li jsostni kemm kien għoli l-ħlas magħmul minn Servier favur tagħha.

194. Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod korrett, b’mod partikolari fil-punt 827 tas-sentenza appellata, li l-ħlas magħmul minn Servier lil Lupin kien inċentiv sabiex ma tikkompetix peress li mill‑provi eżaminati kien jirriżulta li dan il-ħlas ma setax jiġi spjegat mill-valur ekonomiku tal-applikazzjonijiet għal privattivi ttrasferiti minn Lupin lil Servier.

195. Il-fatt li l-Qorti Ġenerali, f’dan il-kuntest, użat il-kunċetti ta’ tranżazzjoni konkluża (jew le) skont kundizzjonijiet normali tas-suq u ta’ ħlas li jinċentiva, minflok it-terminoloġija użata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Generics (UK) et (“bilanċ nett” ta’ trasferimenti ta’ valuri rispettivi), ma jibdel xejn mill-fatt li, essenzjalment, il-Qorti Ġenerali wettqet l-istess test bħal dak użat mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-imsemmija sentenza. Dan it-test kien jikkonsisti f’li jiġi stabbilit jekk it-trasferiment ta’ valur ta’ Servier lil Lupin kienx spjegabbli minn xi ħaġa oħra minbarra l-interess ta’ dawn il-partijiet li ma jikkompetux (84). Għalhekk, jekk tipprova tfittex differenzi, fir-rigward tal-mertu tal-imsemmi test, bejn is‑sentenza Generics (UK) et u s-sentenza appellata, abbażi ta’ dawn id‑differenzi żgħar ta’ terminoloġija, ikun formaliżmu eċċessiv u logħob bil-kliem.

196. F’dan il-każ, mill-punt 806 tas-sentenza appellata jirriżulta li l‑kunċett ta’ “tranżazzjoni konkluża skont il-kundizzjonijiet normali tas‑suq” ippermetta lill-Qorti Ġenerali tistabbilixxi, permezz tal-eżami tal-provi mqassra fil-punt 188 hawn fuq, jekk it-trasferiment ta’ valur magħmul minn Servier lil Lupin kienx jikkorrispondi ma’ xi valur ekonomiku ta’ privattivi ttrasferiti. Dan ma jfissirx li l-Kummissjoni ser tkun dejjem obbligata li titlob dan il-kunċett meta hija tistabbilixxi jekk trasferiment ta’ valur għandux korrispettiv ieħor minbarra l-obbligu li ma tikkompetix.

197. Huwa veru li, kif diġà ġie indikat fil-punt 134 hawn fuq, fis‑sentenzi tagħha Generics (UK) et u Lundbeck vs Il-Kummissjoni, il‑Qorti tal-Ġustizzja indikat li, sabiex tevalwa t-trasferimenti ta’ valuri magħmula skont ftehim dwar soluzzjoni bonarja, għandhom jiġu kkunsidrati t-trasferiment ta’ valuri kollha magħmula bejn il-partijiet, kemm jekk kienu monetarji kif ukoll jekk le. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, b’dan il-mod, għandu jiġi stabbilit jekk il-bilanċ ta’ trasferimenti ta’ valuri tal-produttur ta’ verżjonijiet tal-bidu ta’ prodotti mediċinali lill‑kumpannija ta’ ġeneriċi jistax ikun iġġustifikat bl-eżistenza ta’ eventwali korrispettivi min-naħa ta’ din il-kumpannija (85).

198. Madankollu, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex tiġi kkritikata, f’dan il-każ, li ma kkalkolatx il-bilanċ pożittiv nett tat-trasferiment magħmul minn Servier lil Lupin, wara tnaqqis tal-valur ikkalkolat tal‑applikazzjonijiet għal privattivi li ġew ittrasferiti minn Lupin lil Servier bħala korrispettiv ta’ dan it-trasferiment.

199. Fil-fatt, mill-provi meħuda inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali mqassra fil-punt 188 hawn fuq, li ma ġewx ikkontestati minn Servier, jirriżulta li l-Qorti Ġenerali kkonstatat li Servier ma kienx wera xi valur ekonomiku tal-applikazzjonijiet għal privattivi mixtrija mingħand Lupin, li seta’ jitnaqqas mill-EUR 40 miljun ittrasferiti minn Servier lil Lupin b’dan il-mod.

200. Madankollu, anki jekk kellek titlaq mill-prinċipju li tali applikazzjonijiet għal privattivi neċessarjament għandhom valur ekonomiku li għandu jiġi dedott mis-somma mħallsa minn Servier lil Lupin, dan ikun biss il-valur li jikkorrispondi mal-investimenti magħmula minn Lupin sabiex tiżviluppa t-teknoloġija koperta minnhom, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 817 tas-sentenza appellata, li l-ammont ta’ EUR 40 miljun ittrasferiti lil Lupin kien ogħla mill-investimenti magħmula minn kumpannija ta’ ġeneriċi oħra komparabbli sabiex tiżviluppa l-perindropil proprju tagħha.

201. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tiċċita l-premessa 1962 tad‑deċiżjoni kkontestata, li tirreferi għall-ispiża tal-iżvilupp tal‑perindropil ta’ Krka, li titla’ xi EUR 1 sa 4 miljuni. Għalhekk, anki jekk dan l-ammont għandu jitnaqqas mill-ammont ittrasferit minn Servier lil Lupin, kif essenzjalment, jirreferi r-raġunament tal-Qorti Ġenerali fil-punt 817 tas-sentenza appellata, il-bilanċ nett ta’ dan it-trasferiment jitla’ xorta talinqas għal EUR 36 miljuni li ma għandhom l-ebda spjegazzjoni oħra ħlief ix-xiri mill-ġdid minn Servier tat-theddida kompetittiva li kienet tirrapreżenta Lupin.

202. Din il-konstatazzjoni ma għandhiex tkun invalidata mill-fatt li l‑punti 59 sa 61 tas-sentenza appellata jirreferu għal ftehimiet ta’ akkwist ta’ teknoloġiji li jirrigwardaw, b’mod partikolari, ix-xiri ta’ applikazzjoni għal privattiva u tal-għarfien korrispondenti minn Servier għal ammont ta’ madwar EUR 13-il miljun. Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe indikazzjoni dwar il-valur tal-applikazzjonijiet għal privattivi kkonċernati mill-ftehim Lupin, ma għandux jitqies li huma kellhom neċessarjament ukoll valur ta’ dan id-daqs. Bl-istess mod, l‑ammont ta’ USD 50 miljun imsemmi fil-punt 61 tas-sentenza appellata jirrigwarda biss protokoll ta’ ftehim ta’ akkwist ta’ teknoloġija li qatt ma ġie konkluż, b’tali mod li ma għandux iservi b’mod ġenerali bħala indikazzjoni sabiex jiġi evalwat il-valur tal-applikazzjonijiet għal privattivi. Fid-dawl tal-elementi mqassra fil-punt 188 hawn fuq, u tal‑prinċipji li jirregolaw l-oneru tal-prova (86), il-Qorti Ġenerali setgħet għalhekk tqis, mingħajr ma twettaq żball f’dan ir-rigward, li ma kienx stabbilit li l-bilanċ nett tal-ammont ttrasferit minn Servier lil Lupin, anki jekk jitnaqqas il-valur ikkalkolat tal-ispiża tal-iżvilupp tat‑teknoloġija koperta mill-privattivi ta’ Lupin, kien iġġustifikat minn korrispettivi oħra min-naħa ta’ Lupin apparti mill-obbligu tagħha li ma tikkompetix.

203. Minn dan isegwi li l-ilment ibbażat fuq in-natura żbaljata tal‑evalwazzjoni tal-ħlas fil-qafas tal-ftehim Lupin għandu jiġi miċħud.

ii)    Fuq il-klawżoli tal-ftehim Lupin

204. Fl-ewwel lok, Servier isostni li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx tikklassifika bħala antikompetittiva l-klawżola tal-ftehim Lupin li tistipula n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-privattivi ta’ Servier minn Lupin, peress li din il-klawżola ma kinitx tipprekludi t-tkomplija tal‑kontestazzjoni tal-privattiva 947 quddiem l-UEP minn partijiet oħra. Dan l-argument għandu jiġi miċħud, mutatis mutandis, għall-istess raġunijiet bħal dawk diġà esposti fil-punti 171 u 172 hawn fuq.

205. Fit-tieni lok, Servier isostni li l-Qorti Ġenerali lanqas ma setgħet tqis li l-klawżola ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti ta’ Lupin kienet antikompetittiva, peress li kienet tawtorizza, kif irrikonoxxiet ukoll il-Qorti Ġenerali stess, taħt ċerti kundizzjonijiet dħul antiċipat ta’ Lupin fis-suq.

206. Permezz ta’ dan l-argument, Servier jipprova jikkontesta l‑evalwazzjoni tal-fatti mill-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni minnha tal-klawżoli tal-ftehim Lupin (87). Madankollu, anki jekk l-argument inkwistjoni jista’ jinftiehem bħala li jkopri l-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti mill-Qorti Ġenerali, dan ma għandux jintlaqa’.

207. Permezz ta’ l-allegazzjonijiet tiegħu, Servier jidher li jrid juri li l‑Qorti Ġenerali wettqet żball billi ma rrikonoxxietx li l-effetti favur il-kompetizzjoni li seħħew mill-klawżoli tal-ftehim Lupin, li hija stess ikkonstatat, kienu jikkontestaw il-klassifikazzjoni tal-imsemmi ftehim bħala li jillimita l-kompetizzjoni minħabba l-għan tiegħu.

208. Fil-punti 830 sa 857 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset, fi tmiem ta’ analiżi ddettaljata tal-klawżoli tal-ftehim Lupin, li, anki jekk l-imsemmi ftehim seta’ jiġi interpretat bħala li jippermetti dħul fis-suq ta’ Lupin, bil-prodotti tagħha stess, antiċipat meta mqabbel mat-tul prevedibbli tal-validità tal-privattiva 947, in-natura ipotetika tal‑avvenimenti li setgħu jippermettu tali dħul antiċipat jipprekludu li jiġi konkluż li l-effett restrittiv tal-klawżola ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni ikun newtralizzat (punti 849 sa 851 u 856). Id‑dħul antiċipat ta’ Lupin (jekk jiġi preżunt li huwa permissibbli bil‑ftehim f’ċerti ċirkustanzi) kien jiddependi, fi kwalunkwe każ, mit‑tqegħid fis-suq minn terz ta’ prodott ġeneriku, jiġifieri minn ċirkustanza li hija estranea għall-partijiet għall-kuntratt kif ukoll inċerta (punt 587). Servier ma jikkontestax l-elementi fattwali li fuqhom il-Qorti Ġenerali bbażat dawn il-konstatazzjonijiet, li ma juru l-ebda żnaturament.

209. L-ilment ta’ Servier ibbażat fuq allegat żnaturament tal-korrispondenza bejn Servier u Lupin dwar id-dħul ta’ Sandoz fis-suq (punti 852 sa 854 tas-sentenza appellata) għandu jiġi miċħud. Minn qari tal-estratt ta’ din il-korrispondenza li tinsab fil-punt 853 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma żnaturat dan id‑dokument meta kkonstatat li kien jiżvela l-inċertezzi ta’ Lupin dwar il-possibbiltà tagħha li tidħol b’mod antiċipat fis-suq Franċiż mingħajr ma tikser il-ftehim. Barra minn hekk, mis-sunt li jinsab fil-punt preċedenti jirriżulta li dan l-ilment huwa ineffettiv. Il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, anki jekk l-klawżoli tal-ftehim jippermettu dħul antiċipat, iċ-ċirkustanzi li jagħmlu possibbli tali dħul kienu ipotetiċi u indipendenti mill-volontà tal-partijiet.

210. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball meta kkonstatat li l-klawżola ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni ma kinitx tali li tikkontesta l-klassifikazzjoni tal-ftehim Lupin bħala li jillimita l-kompetizzjoni minħabba l-għan. Kif indikat fil-punt 126 hawn fuq, hija biss il-preżenza ta’ effetti favur il-kompetizzjoni li seħħew huma tali li raġonevolment jagħtu lok għal dubju dwar in-natura suffiċjentament dannuża fir-rigward tal-kompetizzjoni ta’ ftehim li tista’ tikkontesta tali klassifikazzjoni. Il-Qorti Ġenerali fil-punt 857 tas‑sentenza appellata kkonstatat, fid-dawl tal-elementi mqassra fil‑punt 208 hawn fuq, li dħul antiċipat ta’ Lupin fis-suq (jekk jiġi preżunt li huwa permissibbli mill-klawżoli tal-ftehim) kien jirriżulta mhux minn għażla ċara tal-partijiet iżda minn ċirkustanzi ipotetiċi u inċerti. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali kkonstatat korrettament li l-partijiet ma setgħux jużawh sabiex jistabbilixxu n-nuqqas ta’ natura restrittiva tal‑kompetizzjoni tal-ftehim.

211. L-argument ta’ Servier li l-Qorti Ġenerali kellha tanalizza l‑probabbiltà li biha x-xenarji differenti setgħu jipproduċu ma hijiex ta’ natura li tinvalida din il-konstatazzjoni. Kif diġà ġie indikat fil-punti 139 sa 141 u 171 hawn fuq, fil-qafas tal-evalwazzjoni tan-natura restrittiva ta’ kompetizzjoni ta’ ftehim bħall-ftehim Lupin, il-Kummissjoni ma għandhiex tanalizza x-xenarji futuri probabbli f’termini ta’ dritt tal‑privattivi.

212. Fit-tielet lok, Servier ma għandux lanqas juża la l-allegata natura favur il-kompetizzjoni tal-obbligu tiegħu li jipprovdi prodotti lil Lupin, u lanqas l-allegata natura favur il-kompetizzjoni ta’ liċenzji allegatament mogħtija b’xejn lil Lupin fuq il-privattivi l-oħra tiegħu, sabiex isostni allegati żbalji tal-Qorti Ġenerali waqt il-klassifikazzjoni tal-klawżoli tal‑ftehim Lupin. Fil-qafas ta’ din il-proċedura ta’ appell, Servier jillimita ruħu sabiex jikkontesta l-konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali f’dan ir‑rigward, esposti fil-punti 858 sa 863 tas-sentenza appellata, mingħajr ma ressaq xi prova li tista’ tikkontesta l-fondatezza tagħhom. F’dawn iċ‑ċirkustanzi, Servier ma jikkontestax b’mod validu l-konklużjoni tal‑Qorti Ġenerali li, kemm il-possibbiltà ta’ provvista kif ukoll il‑possibbiltà ta’ trasferiment ta’ liċenzji fuq privattivi oħra (jekk dan ikun preżunt mill-klawżoli tal-ftehim) kienu jiddependu kemm mill‑preżenza ta’ kundizzjonijiet futuri ipotetiċi kif ukoll mill-elementi mqassra fil-punt 208 hawn fuq.

213. Finalment, fir-raba’ u l-aħħar lok, l-argument ta’ Servier li l-Qorti Ġenerali wettqet żball fl-evalwazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim Lupin lanqas ma għandu jintlaqa’. Fil-fatt, ma huwiex determinanti li jiġi stabbilit jekk il-Qorti Ġenerali kkonstatatx b’mod korrett, fil-punti 870 sa 877 tas-sentenza appellata, li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim Lupin kien imur lil hinn mill-kamp tal‑privattiva 947, fatt li Servier jikkontesta. Kif il-Qorti Ġenerali kkonstatat, essenzjalment, fil-punt 878 tas-sentenza appellata, anki jekk il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi ftehim ma kienx jeċċedi dak tal‑imsemmija privattiva, dan ma kienx ineħħi n-natura antikompetittiva tal-ftehim. Fil-fatt, għalkemm il-konklużjoni mill-proprjetarju ta’ privattiva ta’ ftehim dwar soluzzjoni bonarja mal-awtur tal-ksur allegat ma jeċċedix il-portata u t-tul ta’ validità rimanenti tal-privattiva tikkostitwixxi ċertament l-espressjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali tal-proprjetarju tagħha u tawtorizzah, b’mod partikolari, jikkontesta kwalunkwe ksur, xorta jibqa’ l-fatt li l-imsemmija privattiva ma tawtorizzax lill-proprjetarju tagħha jikkonkludi kuntratti li jiksru l‑Artikolu 101 TFUE(88).

214. Minn dan isegwi li l-ebda wieħed mill-argumenti ta’ Servier li jikkontestaw il-klassifikazzjoni tal-ftehim Lupin bħala li jillimita l‑kompetizzjoni minħabba l-għan ma għandu jiġi aċċettat.

d)      Konklużjoni

215. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-argument ta’ Servier li jikkontesta l-klassifikazzjoni tal-ftehimiet ikkontestati bħala restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

4.      Fuq id-data ta’ tmiem tal-ksur ikkostitwita mill-ftehim Lupin (ittielet parti tal-ħames aggravju)

216. Servier isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji meta stabbilixxiet id-data ta’ tmiem tal-ksur ikkostitwit mill-ftehim Lupin f’uħud mill-Istati Membri.

217. Fil-premessa 3136 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni spjegat li, f’dan il-każ, it-tmiem tal-ksur kien stabbilit mid-data li fiha l‑kumpanniji ta’ ġeneriċi partijiet fil-ftehimiet ikkontestati setgħu jadottaw aġir kompetittiv fis-swieq differenti kkonċernati.

218. Mill-premessa 2127 u mit-tabella riprodotta fil-premessa 3134 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni kkonstatat li l-ksur ikkostitwit mill-ftehim Lupin għas-swieq tal-Unjoni ma kienx stabbilit għall-perijodu li jibda mill-konklużjoni tal-imsemmi ftehim fit-30 ta’ Jannar 2007 (89) sas-6 ta’ Mejju 2009, data tal-annullament tal‑privattiva 947 mill-UEP. Madankollu, il-Kummissjoni qieset li l‑ksur kien spiċċa iktar qabel f’ċerti pajjiżi, b’mod partikolari, f’dak li jirrigwarda l-argument ta’ Servier fil-qafas ta’ dan l-aggravju (90), fi Franza, fis-16 ta’ Settembru 2008, data tad-dħul fis-suq ta’ Sandoz (91).

219. Kif jirriżulta mill-premessa 410 tad-deċiżjoni kkontestata, Sandoz daħlet ukoll fis-suq ta’ Stati Membri oħra qabel is-6 ta’ Mejju 2009, jiġifieri, f’dak li jirrigwarda l-argument ta’ Servier fil-qafas ta’ dan l‑aggravju (92), fl-Irlanda f’Ġunju 2008, fil-Belġju f’Lulju 2008, fl‑Ungerija f’Diċembru 2008 u fir-Repubblika Ċeka f’Jannar 2009.

220. Għalhekk, kif jirriżulta mill-punt 891 tas-sentenza appellata, quddiem il-Qorti Ġenerali, Servier sostna li l-Kummissjoni kellha tikkonkludi li l-ksur ikkostitwit mill-ftehim Lupin kien intemm ukoll fl‑Irlanda, fil-Belġju, fl-Ungerija u fir-Repubblika Ċeka fil-mument li fih Sandoz daħlet fis-swieq ta’ dawn l-Istati Membri. Madankollu, dan l‑argument ġie miċħud mill-Qorti Ġenerali.

221. F’dan il-każ, Servier isostni li, b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali wettqet żbalji. Din issostitwixxiet il-motivazzjoni proprja tagħha, kontradittorja fuq kollox, għar-raġunament tal-Kummissjoni, filwaqt li ma spjegat bl-ebda mod ir-raġunijiet li għalihom din l-istituzzjoni kellha raġun sabiex tuża d-data ta’ dħul ta’ Sandoz fis-suq bħala t-tmiem tal‑ksur fi Franza, iżda mhux fl-Irlanda, fil-Belġju, fl-Ungerija u fir-Repubblika Ċeka.

222. Il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 892 et seq. tas-sentenza appellata, li kellu jiġi stabbilit jekk il-Kummissjoni kinitx ikkonkludiet b’mod żbaljat li l-ksur kompla lil hin mid-data ta’ dħul ta’ Sandoz fl-Istati Membri kkonċernati. F’dan ir-rigward, hija kkonstatat li l-prodott ġeneriku ta’ Sandoz ma kien jinkludi l-ebda kristalli alpha protetti mill‑privattiva 947. Hija kompliet li minn qari flimkien tal-Artikoli 1.6 u 4.1(c) tal-ftehim Lupin (93) jirriżulta li dan kien jippermetti dħul fis-suq ta’ Lupin bil-prodotti proprji tiegħu meta prodott ġeneriku ikun daħal fis‑suq mingħajr ma jkun iffaċċjat minn ordni provviżorja min-naħa ta’ Servier.

223. Madankollu, il-Qorti Ġenerali qieset li kien hemm inċertezza dwar il-kwistjoni jekk din l-interpretazzjoni tal-ftehim kinitx korretta u jekk il-klawżola ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni li kienet tinsab fih kinitx tippermetti lil Lupin tidħol fis-suq f’każ ta’ dħul fis-suq ta’ prodott bħal dak ta’ Sandoz. Il-Qorti Ġenerali għalhekk ikkonkludiet li, minħabba din l-inċertezza, Lupin setgħet temmen li din il-klawżola kienet timpediha milli qatt tidħol fis-suq f’tali każ, speċjalment li Servier seta’ dejjem jintroduċi talba għal ordni provviżorja, anki kontra prodott li ma jiksirx il-privattiva.

224. Skont il-Qorti Ġenerali, dawn l-inċertezzi ta’ Lupin dwar il‑possibbiltà tagħha li tidħol fis-suq wara d-dħul ta’ Sandoz kienu kkonfermati, f’dak li jirrigwarda s-suq Franċiż, minn skambju ta’ posta elettronika bejn Lupin u Servier imsemmija fil-punt 853 tas-sentenza appellata (94). Minn din il-korrispondenza jirriżulta li l-applikazzjoni li Lupin kienet qed tkompli tagħmel tal-klawżola ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni fis-suq Franċiż jidher li ntemmet, l-iktar kmieni, fil-bidu ta’ April 2009.

225. Il-Qorti Ġenerali minn dan ikkonkludiet, a fortiori, li Servier ma kien ipproduċa l-ebda prova li tippermetti li jiġi stabbilit li, qabel is-6 ta’ Mejju 2009, Servier u Lupin kienu jqisu li l-klawżola ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni ma kinitx għadha fis-seħħ fl-erba’ swieq l-oħra li fihom kienet daħlet Sandoz. Skont il-Qorti Ġenerali, il-fatt li din il‑klawżola kienet għalhekk baqgħet fis-seħħ minħabba inċertezzi marbuta mal-ambigwità tal-ftehim kien biżżejjed sabiex jippermetti lill‑Kummissjoni tikkonstata li l-ftehim ta’ intenzjonijiet bejn Servier u Lupin u għalhekk il-ksur kien kompla minkejja d-dħul fis-suq ta’ Sandoz fuq dawn l-erbat’iswieq.

226. Kif korrettament isostni Servier, ir-raġuni li għaliha kienu l‑ambigwità u l-inċertezzi dwar l-applikazzjoni tal-ftehim wara d-dħul ta’ Sandoz fis-swieq ikkonċernati li kienu jippermettu li jitqies li l‑ksur kien kompla fihom lil hinn minn dan id-dħul ma tidhirx fid‑deċiżjoni. Il-Qorti Ġenerali għalhekk effettivament issostitwixxiet il‑motivazzjoni tagħha stess b’dik tal-Kummissjoni, li jikkostitwixxi żball ta’ liġi (95).

227. Fuq kollox, kif jindika wkoll korrettament Servier, din ir-raġuni, ibbażata mill-Qorti Ġenerali b’mod partikolari fuq korrispondenza bejn Servier u Lupin relatata mas-suq Franċiż (ara l-punt 224 hawn fuq), tikkontradixxi d-dikjarazzjoni esposta fil-premessa 2127 tad-deċiżjoni kkontestata li l-ksur ikkostitwit mill-ftehim Lupin intemm fis-suq Franċiż wara d-dħul ta’ Sandoz f’dan is-suq (96).

228. Minn dan isegwi li mhux biss il-Qorti Ġenerali ssostitwixxiet il‑motivazzjoni tagħha stess b’dik tad-deċiżjoni kkontestata iżda, barra minn hekk, din il-motivazzjoni hija kontradittorja u ma tippermettix li jinftehmu r-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni użat, f’din id‑deċiżjoni, id-data tad-dħul fis-suq ta’ Sandoz bħala tmiem tal-ksur fi Franza iżda mhux fl-Irlanda, fil-Belġju, fl-Ungerija u lanqas fir‑Repubblika Ċeka. Għalhekk huwa impossibbli li tiġi vverifikata l‑fondatezza tal-kunsiderazzjonijiet fuq dan il-punt, u dan jivvizzja s‑sentenza appellata minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni addizzjonali (97).

229. Għalhekk, it-tielet parti tal-ħames aggravju hija fondata u twassal, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 61(1) tal-Istatut tal-Qorti tal‑Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, għall-annullament parzjali tas-sentenza appellata minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni sa fejn ċaħdet it‑talba ta’ Servier li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata f’dak li hija tqis bħala d-data ta’ tmiem tal-ksur ikkostitwit mill-ftehim Lupin għall‑Irlanda, il-Belġju, l-Ungerija u r-Repubblika Ċeka, bħala s-6 ta’ Mejju 2009.

230. Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 61(1) ta’ dan l-Istatut, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’dawn iċ-ċirkustanzi, tiddeċiedi definittivament il‑kawża hija stess, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża. Dan huwa l-każ f’dan il-każ peress li mill-eżami tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li din hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni dwar il-kwistjoni għal-liema raġuni l-Kummissjoni użat id-data ta’ dħul fis-suq ta’ Sandzo bħala t-tmiem tal-ksur ikkostitwit mill-ftehim Lupin fi Franza, iżda mhux fl-erba’ pajjiżi l-oħra li fihom Sandoz daħlet fis-suq qabel is-6 ta’ Mejju 2009.

231. Barra minn hekk, la d-deċiżjoni kkontestata u lanqas l‑ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha u waqt is-seduta ta’ din il-proċedura ta’ appell ma jippermettu li jiġi ċċarat dan il-punt.

232. Il-Kummissjoni tirreferi għall-premessa 1039 tad-deċiżjoni kkontestata, li tistipula li l-Artikolu 4.1(c) tal-ftehim Lupin għandu jiġi interpretat fis-sens li Lupin kienet awtorizzata tikkummerċjalizza l‑perindropil proprju tagħha f’każ speċifiku, b’mod partikolari, jekk u meta terz indipendenti ikun ibiegħ il-perindropil u Servier ma jkun ressaq l-ebda talba għal ordni provviżorja sabiex jimpedih milli jagħmel dan.

233. Il-Kummissjoni tindika, mingħajr ma tispjega r-raġunijiet għaliha, li, fid-dawl ta’ din l-interpretazzjoni, il-klawżola ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni kienet kompliet tapplika anki wara d-dħul ta’ Sandoz fis-suq fl-Irlanda, fil-Belġju, fl-Ungerija u fir-Repubblika Ċeka, iżda mhux fi Franza. Fuq dan l-aħħar punt, il-Kummissjoni tirreferi għall‑premessa 2327 tad-deċiżjoni kkontestata, li tinnota li, fi Franza, Servier ma setax iwaqqaf id-dħul ta’ Sandoz abbażi tal-privattiva 947 peress li l-prodott ta’ Sandoz ma setax jikser din il-privattiva.

234. Madankollu, abbażi ta’ din l-indikazzjoni, baqa’ impossibbli li jinftiehmu x’kienu r-raġunijiet li għalihom Servier seta’ jwaqqaf, billi jibbaża ruħu fuq din il-privattiva, id-dħul ta’ Sandoz fl-erba’ Stati Membri oħra kkonċernati, minkejja li l-prodott li bih Sandoz kien daħal fis-swieq kien viżibbilment l-istess bħal dak ikkummerċjalizzat fi Franza. Fis-seduta, il-Kummissjoni reġgħet tat l-ispjegazzjoni li d-differenza kienet tinsab fil-fatt li, fi Franza, id-dħul ta’ Sandoz fetaħ is-suq għall‑kompetizzjoni, filwaqt li dan ma kienx il-każ fil-pajjiżi l-oħra. Din l-ispjegazzjoni ma kinitx sostnuta la fid-deċiżjoni kkontestata, la fl‑osservazzjonijiet tal-Kummissjoni, u lanqas waqt is-seduta.

235. Minn dan isegwi li d-deċiżjoni kkontestata għandha tkun parzjalment annullata inkwantu fiha nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tad-dati ta’ tmiem użati għall-ksur ikkostitwit mill-ftehim Lupin f’dak li jirrigwarda l-Irlanda, il-Belġju, l-Ungerija u r-Repubblika Ċeka.

236. Il-konsegwenzi ta’ dan l-annullament parzjali fuq l-ammont tal‑multa imposta fuq Servier minħabba l-ftehim Lupin huma stabbiliti fil-punti 282 et seq. iktar ’il quddiem, fil-parti ta’ dawn il-konklużjonijiet iddedikati għall-multi.

5.      Fuq il-klassifikazzjoni tal-ftehim Niche, minn naħa, u tal-ftehim Matrix, min-naħa l-oħra, bħala ksur distinti (is-sitt aggravju)

237. Fil-qafas tas-sitt aggravju tiegħu, Servier isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonfermat, fil-punti 1293 et seq. tas‑sentenza appellata, il-klassifikazzjoni tal-ftehimiet konklużi minn Servier ma’ Niche/Unichem, minn naħa, u Matrix, min-naħa l‑oħra, bħala ksur distinti. Skont Servier, il-Qorti Ġenerali kellha tirrikonoxxi li dawn il-ftehimiet kienu jikkostitwixxu ksur uniku tal‑Artikolu 101 TFUE.

238. Mill-ġurisprudenza jirriżulta li ksur tal-Artikolu 101 TFUE jista’ jirriżulta mhux biss minn att iżolat, iżda wkoll minn serje ta’ atti jekk dawn jaqgħu fi pjan globali minħabba l-għan identiku tagħhom li joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni u jsegwu għan ekonomiku wieħed (98). Il‑kundizzjoni relatata mal-kunċett ta’ għan uniku timplika li għandu jiġi vverifikat jekk jeżistux elementi li jikkaratterizzaw l-aġir differenti li jagħmlu parti mill-ksur li jistgħu jindikaw li l-aġir implimentati minn impriżi oħra ma għandhomx l-istess għan jew l-istess effetti antikompetittivi u konsegwentement ma jaqgħux taħt “pjan globali” minħabba l-għan identiku tagħhom ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern (99).

239. Għandu jiġi spjegat li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil‑punt preċedenti, il-kwistjoni dwar jekk aġir differenti antikompetittiv għandux jiġi kklassifikat bħala ksur distint jew ksur uniku hija kwistjoni ta’ dritt marbuta mal-klassifikazzjoni legali tal-elementi li jikkostitwixxu l-ksur, li l-qrati tal-Unjoni jiżguraw l-osservanza tiegħu (100). Kif irrikonoxxiet il-Qorti Ġenerali fil-punti 1256 et seq. tas-sentenza appellata, il-partijiet ikkonċernati għandhom għalhekk ikunu jistgħu jikkontestaw din il-klassifikazzjoni. Dan huwa iktar u iktar importanti peress li tali kontestazzjoni jista’ jkollha effett fuq l-eżerċizzju mill‑Kummissjoni tas-setgħa diskrezzjonali tagħha meta tkun qed tistabbilixxi l-multi.

240. Bl-istess mod, kif spjegat, essenzjalment, mill-Avukat Ġenerali Pitruzzella, ma huwiex possibbli li jiġi stabbilit b’mod astratt jekk il-fatt li diversi aġir jiġi kklassifikat bħala ksur separat huwiex iktar favorevoli għall-impriżi kkonċernati mill-klassifikazzjoni ta’ ksur uniku, peress li dan jiddependi minn ċirkustanzi ta’ kull każ konkret. Għaldaqstant, il‑Kummissjoni ma tistax, b’mod diskrezzjonali u għal raġunijiet ta’ opportunità, tagħżel liberament li tikklassifika aġir bħala ksur distint minflok ksur uniku jew viċe versa. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni għandha turi, taħt l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni, li l-kriterji stabbiliti sabiex aġir jiġi kklassifikat b’mod jew ieħor huma ssodisfatti (101).

241. Wara dan, madankollu għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, il‑provi mressqa minn Servier ma jurux li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kkonfermat il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li l-ftehimiet Niche u Matrix ma kinux jikkostitwixxu ksur uniku, iżda pjuttost żewġ ksur distinti tal-Artikolu 101 TFUE.

242. Skont Servier, dawn il-ftehimiet, li ġew iffirmati fl-istess jum mill‑istess rappreżentant għal Niche u Matrix u li kienu intiżi sabiex jipprekludu d-dħul fis-suq tal-prodott żviluppat b’mod konġunt minn dawn tal-aħħar kellhom għan identiku, kienu kumplimentari u kienu jiġġeneraw koordinazzjoni bejn l-aġir ta’ Niche u Matrix fil-konfront ta’ Servier.

243. Fil-punti 1296 et seq. tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li ċertament ma kienx hemm dubju li Servier ried jilħaq għan identiku bil-ftehimiet Niche u Matrix, jiġifieri li jirregola b’mod definittiv il-kawża pendenti u jevita kull kawża fil-futur dwar il-prodott ta’ Niche/Matrix kif ukoll sabiex jelimina dan il-prodott bħala sors ta’ kompetizzjoni potenzjali permezz ta’ ħlas. Madankollu, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li dan il-fatt ma kienx jippermettilha li waħidha tistabbilixxi li kien hemm ukoll pjan komuni bejn Niche u Matrix meta ffirmaw il‑ftehimiet rispettivi tagħhom ma’ Servier. Sabiex diversi ksur jiġu kklassifikati bħala ksur uniku, dan il-ksur kollu għandu jkollu l-istess għan globali (102).

244. Wara li eżaminat il-kontenut tal-ftehimiet Niche u Matrix u ċ‑ċirkustanzi li wasslu għall-firma tagħhom, il-Qorti Ġenerali waslet għall-konstatazzjoni li dawn l-elementi lanqas ma kienu juru li Niche u Matrix kellhom pjan komuni x’jilħqu b’dawn il-ftehimiet.

245. Il-provi mressqa minn Servier f’din il-proċedura ta’ appell ma jistgħux juru li din il-konstatazzjoni hija vvizzjata bi żbalji.

246. Servier isostni li, waqt l-analiżi tiegħu dwar jekk kienx jeżisti pjan komuni bejn Niche u Matrix, il-Qorti Ġenerali tat piż żejjed lill-intenzjoni suġġettiva ta’ dawn il-kumpanniji, filwaqt li l-klassifikazzjoni ta’ ksur uniku tista’ tistrieħ biss fuq kriterji oġġettivi.

247. F’dan ir-rigward, Servier jirreferi għall-punt 246 tas-sentenza fil‑kawża Siemens vs Il-Kummissjoni (103), li fiha l-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-klassifikazzjoni ta’ numru ta’ ftehimiet bħala ksur uniku ma tistax tiddependi mill-eżistenza ta’ intenzjoni suġġettiva tal-partijiet li jipparteċipaw f’tali ksur uniku, iżda għandu jkun ibbażat fuq kriterji oġġettivi, fosthom l-għan komuni tal-imsemmija ftehimiet. Issa, kuntrarjament għal dak li jsostni Servier, l-eżami tal-eżistenza ta’ tali għan komuni jinkludi wkoll dimensjoni suġġettiva relatata mal‑intenzjoni u mal-motivazzjoni tal-partijiet, li tikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk il-partijiet kellhomx intenzjoni jikkontribwixxu, permezz tal‑konklużjoni tal-ftehimiet inkwistjoni, għat-twettiq ta’ għan ekonomiku komuni.

248. Fi kliem ieħor, sabiex jiġi kkonstatat ksur uniku, ċertament għandu jiġi stabbilit biss li l-partijiet differenti li pparteċipaw f’dan il-ksur kellhom l-intenzjoni li jipparteċipaw f’aġir antikompetittiv komuni. Madankollu, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 238 hawn fuq jirriżulta li għandu jiġi stabbilit li dawn il-partijiet kellhom l-intenzjoni li jikkontribwixxu, permezz ta’ din il-parteċipazzjoni, b’għan komuni u għat-twettiq ta’ riżultat ekonomiku wieħed. Il-prova ta’ tali intenzjoni tista’ tkun ibbażata, minn naħa tagħha, fuq kwalunkwe prova li tista’ turi li l-aġir ikkonċernat, f’dan il-każ il-ftehimiet Niche u Matrix, kellhom bħala raġuni l-volontà li jimplimentaw tali għan komuni u tali riżultat ekonomiku wieħed.

249. B’hekk, pereżempju, fil-kawża relatata mal-kmamar tal-banju invokata minn Servier, il-Qorti Ġenerali fil-fatt ikkonstatat l-eżistenza ta’ ksur wieħed minkejja l-implikazzjoni ta’ sotto-gruppi ta’ prodotti kumplimentari differenti għall-produzzjoni ta’ kamra tal-banju. Il-Qorti Ġenerali setgħet preċiżament tasal għal din il-konstatazzjoni fl‑imsemmija kawża peress li l-prattiki inkwistjoni kienu jsegwu l-pjan ġenerali u l-għan uniku li jikkoordinaw, fil-qafas tal-istess sistema ta’ distribuzzjoni, iż-żidiet fil-prezzijiet li l-partijiet fl-akkordju kienu jiffatturaw lill-grossisti li kienu l-klijenti komuni tagħhom (104).

250. F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kkonstatat preċiżament, filwaqt li bbażat ruħha fuq elementi mhux ikkontestati minn Servier, li l-kontenut tal-ftehimiet Niche u Matrix kif ukoll iċ-ċirkustanzi li wasslu għall‑konklużjoni tagħhom ma kinux juru li, b’dawn il-ftehimiet, Niche u Matrix kellhom l-intenzjoni li jimplimentaw tali għan komuni u tali riżultat ekonomiku wieħed. Barra minn hekk, Servier lanqas juri x’setgħu kienu tali għan u tali riżultat. Kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali, ċertament ma hemmx dubju li, qabel il-konklużjoni tal-ftehimiet rispettivi tagħhom ma’ Servier, Niche u Matrix kellhom l-għan komuni li jpoġġu fis-suq il‑perindropil ġeneriku mmanifatturat minn Matrix u kkummerċjalizzat minn Niche.

251. Madankollu, ma jidhirx possibbli li jiġi stabbilit eventwali għan komuni li dawn il-kumpanniji seta’ kellhom, sussegwentement, permezz tal-iffirmar tal-ftehimiet rispettivi tagħhom ma’ Servier. Kif indikat mill‑Qorti Ġenerali, elementi differenti mhux ikkontestati tal-proċess juru li Matrix, li ġiet informata bin-negozjati pendenti bejn Servier u Niche jumejn biss qabel l-iffirmar tal-ftehim tagħha stess ma’ Servier, iktar minn issegwi xi pjan komuni ma’ Niche, ħadet l-opportunità offruta minn Servier. Dan huwa kkonfermat mill-fatt li l-parteċipazzjoni ta’ Matrix fin-negozjati ma’ Servier prinċiparjament kienet tirrigwarda l‑ammont tat-trasferiment tal-valur.

252. Barra minn hekk, lanqas huwa possibbli li jinftehmu r-raġunijiet li għalihom l-abbandun tal-proġett komuni tagħhom ta’ żvilupp u ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ perindropil ġeneriku seta’ minn naħa tiegħu jikkostitwixxi “proġett komuni” ġdid għal Niche u Matrix, peress li tali abbandun ma jistax ikun proġett jew għan fih innifsu. Għalhekk jidher li aktarx Niche u Matrix kull wieħed ħadu l-opportunità offruta minn Servier li jirċievu trasferiment ta’ valur sinjifikattiv biżżejjed sabiex ikun kummerċjalment iktar vantaġġjuż mit-tkomplija tal-proġett tagħhom stess li jidħlu fis-suq (105).

253. Għalhekk, l-argument ta’ Servier li l-ftehimiet Niche u Matrix kellhom l-għan komuni li jirregolaw il-kawża ma’ Servier u jevitaw kawża futura ma’ dan tal-aħħar dwar il-prodott tagħhom ma jippermettix lanqas li jiġi konkluż li dawn il-ftehimiet kienu jikkostitwixxu ksur uniku tal-Artikolu 101 TFUE. B’hekk, anki jekk kull wieħed minn dawn il‑ftehimiet kellu effettivament dan l-għan b’mod separat, ma jidhirx x’kien l-għan komuni tagħhom f’dan ir-rigward. Kif għadu kemm ġie spjegat, is-sempliċi fatt li l-kawża ma’ Servier kienet tirrigwarda l‑prodott żviluppat b’mod konġunt minn Niche u Matrix ma jippermettix li jiġi stabbilit tali għan komuni.

254. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li s-sitt aggravju għandu jiġi miċħud.

B.      Fuq il-multi

255. F’dak li jirrigwarda l-multi imposti fuq Servier għall-konklużjoni tal-ftehimiet ikkontestati, għandhom jiġu eżaminati, minn naħa, l‑iżbalji ta’ liġi invokati minn Servier fil-qafas tas-seba’ aggravju tiegħu (1). Min-naħa l-oħra, għandhom jiġu stabbiliti l-konsegwenzi li tintlaqa’ t-tielet parti tal-ħames aggravju relatat mad-dati ta’ tmiem tal-ksur ikkostitwit mill-ftehim Lupin għall-kalkolu mill-ġdid tal-multa imposta fuq Servier minħabba dan (2).

1.      Fuq l-iżbalji ta’ liġi relatati mal-multi invokati minn Servier (isseba’ aggravju)

256. Fil-qafas tas-seba’ aggravju tiegħu, Servier isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji, minn naħa, għaliex ma annullatx il‑multa stabbilita mill-Kummissjoni fir-rigward tal-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege. Minn naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-prinċipju ta’ proporzjonalità u naqset milli tikkritika l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-gravità tal-ksur.

257. Qabel ma nittratta dan l-argument, għandu jitfakkar li l-eżerċizzju mill-Qorti Ġenerali tal-kompetenza ta’ ġurisdizzjoni sħiħa li jagħtiha l‑Artikolu 261 TFUE huwa mistħarreġ biss mill-Qorti tal-Ġustizzja fir‑rigward ta’ żbalji manifesti (106). Dawn l-iżbalji jistgħu jseħħu, fl-ewwel lok, sa fejn il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-portata tas‑setgħat tagħha (107), fit-tieni lok, meta ma tkunx ħadet inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-provi kollha rilevanti (108) u, fit-tielet lok, meta tkun applikat kriterji legali żbaljati (109), b’mod partikolari fir‑rigward tal‑prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament (110) u ta’ proporzjonalità (111).

258. Minn dan isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja, meta tiddeċiedi dwar kwistjonijiet ta’ liġi fil-kuntest ta’ appell, ma tistax tissostitwixxi bl‑evalwazzjoni tagħha, għal raġunijiet ta’ ekwità, l-evalwazzjoni tal‑Qorti Ġenerali billi tiddeċiedi, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, fuq l-ammont tal-multi imposti fuq impriżi. Għalhekk, huwa biss sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-livell tas-sanzjoni huwa mhux biss mhux xieraq, iżda wkoll eċċessiv, tant li huwa sproporzjonat, li jkun hemm lok li jiġi kkonstatat żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali (112).

a)      Fuq il-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege

259. Skont Servier, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ma laqgħetx l-argument tiegħu li l-fatt li ġew imposti sanzjonijiet minħabba l-ftehimiet ikkontestati jikser il-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege. Il-kwistjonijiet imqajma minn dawn il-ftehimiet kienu tant ġodda u kumplessi li n-natura ta’ ksur tal-imsemmija ftehimiet kienet imprevedibbli. Il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet din l-imprevedibbiltà fil‑punt 1666 tas-sentenza appellata filwaqt li ma siltet l-ebda konklużjoni minnha, u dan jivvizzja lis-sentenza appellata b’nuqqas ta’ motivazzjoni.

260. Dan l-argument ma għandux jintlaqa’.

261. Huwa veru li, mill-ġurisprudenza jirriżulta li minkejja li l‑prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege, illum stabbilit fl‑Artikolu 49 tal-Karta tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Unjoni Ewropea, ma jistax jiġi interpretat bħala li jipprojbixxi l-kjarifika gradwali tar‑regoli tar-responsabbiltà kriminali, madankollu dan il-prinċipju jipprekludi l-applikazzjoni retroattiva ta’ interpretazzjoni ġurisprudenzjali ta’ regola li tistabbilixxi ksur li r-riżultat tagħha ma kienx raġonevolment prevedibbli meta twettaq il-ksur, fid-dawl b’mod partikolari tal-interpretazzjoni mogħtija dak iż-żmien fil-ġurisprudenza relattiva għad-dispożizzjoni legali inkwistjoni (113).

262. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali ma wettqet l-ebda żball meta applikat il-kriterju ta’ prevedibbiltà kif stabbilit għaċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ u meta kkonstatat li, f’dan il-każ, il-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege ma kienx jipprekludi s-sanzjoni tal-ftehimiet ikkontestati abbażi tal-Artikolu 101 TFUE.

263. B’hekk, mill-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali diġà eżaminati iktar ’il fuq jirriżulta li din korrettament ikkonstatat li l-ftehimiet ikkontestati kellhom l-għan li jinċentivaw lill-kumpanniji ta’ ġeneriċi sabiex jastjenu milli jidħlu b’mod indipendenti fis-suq matul il-perijodi miftehma, permezz ta’ trasferimenti ta’ valuri minn naħa ta’ Servier li ma kellhom l-ebda korrispettiv minbarra l-imsemmija astensjoni.

264. Sabiex tasal għal din il-konstatazzjoni, il-Qorti Ġenerali applikat metodoloġija sempliċi u evidenti, li kienet tikkonsisti fl-eżami dwar jekk it-trasferimenti ta’ valur magħmula minn Servier lill-kumpanniji ta’ ġeneriċi skont il-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja jew il-ftehimiet li kienu assoċjati magħhom kinux relatati mal-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja, jiġifieri jekk kinux spjegabbli b’xi ħaġa oħra u kellhomx korrispettiv ieħor għal Servier minbarra l-obbligu tal-kumpanniji ta’ ġeneriċi li ma jikkompetux. Din il-metodoġolija hija applikata b’mod loġiku waqt l-evalwazzjoni ta’ trasferimenti ta’ valur bejn impriżi li jikkonkludu ftehim li jistipula li xi waħda mill-partijiet għandha tastjeni milli tidħol fis-suq (114).

265. Meta applikat din il-metodoloġija, il-Qorti Ġenerali waslet, mingħajr ma wettqet żball, għall-konstatazzjoni li t-trasferimenti ta’ valur magħmula minn Servier lil kumpanniji ta’ ġeneriċi ma kellhomx korrispettiv ieħor ħlief l-astensjoni ta’ dawn tal-aħħar milli jidħlu fis-suq. Il-Qorti Ġenerali għalhekk setgħet korrettament tikkonkludi li f’dawn il‑ftehimiet ikkontestati kien ġie maqbul li Servier ser iħallas lill‑kumpanniji ta’ ġeneriċi sabiex dawn ma jidħlux fis-suq, b’tali mod li dawn kienu ftehimiet ta’ esklużjoni tas-suq.

266. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball meta kkonstatat, fil-punti 1661 sa 1666 tas-sentenza appellata, li, bħala parti f’dawn il-ftehimiet, Servier ma setax jinjora li dawn setgħu jaqgħu taħt il-projbizzjoni stipulata fl-Artikolu 101 TFUE. Fil-fatt, qari litterali ta’ din id-dispożizzjoni jippermetti li jinftiehem perfettament li ftehimiet bejn kompetituri intiżi sabiex jeskludu uħud minnhom milli jidħlu fis-suq huma illegali.

267. Il-kumplessità tal-ftehimiet ikkontestati u tal-kuntest tagħhom, imqajma minn Servier, ma hijiex ta’ natura li tikkontesta din l‑evalwazzjoni.

268. Kif il-Qorti Ġenerali essenzjalment irrikonoxxiet, fil-punti 1661, 1666 u 1667 tas-sentenza appellata, din il-kumplessità setgħet ċertament tispjega t-tul tad-deċiżjoni kkontestata, peress li n-natura ta’ ksur tal‑ftehimiet ikkontestati setgħet ma tidhirx ċara għal osservatur estern. Madankollu, dan ma jaffettwax il-fatt li l-Kummissjoni applikat, waqt l‑analiżi ta’ dawn il-ftehimiet għall-finijiet tal-implimentazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni, prinċipji sempliċi u stabbiliti ferm. Skont dawn il‑prinċipji, ftehimiet għandhom jiġu kklassifikati bħala restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan meta mill-eżami tagħhom jirriżulta – tant kemm ikunu kumplessi – li t-trasferimenti ta’ valur magħmula minn operatur ekonomiku lil operatur ekonomiku ieħor huma spjegabbli biss bl-interess kummerċjali ta’ dawn l-operaturi li ma jikkompetux fuq il‑merti (115).

269. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma kkommettitx żball meta kkonstatat li Servier ma setax jinjora li, jekk l-uniku korrispettiv tat-trasferiment ta’ valur magħmul minnu lil kumpanniji ta’ ġeneriċi kien jikkonsisti fl-astensjoni ta’ dawn tal-aħħar milli jidħlu fis-suq, ftehimiet li jistabbilixxu tali trasferimenti kienu jillimitaw il-kompetizzjoni, irrispettivament minn jekk kellhomx sfond kumpless f’termini ta’ dritt tal-privattivi.

270. Konsegwentement, l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju nullum crimen, nulla poena sine lege għandu jiġi miċħud.

b)      Fuq il-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-evalwazzjoni talgravità tal-ksur

271. Servier isostni wkoll li s-sentenza appellata hija vvizzjata bi żbalji inkwantu l-Qorti Ġenerali warrbet il-motivi tiegħu li jirrigwardaw il‑proporzjonalità tal-multi u l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur inkwistjoni.

272. Skont Servier, il-Qorti Ġenerali kellha tikkunsidra, sabiex tevalwa l-proporzjonalità tal-multi imposti fuq Servier, il-kumplessità u l‑innovazzjoni tal-kwistjonijiet imqajma mill-ftehimiet ikkontestati, tan‑nuqqas ta’ natura sigrieta tagħhom kif ukoll tad-drittijiet dwar il‑privattivi u tad-dgħufija tal-ishma tas-suq ta’ Servier.

273. Dawn l-elementi madankollu ma humiex ta’ natura li juru żbalji li wettqet il-Qorti Ġenerali waqt l-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tal-multi fid-dawl tal-gravità tal-ksur ikkonċernat.

274. Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, essenzjalment, fil‑punti 1786 et seq. tas-sentenza appellata, li, sa fejn l-għan antikompetittiv tal-ftehimiet inkwistjoni u n-natura prevedibbli tiegħu għal Servier kienu stabbiliti, l-isfond ta’ dawn il-ftehimiet f’termini ta’ privattivi kif ukoll in-natura sigrieta tagħhom jew le kienu irrilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-gravità tagħhom u ma kinux tali li jikkontestaw il-proporzjonalità tal-multi imposti mill-Kummissjoni.

275. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali korrettament ħadet inkunsiderazzjoni l-elementi kollha rilevanti u ma wettqitx żball waqt l-evalwazzjoni tagħhom. Kif diġà ġie kkonstatat fil-punti 267 u 268 hawn fuq, Servier ma għandux jeċċepixxi l-kuntest tal-privattivi jew l‑allegata kumplessità tiegħu sabiex jikkontesta n-natura intrinsikament antikompetittiva tal-ftehimiet ikkontestati.

276. F’dan il-kuntest, kuntrarjament għal dak li jallega Servier, huwa perfettament irrilevanti jekk il-privattiva inkwistjoni hijiex fittizja jew le. Huwa stabbilit li privattiva anki jekk mhux fittizja ma tagħtix lill‑proprjetarju tagħha d-dritt li jipproteġi lilu nnifsu kontra kawżi intiżi sabiex jikkontestaw il-validità tagħha permzz ta’ ħlasijiet lill‑kompetituri (116).

277. Fit-tieni lok, Servier isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta rrifjutat li tqis id-dgħufija tal-ishma tas-suq ta’ Servier għall-finijiet tal-kalkolu tal-multi. B’hekk, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 1602 u 1603 tas-sentenza appellata, fil-qafas tal-eżami tagħha tas-suq ta’ prodotti rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE, li l-Kummissjoni wettqet żball waqt id-definizzjoni ta’ dan is-suq u li l-kalkolu tal-ishma tas-suq ta’ Servier kien għalhekk neċessarjament żbaljat. Madankollu, fil-punt 1954 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrifjutat li tikkunsidra din il-konstatazzjoni għall-finijiet tal‑kalkolu tal-multi, minkejja li kien ikkonstatat li l-ishma tas-suq ta’ Servier kienu ħafna iktar dgħajfa minn dak li kkonstatat il-Kummissjoni.

278. Irrispettivament mill-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali kkonstatatx b’mod korrett in-natura żbaljata tad-definizzjoni tas-suq ta’ prodotti użata mill-Kummissjoni sabiex tapplika l-Artikolu 102 TFUE, li ma ġietx ittrattata b’dan l-appell (117), għandu jiġi kkonstatat, fi kwalunkwe każ, li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball meta qieset, fil‑punt 1954 tas-sentenza appellata, li l-multi imposti lil Servier ma kinux sproporzjonati irrispettivament mid-daqs tal-ishma tas-suq li kellu Servier.

279. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali rreferiet, b’mod partikolari, għat‑teħid inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni tal-fatt li Servier kien ikkommetta diversi ksur, ċertament separati, iżda li kienu jittrattaw l‑istess prodott, u sa ċertu punt, l-istess żoni ġeografiċi u l-istess perijodi. Kif fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punt 1951 tas-sentenza appellata, f’dan il-kuntest, il-Kummissjoni, sabiex tevita riżultat potenzjalment sproporzjonat, iddeċidiet li tillimita, għal kull ksur, il-proporzjon tal‑valur tal-bejgħ ta’ Servier li ġie kkunsidrat sabiex jiġi stabbilit l‑ammont bażiku tal-multa. Il-Kummissjoni b’hekk wettqet korrezzjoni li wasslet għal tnaqqis medju ta’ 54.5 % tal-valuri tal-bejgħ kollha relatati mal-ksur differenti tal-Artikolu 101 TFUE (il-premessa 3128 tad‑deċiżjoni kkontestata).

280. Finalment, fit-tielet lok, l-allegazzjoni ta’ Servier li l-multi kellhom jiġu mnaqqsa għaliex il-ftehimiet issanzjonati allegatament ma kienu ġġeneraw l-ebda dewmien ta’ dħul fis-suq għandha tiġi miċħuda wkoll. Fil-fatt, kif indikat fil-punti 139 sa 141, 171 u 211 hawn fuq, mill‑perspettiva tad-dritt tal-kompetizzjoni, dak li huwa rilevanti ma huwiex jekk, fin-nuqqas tal-ftehimiet, il-kumpanniji ta’ ġeneriċi kinux jidħlu fis-suq iktar kmieni minħabba żviluppi futuri f’termini ta’ privattivi, li ma kinux magħrufa fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehimiet u indipendenti mill-volontà tal-partijiet. Il-kwistjoni deċiżiva hija dik dwar jekk il-possibbiltà ta’ tali dħul kinitx ġiet eliminata wara sostituzzjoni mill-partijiet ta’ kooperazzjoni prattika bejniethom b’riskji tal-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni. Jekk jiġu invokati żviluppi f’termini ta’ privattiva li seħħew wara l-konklużjoni ta’ ftehim b’mod indipendenti minnu iwassal sabiex jiġu konfużi l-effett ta’ dannu intrinsiku ta’ ftehim ta’ esklużjoni tas-suq bi ħlas u l-kapaċità tiegħu li jipproduċi effetti restrittivi fil-mument tal-konklużjoni tiegħu mal‑possibbiltà li tali ftehim ma jipproduċix effetti sinjifikattivi reali fuq il-kompetizzjoni f’mument ulterjuri, minħabba ċirkustanzi indipendenti mill-volontà tal-partijiet, pereżempju meta l-privattiva hija annullata minħabba l-azzjoni ta’ terz.

281. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ilment ibbażat fuq żbalji tal-Qorti Ġenerali waqt l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u tal‑proporzjonalità tal-multi għandu wkoll jiġi miċħud, bħall-aggravju relatat mal-iżbalji tal-Qorti Ġenerali waqt l-evalwazzjoni tal-multi kollu kemm hu.

2.      Fuq il-multa imposta fuq Servier minħabba l-ftehim Lupin (ittielet parti tal-ħames aggravju)

282. Mill-osservazzjonijiet fil-punti 229 u 235 ta’ dawn il‑konklużjonijiet jirriżulta li t-tielet parti tal-ħames aggravju għandha tiġi milqugħa u s-sentenza appellata u d-deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu annullati inkwantu qiesu li d-data ta’ tmiem tal-ksur ikkostitwit mill‑ftehim Lupin kellha tiġi stabbilita bħala s-6 ta’ Mejju 2009 għall‑Irlanda, il-Belġju, l-Ungerija u r-Repubblika Ċeka.

283. Fl-osservazzjonijiet u fit-talbiet tiegħu (118), Servier jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja terġa’ tistabbilixxi d-data ta’ tmiem tal-ksur ikkostitwit mill-ftehim Lupin fl-imsemmija pajjiżi fid-dati tad-dħul ta’ Sandoz fis‑suq, jiġifieri, skont il-premessa 410 tad-deċiżjoni kkontestata, f’Ġunju 2008 għall-Irlanda, f’Lulju 2008 għall-Belġju, f’Diċembru 2008 għall-Ungerija u f’Jannar 2009 għar-Repubblika Ċeka.

284. Madankollu, minħabba insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tad‑deċiżjoni kkontestata dwar it-tmiem tal-ksur ikkostitwit mill-ftehim Lupin f’dawn il-pajjiżi, ma huwiex possibbli għall-qorti tal-Unjoni li tivverifika li l-Kummissjoni kienet korretta meta stabbilixxiet fiha d-data tal-tmiem tal-ksur bil-mod kif għamlet. Bl-istess mod, ma huwiex possibbli li jiġi stabbilit il-fondatezza ta’ eventwali dati oħra ta’ tmiem tal-imsemmi ksur.

285. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tistabbilixxi d-dati ta’ tmiem ta’ ksur ikkostitwit mill-ftehim Lupin għall-erba’ pajjiżi kkonċernati u konsegwentament terġa’ tistabbilixxi l-multa, kif mitlub minn Servier. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-multa imposta fuq Servier permezz tad-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi parzjalment annullata inkwantu ġiet imposta minħabba l-kummissjoni tal-imsemmi ksur fl‑imsemmija pajjiżi.

286. Għal dan il-għan, għandu jitfakkar li, f’dan il-każ, mill‑premessa 3063 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni applikat il-metodoloġija stabbilita mil-Linji Gwida għall-kalkolu tal‑multi imposti skont l‑Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (119) (120).

287. Barra minn hekk, mill-premessi 3119 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni imponiet fuq Servier multa għal kull wieħed mill-ħames ftehimiet ikkontestati, li tqiesu bħala ħames ksur distinti tal-Artikolu 101 TFUE, u multa għall-ksur tal‑Artikolu 102 TFUE. F’dak li jirrigwarda l-ħames multi imposti minħabba l-ftehimiet ikkontestati, il-Kummissjoni qabel xejn, skont il‑metodoloġija tal-Linji Gwida dwar il-kalkolu tal-multa, stabbilixxiet ammont bażiku, li jikkorrispondi mas-somma tal-ammont varjabbli u (jekk ikun il-każ) ta’ ammont addizzjonali. L-ammont varjabbli jikkorrispondi għal parti aġġustata tal-valur tal-bejgħ ta’ beni kkonċernati mill-ksur rispettivi, immultiplikat bit-tul tagħhom. Sa fejn, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma applikatx ċirkustanzi aggravanti u lanqas attenwanti, u lanqas fattur modifikaturi, l-ammonti finali tal-multi jikkorrispondu mal-ammonti bażiċi.

288. Finalment, mill-premessi 3124 et seq. u mill-Artikolu 7 tad‑deċiżjoni kkontestata, kif ukoll mit-tabella prodotta mill‑Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali, jirriżulta li l-Kummissjoni wettqet dan il-kalkolu għal kull Stat Membru kkonċernat għal kull wieħed mill-ftehimiet rispettivi u sussegwentament għaddet flimkien l‑ammonti hekk miksuba sabiex tistabbilixxi l-ammonti tal-multi għal kull wieħed mill-ftehimiet (121). L-ammont tal-multa imposta fuq Servier minħabba l-ksur ikkostitwit mill-ftehim Lupin għall-pajjiżi kollha kkonċernati mill-imsemmi ksur tela’ għal EUR 37 102 100 [Artikolu 7(5)(b) tad-deċiżjoni kkontestata].

289. Sabiex jiġi kkunsidrat l-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata skont il-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għalhekk għandha tiġi annullata l-multa imposta fuq Servier inkwantu ġiet imposta għall‑ksur ikkostitwit mill-ftehim Lupin fl-Irlanda, fil-Belġju, fl-Ungerija u fir-Repubblika Ċeka, li jikkorrispondi għal ammont ta’ EUR [kunfidenzjali].

290. It-tabella iktar ’il quddiem turi kif inkiseb dan l-ammont.


Valur ta’ bejgħ aġġustat

Ammont varjabbli

Tul

Ammont finali

IE

[kunfidenzjali]

11 %

2.25

[kunfidenzjali]

BE

[kunfidenzjali]

11 %

2.25

[kunfidenzjali]

HU

[kunfidenzjali]

11 %

2.25

[kunfidenzjali]

CS

[kunfidenzjali]

11 %

2.25

[kunfidenzjali]

Somma IE + BE + HU + CS




[kunfidenzjali]

Somma tal-pajjiżi kollha kkonċernati bil-ftehim Lupin




37 102 100

291. Konsegwentament, hija l-Kummissjoni, bis-saħħa tal‑Artikolu 266 TFUE, li għandha tieħu l-miżuri li ġġib magħha l‑eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ annullament. Meta, bħal f’dan il-każ, l‑annullament tad-deċiżjoni kkontestata huwa bbażat fuq difett proċedurali, bħall-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, u li l-qorti tal-Unjoni ma tiddeċidix hi stess dwar il-materjalità tal-ksur u dwar is-sanzjoni, l‑istituzzjoni li minnha joħroġ l-att annullat tista’ tkompli l-proċedura fl‑istadju tal-illegalità kkonstatata u teżerċita mill-ġdid is-setgħa ta’ sanzjoni tagħha (122).

3.      Konklużjoni dwar il-multi

292. Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l-multa imposta fuq Servier bis-saħħa tal-ftehim Lupin għandha tiġi annullata u li l‑kumplament tal-argument ta’ Servier dwar il-multi għandu jiġi miċħud, b’tali mod li l-kumplament tal-multi kif stabbiliti mill-Kummissjoni u mill-Qorti Ġenerali jibqgħu mhux mibdula.

C.      Konklużjoni intermedja

293. Skont il-konstatazzjonijiet magħmula fil-punti 229, 235 u 289 ta’ dawn il-konklużjonijiet, wara li tintlaqa’ t-tielet parti tal-ħames aggravju, qabel xejn, għandu jiġi annullat il-punt 5 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata sa fejn jiċħad it-talba ta’ Servier li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata inkwantu tikkonstata bħala d-data ta’ tmiem tal-ksur ikkostitwit mill-ftehim Lupin għall-Irlanda, il-Belġju, l-Ungerija u r‑Repubblika Ċeka s-6 ta’ Mejju 2009 u konsegwentement tistabbilixxi l-multa imposta fuq Servier għall-imsemmi ksur.

294. Sussegwentement, l-Artikolu 5(b) u l-Artikolu 7(5)(b) tad‑deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu annullati sa fejn jistabbilixxu bħala d-data ta’ tmiem il-ksur kommess minn Servier bil-ftehim Lupin għall-Irlanda, il-Belġju, l-Ungerija u r-Repubblika Ċeka s-6 ta’ Mejju 2009 u jieħdu inkunsiderazzjoni din id-data għall-kalkolu tal‑multa imposta fuq Servier minħabba dan il-ksur (123).

295. Finalment, peress li l-ebda wieħed mill-aggravji l-oħra invokati minn Servier ma għandu jintlaqa’, il-kumplament tal-appell għandu jiġi miċħud.

V.      L-ispejjeż

296. Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, meta l‑appell ma jkunx fondat jew meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal‑Ġustizzja tiddeċiedi l-kawża hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

297. Qabel xejn, skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal‑imsemmi regolament, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Madankollu, Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal‑kawża jkun jidher ġustifikat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill‑ispejjeż tal-parti l-oħra.

298. F’dan il-każ, Servier ingħata raġun f’dak li jirrigwarda t-tielet parti tal-ħames aggravju tiegħu, relatata mad-data ta’ tmiem tal-ksur ikkostitwit mill-ftehim Lupin fl-Irlanda, fil-Belġju, fl-Ungerija u fir-Repubblika Ċeka, u l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi definittivament u tannulla d-deċiżjoni kkontestata fuq dan il-punt. Madankollu, Servier tilef f’dak li jirrigwarda l-argumenti tiegħu mressqa fis-seba’ aggravji tiegħu b’kollox.

299. F’dak li jirrigwarda l-ispejjeż relatati mal-proċedura tal-ewwel istanza, għandu jiġi nnotat li dawn ma humiex ikkonċernati minn dan l‑appell ħlief fejn huma relatati mal-motivi tal-ewwel istanza inkwistjoni f’din il-proċedura ta’ appell.

300. Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, jidher iġġustifikat li Servier SAS, Servier Laboratories Ltd u Les Laboratoires Servier SAS ibatu, in solidum, l-ispejjeż tagħhom u erba’ minn ħames partijiet tal-ispejjeż tal‑Kummissjoni relatati mal-proċedura ta’ appell u mal-proċedura tal‑ewwel istanza, sa fejn dawn l-ispejjeż huma relatati mal-motivi kkonċernati b’din il-proċedura ta’ appell. Minn naħa l-oħra, il‑Kummissjoni għandha tbati parti waħda minn ħamsa tal-ispejjeż tagħha relatati mal-proċedura ta’ appell kif ukoll tal-proċedura tal-ewwel istanza, sa fejn dawn l-ispejjeż huma relatati mal-motivi kkonċernati f’din il-proċedura ta’ appell.

301. Sussegwentement, skont l-Artikolu 184(4) tar-Regoli tal‑Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li intervenjent fl-ewwel istanza li jkun ipparteċipa fil-fażi bil-miktub jew orali tal‑proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jiġi kkundannat iħallas l‑ispejjeż tiegħu. Peress li l-EFPIA pparteċipat fil-fażi bil-miktub ta’ dan l-appell, hemm lok li din tiġi kkundannata tħallas l-ispejjeż tagħha relatati mal-appell.

302. Finalment, mid-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal‑Artikolu 140(1) u tal-Artikolu 184(1) tar-Regoli tal-Proċedura, jirriżulta li l-Istati Membri li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l‑ispejjeż rispettivi tagħhom relatati mal-appell. Għalhekk, għandu jiġi deċiż li r-Renju Unit għandu jbati l-ispejjeż tiegħu relatati mal-proċedura ta’ appell.

VI.    Konklużjoni

303. Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi bil-mod segwenti:

1)      Il-punt 5 tad-dispożittiv tas-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2018, Servier et vs Il-Kummissjoni (T‑691/14, EU:T:2018:922) huwa annullat inkwantu jiċħad it-talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 4955 finali tad‑9 ta’ Lulju 2014, dwar proċedura skont l-Artikoli 101 u 102 TFUE [Każ AT.39612 – Perindopril (Servier)], inkwantu din id-deċiżjoni tqis bħala data ta’ tmiem tal-ksur imsemmi fl-Artikolu 5(b) tagħha għall-Irlanda, il‑Belġju, l-Ungerija u r-Repubblika Ċeka s-6 ta’ Mejju 2009, u konsegwentement tistabbilixxi l-multa imposta permezz tal‑Artikolu 7(5)(b) tagħha fuq Servier SAS u fuq Laboratoires Servier SAS.

2)      Il-punt 6 tad-dispożittiv tas-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2018, Servier et vs Il-Kummissjoni (T‑691/14, EU:T:2018:922) huwa annullat inkwantu jikkonċerna l-ispejjeż sostnuti minn Servier SAS, Servier Laboratories Ltd, Les Laboratoires Servier SAS u l‑Kummissjoni Ewropea fl-ewwel istanza relatati mal-motivi tal‑ewwel istanza kkonċernati b’din il-proċedura ta’ appell.

3)      L-Artikolu 5(b) u l-Artikolu 7(5)(b) tad-Deċiżjoni C(2014) 4955 finali huma annullati inkwantu jqisu bħala data ta’ tmiem tal-ksur imsemmi f’dan l-Artikolu 5(b) għall-Irlanda, il-Belġju, l-Ungerija u r-Repubblika Ċeka s-6 ta’ Mejju 2009, u konsegwentement jistabbilixxu l-multa imposta b’dan l-Artikolu 7(5)(b) fuq Servier SAS u fuq Laboratoires Servier SAS.

4)      Il-multa imposta mill-Kummissjoni bis-saħħa tal-Artikolu 7(5)(b) tad-Deċiżjoni C(2014) 4955 finali fuq Servier SAS u fuq Laboratoires Servier SAS hija annullata inkwantu ġiet imposta mill-Kummissjoni għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 5(b) tal‑imsemmija deċiżjoni fl-Irlanda, fil-Belġju, fl-Ungerija u fir‑Repubblika Ċeka.

5)      Il-kumplament tal-appell huwa miċħud.

6)      Servier SAS, Servier Laboratories Ltd u Les Laboratoires Servier SAS għandhom ibatu, in solidum, l-ispejjeż tagħhom u erba’ partjiet minn ħamsa tal-ispejjeż tal-Kummissjoni relatati mal-proċedura tal-ewwel istanza, inkwantu dawn l-ispejjeż huma relatati mal‑motivi tal-ewwel istanza kkonċernati minn din il-proċedura ta’ appell.

7)      Servier SAS, Servier Laboratories Ltd u Les Laboratoires Servier SAS għandhom ibatu, in solidum, l-ispejjeż tagħhom u erba’ partijiet minn ħamsa tal-ispejjeż tal-Kummissjoni relatati mal‑proċedura ta’ appell.

8)      Il-Kummissjoni għandha tbati parti waħda minn ħamsa tal-ispejjeż tagħha relatati mal-proċedura tal-ewwel istanza, inkwantu dawn l‑ispejjeż huma relatati mal-motivi tal-ewwel istanza kkonċernati f’din il-proċedura ta’ appell.

9)      Il-Kummissjoni għandha tbati parti waħda minn ħamsa tal-ispejjeż tagħha relatati mal-proċedura ta’ appell.

10)      Il-European Federation of Pharmaceutical Industries and Associations u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq għandhom kull wieħed ibatu l-ispejjeż tagħhom relatati mal‑proċedura ta’ appell.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020 (C‑307/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza Generics (UK) et, EU:C:2020:52).


3      Sentenzi tal‑25 ta’ Marzu 2021 (C-591/16 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza Lundbeck vs Il-Kummissjoni” EU:C:2021:243); Sun Pharmaceutical Industries u Ranbaxy (UK) vs Il-Kummissjoni (C‑86/16 P, mhux ippubblikata, EU:C:2021:241); Generics (UK) vs Il-Kummissjoni (C‑588/16 P, mhux ippubblikata, EU:C:2021:242); Arrow Group u Arrow Generics vs Il-Kummissjoni (C‑601/16 P, mhux ippubblikata, EU:C:2021:244); Xellia Pharmaceuticals u Alpharma vs Il‑Kummissjoni (C‑611/16 P, EU:C:2021:245), u Merck vs Il-Kummissjoni (C‑614/16 P, mhux ippubblikata, EU:C:2021:246).


4      Sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑12 ta’ Diċembru 2018, Servier et vs Il-Kummissjoni (T‑691/14, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2018:922) (ikkontestata permezz ta’ dan l-appell u bl-appell fil-Kawża C‑176/19 P, Il-Kummissjoni vs Servier et); Biogaran vs Il-Kummissjoni (T‑677/14, EU:T:2018:910) (Appell C‑207/19 P, Biogaran vs Il-Kummissjoni); Teva UK et vs Il-Kummissjoni (T‑679/14, mhux ippubblikata, EU:T:2018:919) (Appell C‑198/19 P, Teva UK et vs Il-Kummissjoni); Lupin vs Il-Kummissjoni (T‑680/14, mhux ippubblikata, EU:T:2018:908) (Appell C‑144/19 P, Lupin vs Il-Kummissjoni); Mylan Laboratories u Mylan vs Il-Kummissjoni (T‑682/14, mhux ippubblikata, EU:T:2018:907) (Appell C‑197/19 P, Mylan Laboratories u Mylan vs Il‑Kummissjoni); Krka vs Il-Kummissjoni (T‑684/14, mhux ippubblikata, EU:T:2018:918) (Appell C‑151/19 P, Il-Kummissjoni vs Krka); Niche Generics vs Il-Kummissjoni (T‑701/14, mhux ippubblikata, EU:T:2018:921) (Appell C‑164/19 P, Niche Generics vs Il-Kummissjoni), u Unichem Laboratories vs Il‑Kummissjoni (T‑705/14, mhux ippubblikata, EU:T:2018:915) (Appell C‑166/19 P, Unichem Laboratories vs Il-Kummissjoni).


5      Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 4955 finali tad‑9 ta’ Lulju 2014 dwar proċedura skont l-Artikoli 101 u 102 TFUE [Każ AT.39612 – Perindopril (Servier)] (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).


6      Punt 1 tas-sentenza appellata, u l-premessi 11 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata.


7      Premessa 14 tad-deċiżjoni kkontestata.


8      Punt 8 tas-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2018, Niche Generics vs Il-Kummissjoni (T‑701/14, mhux ippubblikata, EU:T:2018:921), u punt 8 tas-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2018, Unichem Laboratories vs Il-Kummissjoni (T‑705/14, mhux ippubblikata, EU:T:2018:915), u l-premessi 31 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata.


9      Punti 8 u 9 tas-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2018, Mylan Laboratories u Mylan vs Il-Kummissjoni (T‑682/14, mhux ippubblikata, EU:T:2018:907), u l-premessi 27 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata.


10      Punti 8 u 9 tas-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2018, Teva UK et vs Il-Kummissjoni (T‑679/14, mhux ippubblikata, EU:T:2018:919), u l-premessi 37 et seq. tad‑deċiżjoni kkontestata.


11      Punt 8 tas-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2018, Lupin vs Il-Kummissjoni (T‑680/14, mhux ippubblikata, EU:T:2018:908), u l-premessi 23 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata.


12      Punti 2 u 3 tas-sentenza appellata, u l-premessi 1 et seq., 86 et seq. u 2143 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata.


13      Kif kien jippermetti r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1768/92 tat‑18 ta’ Ġunju 1992 dwar il-ħolqien ta’ ċertifikat ta’ protezzjoni supplementari għal prodotti mediċinali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 11, p. 200).


14      Punt 4 tas-sentenza appellata u l-premessi 92 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata.


15      Premessa 98 tad-deċiżjoni kkontestata.


16      Punti 5 sa 8 tas-sentenza appellata, u l-premessi 94, 118 et seq. u 124 et seq. tad‑deċiżjoni kkontestata.


17      Punt 8 tas-sentenza appellata u l-premessa 120 tad-deċiżjoni kkontestata.


18      Punti 9 u 10 tas-sentenza appellata, u l-premessi 8, 88 u 218 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata.


19      Premessa 100 tad-deċiżjoni kkontestata.


20      Punti 11 sa 27 tas-sentenza appellata, u l-premessi 129, 151 et seq., 157 et seq. u t‑tabelli fil-premessi 156 u 201 tad-deċiżjoni kkontestata.


21      Punti 11 u 12 tas-sentenza appellata, u l-premessi 158 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata.


22      Punt 12 tas-sentenza appellata, u l-premessi 162 sa 170 u 962 tad-deċiżjoni kkontestata.


23      Punti 16 sa 21 u 24 sa 27 tas-sentenza appellata, u l-premessi 171 sa 202 tad‑deċiżjoni kkontestata.


24      Punti 25 u 26 tas-sentenza appellata, u l-premessi 175 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata.


25      Punt 27 tas-sentenza appellata u l-premessi 193 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata.


26      Premessa 410 tad-deċiżjoni kkontestata.


27      Premessi 423 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata.


28      Ara l-punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


29      Punti 16 et seq. tas-sentenza appellata, u l-premessi 483 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata.


30      Għal deskrizzjoni ddettaljata, irreferi għall-punti 29 et seq. tas-sentenza appellata, u għall-premessi 422 u 546 et seq tad-deċiżjoni kkontestata.


31      Ara l-punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


32      Punti 20 u 21 tas-sentenza appellata, u l-premessa 677 tad-deċiżjoni kkontestata. Ara, dwar il-kawża ma’ Pharmachemie, anki l-punt 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


33      Ara l-punti 23 u 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


34      Punti 37 et seq. tas-sentenza appellata, u l-premessi 652 u 741 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata.


35      Punt 42 tas-sentenza appellata, u l-premessi 749 u 770 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata.


36      Ara l-punt 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet, u l-premessi 776 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata.


37      Ara l-punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


38      Punt 24 tas-sentenza appellata, u l-premessi 1013 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata.


39      Punti 52 et seq. tas-sentenza appellata, u l-premessi 975 u 1037 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata.


40      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


41      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 4 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


42      Sentenzi tal‑25 ta’ Marzu 2021, Lundbeck vs Il-Kummissjoni; Sun Pharmaceutical Industries u Ranbaxy (UK) vs Il-Kummissjoni (C‑586/16 P, mhux ippubblikata, EU:C:2021:241); Generics (UK) vs Il-Kummissjoni (C‑588/16 P, mhux ippubblikata, EU:C:2021:242); Arrow Group u Arrow Generics vs Il-Kummissjoni (C‑601/16 P, mhux ippubblikata, EU:C:2021:244); Xellia Pharmaceuticals u Alpharma vs Il-Kummissjoni (C‑611/16 P, EU:C:2021:245), u Merck vs Il‑Kummissjoni (C‑614/16 P, mhux ippubblikata, EU:C:2021:246).


43      Sentenzi tal‑20 ta’ Jannar 2016, Toshiba Corporation vs Il-Kummissjoni (C‑373/14 P, EU:C:2016:26, punti 31, 32 u 34); Generics (UK) et (punt 45), u Lundbeck vs Il‑Kummissjoni (punt 57); ara, ukoll, is-sentenzi tat‑28 ta’ Ġunju 2016, Portugal Telecom vs Il-Kummissjoni (T‑208/13, EU:T:2016:368, punt 181), u Telefónica vs Il-Kummissjoni (T‑216/13, EU:T:2016:369, punt 221).


44      Sentenzi Generics (UK) et (punti 36, 37 u 39) u Lundbeck vs Il-Kummissjoni (punt 55).


45      Ara s-sentenza Generics (UK) et (punt 50) u l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Generics (UK) et (C-307/18, EU:C:2020:28, punt 83).


46      Ara s-sentenza Generics (UK) et (punti 48, 49, 51 u 52) u l-konklużjonijiet tiegħi fil‑kawża Generics (UK) et (C‑307/18, EU:C:2020:28, punti 67 sa 85).


47      Sentenzi Generics (UK) et (punt 46) u Lundbeck vs Il-Kummissjoni (punt 58).


48      Sentenzi Generics (UK) et (punti 42 sa 44, 46, 50 u 55 sa 57) u Lundbeck vs Il‑Kummissjoni (punti 57, 74 sa 76 u 88); ara, ukoll, u l-konklużjonijiet tiegħi fil‑kawżi Generics (UK) et (C‑307/18, EU:C:2020:28, punti 83 u 86 sa 88), u Lundbeck vs Il-Kummissjoni (C‑591/16 P, EU:C :2020:428, punti 59, 78 u 79).


49      Sentenzi Generics (UK) et (punti 55 sa 57); Lundbeck vs Il-Kummissjoni (punti 57 u 78), u tal‑20 ta’ Jannar 2016, Toshiba Corporation vs Il-Kummissjoni (C‑373/14 P, EU:C:2016:26, punti 33 u 34).


50      Sentenzi Generics (UK) et (punti 43 u 44) u Lundbeck vs Il-Kummissjoni (punt 57).


51      Sentenza Lundbeck vs Il-Kummissjoni (punti 74 u 75).


52      Sentenzi tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni (C‑280/08 P, EU:C:2010:603, punt 25), u tal‑10 ta’ April 2014, Areva et vs Il‑Kummissjoni (C‑247/11 P u C‑253/11 P, EU:C:2014:257, punt 114).


53      Sentenzi tas‑17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni (C‑185/95 P, EU:C:1998:608, punt 58), u tat‑22 ta’ Novembru 2012, E.ON Energie vs Il‑Kummissjoni (C‑89/11 P, EU:C:2012:738, punt 71).


54      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Marzu 1984, Compagnie royale asturienne des mines u Rheinzink vs Il-Kummissjoni (29/83 u 30/83, EU:C:1984:130, punt 20), u tal‑31 ta’ Marzu 1993, Ahlström Osakeyhtiö et vs Il-Kummissjoni (C‑89/85, C‑104/85, C‑114/85, C‑116/85, C‑117/85 u C‑125/85 sa C‑129/85, EU:C:1993:120, punt 127).


55      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Jannar 2004, BAI u Il-Kummissjoni vs Bayer (C‑2/01 P u C‑3/01 P, EU:C:2004:2, punt 63); tal-24 ta’ Ġunju 2015, Fresh Del Monte Produce vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs Fresh Del Monte Produce (C‑293/13 P u C‑294/13 P, EU:C:2015:416, punti 135 sa 140), u tas‑27 ta’ Jannar 2021, The Goldman Sachs Group vs Il-Kummissjoni (C‑595/18 P, EU:C:2021:73, punt 92). Ara, ukoll, is-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2015, FSL et vs Il‑Kummissjoni (T‑655/11, EU:T:2015:383, punt 181 u l-ġurisprudenza ċċitata).


56      Sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2009, GlaxoSmithKline Services et vs Il-Kummissjoni et. (C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P, EU:C:2009:610, punt 83); tal‑1 ta’ Lulju 2010, Knauf Gips vs Il-Kummissjoni (C‑407/08 P, EU:C:2010:389, punt 80), u tat‑18 ta’ Jannar 2017, Toshiba vs Il-Kummissjoni (C‑623/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2017:21, punt 52).


57      Sentenza Lundbeck vs Il-Kummissjoni (punti 78 u 79).


58      Sentenzi Generics (UK) et (punt 38) u Lundbeck vs Il-Kummissjoni (punti 63, 83 u 84).


59      Ara l-punti 75 u 79 sa 81 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


60      Sentenza Generics (UK) et (punt 44).


61      Ara Generics (UK) et (punt 53).


62      Ara l-punt 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


63      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Lundbeck vs Il-Kummissjoni (punti 67 et seq.).


64      Ara l-punt 82 ta’ dawn il-konklużjonijiet u l-ġurisprudenza ċċitata.


65      C‑67/13 P, EU:C:2014:1958, punt 56.


66      Sentenza Lundbeck vs Il-Kummissjoni (punti 129 et seq.).


67      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Lundbeck vs Il-Kummissjoni (C‑591/16 P, EU:C:2020:428, punti 156 u 157, u l-ġurisprudenza ċċitata).


68      Sentenza Generics (UK) et (punt 111).


69      Sentenza Lundbeck vs Il-Kummissjoni (punti 114, 115 u 137).


70      Sentenzi Generics (UK) et (punt 94) u Lundbeck vs Il-Kummissjoni (punt 115).


71      Ara l-punti 41 u 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


72      Sentenzi Generics (UK) et (punti 90 sa 92) u Lundbeck vs Il-Kummissjoni (punti 115 u 134).


73      C‑307/18, EU:C:2020:28.


74      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Generics (UK) et (C‑307/18, EU:C:2020:28, punti 124 sa 128 u 176).


75      Ara, fuq l-ispejjeż li r-rimbors tagħhom jista’ jkun iġġustifikat, is-sentenza Generics (UK) et (punti 84 sa 92).


76      Ara s-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2016, Lundbeck vs Il-Kummissjoni (T‑472/13, EU:T:2016:449, punt 380 u l-ġurisprudenza ċċitata)


77      Sentenza Generics (UK) et (punti 107 sa 110); ara, ukoll, il-konklużjonijiet tiegħi fil‑kawża Generics (UK) et (C‑307/18, EU:C:2020:28, punti 168 sa 172).


78      Ara l-punt 655 tas-sentenza appellata u l-premessa 1614 tad-deċiżjoni kkontestata.


79      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Generics (UK) et (C‑307/18, EU:C:2020:28, punt 169).


80      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Generics (UK) et (punti 119 u 120).


81      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Generics (UK) et (C-307/18, EU:C:2020:28, punti 124 sa 128 u 176).


82      Premessa 1561 tad-deċiżjoni kkontestata.


83      Ara l-punti 40 sa 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


84      Ara fuq dan il-punt, diġà, il-punti 133 u 134 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


85      Sentenzi Generics (UK) et (punti 90 sa 92) u Lundbeck vs Il-Kummissjoni (punti 115 u 134).


86      Ara l-punti 97 u 98 ta’ dawn il-konklużjonijiet u l-ġurisprudenza ċċitata.


87      L-interpretazzjoni ta’ dawn il-klawżoli taqa’ taħt l-evalwazzjoni tal-fatti li għandha ssir mill-Qorti Ġenerali: ara s-sentenza tad-29 ta’ Ottubru 2015, Il-Kummissjoni vs Anko (C‑78/14 P, EU:C:2015:732, punt 23).


88      Sentenzi Generics (UK) et (punt 97) u Lundbeck vs Il-Kummissjoni (punt 121).


89      Ara l-punt 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Fil-premessa 2127 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni madankollu kkunsidrat li l-ksur kien beda iktar tard f’Malta u fl-Italja.


90      Il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll li l-ksur kien waqaf iktar qabel fir-Renju Unit, fis‑6 ta’ Lulju 2007, data tal-annullament tal-privattiva 947 fir-Renju Unit (punt 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet), kif ukoll fil-Pajjiżi l-Baxxi, fit-12 ta’ Diċembru 2007, data tad-dħul b’riskju fis-suq għal Apotex (punt 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li jirreferi għall-premessi 193 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata, li jindika li dan id-dħul kien seħħ fit-13 ta’ Diċembru 2007).


91      Ara l-punt 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


92      Sandoz daħlet ukoll fis-suq fil-Pajjiżi l-Baxxi u fir-Renju Unit f’Mejju 2008; madankollu, hawnhekk, il-ksur, fi kwalunkwe każ, kien ikkunsidrat bħala li kien intemm f’din id-data (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 90 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


93      Imqassra fil-punt 54 tas-sentenza appellata u riprodotti fil-premessa 1038 tad‑deċiżjoni kkontestata.


94      Din il-korrispondenza diġà ssemmiet fil-punt 209 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


95      Sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Sigma Alimentos Exterior vs Il-Kummissjoni (C‑50/19 P, EU:C:2021:792, punt 63).


96      Dan huwa minnu mingħajr preġudizzju għall-fondatezza tal-interpretazzjoni tal‑kontenut tal-korrispondenza stess mill-Qorti Ġenerali (ara l-punt 209 ta’ dawn il‑konklużjonijiet).


97      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France (C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 63), u tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni (C‑280/08 P, EU:C:2010:603, punt 130).


98      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni (C‑49/92 P, EU:C:1999:356, punti 81 sa 83); tas‑7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 258), tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Siemens et vs Il-Kummissjoni (C‑239/11 P, C‑489/11 P u C‑498/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:866, punt 248).


99      Sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2022, Toshiba Samsung Storage Technology u Toshiba Samsung Storage Technology Korea vs Il-Kummissjoni (C‑700/19 P, EU:C:2022:484, punt 107 u l-ġurisprudenza ċċitata).


100      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2022, Sony Corporation u Sony Electronics vs Il-Kummissjoni (C‑697/19 P, EU:C:2022:478, punt 67).


101      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pitruzzella fil-kawżi Sony Corporation u Sony Electronics vs Il-Kummissjoni, Sony Optiarc u Sony Optiarc America vs Il‑Kummissjoni, Quanta Storage vs Il-Kummissjoni u Toshiba Samsung Storage Technology u Toshiba Samsung Storage Technology Korea vs Il-Kummissjoni (C‑697/19 P sa C‑700/19 P, EU:C:2021:452, punti 100 et seq.); ara, ukoll, is‑sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2013, Masco et vs Il-Kummissjoni (T‑378/10, EU:T:2013:469, punt 57); ara, ukoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2014, InnoLux vs Il-Kummissjoni (T‑91/11, EU:T:2014:92, punt 138), u LG Display u LG Display Taiwan vs Il-Kummissjoni (T‑128/11, EU:T:2014:88, punt 224).


102      Ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 238 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


103      Sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2011 (T‑110/07, EU:T:2011:68).


104      Sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2013, Masco et vs Il-Kummissjoni (T‑378/10, EU:T:2013:469, punti 59 et seq.).


105      Ara l-punti 144 sa 162 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


106      Sentenza tas‑7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 365).


107      Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il-Kummissjoni (C‑105/04 P, EU:C:2005:751, punt 137), u Schindler Holding et vs Il-Kummissjoni (C‑501/11 P, EU:C:2013:248, punt 190); ara, f’dan l-istess sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Lulju 2013, Schindler Holding et vs Il-Kummissjoni (C‑501/11 P, EU:C:2013:522, punti 155 u 156), u tal‑24 ta’ Ottubru 2013, Kone et vs Il‑Kummissjoni (C‑510/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:696, punti 40 u 42).


108      Sentenzi tas‑17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni (C‑185/95 P, EU:C:1998:608, punt 128);tat‑28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punti 244 u 303), u tat‑3 ta’ Settembru 2009, Papierfabrik August Koehler et vs Il-Kummissjoni (C‑322/07 P, C‑327/07 P u C‑338/07 P, EU:C:2009:500, punt 125).


109      Sentenzi tas‑17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni (C‑185/95 P, EU:C:1998:608, punt 128); tat‑28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (C C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punti 244 u 303), u tat‑3 ta’ Settembru 2009, Papierfabrik August Koehler et vs Il-Kummissjoni (C‑322/07 P, C‑327/07 P u C‑338/07 P, EU:C:2009:500, punt 125).


110      Sentenzi tas‑16 ta’ Novembru 2000, Weig vs Il-Kummissjoni (C‑280/98 P, EU:C:2000:627, punti 63 u 68), u Sarrió vs Il-Kummissjoni (C‑291/98 P, EU:C:2000:631, punti 97 u 99).


111      Sentenzi tat‑22 ta’ Novembru 2012, E.ON Energie vs Il-Kummissjoni (C‑89/11 P, EU:C:2012:738, punt 126), u tat‑18 ta’ Lulju 2013, Schindler Holding et vs Il‑Kummissjoni (C‑501/11 P, EU:C:2013:522, punt 165).


112      Sentenzi tas‑17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni (C‑185/95 P, EU:C:1998:608, punt 129); tat‑28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punt 245); tat‑30 ta’ Mejju 2013, Quinn Barlo et vs Il‑Kummissjoni (C‑70/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:351, punt 57), u tas‑26 ta’ Jannar 2017, Villeroy & Boch Austria vs Il-Kummissjoni (C‑626/13 P, EU:C:2017:54, punt 86).


113      Sentenzi tat‑28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punti 217 u 218), u tat‑22 ta’ Ottubru 2015, AC-Treuhand vs Il-Kummissjoni (C‑194/14 P, EU:C:2015:717, punt 41).


114      Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 129 sa 134 u 195 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


115      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi Generics (UK) et (punti 87 u 88) u Lundbeck vs Il‑Kummissjoni (punti 114 u 167).


116      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Generics (UK) et (C‑307/18, EU:C:2020:28, punti 113 u 114, u l-ġurisprudenza ċċitata).


117      Ara, fuq dan il-punt, il-konklużjonijiet tiegħi mogħtija llum fil-kawża parallela C‑176/19 P, Il-Kummissjoni vs Servier et.


118      Ara l-punt 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


119      Regolament tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).


120      ĠU 2006, C 210, p. 2.


121      Ara l-anness G.1, prodott mill-Kummissjoni bħala risposta għall-mistoqsija tal-Qorti Ġenerali tat‑28 ta’ Ġunju 2016. Ara, ukoll, it-tabella prodotta minn Servier fl-anness P.03 mar-rikors tiegħu għall-appell, ibbażata fuq il-mod ta’ kalkolu użat mill‑Kummissjoni fl-imsemmi anness G.1. B’dan il-mod ta’ kalkolu, l-ammont finali tal-multa imposta minħabba l-ftehim Lupin għal kull Stat Membru nkiseb bil-mod segwenti: [(Valur tal-bejgħ aġġustat x Ammont varjabbli) x Tul] + [Valur tal-bejgħ x Ammont addizzjonali] (l-ammont addizzjonali kien stabbilit bħala 0 fil-qafas tal‑ftehim Lupin; ara l-premessa 3139 tad-deċiżjoni kkontestata). L-ammonti hekk miksuba għal kull Stat Membru sussegwentament ġew magħduda għal kull wieħed mill-ftehimiet.


122      Sentenzi tal‑15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni (C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, EU:C:2002:582, punti 60 sa 62 u 693 sa 695), u tal‑24 ta’ Settembru 2019, Printeos et vs Il-Kummissjoni (T‑466/17, EU:T:2019:671, punti 56 sa 58).


123      Dan huwa mingħajr preġudizzju tal-konsegwenzi ta’ dan l-annullament fuq il‑konstatazzjoni tal-ksur ikkostitwit mill-ftehim Lupin fir-rigward ta’ Lupin (sentenza tal-14 ta’ Settembru 1999, Il-Kummissjoni vs AssiDomän Kraft Products et, C‑310/97 P, EU:C:1999:407, punti 49 et seq.).