Language of document : ECLI:EU:C:2017:562

Kawża C566/15

Konrad Erzberger

vs

TUI AG

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Kammergericht)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-ħaddiema – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Elezzjoni tar-rappreżentanti tal-ħaddiema fil-bord ta’ sorveljanza ta’ kumpannija – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita d-dritt tal-vot u l-eliġibbiltà unikament għall-ħaddiema ta’ stabbilimenti li jinsabu fit-territorju nazzjonali”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-18 ta’ Lulju 2017

Moviment liberu tal-persuni – Ħaddiema – Ugwaljanza fit-trattament – Ħaddiema impjegati minn sussidjarja ta’ grupp li tinsab fit-territorju ta’ Stat Membru – Dritt tal-vot u dritt li persuna toħroġ għall-elezzjonijiet tar-rappreżentanti tal-ħaddiema fil-bord ta’ sorveljanza tal-kumpannija omm ta’ dan il-grupp, stabbilita fl-imsemmi Stat Membru, kif ukoll dritt li teżerċita jew li tkompli teżerċita mandat ta’ rappreżentanza f’dan il-bord – Leġiżlazzjoni nazzjonali li ċċaħħad lil dawn il-ħaddiema mill-imsemmija drittijiet meta jiġu rreklutati minn sussidjarja li tappartjeni għall-istess grupp u li hija stabbilita fi Stat Membru ieħor – Ammissibbiltà

(Artikolu 45 TFUE)

L-Artikolu 45 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li l-ħaddiema impjegati fl-istabbilimenti ta’ grupp li jinsabu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru ma għandhomx id-dritt tal-vot u d-dritt li joħorġu għall-elezzjonijiet tar-rappreżentanti tal-ħaddiema fil-bord ta’ sorveljanza tal-kumpannija omm ta’ dan il-grupp, stabbilita fl-imsemmi Stat Membru, kif ukoll, skont il-każ, id-dritt li jeżerċitaw jew li jkomplu jeżerċitaw mandat ta’ rappreżentanza f’dan il-bord, meta dawn il-ħaddiema jitilqu mill-impjieg tagħhom f’tali stabbiliment u jiġu impjegati minn sussidjarja li tappartjeni għall-istess grupp stabbilita fi Stat Membru ieħor.

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-persuni huma intiżi sabiex jiffaċilitaw, għaċ-ċittadini tal-Unjoni, l-eżerċizzju ta’ attivitajiet professjonali ta’ kull tip fit-territorju tal-Unjoni u jipprekludu miżuri li jistgħu jisfavorixxu dawn iċ-ċittadini meta jkunu jixtiequ jeżerċitaw attività fit-territorju ta’ Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom. F’dan il-kuntest, iċ-ċittadini tal-Istati Membri għandhom, b’mod partikolari, id-dritt, li huma jiksbu direttament mit-Trattat, li jitilqu mill-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom sabiex imorru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor u jirrisjedu fih, bil-għan li jeżerċitaw attività hemmhekk. Konsegwentement, l-Artikolu 45 TFUE jipprekludi kull miżura nazzjonali li tista’ tfixkel jew tirrendi inqas attraenti l-eżerċizzju, miċ-ċittadini tal-Unjoni, tal-libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-1 ta’ April 2008, Il-Gvern tal-Komunità Franċiża u Il-Gvern tal-Vallonja, C‑212/06, EU:C:2008:178, punti 44 u 45, kif ukoll tal-10 ta’ Marzu 2011, Casteels, C‑379/09, EU:C:2011:131, punti 21 u 22).

Madankollu, id-dritt primarju tal-Unjoni ma jistax jiggarantixxi lil ħaddiem li ċaqliq lejn Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu ma huwiex ser ikollu impatt fil-qasam soċjali, billi dan iċ-ċaqliq, fid-dawl tad-differenzi li jeżistu bejn is-sistemi u l-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri, jista’, skont il-każ, ikun iktar jew inqas vantaġġuż għall-persuna kkonċernata f’dan il-qasam (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas-26 ta’ April 2007, Alevizos, C‑392/05, EU:C:2007:251, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-13 ta’ Lulju 2016, Pöpperl, C‑187/15, EU:C:2016:550, punt 24).

F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li, fl-assenza, fil-qasam ikkonċernat, ta’ miżuri ta’ armonizzazzjoni jew ta’ koordinazzjoni fuq il-livell tal-Unjoni, l-Istati Membri jibqgħu, bħala prinċipju, liberi li jiddefinixxu l-kriterji ta’ rabta għall-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tagħhom, bil-kundizzjoni li dawn il-kriterji jkunu oġġettivi u nondiskriminatorji.

F’dan il-kuntest, id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix, fil-qasam tar-rappreżentanza u tad-difiża kollettiva tal-interessi tal-ħaddiema fil-korpi ta’ tmexxija jew ta’ sorveljanza ta’ kumpannija rregolata mid-dritt nazzjonali, qasam li, sal-lum, ma kienx is-suġġett ta’ armonizzazzjoni jew ta’ koordinazzjoni fuq il-livell tal-Unjoni, li Stat Membru jipprevedi li r-regoli li adotta jkunu japplikaw biss għall-ħaddiema impjegati minn stabbilimenti li jinsabu fit-territorju nazzjonali tiegħu, kif bl-istess mod huwa possibbli li Stat Membru ieħor jirrikorri għal rabta oħra għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli nazzjonali tiegħu stess.

(ara l-punti 33, 34, 36, 37 u 41, u d-dispożittiv)