Language of document : ECLI:EU:T:2015:739

Kawża T‑450/12

Alexios Anagnostakis

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Dritt istituzzjonali – Inizjattiva taċ-ċittadini Ewropea – Politika ekonomika u monetarja – Nuqqas ta’ rimbors tad-dejn pubbliku – Stabbiliment tal-prinċipju ta’ ‘stat ta’ neċessità’ – Rifjut ta’ reġistrazzjoni – Attribuzzjonijiet tal-Kummissjoni – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tat-30 ta’ Settembru 2015

1.      Rikors għal annullament – Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni – Talbiet intiżi li tinkiseb ordni indirizzata lil istituzzjoni – Inammissibbiltà

(Artikolu 263 TFUE)

2.      Rikors għal annullament – Motivi – Ksur tal-forom proċedurali sostanzjali – Nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni – Eżami ex officio mill-qorti

(Artikoli 263 TFUE u 296 TFUE)

3.      Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrifjuta li tirreġistra proposta ta’ inizjattiva taċ-ċittadini

(l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 TFUE u l-Artikolu 296 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 211/2011, premessa 1 u l-Artikolu 4(3))

4.      Rikors għal annullament – Motivi – Nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni – Raġuni distinta minn dik li tirrigwarda l-legalità fil-mertu

(Artikoli 263 TFUE u 296 TFUE)

5.      Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Kompetenza tal-Unjoni sabiex tagħti għajnuna finanzjarja lill-Istati Membri f’diffikultà – Portata – Adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni li tistabbilixxi prinċipju ta’ stat ta’ neċessità li jippermetti lil Stat Membru li jkun jinsab fi problemi serji ta’ finanzjament ma jirrimborsax id-dejn tiegħu totalment jew parzjalment – Esklużjoni

(Artikolu 122 TFUE)

6.      Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi – Kompetenza tal-Unjoni – Portata – Adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni li tistabbilixxi prinċipju ta’ stat ta’ neċessità li jippermetti lil Stat Membru li jkun jinsab fi problemi serji ta’ finanzjament ma jirrimborsax id-dejn tiegħu totalment jew parzjalment – Esklużjoni

(Artikolu 136 TFUE)

7.      Trattati tal-Unjoni – Klawżola ta’ solidarjetà – Kamp ta’ applikazzjoni – Obbligu li tiġi adottata leġiżlazzjoni li tistabbilixxi prinċipju ta’ stat ta’ neċessità li jippermetti lil Stat Membru li jkun jinsab fi problemi serji ta’ finanzjament ma jirrimborsax id-dejn tiegħu totalment jew parzjalment – Assenza

(Artikolu 222 TFUE)

8.      Kummissjoni – Kompetenzi – Setgħa ta’ inizjattiva leġiżlattiva – Possibbiltà li inizjattiva leġiżlattiva tkun ibbażata fuq prinċipju tad-dritt internazzjonali fl-assenza ta’ kompetenza fit-Trattati – Esklużjoni

(Artikolu 13(2) TUE)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 12)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 21)

3.      L-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni individwali, stabbilit fl-Artikolu 296 TFUE, għandu l-għan li jipprovdi lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti biex tiddetermina jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew jekk hijiex, eventwalment, ivvizzjata b’mod li tista’ tiġi kkontestata l-validità tagħha u li l-qorti tal-Unjoni tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità tad-deċiżjoni mistħarrġa.

Fir-rigward ta’ deċiżjoni li tiċħad l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ inizjattiva taċ-ċittadini Ewropea, il-fatt li l-proposta ma ġietx irreġistrata huwa tali li jolqot l-effettività stess tad-dritt taċ-ċittadini li jippreżentaw inizjattiva taċ-ċittadini, stabbilit mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 TFUE. Konsegwentement, tali deċiżjoni għandha turi b’mod ċar il-motivi li jiġġustifikaw ir-rifjut imsemmi. Fil-fatt, iċ-ċittadin li jkun ippreżenta proposta ta’ inizjattiva għandu jitpoġġa f’pożizzjoni li jifhem ir-raġunijiet għalfejn din ma tkunx ġiet irreġistrata mill-Kummissjoni. Hija din tal-aħħar, li quddiemha tkun tressqet tali proposta, li għandha tevalwaha, iżda wkoll timmotiva d-deċiżjoni ta’ rifjut tagħha fid-dawl tal-impatt tagħha fuq l-eżerċizzju effettiv tad-dritt stabbilit mit-Trattat. Dan jirriżulta min-natura stess ta’ dan id-dritt, li, hekk kif ġie rrilevat fil-premessa 1 tar-Regolament Nru 211/2011, dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini, huwa intiż biex isaħħaħ iċ-ċittadinanza Ewropea u jtejjeb il-funzjonament demokratiku tal-Unjoni permezz ta’ parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-ħajja demokratika tal-Unjoni.

(ara l-punti 22, 25, 26)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 33)

5.      L-Artikolu 122(1) TFUE ma jistax jikkostitwixxi bażi legali xierqa għall-adozzjoni fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ta’ prinċipju ta’ stat ta’ neċessità, li jgħid li Stat Membru jista’ jiddeċiedi unilateralment li ma jirrimborsax id-dejn tiegħu totalment jew parzjalment minħabba li dan ikun jinsab fi problemi serji ta’ finanzjament. F’dan ir-rigward, għalkemm huwa veru li mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni ma jirriżultax li din neċessarjament tillimita ruħha għall-adozzjoni ta’ miżuri mill-Kunsill fil-każ biss fejn jirriżultaw diffikultajiet serji fil-ksib tal-provvista ta’ ċerti prodotti, b’mod partikolari fil-qasam tal-enerġija, l-ispirtu ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri li għandu jipprevali mal-adozzjoni mill-Kunsill tal-miżuri xierqa għas-sitwazzjoni ekonomika fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni jindika li dawn il-miżuri huma bbażati fuq l-assistenza bejn l-Istati Membri.

Barra minn hekk, l-adozzjoni ta’ tali prinċipju ta’ stat ta’ neċessità manifestament lanqas ma tifforma parti mill-miżuri ta’ assistenza finanzjarja li l-Kunsill jista’ jadotta abbażi tal-Artikolu 122(2) TFUE. Fil-fatt, għalkemm din id-dispożizzjoni tippermetti lill-Unjoni li tagħti, taħt ċerti kundizzjonijiet, assistenza finanzjarja f’waqtha lil Stat Membru, min-naħa l-oħra, din ma tistax tiġġustifika l-introduzzjoni leġiżlattiva ta’ mekkaniżmu ta’ abbandun tad-dejn, mhux l-inqas minħabba n-natura ġenerali u permanenti ta’ tali mekkaniżmu.

Barra minn hekk, peress li l-Artikolu 122 TFUE għandu biss bħala għan assistenza finanzjarja mogħtija mill-Unjoni u mhux mill-Istati Membri, l-adozzjoni ta’ prinċipju ta’ stat ta’ neċessità, jekk jitqies li dan jista’ jidħol taħt il-kunċett ta’ assistenza finanzjarja fis-sens tad-dispożizzjoni msemmija, ma tistax tidħol taħt il-miżuri ta’ assistenza mogħtija mill-Unjoni b’applikazzjoni tad-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq, b’mod partikolari minħabba li l-adozzjoni ta’ tali prinċipju ma tikkonċernax biss id-dejn ta’ Stat Membru lejn l-Unjoni, iżda wkoll id-dejn li jkun daħal għalih l-Istat imsemmi ma’ persuni ġuridiċi jew fiżiċi oħra, pubbliċi jew privati, minkejja li din is-sitwazzjoni manifestament ma hijiex koperta mid-dispożizzjoni inkwistjoni.

(ara l-punti 42, 43, 48‑50)

6.      Ir-rwol tal-Unjoni fil-qasam tal-politika ekonomika huwa limitat għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ koordinazzjoni. F’dan ir-rigward, l-adozzjoni ta’ att leġiżlattiv li jawtorizza n-nuqqas ta’ rimbors tad-dejn minn Stat Membru, minflok ma taqa’ taħt il-kunċett ta’ orjentazzjoni tal-politika ekonomika fis-sens tal-Artikolu 136(1)(b) TFUE, fir-realtà jkollha l-effett li tissostitwixxi mekkaniżmu leġiżlattiv ta’ abbandun unilaterali tad-dejn pubbliku minflok ir-rieda ħielsa tal-partijiet kontraenti, liema ħaġa din id-dispożizzjoni manifestament ma tippermettix.

(ara l-punt 58)

7.      Ir-rifjut li prinċipju ta’ stat ta’ neċessità jiġi integrat fit-testi tal-Unjoni, li jgħid li Stat Membru jista’ jiddeċiedi unilateralment li ma jirrimborsax id-dejn tiegħu totalment jew parzjalment minħabba li dan ikun jinsab fi problemi serji ta’ finanzjament, ma jmurx kontra l-klawżola ta’ solidarjetà ddefinita fl-Artikolu 222 TFUE, peress li din il-klawżola manifestament ma tirrigwarda la l‑politika ekonomika u monetarja, u lanqas is-sitwazzjoni ekonomika jew id-diffikultajiet baġitarji tal-Istati Membri.

(ara l-punt 60)

8.      Anki jekk jitqies li teżisti regola tad-dritt internazzjonali li tistabbilixxi prinċipju ta’ stat ta’ neċessità li jgħid li Stat Membru jista’ ma jirrimborsax id-dejn pubbliku f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali, is-sempliċi eżistenza ta’ tali prinċipju tad-dritt internazzjonali ma hijiex biżżejjed biex tibbaża inizjattiva leġiżlattiva min-naħa tal-Kummissjoni, peress li fit-Trattati ma ngħatat ebda kompetenza f’dan is-sens.

(ara l-punt 65)