Language of document :

Rikors ippreżentat fil-15 ta’ April 2014 – Il-Kummissjoni vs McCarron Poultry

(Kawża T-226/14)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: R. Van der Hout, avukat, u L. Cappelletti u F. Moro, aġenti)

Konvenuta: McCarron Poultry Ltd (Killacorn Emyvale, l-Irlanda)

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tordna lill-konvenuta tħallas lill-Kummissjoni Ewropea s-somma dovuta ta’ EUR 976 663.34, li tikkorrispondi għall-ammont prinċipali ta’ EUR 900 662.25, kif ukoll is s-somma ta’ EUR 76 001.09 bħala interessi moratorji kkalkolati bir-rata ta’ 2.5 % għall-perijodu bejn l-01/12/2010 u l-15/04/2014;

tordna lill-konvenuta tħallas lill-Kummissjoni Ewropea s-somma ta’ EUR 61 690 kuljum bħala interessi mis-16/04/2014 sad-data li fiha d-dejn jitħallas kompletament; u

tordna lill-konvenuita tħallas l-ispejjeż tal-proċedura.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka dan li ġej.

Dan ir-rikors qed jiġi ppreżentat taħt l-Artikolu 272 TFUE sabiex tingħata deċiżjoni mill-Qorti Ġenerali li biha l-konvenuta tiġi ordnata tirrimborsa lill-Kummissjoni Ewropea l-ammont prinċipali ta’ EUR 900 662.25 , bl-interessi, fir-rigward tal-kuntratt numru NNE5/1999/20229 dwar Attivitajiet Komunitarji fil-qasam tal-programm speċifiku ta’ RTD u demostrazzjoni fuq “Enerġija, Ambjent u Żvilupp sostenibbli – Parti B: Programm tal-enerġija”.Insostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea tqajjem motiv wieħed: il-Kummissjoni ssostni li l-konvenuta kisret l-obbligi kuntrattwali tagħha billi naqset milli tirrimborsa lill-Kummissjoni d-differenza bejn il-kontribuzzjoni finanzjarja dovuta lill-konvenuta u l-ammont totali mħallas mir-rikorrenti permezz ta’ pagamenti antiċipati u intermedji. Il-kummissjoni ssostni għaldaqstant li, skont il-kuntratt, il-konvenuta għandha tħallas is-somma dovuta.