Language of document : ECLI:EU:T:2016:313

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)

25 ta’ Mejju 2016 (*)

“Klawżola ta’ arbitraġġ — Il-Ħames Programm Qafas għal attivitajiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni (1998-2002) — Kuntratt li jikkonċerna l-qasam tal-“Enerġija, Ambjent u Żvilupp sostenibbli” — Xoljiment ta’ kuntratt — Rimbors ta’ parti mis-somom antiċipati — Interessi moratorji — Proċedura fil-kontumaċja”

Fil-Kawża T‑226/14,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn L. Cappelletti u F. Moro, sussegwentement minn F. Moro, bħala aġenti, assistiti minn R. van der Hout, avukat,

rikorrenti,

vs

McCarron Poultry Ltd, stabbilita fi Killacorn Emyvale (L-Irlanda),

konvenuta,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat skont l-Artikolu 272 TFUE intiż sabiex il-konvenuta tiġi kkundannata sabiex tirrimborsa parti mill-antiċipu mħallas mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-kuntratt NNE5/1999/20229, flimkien mal-interessi moratorji,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża),

komposta minn S. Papasavvas, President, I. Labucka, C. Wetter, E. Bieliūnas (Relatur) u V. Kreuschitz, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fis-27 ta’ April 2001, il-Komunità Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ikkonkludiet mal-kumpannija S., bħala koordinatur, kif ukoll mal-fornituri A., E., I. u McCarron Poultry Ltd (iktar ’il quddiem il-“konvenuta”) il-kuntratt NNE5/1999/20229 (iktar ’il quddiem il-“kuntratt”) bit-titolu “Attivitajiet Komunitarji fil-qasam tal-programm speċifiku ta’ RTD u dimostrazzjoni fuq ‘Enerġija, Ambjent u Żvilupp sostenibbli – Parti B: Programm tal-enerġija’”, li jaqa’ fil-kuntest tal-Ħames Programm Qafas tal-Komunità għal azzjonijiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni (1998-2002), bl-għan tat-twettiq tal-proġett “Optimised Biomass CHP Plant for Monaghan Integrating Condensing Economiser Technology” (impjant ta’ koġenerazzjoni tal-bijomassa ottimizzata f’Monaghan li tintegra t-teknoloġija tal-ekonomizzatur bil-kondensazzjoni).

2        Il-kuntratt, redatt bl-Ingliż huwa, skont l-Artikolu 5(1) tiegħu, irregolat mid-dritt Belġjan. Skont l-Artikolu 8(1) tal-kuntratt, dan tal-aħħar fih tliet Annessi li jagħmlu parti integrali minnu. L-Anness I jikkonċerna d-deskrizzjoni tax-xogħol li għandu jitwettaq, l-Anness II jelenka l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw il-kuntratt u l-Anness III isemmi l-mandati.

3        L-Artikolu 5(2) tal-kuntratt fih klawżola ta’ arbitraġġ, fis-sens tal-Artikolu 272 TFUE, redatta kif ġej:

“Il-Qorti tal-Ewwel Istanza [li saret il-Qorti Ġenerali], u, fil-każ ta’ appell, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej [li saret il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea], biss hija kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar kull tilwima li tqum bejn il-Komunità, minn naħa, u l-partijiet kontraenti, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-validità, [tal-]applikazzjoni u [tal-]interpretazzjoni ta’ dan il-kuntratt.”

4        Skont l-Artikolu 2(1) tal-kuntratt, il-proġett kellu jdum 58 xahar sa mill-ewwel jum tax-xahar li jsegwi l-aħħar firma tal-partijiet kontraenti. Għaldaqstant dan kien jirrigwarda l-perijodu mill-1 ta’ Mejju 2001 (data tal-għoti bidu tal-proġett) sat-28 ta’ Frar 2006.

5        Fir-rigward tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità, l-Artikolu 3 tal-Anness II jistipula dan li ġej:

“1.      Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità għandha titħallas skont il-prinċipji li ġejjin:

a)      Għandu jsir antiċipu inizjali lill-koordinatur fi żmien massimu ta’ 60 jum mid-data tal-aħħar firma tal-partijiet kontraenti. Il-koordinatur għandu jqassam dan l-antiċipu b’konformità mal-indikazzjonijiet li jinsabu fid-dikjarazzjoni ddettaljata li tindika l-ispejjeż eliġibbli wara l-firem ta’ dan il-kuntratt.

[…]

3.      Bla ħsara għall-Artikolu 26 ta’ dan l-Anness, il-ħlasijiet kollha għandhom jitqiesu bħala antiċipi sal-approvazzjoni tar-rapport finali.

4.      […]

Fil-każ ta’ nuqqas ta’ rimbors, mill-parti kontraenti, fit-terminu stabbilit mill-Kummissjoni, din għandha żżid is-somom dovut b’interess moratorju bir-rata applikabbli mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijet prinċipali tiegħu ta’ finanzjament mill-ġdid fl-ewwel jum tax-xahar li matulu jiskadi t-terminu stabbilit mill-Kummisjoni, miżjud b’punt u nofs, sakemm ma jkunux dovuti interessi skont dispożizzjoni oħra ta’ dan il-kuntratt. L-interessi għandhom jirrigwardaw il-perijodu mill-għada tal-iskadenza tat-terminu sad-data li fiha jiġu riċevuti l-fondi li għandhom jiġu rrimborsati.”

6        L-Artikolu 6(2) tal-kuntratt huwa fformulat kif ġej:

“Meta l-eżekuzzjoni tal-proġett tkun suġġetta għall-kisba ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva u meta din l-awtorizzazzjoni ma tkunx ngħatat fi żmien sena mid-data tal-għoti bidu stabbilit fl-Artikolu 2(1), il-Kummissjoni tista’ xxolji l-kuntratt immedjatament, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 tal-Anness II tal-kuntratt.”

7        It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 7(6) tal-Anness II tal-kuntratt, bit-titolu “Xoljiment tal-kuntratt jew tmiem tal-parteċipazzjoni ta’ parti kontraenti”, jipprevedi dan li ġej:

“Fil-każ ta’ xoljiment tal-kuntratt jew ta’ tmiem tal-parteċipazzjoni ta’ parti kontraenti:

a)      […] il-Kummissjoni tista’ titlob ir-rimbors tat-totalità jew ta’ parti mill-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni n-natura u r-riżultati tax-xogħlijiet imwettqa kif ukoll tal-utilità tagħhom għall-Komunià fil-kuntest tal-programm speċifiku kkonċernat,

[…]”

8        Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(4) tal-Anness II tal-kuntratt, “[m]eta l-kontribuzzjoni finanzjarja totali dovuta mill-Komunità, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-aġġustamenti eventwali, inklużi dawk li jirriżultaw minn awditu finanzjarju kif imsemmi fl-Artikolu 26 ta’ dan l-Anness, tkun inferjuri għall-ammont totali tal-ħlasijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, il-partijiet kontraenti kkonċernati għandhom jirrimborsaw id-differenza f’Euro fit-terminu mogħti mill-Kummissjoni fit-talba tagħha mibgħuta permezz ta’ ittra rreġistrata b’konferma ta’ rċevuta”.

9        B’applikazzjoni tal-Artikolu 3 tal-kuntratt, kif emendat permezz tal-addendum Nru 1, iffirmat fis-6 ta’ Settembru 2004, it-total tal-ispejjeż eliġibbli tal-proġett kien stabbilit għal EUR 46 388 002 u l-ammont totali tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità kien stabbilit għal EUR 2 975 000.

10      Fil-21 ta’ Ġunju 2001, il-Kummissjoni ħallset antiċipu inizjali ta’ EUR 892 500 fil-kont tal-bank tal-kumpannija S., u mbagħad, fit-12 ta’ Settembru 2003, wettqet ħlas intermedjarju ta’ EUR 71 862.28. Bħala koordinatur, il-kumpannija S. sussegwentement kellha l-missjoni li tqassam dawn is-somom bejn id-diversi partijiet kontraenti skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fid-dikjarazzjoni ddettaljata indikattiva tal-ispejjeż eliġibbli annessa mal-kuntratt.

11      Permezz tal-addendum Nru 1 għall-kuntratt, il-kumpannija S. irtirat ruħha mill-proġett u ġiet issostitwita mill-konvenuta bħala koordinatur ġdid, b’effett mill-1 ta’ Mejju 2003.

12      B’riżultat ta’ din l-addendum, il-fondi mħallsa mill-Kummissjoni lill-koordinatur inizjali ġew mgħoddija minnu lill-konvenuta. Dan il-ħlas seħħ fis-17 ta’ Settembru 2004.

13      Permezz ta’ ittra rreġistrata b’konferma ta’ rċevuta tas-7 ta’ Diċembru 2005 mibgħuta lill-konvenuta, il-Kummissjoni indikat li l-proġett kellu “xi dewmien kunsiderevoli sa mill-għoti bidu tiegħu” u li “[p]arti żgħira biss mix-xogħlijiet imsemmija fil-kuntratt [kienu] twettqu sa [dik id-data]”. Minn din l-ittra jirriżulta wkoll li kemm il-posta elettronika tal-konvenuta tat-13 ta’ Ġunju 2005 kif ukoll ir-rapporti ta’ progress stabbiliti minnha fil-31 ta’ Mejju u fil-15 ta’ Novembru 2005 kienu jagħtu xhieda tan-nuqqas tal-abbiltà tal-partijiet kontraenti li jiksbu l-awtorizzazzjonijiet meħtieġa għat-twettiq tal-proġett.

14      Għalhekk, il-Kummissjoni ġibdet l-attenzjoni tal-konvenuta, fir-rigward tat-tliet xhur, bejn wieħed u ieħor, li kien fadal qabel l-għeluq tal-proġett, għar-rekwiżiti li għandhom jiġu osservati fir-rigward tad-dokumenti, sabiex il-parti kontraenti tkun tista’ titlob estensjoni tal-proġett permezz tal-iffirmar ta’ addendum għall-kuntratt, skont l-Artikolu 7 tal-kuntratt.

15      Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Jannar 2006, il-konvenuta talbet estensjoni tal-kuntratt għal perijodu addizzjonali ta’ tliet snin, iżda hija ma pprovdiet ebda wieħed mid-dokumenti mitluba mill-Kummissjoni fl-ittra tas-7 ta’ Diċembru 2005.

16      Permezz ta’ ittra rreġistrata b’konferma ta’ rċevuta tal-20 ta’ Marzu 2006, il-Kummissjoni informat lill-konvenuta li t-talba tagħha għal estensjoni ma setgħetx tiġi aċċettata għaliex, minn naħa, l-awtorizzazzjonijiet essenzjali għat-twettiq tal-proġett ma kinux ġew miksuba, b’mod li ma kienet teżisti “ebda possibbiltà li l-proġett jitlesta fi żmien raġonevoli” u, min-naħa l-oħra, din it-talba ġiet riċevuta mill-Kummissjoni biss fit-3 ta’ Frar 2006, jiġifieri wara l-iskadenza tat-terminu previst fl-Artikolu 7 tal-kuntratt sabiex tintalab emenda tiegħu, jiġifieri l-1 ta’ Jannar 2006.

17      Għaldaqstant, f’din l-istess ittra, il-Kummissjoni indikat lill-konvenuta bid-deċiżjoni tagħha li xxolji l-kuntratt, skont l-Artikolu 7(1)(a) tal-Anness II tal-kuntratt u skont l-Artikolu 6(2) tal-kuntratt. Il-Kummissjoni informat lill-konvenuta li x-xoljiment kellu jidħol fis-seħħ sa mid-data li fiha tiġi riċevuta l-imsemmija ittra.

18      Fl-aħħar nett, sabiex tagħlaq il-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni talbet lill-konvenuta sabiex tippreżenta rapport ta’ sinteżi finali u dikjarazzjoni finali tal-ispejjeż għall-perijodu mid-data ta’ għoti bidu tal-proġett sad-data tat-tmiem tiegħu, fi żmien xahar minn meta tiġi riċevuta l-imsemmija ittra.

19      Wara li rċeviet ir-rapport ta’ sinteżi finali u d-dikjarazzjoni finali tal-ispejjeż fil-5 ta’ Mejju 2006 u b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li, matul it-tul tal-proġett, din kienet irċeviet erba’ verżjonijiet differenti tal-formularju li jagħmel rikapitulazzjoni tal-ammonti mgħoddija mill-koordinatur lill-partijiet kontraenti l-oħra (jiġifieri l-“Formularju E3”), il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet kontraenti kollha, permezz ta’ ittra rreġistrata b’konferma ta’ rċevuta tal-15 ta’ Mejju 2007, sabiex jibagħtulha dikjarazzjoni li tindika l-ammonti riċevuti (u, f’ċerti każijiet, mgħoddija), fil-kuntest tal-proġett, sabiex għal kull parti kontraenti tistabbilixxi l-ammont definittiv li għandu jitħallas mill-Unjoni Ewropea jew li l-Unjoni Ewropea għandha tirkupra.

20      Il-kumpanniji E., I. u A. bagħtu d-dikjarazzjoni tagħhom lill-Kummissjoni permezz ta’ ittri tat-8 ta’ Ġunju, tat-12 ta’ Ġunju u tas-17 ta’ Settembru 2007 rispettivament. Minn dan jirriżulta li, bħala partijiet fil-kuntratt, il-kumpanniji I. u A. ma rċevewx fondi, filwaqt li l-kumpannija E. irċeviet ammont għall-proġett.

21      Wara diversi skambji ta’ posta mal-konvenuta u l-kumpannija S. intiżi sabiex jiġu ddeterminati l-ammonti mħallsa fil-kuntest tal-proġett u wara analiżi tar-rapporti finanzjarji u tekniċi sottomessi fil-kuntest tal-kuntratt, il-Kummissjoni stabbilixxiet, għal kull parti kontraenti, l-ammont tal-ispejjeż eliġibbli vvalidati, dak tal-kontribuzzjoni dovuta mill-Unjoni, dak tal-kontribuzzjoni mħallsa mill-Unjoni u, fl-aħħar nett, l-ammonti li għandhom jitħallsu mill-Unjoni jew dawk li l-Unjoni għandha tirkupra.

22      L-ammont li kellha tirkupra mingħand il-konvenuta kien ta’ EUR 848 926.33 u ġie kkalkolat b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja riċevuta minn din il-kumpannija mingħand l-Unjoni wara l-iffirmar tal-addendum Nru 1 għall-kuntratt, li kienet ta’ total ta’ EUR 964 362.28, li tikkorrispondi għas-somma tal-finanzjament bil-quddiem ta’ EUR 892 500 u tal-ħlas intermedju ta’ EUR 71 862.28, li minnha tnaqqsu l-kontribuzzjoni dovuta lill-konvenuta (EUR 4 073.54), il-kontribuzzjoni mgħoddija minn din tal-aħħar lill-kumpannija S. (EUR 40 782.04 għall-ispejjeż ta’ koordinazzjoni u tal-proġett) u lill-kumpannija E. (EUR 18 844.45) kif ukoll il-kontribuzzjoni finanzjarja li għandha tiġi mgħoddija mill-konvenuta lill-kumpannija I. (EUR 41 458.53) u lill-kumpannija A. (EUR 10 277.39).

23      Permezz ta’ ittra ta’ preavviż irreġistrata b’konferma ta’ rċevuta, tas-27 ta’ April 2010, il-Kummissjoni informat lill-konvenuta bl-intenzjoni tagħha li tibagħtilha nota ta’ debitu, bl-għan li tirkupra ammont ta’ EUR 848 926.33, bil-kundizzjoni li l-konvenuta tgħaddilha l-provi tal-ħlasijiet magħmula lill-kumpanniji I. u A. fi żmien erba’ ġimgħat sa minn meta tirċievi l-ittra. F’din l-ittra ta’ preavviż, il-Kummissjoni ppreċiżat li, fin-nuqqas ta’ dawn il-provi ta’ ħlas, l-ammont li għandu jiġi rkuprat mingħand il-konvenuta kien ser jitla’ minn EUR 848 926.33 għal EUR 900 662.25, li jikkorrispondi għall-ammont li għandu jiġi rkuprat mingħand il-konvenuta u li miegħu jiżdiedu l-kontribuzzjonijiet finanzjarji li l-Kummissjoni kienet għad trid tħallas lill-kumpanniji I. u A. u li huma ta’ EUR 41 458.53 u ta’ EUR 10 277.39 rispettivament.

24      Peress li l-konvenuta ma ppreżentat ebda prova ta’ ħlas lill-kumpanniji I. u A., ma rrimborsatx l-ammont dovut u ma kkontestax il-kalkoli esposti fl-ittra ta’ preavviż, il-Kummissjoni ħarġet nota ta’ debitu, bin-numru 3241009140, għal ammont ta’ EUR 900 662.25 fir-rigward tal-konvenuta. In-nota ta’ debitu, mibgħuta permezz ta’ ittra rreġistrata b’konferma ta’ rċevuta tal-24 ta’ Settembru 2010, kienet tippreċiża li, jekk l-ammont indikat ikun għadu ma ġiex irrimborsat sat-30 ta’ Novembru 2010, id-dejn prinċipali se jiżdied b’interessi moratorji.

25      Fit-2 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ tfakkira lill-konvenuta u, peress li l-ħlas kien għadu ma twettaqx, hija intimatha permezz ta’ ittra rreġistrata b’konferma ta’ rċevuta tal-4 ta’ Jannar 2011, sabiex tħallasha l-ammont dovut prinċipali flimkien mal-interessi moratorji kkalkolati skont l-Artikolu 3(4) tal-Anness II tal-kuntratt.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-Kummissjoni

26      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ April 2014, il-Kummissjoni ressqet din il-kawża.

27      Wara li n-notifika tar-rikors lill-konvenuta, imwettqa skont l-Artikolu 100(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991, ma rnexxilhiex isseħħ darbtejn, fil-25 ta’ April u fit-3 ta’ Lulju 2014 il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fuq talba tal-Kummissjoni, li twettaq in-notifika tar-rikors lill-konvenuta billi tirrikorri għas-servizzi tal-marixxall tal-qorti.

28      Ir-rikors ġie debitament innotifikat lill-konvenuta permezz tal-marixxall tal-qorti fis-17 ta’ Novembru 2014.

29      Peress li l-konvenuta ma pproduċietx risposta fit-terminu mogħti lilha, fl-10 ta’ Marzu 2015 il-Kummissjoni talbet lill-Qorti Ġenerali sabiex tilqa’ t-talbiet tagħha, skont l-Artikolu 122(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991. Ir-reġistratur innotifika din it-talba lill-konvenuta.

30      Minħabba impediment ta’ Membru tat-Tielet Awla, il-President tal-Qorti Ġenerali ħatar imħallef ieħor sabiex jikkompleta l-Awla.

31      Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Ġunju 2015 il-Qorti Ġenerali għamlet xi domandi bil-miktub lill-Kummissjoni, li rrispondiet għalihom fid-9 ta’ Lulju 2015.

32      Fuq proposta tat-Tielet Awla, il-Qorti Ġenerali, b’applikazzjoni tal-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tirrinvija l-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

33      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tikkundanna lill-konvenuta tħallasha s-somma dovuta ta’ EUR 976 663.34, jiġifieri EUR 900 662.25 bħala somma prinċipali u EUR 76 001.09 bħala interessi moratorji kkalkolati bir-rata ta’ 2.50 % għall-perijodu ta’ mill-1 ta’ Diċembru 2010 u sal-15 ta’ April 2014;

–        tikkundanna lill-konvenuta tħallasha s-somma ta’ EUR 61.69 kull jum bħala interessi sa mis-16 ta’ April 2014 u sad-data tar-rimbors sħiħ tad-dejn;

–        tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq l-applikabbiltà tal-Artikolu 123(3) tar-Regoli tal-Proċedura

34      Għandu jiġi kkonstatat li, minkejja li r-rikors tal-Kummissjoni ġie nnotifikat lill-konvenuta b’mod regolari, din tal-aħħar ma pproduċietx, fit-termini preskritti, risposta fis-sens tal-Artikolu 46 tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991. Konsegwentement, fl-10 ta’ Marzu 2015, il-Kummissjoni ressqet talba, ibbażata fuq l-Artikolu 122(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, intiża sabiex il-Qorti Ġenerali tilqa’ t-talbiet tagħha. Issa, fl-1 ta’ Lulju 2015, ir-Regoli tal-Proċedura l-ġodda tal-Qorti ġenerali, li, fl-Artikolu 123 tagħhom, fihom dispożizzjonijiet ġodda dwar il-proċedura fil-kontumaċja, daħlu fis-seħħ. Għaldaqstant għandu jiġi determinat liema dispożizzjoni hija applikabbli għall-kawża preżenti.

35      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura l-ġodda huma, bħala dispożizzjonijiet proċedurali, applikabbli immedjatament sa mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmija regoli (digrieti tal-10 ta’ Diċembru 1997, Smets vs Il-Kummissjoni, T‑134/96, EU:T:1997:193, punt 16, u tat-30 ta’ Mejju 2002, Coe Clerici Logistics vs Il-Kummissjoni, T‑52/00, EU:T:2002:134, punt 23) u konsegwentement japplikaw għall-kawżi kollha pendenti fil-mument li dawn jidħlu fis-seħħ (sentenza tat-12 ta’ Novembru 1981, Meridionale Industria Salumi et, 212/80 sa 217/80, EU:C:1981:270, punt 9), bla ħsara, b’mod partikolari, għad-dispożizzjonijiet tranżitorji.

36      Issa, f’dan il-każ, ebda dispożizzjoni tranżitorja ma tirrigwarda b’mod espress l-Artikolu 123 tar-Regoli tal-Proċedura.

37      Minn dan isegwi li din id-dispożizzjoni għandha titqies li hija applikabbli immedjatament mad-dħul fis-seħħ tar-Regoli tal-Proċedura fl-1 ta’ Lulju 2015 u, għaldaqstant, li hija applikabbli għall-kawża preżenti.

38      Anki jekk wieħed jippreżupponi li r-regoli applikabbli sabiex it-talbiet tar-rikorrenti jintlaqgħu fil-kuntest ta’ proċedura fil-kontumaċja jistgħu jitqiesu li parzjalment jaqgħu fid-dritt sostantiv sa fejn dawn jaffettwaw b’mod dirett l-interessi tal-partijiet fil-kawża, din iċ-ċirkustanza ma għandha ebda influwenza. Fil-fatt, peress li s-sitwazzjoni li nħolqot mill-assenza ta’ preżentata ta’ risposta u mit-tressiq ta’ talba intiża sabiex it-talbiet tar-rikorrenti jintlaqgħu tinħoloq b’mod definittiv biss fil-mument fejn il-Qorti Ġenerali tagħti deċiżjoni dwar l-imsemmija talba, l-imsemmija regoli huma applikabbli immedjatament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs Freistaat Sachsen, C‑334/07 P, EU:C:2008:709, punti 43 u 44 tal-ġurisprudenza ċċitata).

 Fuq il-mertu

39      Skont l-Artikolu 123(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali għandha tilqa’ t-talbiet tar-rikorrent, sakemm manifestament ma jkollhiex kompetenza sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikors jew sakemm dan ir-rikors ma jkunx manifestament inammissibbli jew manifestament infondat fid-dritt.

40      Għaldaqstant, huwa biżżejjed li l-Qorti Ġenerali tikkonstata li, f’dan il-każ, l-ewwel nett, hija għandha l-kompetenza sabiex tieħu konjizzjoni ta’ dan ir-rikors skont il-klawżola ta’ arbitraġġ, fis-sens tal-Artikolu 272 TFUE, li tinsab fl-Artikolu 5(2) tal-kuntratt, it-tieni nett, ma hemm ebda dubju li dan ir-rikors huwa ammissibbli u, it-tielet nett, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-kuntratt imfakkra fil-punti 2 sa 9 iktar ’il fuq u mid-deskrizzjoni tal-fatti mwettqa mill-Kummissjoni fil-kuntest tar-rikors u appoġġjati mill-atti tal-proċess, ir-rikors ma huwiex manifestament infondat fid-dritt.

41      Għaldaqstant, it-talbiet tal-Kummissjoni kif imfakkra fil-punt 33 iktar ’il fuq għandhom jintlaqgħu.

42      Barra minn hekk, f’dak li jikkonċerna l-ħlas tal-interessi moratorji, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(4) tal-Anness II tal-kuntratt jirriżulta li s-somom dovuti huma miżjuda b’interess moratorju bir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għall-operazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ finanzjament mill-ġdid fl-ewwel jum tax-xahar li matulu jiskadi t-terminu stabbilit mill-Kummissjoni, miżjud b’punt u nofs. Billi l-Kummissjoni stabbilixxiet dan it-terminu għat-30 ta’ Novembru 2010, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni r-rata fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 2010. Mill-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2010, C 298, p. 5) jirriżulta li, fl-1 ta’ Novembru 2010, ir-rata ta’ interess applikata mill-BĊE għall-operazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ finanzjament mill-ġdid kienet iffissata għal 1 %. F’dawn il-kundizzjonijiet, ir-rata ta’ interess applikabbli f’dan il-każ għandu jkun stabbilit għal 2.50 % fis-sena.

43      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(4) tal-Anness II tal-kuntratt jistipula wkoll li l-interessi jirrigwardaw il-perijodu mill-jum ta’ wara d-data ta’ skadenza sal-jum li fih jiġu riċevuti l-fondi li għandhom jiġu rrimborsati. Peress li t-terminu stabbilit mill-Kummissjoni skada fit-30 ta’ Novembru 2010, l-interessi moratorji għandhom jirrigwardaw il-perijodu mill-1 ta’ Diċembru 2010 sad-data tal-ħlas sħiħ tad-dejn.

44      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, il-konvenuta għandha tiġi kkundannata tirrimborsa lill-Kummissjoni s-somma ta’ EUR 900 662.25, flimkien ma’ interessi moratorji bir-rata ta’ 2.50 % fis-sena, li jiddekorru mill-1 ta’ Diċembru 2010 u sad-data tal-ħlas sħiħ tad-dejn, li jikkorrispondu għal interessi moratorji ta’ EUR 61.69 kuljum.

 Fuq l-ispejjeż

45      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-konvenuta tilfet il-kawża, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      McCarron Poultry Ltd hija kkundannata tirrimborsa lill-Kummissjoni Ewropea s-somma ta’ EUR 900 662.25 flimkien ma’ interessi moratorji bir-rata ta’ 2.50 % fis-sena, li jiddekorru mill-1 ta’ Diċembru 2010 u sad-data tal-ħlas sħiħ tad-dejn.

2)      McCarron Poultry hija kkundannata għall-ispejjeż.

Papasavvas

Labucka

Wetter

Bieliūnas

 

       Kreuschitz

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-25 ta’ Mejju 2016.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.