Language of document : ECLI:EU:T:2016:313

Kawża T‑226/14

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

McCarron Poultry Ltd

“Klawżola ta’ arbitraġġ – Il-Ħames Programm Qafas għal attivitajiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni (1998-2002) – Kuntratt li jikkonċerna l-qasam tal-“Enerġija, Ambjent u Żvilupp sostenibbli” – Xoljiment tal-kuntratt – Rimbors ta’ parti mis-somom antiċipati – Interessi moratorji – Proċedura fil-kontumaċja”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla Estiża) tal-25 ta’ Mejju 2016

Proċedura ġudizzjarja – Emendi għar-Regoli tal-Proċedura – Applikazzjoni immedjata fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet tranżitorji – Regoli applikabbli sabiex it-talbiet tar-rikorrenti jintlaqgħu fil-kuntest ta’ proċedura fil-kontumaċja

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 123)

Id-dispożizzjonijiet ta’ Regoli tal-Proċedura ġodda huma, bħala dispożizzjonijiet proċedurali, applikabbli immedjatament sa mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmija regoli u konsegwentement japplikaw għall-kawżi kollha pendenti fil-mument li dawn jidħlu fis-seħħ, bla ħsara, b’mod partikolari, għad-dispożizzjonijiet tranżitorji. F’dan ir-rigward, f’dak li jikkonċerna l-Artikolu 123 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali dwar il-proċedura fil-kontumaċja wara l-assenza ta’ preżentata ta’ risposta, peress li ebda dispożizzjoni tranżitorja ma tirrigwarda b’mod espress l-imsemmi Artikolu 123, din id-dispożizzjoni għandha titqies li hija applikabbli immedjatament mad-dħul fis-seħħ tar-Regoli tal-Proċedura fl-1 ta’ Lulju 2015.

Barra minn hekk, anki jekk wieħed jippreżupponi li r-regoli applikabbli sabiex it-talbiet tar-rikorrenti jintlaqgħu fil-kuntest ta’ proċedura fil-kontumaċja jistgħu jitqiesu li parzjalment jaqgħu fid-dritt sostantiv sa fejn dawn jaffettwaw b’mod dirett l-interessi tal-partijiet fil-kawża, din iċ-ċirkustanza ma għandha ebda influwenza. Fil-fatt, peress li s-sitwazzjoni li nħolqot mill-assenza ta’ preżentata ta’ risposta u mit-tressiq ta’ talba intiża sabiex it-talbiet tar-rikorrenti jintlaqgħu tinħoloq b’mod definittiv biss fil-mument fejn il-Qorti Ġenerali tagħti deċiżjoni dwar l-imsemmija talba, l-imsemmija regoli huma applikabbli immedjatament.

(ara l-punti 35-38)