Language of document :

Rikors ippreżentat fid-29 ta' Jannar 2013 - Club Hotel Loutraki et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-58/13)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Club Hotel Loutraki (Loutraki, il-Greċja); Vivere Entertainment AE (Ateni, il-Greċja); Theros International Gaming, Inc. (Patra, il-Greċja); Elliniko Casino Kerkyras (Ateni); Casino Rodos (Ródos, il-Greċja); Porto Carras AE (Alimos, il-Greċja); u Kazino Aigaiou AE (Syros, il-Greċja) (rappreżentanti: S. Pappas, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2012) 6777 finali dwar l-għajnuna mill Istat SA 33988 (2011/N) tat-3 ta' Ottubru 2012;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw erba' motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq allegazzjoni ta' ksur tad-dritt għal smigħ tar-rikorrenti, kif stabbilit fl-Artikolu 108(2) TFUE, minħabba n-nuqqas tal-Kummissjoni li tiftaħ proċedura ta' investigazzjoni formali skont l-Artikoli 4(4), 6 u 20 tar-Regolament Nru 659/1999, u dan jikkostitwixxi abbuż ta' poter.

Il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 108(2) TFUE u l-Artikoli 4 et seq tar-Regolament, sa fejn hija essenzjalment wettqet proċedura ta' investigazzjoni formali mingħajr ma osservat ir-rekwiżiti proċedurali tagħha u b'dan il-mod ċaħħdet lir-rikorrenti u lill-partijiet interessati l-oħra mid-dritt għal smigħ tagħhom.

It-tieni motiv ibbażat fuq allegat ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni u tad-dritt tar-rikorrenti għall-amminstrazzjoni tajba skont l-Artikoli 296 TFUE u 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea rispettivament.

Billi tħalli barra d-data u l-figuri ekonomiċi kruċjali kollha, id-deċiżjoni kkontestata tonqos milli tesponi b'mod ċar u koerenti r-raġunament segwit mill-Kummissjoni b'tali mod li tippermetti lir-rikorrenti jidentifikaw ir-raġunijiet li wasslu għall-konklużjoni li l-miżuri inkwistjoni ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat. Dawn in-nuqqasijiet ma jistħgux jiġu ġġustifikati b'riferiment għall-obbligu ta' protezzjoni tas-sigriet tan-negozju.

Ir-rikorrenti jikkuntestaw ukoll in-natura kunfidenzjali tad-dimensjonijiet ekonomiċi kruċjali.

It-tielet motiv ibbażat fuq allegat ksur tad-dritt tar-rikorrenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva previst fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB) u fl-Artikolu 47 tal- Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Għall istess raġunijiet esposti fit-tieni motiv, id-dritt tar-rikorrenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva qiegħed jinkiser. Ir-rikorrenti qegħdin jiltaqgħu ma' diffikultajiet biex jikkuntestaw direttament il-mertu tad-deċiżjoni kkontestata, peress li ma humiex f'pożizzjoni li jidentifikaw, b'xi mod, ir-raġunament warajha, peress li din hija bbażata biss fuq data ekonomika li ma ġietx żvelata.

Ir-raba' motiv ibbażat fuq allegazzjoni ta' żball manifest ta' liġi sa fejn ġie deċiż li l-Ftehim VLT flimkien mal-Addendum huma konformi u sa fejn ġie konkluż li dawn ma jagħtux vantaġġ ekonomiku lill-OPAP.

L-għoti ta' vantaġġi ekonomiċi, li huwa rekwiżit formali għall-eżistenza ta' għajnuna mill-Istat, għandu jiġi evalwat fid-dawl ta' suq separat u mhux f'dak ta' teħid inkunsiderazzjoni flimkien ma' miżuri simili oħra mogħtija lill-istess persuna iżda f'suq differenti, irrispettivament minn jekk dan tal-aħħar huwiex paragunabbli ma' dak tal-ewwel. Jekk ikun mod ieħor il-protezzjoni tal-kompetizzjoni tkun tabilħaqq frammentarja.

F'kull każ, tali evalwazzjoni flimkien ma tistax issir fir-rigward ta' miżuri li għandhom jiġu applikati f'perijodi differenti.

____________