Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Rechtbank Den Haag (il-Pajjiżi l-Baxxi) fis-26 ta’ Frar 2024 – V vs Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid

(Kawża C-147/24, Safi 1 )

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Rechtbank Den Haag

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: V

Konvenut: Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid

Domandi preliminari

L-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma huwiex eskluż li ġenitur ċittadin ta’ pajjiż terz ikollu jingħata dritt ta’ residenza derivat fl-Istat Membru fejn il-wild minuri tiegħu għandu ċ-ċittadinanza u fejn il-wild tiegħu jirrisjedi mingħajr ma eżerċita d-drittijiet marbuta man-nazzjonalità tiegħu, minkejja li dan il-ġenitur ċittadin ta’ pajjiż terz ikollu dritt ta’ residenza fi Stat Membru ieħor?

Jekk ma huwiex eskluż li ġenitur ċittadin ta’ pajjiż terz ikollu jingħata dritt ta’ residenza derivat fl-Istat Membru fejn il-wild minuri tiegħu għandu ċ-ċittadinanza u fejn il-wild tiegħu jirrisjedi mingħajr ma eżerċita d-drittijiet marbuta man-nazzjonalità tiegħu, minkejja li dan il-ġenitur ċittadin ta’ pajjiż terz ikollu dritt ta’ residenza fi Stat Membru ieħor:

L-Artikolu 20 TFUE jimponi, fid-dawl tal-Artikolu 5(a) u (b) tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment 1 u tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/115, meta tkun teżisti relazzjoni ta’ dipendenza li tkun tiġġustifika l-għoti ta’ dritt ta’ residenza derivat abbażi tal-imsemmi Artikolu 20 TFUE, obbligu fuq l-awtorità kompetenti li tiżgura li l-eżerċizzju tad-dritt għal moviment liberu u ta’ residenza jkun fl-interess superjuri tal-wild u li l-eżerċizzju tal-ħajja tal-familja jkun jista’ jkompli, qabel ma l-ġenitur ċittadin ta’ pajjiż terz jiġi ordnat jippreżenta ruħu immedjatament fl-Istat Membru li fih dan il-ġenitur għandu permess ta’ residenza jew awtorizzazzjoni ta’ residenza oħra u dawn l-elementi għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni matul l-eżami tal-applikazzjoni għal permess ta’ residenza derivat?

____________

1     L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.

1     ĠU 2008, L 348, p. 98.