Language of document : ECLI:EU:C:2008:437

Kawża C-66/08

Proċeduri dwar l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra Szymon Kozłowski

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Stuttgart)

“Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali — Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI — Mandat ta’ arrest Ewropew u proċeduri ta’ konsenja bejn Stati Membri — Artikolu 4(6) — Raġuni għall-għażla tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew — Interpretazzjoni tat-termini ‘residenta [residenti]’ u ‘toqgħod’ fl-Istat Membru li jeżegwixxi”

Sommarju tas-sentenza

1.        Unjoni Ewropea — Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali — Deċiżjoni Qafas fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn Stati Membri

(Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584, Artikolu 4(6))

2.        Unjoni Ewropea — Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali — Deċiżjoni Qafas fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn Stati Membri

(Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584, Artikolu 4(6))

1.        L-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, li jawtorizza lill-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi li tirrifjuta li teżegwixxi tali mandat maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ sentenza meta l-persuna mfittxija “qed toqgħod fi, jew hi ċittadina jew residenta [residenti] tal-Istat Membru li jeżegwixxi”, u dan l-Istat jintrabat li jeżegwixxi s-sentenza skond il-liġi domestika tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna mfittxija “tirrisjedi” fl-Istat Membru li jeżegwixxi meta tkun stabbilixxiet ir-residenza reali tagħha f’dan tal-aħħar u hija “toqgħod” hemm meta, wara perijodu stabbli ta’ ċertu tul ta’ żmien li tkun qattgħet f’dan l-Istat Membru, tkun akkwistat rabtiet ma’ dan l-Istat ta’ livell simili għal dawk li jirriżultaw minn residenza.

Fil-fatt, peress li l-imsemmija deċiżjoni qafas hija intiża sabiex tistabbilixxi sistema ta’ konsenja bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ persuni kkundannati jew issuspettati għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ sentenzi jew ta’ proċeduri kriminali bbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, konsenja li għaliha l-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi tista’ topponi biss abbażi ta’ waħda mir-raġunijiet previsti fid-Deċiżjoni Qafas, it-termini “toqgħod” u “residenta [residenti]”, li jiddeterminaw il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(6) tagħha, għandhom jiġu ddefiniti b’mod uniformi peress li jirrigwardaw kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, fil-liġi nazzjonali tagħhom li tittrasponi dan l-Artikolu 4(6), l-Istati Membri m’għandhomx id-dritt li jagħtu lil dawn it-termini tifsira aktar wiesgħa minn dik li tirriżulta minn tali interpretazzjoni uniformi.

(ara l-punti 43, 46, 54 u d-dispożittiv)

2.        Sabiex jiġi ddeterminat, fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment [konsenja] bejn l-Istati Membri, jekk jeżistux rabtiet bejn il-persuna mfittxija u l-Istat Membru li jeżegwixxi li jippermettu li jiġi kkonstatat li din il-persuna hija koperta bit-terminu “toqgħod” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li tawtorizza lill-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi li tirrifjuta li teżegwixxi tali mandat maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ sentenza meta l-persuna mfittxija toqgħod fl-Istat Membru li jeżegwixxi, hija l-imsemmija awtorità li għandha tagħmel evalwazzjoni globali ta’ diversi fatturi oġġettivi li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni ta’ din il-persuna, li jinkludu, partikolarment, it-tul, in-natura u l-kundizzjonijiet taż-żmien li l-persuna mfittxija tkun qattgħet fl-Istat Membru li jeżegwixxi kif ukoll ir-rabtiet familjari u ekonomiċi li din il-persuna jkollha mal-Istat Membru li jeżegwixxi.

(ara l-punti 48, 54 u d-dispożittiv)