Language of document :

Rikors ippreżentat fil-11 ta' Ġunju 2007 - RSA Security Ireland vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-210/07)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: RSA Security Ireland Ltd (Shannon, l-Irlanda) (rappreżentanti: S. Daly, Solicitor u B. Conway, Barrister)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, kif innotifikata lir-rikorrenti mill-Kummissarji tat-Taxxi fit-30 ta' Marzu 2007, peress li ma tikklassifikax il-prodott tar-rikorrenti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tariffarja taħt in-Nomenklatura Magħquda b'riferenza għall-karatteristiċi u kwalitajiet oġġettivi tal-prodott;

tiddikjara li l-klassifikazzjoni doganali tal-prodott għandha tiġi stabbilita skond il-karatteristiċi intrinsiċi tal-prodott, jiġifieri bħala unità ta' magna awtomatika għal ipproċessar ta' data, u għaldaqstant għandu jiġi kklassifikat skond it-termini tal-Kapitolu 8471 tan-Nomenklatura Magħquda; jew, alternattivament

tiddikjara li l-prodott għandu jiġi kklassifikat b'riferenza għall-karatteristiċi essenzjali tiegħu bħala magna għall-ipproċessar tad-data jew apparat skond il-Kapitolu 8470 tan-Nomenklatura Magħquda;

tiddikjara li skond ir-regoli aċċettati ta' klassifikazzjoni ta' prodotti għall-iskopijiet ta' dwana Komunitarja, il-karatteristika essenzjali tal-prodott mhijiex dik ta' apparat ta' sigurtà jew mezz ta' aċċess għal data kemm jekk miżmuma fuq magna awtomatika għal ipproċessar ta' data jew le;

tordna r-rimborż lir-rikorrenti ta' dawk id-dazji doganali li tħallsu minnha fir-rigward ta' l-importazzjoni tal-prodott fil-Komunità sa mid-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni flimkien mal-ħlas ta' l-interessi lir-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li r-rikorrenti kienet innotifikata biha permezz ta' messaġġ elettroniku tat-30 ta' Marzu 2007 mill-Kummissarji tat-Taxxi, b'risposta għal applikazzjoni għal informazzjoni tariffarja obbligatorja ppreżentata mir-rikorrenti fir-rigward ta' apparat ta' sigurtà li jista' jitwaħħal ma' magna awtomatika għal ipproċessar ta' data msejħa "SID 800 Product".

Ir-rikorrenti tgħid li d-deċiżjoni kif innotifikata fl-ewwel istanza lill-Kummissarji tat-Taxxi u b'hekk lir-rikorrenti stess naqset milli tikklassifika l-prodott tar-rikorrenti b'riferenza għall-karatteristiċi u kwalitajiet oġġettivi tiegħu, u stabbilixxiet il-klassifikazzjoni tariffarja b'mod li jikkostitwixxi żball fundamentali fid-dritt.

Ir-rikorrenti tkompli billi tgħid li l-klassifikazzjoni tariffarja korretta tal-prodott b'riferenza għall-karatteristiċi essenzjali tiegħu għandha tkun dik ta' magna awtomatika għal ipproċessar ta' data skond il-Kapitolu 8471 tal-Kodiċi Doganali Komunitarju1 peress li l-prodott huwa konformi mar-rekwiżiti tan-Nota 5(B) tal-Kapitolu 8471 għal tali klassifikazzjoni, jew huwa minnu nnifsu magna awtomatika għal ipproċessar ta' data.

Sussidjarjament, ir-rikorrenti tgħid li l-klassifikazzjoni tariffarja korretta tal-prodott b'riferenza għall-karatteristiċi oġġettivi tiegħu hija dik ta' magna għall-ipproċessar tad-data skond il-Kapitolu 8470 tal-Kodiċi Doganali Komunitarju.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tgħid li l-aġir tal-Kummissjoni fl-iproċessar ta' l-applikazzjoni tagħha għal informazzjoni tariffarja obbligatorja tal-prodott abbażi tal-karatteristiċi tal-prodott bħala unità ta' magna awtomatika għal ipproċessar ta' data jammonta għal nuqqas ta' applikazzjoni tajba tal-liġi u abbuż ta' poter.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta' Ottubru 1992, li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU 1992, L 302, p. 1)