Language of document :

Rikors ippreżentat fis-16 ta' Diċembru 2010 - Vivendi vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-567/10)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Vivendi (Pariġi, Franza) (rappreżentanti: O. Fréget, J.-Y. Ollier u M. Struys, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrent

Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali sabiex jogħġobha:

tiddikjara r-rikors preżenti bħala ammissibbli;

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta' Ottubru 2010 li permezz tagħha ċaħdet l-ilment imressaq minn Vivendi fit-2 ta' Marzu 2009 (irreġistrat bin-Numru 2009/4267) għall-ksur imwettaq mir-Repubblika Franċiża, tad-Direttiva 2002/77/KE, tas-16 ta' Diċembru 2002, dwar kompetizzjoni fis-swieq tan-networks u s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, u b'riżultat ta' dan, ksur tal-Artikolu 106(1) TFUE, bl-għoti ta' vantaġġ leġiżlattiv fil-qasam tal-iffissar tal-livell tal-abbonament telefoniku;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tar-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

1.    L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba, fejn il-Kummissjoni llimitat ruħha għal eżami sommarju tal-ilment li ġie mressaq quddiemha mir-rikorrenti.

2,    It-tieni motiv, ibbażat fuq żball ta' liġi fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kunċett ta' drittijiet speċjali u esklużivi skont id-Direttiva 2002/77/KE 1 u l-Artikolu 106(3) TFUE.

-    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma tistax ma tippenalizzax il-fatt li r-Repubblika Franċiża tat vantaġġ leġiżlattiv lill-France Télécom meta ffissat it-tariffa tal-abbonament telefoniku ta' servizz universali fuq livell li jeskludi kwalunkwe servizz li jikkompeti ma' dak ta' France Télécom, b'referenza għall-fatt li l-ebda operatur privat ma għamel talba sabiex jitneħħa l-vantaġġ leġiżlattiv.

-    Sussidjarjament, ir-rikorrenti ssostni li tali talbiet kienu ġew magħmula.

3.    It-tielet motiv, ibbażat fuq żball ta' liġi u żball manifest ta' evalwazzjoni f'dak li jirrigwarda l-firxa tal-obbligi tar-regolatur nazzjonali li jirriżultaw mid-direttivi fil-qasam tal-kommunikazzjonijiet elettroniċi, l-aġir tal-Istat Membru ma jistax jiġi skużat minħabba l-inkompletezza jew l-impreċiżjoni tal-qafas leġiżlattiv.

____________

1 - Direttiva tal-Kummissjoni 2002/77/KE, tas-16 ta' Settembru 2002, dwar kompetizzjoni fis-swieq tan-networks u s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Volum 2, p. 178).