Language of document : ECLI:EU:F:2014:245

SENTENZA TAT‑TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

13 ta’ Novembru 2014 

Kawża F‑2/12

Emil Hristov

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

u L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA)

“Servizz pubbliku — Proċedura ta’ selezzjoni u ta’ ħatra tad-direttur eżekuttiv ta’ aġenzija regolatorja — L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) — Proċedura ta’ selezzjoni f’żewġ fażijiet — Preselezzjoni fi ħdan il-Kummissjoni — Ħatra mill-Bord Amministrattiv tal-EMA — Obbligu għall-Bord Amministrattiv tal-EMA li jagħżel id-direttur eżekuttiv minn fost il-kandidati magħżula mill-Kummissjoni — Rikors għal annullament — Kompożizzjoni tal-kumitat ta’ preselezzjoni — Kumulu tal-funzjonijiet ta’ membru tal-kumitat ta’ preselezzjoni u ta’ membru tal-Bord Amministrattiv tal-EMA — Kandidati membri tal-Bord Amministrattiv tal-EMA li jinsabu fil-lista ta’ kandidati magħżula mill-Kummissjoni — Ħatra tal-kandidat membru tal-Bord Amministrattiv tal-EMA — Dmir ta’ imparzjalità — Ksur — Annullament — Rikors għad-danni — Dannu morali li jista’ jiġi sseparat mill-illegalità li fuqha jkun ibbażat l-annullament — Prova — Assenza”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu E. Hristov jitlob, minn naħa, l-annullament ta’ diversi deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni Ewropea fil-kuntest tal-proċedura ta’ selezzjoni tad-direttur eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) u tad-deċiżjoni tal-Bord Amministrattiv tal-EMA tas-6 ta’ Ottubru 2011 li taħtar dan id-direttur eżekuttiv u, min-naħa l-oħra, il-kumpens għad-dannu morali allegatament imġarrab minħabba l-adozzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet.

Deċiżjoni:      Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-20 ta’ April 2011, li permezz tagħha tipproponi lill-Bord Amministrattiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini lista ta’ erba’ kandidati rrakkomandati mill-kumitat ta’ preselezzjoni u kkonfermati mill-kumitat konsultattiv dwar il-ħatriet, hija annullata. Id-deċiżjoni tal-Bord Amministrattiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini tas-6 ta’ Ottubru 2011, li taħtar id-direttur eżekuttiv, hija annullata. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Il-Kummissjoni Ewropea u l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom u huma kkundannati jbatu, nofs kull waħda, l-ispejjeż kollha sostnuti minn E. Hristov.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Reklutaġġ — Proċedura sabiex timtela pożizzjoni ta’ direttur ta’ aġenzija tal-Unjoni — Kumitat ta’ preselezzjoni — Analoġija ta’ Bord tal-Għażla

(Linji gwida tal-Kummissjoni dwar is-selezzjoni u l-ħatra tad-diretturi tal-aġenziji regolatorji, tal-aġenziji eżekuttivi u tal-impriżi komuni, punt 7)

2.      Uffiċjali — Reklutaġġ — Proċedura sabiex timtela pożizzjoni ta’ direttur — Kumitat ta’ preselezzjoni — Prinċipju ta’ imparzjalità — Kompożizzjoni — Kumulu tal-funzjonijiet ta’ membru tal-kumitat u ta’ membru tal-entità tal-ħatra — Inammissibbiltà

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 726/2004, Artikoli 64 sa 67; Linji gwida tal-Kummissjoni dwar is-selezzjoni u l-ħatra tad-diretturi tal-aġenziji regolatorji, tal-aġenziji eżekuttivi u tal-impriżi komuni)

3.      Uffiċjali — Reklutaġġ — Proċedura sabiex timtela pożizzjoni ta’ direttur ta’ aġenzija tal-Unjoni — Kumitat ta’ preselezzjoni — Prinċipju ta’ imparzjalità — Stħarriġ ġudizzjarju

4.      Rikorsi tal-uffiċjali — Sentenza ta’ annullament — Effetti — Annullament ta’ lista ta’ preselezzjoni ta’ kandidati magħżula fil-proċedura sabiex timtela pożizzjoni ta’ direttur ta’ aġenzija tal-Unjoni — Annullament tad-deċiżjoni tal-ħatra

1.      Fil-qasam tal-kompetizzjonijiet, is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandu l-Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni fir-rigward tad-determinazzjoni tal-modalitajiet u tal-kontenut iddettaljat tal-eżamijiet orali li għalihom ikunu suġġetti l-kandidati għandha tiġi kkumpensata permezz ta’ osservanza skrupluża tar-regoli li jirregolaw l-organizzazzjoni ta’ dawn l-eżamijiet.

Barra minn hekk, Bord tal-Għażla huwa meħtieġ jiggarantixxi li l-evalwazzjonijiet tiegħu fir-rigward tal-kandidati eżaminati kollha, matul l-eżamijiet orali, isiru f’kundizzjonijiet ta’ ugwaljanza u ta’ oġġettività.

Dawn ir-regoli jistgħu jiġu applikati għal kumitat ta’ preselezzjoni, li jagħmel parti mill-proċedura sabiex timtela pożizzjoni ta’ direttur ta’ aġenzija tal-Unjoni, peress li l-imsemmi kumitat għandu l-għan, bħal fil-każ ta’ Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni, li jagħżel l-aħjar kandidati minn fost dawk li ppreżentaw il-kandidatura tagħhom u għandu marġni ta’ manuvra wiesa’ fl-organizzazzjoni tal-eżamijiet ta’ preselezzjoni.

(ara l-punti 81 sa 83)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenzi Girardot vs Il-Kummissjoni, T‑92/01, EU:T:2002:220, punt 24; Christensen vs Il-Kummissjoni, T‑336/02, EU:T:2005:115, punt 38, u Pantoulis vs Il-Kummissjoni, T‑290/03, EU:T:2005:316, punt 90

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza CG vs BEI, F‑115/11, EU:F:2014:187, punt 60

2.      Fi proċedura sabiex timtela pożizzjoni ta’ direttur ta’ aġenzija tal-Unjoni, il-Kummissjoni, bis-saħħa tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ ugwaljanza fit-trattament, għandha tiżgura l-organizzazzjoni tajba tal-ewwel stadju tal-proċedura ta’ selezzjoni li jiżvolġi quddiem il-kumitat ta’ preselezzjoni. Dan jeħtieġ li l-membri kollha tal-kumitat ta’ preselezzjoni, innominati mill-Kummissjoni, ikollhom l-indipendenza neċessarja sabiex ma jkunx jista’ jkun hemm dubju dwar l-oġġettività tagħhom.

Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk persuna, li tkun fl-istess ħin membru tal-kumitat ta’ preselezzjoni, li huwa l-entità li jagħmel il-proposta, u membru tal-Bord Amministrattiv tal-aġenzija kkonċernata, li huwa l-entità li tieħu d-deċiżjoni, tosservax id-dmir ta’ imparzjalità tagħha fid-dawl tal-kompetenzi ferm distinti tal-kumitat ta’ preselezzjoni u tal-Bord Amministrattiv, għandu jiġi nnotat li l-kumitat ta’ preselezzjoni jeżerċita influwenza determinanti fuq il-lista finali tal-kandidati proposti mill-Kummissjoni lill-Bord Amministrattiv tal-imsemmija aġenzija. Bl-istess mod, il-membru tal-kumitat ta’ preselezzjoni li jkun ukoll membru tal-Bord Amministrattiv ser ikun jista’ jivvota, matul il-laqgħa tal-Bord Amministrattiv, personalment jew permezz tas-sostitut tiegħu, favur il-ħatra ta’ wieħed mill-kandidati magħżula mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-membru tal-Bord Amministrattiv jista’ jkollu rwol partikolarment importanti matul id-deliberazzjonijiet tal-Bord Amministrattiv, irrispettivament minn jekk jeżerċitax jew le id-dritt ta’ vot tiegħu, u fi kwalunkwe każ dan jinsab f’kuntatt dirett mal-membri l-oħra tal-Bord Amministrattiv.

B’hekk, il-kumulu tal-funzjonijiet ta’ membru tal-kumitat ta’ preselezzjoni flimkien mal-funzjonijiet ta’ membru tal-Bord Amministrattiv huwa ta’ natura li jikkomprometti l-indipendenza u l-oġġettività tal-persuna kkonċernata minn dan il-kumulu ta’ funzjonijiet, u, għaldaqstant, sa fejn kull wieħed mill-membri tal-kumitat ta’ preselezzjoni għandu jkollu l-indipendenza neċessarja sabiex ma tkunx tista’ tiġi kompromessa l-oġġettività tal-kumitat ta’ preselezzjoni fl-intier tiegħu, jinkiser id-dmir ta’ imparzjalità tal-kumitat ta’ preselezzjoni fl-intier tiegħu.

(ara l-punti 84 u 88 sa 92)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza CG vs BEI, EUF:2014:187, punt 61

3.      It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jivverifika jekk il-kumitat ta’ preselezzjoni huwiex ikkostitwit u jiffunzjonax b’mod regolari, b’osservanza b’mod partikolari tad-dmir ta’ imparzjalità tiegħu, liema dmir ta’ imparzjalità jikkostitwixxi waħda mir-regoli li għalihom hija suġġetta l-ħidma tal-Bordijiet tal-Għażla ta’ kompetizzjoni, u, b’analoġija, il-ħidma tal-kumitati ta’ preselezzjoni, u li huma suġġetti għall-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni.

(ara l-punt 86)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: digriet Meierhofer vs Il‑Kummissjoni, F‑74/07 RENV, EU:F:2011:63, punt 62

4.      Fi proċedura sabiex timtela pożizzjoni ta’ direttur ta’ aġenzija tal-Unjoni li tiżvolġi fuq żewġ stadji, fejn l-entità tal-ħatra tista’ taħtar biss bħala direttur wieħed mill-kandidati preselezzjonati u inklużi fil-lista adottata permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni, wara l-annullament tal-imsemmija deċiżjoni tal-Kummissjoni, għandha tiġi annullata d-deċiżjoni tal-ħatra ta’ wieħed mill-kandidati inklużi fil-lista.

(ara l-punt 101)